EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1250(03)

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur” COM(2012) 556 final

ĠU C 198, 10.7.2013, p. 51–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur”

COM(2012) 556 final

2013/C 198/08

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur

COM(2012) 556 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' April 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’165 vot favur, vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ bi pjacir il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Esterna dwar l-Avjazzjoni. Fid-dawl tal-fatt li l-Ewropa qed isserraħ dejjem aktar fuq il-kummerċ estern u tar-rwol ċentrali li jaqdu l-ajruporti biex jgħaqqdu l-kontinent tagħna mal-bqija tad-dinja, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-aġenda fil-qasam tal-avjazzjoni.

1.2

B’mod partikolari, il-KESE huwa ħerqan li jara progress f’qasir żmien lejn Żona Unika tal-Avjazzjoni mkabbra li tħaddan fiha lill-ġirien tagħna kemm lejn il-Lvant Qarib, il-Lvant tal-Ewropa, ir-Russja, u t-Turkija kif ukoll il-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq. Dan għandu joffri opportunitajiet ta’ żvilupp lil ajruporti sekondarji u reġjonali minħabba li dawn is-swieq huma qrib xulxin ġeografikament u minħabba l-fatt li ħafna minnhom qed jesperjenzaw tkabbir ekonomiku sinifikanti.

1.3

Il-KESE huwa wkoll favur ħafna ta’ aġenda ambizzjuża għal-liberalizzazzjoni mal-pajjiżi BRIC u ASEAN, biex it-trasportaturi Ewropej jingħataw l-opportunità biex iżidu l-kooperazzjoni ma’ kumpaniji tal-ajru oħrajn u biex it-traffiku addizzjonali jgħaddi mill-ajruporti Ewropej.

1.4

Il-Kummissjoni tagħmel tajjeb li tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għall-industrija tal-linji tal-ajru. Il-Komunikazzjoni tidentifika b’mod korrett it-taxxi fuq l-avjazzjoni, l-għajnuna mill-istat mhux f’postha, il-konġestjoni tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru, ir-responsabbiltajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-karbonju fost il-fatturi li joħolqu tgħawwiġ fost il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.

1.5

Il-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-bżonn ta’ investiment fil-kapaċità tal-ajruporti. Hemm bżonn urġenti li tiġi garantita l-kapaċità tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea biex ma tintilifx il-kompetittività meta titqabbel ma’ reġjuni oħra li għaddejjin minn tkabbir, u b’hekk ma jitħallix li t-traffiku jintiret minn reġjuni ġirien.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

Il-Kumitat jilqa’ bi pjacir il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Esterna dwar l-Avjazzjoni.

2.2

Il-Kumitat jaqbel ħafna li l-avjazzjoni għandha rwol fundamentali fl-ekonomija Ewropea għaċ-ċittadini u għall-industrija tal-UE. Billi ssostni 5,1 miljun impjieg u tikkontribwixxi EUR 365 biljun jew 2,4 % għall-PDG Ewropew, hija tagħmel kontribut vitali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjieg fl-Unjoni Ewropea.

2.3

B’riżultat tal-isforzi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-UE, twaqqfu 1 000 ftehim bilaterali tas-servizzi tal-ajru ma’ 117-il pajjiż li mhumiex fl-UE. Sar ħafna progress fl-iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni usa’ mal-pajjiżi ġirien, bi ftehimiet iffirmati diġà ma’ pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Marokk, il-Ġordan, il-Ġeorġja u l-Moldova.

2.4

Madanakollu, it-tranżizzjoni minn relazzjonijiet bilaterali biss bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi sħab għal taħlita ta’ relazzjonijiet bilaterali u fil-livell tal-UE wasslet għal xi konfużjoni fost il-pajjiżi sħab, u l-interessi tal-UE mhux dejjem ġew definiti u mħarsa bl-aqwa mod.

