EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1300

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)” COM(2011) 735 final

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 72–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)”

COM(2011) 735 final

2012/C 229/14

Relatur: is-Sur PÎRVULESCU

Nhar il-15 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)

COM(2011) 735 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ April 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 131 vot favur 5 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Kemm il-programm ta’ Stokkolma kif ukoll il-patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-ażil raw ir-riunifikazzjoni tal-familji bħala kwistjoni li titlob żvilupp fil-politiki tal-Unjoni, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ integrazzjoni. Fl-2003, ġew adottati regoli komuni Ewropej dwar l-immigrazzjoni biex jirregolaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikunu jistgħu jeżerċitaw, fil-livell tal-UE, id-dritt li l-familja tagħhom tiġi riunifikata.

1.2   Id-Direttiva tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini tal-UE li jingħaqdu ma’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż mhux membru tal-UE u li jkun diġà qed jgħix legalment fi Stat Membru. Din id-Direttiva ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-UE.

1.3   Fl-ewwel rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (COM (2008) 610 final), il-Kummissjoni stess identifikat il-problemi u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva.

1.4   Il-Kummissjoni qieset li kien jeħtieġ li jitnieda dibattitu pubbliku dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li fih jiġu enfasizzati ċerti kwistjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva, li huwa l-għan ta’ din il-Green Paper. Il-partijiet interessati kollha ġew mistiedna jwieġbu għal mistoqsijiet differenti dwar kif jista' jkun hemm regoli iktar effikaċi dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-livell tal-UE.

1.5   Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk jeħtieġx li jkun hemm segwitu konkret tal-politika (pereżempju l-modifika tad-Direttiva, il-ħruġ ta’ linji gwida dwar l-interpretazzjoni jew l-istatus quo).

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex torganizza dibattitu pubbliku wiesa' dwar id-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. Bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE se joffri l-appoġġ tiegħu fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u se jagħti l-opinjoni tiegħu abbażi tal-esperjenzi miġbura.

2.2   Il-KESE jinsab imħasseb u jinnota li fil-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku attwali, id-dibatittu dwar kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni saru ferm sensittivi. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika affettwat is-solidarjetà bejn l-individwi u fetħet il-bieb għal diskors u azzjoni politika aktar radikali. Ta' min wieħed jinnota li l-futur demografiku u ekonomiku Ewropew joħolqu l-ħtieġa li jinfetħu l-bibien għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jgħixu fl-UE. Is-soċjetà Ewropea trid tibqa' miftuħa, minkejja t-tibdil li jseħħ fis-suq tax-xogħol. Minkejja li huwa neċessarju, id-dibattitu dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tal-politika dwar l-immigrazzjoni jista' jqajjem mistoqsijiet dwar regoli u prattiki eżistenti, li bosta minnhom huma passi importanti lejn il-kisba ta’ għanijiet politiċi.

2.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja dan id-dibattitu u, fuq kollox, se jieħu azzjoni biex jiżgura li l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata tkun fattur importanti biex tintlaħaq din l-aġenda. Irrispettivament mill-isfidi politiċi u ekonomiċi li s-soċjetà Ewropea qed tiffaċċja, huwa importanti li jiġi protett u msaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet fundamentali li fuqu huwa mibni l-proġett Ewropew.

2.4   Il-KESE japprezza l-ftuħ tal-Kummissjoni Ewropea lejn is-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika, minħabba li ż-żewġ setturi evalwaw b'mod kritiku l-kontenut u l-implimentazzjoni tad-Direttiva f'bosta okkażjonijiet. F'dan il-kuntest, jenfasizza r-rwol pożittiv tal-Forum Ewropew dwar l-integrazzjoni, li jiffaċilita djalogu strutturat bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u diversi partijiet interessati kkonċernati mill-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni.

2.5   Il-Kumitat jemmen li d-dibattitu dwar id-Direttiva u l-impatt tagħha għandu jiffoka fuq l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni u li l-mod li bih għandha tittieħed azzjoni u l-istrumenti użati għandhom jiġu stabbiliti matul fażi sussegwenti, b'konsultazzjoni mill-ġdid tal-partijiet interessati.

