Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1305

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015” COM(2012) 6 final

    ĠU C 229, 31.7.2012, p. 108–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 229/108


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015”

    COM(2012) 6 final

    2012/C 229/20

    Relatur: is-Sur ESPUNY MOYANO

    Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015

    COM(2012) 6 final

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2012.

    Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’146 vot favur, 3 voti kontra u 9 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1   Il-KESE jaqbel b’mod ġenerali mal-istrateġija dwar il-benessri tal-annimali ppreżentata mill-Kummissjoni billi jappoġġja l-aspirazzjoni leġittima tal-konsumaturi għas-sigurtà tal-ikel, kif jappoġġja wkoll strateġija Ewropea ta’ produzzjoni orjentata lejn il-kwalità.

    1.2   Il-KESE jinnota li hemm il-problemi fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti, minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ għall-applikazzjoni tagħha u t-telf tal-kompetittività tal-produzzjonijiet tal-UE.

    1.2.1   Hemm bżonn ta’ strumenti li jikkumpensaw għat-telf tal-kompetittività fit-trobbija tal-annimali fl-UE, peress li l-ispejjeż addizzjonali li ġġib magħha l-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali (EUPAW) mhumiex assorbiti mis-suq. Hemm il-biża’ li saħansitra jintilef sehem akbar kemm mis-suq intern kif ukoll mis-swieq tal-esportazzjoni. Ma saret l-ebda riflessjoni la dwar is-suq tax-xogħol u lanqas dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    1.2.2   Il-KESE għal darb’oħra jinsisti li l-prodotti importati kollha għandhom jirrispettaw l-istess standards ta’ produzzjoni imposti fuq il-produzzjonijiet tal-UE, billi jittieħed approċċ ta’ reċiproċità fil-ftehimiet kummerċjali.

    1.3   It-taħriġ kontinwu fil-qasam tal-benessri tal-animali għall-operaturi, il-ħaddiema u l-awtoritajiet huwa parti essenzjali tal-istrateġija. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll fuq l-importanza li parti mill-fondi ta’ kooperazzjoni jingħataw għat-taħriġ dwar il-benessri fil-produzzjoni tal-annimali għall-awtoritajiet, l-intraprendituri u l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi.

    1.4   L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE teħtieġ li jiġu adattati r-riżorsi finanzjarji sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jagħmlu l-investimenti neċessarji u jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali. Il-PAK għandha tikkomplementa din l-istrateġija billi tagħtiha l-importanza li jistħoqqilha.

    1.5   Għandha titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni ffukata fuq it-tħassib tas-soċjetà, billi jitqiesu l-istudji u l-avvanzi xjentifiċi li saru f’dan il-qasam kif ukoll il-fehmiet differenti tal-produtturi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. Il-komunikazzjoni ma tistax tkun ibbażata biss fuq it-tikkettar obbligatorju. Għandu jkun hemm programmi ta’ informazzjoni koerenti għall-konsumaturi biex jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet abbażi tal-akbar għadd ta’ elementi possibbli. Il-fondi għall-promozzjoni tal-prodotti agroalimentari għandhom rwol ċentrali x’jaqdu biex is-setturi tal-produzzjoni jieħdu sehem attiv f’din il-ħidma.

    1.6   Il-KESE huwa tal-fehma li n-netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ referenza għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-atturi soċjali kollha u tal-konsumaturi, u għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-benessri tal-annimali:

    a.

    billi jikkoordina d-diversi ċentri ta’ riċerka fl-UE;

    b.

    billi jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni (żvilupp ta’ indikaturi prattiċi, taħriġ tal-operaturi, tal-ħaddiema u tal-awtoritajiet);

    c.

    billi jgħin fil-valutazzjoni tal-impatt tar-regolamentazzjoni f’termini soċjoekonomiċi u ta’ kompetittività;

    d.

    billi jappoġġja l-miżuri ta’ informazzjoni u komunikazzjoni.

    1.7   It-tisħiħ tal-aktar ħoloq dgħajfa fil-katina tal-ikel ser iservi biex l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-benessri tal-annimali jitqassmu b’mod aktar ġust, biex b’hekk tinżamm in-nisġa produttiva u l-iżvilupp taż-żoni rurali.

