Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0477

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) 1081/2006” COM(2011) 607 finali — 2011/0268 (COD)

    ĠU C 143, 22.5.2012, p. 82–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 143/82


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) 1081/2006”

    COM(2011) 607 finali — 2011/0268 (COD)

    2012/C 143/16

    Relatur: is-Sur VERBOVEN

    Korelatur: is-Sur CABRA DE LUNA

    Nhar is-27 ta’ Ottubru 2011 u nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) 1081/2006

    COM(2011) 607 final – 2011/0268 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Jannar 2012.

    Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’217-il vot favur, 5 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-prinċipji tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll tas-solidarjetà huma stabbiliti fit-Trattati u huma tnejn mill-iktar pilastri importanti għall-integrazzjoni tal-popli, iċ-ċittadini u t-territorji. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), bħala strument finanzjarju Ewropew prinċipali maħsub biex jappoġġja r-riżorsi umani ser ikompli jikkontribwixxi sabiex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hekk kif stipulat fl-Artikolu 162 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    1.2   Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandha tibqa’ fil-qofol tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-atturi kollha tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk relatati mal-volontarjat, għandhom jiġu rikonoxxuti biċ-ċar bħala fattur importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; dan hu appoġġjat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2011 (1).

    1.3   Fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tat-Trattat, il-KESE jistqarr li l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet finanzjati mill-FSE għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġni etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u għandha tippromovi wkoll ir-rispett tal-obbligi kollha mniżżlin fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, b’mod speċjali f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni, l-impjieg u l-aċċessibbiltà.

    1.4   Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jkun l-istrument favorit għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, b’mod speċjali dawk relatati mal-impjieg, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. Dan għandu jappoġġja l-politiki segwiti mill-Istati Membri fil-qafas tal-Linji Gwida Integrati u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR). Il-KESE huwa tal-fehma li l-PNR għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, għanijiet relatati mal-inklużjoni soċjali tal-aktar gruppi vulnerabbli, bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li ilhom żmien twil mingħajr xogħol, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà – sabiex il-PNR ikunu maħsuba biex jilħqu l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà – u l-minoranzi etniċi, flimkien ma’ miri għall-ksib tal-għan ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020 li n-numru ta’ nies li jgħixu fil-faqar jonqos b’20 miljun sal-2020.

    1.5   Il-promozzjoni tal-impjieg u tal-inklużjoni soċjali (b’mod speċjali permezz tal-impjieg), b’mod partikolari tal-aktar gruppi vulnerabbli, bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li ilhom żmien twil mingħajr xogħol, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi, hija, u għandha tibqa’, il-prijorità tal-FSE fir-reġjuni kollha tal-UE. F’kull Stat Membri, mill-inqas 40 % tar-riżorsi kollha tal-FSE għandhom jintużaw għat-twettiq tal-għan tematiku “il-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol”.

    1.6   Il-KESE jappoġġja l-enfasi mqiegħda fuq l-innovazzjoni soċjali u l-possibbiltajiet li jiġu appoġġjati proġetti fil-qasam tal-ekonomija soċjali, l-intraprenditorija soċjali u l-intrapriżi soċjali.

    1.7   Iż-żieda fl-investiment fl-infrastruttura, il-kompetittività reġjonali u l-iżvilupp tal-intrapriżi għandha tiġi akkumpanjata minn miżuri li għandhom l-għan joħolqu impjiegi sostenibbli fil-qasam tal-politiki tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, l-adattabilità tal-ħaddiema, l-intrapriżi u l-kapijiet tal-intrapriżi, kif ukoll il-kapaċità amministrattiva.

    1.8   L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi kif ukoll il-politiki Ewropej relatati mal-inklużjoni soċjali għandhom jerġgħu jkunu fil-qofol tal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġ li jingħataw aktar fondi għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar.

    1.9   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Qafas Strateġiku Komuni jirrifletti l-prijoritajiet ta’ investiment li ġejjin mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, billi jelenka fid-dettall l-opportunitajiet li joffri suq tax-xogħol aktar miftuħ u aċċessibbli, b’mod partikolari għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol (bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li ilhom żmien twil mingħajr xogħol, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi, eċċ.).

