EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0471

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE” COM(2011) 683 final — 2011/0307 (COD)

ĠU C 143, 22.5.2012, p. 78–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE”

COM(2011) 683 final — 2011/0307 (COD)

2012/C 143/15

Relatur: is-Sur BARROS VALE

Nhar it-30 ta’ Novembru 2011 u nhar il-15 ta’ Novembru 2011 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE

COM(2011) 683 final – 2011/0307 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’232 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Sommarju u konklużjonijiet

1.1

Il-proposta għal reviżjoni tad-Direzzjoni dwar it-Trasparenza tagħmel parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri li jifformaw inizjattiva tal-Kummissjoni mmirata lejn titjib fl-aċċess tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għall-kapital. Turi wkoll il-preokkupazzjoni li l-fiduċja tal-investituri tinkiseb mill-ġdid u li jiġi żgurat li s-suq jingħata informazzjoni ta’ kwalità tajba. Il-Proposta li qed tiġi kkunsidrata hawnhekk hija msejsa fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru f’rapport indipendenti mfassal mill-konsulenza Mazars, fuq seduta mal-partijiet interessati u l-kummenti tagħhom, fuq ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2010 u fuq valutazzjoni tal-impatt ta’ kull waħda mill-għażliet proposti. Għaldaqstant, il-KESE jaqbel mal-għanijiet u l-kontenut tagħha, iżda jħossu obbligat li jressaq għadd ta’ punti għall-kunsiderazzjoni.

1.2

Il-bidliet proposti, maħsuba biex jagħmlu s-suq aktar attraenti għall-emittenti ż-żgħar u ta’ daqs medju, ser japplikaw b’mod universali. L-aktar impatt sinifikanti tas-semplifikazzjoni jafu jħossuh l-aktar mhux dawk l-intrapriżi li l-bidliet huma tassew immirati lejhom, iżda pjuttost il-korporazzjonijiet il-kbar li joperaw fis-suq. Ftit huma dawk li jħarsu lejn id-Direttiva dwar it-Trasparenza bħala ostaklu għad-dħul fis-suq tal-emittenti ż-żgħar u ta’ daqs medju; dan ifisser li s-semplifikazzjoni mhux bilfors ser tkun neċessarjament fattur kritiku f’dawn id-deċiżjonijiet u mhux bilfors ser ikollha impatt sinifikanti fuq l-attrattività tas-suq għall-SMEs. Madankollu, peress li, skont il-partijiet interessati, din is-semplifikazzjoni ma tipperikolax il-kreddibiltà tas-suq jew il-protezzjoni tal-investituri, ser ikollha impatt ekonomiku li, għad li potenzjalment jaf ikun akbar għall-kumpaniji l-kbar, fl-aħħar mill-aħħar ser jaffettwa xi ftit ukoll lill-SMEs. Għalhekk, din is-semplifikazzjoni ser tkun sostanjzali għat-tip ta’ kumpanija l-aktar rappreżentattiva tan-nisġa kummerċjali tal-Ewropa.

1.3

Sa mill-2004, il-pubblikazzjoni ta’ rapporti ta’ kull tliet xhur kienet kwistjoni kontroversjali b’għadd ta’ nies kontriha, kwistjoni li skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE għandha tiġi indirizzata b’attenzjoni. L-iżvantaġġi, diġà indikati dak iż-żmien, li l-pubblikazzjoni tkun obbligatorja ġew ikkonfermati (inklużi żieda fil-kwantità tal-informazzjoni mingħajr żieda fil-kwalità tagħha, livelli għoljin tal-ispejjeż finanzjarji u l-ispejjeż ta’ opportunità, l-adozzjoni ta’ approċċ fuq perjodu qasir imsejjes fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti riżultati lis-suq għad-detriment ta’ viżjoni aktar strateġika u fit-tul). Il-pressjoni li jiġu żgurati riżultati fuq perjodu qasir tista’ saħansitra titqies bħala wieħed mill-fatturi li kkawżaw il-kriżi attwali, peress li kull tliet xhur is-settur finanzjarju jsib ruħu taħt pressjoni biex jippubblika riżultati dejjem aħjar minn ta’ qabilhom. Is-sospensjoni tal-pubblikazzjoni obbligatorja ma theddidx affattu t-trasparenza meħtieġa u mixtieqa, peress li d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni importanti hija ggarantita permezz tal-konformità mad-Direttivi dwar il-Prospett u l-Abbuż tas-Swieq. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja din is-sospensjoni, li ser tiżgura li jkun is-suq li jiddeċiedi dwar l-ammont ta’ informazzjoni meħtieġa.