2.6   Id-Direttiva għandha tiġi diskussa fid-dawl tad-diversi trattati u konvenzjonijiet internazzjonali li jħarsu l-ħajja privata kif ukoll il-familja u l-membri tagħha, b'mod partikolari t-tfal. Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja huwa – u għandu jitqies – bħala dritt fundamentali, irrispettivament min-nazzjonalità tal-individwi inkwistjoni, u huwa stabbilit direttament jew indirettament f'dokumenti differenti: l-Istqarrija Universali Dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem (Artikoli 12, 16 u 25), il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (Artikolu 7), il-Karta Ewropea tad-drittijiet fundamentali (Artikoli 8, 9, 24 u 25) u l-Karta Soċjali Ewropea (Artikolu 16).

2.7   Il-KESE jemmen li d-dibattitu dwar id-Direttiva huwa neċessarju u opportun, meta wieħed iqis l-akkumulazzjoni ta’ data empirika dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja u sabiex jakkumpanja r-riżorsi teknoloġiċi li jistgħu jintużaw matul il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza (eż. l-ittestjar tad-DNA). Aspett ieħor li għandu jitqies huwa l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.8   Minkejja li teżisti ħafna data dwar il-migrazzjoni, il-Kumitat jinnota li f'oqsma li huma sensittivi ħafna bħall-frodi u ż-żwiġijiet sfurzati, m'hemmx biżżejjed data biex tiggwida t-tfassil tal-politika. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li jkomplu jiżdiedu l-isforzi sabiex tinġabar informazzjoni, partikolarment data kwalitattiva, f'dawn l-oqsma hekk sensittivi u relevanti.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Kamp ta’ applikazzjoni. Min jista' jikkwalifika bħala sponsor għall-iskop ta’ din id-Direttiva?

Mistoqsija 1

Dawn il-kriterji (prospett raġonevoli ta’ ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni, kif regolata mill-Artikolu 3 u perjodu ta’ stennija sakemm ir-riunifikazzjoni sseħħ fil-fatt, kif regolata mill-Artikolu 8) huma l-metodu t-tajjeb u l-aħjar mod kif wieħed jikkwalifika l-isponsors?

3.1.1   Il-Kumitat jemmen li l-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ prospetti raġonevoli huma wisq vagi mill-perspettiva legali, u jistgħu jiġu interpretati b'mod ristrett wisq. Għalhekk, huwa rakkomandat li l-kundizzjoni tal-pussess ta’ permess ta’ residenza għal mill-inqas sena għandha tinżamm, iżda li t-tieni kundizzjoni ta’ prospetti raġonevoli għandha titneħħa.

3.1.2   Bl-istess mod, il-perjodu ta’ stennija minimu jista' jkun problematiku. Id-dritt għall-ħajja tal-familja u għall-privatezza huma drittijiet fundamentali. Il-KESE jemmen li r-realizzazzjoni ta’ dan id-dritt se tippermetti lill-isponsors tar-riunifikazzjoni taħt id-Direttiva li jkollhom id-dritt li jniedu proċeduri ta’ riunifikazzjoni tal-familja hekk kif jinħareġ il-permess ta’ residenza, iżda li l-perjodu ta’ residenza minimu għandu jitneħħa.

3.1.3   Il-Kumitat jifhem li ssir distinzjoni bejn l-immigranti kwalifikati ħafna u dawk anqas kwalifikati, fil-livell tal-istatut u tal-ħarsien li huma jirċievu. Madankollu huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekonomija Ewropea teħtieġ bl-istess mod dawn iż-żewġ kategoriji, u li ma tista' ssir l-ebda differenza fir-rigward tad-drittijiet tal-ħarsien kemm tal-ħajja privata kif ukoll tal-ħajja tal-familja, fuq il-bażi tal-kwalifiki.

3.2   Dispożizzjonijiet obbligatorji dwar l-eliġibilità tal-membri tal-familja – il-familja nukleari.

Mistoqsija 2

Huwa leġittimu li jkun hemm età minima fir-rigward tal-konjuġi, li tkun differenti mill-età li fiha l-Istat Membru partikolari jqis li persuna tkun saret maġġorenni?

Fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, hemm metodi oħrajn biex jiġu evitati każijiet ta’ żwieġ sfurzat u, jekk iva, liema huma?

Għandek evidenza ċara dwar il-problema ta’ żwieġ sfurzat? Jekk iva, kemm hi kbira din il-problema (statistika) u għandha rabta mar-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja (biex tiġi stipulata età minima differenti mill-età li fiha l-Istat iqis li persuna tkun saret maġġorenni)?

