Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG1220(06)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar punt ta’ riferiment għall-mobbiltà għat-tagħlim

    ĠU C 372, 20.12.2011, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 372/31


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar punt ta’ riferiment għall-mobbiltà għat-tagħlim

    2011/C 372/08

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    WARA LI KKUNSIDRA:

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, tal-14 ta’ Diċembru 2000, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar pjan ta’ azzjoni għall-mobbiltà (1).

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, persuni li jkunu għaddejjin minn taħriġ, voluntiera, għalliema u għal dawk li jħarrġu (2).

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ: Il-Karta Ewropea ta’ Kwalità dwar il-Mobbiltà (3).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2007 dwar qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ riferiment għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi ta’ Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ (4).

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea (5).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ (6).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (7).

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (8).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar Ewropa 2020 (9).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, tat-18 ta’ Novembru 2010, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011-2020 (10).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar l-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment — approċċ integrat bi tweġiba għall-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (11).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020  (12).

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011: Żgħażagħ f'Moviment — il-promozzjoni tal-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ (13).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar id-dimensjoni tal-Lvant tal-parteċipazzjoni u l-mobbiltà taż-żgħażagħ.

    Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta’ Lulju 2011: Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (14);

    U FID-DAWL TA':

    Ir-riżultati tal-konferenza tal-Presidenza dwar il-mobbiltà għat-tagħlim li saret f'Sopot fis-17–19 ta’ Ottubru 2011.

    FILWAQT LI JFAKKAR LI:

    Ħafna jqisu li l-mobbiltà għat-tagħlim tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità għall-impjieg taż-żgħażagħ permezz tal-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi ewlenin, inkluż b'mod speċjali l-kompetenzi lingwistiċi u l-fehim interkulturali, iżda wkoll il-ħiliet soċjali u ċiviċi, l-intraprenditorija, il-ħiliet għas-soluzzjoni ta’ problemi u l-kreattività b'mod ġenerali. Barra milli tipprovdi esperjenza prezzjuża għall-individwi kkonċernati, il-mobbiltà għat-tagħlim tista' tgħin fit-titjib tal-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni, speċjalment permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Barra minn hekk, hija tista' tgħin biex jissaħħaħ sens ta’ identità u ċittadinanza Ewropea.

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-provvediment tal-iktar aċċess wiesa' possibbli għall-mobbiltà għal kulħadd, inklużi gruppi żvantaġġati, u t-tnaqqis fil-bqija tal-ostakoli għall-mobbiltà, joħolqu waħda mill-objettivi strateġiċi ewlenin tal-politika tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    JINNOTA:

    L-istedina tal-Kunsill lill-Kummissjoni skont ir-Rakkomandazzjoni tas-sena 2006 dwar Karta Ewropea tal-Kwalità dwar il-Mobbiltà sabiex ittejjeb jew tiżviluppa, b'kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet relevanti, data statistika skont is-sess dwar il-mobbiltà għall-skopijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ (15).

    Ir-rapport tal-Forum ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Mobbiltà ta’ Ġunju 2008 u l-proposta tiegħu li l-mobbiltà għat-tagħlim għandha tkun opportunità pprovduta liż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa.

    Il-mira dwar il-mobbiltà għat-tagħlim fl-edukazzjoni għolja stabbilita skont il-Proċess ta’ Bolonja f'Leuven/Louvain-la-Neuve f'April 2009.

    Il-Green Paper tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2009 dwar il-promozzjoni tal-mobbiltà għat-tagħlim għaż-żgħażagħ (16).

    Il- Komunikat ta’ Bruges ta’ Diċembru 2010 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011-2020 (17) li jistipulaw li sas-sena 2020 is-sistemi Ewropej tat-ETV għandhom jipprovdu opportunitajiet miżjuda b'mod sostanzjali għall-mobbiltà transnazzjonali.

    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-punti ta’ riferiment dwar l-edukazzjoni għall-kapaċità għall-impjieg u dwar il-mobbiltà għat-tagħlim (18).

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28-29 ta’ Novembru 2011 dwar il-kompetenzi lingwistiċi għat-tisħiħ tal-mobblità.

    JIRRIKONOXXI LI:

    Il-mobbiltà għat-tagħlim tikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp personali kif ukoll għal dak professjonali taż-żgħażagħ u ssaħħaħ l-impjegabbiltà u l-kompetittività, kif jixhdu mhux biss il-programmi tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, iżda wkoll għadd ta’ studji kwalitattivi internazzjonali dwar il-mobbiltà għat-tagħlim.