    1.8   L-isforz ta’ min ifaħħru favur is-semplifikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma jaqbilx mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li twessa’ l-ambitu ta’ applikazzjoni għal aktar speċijiet u li tapprofondixxi r-regoli eżistenti.

    2.   Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem

    2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tfassal linji li fuqhom għandha timxi l-EUPAW, bi tkomplija tal-Pjan ta’ Azzjoni 2006-2010.

    2.2   Id-dokument jgħid li l-UE wettqet sforzi sinifikanti fl-appoġġ tal-benessri tal-annimali. Jiġi nnutat li l-applikazzjoni tal-EUPAW mhijiex uniformi fl-Istati Membri kollha u li r-rekwiżiti obbligatorji ma ġewx implimentati fl-iskadenzi previsti. Madankollu, għandu jkun hemm riflessjoni dwar jekk approċċ “wieħed għal kulħadd” jistax iwassal għal riżultati aħjar ta’ benessri tal-annimali.

    2.3   L-evalwazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali kkonkludiet li l-istandards tal-benessri tal-annimali imponew spejjeż addizzjonali fuq is-setturi tat-trobbija tal-annimali u dak tal-esperimenti.

    2.4   Jiġi nnutat ukoll li d-deċiżjonijiet dwar ix-xiri li jieħdu l-konsumaturi huma determinati prinċipalment mill-prezz u li l-benessri tal-annimali huwa biss wieħed mill-fatturi li jiddeterminaw l-għażla tal-prodotti.

    2.5   Id-dokument jgħid li l-leġislazzjoni teħtieġ semplifikazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jindika li hemm bżonn jiġu indirizzati suġġetti bħall-kompetenza tal-persuni li jieħdu ħsieb annimali ta’ ċerti speċijiet jew is-sistemi ta’ produzzjoni u taħriġ tal-ispetturi u t-tekniċi tal-Istati Membri, u jinnota li l-leġislazzjoni dwar il-benessri jindirizzaw ċerti speċijiet u mhux oħrajn.

    2.6   Fid-dawl ta’ dan, jiġu ppreżentati azzjonijiet strateġiċi maqsumin fuq żewġ linji:

    is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni tagħha;

    it-tisħiħ tal-azzjonijiet li ttieħdu diġà mill-Kummissjoni.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir id-dokument ta’ strateġija inkwistjoni u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb l-aspetti li jistgħu jkunu ta’ kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE f’dan il-qasam.

    3.2   Il-KESE jappoġġja l-aspirazzjoni leġittima tal-konsumaturi għas-sigurtà tal-ikel u jappoġġja wkoll strateġija Ewropea ta’ produzzjoni orjentata lejn il-kwalità. Madankollu, huwa jistieden lill-Kummissjoni tinnota li ż-żieda fl-ispejjeż li l-istrateġija għall-benessri tal-annimali timponi fuq il-produtturi rari li tiġi kkumpensata miż-żieda fil-prezz tal-bejgħ. Barra minn hekk, is-settur Ewropew tat-trobbija tal-annimali huwa żvantaġġat min-nuqqas ta’ reċiproċità fil-ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi.

    3.3   Il-KESE jiddispjaċih li fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni ma ssemmix b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-annimali. Barra minn hekk, hemm bżonn titqiegħed enfasi qawwija fuq it-taħriġ kontinwu u l-ksib ta’ kompetenzi ġodda meħtieġa għall-bidliet li titlob il-proposta.

    3.4   Il-KESE jilqa’ l-għan li l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali tiġi semplifikata u li tittejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE. Minkejja dan, l-istrateġija ma tindirizzax b’mod adegwat xi punti importanti li joħorġu mir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u li għandhom jingħataw prijorità fis-snin 2012-2015.

    3.5   Il-Kummissjoni tagħraf ċerti nuqqasijiet fir-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni u tal-EUPAW, u tindika dawk li tiddeskrivi bħala “l-mexxejja ewlenin komuni li jaffettwaw l-istatus tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni”; madankollu, ma tagħmilx analiżi fil-fond u għaldaqstant ma tressaqx soluzzjonijiet adegwati għall-problemi misjuba.