1.4

Uħud enfasizzaw il-kumplessità tal-kontenut narrattiv tar-rapporti bħala sors ewlieni ta’ spejjeż ta’ opportunità kif ukoll ta’ spejjeż oħra kkawżati minħabba s-sottokuntrattar ta’ speċjalisti f’dan il-qasam. M’hemm l-ebda garanzija li l-fatt li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) tipproduċi dawn il-mudelli jiġġenera benefiċċju sostanzjali f’termini ta’ tnaqqis tal-ispejjeż; madankollu, l-inizjattiva taf twassal għal xi ffrankar għall-SMEs, li ma jibqagħlhomx għalfejn jikru korpi esterni biex ifasslu dan it-tip ta’ kontenut. Fl-aħħar nett, ta’ min isemmi li huwa diffiċli li l-mudelli jkopru kull sitwazzjoni potenzjali, u dan jaf iwassal biex xi ftit mill-informazzjoni pprovduta tiġi ssemplifikata jew saħansitra biex xi informazzjoni importanti ma tiġix iddikjarata peress li ma tkunx koperta mill-mudell.

1.5

It-twessigħ tad-definizzjoni tal-istrumenti finanzjarji soġġetti għal notifika juri x-xewqa li r-regoli dwar l-innovazzjoni tas-suq jiġu aġġornati u b’hekk li l-iżviluppi jiġu segwiti mill-qrib. Din il-bidla tallinja d-Direttiva dwar it-Trasparenza mal-miżuri li diġà ġew adottati fir-Renju Unit u l-Portugall u ma’ dawk li bħalissa qed jiġu diskussi f’pajjiżi oħra fl-UE u fil-bqija tad-dinja. Kien hemm ukoll inizjattiva leġislattiva f’dan il-qasam fi Franza, imma rriżulta li din ma kinitx adegwata. Filwaqt li jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni għall-biża’ li s-suq jaf jiġi “mgħarraq” b’informazzjoni superfluwa, l-esperjenza tal-pajjiżi fejn ir-regoli diġà jirrikjedu dan it-tip ta’ notifika ma tiġġustifikax dan il-biża’ u ħafna partijiet interessati jissuġġerixxu li wieħed jitgħallem mill-esperjenza tar-Renju Unit f’dan il-qasam.

1.6

Rigward l-istabbiliment tal-mekkaniżmu Ewropew għall-informazzjoni, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-integrazzjoni tal-bażijiet tad-data nazzjonali eżistenti taf toħloq il-problemi, minħabba l-inkompatibbiltajiet bejn it-teknoloġiji li jużaw. Għalkemm għadd ta’ partijiet interessati jirrakkomandaw l-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu, l-aktar b’relazzjoni mal-informazzjoni għall-investituri u l-analisti, jeħtieġ li wieħed jivvaluta l-proporzjon tal-ispejjeż u l-benefiċċji involuti fl-istabbiliment u l-manteniment ta’ dan il-mekkaniżmu. Madankollu, din hija miżura importanti, li ser tgħin biex is-suq uniku jkompli jiżviluppa.

1.7

Rigward il-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-rekwiżit obbligatorju li ssir divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar il-pagamenti lill-gvernijiet, il-KESE jappella sabiex l-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni jitwessa’. M’hemm l-ebda dubju dwar l-importanza tad-divulgazzjoni tal-pagamenti li jsiru minn emittenti li joperaw fl-industriji estrattivi jew tal-qtugħ tas-siġar, imma l-ambitu ta’ dan l-artikolu jista’ jkun aktar ambizzjuż u jkopri l-għoti lil entitajiet privati ta’ konċessjonijiet li huma ta’ interess pubbliku, bħall-operat tat-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija u n-netwerks ta’ logħob tal-azzard, jew bis-sempliċi għoti ta’ dawn il-konċessjonijiet jew inkella bl-istabbiliment ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. Kwalunkwe tranżazzjoni ta’ dan it-tip mal-awtorijatiet pubbliċi għandha tiġi trażmessa, skont jekk tkunx speċifika għall-pajjiż jew għall-proġett. Minħabba li l-għan ta’ din il-miżura huwa li l-gvernijiet jinżammu responsabbli għall-użu tad-dħul li jiġbru, l-ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ attivitajiet oħrajn marbuta mal-użu tal-infrastruttura jew tar-riżorsi ta’ pajjiż, lil hinn minn dawk li bħalissa jinsabu koperti minn din id-Direttiva, m’għandhomx jitħallew barra.

