Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1701

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa” COM(2012) 529 final

    ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 76/59


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa”

    COM(2012) 529 final

    2013/C 76/11

    Relatur: is-Sur PIGAL

    Nhar l-14 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa

    COM(2012) 529 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Diċembru 2012.

    Matul il-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 158 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat jara opportunità ta’ tkabbir u ta’ kompetittività għall-Ewropa fil-Cloud Computing (CC) u permezz ta’ din l-Opinjoni jixtieq jipproponi viżjoni differenti u komplementari għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra sew din il-proposta u tirranġa l-istrateġija tagħha tal-CC b’mod adatt.

    1.2

    Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat l-użu tas-CC fl-Ewropa sabiex l-ekonomija tagħha ssir aktar dinamika, bi prestazzjoni aħjar u innovattiva. Għalhekk huwa jappoġġja t-tliet miżuri proposti mill-Kummissjoni:

    jinġieb ordni fil-konfużjoni tal-istandards tekniċi u jiġu appoġġjati s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni;

    jitfasslu kundizzjonijiet kuntrattwali “siguri u ġusti” għall-kuntratti tal-CC;

    tinħoloq sħubija Ewropea li tgħaqqad lill-Istati Membri u lill-intrapriżi biex jiżviluppaw setturi pubbliċi li jużaw il-CC.

    1.3

    L-użu tal-Cloud Computing isaħħaħ l-ħtieġa li ċ-ċittadini, l-informazzjoni dwarhom u l-privatezza tagħhom jiġu mħarsa. Għaldaqstant il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli f’din it-triq speċjalment permezz tal-kooperazzoni internazzjonali u bit-tisħiħ ta’ qafas regolatorju għal:

    ħarsien tal-informazzjoni u l-privatezza;

    l-aċċess għall-informazzjoni mill-gvernijiet;

    il-kontroll tal-informazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti bejn l-utenti u l-provvedituri;

    il-possibbiltà ta’ ġarr u ta’ interoperabbiltà.

    Il-Kumitat ifakkar ukoll li dawn l-isforzi ta’ ħarsien ikunu l-aktar effikaċi fil-każ ta’ informazzjoni maħżuna minn provvedituri tal-CC fit-territorju Ewropew.

    1.4

    B’mod parallel u komplementari għall-użu faċilitat tal-CC, u abbażi tas-suċċess li kellhom l-Istati Uniti fir-rigward tal-CC, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfittex li tippromovi l-ħolqien ta’ produzzjoni Ewropea tal-enerġija diġitali, fi kliem ieħor l-iżvilupp u r-rinfurzar tal-fornituri Ewropej tal-infrastruttura tal-CC (IaaS: Infrastructure as a Service).

    Għal dan jistgħu jiġu previsti diversi modi:

    l-atturi Ewropej jiġu mħeġġa jieħdu inizjattiva u jinvestu f’dawn il-proġetti ta’ produzzjoni ta’ enerġija diġitali. L-intrapriżi mmirati jistgħu jkunu b’mod partikolari l-operaturi tat-telekomunikazzjoni, l-edituri tal-programmi, eċċ;

    it-tisħiħ tal-allokazzjonijiet tal-fondi strutturali jew il-promozzjoni tal-użu tas-sussidji bil-għan li jissaħħa il-ħolqien ta’ ċentri tad-data tal-CC ġestiti u operati minn atturi Ewropej; il-finanzjament Ewropew tal-broadband jista’ jservi ta’ mudell għall-finanzjament tal-CC;

    it-tnedija ta’ proġetti Ewropej li abbażi tagħhom il-konsorzji Ewropej jistgħu jipproponu offerti kompetittivi u b’hekk isaħħu l-attivitajiet, is-servizzi u l-prodotti tagħhom.

    L-għan hu li naprofittaw mill-kundizzjonijiet favorevoli (il-ħarsien b’saħħtu tad-data fl-Ewropa, il-biżgħat tal-utenti fir-rigward ta’ fornituri ’l bogħod wisq, il-bżonn ta’ garanziji sodi ta’ sigurtà, eċċ.) sabiex jiġu stabbiliti fornituri tal-CC Ewropej, kemm lokali, nazzjonali (Sovereign Cloud), kif ukoll transkonfinali (konsorzji f’diversi Stati Membri).