    3.5.1   Jiġi nnutat li l-Istati membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet kompletament, minkejja l-iskadenzi transitorji twal u l-għajnuna li ngħataw. Madankollu, ma saritx analiżi kritika tar-realtà soċjoekonomika u produttiva fil-pajjiżi differenti tal-UE, iżda sempliċiment jissemmew “l-aspetti tal-apprezzament kulturali tal-benessri tal-annimali” bħala fattur li jiddistingwi bejn Stat Membru u ieħor. Fit-test, il-Kummissjoni ma ssemmix il-varjetà bejn is-sistemi tat-trobbija tal-annimali, id-domanda taċ-ċittadini, il-vantaġġi kummerċjali tal-applikazzjoni tal-istandards minimi tal-benessri tal-annimali jew l-għajnuna għall-adattament, li mhumiex l-istess fit-territorji differenti tal-UE.

    3.5.2   Il-politika tal-benessri tal-annimali tal-UE għandha tkun orjentata aktar kemm lejn is-suq kif ukoll lejn is-sigurtà tal-konsumaturi. Huwa essenzjali li l-produtturi jiġu kkumpensati għall-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tagħhom, u li l-konsumaturi jkunu konxji tat-titjib u tal-isforzi tal-produtturi u tal-ogħla valur miżjud tal-prodotti li jsiru skont il-mudell Ewropew. Għandu jkun hemm ukoll bilanċ fil-katina tal-ikel li bħalissa ma jeżistix.

    3.5.3   L-intenzjoni ddikjarata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li l-leġislazzjoni dwar il-benessri tal-annimali tiġi semplifikata tikkuntrasta mal-fatt li tissemma l-ħtieġa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni għal aktar speċijiet u li r-regoli eżistenti jiġu ddettaljati aktar. Fl-istrateġija ma ġietx inkluża r-rakkomandazzjoni tad-dokument ta’ valutazzjoni tal-EUPAW li jiġu esplorati alternattivi mhux leġislattivi sabiex tiġi kkompletata l-leġislazzjoni eżistenti, bħal ftehimiet bejn il-partijiet tas-settur jew bejn il-ħoloq differenti tal-katina ta’ valur, atturi soċjali u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u ammistrazzjonijiet, li jistgħu jwasslu għar-riżultati mixtieqa mingħajr ma jkomplu jiżdiedu l-piżijiet leġislattivi.

    4.   Kummenti partikolari

    4.1   Il-baġit tal-UE għall-appoġġ tal-benessri tal-annimali (EUR 70 miljun/sena) jikkuntrasta bil-qawwi maċ-ċifri tal-investiment meħtieġ għall-implimentazzjoni tiegħu, u saħansitra aktar minn hekk jekk jitqiesu l-ispejjeż leġislattivi għas-settur tat-trobbija tal-annimali (EUR 2 800 miljun, skont il-valutazzjoni tal-EUPAW). Fl-istrateġija proposta m’hemmx miżuri konkreti u realistiċi li jindirizzaw iż-żieda fl-ispejjeż u n-nuqqas ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni.

    4.2   Biex tittejjeb il-kompetittività tal-produtturi, għandhom jiġu ottimizzati s-sinerġiji tal-EUPAW mal-Politika Agrikola Komuni. Fil-PAK ta’ wara l-2013, l-UE għandha tadotta pożizzjoni bilanċjata dwar il-benessri tal-annimali. Għandu jiġi żgurat li dawk li jrabbu l-annimali u l-operaturi jkollhom aċċess għall-miżuri ta’ għajnuna b’baġit li jkun biżżejjed biex tiġi applikata l-EUPAW. Għandhom jitqiesu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ispejjeż addizzjonali għall-produtturi u għandu jiġi previst appoġġ suffiċjenti għad-dħul tagħhom permezz tal-politiki tal-prezzijiet u tas-swieq u/jew l-għajnuniet diretti.