1.8

Rigward is-sanzjonijiet, il-KESE jsostni li, barra li jiġu stabbiliti limiti massimi għas-sanzjonijiet ippjanati, iridu jinħolqu wkoll limiti minimi, sabiex jiġi żgurat li l-ebda awtur ta’ dannu ma jibqa’ mingħajr sanzjoni u li s-sanzjonijiet ikunu dissważivi u jikkastigaw tassew l-imġiba illegali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu armonizzati l-prattiki fost l-Istati Membri.

1.9

Fil-kuntest tas-sitwazzjoni attwali, aktarx li ma jkunx hemm żieda ta’ malajr fid-domanda, iżda ta’ min imqar isemmi li l-proposta favur is-semplifikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, flimkien ma’ oħrajn ippjanati biex jagħmlu s-suq aktar attraenti, taf twassal għal żieda fit-tranżazzjonijiet u l-impatt ta’ din iż-żieda fuq l-operat tas-suq għadu ma ġiex ikkunsidrat. Fl-istess ħin, il-profil ogħla mogħti lill-SMEs u ż-żieda fl-attrattività tas-suq għall-investituri għandhom mnejn jenfasizzaw in-nuqqasijiet fl-edukazzjoni tal-konsumaturi bħalissa, li jżommuhom milli jifhmu l-informazzjoni disponibbli u b’hekk milli jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

2.   L-isfond tal-Proposta

2.1

Skont it-termini tal-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza (Direttiva 2004/109/KE) (1), il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva matul il-snin li din kienet fis-seħħ. Ir-rapport jagħlaq billi jisħaq fuq l-importanza li l-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jagħtu lir-rekwiżiti tad-Direttiva għal-operat tajjeb u effikaċi tas-suq.

2.2

Il-Proposta preżenti ta’ emenda għad-Direttiva hija ppreżentata b’mod li jikkunsidra l-prijorità politika tal-Kummissjoni li ttejjeb il-qafas regolatorju għall-emittenti ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-aċċess tagħhom għall-kapital. Timmira wkoll sabiex l-obbligi applikabbli għall-SMEs elenkati jsiru aktar proporzjonali, filwaqt li jiġi ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni għall-investituri. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza għandha l-għan li tiżgura t-trasparenza tal-akkwiżizzjonijiet ekonomiċi fil-kumpaniji, il-fiduċja tal-investituri u enfasi akbar fuq ir-riżultati fuq perjodu twil, u b’hekk tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Fl-istess ħin, l-isforzi biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni għandhom l-għan li jżidu l-integrazzjoni funzjonali tas-swieq Ewropej tat-titoli u li jiżguraw viżibbiltà transkonfinali aħjar għall-kumpaniji ż-żgħar u ta’ daqs medju elenkati.

2.3

Ta’ min isemmi li din il-Proposta għal emenda hija msejsa fuq studju indipendenti li twettaq mill-konsulenza Mazars bl-għan li jipprovdi provi kwantitattivi u kwalitattivi li jkunu kapaċi jappoġġjaw ir-rapport imressaq mill-Kummissjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, b’konformità mal-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tagħha. Ġew ikkunsidrati wkoll ir-rapporti ppubblikati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) u mill-Grupp Espert tas-Swieq Ewropej tat-Titoli (GESET).

2.4

Żewġ oqsma ġew enfasizzati bħala li għandhom bżonn jittejbu: peress li l-approċċ tagħha huwa msejjes fuq armonizzazzjoni minima, id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri aktar restrittivi li jagħmlu l-implimentazzjoni aktar diffiċli u jżidu l-ispejjeż; barra minn hekk, mhux qed jiġu proposti miżuri aktar flessibbli għall-SMEs. Fil-fehma tal-Kumitat, dawn il-fatturi jaqtgħu qalb l-SMEs milli jidħlu fis-suq. Hemm bżonn li wħud mid-definizzjonijiet inklużi fid-Direttiva jiġu ċċarati, u jeħtieġ ukoll aktar konsistenza u ċarezza fl-użu ta’ ċerti termini li għandhom tifsiriet simili. Fl-aħħar nett, ir-rapport jenfasizza li r-regoli dwar in-notifika għandom bżonn jittejbu.