    1.5

    Ir-ristrutturar marbut mal-“cloudification” tas-servizzi tal-informatika, it-telf tal-impjiegi, id-delokalizzazzjonijiet, il-virtwalizzazzjoni u d-distanza bejn l-utenti u dawk fil-qasam tal-informatika huma wkoll aspetti negattivi li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati. Madankollu, mhemmx referenza għal dan l-impatt soċjali fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qed tibbaża fuq il-perspettivi ta’ ċentru ta’ analiżi biex tħabbar li l-CC jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ 2,5 miljun impjieg. Il-Kumitat jistaqsi jekk dawn iċ-ċifri jistgħux jinkisbu u jekk humiex maqtugħin mir-realtà tal-qasam tal-informazzjoni.

    1.6

    Minbarra s-Sħubija Ewropea tal-CC, il-Kummissjoni għandha tibda tiżviluppa mill-aktar fis “ test tat-tip ta’ Politika Cloud First ” (ispirat minn dawk tal-Istati Uniti jew tan-New Zealand) sabiex tippromovi l-użu tal-CC fost l-amministrazzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri. L-għan hu li jitneħħew l-ostakli kulturali jew il-biżgħat individwali, u naturalment jittieħdu l-benefiċċji mill-flessibbiltà akbar tas-servizzi, iżda wkoll mit-tnaqqis konsiderevoli tal-ispejjeż marbutin mal-CC.

    Naturalment, il-Kumitat jinsisti li f’din il-“Politika Cloud First” il-Kummissjoni tinkludi salvagwardji għall-użu tal-CC fis-servizzi pubbliċi u ċerti setturi privati sensittivi sabiex tikkontrolla, u saħansitra timpedixxi, il-hosting tiegħu minn fornituri soġġetti għal regoli nazzjonali riskjużi; pereżempju il-“ Patriot Act ” għall-fornituri tal-Amerika ta’ Fuq, anke meta jkunu stabbiliti fl-Ewropa.

    1.7

    Waħda mid-diffikultajiet u biżgħat ewlenin tal-utenti (individwali jew intrapriżi) rigward il-CC hija l-ġestjoni tal-kunflitti ma’ fornituri lil hinn mill-fruntieri tagħhom.

    Ispirat mill-kummerċ elettroniku, globalizzat u internazzjonali bħall-CC, il-Kumitat, li ħareġ opinjoni dwar is-suġġett, (1) jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-ODR(Online Dispute Resolution) bħala soluzzjoni possibbli biex, permezz tal-medjazzjoni, issolvi l-parti l-kbira tal-kunflitti, b’mod partikolari dawk li jinvolvu diversi ġurisdizzjonijiet. Din il-medjazzjoni, li trid tkun indipendenti u imparzjali, tista’ titħalla f’idejn aġenzija Ewropea eżistenti jew ġdida. L-aġenzija tista’ tkun inkarigata mill-moderazzjoni u n-negozjati bejn il-fornituri u l-utenti tal-CC. Barra minn hekk, din l-attività ta’ medjazzjoni tista’ tippermetti li jiġu identifikati l-kawżi prinċipali tal-kunflitti, in-nuqqasijiet rikorrenti u l-ħtiġijiet ta’ aġġustament tal-prattiki jew ir-regolamenti.

    1.8

    Għalkemm id-diversi interventi (il-konferenzi, l-istampa, eċċ.) tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni kkonfermaw ir-rieda tagħhom li jappoġġjaw il-Komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-utenti potenzjali tal-CC, il-Komunikazzjoni ma tipproponix miżuri konkreti u kkwantifikati.

    Il-Kumitat għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tikkompleta l-Komunikazzjoni tagħha b’mod partikolari b’inizjattivi li bħala prijorità jimmiraw lejn l-utenti l-anqas sensibilizzati fir-rigward tal-CC; jiġifieri:

    l-edukazzjoni tal-utenti individwali fir-rigward tal-protezzjoni u l-prekawzjonijiet fl-użu tal-CC; kundizzjonijiet ġenerali jew kuntratti, il-protezzjoni tal-ħajja privata, eċċ.;

    is-sensibilizzazzjoni tal-SMEs dwar il-benefiċċji li dawn jistgħu jistennew mill-CC; it-tnaqqis tal-ispejjeż, il-flessibbiltà u d-dinamiżmu fl-iżvilupp informatiku, eċċ.

    1.9

    Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni żżid mal-Komunikazzjoni t-tfassil ta’ standards dwar il-konsum tal-enerġija taċ-ċentri ta’ servers speċjalizzati fil-CC.

    1.10

    Fir-rigward tal-azzjonijiet li l-Kummissjoni tipproponi li twettaq, il-Kumitat jissuġġerixxi li tiġi stabbilita aġenda preċiża u li jiġu ppjanati b’mod preċiż u espliċitu d-dati u r-rapporti tal-progress għal kull qasam previst.