3.2.1   Il-Kumitat iqis li r-regolamenti dwar l-età minima mhumiex biżżejjed sabiex jiġġieldu ż-żwiġijiet sfurzati u jaffettwaw id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja. Possibbiltà minnhom tkun li jiġi evalwat it-tip ta’ żwieġ permezz ta’ investigazzjoni jew intervista wara r-riunifikazzjoni ta’ familja fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru. Sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet li jiġu identifikati żwiġijiet sfurzati, li kważi esklussivament jaffettwaw lin-nisa, huwa rakkomandat li għandha titfassal sistema ta’ inċentivi għal persuni li jammettu li jkunu ġew imġiegħla jiżżewġu. Soluzzjoni minnhom (iżda mhux l-unika waħda) hi li dawn il-persuni jiġu offruti permess ta’ residenza għal mill-inqas sena. Il-KESE m'għandux evidenza ċara ta’ żwiġijiet sfurzati u jirrakkomanda li tiġi involuta l-Kummissjoni Ewropea u speċjalisti oħra sabiex tinkiseb id-data rilevanti.

Mistoqsija 3

Taħseb li hemm interess li jinżammu dawk il-klawżoli ta’ status quo li ma jintużawx mill-Istati Membri, bħal dik li tirrigwarda t-tfal ta’ età ta’ iktar minn 15-il sena?

3.2.2   Il-Kumitat iqis li mhuwiex meħtieġ li jinżammu dawk iż-żewġ klawżoli. L-ewwel klawżola li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni għal tfal 'il fuq minn 12-il sena ntużat minn Stat Membru wieħed biss. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni neċessarji jista' jkun proċess inkonsistenti u arbitrarju li jista' jaffettwa d-drittijiet ta’ persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minorenni. Fl-istess waqt, it-tieni klawżola, għal minorenni 'l fuq minn 15-il sena, hija problematika. Din il-klawżola ma ntużat mill-ebda Stat Membru. Li wieħed isaqsi persuna minorenni dwar raġunijiet differenti mir-riunifikazzjoni tal-familja huwa problematiku mill-perspettiva etika, meta wieħed iqis li r-riunifikazzjoni ssir abbażi ta’ dritt stabbilit minn kull konvenzjoni internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal.

3.3   Klawżola fakultattiva – membri oħra tal-familja

Mistoqsija 4

Ir-regoli dwar l-eliġibilità tal-membri tal-familja huma xierqa u wesgħin biżżejjed biex iqisu d-definizzjonijiet differenti ta’ familja li jeżistu minbarra d-definizzjoni ta’ familja nukleari?

3.3.1   Dawn ir-regoli mhumiex wesgħin biżżejjed, peress li m'hemmx definizzjoni waħda ta’ familja applikabbli kemm fil-pajjiżi terzi kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE. Madankollu jekk l-UE m'għandhiex bażi legali biex tiddefinixxi x'inhi familja, għandha l-istrumenti biex tevita d-diskriminazzjoni. Ir-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu flessibbli biżżejjed sabiex iqisu t-tipi differenti ta’ strutturi ta’ familji rikonoxxuti fuq livell nazzjonali (fosthom żwiġijiet tal-istess sess, familji b'ġenitur wieħed, sħubijiet ċivili, eċċ.) u l-inklużjoni potenzjali ta’ tipi oħra ta’ relazzjonijiet.

3.3.2   Minħabba li aktar minn nofs l-Istati Membri użaw il-klawżola fakultattiva u inkludew il-kunjati fost dawk eliġibbli għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-KESE jemmen li jkun utli li din il-klawżola fakultattiva tinżamm. B'hekk ikun possibbli li l-Istati Membri li jixtiequ jkunu jistgħu jinkludu wkoll ċirku ta’ persuni usa' fir-riunifikazzjoni tal-familja, pereżempju jistgħu jiġu inklużi l-kunjati li jista' jkollhom rwol benefiku fit-trobbija emottiva u intellettwali ta’ ulied uliedhom.

3.4   Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja - Miżuri ta’ integrazzjoni

Mistoqsija 5

Dawn il-miżuri qed jilħqu l-iskop tal-integrazzjoni b'mod effiċjenti? Dan kif jista' jiġi evalwat fil-prattika?

Liema huma l-iktar miżuri effikaċi ta’ integrazzjoni f'dak ir-rigward?

Tqis li huwa utli li dawn il-miżuri jiġu definiti iżjed fil-livell tal-UE?

Tirrakkomanda li jkun hemm miżuri ta’ qabel id-dħul?