    1.10   Il-KESE jappoġġja l-kontribut li l-FSE jagħmel lill-prijoritajiet l-oħra tal-Istrateġija Ewropa 2020 – ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, iż-żieda fil-kompetittività tal-SMEs, il-protezzjoni tal-ambjent, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u l-użu sostenibbli tar-riżorsi.

    1.11   Il-KESE jappoġġja l-konċentrazzjoni tematika u l-komplementarjetà mal-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra sabiex jinkiseb impatt suffiċjenti u viżibbli.

    1.12   Il-KESE jappoġġja l-proposta li tistabbilixxi li mill-inqas 20 % tar-riżorsi kollha tal-FSE jiġu allokati għat-twettiq tal-għan tematiku “il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar,” maħsub sabiex jinkludi ċ-ċittadini l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol.

    1.13   Il-prinċipju ta’ sħubija, li jinkludi l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, fosthom l-imsieħba ambjentali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-korpi inkarigati mill-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni, jikkostitwixxi l-garanzija meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-miżuri marbuta mal-Fondi Strutturali u b’mod partikolari mal-Fond Soċjali Ewropew.

    1.14   Il-kodiċi ta’ kondotta Ewropew għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ sħubija għandu jikkjarifika r-rwol ta’ kull imsieħeb fil-livelli differenti kif ukoll jikkjarifika l-fatt li, filwaqt li d-djalogu soċjali jaqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-imsieħba soċjali, l-imsieħba kollha rikonoxxuti mill-Artikolu 5 tal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi (2) għandu jkollhom aċċess garantit għall-fażijiet differenti tal-implimentazzjoni tal-Fondi, inklużi d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi, u għandhom jirċievu finanzjament adegwat sabiex tiġi garantita l-parteċipazzjoni tagħhom.

    1.15   Il-KESE jirrifjuta kompletament il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu applikati sanzjonijiet finanzjarji u inċentivi għall-Fondi Strutturali b’rabta mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    1.16   Il-Fondi Strutturali waħidhom mhumiex biżżejjed biex niffaċċjaw il-kriżi. L-Ewropa teħtieġ governanza ekonomika differenti li tagħti importanza lill-ġestjoni responsabbli, ibbażata fuq it-tkabbir u l-kompetittività, li tiffavorixxi l-investimenti fir-riżorsi umani u tippromovi l-ġustizzja, il-koeżjoni u l-prinċipju tas-solidarjetà u tal-integrazzjoni soċjali. Il-baġit tal-UE għandu jiġi riformat skont dawn il-prinċipji.

    1.17   Il-baġit allokat lill-Fond Soċjali Ewropew għandu jinżamm, mill-inqas, fl-istess livell bħal dak tal-aħħar perjodu ta’ programmazzjoni. Il-Fond għandu jappoġġja wkoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u s-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri komuni tal-Ewropa.

    2.   Sfond: il-proposti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE u tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020

    2.1   Nhar is-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew adotta l-qafas politiku ġdid għall-għaxar snin li ġejjin, jiġifieri l-Istrateġija Ewropa 2020.

    2.2   Nhar id-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta dwar “Il-Baġit għall-Istrateġija Ewropa 2020” li tiddefinixxi l-perspettivi finanzjarji l-ġodda tal-UE għall-perjodu 2014-2020.

    2.3   Nhar is-6 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti leġislattivi tagħha fir-rigward tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew.

    2.4   Is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati ġew ikkonsulati b’mod estiż dwar dawn il-proposti. Din il-konsultazzjoni tlestiet fl-aħħar tas-sena. F’Jannar 2012, il-Kummissjoni ser tippubblika l-aħħar ġabra ta’ proposti dwar il-Qafas Strateġiku Komuni, li ser titressaq lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    2.5   Rigward dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-futur tal-FSE, nhar il-15 ta’ Marzu 2011 il-KESE adotta opinjoni dwar “Il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013” (3). Jeħtieġ li neżaminaw jekk l-elementi prinċipali ġewx inklużi fil-proposta għal regolament futur tal-FSE li huwa s-suġġett ta’ din l-opinjoni.