2.5

L-impatt tal-varji għażliet imressqa ġew ivvalutati u dan wassal għad-deċiżjonijiet li ġejjin:

2.5.1

Sabiex ikun hemm spazju għal iżjed flessibbiltà rigward il-frekwenza u ż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja perjodika, b’mod partikolari għall-SMEs, l-għażla hija li jitneħħa l-obbligu għall-kumpaniji elenkati kollha li jippreżentaw rapporti finanzjarji ta’ kull tliet xhur. Filwaqt li l-għan hu li l-affarijiet isiru iżjed sempliċi għall-SMEs, is-soluzzjoni proposta tinvolvi li ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-kumpaniji koperti mill-miżura, sabiex ma jingħatax lok għal standards doppji, li jafu jfixklu l-investituri. Il-Kumitat jixtieq li din il-miżura twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u għal enfasi akbar fuq ir-riżultati fuq perjodu twil, billi titneħħa l-pressjoni marbuta mal-obbligu li l-kumpaniji jressqu r-riżultati kull tliet xhur. Il-protezzjoni tal-investituri mhijiex ser tbati, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-Prospett u l-Abbuż tas-Swieq jibqgħu obbligatorji, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar avvenimenti u/jew fatti importanti li jafu jaffettwaw il-prezz tat-titoli tiġi trażmessa lis-suq.

2.5.2

Sabiex il-kontenut narrattiv tar-rapporti finanzjarji tal-SMEs jiġi ssemplifikat, is-soluzzjoni adottata tinvolvi mill-ġdid li l-għażla tiġi applikata għall-kumpaniji kollha u tkun tirrikjedi li l-AETS tfassal mudelli mhux vinkolanti għal dawn id-dokumenti. Il-Kumitat jittama wkoll li mhux biss jitbaxxew l-ispejjeż iżda wkoll li jiġi introdott livell ta’ komparabbiltà fl-informazzjoni relatata mal-investituri u li tittejjeb il-viżibbiltà transkonfinali tal-SMEs.

2.5.3

Sabiex jiġu eliminati l-lakuni fir-rekwiżiti ta’ notifika fir-rigward tad-detenturi importanti ta’ drittijiet tal-vot, qed jiġi propost li s-sistema titwessa’ sabiex tkopri l-istrumenti kollha b’effett simili għad-detenzjoni ta’ ishma u ta’ drittijiet ta’ xiri ta’ ishma.

2.5.4

Sabiex jiġu eliminati d-diverġenzi fir-rekwiżiti ta’ notifika għad-detenturi importanti ta’ ishma, l-għażla tkun li tiġi rikjesta l-aggregazzjoni tad-detenturi ta’ ishma mad-detenturi ta’ strumenti finanzjarji li jagħtu aċċess għal dawn l-ishma, inklużi d-derivattivi monetarji.

2.6

Il-bidliet ewlenin proposti bil-ħsieb li jew jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għas-suq jew inkella li jiċċaraw it-test tad-Direttiva huma dawn li ġejjin:

2.6.1

Jiġi stabbilit Stat Membru tal-oriġini awtomatiku għall-emittenti minn pajjiżi terzi li ma jkunux għażlu l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom fi żmien tliet xhur.

2.6.2

Titneħħa l-esiġenza li jiġu ppubblikati rapporti ta’ ġestjoni interim u/jew rapporti ta’ kull tliet xhur.

2.6.3

Titwessa’ d-definizzjoni tal-istrumenti finanzjarji soġġetti għal notifika.

2.6.4

Id-detenturi ta’ ishma jiġu aggregati mad-detenturi ta’ strumenti finanzjarji, bil-għan li d-detenturi importanti ta’ ishma jiġu nnotifikati. Madankollu, l-Istati Membri xorta waħda ser jitħallew jistabbilixxu livelli minimi għan-notifika tad-detenturi sostanzjali ta’ ishma aktar baxxi minn dawk previsti fid-Direttiva, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi ta’ kull suq u, jekk ikun meħtieġ, biex tiġi ggarantita t-trasparenza f’dan il-qasam.