Jekk iva, kif jistgħu jiġu introdotti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li fil-fatt ma jwasslux biex ikun hemm ostakli bla bżonn għar-riunifikazzjoni tal-familja (bħal tariffi jew rekwiżiti sproporzjonati) u jiġu meqjusa l-kapaċitajiet individwali bħall-età, l-illitteriżmu, id-diżabilità u l-livell ta’ edukazzjoni?

3.4.1   Il-Kumitat jemmen li l-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jintlaqgħu bi pjaċir; dawn m'għandhomx jitqiesu jew jiġu implimentati bħala ostakli għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-familja iżda għandhom jaħdmu favur l-isponsors u l-membri tal-familja li jgħixu fiha. Il-KESE jemmen li l-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jittieħdu mill-Istati Membri tal-UE li jkunu qed jirċievu, aktar milli minn pajjiżi mhux tal-UE.

3.4.2   L-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi tidentifika għadd ta’ għodod ta’ integrazzjoni li jistgħu jintużaw. Fil-kuntest ta’ dawn l-għodod, il-KESE jemmen li l-enfasi għandha tkun fuq it-tagħlim tal-lingwi u fuq l-edukazzjoni formali u nonformali. Il-KESE fakkar kemm il-darba li l-edukazzjoni hija element ewlieni fil-proċess tal-integrazzjoni. L-użu ta’ dawn l-għodod għandu jiġi adattat sabiex jaqdi l-karatteristiċi demografiċi u soċjoekonomiċi tal-membri tal-familja. Huwa rakkomandat li l-minorenni jiġu inklużi fi programmi ta’ tagħlim formali u nonformali u l-adulti u anzjani fi programmi ta’ tagħlim tal-lingwi, ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ integrazzjoni elettronika (“e-inclusion”). Dawn il-miżuri jistgħu jgħinu lill-membri tal-familja jikkontribwixxu għall-ekonomija u s-soċjetà kemm fil-pajjiż ospitanti u kemm fil-pajjiż ta’ oriġini.

3.4.3   Il-KESE jemmen li miżuri ta’ qabel id-dħul għandhom jiġu evitati. Il-membri tal-familja riunifikata fit-territorju tal-UE, idealment għandhom ikollhom għarfien lingwistiku u bażi kulturali u edukattiva li tiffaċilitalhom l-integrazzjoni, iżda din ma tistax issir kundizzjoni tar-riunifikazzjoni, jekk dan ma jkunx il-każ.Minbarra ostakli mhux ġustifikati (eż. tariffi), l-infrastrutturi istituzzjonali tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE, jistgħu ma jkunux kapaċi jappoġġjaw dawn il-miżuri ta’ qabel id-dħul. L-istabbiliment ta’ miżuri ta’ integrazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jista' jipprovdi livell ta’ protezzjoni akbar għall-membri tal-familja, appoġġ akbar mill-isponsors u opportunità akbar ta’ integrazzjoni. Huwa possibbli li l-NGOs ikollhom rwol importanti fl-integrazzjoni, iżda r-rwol ewlieni jrid jibqa' f'idejn l-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom ir-responsabbiltà legali u r-riżorsi meħtieġa biex jassiguraw l-integrazzjoni.

3.5   Il-perjodu ta’ stennija fir-rigward tal-kapaċità ta’ akkoljenza

Mistoqsija 6

Fid-dawl tal-applikazzjoni tagħha, huwa neċessarju u ġustifikat li deroga bħal din tinżamm fid-Direttiva li tipprevedi dispożizzjoni għal perjodu ta’ stennija ta’ tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni?

3.5.1   Peress li Stat Membru wieħed biss uża din id-deroga, il-KESE jemmen li m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni sabiex din tinżamm. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jingħataw permessi ta’ residenza għandha tittieħed fid-dawl taċ-ċirkostanzi individwali u mhux fid-dawl tal-kapaċità ta’ akkoljenza. Il-kapaċità ta’ akkoljenza hija varjabbli u hija riżultat ta’ xi politiki li jistgħu jinbidlu jekk ikun meħtieġ li jsir hekk.

3.6   Dħul u residenza ta’ membri tal-familja.

Mistoqsija 7

Ir-regoli speċifiċi għandhom jipprevedu s-sitwazzjoni fejn il-perjodu ta’ validità li jkun baqa' tal-permess ta’ residenza tal-isponsor ikun inqas minn sena imma jkun se jiġġedded?

