Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XP0126

Krediti ta’ esportazzjoni b'sussidju uffiċjali ***I Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fil- 5 ta’ April 2011 għall-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linjigwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni b'sussidju uffiċjali (COM(2006)0456 – C7-0050/2010 – 2006/0167(COD))

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 165–171 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/165


It-Tlieta 5 ta’ April 2011
Krediti ta’ esportazzjoni b'sussidju uffiċjali ***I

P7_TA(2011)0126

Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fil-5 ta’ April 2011 għall-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linjigwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni b'sussidju uffiċjali (COM(2006)0456 – C7-0050/2010 – 2006/0167(COD))

2012/C 296 E/26

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-proposta ġiet emendata kif ġej  (1):

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal regolament

Premessa 2 a (ġdida)

 

(2a)

L-Arranġament ikkontribwixxa sabiex jittaffa l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi billi jiġi appoġġjat il-kummerċ u l-investiment ta’ kumpaniji li, mingħajr l-arranġament, ma kinux jingħataw kreditu fis-settur privat.

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 2 b (ġdida)

 

(2b)

L-aġenziji tal-krediti tal- esportazzjoni għandhom jikkunsidraw u jirrispettaw l-objettivi u l-politiki tal-Unjoni. Meta jappoġġjaw il-kumpaniji tal-Unjoni, dawn l-aġenziji għandhom jikkonformaw mal-prinċipji u l-istandards tal-Unjoni u jipprowovuhom f'tali oqsma bħalma huma l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l- koerenza tal-politika biex iseħħ l-iżvilup.

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 2 c (ġdida)

 

(2c)

Madankollu, l-aġenziji tal- krediti tal-esportazzjoni tal-Istati Membri għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-applikazzjonijiet li jaslulhom filwaqt li jikkunsidraw li l-appoġġ uffiċjali mogħti bħala kreditu tal-esportazzjoni jista' potenzjalement, fiż-żmien medju u fit-tul, jikkontribwixxi għad-defiċit pubbliku tal-Istat Membru tagħhom, partikularment meta jiġi kkunsidrat ir-riskju miżjud li ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja.

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 2 d (ġdida)

 

(2d)

L-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-applikazzjonijiet li jaslulhom sabiex jiżdiedu bl-aktar mod possibbli l-benefiċċji tal-appoġġ uffiċjali pprovdut filwaqt li jiġi kkunsidrat il-fatt li kreditu tal-esportazzjoni mmirat tajjeb jikkontribwixxi għal opportunitajiet ġodda ta’ aċċess għas-swieq għall-kumpaniji tal-Unjoni, speċjalment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), filwaqt li jiġi mrawwem kummerċ miftuħ u ġust u tkabbir li jkun ta’ benefiċċju reċiproku fis-sitwazzjoni li rriżultat mill-kriżi.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 2 e (ġdida)

 

(2e)

L-OECD teħtieġ l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-krediti tal-esportazzjoni mill-Membri tagħha bil-għan li tipprevenihom minn imġiba li tkun protezzjonista jew li jgħawweġ is-suq. Fi ħdan l-Unjoni, it-trasparenza għandha tiġi żgurata sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet indaqs għall-Istati Membri.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 2 f (ġdida)

 

(2f)

L-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni (ECAs) saru l-akbar għajn ta’ finanzjament uffiċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalhekk, id-dejn relatat mal-krediti tal-esportazzjoni huwa l-akbar komponent tad-dejn uffiċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Proporzjon sinifikanti mill-finanzjament ta’ proġetti permezz tal-krediti tal-esportazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa kkonċentrat f'setturi bħat-trasport, iż-żejt, il-gass u l-minjieri u l-infrastruttura fuq skala kbira, bħalma huma d-digi kbar.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 2 g (ġdida)

 

(2 g)