2.6.5

Il-Kummissjoni qed tingħata delega tal-poter li tadotta standards tekniċi regolatorji mfassla mill-AETS dwar esiġenzi tekniċi ta’ aċċess għall-informazzjoni regolatorja fil-livell tal-UE, sabiex tistandardizza l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja u b’hekk tevita l-bżonn li jiġu kkonsultati 27 bażijiet tad-data nazzjonali differenti. L-għan hu li jinħoloq mekkaniżmu Ewropew għall-informazzjoni regolatorja.

2.6.6

Qed jiġi stabbilit rekwiżit biex, f’kull każ li jinvolvi l-isfruttament ta’ riżorsi naturali, il-pagamenti magħmula lill-gverijiet fil-livell individwali jew konsolidat ta’ kumpanija jiġu ddikjarati.

2.6.7

Il-poteri ta’ sanzjonar tal-awtoritajiet kompetenti qed jissaħħu u s-sanzjonijiet jew miżuri adottati fi kwalunkwe każ ta’ ksur tar-regoli jridu jibdew jiġu ppubblikati.

3.   Kwistjonijiet li tqajjem il-Proposta

3.1

Wieħed mill-għanijiet tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza hu li din tgħin sabiex is-swieq regolati jsiru aktar attraenti għall-emittenti ż-żgħar u ta’ daqs medju; dan għandu importanza fundamentali sabiex is-suq jiżviluppa u jikber. Għaldaqstant, il-bidliet proposti għad-Direttiva jirrappreżentaw inizjattiva pożittiva li tagħmilha possibbli li ċerti proċeduri jiġu ssemplifikati mingħajr ma tiġi pperikolata l-kwalità tal-informazzjoni li hi essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-investituri u l-valutazzjonijiet tal-analisti tas-suq. Bla dubju, dawn is-semplifikazzjonijiet ser ikollhom impatt pożittiv fuq l-ispejjeż tal-kumpaniji elenkati kollha, iżda jista’ jkollhom effett akbar fuq l-SMEs.

3.2

Minkejja s-semplifikazzjonijiet, dan is-settur għadu u ser jibqa’ wieħed li r-regoli u l-lessiku tekniku tiegħu huma diffiċli biex jifhimhom il-konsumatur. Għad li mhuwiex faċli li l-pubbliku jingħata taħriġ mifrux f’dan il-qasam, il-protezzjoni tal-konsumatur hija partikolarment importanti, billi tevita li l-konsumaturi jisfaw imqarrqa mil-lessiku tekniku, bis-saħħa tal-edukazzjoni u l-informazzjoni li jipprovdu kemm l-awtoritajiet superviżorji kif ukoll il-gvernijiet. Għaldaqstant, dan huwa qasam li għandu jiġi kkunsidrat fil-miżuri li jittieħdu fil-futur.

3.3

Sabiex l-informazzjoni ssir aktar faċli biex tiġi interpretata u biex tiġi kkomparata, il-mudelli pprovduti fil-Proposta għall-kontenut narrattiv jafu jkunu utli. Filwaqt li t-tfassil ta’ mudelli huwa kumpless u li hemm periklu li l-kontenut jiġi ssemplifikat iżżejjed u li ċerti sitwazzjonijiet ma jiġux ikkunsidrati, l-użu ta’ dawn il-mudelli jaf iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż, speċjalment għall-SMEs. Dawn il-mudelli jafu saħansitra jagħmluha aktar faċli għall-konsumatur biex jinterpreta l-informazzjoni.