2.5

Barra minn hekk, il-frammentazzjoni nazzjonali tfisser li l-industrija tal-avjazzjoni għadha soġġetta wisq għall-interessi lokali u li sserraħ wisq fuq inizjattivi ad hoc ibbażati fuq awtorizzazzjonijiet ta’ negozjar individwali biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal dħul fis-suq u tkabbir effettivi. Il-pass tal-liberalizzazzjoni mhux koordinata tas-suq fil-livell tal-Istati Membri tal-UE ma’ ċerti pajjiżi mhux fl-UE, u dik li tidher li hija l-intenzjoni ta’ xi Stati Membri li jibqgħu jagħtu drittijiet tat-traffiku tal-ajru bilaterali lil pajjiżi terzi mingħajr ma jaraw redditu raġonevoli, jew mingħajr ma jitqiesu l-implikazzjonijiet fil-livell tal-UE, huwa tali li jekk ma naġixxux issa biex nistabbilixxu politika esterna tal-UE aktar ambizzjuża u effettiva, sa ftit snin oħra jaf ikun tard wisq.

2.6

Il-Kunsill ta wkoll awtorizzazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet komprensivi mal-Awstralja u New Zealand. In-negozjati ma’ dawn il-pajjiżi għadhom ma tlestewx. Bħalissa, fl-avjazzjoni Ewropea hemm biss żewġ linji tal-ajru Ewropej li jservu l-Awstralja: il-British Airways u l-Virgin Atlantic. Qabel kien hemm ħafna aktar trasportaturi Ewropej.

2.7

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-Konklużjonijiet komprensivi tal-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni (1), iżda jqis li l-Istati Membri għandhom ikunu aktar espliċiti fl-appoġġ tagħhom għal ċerti negozjati importanti tal-UE, pereżempju billi jagħtu mandat qawwi lill-Kummissjoni biex din ‘tinnormalizza’ ir-relazzjonijiet tensi fil-qasam tal-avjazzjoni mar-Russja.

2.8

L-Amerika Latina hija suq li qed jikber b’pass imgħaġġel u l-fużjoni tal-kumpaniji LAN u TAM hija ta’ theddida kummerċjali reali għall-Iberia, it-Tap u linji tal-ajru Ewropej oħra li jservu lill-Amerika Latina. Il-konklużjoni kemm jista’ jkun malajr tal-ftehim mal-Brażil hija kwistjoni urġenti.

3.   L-importanza tal-hubs

3.1

Minkejja l-iżvilupp ta’ trasportaturi li joffru prezzijiet baxxi (low cost) li fetħu s-servizzi tagħhom għal ajruporti mhux meqjusa bħala ‘hubs’, il-hubs tal-Ewropa huma ta’ importanza kbira fl-avjazzjoni globali u r-relazzjonijiet esterni, minħabba li l-ftehimiet tat-traffiku ta’ sikwit jiffukaw fuqhom.

3.2

It-tkabbir ta’ hubs ewlenin f’postijiet bħal Abu Dhabi u Dubai huwa ta’ theddida kompetittiva sinifikanti għas-servizzi ta’ titjiriet fit-tul tal-UE. Pereżempju, il-ftehim reċenti bejn il-Quantas u l-Emirates huwa theddida serja għall-industrija tal-linji tal-ajru Ewropea.

3.3

Sabiex tkun vijabbli, hub teħtieġ livell sinifikanti ta’ domanda lokali kif ukoll netwerk estensiv ta’ servizzi ta’ kollegament (“feeder”), u huwa għalhekk li l-aktar hubs ta’ suċċess ħafna drabi jinsabu fl-ajruporti tal-bliet ewlenin, li qed isiru aktar ikkonġestjonati u li mhux qed ikunu jistgħu jespandu, l-aktar minħabba kwistjonijiet ambjentali.

3.4

Ċerti ajruporti Ewropej hubs diġà qed jillimitaw l-għadd ta’ rotot ta’ kollegament li jistgħu jiġu operati minħabba nuqqas ta’ kapaċità, u dan għandu jiġi indirizzat b’mod effettiv jekk il-kompetittività Ewropea trid tinżamm.

4.   Il-ħolqien ta’ kompetizzjoni ġusta u miftuħa

4.1

Il-kompetittività tat-trasportaturi tal-UE, li ħafna minnhom qed jitħabtu finanzjarjament, tiġi mfixkla meta l-piżijiet ekonomiċi li jwasslu għal spejjeż ogħla għal kull unità ta’ produzzjoni jkunu ogħla minn dawk ta’ trasportaturi minn reġjuni oħra tad-dinja.

4.2

Huwa importanti li titqies il-katina tal-valur kollha tal-avjazzjoni (ajruporti, fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, manifatturi, sistemi ta’ riservazzjoni bil-kompjuter, groundhandlers, eċċ.) u li l-istrutturi tal-ispejjeż, il-livell ta’ esponiment għall-kompetizzjoni f’partijiet oħra tal-katina tal-valur u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-infrastruttura fi swieq oħra ewlenin jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi vvalutata l-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE u b’mod partikolari l-linji tal-ajru tal-UE internazzjonalment.