    4.3   Il-KESE jaqbel li hemm bżonn ta’ semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni. Jekk din issir b’mod adegwat, għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-EUPAW. Sabiex dan jintlaħaq, fil-qafas tal-miżuri futuri fi ħdan l-EUPAW, hemm bżonn jiġi studjat l-impatt tal-miżuri ssuġġeriti, kif ukoll, fejn xieraq, ir-riskju tat-telf tan-nisġa produttiva li timplika kull miżura ssuġġerita u l-kumpensi meħtieġa f’każ li jiġu implimentati, billi jitqies il-valur li l-UE tagħti lis-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi.

    4.4   L-inklużjoni ta’ indikaturi xjentifiċi bbażati fuq ir-riżultati u mhux fuq fatturi ta’ produzzjoni ser tippermetti s-semplifikazzjoni u l-flessibbiltà neċessarji biex tittejjeb il-kompetittività ta’ dawk li jrabbu l-annimali fl-UE, bil-kundizzjoni li jitqiesu l-implikazzjonijiet soċjoekomiċi u li dawn jirriflettu s-sitwazzjoni ġenerali tas-settur u mhux każijiet speċifiċi. L-indikaturi għandhom jiġu żviluppati bil-kollaborazzjoni tal-operaturi u għandhom ikunu sempliċi, prattiċi, faċli li jiġu applikati u m’għandhomx joħolqu spejjeż addizzjonali għal dawk li jrabbu l-annimali. Għandhom ikunu jistgħu jiġu applikati għall-ispeċijiet u s-sistemi ta’ produzzjoni differenti u jiġu interpretati u riprodotti faċilment (mhux soġġetti għall-perċezzjoni tal-bniedem rigward il-benessri tal-annimali).

    4.5   Il-ħidmiet tal-proġett Welfare Quality huma interessanti bħala referenza, iżda l-indikaturi għall-benessri tal-annimali għandhom jittejbu u jiġu semplifikati biex ikunu jistgħu jiġu applikati mis-settur tat-trobbija tal-annimali. L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterji għandha tiġi armonizzata fl-Istati Membri differenti biex tiġi żgurata l-validità u l-vijabbiltà tal-applikazzjoni tagħhom fi kwalunkwe każ.

    4.6   Sfida li din l-istrateġija trid tindirizza hija t-titjib tal-koordinazzjoni, it-traċċabbiltà, it-trasparenza u l-komunikazzjoni fil-qasam tal-benessri tal-annimali fl-UE, billi jiġu involuti l-amministrazzjonijiet, l-atturi soċjoekomiċi u l-konsumaturi; dan għandu jwassal għal għarfien u informazzjoni aħjar, u applikazzjoni korretta tar-regoli. Iċ-ċentri ta’ referenza jistgħu u għandhom jaqdu rwol ewlieni biex jintlaħaq dan il-għan. Apparti l-attivitajiet imsemmijin fil-Komunikazzjoni (appoġġ għall-awtoritajiet, taħriġ u tixrid), dawn għandhom ukoll jikkoordinaw, jimmonitorjaw u jaqsmu l-informazzjoni. Għandhom ukoll jintużaw l-istrutturi eżistenti sabiex ma jinħolqux spejjeż addizzjonali.

    4.7   Iċ-ċentri ta’ referenza għandhom ikunu jistgħu wkoll jagħtu pariri u jivvalutaw l-applikazzjoni fil-prattika tal-leġislazzjoni dwar il-benessri tal-annimali. Ir-riċerka xjentifika għandha tingħaqad mar-riċerka applikata biex isiru rakkomandazzjonijiet. Fid-dawl tal-ħidma li twettqet diġà mill-bord xjentifiku tad-DĠ SANCO u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-saħħa u l-benessri tal-annimali (AHAW), dan in-netwerk għandu jikkoordina l-ittestjar ta’ tekniki ġodda u jivvaluta l-impatt tal-istandards tal-benessri tal-annimali. L-operaturi tas-settur jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għar-riċerka applikata. Huma għandu jkollhom rwol importanti rigward il-prijoritajiet leġislattivi u ta’ riċerka b’finanzjament mill-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali.