3.6.1   Il-permessi tar-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja għandhom ikollhom l-istess perjodu ta’ validità. Qabel jiskadu l-permessi kollha, tista' tiġi sottomessa applikazzjoni komuni għall-membri kollha tal-familja ħalli jiġu evitati differenzi fiż-żmien.

3.7   Kwistjonijiet marbuta mal-ażil - L-esklużjoni tal-protezzjoni sussidjarja.

Mistoqsija 8

Ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja għandha tkun suġġetta għar-regoli tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja?

Il-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jibbenefikaw mir-regoli li huma iktar favorevoli tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li teżenta lir-refuġjati milli jissodisfaw ċerti kriterji (akkomodazzjoni, assigurazzjoni tas-saħħa, riżorsi stabbli u regolari)?

3.7.1   Il-Kumitat jemmen li l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għandhom ikunu suġġetti għar-regoli favorevoli tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li huma aktar favorevoli u għalhekk għandhom ikunu inklużi fiha. Il-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja ġejjin minn pajjiżi u żoni rikonoxxuti bħala perikolużi għas-saħħa u l-benessri tagħhom. Dan il-fatt isaħħaħ il-ħtieġa li jiġu armonizzati ż-żewġ statuti.

3.8   Kwistjonijiet oħra relatati mal-ażil

Mistoqsija 9

L-Istati Membri għandhom jibqgħu jkollhom il-possibbiltà li jillimitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli tad-Diretttiva fil-każ ta’ refuġjati li jkollhom rabtiet tal-familja li jkunu nħolqu qabel id-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru?

Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi ggarantita għal kategoriji usa' ta’ membri tal-familja li jkunu jiddependu mir-refuġjati, u jekk iva sa liema grad?

Għandu jibqa' jkun mitlub li r-refuġjati jipprovdu provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti f'dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-assigurazzjoni tas-saħħa u r-riżorsi jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ma tiġix ippreżentata fi żmien tliet xhur minn meta jkun ingħata l-istatus ta’ refuġjat?

3.8.1   Il-Kumitat jemmen li d-definizzjoni tal-familja m'għandhiex tinkludi l-kriterju taż-żmien. Xi nies jistabbilixxu familja fl-Istat Membru ta’ akkoljenza u mhux fil-pajjiż terz ta’ oriġini. Familja tista' tingħaqad mill-ġdid irrispettivament miż-żmien u l-post li fih tkun ġiet stabbilita. Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi estiża sabiex tinkludi aktar kategoriji differenti, partikolarment fir-rigward tat-tfal li għandhom 18-il sena jew iktar jew l-aħwa, b'kunsiderazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ fatturi kulturali. It-tieni nett, id-dati ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu aboliti jew estiżi sabiex tkun possibbli għall-isponsors li jikkuntattjaw lill-membri tal-familja li għandhom mnejn ikunu qed jgħixu f'żoni mbiegħda ħafna, u jippreparaw id-dokumenti kollha meħtieġa għall-proċess tal-applikazzjoni. Limitu taż-żmien għandu jiġi inkluż b'rabta mad-data tal-iskadenza ta’ permess ta’ residenza temporanju (eż. 3 xhur).

3.9   Frodi, abbuż, kwistjonijiet proċedurali – Intervisti u investigazzjonijiet

Mistoqsija 10

Hemm provi ċari dwar problemi ta’ frodi? Kemm hija kbira l-problema (statistika)? Taħseb li jekk ikun hemm regoli dwar l-intervisti u l-investigazzjonijiet, inklużi t-testijiet tad-DNA, dan jista' jkun fattur importanti biex tissolva?

Tikkunsidra li jkun utli li jkun hemm regoli iktar speċifiċi fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ dawn l-intervisti jew investigazzjonijiet? Jekk iva, x'tip ta’ regoli tikkunsidra?