4.3

Fi ħdan l-UE, ma nħolqux l-istess kundizzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri u dak lokali/reġjonali. Pereżempju, ma kienx hemm prevenzjoni tal-ħafna każijiet fejn ajruporti żgħar jipprovdu rati mhux kummerċjali lil-linji tal-ajru mingħajr ma jikkonformaw mal-prinċipju tal-investitur privat fis-suq. Is-sensiela ta’ investigazzjonijiet fil-fond li nfetħet dan l-aħħar dwar każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-istat lil linji tal-ajru minn ajruporti reġjonali f’diversi Stati Membri tal-UE tenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu finalizzati l-linji gwida tal-KE dwar l-Għajnuna mill-Istat li qed jiġu postposti kontinwament. L-adozzjoni reċenti ta’ regoli tal-UE dwar is-sigurtà soċjali għal ħaddiema mobbli fl-UE bħall-ekwipaġġ tal-ajru, ukoll ser itejbu t-tħaddim tas-suq uniku. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni f’ħafna każijiet fejn potenzjalment kien hemm kompetizzjoni inġusta.

5.   Strateġija ta’ tkabbir ibbażata fuq “Aktar Ewropa”

5.1

L-istudju indipendenti li twettaq għall-Kummissjoni kkalkula li permezz ta’ aktar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE ma’ pajjiżi ġirien u sħab ewlenin, partikolarment fi swieq ristretti u/jew li qed jikbru b’rata mgħaġġla, ikun hemm benefiċċji ekonomiċi sinifikanti ħafna ta’ aktar minn EUR 12-il biljun fis-sena.

5.2

Huwa ta’ importanza strateġika għall-UE li żżomm industrija tal-avjazzjoni qawwija u kompetittiva ibbażata fl-Ewropa u li tkun torbot lill-UE mal-bqija tad-dinja. Is-swieq tal-avjazzjoni li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla issa jinsabu lil hinn mill-Ewropa, u għalhekk huwa vitali li l-industrija Ewropea jkollha l-opportunità li tikber f’dawn is-swieq ukoll.

5.3

Huwa importanti li jiġi żgurat li, tul iż-żmien, minn dan il-proċess tevolvi żona ta’ avjazzjoni komuni verament integrata fejn ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi ġirien infushom isiru miftuħa u integrati wkoll. Ma jagħmilx aktar sens għall-Kunsill li jkollu jqis l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għan-negozjar ta’ ftehimiet fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż. Ikun ħafna aktar effiċjenti li l-Kummissjoni tingħata awtorizzazzjoni unika biex tinnegozja mal-bqija tal-pajjiżi ġirien, iżda xorta fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż.

5.4

Fl-ambitu tat-tielet pilastru (ftehimiet komprensivi ma’ sħab ewlenin) ġew innegozjati għadd ta’ ftehmiet importanti. Madankollu, huwa wkoll qasam fejn ċerti għanijiet ewlenin xorta għad iridu jintlaħqu, partikolarment skont il-ftehimiet UE-Stati Uniti u UE-Kanada rigward il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru.

5.5

Ħafna mill-pajjiżi għadhom iħaddnu regoli li jistipulaw li l-linji tal-ajru għandhom ikollhom il-maġġoranza tal-ishma f’idejn persuni biċ-ċittadinanza tagħhom u kkontrollati minnhom, u b’hekk dan iċaħħad lit-trasportaturi tal-ajru l-aċċess għal firxa aktar wiesgħa ta’ investituri u swieq kapitali. L-effett kien li ġiet imposta struttura ta’ industrija artifiċjali fuq is-settur tal-linji tal-ajru li ma teżistix f’industriji oħra. Fl-Istati Uniti, pereżempju, is-sjieda barranija tal-linji tal-ajru hija ristretta għal 25%. B’konsegwenza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet nazzjonali għas-sjieda u għall-kontroll feġġew tliet alleanzi globali tal-linji tal-ajru (Star Alliance, Sky Team u Oneworld), u b’mod speċifiku l-impriżi konġunti li nħolqu bejn xi wħud mill-membri tagħhom għal ċerti rotot. Dawn huma l-eqreb ħaġa għal dawk li jistgħu jissejħu linji tal-ajru globali.