    Punt ta’ riferiment Ewropew (19) dwar il-mobbiltà għat-tagħlim flimkien ma’ indikaturi rilevanti (20) jista' jgħin biex jiġi inkoraġġut u monitorat il-progress tal-Istati Membri lejn l-objettiv li diġà ntlaħaq qbil dwaru (21) ta’ iktar mobbiltà, kif ukoll jiġu identifikati eżempji ta’ prattika tajba u jiġi sostnut l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ tagħlim bejn il-pari.

    Il-ġbir tad-data biex jitkejjel il-progress mal-punt ta’ riferiment Ewropew dwar il-mobbiltà għat-tagħlim għandu jitwettaq fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

    Sabiex jittieħed kont tal-ambjenti edukattivi differenti, dan il-punt ta’ riferiment għandu jiddifferenzja bejn żewġ oqsma prinċipali: l-edukazzjoni għolja u l-ETV inizjali.

    Huwa importanti wkoll li l-punt ta’ riferiment ikun akkumpanjat b'indikatur li jkopri kull tip ta’ mobbiltà għat-tagħlim li ż-żgħażagħ jgħaddu minnha, inkluż mobbiltà f'ambjenti formali u mhux formali.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI,

    filwaqt li jieħdu kont tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali.

    (1)

    Li jadottaw, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ, il-miżuri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew immirati biex tiżdied il-mobbiltà għat-tagħlim u biex jinkiseb il-punt ta’ riferiment Ewropew imsemmi fl-Anness mehmuż.

    (2)

    Fuq il-bażi tas-sorsi u l-għodod disponibbli, u filwaqt li jiġu mminimizzati l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi, li jtejbu l-ġbir tad-data dwar il-mobbiltà għat-tagħlim fiċ-ċikli kollha tal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali, u l-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ b'mod ġenerali, sabiex jitkejjel il-progress mal-punt ta’ riferiment Ewropew, u mal-indikatur kif imsemmi fl-Anness.

    (3)

    Li jippromowovu l-implimentazzjoni u l-użu tal-programmi u l-għodod tal-UE imfassla biex jappoġġaw il-mobbiltà għat-tagħlim u t-tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-Europass, il-Youthpass, il-QEK, l-ECTS u l-ECVET.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX

    (1)

    Taħdem ma’ u tappoġġa lill-Istati Membri, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-Eurostat, biex tittejjeb id-disponibbiltà tal-indikaturi u l-istatistika rilevanti tul il-perijodu sal-2020. Fit-twettiq ta’ dan, għandu jsir l-aħjar użu possibbli tad-data statistika u l-istħarriġ dwar l-unitajiet domestiċi disponibbli, bil-ħsieb li jiġu mminimizzati l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi.

    (2)

    Teżamina, b'mod partikolari permezz ta’ rapporti ta’ progress regolari, sa liema punt qed jintlaħqu l-objettivi tal-mobbiltà stabbilti skont il-qafas “ET 2020”.

    (3)

    Tirrapporta lura lill-Kunsill sa tmiem l-2015, bil-ħsieb li jiġi rieżaminat u, jekk meħtieġ, rivedut il-punt ta’ riferiment Ewropew dwar il-mobbiltà għat-tagħlim kif imsemmi fl-Anness.

    U JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI,

    (1)

    Biex iwettqu monitoraġġ tal-progress u l-prestazzjoni fil-qasam tal-mobbiltà għat-tagħlim transkonfinali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, inkluż billi tinġabar informazzjoni kwalitattiva dwar eżempji ta’ prattika tajba, bħala l-bażi għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza.

    (2)

    Fir-rigward tal-mobbiltà għat-tagħlim fl-edukazzjoni għolja: waqt li joperaw fil-limiti tar-riżorsi disponibbli u b'sinerġija mill-qrib mal-proċess ta’ Bolonja, biex itejbu l-ġbir ta’ data dwar il-mobbiltà tal-istudenti (inkluż il-mobbiltà tal-krediti u l-kwalifiki universitarji) fiċ-ċikli kollha minn sorsi amministrattivi u oħrajn - b'mod speċjali fil-punt tal-gradwazzjoni, biex jitkejjel il-progress mal-punt ta’ riferiment tal-mobbiltà msemmi fl-Anness (Taqsima I - 1).