    4.8   Il-valutazzjoni tal-EUPAW tirrakkomanda li jiġi żviluppat pjan ta’ impenji mal-partijiet interessati għal kull aspett tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u li, b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, tiġi valutata l-ħtieġa li jiġu żviluppati forom ġodda ta’ impenji fuq tul ta’ żmien. Hemm bżonn jiġu stabbiliti pjani ta’ direzzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi affettwati, sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni progressiva tar-regoli fiż-żmien impost b’mod obbligatorju u tiġi faċilitata l-koordinazzjoni minn qabel u s-soluzzjoni tal-problemi. Għandhom jiġu inklużi wkoll il-miżuri ta’ spezzjoni u ta’ kontroll ex-post, kif ukoll it-taħriġ u l-għoti ta’ informazzjoni lill-operaturi u lill-persuni responsabbli fl-Istati Membri għall-implimentazzjoni adegwata tar-regoli.

    4.9   L-appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali huwa essenzjali għat-titjib tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-UE. Għal dan il-għan għandhom jiġu definiti miżuri konkreti fl-istrateġija 2012-2015 biex jiġi żgurat li l-benessri tal-annimali jiġi inkluż fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali li tinnegozja l-UE u fi ħdan id-WTO. Sadanittant, għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

    4.9.1   Ir-rapport ta’ valutazzjoni jindika li jridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ għajnuna għas-setturi tal-UE li huma l-aktar vulnerabbli għall-importazzjonijiet jew għat-telf probabbli ta’ sehem mis-suq, b’mod partikolari s-settur tal-bajd u tal-prodotti tal-bajd. Ir-rapport ta’ valutazzjoni ma jipproponix soluzzjonijiet għat-telf tal-kompetittività rigward l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma jilħqux l-istess standards ta’ produzzjoni bħal dawk tal-UE.

    4.9.2   L-UE għandha tagħti parti mill-fondi ta’ kooperazzjoni għat-taħriġ dwar il-benessri fil-produzzjoni tal-annimali għall-awtoritajiet, l-intraprendituri u l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi.

    4.10   Għandha titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni li tkopri l-punti msemmijin fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-EUPAW. L-istrateġija għandha tinkludi pjan serju u oġġettiv ta’ taħriġ, informazzjoni u komunikazzjoni, li jibda diġà fl-iskejjel sabiex kemm il-konsumaturi tal-lum kif ukoll dawk ta’ għada jkunu jafu dwar l-istandards għoljin tal-benessri tal-annimali li timponi l-EUPAW, billi nibdew bil-leġislazzjoni eżistenti. Permezz ta’ dan, huma ser ikunu jistgħu jagħmlu għażliet ta’ xiri bbażati fuq informazzjoni eżatta dwar il-benessri tal-annimali.

    4.10.1   Huwa essenzjali li sorsi rigorużi u rikonoxxuti (bħan-netwerk taċ-ċentri ta’ referenza) jikkollaboraw flimkien f’dawn il-ħidmiet sabiex il-konsumatur jagħraf u japprezza l-vantaġġi tal-EUPAW u jkun infurmat ukoll dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni li jirriżultaw mill-mudell Ewropew.

    4.10.2   L-informazzjoni għall-konsumatur dwar il-benessri tal-annimali m’għandhiex tkun limitata għat-tikkettar jew għar-reklamar tal-prodotti, iżda għandha titwessa’ għal kampanji ta’ informazzjoni mwettqa minn organizzazzjonijiet settorjali u istituti biex jiġu komunikati l-isforzi mwettqa u l-impatt tal-ispejjeż ta’ produzzjoni. Il-mekkaniżmi u l-fondi għall-promozzjoni tal-prodotti agroalimentari fis-suq intern huma strumenti ideali biex tinxtered l-informazzjoni dwar l-EUPAW.

    4.11   Apparti l-miżuri mniżżlin fil-proposta tal-Kummissjoni, għandhom jitqiesu miżuri daqstant ieħor importanti li jinsabu fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-EUPAW, li jsemmi l-iżgurar ta’ żieda adegwata fil-finanzjament tal-EUPAW matul il-perjodu li jmiss, b’konformità mal-ħtiġijiet li qed jikbru ta’ din il-politika, u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet identifikati f’dan ir-rapport ta’ valutazzjoni. Dawn jinkludu l-għajnuna għat-twettiq fil-prattika u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni l-ġdida.