5.6

Madanakollu, skont il-leġislazzjoni eżistenti tal-UE, it-trasportaturi tal-UE, mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet nazzjonali għas-sjieda u għall-kontroll iżda jistgħu jkunu proprjetà ta’ kwalunkwe interess tal-UE.

5.7

Ix-xejra ta’ konsolidazzjoni fl-Ewropa hija unika, fis-sens li fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet transfruntieri huma permessi biss fl-UE filwaqt li s-sjieda u r-reġimi ta’ kontroll jibqgħu fundamentalment imwaħħla fejn kienu ġew innegozjati fl-1944 fil-Konvenzjoni ta’ Chicago. Id-diffikultajiet li rriżultaw mid-dispożizzjonijiet attwali dwar is-sjieda u l-kontroll huma sinifikanti u jeħtieġu negozjati ma’ pajjiżi sħab u strutturi governattivi kumplessi ħafna. Il-membri ta’ alleanza jikkooperaw aktar u aktar mill-qrib biex joffru lill-konsumaturi servizz effiċjenti ta’ netwerk globali u integrat b’għadd ta’ hubs.

5.8

Wasal iż-żmien biex jittieħdu l-passi addizzjonali previsti fil-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu liberalizzati s-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru, sabiex il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jħajru l-investiment irrispettivament min-nazzjonalità tal-investitur.

6.   Prinċipji ewlenin li jiggwidaw il-politika esterna futura tal-UE dwar l-avjazzjoni

6.1

L-UE għandha tkompli tkun kuraġġuża fil-promozzjoni ta’ aktar ftuħ u liberalizzazzjoni fl-avjazzjoni, filwaqt li tassigura li jinkiseb livell sodisfaċenti ta’ konverġenza regolatorja. Fin-negozjati ma’ pajjiżi sħab, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-istandards tax-xogħol u tal-ambjent fir-rigward tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali fiż-żewġ oqsma biex jiġi evitat it-tgħawwiġ fis-suq u wieħed jevita ġirja lejn l-iktar livell baxx. Huwa importanti li l-linji tal-ajru li jservu lill-Ewropa jkunu konformi mar-regoli u r-regolamenti tal-ILO.

6.2

Fid-dawl tal-fatt li l-Ewropa qed isserraħ dejjem aktar fuq il-kummerċ estern u tar-rwol ċentrali li jaqdu l-ajruporti biex jgħaqqdu l-kontinent tagħna mal-bqija tad-dinja, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-aġenda fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-avjazzjoni.

6.3

Sabiex jittieħdu l-iktar benefiċċji possibbli, huwa importanti li l-UE tgħaġġel (qabel ma l-isforzi tal-liberalizzazzjoni bejn swieq emerġenti jitqawwew) sabiex tgawdi mill-vantaġġ li tkun tal-ewwel. Dan għandu kemm jipproteġi kif ukoll isaħħaħ il-pożizzjoni tas-suq tal-avjazzjoni Ewropea fil-livell globali. Jekk dan ma jseħħx, l-UE tkun qed tirriskja li tiġi skartata kompletament fil-flussi tat-traffiku tal-ajru globali.

6.4

“Li tkun l-ewwel li tieħu l-pass” fil-liberalizzazzjoni tal-avjazzjoni jwassal biex it-tixrid tal-istandards tekniċi Ewropej jikseb rwol importanti, b’benefiċċji sinifikanti għall-industrija ajruspazjali Ewropea.

6.5

Il-KESE ilu ħafna jappoġġja t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq is-sjieda u l-kontroll (2) bħala mezz kif it-trasportaturi jkollhom aċċess għal firxa usa’ ta’ investituri u swieq kapitali. Minħabba l-piż taż-żewġt iswieq rispettivi, għall-bidu għandha titpoġġa enfasi qawwija fuq il-fatt li jitkomplew jiżdiedu l-emendi tal-ftehimiet UE-Stati Uniti. Dan għandu l-potenzjal li jwassal għal livell ta’ riferiment għal era ġdida “wara Chicago” fl-avjazzjoni.