    2.6   Il-kuntest ekonomiku: sabiex ikun hemm analiżi adegwata tal-perspettivi finanzjarji l-ġodda, ma nistgħux ninjoraw l-isfond ġenerali, b’mod partikolari l-isfidi tal-ġlobalizzazzjoni, il-perspettivi demografiċi u migratorji u, fuq kollox, il-kriżi profonda ekonomika li biddlet radikalment il-prinċipji li fuqhom kienet tibbaża l-Istrateġija Ewropa 2020. Għaldaqstant huwa essenzjali li ż-żieda fl-investiment fl-infrastruttura, il-kompetittività reġjonali u l-iżvilupp tal-intrapriżi, b’mod speċjali l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, tiġi akkumpanjata minn miżuri li għandhom l-għan joħolqu impjiegi sostenibbli fil-qasam tal-politiki tas-suq tal-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, l-adattabilità tal-ħaddiema, l-intrapriżi u l-kapijiet tal-intrapriżi.

    2.7   L-objettivi u l-istrumenti inklużi fl-Istrateġija Ewropa 2020, li huma fundamentalment pożittivi, għandhom jiġu orjentati aħjar u adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida. Dan għandu jsir fil-kuntest ta’ suq tax-xogħol regolat u inklużiv, li joffri liċ-ċittadini Ewropej – speċjalment dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol (bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li ilhom żmien twil mingħajr xogħol, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi, eċċ.) – possibbiltajiet ta’ impjieg stabbli u ta’ kwalità, adatti għall-kompetenzi li jkunu kisbu.

    2.8   Għandu jsir bosta titjib fl-implimentazzjoni u fl-aspetti prattiċi u l-aċċess għall-finanzjament tal-FSE. Dan it-titjib jikkonsisti l-aktar fi tnaqqis ta’ burokrazija qabel u waqt l-implimentazzjoni tal-programm operattiv permezz ta’ flessibbiltà fil-proċeduri għall-aċċess tal-fondi, tħaffif b’mod speċjali tas-sistema ta’ pagament sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż finanzjarji għal dawk li jimplimentaw il-programmi, u semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ fatturazzjoni u ta’ regolarizzazzjoni tal-kontijiet; huwa mixtieq, fost affarijiet oħra, li jiġi stabbilit l-użu tal-prinċipju ta’ rati uniċi li jkun aktar estiż filwaqt li jibqa’ realistiku.

    2.9   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Qafas Strateġiku Komuni jirrifletti l-prijoritajiet ta’ investiment li ġejjin mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, billi jelenka fid-dettall l-opportunitajiet li joffri suq tax-xogħol aktar miftuħ u aċċessibbli, b’mod partikolari għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol (bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li ilhom żmien twil mingħajr xogħol, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi, eċċ.). Jeħtieġ li s-sussidji globali jintużaw aktar sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għall-fondi għall-NGOs iż-żgħar.

    2.10   Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jkun l-istrument favorit għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, b’mod speċjali dawk relatati mal-impjieg, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. Dan għandu jappoġġja l-politiki segwiti mill-Istati Membri fil-qafas tal-Linji Gwida Integrati u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Il-KESE huwa tal-fehma li l-PNR għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, għanijiet relatati mal-inklużjoni soċjali tal-aktar gruppi vulnerabbli, bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li ilhom żmien twil mingħajn xogħol, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà – sabiex il-PNR ikunu maħsuba biex jilħqu l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà – u l-minoranzi etniċi, flimkien ma’ miri għall-ksib tal-għan ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020 li n-numru ta’ nies li jgħixu fil-faqar jonqos b’20 miljun sal-2020.

    2.11   Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jappoġġja l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u s-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri komuni tal-Ewropa.

    3.   Kummenti ġenerali dwar il-proposta għal regolament futur tal-FSE

    3.1   Jeħtieġ li jissaħħaħ il-baġit tal-UE, b’mod partikolari l-kapitoli ddedikati għall-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni (inkluża l-innovazzjoni soċjali) u l-iżvilupp sostenibbli, fil-pjani nazzjonali u reġjonali.

