Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG1210(03)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar tat- 2 ta' Diċembru 2011 il-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal

ĠU C 361, 10.12.2011, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/11


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar tat-2 ta' Diċembru 2011 il-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal

2011/C 361/05

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.

IFAKKAR LI f'konformità mal-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. L-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-linji ta' politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali u l-mard u l-kawżi ta' periklu għas-saħħa fiżika u mentali.

2.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar 'Approċċi innovattivi għal mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u tal-kura tas-saħħa' (1);

3.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar l-ażma fit-tfal (2);

4.

IFAKKAR fid-Dikjarazzjoni politika tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll ta' Mard li ma jittieħidx adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-19 ta' Settembru 2011 (3);

5.

IFAKKAR FIL-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;

6.

IFAKKAR fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar ambjenti bla tipjip (4);

7.

JILQA' n-netwerks u l-alleanzi eżistenti, bħan-Netwerk Ewropea Globali għall-Allerġija u l-Ażma (GA2LEN) u l-Alleanza Globali kontra l-Mard Respiratorju (GARD), li nħolqu fl-2004 u fl-2006 rispettivament biex jiġi investigat u jitnaqqas il-piż u titjieb l-identifikazzjoni bikrija u t-trattament adatt ta' mard respiratorju kroniku fl-UE;

8.

JILQA' r-riżultati tal-konferenzi li ġejjin:

Il-proċess pan-Ewropew tad-WHO dwar l-Ambjent u s-Saħħa biex jiġu żgurati ambjenti aktar sikuri għat-tfal u l-Ħames Konferenza Ministerjali dwar l-ambjent u s-saħħa li saret bejn l-10 u t-12 ta' Marzu 2010 f'Parma (Italja),

Il-konferenza tal-esperti dwar il-“prevenzjoni u l-kontroll tal-ażma u l-allerġiji fit-tfal fl-UE mill-aspett tas-saħħa pubblika: ħtieġa urġenti li jimtlew il-lakuni” li saret fil-21 u t-22 ta' Settembru 2011 f'Varsavja – Ossa (Polonja) li indikat li hemm ħtieġa urġenti li jitjiebu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal billi jiġu indirizzata fil-linji politiċi tas-saħħa fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali kif ukoll dak tal-UE. F'dawn ir-rigward, għandha tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti fit-titjib u l-appoġġ tan-netwerk ta' ċentri nazzjonali;

9.

JENFASIZZA li l-mard respiratorju kroniku huwa l-aktar mard komuni fit-tfal li ma jittieħidx;

10.

JISĦAQ li l-ażma u r-rinite allerġika huma l-mard respiratorju kroniku l-aktar komuni fit-tfal u li l-ażma hija r-raġuni l-aktar komuni għaż-żjarat fl-emerġenza u l-ammissjonijiet fl-isptar fost it-tfal;

11.

JISĦAQ li l-prevalenza ta' mard respiratorju fit-tfal fl-Unjoni Ewropea żdiedet fid-deċenni reċenti, iżda l-monitoraġġ fl-UE kollha tal-prevalenza, is-severità, it-tipi ta' mard u l-bidliet fl-espożizzjoni għal allerġeni u irritanti huwa insuffiċjenti;

12.

JISĦAQ li n-nuqqas li jiġi djanjostikat u ttrattat mard respiratorju kroniku fit-tfal iwassal għal piż ekonomiku u soċjali, li jista' jiġi limitat bil-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament;

13.

JINNOTA l-eżistenza ta' inugwaljanzi fl-aċċess għall-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll bejniethom;

14.

JENFASIZZA li l-akbar fatturi ta' riskju għall-iżvilupp ta' mard respiratorju kroniku huma taħlita ta' predispożizzjoni ġenetika mal-espożizzjoni ambjentali għal sustanzi u partikuli li jiġu inalati, bħad-duħħan tat-tabakk fl-ambjent, kwalità tal-arja fqira f'postijiet ġewwa u tniġġis tal-arja fuq barra;

15.

JENFASIZZA li l-kondizzjonijiet qabel it-twelid u fis-snin bikrija tat-tfulija jinfluwenzaw is-saħħa fil-ħajja adulta; għalhekk huwa importanti li jiġu protetti n-nisa tqal u t-tfal kontra l-influwenzi negattivi tal-fatturi ambjentali, inkluż l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk;

16.

JIRRIKONOXXI li l-edukazzjoni tas-saħħa kontinwa tat-tfal, il-ġenituri, l-għalliema u t-taħriġ ta' professjonisti tas-saħħa għandhom rwol ċentrali fil-prevenzjoni u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal. Hija tqajjem kuxjenza u attitudnijiet favur is-saħħa fost l-individwi u tiffaċilita l-monitoraġġ ta' mard kroniku mill-professjonisti tas-saħħa;

17.

JIRRIKONOXXI li element importanti tal-prevenzjoni u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal hija l-awtoġestjoni u l-parteċipazzjoni tat-tfal f'deċiżjonijiet dwar il-kura tas-saħħa li jaffettwawhom, b'kont meħud tal-età u l-maturità tagħhom, kif ukoll l-involviment attiv tal-ġenituri u l-familja;

18.