6.6

Il-Kummissjoni ser ikollha bżonn turi li l-approċċ ikkoordinat għan-negozjati ser jagħti riżultati fi żmien iqsar sabiex ma jkunx hemm dewmien bla bżonn meta jaslu l-opportunitajiet meta mqabbel mal-impenn bilaterali. Bħalissa qed nixhdu dewmien mhux mixtieq fl-iffirmar tal-ftehim bilaterali mal-Brażil. Hemm bżonn jissemma wkoll li l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għat-tisħiħ tal-politika Ewropea esterna tal-avjazzjoni u li l-Kummissjoni għandha bżonn mandati ta’ negozjar b’saħħithom b’mod partikolari fil-promozzjoni tar-regoli tas-suq tal-UE għall-istati u r-reġjuni fejn l-avjazzjoni taħdem bi standards differenti ħafna.

6.7

Il-pożizzjoni tal-industrija Ewropea tieħu daqqa oħra lura jekk wieħed mit-trasportaturi tal-Lvant Nofsani jieħu l-kontroll ta’ waħda mil-linji tal-ajru Indjani li jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji.

7.   It-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ sħab ewlenin

7.1

Minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħha, l-industrija Ewropea tal-merkanzija u l-posta rapida b’mod partikolari qed issofri mad-dinja kollha minn ftehimiet bilaterali restrittivi tas-servizzi bl-ajru u għandha tingħata prijorità għolja meta jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tas-suq.

7.2

B’mod partikolari, il-KESE huwa ħerqan li jara progress f’qasir żmien lejn Żona Unika tal-Avjazzjoni mkabbra li tħaddan fiha lill-ġirien tagħna kemm lejn il-Lvant Qarib, il-Lvant tal-Ewropa, ir-Russja, u t-Turkija kif ukoll il-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq. Dan għandu joffri opportunitajiet ta’ żvilupp lil ajruporti sekondarji u reġjonali minħabba li dawn is-swieq huma qrib xulxin ġeografikament u minħabba l-fatt li ħafna minnhom qed jesperjenzaw tkabbir ekonomiku sinifikanti. Aġenda pożittiva u prammatika għall-kooperazzjoni mat-Turkija għandha tippermetti progress li jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet biex jiġu riżolti kwistjonijiet konkreti fir-reġjun. B’mod partikolari, għandu jiġi avvanzat ftehim bilaterali dwar is-sikurezza.

7.3

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi wkoll aġenda ta’ liberalizzazzjoni ambizzjuża mal-pajjiżi BRIC u ASEAN. Dawn in-nazzjonijiet f’qasir żmien qed isiru l-fornituri globali ewlenin kemm ta’ materja prima kif ukoll ta’ oġġetti u servizzi manifatturati, u l-popolazzjonijiet tagħhom għandhom tendenza jivvjaġġaw ħafna. Intwerew benefiċċji ekonomiċi potenzjali sinifikanti mill-ftehimiet komprensivi tal-UE dwar it-trasport bl-ajru maċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun u l-Amerika Latina. Dawn il-ftehimiet għalhekk għandhom jiġu segwiti. Il-liberalizzazzjoni tat-traffiku tal-ajru għandu jagħti l-opportunità lit-trasportaturi Ewropej biex iżidu l-kooperazzjoni ma’ linji tal-ajru oħrajn f’dawn ir-reġjuni u jgħaddu traffiku addizzjonali minn ajruporti Ewropej.

7.4

Huwa importanti wkoll li kull ftehim ikun ta’ natura reċiproka, u li jgawdu minnu kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, ir-Russja mill-aktar fis possibbli jeħtieġ turi l-impenn tagħha għall-ftehim tal-2011 dwar l-implimentazzjoni tal-“Prinċipji maqbula dwar il-modernizzazzjoni tas-sistema tat-titjir fuq territorju Siberjan”. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri, għandha tieħu l-miżuri neċessarji jekk l-impenji ma jiġux rispettati.

7.5

Ir-relazzjonijiet mal-Istati tal-Golf fl-aħħar snin kienu fil-biċċa l-kbira proċess f’direzzjoni waħda ta’ ftuħ tas-swieq tal-UE għat-trasportaturi tal-Golf, li ħoloq żbilanċi sinifikanti fl-opportunitajiet. Minħabba l-potenzjal ta’ żieda fit-traffiku li jintwiret minn postijiet oħra, mhux qed jiġi rakkomandat li l-Istati tal-Golf jingħataw enfasi fit-tkomplija tan-negozjati.