3.4

Ta’ min jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi eliminat l-obbligu li jiġu ppubblikati rapporti ta’ kull tliet xhur. Huwa tassew importanti għall-iżvilupp sostenibbli tas-suq li jiġi miġġieled l-approċċ fuq perjodu qasir li huwa prevalenti fis-suq, approċċ li din il-miżura tat kontribut kbir lejh. Hija biss perspettiva fuq perjodu twil li tista’ trawwem l-innovazzjoni, li hija fattur fundamentali għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, żewġ prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.5

It-twessigħ tad-definizzjoni tal-istrumenti soġġetti għar-rekwiżiti ta’ notifika huwa punt ewlieni tal-bidliet proposti għad-Direttiva dwar it-Trasparenza. L-innovazzjoni finanzjarja wasslet għall-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ strumenti li jeħtieġu qafas fir-rigward tat-trasparenza. Il-Kumitat jittama li dawn il-bidliet ser jimlew il-lakuni li jeżistu fir-rekwiżiti ta’ notifika dwar id-detenturi importanti ta’ drittijiet tal-vot u d-detenturi importanti ta’ ishma u b’hekk jiżguraw li l-investituri ma jistabbilixxux sħubijiet minn taħt jew iħabbru detenturi importanti ta’ ishma fis-suq mingħajr ma javżaw minn qabel, bħalma diġà ġara.

3.6

L-għan li jinħoloq mekkaniżmu uniku Ewropew għall-ħżin tal-informazzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni hu wieħed ambizzjuż u għandhom ikomplu jsiru sforzi biex dan il-għan jintlaħaq. Dan bla dubju jkun għodda prezzjuża għat-tfannid tas-suq uniku. Biss hemm bżonn li jiġi kkunsidrat il-proporzjon tal-ispejjeż u l-benefiċċji involuti fl-istabbiliment u l-manteniment ta’ dan it-tip ta’ strument.

3.7

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza issa ser tkopri l-pagamenti magħmula minn emittenti attivi fl-industriji estrattivi lill-gvernijiet fil-pajjiżi li joperaw fihom. Din il-Proposta tal-Kummissjoni hi waħda innovattiva u qed tipprova turi l-impatt finanzjarju li l-attività ta’ kumpanija jkollha fuq il-pajjiż ospitanti, u b’hekk iżżid it-trasparenza. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li d-Direttiva tista’ tkun aktar ambizzjuża billi testendi d-divulgazzjoni obbligatorja tal-informazzjoni għall-ammonti mħallsa b’rabta ma’ attivitajiet oħra ta’ interess pubbliku li għalihom entitajiet privati jkunu ngħataw konċessjoni. Dawn l-ammonti jistgħu jkunu konsiderevoli, speċjalment għall-konċessjonijiet fis-setturi tat-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija u saħansitra l-logħob tal-azzard.

3.8

Din il-Proposta tirrevedi wkoll is-sistema ta’ sanzjonijiet, billi ssaħħaħ il-poteri tal-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ għadd ta’ strumenti bħad-dritt li jissospendu d-drittijiet tal-vot u li jippubblikaw is-sanzjonijiet. Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-livelli massimi huma stabbiliti għas-sanzjonijiet finanzjarji, dan mhuwiex il-każ tal-livelli minimi. L-istabbiliment ta’ dawn il-limiti jaf iservi ta’ deterrent sostanzjali ieħor.

3.9

Is-semplifikazzjoni tar-regoli u ż-żieda li din iġġib fl-attrattività tas-suq, bħalma hija l-intenzjoni, jafu jwasslu għal żieda fin-numru ta’ tranżazzjonijiet; għadu mhux magħruf x’impatt dan ser ikollu fuq l-operazzjonijiet normali, kemm fuq il-boroż kif ukoll fuq il-korpi regolatorji, li l-KESE jittama li ser ikunu kapaċi jlaħħqu ma’ żieda ta’ malajr fl-għadd ta’ tranżazzjonijiet.

3.10

Filwaqt li din il-kwistjoni mhijiex relatata direttament mad-Direttiva dwar it-Trasparenza, il-KESE jixtieq jieħu l-opportunità biex jisħaq fuq wieħed mill-akbar ostakli għat-twessigħ tas-suq – l-imposti għoljin mitluba mill-boroż. Fil-fatt, kemm l-ispejjeż involuti meta kumpanija tiġi elenkata, kif ukoll l-ispejjeż annwali involuti biex kumpaniji tibqa’ fis-suq – iż-żewġ tipi ta’ spejjeż huma konsiderevoli – huma meqjusa mill-kumpaniji bħala deterrent biex isiru elenkati. Għalhekk, kwalunkwe azzjoni f’dan il-qasam taf tkun utli immens biex il-kumpaniji jieħdu deċiżjoni bħal din.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38-57; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 80, 30.03.2004, p. 128.


Top