    2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

    2.1

    Mill-ġdid, il-CC jista’ jiġi spjegat bil-frażi introduttorja tal-Komunikazzjoni:

    “Fi kliem sempliċi l-‘cloud computing’ huwa l-ħżin, l-ipproċessar u l-użu ta’ dejta fuq kompjuters remoti [mingħajr ma wieħed ikun jaf preċiżament fejn jinsabu] u li wieħed jista’ jaċċessahom permezz tal-internet”.

    Barra minn hekk, fl-2012 il-Kumitat fassal Opinjoni li tikkonċerna esklużivament il-CC (2). Il-ħidmiet tan-National Institute of Standards and Technology (NIST), il-Parlament Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma wkoll interessanti.

    Il-Kummissjoni ppubblikat żewġ doklumenti (il-konsultazzjoni tal-Kumitat mill-Kummissjoni tikkonċerna esklużivament l-ewwel dokument):

    Komunikazzjoni (“il-Komunikazzjoni”) li tippreżenta l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fil-qasam tal-CC;

    dokument ta’ valutazzjoni tal-impatt.

    2.2

    Il-Kummissjoni tipproponi tliet “azzjonijiet ewlenin” biex jitħeġġeġ l-użu tal-CC fl-Ewropa:

    jinġieb ordni fil-konfużjoni tal-istandards tekniċi u jiġu appoġġjati s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE għal dawk li jipprovdu servizzi affidabbli tal-CC;

    jitħejjew il-kundizzjonijiet kuntrattwali “siguri u ġusti” għall-kuntratti tal-CC, b’mod partikolari għall-ftehimiet dwar il-livelli tas-servizz;

    tinħoloq sħubija Ewropea favur il-qasam tal-informatika fil-CC li tinvolvi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw, flimkien, setturi pubbliċi bbażati fuq il-CC.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-Kumitat jipproponi viżjoni ġdida tal-CC, murija permezz tal-kunċett ta’ “enerġija diġitali” li għandu t-tendenza li jkun ġeneralizzat biex tiġi evokata l-kapaċità informatika (il-ħżin, it-trattament, it-trasferiment tal-informazzjoni) ipprovduta mill-CC.

    L-enerġija diġitali hija disponibbli mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li (għall-konsumaturi) jkun magħruf il-mod ta’ produzzjoni, jiġifieri ċ-ċentru tad-data, fejn jinsab, it-teknoloġiji użati, eċċ. Ħarġet fid-dieher ukoll frammentazzjoni ġdida tas-suq: flimkien mal-utenti u l-fornituri tas-servizzi issa żdiedu l-produtturi tal-enerġija diġitali, li jistgħu jwettqu investiment kbar (f’biljuni ta’ dollari) biex jiġu implimentati ċentri tal-CC.

    3.2

    L-enerġija diġitali qed issir sfida ekonomika u strateġika bħall-forom l-oħra tal-enerġija (fossili, elettriċi, eċċ.).

    L-ewwel nett, il-kontroll ta’ din l-enerġija (kemm għall-produzzjoni kif ukoll għad-distribuzzjoni) huwa l-bażi tal-potenzjal tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi kif previst fl-Aġenda Diġitali. Barra minn hekk, ir-rwol attiv fil-produzzjoni tal-enerġija diġitali huwa meħtieġ biex l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jkunu żgurati indipendenza u awtosuffiċjenza strateġiċi (tal-anqas parzjali).

    3.3

    L-iżvilupp tal-CC fl-Ewropa għalhekk isir permezz tal-kontroll tal-katina tal-valur kollha tal-enerġija diġitali (użu, servizzi u produzzjoni) kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt;

    Livell ta’ żvilupp

    Deskrizzjoni

    Għanijiet politiċi

    Deskrizzjoni

    Użu

    L-individwi, l-intrapriżi u s-servizzi pubbliċi qed jużaw dejjem aktar is-soluzzjonijiet tal-CC.

    Cloud Friendly

    L-Ewropa sempliċement tuża l-enerġija diġitali prodotta/żviluppata lil hinn mill-fruntieri Ewropej.

    Servizzi

    L-iżvilupp ta’ ekosistema ġdida tal-CC speċjalizzata fl-iżvilupp tas-softwer ibbażat fuq l-infrastruttura tal-CC.

    Cloud Active (3)

    L-Ewropa mhijiex biss utent tal-enerġija diġitali iżda wkoll attiva fiha, permezz tal-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda.