    (3)

    Fir-rigward tal-mobbiltà għat-tagħlim fl-ETV inizjali: biex jagħmlu l-aħjar użu tal-istħarriġ dwar l-unitajiet domestiċi disponibbli, sabiex tinġabar it-tip ta’ data dwar il-mobbiltà għat-tagħlim meħtieġ biex ikun appoġġat il-punt ta’ riferiment tal-mobbiltà għat-tagħlim imsemmi fl-Anness (Taqsima I - 2)

    (4)

    Fir-rigward tal-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ b'mod ġenerali: biex jagħmlu l-aħjar użu tal-istħarriġ dwar l-unitajiet domestiċi disponibbli, sabiex tinġabar id-data meħtieġa għall-iżvilupp ta’ indikatur dwar l-ammont totali ta’ mobbiltà għat-tagħlim formali u mhux formali, inkluża analiżi tal-mobbiltà mhux formali, bil-ħsieb li jiġi kkumplementat il-pannell ta’ indikaturi tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ (22), u possibbilment jiġi estiż il-punt ta’ riferiment dwar il-mobbiltà għat-tagħlim sabiex f'xi data fil-futur jinkludi l-mobbiltà taż-żgħażagħ b'mod ġenerali (Taqsima II tal-Anness).

    (5)

    Biex jeżaminaw il-possibbiltà li jsir użu tal-istħarriġ disponibbli dwar għalliema fil-livelli edukattivi kollha, bil-ħsieb li jiġu żviluppati indikaturi dwar il-mobbiltà tal-għalliema u possibbilment jiġi estiż il-punt ta’ riferiment dwar il-mobbiltà għat-tagħlim sabiex f'xi data fil-futur jinkludi l-mobbiltà tal-għalliema (23).


    (1)  ĠU C 371 23.12.2000, p. 4.

    (2)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

    (3)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5.

    (4)  ĠU C 311, 21.12.2007, p. 13.

    (5)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8.

    (6)  ĠU C 320 16.12.2008, p. 6.

    (7)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

    (8)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (9)  Dok. 7586/10.

    (10)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5.

    (11)  ĠU C, 326, 3.12.2010, p. 9.

    (12)  ĠU C 70, 4.3.2011, p. 1.

    (13)  ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.

    (14)  Dok. 12668/11.

    (15)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

    (16)  COM(2009) 329 finali.

    (17)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

    (18)  Dok. 10697/11 - SEC(2011) 670 finali.

    (19)  Kif muri fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ tas-sena 2009, dan huwa livell ta’ riferiment tal-prestazzjoni medja Ewropea li m'għandhux jiġi kkunsidrat bħala mira konkreta li kull pajjiż li għandu jilħaq, iżda pjuttost bħala mira kollettiva li l-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu għall-ksib tagħha (ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2).

    (20)  Li għandhom ikunu stabbiliti fil-qafas tas-Sistema Statistika Ewropea.

    (21)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2008 dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ (Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6).

    (22)  Dok. 8320/11 — SEC(2011) 401 finali.

    (23)  Kif imsemmi fil-qafas strateġiku tas-sena 2009 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).


    ANNESS

    LIVELL TA' REFERENZA GĦALL-PRESTAZZJONI MEDJA EWROPEA

    (“Punt ta’ riferiment Ewropej”)

    FIL-QASAM TAL-MOBBILTÀ GĦAT-TAGĦLIM

    Bħala mezz ta’ monitoraġġ tal-progress u tal-identifikazzjoni tal-isfidi, kif ukoll ta’ kontribut għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza, fl-2009 l-Istati Membri qablu li l-livelli ta’ riferiment tal-prestazzjoni medja Ewropea (“punti ta’ riferiment Ewropej”) għandhom jappoġġaw l-objettivi msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill li huma adottaw fit-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (1). Dak iż-żmien intlahaq ftehim dwar ħames punti ta’ riferiment Ewropej u tressqet talba lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti dwar aktar punti ta’ riferiment, inkluża waħda dwar il-mobbiltà għat-tagħlim.

    Wara li eżaminaw il-proposti fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 (2), l-Istati Membri issa jaqblu wkoll dwar il-punt ta’ riferiment rigward il-mobbiltà għat-tagħlim li ġej, li jiddistingwi bejn żewġ oqsma prinċipali - l-edukazzjoni għolja u l-ETV inizjali.

