Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0487

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi” COM(2011) 518 finali

    ĠU C 143, 22.5.2012, p. 110–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 143/110


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi”

    COM(2011) 518 finali

    2012/C 143/21

    Relatur: is-Sur JÍROVEC

    Nhar it-30 ta’ Awwissu 2011 il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 31 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi

    COM(2011) 518 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2012.

    Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’117-il vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni tar-regolament propost. Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li jiġi vvalutat l-impatt tar-Regolament sentejn wara l-implimentazzjoni tiegħu. Ikun utli wkoll li din il-kwistjoni tiġi riveduta fi żmien ħames snin biex isir monitoraġġ tal-ostakli li jista’ jkun għad hemm għall-funzjonament tajjeb u sikur tat-trasport tal-materjali radjuattivi fl-Unjoni Ewropea.

    1.2

    Il-KESE jippreferi t-tieni għażla proposta fir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, jiġifieri: Regolament b’regoli armonizzati u rwol tal-Awtoritajiet Kompetenti li jkun aktar effiċjenti.

    1.3

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji għall-għoti tar-reġistrazzjoni jiġu armonizzati.

    1.4

    Is-sistema ta’ reġistrazzjoni fuq il-web għandha tkun stabbilita, ivverifikata u funzjonali meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.

    1.5

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-istabbiliment ta’ aġenzija ġdida – kif ġie kkunsidrat fl-Għażla 3 – iżid il-burokrazija għan-negozji, filwaqt li jitnaqqas l-effett tar-Regolament b’mod ġenerali.

    1.6

    Il-KESE jinnota li l-assigurazzjoni rikjesta għat-trasportaturi tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Għalkemm tali assigurazzjoni ma tistax tiġi koperta fil-proċedura tar-reġistrazzjoni minħabba l-bażi legali, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jaslu għall-armonizzazzjoni tal-iskemi tal-assigurazzjoni meħtieġa.

    1.7

    Id-definizzjonijiet kif ikunu mniżżla fir-Regolament għandhom ikunu kemm jista’ jkun konsistenti mal-Glossarju tal-IAEA, speċjalment id-definizzjoni ta’ “trasportaturi” filwaqt li jiġi kkunsidrat li d-definizzjonijiet iridu jkunu konformi mal-leġislazzjoni Euratom, b’mod partikolari d-Direttiva 96/29/Euratom.

    1.8

    L-applikant għandu jingħata l-possibbiltà li jikkoreġi jew iżid mal-informazzjoni fl-applikazzjoni tiegħu flok ma jiġi rifjutat mingħajr aktar analiżi (Artikoli 5.7 u 5.10).

    2.   Introduzzjoni u punti prinċipali tal-proposta għal Regolament

    2.1

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li l-proċeduri ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni jinbidlu b’sistema ta’ reġistrazzjoni unika għat-trasport ta’ materjali radjuattivi li tgħin fis-semplifikazzjoni tal-proċedura, tnaqqas il-burokrazija żejda u tneħħi l-ostakli għad-dħul, filwaqt li żżomm il-livelli għoljin ta’ protezzjoni mir-radjazzjoni li ntlaħqu sal-lum.

    2.2

    Fil-livell Ewropew, it-trasportaturi tal-materjali radjuattivi huma koperti mil-leġislazzjoni tat-trasport taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-leġislazzjoni dwar aspetti relatati speċifikament mar-radjazzjoni, inkluża l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom).

    2.3

    Il-leġislazzjoni tat-TFUE ġiet issemplifikata bid-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, li tkopri l-modi kollha tat-trasport intern.

    2.4

    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 tistabbilixxi l-istandards ta’ sikurezza bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali minn perikli li joriġinaw mir-radjazzjoni jonizzanti. Skont l-Artikolu 30 tat-Trattat, dawn l-istandards bażiċi huma:

    id-dożi massimi permissibbli kompatibbli ma’ sikurezza adegwata;

    il-livelli massimi permissibbli ta’ esponiment u kontaminazzjoni;

    il-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema.

    L-Artikolu 33 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu dispożizzjonijiet adatti sabiex jiżguraw il-konformità mal-livelli bażiċi.