    Produzzjoni

    Il-kapaċità tal-computing hija disponibbli għall-fornituri tas-servizz u l-utenti (jiġifieri “server farms” enormi għall-infrastruttura tal-CC).

    Cloud Productive (4)

    L-Ewropa mhijiex attiva biss fis-servizzi iżda wkoll fl-industrija diġitali, tipproduċi enerġija diġitali biex tkun indipendenti u awtosuffiċjenti.

    L-aħħar għexieren ta’ snin jippermettu li tiġi kkalkolata l-importanza tad-dipendenza tal-Istati Membri jew saħansitra taż-żona tal-Ewropa fir-rigward tas-sorsi differenti tal-enerġija: iż-żejt, il-gass, l-elettriku, eċċ. Jekk fil-futur l-informazzjoni taċ-ċittadini, tal-intrapriżi u tas-servizzi pubbliċi Ewropej ikollha tinħażen, tiġi ġestita u kkontrollata minn atturi mhux Ewropej fil-qasam tal-CC, inkunu nistgħu nistaqsu b’mod leġittimu dwar l-effetti ta’ tali dipendenza:

    il-protezzjoni tal-aktar informazzjoni sensittiva jekk din tkun fil-qalba ta’ kompetizzjoni strateġika bejn pajjiżi mhux Ewropej u Ewropej; pereżempju fil-qasam tal-ajrunawtika, il-karozzi, il-farmaċija, ir-riċerka, eċċ.;

    id-disponibbiltà tal-informazzjoni f’każ ta’ tensjonijiet internazzjonali bejn pajjiżi “ospitanti” u Stati Membri;

    l-ugwaljanza fit-trattament tal-konsumaturi tal-enerġija diġitali skont humiex ċittadini jew organizzazzjonijiet ta’ pajjiż “ħabib” jew le;

    il-ħolqien ta’ impjiegi u ta’ rikkezzi permezz tal-produzzjoni tal-enerġija diġitali, iżda wkoll permezz tal-ekosistema kollha tal-iżvilupp tas-servizzi, fil-pajjiżi ospitanti; u dan għad-detriment tal-pajjiżi li huma biss utenti u “cloud friendly”.

    3.4

    Madankollu, l-Ewropa diġà hija dipendenti ħafna mill-fornituri mhux Ewropej għall-provvista ta’ ħardwer, ta’ softwer u ta’ netwerks informatiċi. L-istilel tan-netwerks soċjali ġejjin mill-Istati Uniti. Il-magni tat-tiftix l-aktar popolari huma kkontrollati minn kumpaniji bbażati kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fiċ-Ċina. L-iżviluppi tal-IT qed isiru aktar u aktar esternalizzati fl-Indja jew pajjiżi oħrajn bi spejjeż baxxi.

    Attwalment, il-produzzjoni tal-enerġija diġitali hija kważi kompletament ikkontrollata fil-livell dinji minn oligopolija ta’ produtturi. L-attur primarju Ewropew huwa, skont ċerti studji, OVH (akronimu għal “On Vous Héberge" - www.ovh.com), mingħajr madankollu ma jibbenefika mill-istess viżibbiltà u setgħa dinjija. Tnedew xi inizjattivi minn opertauri fil-qasam tat-telekomunikazzjoni bħal: T-Systems, Telefonica Digital, Cloud Sigma, Numergy/SFR u Cloudwatt/Orange; madankollu, dawn ma kinux f’pożizzjoni li jikkompetu mal-mexxejja tas-suq: Amazon, Microsoft u Google.

    3.5

    Bħalissa, avolja jeżistu ċerti differenzi bejn ir-regolamenti tal-Istati Membri, dawn għadhom viċin it-testi, l-istandards u d-direttivi Ewropej, u minn hemm tinbet il-biża’, xi kultant leġittima, tal-utenti li l-informazzjoni tagħhom tiġi delokalizzata barra miż-żona tal-Ewropa b’diffikultajiet u ostakli legali f’każ ta’ tilwim.

    Barra minn hekk, l-aspett li jikkatalizza l-aktar il-biżgħat tal-utenti huwa l-“Patriot Act”. Stabbilit b’riżultat tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (wara l-attentati fuq it-Twin Towers) dan l-Att jippermetti lill-gvern tal-Istati Uniti jew lil imħallef federali jaċċessa kwalunkwe informazzjoni; is-sid ta’ din l-informazzjoni jista’ jkun Amerikan jew le, l-unika kundizzjoni hi li l-informazzjoni tkun ospitata u kkontrollata minn kumpanija Amerikana; anke jekk id-data tkun ospitata f’ċentru fit-territorju tal-Ewropa. Barra minn hekk, is-sid ta’ din l-informazzjoni ma jistax jiġi infurmat jekk min qed jospita l-informazzjoni tiegħu żvelax id-data ospitata.