    3.2   Il-KESE huwa tal-fehma li, minħabba l-proposta tal-Kummissjoni, l-ammont totali tal-baġit tal-UE xorta ser jitnaqqas, minkejja l-introduzzjoni eventwali tal-Imposta Globali fuq it-Transazzjonijiet u ż-żieda tal-Fond Soċjali Ewropew.

    3.3   Kif diġà huwa l-każ fil-perjodu attwali ta’ programmazzjoni, ir-reġjuni ser jibbenefikaw minn appoġġ divrenzjat, skont il-livell ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom. Madankollu, dan il-livell m’għandux jitkejjel biss fuq il-bażi tal-PDG per capita. Għandhom jitqiesu kriterji oħra, inklużi r-rati tal-qgħad, tal-impjieg u tal-parteċipazzjoni fix-xogħol, il-livell ta’ kompetenza, ir-rati tal-faqar, tal-benesseri u tal-integrazzjoni soċjali kif ukoll ir-rati tat-tluq bikri mill-iskola.

    3.4   Rigward l-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ reġjuni “fi tranżizzjoni”, b’PDG per capita medju bejn 75 % u 90 %, il-KESE jista’ jaċċetta din il-miżura bil-kundizzjoni li din ma tkunx ta’ ħsara għal-livell ta’ riżorsi allokati lill-kategorija tar-reġjuni l-aktar żvantaġġati. Minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, l-azzjonijiet favur l-impjieg tal-gruppi li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol (il-persuni li ilhom żmien twil mingħajr xogħol, iż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi) għandhom jiġu ffinanzjati indipendentament mill-kategoriji tar-reġjuni.

    3.5   Il-Fondi Strutturali huma l-istrumenti ewlenin sabiex tonqos il-firda bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni, kif ukoll dawk tal-gruppi soċjali differenti, sabiex ir-reġjuni l-aktar żvantaġġati jlaħħqu mal-oħrajn; u dan kollu bħala parti minn strateġija maħsuba sabiex tikseb il-prijoritajiet tal-hekk imsejjaħ “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” fl-Istati Membri, ir-reġjuni u t-territorji.

    3.6   Ma hemm l-ebda dubju li, fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika, l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għandha terġa’ titpoġġa fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġ li jkun hemm iktar fondi disponibbli għall-ħolqien ta’ iktar impjiegi u ta’ impjiegi aħjar.

    3.7   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Fond Soċjali Ewropew huwa l-aħjar strument biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali tal-UE, b’mod partikolari dawk relatati mal-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, u għandu jżomm dan ir-rwol ta’ prijorità fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    3.8   Il-FSE m’għandux ikun limitat għall-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki tal-impjieg hekk kif inhuma definiti attwalment. Ir-rwol tal-FSE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Soċjali (4) għandu jissaħħaħ ukoll.

    3.9   Il-FSE għandu, minn naħa, jappoġġja l-politiki tal-Istati Membri fil-qafas tal-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma u, minn oħra, jikkontribwixxi sabiex jinkisbu prijoritajiet importanti oħra tal-Istrateġija Ewropa 2020 bħalma huma ż-żieda tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, iż-żieda fil-kompetittività tal-SMEs, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u l-użu sostenibbli tar-riżorsi.

    3.10   Fil-kuntest eċċezzjonali attwali, il-FSE għandu wkoll ikun eċċezzjonalment ibbażat fuq il-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u jipproteġi l-ħaddiema u ċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati mill-effetti tagħha, kif ukoll jipprovdi miżuri ta’ prevenzjoni għall-perjodu ta’ wara l-kriżi, speċjalment l-appoġġ għas-sigurtà tal-persuni u għall-kapaċitajiet ta’ difiża. B’mod konkret, dan għandu jipprovdi appoġġ – li nisperaw li jkun meħtieġ temporanjament – lill-persuni li ilhom żmien twil mingħajr xogħol, lil dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, iż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi, eċċ.

    3.11   Sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, il-KESE huwa tal-fehma li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jikkomplementa l-Fond Soċjali Ewropew u eventwalment anki jiġi inkluż fih iktar ’il quddiem, sabiex jiġi enfasizzat aktar il-qgħad u l-Fond ikun jista’ jintuża aktar faċilment. Huwa essenzjali wkoll li tiġi assigurata l-istess koerenza bejn il-prinċipji taż-żewġ fondi, b’mod speċjali fir-rigward tas-sħubija u b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali.