    2.5

    Sabiex jipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali u sabiex ix-xogħol tagħhom jiġi ffukat aħjar, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jeħtieġ li jkunu jafu fuq liema persuni, organizzazzjonijiet jew intrapriżi jridu jwettqu kontrolli. Għal dan il-għan, l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva jesiġu li l-Istati Membri jissottomettu ċerti prattiki li jinvolvu periklu minn radjazzjoni jonizzanti għal sistema ta’ rappurtar (notifika) u awtorizzazzjoni jew projbizzjoni minn qabel ta’ ċerti prattiki.

    Id-Direttiva 96/29/Euratom tapplika għall-prattiki kollha li jinvolvu riskju minn radjazzjoni jonizzanti li tkun ġejja minn sors artifiċjali jew minn sors ta’ radjazzjoni naturali, inkluż it-trasport.

    2.6

    Meta titqies in-natura transkonfinali frekwenti tal-operazzjonijiet tat-trasport, trasportatur jista’ jkollu jsegwi dawn il-proċeduri ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni fl-Istati Membri kollha kkonċernati. Barra minn hekk, l-Istati Membri implimentaw dawn il-proċeduri f’sistemi differenti, biex b’hekk żdiedet il-kumplessità ta’ operazzjonijiet tat-trasport bħal dawn u tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni.

    2.7

    Dan ir-Regolament jissostitwixxi s-sistemi ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni fl-Istati Membri stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom b’reġistrazzjoni unika permezz ta’ Sistema Ewropea għar-Reġistrazzjoni tat-Trasportaturi. It-trasportaturi għandhom japplikaw permezz ta’ interfaċċja ċentrali tal-web. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti nazzjonali rispettiva li toħroġ ir-reġistrazzjoni jekk l-applikant jissodisfa l-livelli bażiċi tas-sikurezza. Fl-istess ħin, is-sistema tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ħarsa ġenerali aħjar tat-trasportaturi li joperaw f’pajjiżhom.

    2.8

    Ir-Regolament jadotta approċċ differenzjat (“iggradat”) billi jeskludi mill-proċedura tar-reġistrazzjoni t-trasportaturi li jittrasportaw esklużivament “pakketti ta’ eċċezzjoni”. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex iżidu r-rekwiżiti addizzjonali tar-reġistrazzjoni għal trasportaturi ta’ materjali fissili u b’radjuattività għolja.

    2.9

    Il-liġi Komunitarja u nazzjonali kif ukoll ir-regoli internazzjonali l-oħra rigward il-protezzjoni fiżika, is-salvagwardji, u r-responsabbiltà ta’ terzi persuni jibqgħu japplikaw, speċjalment id-Direttiva 2008/68/KE.

    2.10

    Dan ir-Regolament jillibera r-riżorsi għal użu alternattiv fl-awtoritajiet kompetenti involuti bħalissa f’dawn il-proċeduri amministrattivi, billi r-reġistrazzjoni tiġi eżaminata minn awtorità kompetenti waħda biss.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-KESE jippreferi t-tieni għażla proposta fir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, jiġifieri: Regolament b’regoli armonizzati u rwol tal-Awtoritajiet Kompetenti li jkun aktar effiċjenti.

    3.2

    Regolament imur pass iktar ’il quddiem minn rakkomandazzjoni – billi a) jipproponi regoli armonizzati li japplikaw direttament, bħal sistema ta’ reġistrazzjoni komuni għat-trasportaturi li telimina s-sistemi differenti ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni li jintużaw fl-Istati Membri, u b) jagħti aċċess lit-trasportaturi għas-suq tat-trasport tal-EU27 permezz ta’ proċedura waħda mħaffa, filwaqt li jadotta approċċ differenzjat. Il-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika sikura għall-iskambju neċessarju tad-data.

    3.3

    Għalkemm l-għażliet analizzati mill-ECORYS – l-esperti indipendenti li wettqu studju ta’ appoġġ għall-Kummissjoni – jidhru li għandhom impatt pjuttost modest minn perspettiva globali, dan l-impatt fil-fatt huwa rilevanti għal settur tant żgħir. L-impatti huma kkategorizzati f’ħames gruppi, li huma: Spejjeż u tariffi għas-settur pubbliku, effetti regolatorji, trasport, sikurezza u ambjent, u impatti soċjali.

    3.4

    Il-kumpaniji ż-żgħar u ta’ daqs medju huma mistennija jibbenefikaw fir-rigward tal-iffrankar totali li jagħmlu b’dawn l-għażliet: iktar ma jkun hemm iffrankar globali, iktar jiffrankaw dawn l-intrapriżi, li minħabba fil-kumplessità u l-ispejjeż għoljin preżentement huma spiss imblukkati milli jidħlu fis-suq.