Il-Parteċipanti fl-Arranġament huma involuti fi proċess kontinwu li l-għan tiegħu huwa li jnaqqas kemm jista' jkun it-tagħwiġ tas-suq kif ukoll li jistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs li fihom il-primjums iċċarġjati mill-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati tal-Membri tal-OECD ikunu bbażati fuq ir-riskji u jkopru l-ispejjeż operattivi u t-telf tagħhhom għal perjodu fit-tul. Biex dan il-għan jintlaħaq, huma meħtieġa t-trasparenza u r-rappurtar min-naħa tal-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 2 h (ġdida)

 

(2h)

B'appoġġ għall-proċess kontinwu fi ħdan l-OECD lejn standards ogħla ta’ trasparenza u rappurtar għall-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati tal-Membri tal-OECD u aktar minn hekk, l-Unjoni għandha tapplika miżuri addizzjonali ta’ trasparenza u rappurtar għall-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati li huma bbażati fl-Unjoni kif stipulat fl-Anness 1a ta’ dan ir-Regolament.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 2 i (ġdida)

 

(2i)

L-isviluppar u l-ikkonsolidar tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u kif imsemmi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-prinċipji ambjentali u l-prinċipji ġenerali tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (RSK), issupplementati minn eżempji oħra ta’ prattika tajba internazzjonali, għandhom jiġu utilizzati bħala gwida għall-proġetti kollha ffinanzjati minn aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati bbażati fl-Unjoni, u jinkludu valutazzjoni tal-impatt soċjali u ambjentali, li tkun tinkludi d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards inkorporati fil-ġabra tal-leġiżlazzjoni ambjentali u soċjali tal-Unjoni relevanti għas-setturi u l-proġetti ffinanzjati minn aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni. L-“Approċċi Komuni” tal-OECD fl-ifformular preżenti tal-kliem tagħhom diġà fihom għażla espliċita li jintużaw l-istandards tal-Komunità Ewropea fuq it-tixħim, is-self sostenibbli u l-ambjent bħala punti ta’ referenza fit-twettiq tal-eżminar mill-ġdid tal-proġetti. L-użu ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkompli jiġi inkoraġġit aktar, filwaqt li jitqies li l-isponsers tal-proġetti, l-esportaturi, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni għandhom rwoli, responsabilitajiet u saħħa differenti fir-rigward ta’ proġetti li jibbenefikaw minn appoġġ uffiċjali.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 2 j (ġdida)

 

(2j)

L-objettivi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-klima f'dawk li huma l-impenji tagħhom fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali, għandhom jiggwidaw il-proġetti kollha ffinanzjati minn aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati bbażati fl-Unjoni. Dawn jinkludu: id-dikjarazzjoni finali tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fis-Samit tal-G20 ta’ Pittsburgh fl-24 u l-25 ta’ Settembru 2009 biex is-sussidji għall-fjuwils fossili jitneħħew gradwalment; l-objettivi tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha talgassijiet b'effett ta’ serra bi 30 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, li żżid l-effiċjenza enerġetika b'20 % u li 20 % tal-konsum enerġetiku tagħha jiġi minn sorsi rinnovabbli sal-2020; kif ukoll l-għan tal-Unjoni li sal-2050 tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet b'effett ta’ serra bi 80 sa 95 %. It-tneħħija tas-sussidji għall-fjuwilsfossili għandha tkun akkumpanjata minn miżuri li jiżguraw li l-istandards tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-fqar ma jintlaqtux ħażin.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 2 k (ġdida)

 

(2k)

Il-prinċipji li jirfdu r-RSK, li huma rikonoxxuti għalkollox fil-livell internazzjonali, kemm jekk mill-OECD, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) jew min-Nazzjonijiet Uniti, jikkonċernaw l-imġiba responsabbli mistennija mill-impriżi, u jippresupponu, l-ewwel u qabel kollox, il-konformità mal-leġiżlazzonijiet fis-seħħ, partikolarment fil-qasam tal-impjiegi, ir-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, l-interessi tal-konsumaturi u t-trasparenza fir-rigward tagħhom, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tassazzjoni. Barra minn hekk għandhom jitqiesu s-sitwazzjoni speċifika u l-kapaċitajiet tal-SMEs.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 2 l (ġdida)

 

(2l)