    3.12   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jibbaża fuq l-għarfien speċjalizzat tal-Fond Soċjali Ewropew fil-kwistjonijiet soċjali sabiex ikun hemm komplementarjetà u koeżjoni. Peress li l-FSE għandu l-għarfien espert biex jeżamina d-domandi aktar malajr, l-approvazzjoni mill-awtoritajiet baġitarji ser tkun formalità li tibbaża fuq opinjoni pożittiva tal-FSE.

    3.13   Il-KESE mhuwiex favur l-inklużjoni tal-bdiewa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, permezz tal-allokazzjoni kemm tal-biċċa l-kbira tal-fondi, kif ukoll tal-ġestjoni tiegħu, lis-settur agrikolu. Il-PAK u “r-riżerva ġdida għall-kriżijiet” fis-settur agrikolu għandhom jippermettu biex is-settur agrikolu jkun appoġġjat b’mod aktar effettiv. Il-KESE jixtieq assigurazzjoni li l-fondi fil-qafas tal-Assistenza Teknika tal-FSE ser ikomplu jkunu disponibbli u aċċessibbli mis-soċjetà ċivili (ninnutaw li l-assistenza teknika mhix imsemmija b’mod speċifiku fir-Regolament dwar il-FSE).

    3.14   Il-KESE huwa tal-fehma li l-prinċipju ta’ sħubija għandu jkollu rwol ewlieni billi jiżgura li l-miżuri marbuta mal-Fondi Strutturali tal-UE jaħdmu sew. Ir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali għandhom jiddefinixxu ċarament il-prinċipju ta’ sħubija minflok sempliċement jagħmlu referenza għar-“regoli u l-prattiki nazzjonali attwali”, filwaqt li jiddefinixxu ċarament ir-rwol ta’ kull imsieħeb fil-livelli reġjonali u lokali. Il-KESE jirrakkomanda rikonoxximent speċifiku tar-rwol tas-soċjetà ċivili (hekk kif enfasizzat fl-Istrateġija Ewropa 2020) permezz ta’ proġetti favur l-inklużjoni soċjali u kontra l-faqar.

    4.   Kummenti speċifiċi u proposti dwar il-kapitoli individwali

    4.1   Dispożizzjonijiet ġenerali

    4.1.1

    Il-KESE jappoġġja l-approċċ tematiku li jiffoka fuq erba’ għanijiet tematiċi tradotti f’kategoriji ta’ intervent jew prijoritajiet ta’ investiment:

    il-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għall-mobbiltà tax-xogħol;

    l-investiment fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja;

    il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;

    it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali u t-twaqqif ta’ amministrazzjoni pubblika effiċjenti.

    4.1.2

    F’kull Stat Membru, mill-inqas 40 % tar-riżorsi kollha tal-FSE għandhom jintużaw għat-twettiq tal-għan tematiku “il-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol”. Il-KESE jappoġġja l-proposta li mill-inqas 20 % tar-riżorsi kollha tal-FSE jiġu allokati għat-twettiq tal-għan tematiku “promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar” bil-għan li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali permezz tal-impjieg u t-taħriġ, b’mod speċjali tal-aktar gruppi vulnerabbli bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi, eċċ., u jinkiseb l-objettiv li sal-2020 in-numru ta’ nies foqra jonqos tal-inqas b’20 miljun.

    4.1.3

    Fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-promozzjoni tal-impjieg, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni huma u għandhom jibqgħu l-prijoritajiet tal-FSE.

    4.1.4

    Il-FSE għandu jappoġġja l-patti territorjali għall-impjieg u l-inizjattivi lokali għall-impjieg, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni, kif ukoll l-istimulazzjoni tas-suq billi jinħolqu intrapriżi ġodda, b’mod speċjali SMEs u intrapriżi tal-ekonomija soċjali, kif ukoll, b’mod speċjali, il-promozzjoni tal-inklużjoni diġitali, il-kultura u l-kreattività bħala elementi li jistgħu jtejbu l-impjegabbiltà taċ-ċittadini, kif ukoll permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u s-sensibilizzazzjoni għall-valuri komuni tal-Ewropa.