    3.6

    Ekonomikament, skont il-Kummissjoni, is-settur għandu, jippermetti li jinħolqu 2,5 miljun impjieg ġdid għat-tmien snin li ġejjin fl-Ewropa u jikkontribwixxi sa EUR 160 biljun fis-sena għall-PDG tal-Unjoni Ewropea (madwar 1 %).

    Il-Kumitat għandu jistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-objettivi kwantifikati. Fil-fatt, analiżi ddettaljata tal-impatt tal-CC fuq il-qasam juri li:

    is-servizzi operattivi ser ikunu “mutwalizzati” bejn il-klijenti tal-CC, billi jkunu akkumpanjati naturalment minn tnaqqis fl-impjegati, kif ukoll minn delokalizzazzjoni;

    il-CC jippromovi l-użu ta’ softwer standard (SaaS) għad-detriment ta’ żviluppi aktar speċifiċi li jirrikjedu wkoll aktar żviluppaturi. Għalhekk, hawnhekk ukoll, huwa previst telf ta’ impjiegi.

    Madankollu, fil-Komunikazzjoni, l-impatt soċjali deskritt hawn fuq mhuwiex imsemmi u lanqas ikkunsidrat; daqs kemm mhumiex ikkunsidrati r-ristrutturazzjonijiet marbutin mal-“cloudification” tas-servizzi tal-informatika, it-telf tal-impjiegi, id-delokalizzazzjonijiet, il-virtwalizzazzjoni u d-distanza tal-utenti u tal-ispeċjalisti tal-IT.

    3.7

    L-użu tal-CC waħdu diġà jippermetti frankar ta’ enerġija għall-apparat informatiku. B’mod parallel, il-fornituri l-kbar tal-CC (spazju tal-ħżin u servizzi assoċjati) għandhom server farms li l-maġġoranza tagħhom jużaw proċessuri li għandhom konsum ta’ 100 W/h għal kull unità, u li jistgħu jinqasmu f’10 fuq perjodu qasir jew medju. Ċerti manifatturi ta’ mikroproċessuri joffru proċessuri rħas, li jarmu inqas sħana (problema kbira għall-klimatizzazzjoni tal-kmamar tas-servers) u li jikkunsmaw anqas enerġija.

    4.   Kummenti partikolari

    4.1

    Il-Kummissjoni tinteressa ruħa b’mod prinċipali fil-Cloud pubbliku mingħajr ma tikkunsidra s-suq tal-Cloud privat. Madankollu, dan huwa approċċ li huwa kkunsidrat affidabbli u xi kultant meħtieġ għall-informazzjoni kritika qabel ma ssir tranżizzjoni lejn il-Cloud pubbliku.

    Ta’ min jinnota li bil-Cloud pubbliku wieħed għandu jifhem “Cloud disponibbli pubblikament” u mhux “Cloud għas-servizzi pubbliċi”.

    4.2

    Fil-paragrafu introduttorju, jissemma li t-teknoloġija Cloud tista’ ġġib magħha riskji supplementari, ħaġa li ma tirriflettix neċessarjament ir-realtà; fil-fatt, il-Cloud iġib miegħu ċertament riskji ġodda, iżda jelimina wkoll uħud oħra.

    4.3

    Ċerti termini anglofoniċi bħal “cloud-friendly” jew “cloud-active” ma jiġux tradotti faċilment f’lingwi oħra; f’ċerti każi, it-traduzzjoni tal-Komunikazzjoni għawġet għalkollox il-kliem tal-verżjoni oriġinali.

    Pereżempju f’punti 3.1 u 3.2 “cloud-friendly” u “cloud-active” ġew tradotti (f’ċerti lingwi) b’mod identiku filwaqt li jirriflettu objettivi differenti.

    5.   L-analiżi tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    5.1

    Il-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat l-użu tal-Cloud għandhom bħala għanijiet:

    it-titjib tal-kuntratti li jorbtu lill-konsumaturi u l-fornituri tal-enerġija diġitali; għandhom jiġu imposti (jew impediti) ċerti klawżoli sabiex jitħarsu aħjar l-utenti individwali jew l-intrapriżi ż-għar meta jiġu kkonfrontati bil-poter ta’ wħud mill-produtturi;

    l-iżvilupp ta’ standards koerenti u rikonoxxuti minn kulħadd, li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, kif ukoll il-portabbiltà, bejn żewġ pjattaformi tal-Cloud;

    id-definizzjoni ta’ Suq Uniku Ewropew tal-CC li jiddependi minn qafas legali koerenti, jekk jista’ jkun uniku bejn l-Istati Membri.