8.   Investiment fl-ajruporti

8.1

Il-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-bżonn ta’ investiment fil-kapaċità tal-ajruporti. Iżda, din it-taqsima tal-proposta teħtieġ aktar kjarifiki dwar liema huma l-azzjonijiet proposti biex jitwasslu l-għanijiet, kif ukoll ir-relazzjoni mal-proposta tal-Kummissjoni li saret aktar qabel dwar il-“Pakkett tal-Ajruporti” (3).

8.2

Hemm bżonn urġenti li tiġi garantita l-kapaċità tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea biex ma tintilifx il-kompetittività meta titqabbel ma’ reġjuni oħra li għaddejjin minn tkabbir, u b’hekk ma jitħallix li t-traffiku jintiret minn reġjuni ġirien.

8.3

Il-ħsara għall-ekonomija Ewropea ser tibda ħafna qabel ma d-domanda taqbeż l-offerta. Skont il-Eurocontrol, ladarba ajruporti ‘hub’ jibdew jużaw aktar minn 75 % tal-kapaċità teoretika massima tagħhom, il-ħila tagħhom li jkampaw b’mod effiċjenti b’temp ħażin, dewmien ikkawżat mill-operattiv, u li jipprovdu konnettività tat-titjiriet ta’ min joqgħod fuqha tonqos malajr.

8.4

Barra minn hekk, fis-sigħat l-aktar biżlin, il-passiġġieri qed iħallsu aktar milli jkollhom iħallsu kieku kien hemm kapaċità akbar. Pereżempju, il-Kumitat tat-Trasport tal-House of Commons tar-Renju Unit, dan l-aħħar ġie infurmat li sal-2030 il-vjaġġaturi jistgħu jkunu qed iħallsu sa GBP 1,2 biljun f’biljetti tal-ajru jekk ma jkunx hemm espansjoni tal-ajruporti fix-Xlokk tal-Ingilterra.

8.5

Il-kapaċità tal-ajruporti trid tiġi monitorjata fil-livell tal-UE, u l-linji gwida tal-UE għandhom jiġu rispettati. Dan ser jipprovdi lill-awtoritajiet lokali b’qafas komuni komprensiv meta jkunu qed iqisu skemi ta’ espansjoni tal-ajruporti.

8.6

Filwaqt li l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruporti ewlenin hija assolutament meħtieġa għat-tul, għad fadal ukoll il-bżonn li jsir l-aħjar użu mill-kapaċità eżistenti, b’mod partikolari rigward is-slots tal-ajruporti. Hemm bżonn li l-ajruporti jingħataw is-setgħa jwieġbu għall-bidliet fil-provvista u d-domanda, u li jkunu kapaċi jiggwidaw l-użu tas-slots tal-ajruporti tagħhom lejn l-aħjar riżultat ekonomiku. F’dan il-kuntest huwa importanti li l-element tas-slots tal-Pakkett tal-Ajruporti attwali (4), ikompli jiffaċilita prestazzjoni mtejba fl-użu tal-kapaċità tal-ajruporti billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-lokalità meta jiġu allokati s-slots, għax dan effettivament ikun l-uniku mod kif ċerti ajruporti ser ikunu kapaċi jikbru fil-ġejjieni. L-użu tar-runways fl-ajruporti ewlenin qiegħed l-ogħla li jista’ jkun f’ħafna każijiet, filwaqt li hemm ħafna kapaċità f’ajruporti reġjonali qrib.

8.7

Ajruporti mhux hubs ukoll jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tnaqqis tal-konġestjoni tal-hubs ewlenin tal-Ewropa, biex b’hekk is-settur tal-ajruporti Ewropej ikun jista’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu fuq quddiem. Peress li l-espansjoni tar-runways u tal-faċilitajiet tat-terminali fl-ajruporti ewlenin tieħu ħafna żmien, l-użu ikbar u investiment adegwat f’ajruporti mhux hub jistgħu itaffu l-problemi tal-kapaċità b’mod immedjat. Netwerk żviluppat tajjeb ta’ dawn l-ajruporti mhux hub u reġjonali ser itejjeb ukoll is-sikurezza tal-passiġġieri, billi jiżgura, fost affarijiet oħra, li netwerk ta’ emerġenza jew ajruporti alternattivi jkunu disponibbli f’każ li t-temp imur għall-agħar jew f’ċirkostanzi oħra.