    Il-punt ta’ riferiment Ewropew dwar il-mobbiltà għat-tagħlim fiż-żewġ oqsma imsemmija hawn taħt jikkumplimentaw lil dawk diġà adottati f'Mejju 2009. Bħala tali, dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq data komparabbli u jieħdu kont tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali. Huma m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala miri konkreti li għandhom jintlaħqu minn pajjiżi individwali sal-2020. Minflok, l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw, fuq il-bażi ta’ prijoritajiet nazzjonali u filwaqt li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qegħdin jinbidlu, kif u safejn huma jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib kollettiv tal-punti ta’ riferiment Ewropej fl-oqsma deskritti hawn taħt permezz ta’ azzjonijiet nazzjonali.

    Minbarra dan, għandu jiġi żviluppat indikatur dwar il-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ b'mod ġenerali, fil-kuntest tat-tagħlim formali kif ukoll dak mhux formali, bil-ħsieb li possibbilment jiġi estiż il-punt ta’ riferiment dwar il-mobbiltà għat-tagħlim sabiex f'xi data fil-futur jinkludi l-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ li ssir fi kwalunkwe kuntest.

    Il-mobbiltà għat-tagħlim hija ddefinita bħala mobbiltà fiżika u tieħu kont tal-mobbiltà madwar id-dinja.

    I.   PUNT TA' RIFERIMENT DWAR MOBBILTÀ GĦAT-TAGĦLIM

    1.    Il-mobbiltà għat-tagħlim fl-edukazzjoni għolja

    Bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni fil-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti li għandhom livell ta’ edukazzjoni għolja:

    Sal-2020, medja tal-UE ta’ mill-inqas 20 % ta’ gradwati li għandhom livell ta’ edukazzjoni għolja għandha tkun għamlet perijodu ta’ studju relatat mal-edukazzjoni għolja jew ta’ taħriġ (inkluż taħriġ f'ambitu professjonali) barra l-pajjiż, li jirrapreżenta minimu ta’ 15-il kreditu tal-ECTS jew b'tul ta’ mill-inqas tliet xhur.

    Jista' jittieħed kont ta’ perijodi iqsar għall-kalkolu tal-livelli nazzjonali ta’ mobbiltà, sakemm dawn ikunu rrikonoxxuti mill-Istat Membru individwali fil-kuntest ta’ skema ta’ mobblità kwalitattiva u jiġu reġistrati separatament.

    Sabiex jiġu żgurati il-kwalità u l-konverġenza mal-proċess ta’ Bolonja, l-Istati Membru u l-Kummissjoni huma mistiedna jaħdmu mal-fora ta’ Bolonja rilevanti bil-ħsieb li jiġu stabbiliti limiti armonizzati dwar in-numru ta’ krediti tal-ECTS u t-tul minimu ta’ studju.

    L-Istati Membri huma mħeġġa li jiżguraw rikonoxximent sħiħ tal-perjodi ta’ studju barra l-pajjiż.

    2.    Il-mobbiltà għat-tagħlim fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (ETV-I)

    Bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni fil-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti li għandhom livell ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali:

    Sal-2020, medja tal-UE ta’ mill-inqas 6 % ta’ persuni bejn it-18 u l-34 sena bi kwalifika ta’ livell ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali għandhom ikunu għamlu perijodu ta’ studju jew taħriġ inizjali relatat mal-ETV (inkluż taħriġ f'ambitu professjonali) barra l-pajjiż b'tul ta’ mill-inqas ġimgħatejn  (3) jew inqas jekk iddokumentat bl-Europass.

    Sabiex tiġi żgurata l-kwalità, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-għodod rilevanti, bħall-Europass u s-sistemi ECVET u EQAVET.

    Il-punt ta’ riferiment — inkluż id-definizzjoni u l-livell ta’ mira tiegħu — għandu, jekk meħtieġ, jiġi rieżminat/rivedut sa tmiem l-2015.

    II.   INDIKATUR DWAR IL-MOBBILTÀ GĦAT-TAGĦLIM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ B'MOD ĠENERALI

    Dan huwa indikatur ġenerali dwar il-mobbiltà għat-tagħlim li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ kull tip ta’ esperjenza ta’ tagħlim magħmula miż-żgħażagħ barra l-pajjiż. Huwa jkopri l-mobbiltà għat-tagħlim ta’ kwalunkwe tul ta’ żmien fi ħdan is-sistemi formali tal-edukazzjoni u ta’ taħriġ fi kwalunkwe livell, kif ukoll il-mobbiltà għat-tagħlim f'kuntesti mhux formali, inkluż skambji ta’ żgħażagħ u attivitajiet tal-volontarjat.


    (1)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

    (2)  Dok. 10697/11.

    (3)  = għaxart ijiem ta’ xogħol.


    Top