    Dawn il-proposti kollha huma konkreti, realistiċi u meħtieġa; b’hekk huma appoġġjati bis-sħiħ mill-Kumitat. Madankollu, jinnota li l-ewwel żewġ proposti ma jikkonċernawx id-diffikultajiet proprji tal-Ewropa. Għalhekk għandu jkun mistenni li l-Kummissjoni, permezz tal-Komunikazzjoni tagħha, tittratta bi prijorità d-diffikultajiet speċifikament Ewropej.

    5.2

    Il-Kumitat jibqa’ wkoll marbut mal-objettivi fundamentali tal-Aġenda Diġitali, b’mod partikolari:

    li l-Ewropa, l-Istati Membri tagħha u l-atturi ekonomiċi tagħha jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ mexxejja tas-setturi tal-IT u tat-telekomunikazzjoni;

    li tinkiseb ċerta indipendenza meta mqabbla ma’ żoni ekonomiċi oħra li huma attwalment mexxejja jew li qed jiżviluppaw;

    u l-aktar, il-ħolqien ta’ impjiegi u ta’ rikkezzi fi ħdan l-Ewropa.

    5.3

    Fir-rigward tal-iżvilupp tal-“użu” tal-CC, it-taqsima 3.1 issemmi darbtejn it-terminu bl-Ingliż “cloud-friendly” bħala objettiv li jrid jintlaħaq. Madankollu, il-Kummissarju responsabbli għall-Aġenda Diġitali fid-diversi interventi tagħha biex tappoġġja l-CC tiddefendi l-objettiv li l-Ewropa ssir “cloud-active”.

    Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, stqarret dan li ġej f’Davos (27/1/2011), “Irrid nagħmel l-Ewropa mhux biss “cloud friendly” iżda wkoll “cloud active”” u ħabbret uffiċjalment il-Komunikazzjoni permezz ta’ artikolu fuq il-blogg tagħha “Nagħmlu l-Ewropa cloud active” (27/9/2012). Il-livell ta’ żvilupp difiż minn dawn l-interventi għalhekk huwa aktar ambizzjuż milli l-“cloud friendly” waħdu.

    Il-Kumitat huwa sorpriż bid-differenza bejn l-objettivi leġittimament difiżi mill-Viċi President tal-Kummissjoni u r-realtà tal-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni. Barra minn hekk, ifakkar li f’Opinjoni preċedenti (5), huwa kien ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmira lejn livell aktar ambizzjuż minn “cloud active” għall-Ewropa, billi ppropona li tkun “cloud productive”.

    5.4

    Il-Komunikazzjoni ma tipproponix il-ħolqien ta’ attur Ewropew, “Super-Cloud Ewropea” għall-produzzjoni ta’ enerġija diġitali. Meta titqies il-missjoni tad-DĠ Connect, id-diffikultà tal-ħolqien ta’ tali “ġgant”, nistgħu nifhmu u anke nappoġġjaw din il-pożizzjoni. Barra minn hekk, l-atturi differenti miġbura fis-settur (operaturi tat-telekomunikazzjoni, edituri tal-programmi, integraturi tas-sistemi, eċċ.) ilkoll jaqblu dwar it-tisħiħ ta’ din il-pożizzjoni.

    Bejn “ġgant” irreali Ewropew u “mikro Clouds” Ewropej limitati għas-swieq speċjalizzati minħabba s-setgħa tal-marketing, kummerċjali u finanzjarja tal-atturi globali u mhux Ewropej, teżisti triq Ewropea ġusta!

    L-għan tal-proposta tal-Kumitat huwa l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ atturi Ewropej ewlenin responsabbli miċ-ċentri l-kbar tal-CC, l-industrija diġitali futura Ewropea! Dawn l-atturi jistgħu jkunu lokali, nazzjonali (Sovereign Cloud) jew transkonfinali (konsorzji f’diversi Stati Membri).