Minħabba s-sitwazzjoni kompetittiva intensifikata fis-swieq dinjija u sabiex jiġu evitati żvantaġġi kompetittivi għall-kumpaniji tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-isforzi tal-OECD biex jintlaħqu dawk li mhumiex jipparteċipaw fil-Arranġament u għandhom jużaw negozjati bilaterali u multilaterali bil-għan li jiġu stabbiliti standards globali għall-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati. L-istandards globali f'dan il-qasam huma prerekwiżit biex ikun hemm kundizzjonijiet indaqs fil-kummerċ dinji.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 2 m (ġdida)

 

(2 m)

Għalkemm il-pajjiżi tal-OECD huma ggwidati mill-Arranġament, il-pajjiżi li mhumiex fl-OECD, u b'mod partikolari l-pajjiżi li qed jitfaċċaw, ma jeħdux sehem fl-Arranġament bir-riżultat li dan jista' jwassal għal vantaġġ inġust għall-esportaturi ta’ dawn il-pajjiżi. Dawn il-pajjiżi għandhom għalhekk jiġu inkoraġġiti jingħaqdu mal-OECD u jipparteċipaw fl-Arranġament.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 2 n (ġdida)

 

(2n)

Minħabba l-politika tal-UE ta’ Regolamentazzjoni Aħjar li għandha l-għan li r-regolamentazzjoni eżistenti tiġi ssimplifikata u mtejba l-Kummissjoni u l-Istati Membri, fir-rieżamijiet futuri tal-Arranġament, għandhom jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi minn fuq in-negozji u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, inklużi l-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 2 o (ġdida)

 

(2o)

It-titjibiet fl-Arranġament għandhom jiżguraw koerenza sħiħa mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), biex jingħata kontribut għar-realizzazzjoni tal-objettiv ġenerali li jiġu żviluppati u kkonsolidati d-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Għandhom għalhekk jiġu applikati miżuri addizzjonali fl-Unjoni meta l-Arranġament tal-OECD jkun qed jiġi traspost għal ġod-dritt tal-Unjoni bil-għan li tiġi ggarantita l-kompatibilità bejn l-Arranġament tal-OECD u d-dritt tal-Unjoni.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Premessa 2 p (ġdida)

 

(2p)

Il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u soċjali li tiżgura konformità mar-rekwiżiti tal-krediti tal-esportazzjoni għandha tkun konsistenti għalkollox mal-prinċipji tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Cotonou u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u għandha tirrifletti l-impenn u l-obbligi tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) kif ukoll l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU (MDGs) u l-istandards soċjali, tax-xogħol u tal-ambjent kif inkorporati fil-ftehimiet internazzjonali.

Emenda 17

Proposta għal regolament

Premessa 4

(4)

Id-Deċiżjoni 2001/76/KE għandha għalhekk tiġi rrevokata u flokha tidħol din id-Deċiżjoni bit-test ikkonsolidat u mmodifikat tal-Ftehim mehmuż magħha bħala Anness u d-Deċiżjoni 2001/77/KE għandha tiġi revokata.

(4)

Id-Deċiżjoni 2001/76/KE għandha għalhekk tiġi rrevokata u flokha jidħol dan ir-regolament bit-test ikkonsolidat u rrivedut tal-Arranġament mehmuż magħha bħala l-Anness 1, u d-Deċiżjoni 2001/77/KE għandha tiġi revokata.

Emenda 18

Proposta għal regolament

Artikolu 1 - subparagrafu 1

Il-linjigwida li jinsabu fil-Ftehim dwar Il-Linjigwida dwar Krediti ta’ Esportazzjoni b'Sussidju Uffiċjali għandhom japplikaw fil-Komunità .

Il-linjigwida li jinsabu fl-Arranġament dwar Il-Linjigwida għal Krediti tal-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġjati għandhom japplikaw fl-Unjoni .