8.8

Il-KESE jtenni wkoll l-appell tiegħu għall-introduzzjoni mingħajr iktar dewmien ta’ sigurtà f’post wieħed, għax dan ifisser tfaddil kbir fl-ispejjeż għal-linji tal-ajru, u jiffranka wkoll il-ħin għall-passiġġieri. Għaldaqstant is-suġġett għandu jiġi indirizzat bħala prijorità mal-imsieħba ċentrali.

9.   Ajru UNIKU / SESAR

9.1

Hemm bżonn ta’ blokkijiet ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs) sabiex l-Ajru Uniku Ewropew jimxi ’l quddiem. Il-blokkijiet ta’ spazju tal-ajru funzjonali kollha kellhom ikunu qed jaħdmu fl-4 ta’ Diċembru 2012. Minħabba li l-kwistjoni tal-ottimizzazzjoni tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-ġestjoni effettiva tal-volum tat-traffiku tal-ajru hija waħda kritika, huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tieħu l-passi fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kontra dawk l-Istati Membri li ma kisbux dak li kien mitlub.

9.2

It-twettiq bla xkiel u konsistenti tal-proposti tal-Kummissjoni jista’ jgħin lill-industrija tikber b’mod sostenibbli u għaldaqstant tikkontribwixxi b’mod sħiħ għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea.

10.   Għodod li għandhom jiġu applikati

10.1

Ftehimiet komprensivi dwar is-servizzi tal-ajru ma’ pajjiżi ġirien u sħab ewlenin u tal-istess ħsieb għandhom jindirizzaw u jissinkronizzaw il-kundizzjonijiet regolatorji għal kompetizzjoni ġusta u għal industrija sostenibbli tal-avjazzjoni, inkluż aspetti essenzjali bħas-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u r-regolazzjoni ekonomika.

10.2

X’sura ser jieħu eżattament l-istrument il-ġdid propost biex jipproteġi l-interessi Ewropej kontra l-prattiċi inġusti għadu mhux ċar kompletament, iżda għandu jieħu s-sura ta’ proċedura ta’ ilmenti usa’ li tindirizza s-“sussidji moħbija” li huma riflessi fit-tariffi. Wieħed jassumi li dan jikseb piż legali permezz ta’ “klawżoli ta’ kompetizzjoni ġusta” li l-Kummissjoni qed tippjana li tiffirma ma’ dawn l-istati esterni.

10.3

Il-Kummissjoni tagħmel tajjeb li tiġbed l-attenzjoni li l-ħtieġa għall-kisba tal-istess kundizzjonijiet internazzjonalment tiġi akkumpanjata bi sforzi simili fi ħdan l-Ewropa. L-industrija tal-avjazzjoni tal-Ewropa hija soġġetta għal piżijiet regolatorji u inkonsistenzi dejjem ikbar. Il-Komunikazzjoni tidentifika b’mod korrett it-taxxi fuq l-avjazzjoni, għajnuniet mill-istat mhux f’posthom, il-konġestjoni tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru, ir-responsabbiltajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-karbonju fost il-fatturi li joħolqu tgħawwiġ fost il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.

10.4

Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS). L-ETS hija kwistjoni taħraq fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-politika esterna tal-avjazzjoni. Iċ-Ċina u l-Indja rrifjutaw li jikkonformaw, filwaqt li l-Kungress tal-Istati Uniti għadda leġislazzjoni li tagħmilha illegali għal-linji tal-ajru li jobdu r-regoli tal-UE. Filwaqt li tiżgura li l-kwistjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tibqa’ kwistjoni kritika, l-UE għandha bżonn tagħti ċ-ċans lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) toħroġ bi proposta għal soluzzjoni globali li magħha jistgħu jaqblu l-pajjiżi msieħba kollha fl-Assemblea tal-ICAO fil-Ħarifa tal-2013, minflok ma l-avjazzjoni tal-UE titpoġġa fi żvantaġġ kompetittiv (5).

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Konklużjonijiet tat-3213-il laqgħa tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija, Brussell, 20 ta’ Diċembru 2012.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi fis-settur tat-trasport bl-ajru”, ĠU C 306 – 16/12/2009, pp. 1-6.

(3)  COM(2011) 823 final; ĠU C 277, 13.9.2012, p. 110–124.

(4)  COM/2011/0827 final/2 - 2011/0391 (COD).

(5)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità” - COM(2012) 697 final - 2012/328 (COD)), Kat. B1.


Top