    3.5

    Regolament iwassal għall-iffrankar ta’ EUR 13,6 miljuni fis-sena iktar mix-xenarju bażi billi jipprevedi, fost affarijiet oħra, ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tat-trasportaturi. Tali approċċ inaqqas il-burokrazija għat-trasportaturi, l-utenti u l-produtturi, filwaqt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi fi ħdan l-awtoritajiet. Dawn imbagħad ikunu jistgħu jintużaw, tal-inqas parzjalment, għall-verifiki tal-konformità, u fil-fatt in-nuqqas tagħhom huwa waħda mill-problemi msemmija hawn fuq.

    3.6

    Minħabba li regolament huwa vinkolanti, din l-għażla tkun effettiva biex tgħin jintlaħqu l-għanijiet – jiġifieri li tiġi ssemplifikata s-sistema, li tiġi introdotta t-trasparenza u li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sikurezza.

    3.7

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-istabbiliment ta’ aġenzija ġdida – kif ikkunsidrat fl-Għażla 3 – iżid il-burokrazija għan-negozji, filwaqt li jnaqqas l-effett tar-Regolament inġenerali.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1

    Id-definizzjonijiet kif inhuma mniżżla fir-Regolament għandhom ikunu kemm jista’ jkun konsistenti mal-Glossarju tal-IAEA, speċjalment id-definizzjoni ta’ “trasportaturi” filwaqt li jiġi kkunsidrat li d-definizzjonijiet iridu jkunu konformi mal-leġislazzjoni Euratom, b’mod partikolari d-Direttiva 96/29/Euratom.

    4.2

    Il-KESE jaqbel li hemm bżonn jiġi vvalutat l-impatt tar-Regolament sentejn wara l-implimentazzjoni tiegħu. Ikun utli wkoll li din il-kwistjoni tiġi riveduta fi żmien ħames snin biex isir monitoraġġ tal-ostakli li jista’ jkun għad hemm għall-funzjonament tajjeb u sikur tat-trasport tal-materjali radjuattivi fl-Unjoni Ewropea.

    4.3

    Sistema komuni u uniformi għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi fl-UE se tinkiseb bl-abbozz għal proposta attwali. L-Artikolu 3(3) jippermetti li trasportatur jittrasporta materjali radjuattivi mingħajr reġistrazzjoni addizzjonali taħt dan ir-Regolament jekk huwa jkollu diġà reġistrazzjoni għall-użu jew l-immaniġġar u t-trasport ta’ dak il-materjal. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-partijiet interessati tinvestiga l-possibilità ta’ arranġamenti tranżizzjonali għad-detenturi tar-reġistrazzjonijiet tat-trasport.

    4.4

    L-Artikolu 3(4) jipprovdi għal rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni addizzjonali għall-materjali b’riskju partikolari għas-saħħa. Il-KESE jixtieq li din il-lista ta’ materjali tkun tinkludi dawk il-materjali ttrasportati b’approvazzjonijiet multilaterali.

    4.5

    Il-KESE jinnota li l-assigurazzjoni rikjesta għat-trasportaturi tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Għalkemm tali assigurazzjoni ma tistax tiġi koperta fil-proċedura tar-reġistrazzjoni minħabba l-bażi legali, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jaslu għall-armonizzazzjoni tal-iskemi tal-assigurazzjoni meħtieġa.

    4.6

    Ir-reġistrazzjoni tat-trasportaturi li ssir fuq il-web għandha tkun disponibbli minn qabel, ittestjata u funzjonali. Dan iserraħ moħħ l-operaturi u lill-awtoritajiet kompetenti, u dan is-sentiment jinkiseb ukoll bl-estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni qabel id-dħul fis-seħħ skont l-arranġamenti tranżizzjonali konkreti skont l-Artikolu 4.6.

    4.7

    Għandha tiġi żgurata flessibbiltà akbar fil-proċedura li twassal għar-reġistrazzjoni. L-applikant għandu jingħata l-possibbiltà li jikkoreġi jew iżid mal-informazzjoni fl-applikazzjoni tiegħu flok ma jiġi rifjutat mingħajr aktar analiżi (Artikoli 5.7 u 5.10).

    4.8

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji għall-għoti tar-reġistrazzjoni jiġu armonizzati.

    Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    Top