    4.11.1   L-effett negattiv tal-politika dwar il-benessri tal-annimali fuq il-kompetittività huwa wieħed mill-ikbar ostakli għall-applikazzjoni tar-regoli u għaż-żamma tat-tkabbir u tal-impjiegi f’żoni rurali, speċjalment minħabba d-diffikultà tal-produttur biex jittrasferixxi l-ispejjeż ta’ produzzjoni addizzjonali (u l-valur miżjud) fil-ħoloq suċċessivi tal-katina tal-ikel. L-istrateġija ma tikkunsidrax modi kif jistgħu jissolvew il-problemi fil-funzjonament tal-katina tal-ikel, u lanqas l-impatt negattiv tar-regoli fuq il-kompetizzjoni ta’ kanali jew swieq li mhumiex għall-bejgħ bl-imnut (catering, industrija, esportazzjoni).

    4.11.2   Rigward il-fondi ta’ żvilupp rurali, il-kwistjonijiet ċentrali huma:

    iż-żieda fil-finanzjament għall-benessri tal-annimali fil-programmi ta’ żvilupp rurali (kemm għall-investimenti kif ukoll għaż-żieda tal-ispejjeż operattivi);

    il-faċilitazzjoni tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-regoli obbligatorji tal-benessri tal-annimali permezz ta’ għajnuniet stabbiliti mill-UE fi ħdan il-PAK, u li huma obbligatorji għall-Istati Membri.

    4.11.3   Barra minn hekk, għandu jkun hemm koerenza bejn il-politika tal-benessri tal-annimali u dik tal-ambjent, tas-saħħa tal-annimali u tas-sostenibbiltà, inkluża l-kompetittività, li għandhom ikunu marbutin flimkien mill-qrib, mingħajr ma jintesew il-vantaġġi għall-konsumaturi, il-ħaddiema u l-intraprendituri. Dawn il-punti għandhom jiġu inklużi fid-dokument tal-istrateġija.

    4.12   Meta titqies ir-rieda ta’ semplifikazzjoni espressa fl-istrateġija 2012-2015, kif ukoll l-intenzjoni li titfassal regolamentazzjoni li tiġbor fiha l-istandards bażiċi għall-benessri tal-annimali ta’ speċijiet u sistemi ta’ produzzjoni differenti, bħalissa ma jaqbilx li jiġu żviluppati linji leġislattivi ġodda jew li jiġu żviluppati dawk eżistenti sakemm ma tittiħidx deċiżjoni dwar it-triq li għandha tittieħed u jekk din it-triq għandhiex tinkludi l-annimali tal-ilma jew speċijiet oħra.

    4.13   Dwar il-kwistjoni sensittiva tat-tbiċċir ritwali, il-Kumitat jixtieq jieħu din l-okkażjoni biex itenni l-pożizzjoni li esprima fl-opinjoni tiegħu (1) li kienet tgħid li d-deroga fil-każ tat-tbiċċir ritwali mhijiex koerenti mal-għan ġenerali (tat-titjib tal-protezzjoni tal-annimali). Teknoloġija innovattiva bħall-apparat għall-monitoraġġ tal-assigurazzjoni tal-isturdament jippermetti lil dawk kollha li jixtiequ jbiċċru bi sturdament elettriku minn qabel b’konformità mar-regoli tal-Halal, li jimmonitorjaw bir-reqqa l-ammont ta’ qawwa elettrika li jingħata lill-annimal. Dan jiżgura li l-annimal ikun tabilħaqq stordut imma jkun għadu ħaj qabel it-tbiċċir. L-apparat għall-monitoraġġ jirreġistra kull sturdament li jitwettaq u l-vultaġġ li jingħata lill-annimal. Dan għandu kontribut reali x’jagħti lill-benessri tal-annimali. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tikkettar li tindika l-metodu ta’ tbiċċir tinkoraġġixxi l-użu tal-apparat għall-monitoraġġ tal-assigurazzjoni tal-isturdament. Huwa importanti li l-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv ir-riċerka ta’ sistemi li jikkonvinċu lill-gruppi reliġjużi jirrikorru għall-isturdament.

    Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 218 tal-11.09.2009, p. 65.


    Top