    4.1.5

    Il-KESE jappoġġja l-enfasi mqiegħda fuq l-innovazzjoni soċjali u l-possibbiltajiet li jiġu appoġġjati proġetti fil-qasam tal-ekonomija soċjali, l-intraprenditorija soċjali u l-intrapriżi soċjali.

    4.1.6

    Il-KESE jilqa’ l-appoġġ li l-FSE jagħti lill-kooperazzjoni transnazzjonali bħala mezz ta’ promozzjoni tat-taħriġ reċiproku u b’hekk tiżdied l-effikaċja tal-politiki appoġġjati mill-FSE.

    4.2   Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni – il-prinċipju ta’ sħubija

    4.2.1

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-prinċipju ta’ sħubija għandu jkollu rwol ewlieni billi jiżgura li l-miżuri marbuta mal-Fondi Strutturali tal-UE jaħdmu sew.

    4.2.2

    Ir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali għandhom jiddefinixxu ċarament il-prinċipju ta’ sħubija minflok sempliċement jagħmlu referenza għar-“regoli u l-prattiki nazzjonali attwali”, filwaqt li jiddefinixxu ċarament ir-rwol ta’ kull imsieħeb fil-livelli reġjonali u lokali; jeħtieġ li jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ għal dan il-għan.

    4.2.3

    Il-“Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ sħubija” għandu jikkjarifika u jiddefinixxi r-rwol ta’ kull imsieħeb fil-livelli differenti kif ukoll jikkjarifika l-fatt li, filwaqt li d-djalogu soċjali jaqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-imsieħba soċjali, l-imsieħba kollha rikonoxxuti fl-Artikolu 5 tal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi (5) għandu jkollhom aċċess garantit għall-fażijiet differenti tal-implimentazzjoni tal-Fondi, inklużi d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi, u għandhom jirċievu finanzjament adegwat sabiex tiġi garantita l-parteċipazzjoni tagħhom.

    4.2.4

    L-imsieħba għandu jkollhom aċċess għall-Fondi ta’ Assistenza Teknika mill-bidu sabiex ikunu jistgħu jkunu involuti fid-disinn, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programmi tal-Fondi Strutturali. L-Assistenza Teknika hija essenzjali wkoll sabiex tiggarantixxi r-rappreżentazzjoni fil-Kumitati ta’ Monitoraġġ li jiddefinixxu u jimplimentaw il-programmi operattivi fil-livelli kollha u sabiex tiggarantixxi li l-appoġġ tekniku huwa disponibbli lil dawk li beħsiebhom jippromovu l-proġett.

    4.2.5

    Il-mod attwali ta’ konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali b’mod konġunt mal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat FSE jista’ jipprovdi eżempju tajjeb ta’ approċċ li jista’ jiġi estiż għall-fondi kollha. Il-KESE jirrakkomanda li fl-istess pjattaforma jiġu inklużi mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni għall-imsieħba kollha rikonoxxuti mill-Artikolu 5 tar-Regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi.

    4.2.6

    L-appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, f’azzjonijiet appoġġjati mill-FSE m’għandux ikun limitat għar-reġjuni l-aktar foqra u/jew dawk koperti mill-Fond ta’ Koeżjoni, iżda anzi l-oppost, dan għandu jiġi estiż għall-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE.

    4.2.7

    Il-KESE huwa tal-fehma li 2 % tar-riżorsi kollha tal-FSE għandu jiġi allokat għall-appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, flimkien ma’ 2 % għall-involviment tal-imsieħba l-oħra rikonoxxuti fl-Artikolu 5 tar-Regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi.

    4.3   Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proċeduri, il-prestazzjoni u “l-kundizzjonalitajiet”

    4.3.1

    Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-fondi għandhom jiġu koordinati aħjar u li għandhom jitjiebu l-valutazzjoni, il-prestazzjoni u r-riżultati li jinkisbu mill-użu tagħhom.

    4.3.2

    Il-KESE jappoġġja wkoll kwalunkwe miżura maħsuba sabiex tillimita u tiffoka mill-ġdid il-prijoritajiet tal-Fondi Strutturali, tnaqqas il-limitazzjonijiet u l-piżijiet burokratiċi u tħaffef l-infiq u l-pagamenti.