Emenda 19

Proposta għal regolament

Artikolu 1 a (ġdid)

 

Artikolu 1a

Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal regolament ġdid sabiex tirrevoka u tissostitwixxi dan ir-regolament mill-aktar fis possibbli ladarba tiġi miftiehma verżjoni ġdida tal-Arranġament fost il-Parteċipanti tal-OECD u sa mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

Emenda 20

Proposta għal regolament

Artikolu 1 b (ġdid)

 

Artikolu 1b

Il-miżuri addizzjonali dwar it-trasparenza u r-rappurtar li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni huma spjegati fl-Anness 1a ta’ dan ir-regolament.

Emenda 21

Proposta għal regolament

Article 1 c (ġdid)

 

Artikolu 1c

Il-Kunsill għandu jirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni, min-naħa ta’ kull Stat Membru, tal-Arranġament dwar il-Linjigwida għal Krediti tal-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġjati.

Emenda 22

Proposta għal regolament

Article 1 d (ġdid)

 

Artikolu 1d

Il-karta tal-bilanċ tal-aġenzija tal-krediti tal-esportazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru għandha tipprovdi ħarsa ġenerali sħiħa tal-assi u tal-passiv tal-aġenzija. L-użu ta’ vetturi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ minn aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni għandu jsir trasparenti għalkollox.

Il-kumpaniji, minbarra l-SMEs, li jibbenefikaw minn krediti tal- esportazzjoni għandhom jippubblikaw kontijiet finanzjarji annwali skont kull pajjiż għalih.

Emenda 23

Proposta għal regolament

Anness I a (ġdid)

 

Anness Ia

1)

Mingħajr ħsara għall-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri li jeżerċitaw is-superviżjoni tal-programmi nazzjonali tal-krediti tal-esportazzjoni, kull Stat Membru għandu jipprovdi Rapport tal-Attività Annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni.

Dan ir-Rapport tal-Attività Annwali għandu jkun fih it-tagħrif li ġej:

Verifika tal-istrumenti u l-programmi nazzjonali kollha li għalihom huwa applikabbli l-Arranġament u tal-konformità tagħhom mal-Arranġament, b'mod partikolari r-rekwiżit tiegħu li l-primjums ikunu bbażati fuq ir-rikji u jkopru l-ispejjeż operattivi li jsiru fuq żmien twil;

Ħarsa ġenerali tal-iżviluppi operazzjonali maġġuri li jkunu seħħew waqt il-perjodu tar-rappurtar u l-konformità tagħhom mal-Arranġament (jiġu elenkati l-impenji ġodda, l-espożizzjoni, il-ħlasijiet mitluba tal-primjums, il-pretensjonijiet imħallsa u l-irkupri, u l-mekkaniżmi għall-ikkostjar tar-riskju ambjentali);

Preżentazzjoni tal-politiki li għandu l-Istat Membru biex jiżgura li l-objettivi u l-politiki tal-Unjoni rigward l-iżvilupp jiggwidaw l-attivitajiet fl-oqsma tal-krediti tal-esportazzjoni relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali u soċjali, id-drittijiet tal-bniedem, is-self sostenibbli u l-miżuri ta’ kontra t-tixħim.

2)

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-analiżi tagħha tar-Rapport tal-Attività Annwali, filwaqt li tivvaluta l-koerenza tal-Istati Membri mal-politiki tal-Unjoni rigward l-iżvilupp, u tikkummenta fuq l-iżviluppi ġenerali fil-qasam tal-politiki lill-Parlament Ewropew.

3)

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew rapport annwali fuq l-isforzi li jkunu saru fid-diversi fora ta’ kooperazzjoni internazzjonali, inklużi l-OECD u l-G20, u fil-laqgħat bilaterali ma’ pajjiżi terzi, inklużi Samits u negozjati dwar Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, biex pajjiżi terzi, speċjalment l-ekonomiji li qed jitfaċċaw, jitħeġġu jdaħħlu linjigwida rigward it-trasparenza tal-aġenziji tal-krediti tal-esportazzjoni tagħhom f'livell li tal-anqas ikun jaqbel mal-Approċċi Komuni tal-OECD.

(1)  Il-kwistjoni ġiet riferuta lura lill-kumitat skont l-Artikolu 57(2), it-tieni subparagrafu (A7-0364/2010).


Top