JIRRIKONOXXI li l-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku għandhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal, il-kwalità tal-ħajja u jikkontribwixxu għal tfulija attiva u b'saħħitħa u tixjiħ b'saħħtu. Għalhekk huwa importanti li jiġu żviluppati għodod ġodda biex jitjiebu l-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal, speċjalment fil-linji ta' politika dwar is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, ir-riċerka, l-impjiegi u dawk soċjali;

19.

JISTIEDEN lill-Istati Membri biex:

jagħtu l-konsiderazzjoni adatta lill-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal fil-programmi tas-saħħa nazzjonali u/jew reġjonali u/jew lokali,

iżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal u jitjiebu l-għarfien u l-edukazzjoni fit-tfal, il-familji, l-għalliema u t-taħriġ ta' professjonisti tas-saħħa fir-rigward tar-rwol tagħhom fil-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija, it-trattament u l-monitoraġġ ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal,

ikomplu, u fejn adatt isaħħu, il-prevenzjoni tat-tipjip u l-programmi tal-waqfien mit-tipjip għal nisa tqal u ġenituri kif ukoll miżuri għall-prevenzjoni tal-espożizzjoni ta' nisa tqal u tfal għad-duħħan tat-tabakk, b'mod partikolari fid-dar u fi spazji magħluqin,

isegwu r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti ħelsin mid-duħħan (5),

isaħħu l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, speċjalment l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa fil-livelli kollha tal-kura, inkluż il-prevenzjoni primarja u sekondarja u l-kura tas-saħħa,

jiskambjaw l-aħjar prattiċi fir-rigward tal-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku, kif ukoll data dwar il-prevalenza, l-inċidenza u l-eżiti tagħhom,

isaħħu l-kooperazzjoni ta' ċentri nazzjonali u jirrinforzaw netwerks internazzjonali ta' riċerka eżistenti fil-qasam tal-mard respiratorju kroniku;

20.

JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

isaħħu l-isforzi biex jitnaqqsu d-diżabbiltà u l-mewt prematura relatati mal-ażma billi jrawwmu l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali,

jappoġġaw liċ-ċentri nazzjonali u n-netwerks internazzjonali ta' riċerka eżistenti biex jinstabu proċeduri kosteffettivi billi tintuża valutazzjoni tat-teknoloġija marbuta mas-saħħa biex jitjiebu l-istandards tas-sistemi tal-kura tas-saħħa rigward il-mard respiratorju kroniku,

jiżviluppaw ħidma mmirata lejn fehim aħjar tal-kawżi għaż-żieda fil-prevalenza ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal,

itejbu l-informazzjoni u l-għarfien dwar id-differenzi bejn ir-reġjuni u madwar l-Ewropa kollha fir-rigward ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti,

itejbu l-għarfien u l-informazzjoni indirizzata lejn il-partijiet interessati rilevanti dwar l-effetti tat-tniġġis tal-arja u fatturi ambjentali oħra dwar mard respiratorju kroniku, u l-morbożitajiet relatati tagħhom,

ikomplu u jsaħħu programmi u linji ta' politika biex titjieb il-kwalità tal-ajra ta' ġewwa u ta' barra,

jippromwovu kontroll effettiv tat-tabakk fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali f'konformita mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u l-linji gwida tagħha, u jikkunsidraw it-tisħiħ tagħha,

itejbu l-kwalità tal-ambjent ta' ġewwa u ta' barra li fih jgħixu t-tfal u jinkoraġġixxu lit-tfal biex ikunu fiżikament attivi,

jikkunsidraw l-użu ta' għodod tas-Saħħa elettronika u teknoloġiji innovattivi għall-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku,

jinkoraġġixxu u jappoġġaw ir-riċerka dwar il-fatturi kawżattivi ġenetiċi u ambjentali ta' mard respiratorju kroniku biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' approċċi ta' linji ta' politika bbażati fuq l-evidenza u jibbilanċaw il-finanzjament tar-riċerka fid-dawl tal-prevalenza tagħhom u l-piż li huma jimponu,

jippromwovu approċċ multisettorjali fis-setturi soċjali, ambjentali, tar-riċerka, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi, biex jiġi promoss l-impatt tal-linji ta' politika fuq is-saħħa respiratorja,

jimpenjaw lill-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa u tal-pazjenti biex jaħdmu sabiex il-pazjent jingħata aktar setgħa fil-proċess tal-prevenzjoni, id-djanjosi bikrija u t-trattament ta' mard respiratorju kroniku;

21.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni Ewropea biex:

tkompli tinkludi l-mard respiratorju kroniku fi programmi u attivitajiet relatati mar-riċerka u s-saħħa,

tappoġġa lill-Istati Membri:

fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika effettivi dwar il-prevenzjoni ta' mard respiratorju kroniku fit-tfal permess tal-appoġġ għall-iżvilupp, l-evalwazzjoni u l-iskambju ta' prattika tajba,

fit-titjib ta' netwerking bejn l-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta' programmi nazzjonali u/jew reġjonali u/jew lokali għall-iskambju ta' esperjenza u prattika tajba,

fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni ta' ċentri nazzjonali u r-rinforz ta' netwerks internazzjonali ta' riċerka eżistenti fil-qasam tal-mard respiratorju kroniku.


(1)  ĠU C 74, 8.3.2011, p. 4.

(2)  9507/04 (Press 163).

(3)  Nazzjonijiet Uniti A/RES/66/2 (A/66/L.1).

(4)  ĠU C 296, 5.12.2009, p. 4.

(5)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 4.


Top