    5.5

    Il-Kumitat jinnota wkoll li, mingħajr mhuma tal-istess daqs tal-mexxejja tas-suq, l-atturi tal-CC Ewropej jibbenefikaw minn bosta vantaġġi kompetittivi:

    il-klijenti tal-CC għadhom estremament prudenti u jippreferu fornitur tal-CC fil-viċin, jekk jista’ jkun nazzjonali jew saħansitra reġjonali, anke jekk din il-prudenza ma tippermettix li t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-CC jiġi ottimizzat;

    ir-regolamenti dwar il-ħarsien tad-data fl-Ewropa u fl-Istati Membri tibqa’ kumplessa għall-utenti u tiffavorixxi l-għażla ta’ fornitur tal-CC nazzjonali;

    ir-regolamenti internazzjonali, li taħthom jaqgħu l-fornituri ta’ pajjiżi oħrajn mhux Ewropej, bħalissa mhumiex adegwati għall-CC, l-eżempju l-aktar magħruf huwa l-Patriot Act fl-Istati Uniti.

    Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ atturi Ewropej mhux ser idumu ħafna. Għalhekk huwa importanti u urġenti li l-Kummissjoni taġixxi għall-iżvilupp ta’ atturi Ewropej f’dan il-perjodu li għadu favorevoli.

    5.6

    Fit-tieni taqsima tal-Komunikazzjoni jintqal li “dan ifisser li x’aktarx sforzi magħmula fuq bażi individwali f’livell nazzjonali ma rnexxilhomx ikunu tant kosteffiċjenti”. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa’ teżamina l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tas-Sovereign Cloud.

    Minn naħa, din id-dikjarazzjoni mhija appoġġjata mill-ebda fatt fl-ebda parti tal-Komunikazzjoni jew l-analiżi tal-impatt. Dan huwa pjuttost sorprendenti fid-dawl tal-gravità tad-dikjarazzjoni.

    Min-naħa l-oħra, minbarra l-proposta ta’ soluzzjoni alternattiva, li l-anqas mhi fil-Komunikazzjoni, il-punti takritika fir-rigward tas-sovereign clouds jew clouds lokali huma severi u jistgħu jikkompromettu kull soluzzjoni kredibbli għall-ħolqien ta’ offerta tal-CC b’saħħitha, sostenibbli u kompetittiva, fil-konfront ta’ ġganti f’żoni ġeografiċi oħrajn (l-Indja, iċ-Ċina jew l-Istati Uniti).

    5.7

    L-approċċ propost, permezz tas-Sħubija tal-Cloud Ewropea, huwa wisq iffukat fuq is-settur tas-servizzi pubbliċi li jixtiequ (ara taqsima 3.5) “ il-promozzjoni tar-rwol ewlieni komuni tas-settur pubbliku ”.

    Il-Kumitat jagħraf u jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-importanza tas-servizzi pubbliċi fil-mudelli soċjoekonomiċi fl-Ewropa. Għalhekk dawn għandhom rwol x’jaqdu fl-iżvilupp tal-CC.

    Madankollu, il-Kumitat jsibha diffiċli jipprevedi li, f’kuntest ġeneralizzat ta’ restrizzjonijiet baġitarji, is-servizzi pubbliċi Ewropej jistgħu jkunu l-muturi tal-innovazzjoni tal-CC. Barra minn hekk, ifakkar li l-aktar suċċessi notevoli Ewropej twettqu mis-settur privat (pereżempju: it-telefonija ċellulari, l-ismart cards) jew minn settur privat li jibbenefika minn appoġġ pubbliku (pereżempju: Airbus, Ariane Espace, eċċ.).

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkun aktar espliċita dwar ir-“rwol ewlieni” previst minn din is-Sħubija.

    5.8

    L-approċċ propost mill-Kummissjoni huwa inkluż f’mudell bapproċċ minn fuq għal isfel, fi kliem ieħor, li jiffaċilita l-użu, sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-servizzi u jekk jista’ jkun tal-produzzjoni tal-enerġija diġitali.

    Il-Kumitat ser jappoġġja bis-sħiħ din iż-żieda progressiva li rriżultat mid-domanda; f’ambjent ġdid għal kull attur dominanti, jew b’bilanċ bejn l-atturi Ewropej u dawk mhux Ewropej. Sfortunatament dan l-ambjent m’għadux jeżisti, u l-atturi prinċipali tal-Cloud mhumiex Ewropej u f’pożizzjoni oligopolistika. L-iżvilupp tal-użu tal-Cloud għalhekk jista’ jkollu effetti kontroproduttivi li jsaħħu aktar il-pożizzjoni ta’ dawn il-mexxejja.

    Mingħajr ma jirrifjuta dan l-iżvilupp, il-Kumitat jinsisti li l-Kummissjoni tistabbilixxi “salvagwardji” biex l-azzjonijiet tagħha jkunu ta’ benefiċċju għall-atturi Ewropej u tippermettihom jiżviluppaw fil-konfront tal-pożizzjoni dominanti ta’ atturi mhux Ewropej.