3.9.1   Il-KESE m'għandux evidenza ċara ta’ problemi ta’ frodi. Jemmen li l-intervisti u l-investigazzjonijiet huma leġittimi sakemm dawn ma jwasslux biex jintilef il-valur tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

Il-KESE huwa kontra l-ittestjar tad-DNA. Minkejja li huwa mezz xjentifiku validu għall-istabbiliment ta’ rabtiet bijoloġiċi bejn persuni, ma jkoprix il-firxa ta’ rabtiet emozzjonali, soċjali u kulturali li jistgħu jiffurmaw bejn membri tal-istess familja, li jista' jkun li mhux bilfors ikunu bijoloġikament relatati. Fil-każ ta’ persuni adottati, it-testijiet tad-DNA huma irrelevanti. Barra minn hekk, it-testijiet tad-DNA jistgħu jiżvelaw sitwazzjonijiet familjari ferm delikati bħal adozzjonijiet li jkunu tħallew sigrieti jew infedeltajiet. Huwa ċar li t-testijiet tad-DNA jiksru d-dritt għall-privatezza u jistgħu jwasslu għal trawmi personali li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux jinżammu responsabbli. Għalhekk, il-KESE jemmen li għandu jkun hemm regoli rigward l-investigazzjonijiet u l-intervisti, li għandhom ikopru l-firxa sħiħa ta’ strumenti legali u teknoloġiċi eżistenti. Jista' jkun ta’ benefiċċju li l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tiġi involuta f'dan il-kuntest. Il-Kumitat huwa miftuħ għal kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej u korpi oħra sabiex jitfasslu dawn ir-regoli. Jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-prinċipju tal-proporzjonalità. Ir-riunifikazzjoni familjali ma tistax tiġi trattata bħala element tal-liġi penali.

3.10   Żwiġijiet ta’ konvenjenza

Mistoqsija 11

Hemm provi ċari dwar problemi ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza? Teżisti statistika dwar żwiġijiet bħal dawn (jekk ġew skoperti)?

Għandhom rabta mar-regoli tad-Direttiva?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet jistgħu jkunu implimentati b'mod iktar effikaċi, u jekk iva, kif?

3.10.1   Il-KESE m'għandux evidenza ċara ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza. Ir-regoli futuri dwar verifiki, spezzjonijiet u intervisti jistgħu jgħinu biex jillimitaw dan il-fenomenu. Il-KESE jenfasizza li r-regoli rilevanti għandhom jitfasslu f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali sabiex jiżguraw li m'hemm l-ebda impatt fuq id-drittijiet bażiċi ta’ dawk involuti.

3.11   Tariffi

Mistoqsija 12

It-tariffi amministrattivi pagabbli fil-proċedura għandhom ikunu rregolati?

Jekk iva, ir-regolamentazzjoni għandha tkun f'forma ta’ salvagwardji jew għandhom jingħataw indikazzjonijiet iktar preċiżi?

3.11.1   Il-KESE ma jaħsibx li jkun leġittimu li jkun hemm livelli differenti ta’ tariffi. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti limiti massimi finanzjarji li m'għandhomx iwaqqgħu l-objettiv bażiku tad-Direttiva. Il-KESE jemmen li jew għandu jiġi impost limitu massimu uniku jew it-tariffi kollha għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-dħul per capita jew indikatur ieħor fil-pajjiż terz. Hekk kif tiġi sottomessa applikazzjoni fuq bażi individwali, alternattiva oħra aktar preferuta hi li jiġi impost limitu massimu relatat mad-dħul ta’ kull applikant (eż. proporzjon tad-dħul annwali medju). Il-minorenni għandhom ikunu soġġetti għal tariffi minimi jew eżentati minnhom kompletament.

3.12   It-tul tal-proċedura - skadenza għad-deċiżjoni amministrattiva

Mistoqsija 13

Id-data ta’ skadenza amministrattiva stipulata mid-Direttiva għall-eżami tal-applikazzjoni hija ġustifikata?

3.12.1   Il-KESE jemmen li d-Direttiva għandha tiġi emendata sabiex tinkiseb il-konformità tal-prattiki komuni fil-livell tal-Istati Membri. Għalhekk jirrakkomanda li titnaqqas id-data ta’ skadenza minn 9 xhur għal 6 xhur.

3.13   Klawżoli orizzontali

Mistoqsija 14

Kif tista' tiġi ffaċilitata u żgurata fil-prattika l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli orizzontali?

3.13.1   Il-KESE jemmen li l-aktar mezz raġonevoli ta’ implimentazzjoni tal-klawżoli orizzontali fir-rigward tal-aħjar interessi ta’ tfal minorenni kif ukoll il-ħtieġa għal eżaminazzjonijiet individwali, u wkoll sabiex jissolvew aspetti problematiċi oħra tar-riunifikazzjoni tal-familja, hu li jitfasslu regoli armonizzati speċifiċi dwar it-tipi kollha possibbli ta’ eżaminazzjonijiet, verifiki u spezzjonijiet. Dawn ir-regoli għandhom ikunu proporzjonali u għandhom jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top