    4.3.3

    Għaldaqstant għandhom jiġu definiti indikaturi ta’ prestazzjoni, iżda huwa importanti wkoll li jkun hemm kriterji kwantitattivi u kwalitattivi. Dan jinkludi l-valutazzjoni tar-riżultati f’termini ta’ effikaċja tal-miżuri meħuda, tal-kwalità tal-impjieg maħluqa, u tal-lista ta’ miżuri pożittivi implimentati sabiex tiġi assigurata l-integrazzjoni soċjali.

    4.3.4

    Madankollu, il-KESE jesprimi riżervi serji rigward l-approċċ li jorbot kullimkien l-għoti tal-fondi mar-riżultati. Fil-politika tal-impjieg u, b’mod aktar ġenerali, fil-politika soċjali, ir-riżultati huma aktar diffiċli biex tikkalkulahom u inqas viżibbli minn, pereżempju, il-politika tat-trasport. Dan huwa partikolarment il-każ jekk dawn jitnaqqsu biss għal riżultati ekonomiċi diretti u kalkolabbli bħall-impjiegi; minflok għandna nħeġġu riżultati adegwati għal dawk l-iktar diffiċli li jirċievu għajnuna, bħad-distanza tal-vjaġġ u riżultati indiretti u mhux faċilment kalkolabbli bħall-volontarjat. Barra minn hekk, jekk l-għoti tal-fondi huwa marbut mar-riżultati, dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol – u għaldaqstant l-inqas mistennija li jiksbu riżultati “pożittivi” fi żmien qasir – huma fil-periklu li jkollhom biss aċċess ridott jew l-ebda aċċess għall-fondi. Ukoll, u sabiex ikunu jistgħu jiġu valutati r-riżultati miksuba mill-programmi kofinanzjati mill-FSE, huwa essenzjali li r-Regolament tal-FSE jipproponi “Indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati komuni dwar il-parteċipanti” adegwati sabiex jirriflettu dawn id-diffikultajiet u l-kumplessitajiet tal-prestazzjoni.

    4.3.5

    Ir-Regolament tal-FSE għandu jinkludi, taħt l-Indikaturi tal-produzzjoni komuni għall-entitajiet, l-għadd ta’ proġetti żviluppati fi sħubija, u taħt l-Indikaturi tar-riżultati fuq żmien itwal komuni dwar il-parteċipanti, Il-parteċipanti li naqqsu l-livell tagħhom ta’ dipendenza soċjali.

    4.3.6

    Il-kundizzjonijiet relatati mal-użu tal-Fondi Ewropej żgur għandhom jenfasizzaw l-objettivi magħżula u effiċjenti, iżda m’għandhomx jippenalizzaw lill-Istati Membri l-aktar dgħajfa, u għandhom jiġu finalizzati b’tali mod li jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku u t-tkabbir tal-impjieg kif ukoll tal-koeżjoni soċjali.

    4.3.7

    Il-KESE jirrifjuta kompletament il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu applikati sanzjonijiet finanzjarji u inċentivi għall-Fondi Strutturali b’rabta mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dawn is-sanzjonijiet ser jippenalizzaw lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-lokalitajiet li diġà huma dgħajfa.

    4.3.8

    Barra minn hekk, is-solidarjetà Ewropea, li għadha ma ġietx żviluppata sew, ser tiġi mhedda minħabba li mhux ser jiġu rispettati l-impenji makroekonomiċi. Dan ser iwassal biex il-popli u l-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli tal-Unjoni Ewropea jkomplu jitfaqqru, li jmur kontra l-prinċipji bażiċi tal-politika ekonomika, soċjali u l-politika ta’ koeżjoni territorjali hekk kif inhuma stipulati fit-Trattat ta’ Lisbona.

    Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  It-3114-il laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, li saret il-Lussemburgu fit-3 ta’ Ottubru 2011, punt 12.

    (2)  COM(2011) 615 final.

    (3)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 8–14.

    (4)  “Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21” (COM(2008) 412 final).

    (5)  COM(2011) 615 final.


    Top