    5.9

    B’mod parallel u komplementari għall-approċċ minn fuq għal isfel deskritt hawn fuq, il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi azzjonijiet konkreti li jidħlu espliċitament f’approċċ minn isfel għal fuq, jiġifieri, l-inkoraġġiment tal-ħolqien ta’ produtturi tal-CC fil-livell reġjonali, nazzjonali jew transkonfinali sabiex imbagħad jiġi promoss l-iżvilupp tas-servizzi u l-użu tal-CC.

    Setturi oħrajn, bħall-karozzi jew it-telefonija ċellulari wrew kemm produzzjoni industrijali b’saħħitha u qawwija fl-Ewropa jista’ jkollha effett ta’ avvanz fl-ogħla livelli (servizzi u użu). Il-miżuri ta’ inkoraġġiment għal dawn is-setturi jistgħu jerġgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-enerġija diġitali.

    Eżempju ieħor li jista’ jiġi kkunsidrat huwa dak tal-Istati Uniti. L-iżvilupp tal-CC f’dan il-pajjiż adotta immedjatament approċċ minn isfel għal fuq, bis-suċċess li kulħadd jaf bih!

    Għalhekk il-Kumitat għandu juża dan l-eżempju ta’ suċċess ta’ żvilupp tal-Cloud, fuq skala kbira, biex jipproponi lill-Kummissjoni biex tispira ruħha minnu u tipparteċipa biex jinkiseb suċċess simili fl-Ewropa.

    5.10

    Il-Kummissjoni, bħall-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, tagħmel użu kbir minn riżorsi tal-IT. Madankollu sal-lum, is-soluzzjonijiet żviluppati rari jkunu bbażati fuq il-CC. B’mod parallel, fl-Istati Uniti ġie stabbilit il-“Cloud First Act” li jimponi lill-amministrazzjonijiet ikkonċernati biex jagħżlu bi prijorità approċċ Cloud.

    Abbażi ta’ dan is-suċċess, il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni timponi fuqha nnifisha, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra “ Politika Cloud First ”, li b’hekk tippermetti l-iżvilupp ta’ ekosistemà tal-CC Ewropea u tnaqqis sinifikanti fil-baġits operattivi.

    5.11

    Fil-passat, il-Kummissjoni kienet żviluppat u stabbilixxiet azzjonijiet fil-qasam; b’mod partikolari dan kien il-każ tal-“broadband” u tal-“modernizzazzjoni informatika”. B’mod partikolari dawn kienu jinkludu:

    programmi tainformazzjoni u takomunikazzjoni li jimmiraw lejn is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-atturi kkonċernati lokalment;

    programmi tażvilupp taproġetti innovattivi li għandhom l-għan li jiżviluppaw ekosistemi lokali, inkluż fir-reġjuni kkunsidrati bħala esklużi mill-innovazzjoni.

    sussidji intiżi għall-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, bħall-gvern elettroniku.

    Meta jitqies is-suċċess ta’ dawn il-programmi preċedenti, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippjana u tagħmel baġit għal programm simili speċifikament għall-CC.

    Il-KESE jitlob li r-reġistri istituzzjonali u sekurizzati jiġu integrati b’mod regolat u gradwali, imma mill-iktar fis possibbli, fl-ambjent tal-cloud computing (CC). B’hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġġestixxu informazzjoni personali tagħhom iktar faċilment (b’konformità mal-liġi Ewropea u dik nazzjonali) u, fl-istess ħin, jidraw jafdaw il-CC.

    5.12

    Il-Kummissjoni tipproponi sensiela ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tal-CC. Għal dawn l-azzjonijiet, il-Komunikazzjoni ma tippreżentax skeda preċiża u soda.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika tali skeda mill-aktar fis. Fil-fatt, l-evoluzzjoni b’rabta mat-teknoloġija tal-CC hija rapida; għalhekk huwa urġenti u importanti li l-atturi kollha jaqblu u jallinjaw l-istrateġija proprja tagħhom mal-azzjonijiet tal-Kummissjoni.

    Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 93, u Is-soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 99.

    (2)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-cloud computing fl-Ewropa”, (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40.

    (3)  Il-Viċi President tal-KE inkarigata mill-Aġenda Diġitali, N. Kroes, irrakkomandat dan il-livell ta’ żvilupp f’bosta diskorsi.

    (4)  Il-KESE ppropona dan il-għan politiku aktar ambizzjuż fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-CC (TEN/452).

    (5)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-cloud computing fl-Ewropa”, (opinjoni fuq inizjattiva proprja), ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40.


    Top