Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG0615(04)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada

    ĠU C 175, 15.6.2011, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 175/8


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada

    2011/C 175/03

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    WARA LI KKUNSIDRA:

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-14 ta' Novembru 2006 dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ (1);

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel (2);

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (3);

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (4);

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (5).

    FILWAQT LI JFAKKAR LI:

    t-titjib tal-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha – mis-snin bikrin sal-età adulta – għandu rwol fundamentali fil-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (6).

    FILWAQT LI JAFFERMA MILL-ĠDID LI:

    Filwaqt li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri individwali, il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, flimkien mal-użu effiċjenti ta' programmi tal-UE, tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità billi jiġu appoġġati u kkomplimentati l-miżuri meħudin fil-livell nazzjonali u billi l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw l-isfidi komuni.

    U FID-DAWL TA':

    Il-konferenza tal-Presidenza dwar Eċċellenza u Ekwità fil-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal li saret f'Budapest fil-21-22 ta' Frar 2011, li enfasizzat il-ħtieġa li d-dimensjonijiet kwantattivi tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, jingħaqdu ma' dawk kwalitattivi, u tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal  (7).

    JIEĦU NOTA TAL-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada  (8).

    JIRRIKONOXXI LI:

    1.

    Il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal (il-KEBT) (9) ta' kwalità għolja jipprovdu firxa wiesgħa ta' benefiċċji fuq medda qasira ta’ żmien u fit-tul, kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà ġenerali. Waqt li jikkomplementaw ir-rwol ċentrali tal-familja, il-KEBT jagħtu l-aqwa pedament għal kisba lingwistika, suċċess fit-tagħlim tul il-ħajja, l-integrazzjoni soċjali, l-iżvilupp personali u l-impjegabbiltà. Jekk tingħata bażi soda fis-snin formattivi tat-tfal, it-tagħlim li jiġi wara jkun wieħed aktar effettiv u li x'aktarx ikompli tul il-ħajja, b'mod li tiżdied l-ekwità tar-riżultati fl-edukazzjoni u jitnaqqsu l-kosti għas-soċjetà fir-rigward ta' talent moħli u ta' nefqa pubblika fis-sistemi soċjali, tas-saħħa u saħansitra dawk tal-ġustizzja.

    2.

    Il-KEBT ta' kwalità għolja huma ta' benefiċċju għat-tfal kollha, iżda partikolarment għal dawk bi sfond soċjoekonomikament żvantaġġat, migranti jew bi sfond tar-Rom, jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, inklużi d-diżabbiltajiet. Filwaqt li jgħinu biex tispiċċa d-diskrepanza fil-kisbiet u jappoġġaw l-iżvilupp konoxxittiv, lingwistiku, soċjali u emozzjonali, huma jistgħu wkoll iwaqqfu ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ u tat-telf ta' interess li spiss iwasslu għal tluq qabel iż-żmien mill-iskola u għat-trasferiment tal-faqar minn ġenerazzjoni għal oħra.

    3.

    F'dan ir-rigward, l-għoti ta’ aċċess ekwitabbli ġeneralizzat għall-KEBT ta’ kwalità għolja jista’ jkun ta' kontribut b’saħħtu għas-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020, u b’mod partikolari biex jinkisbu tnejn mill-miri ewlenin tal-UE: it-tnaqqis fit-tluq mill-iskola qabel iż-żmien għal inqas minn 10 %, u biex mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu minn sitwazzjoni ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali.

    4.

    Barra minn hekk, peress li l-KEBT jagħtu opportunità li jiġu osservati, fi stadju bikri, diffikultajiet fit-taħglim, li jsir intervent bikri, huma jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni ta' tfal żgħar bi ħtiġijiet edukattivi speċjali, u fejn possibbli, biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-iskejjel ġenerali.

    5.

    Filwaqt li fl-aħħar snin l-Istati Membri kisbu progress tajjeb ġenerali fir-rigward tat-titjib tad-disponibbiltà tal-KEBT, huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jintlaħaq l-għan tar-rata ta' parteċipazzjoni ta' 95 % sal-2020 li ġiet maqbula skont il-qafas strateġiku “ET2020” (10), u b’ mod partikolari biex jiġi żgurat aċċess akbar għal tfal bi sfondi żvantaġġati.

    6.

    L-għoti tal-KEBT ta’ kwalità għolja huwa importanti daqs l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tagħha, u jeħtieġ li tingħata attenzjoni għal kwistjonijiet bħall-ambjent u l-infrastruttura, il-persunal, il-kurrikulu, il-governanza u l-assigurazzjoni tal-kwalità.

    7.

    Huwa meħtieġ approċċ sistemiku u aktar integrat għas-servizzi tal-KEBT fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali li jinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha – li jinkludi l-familji – flimkien mal-kollaborazzjoni transsettorjali mill-qrib bejn setturi differenti tal-politika, bħalma huma l-edukazzjoni, il-kultura, l-affarijiet soċjali, l-impjiegi, is-saħħa u l-ġustizzja.

    8.

    Li nżidu l-proporzjon tal-irġiel fil-KEBT huwa importanti sabiex inbiddlu l-attitudnijiet u nuru li mhux biss in-nisa jistgħu jipprovdu l-edukazzjoni u l-kura. Li jkollna mudelli ewlenin taż-żewġ sessi huwa pożittiv għat-tfal u jista’ jgħin biex jitkissru l-perċezzjonijiet ibbażati fuq l-isterjotipi tas-sessi. Post tax-xogħol kompost miż-żewġ sessi jikkontribwixxi għat-twessigħ tal-esperjenzi tat-tfal u jista’ wkoll jgħin biex titnaqqas is-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol.

    9.

    Il-KEBT għandhom tendenza li jirċievu inqas attenzjoni minn kwalunke livell ta' edukazzjoni u taħriġ ieħor minkejja l-evidenza li l-investiment effiċjenti fis-snin bikrija tal-edukazzjoni ta' kwalità huwa ħafna aktar effettiv mill-intervent aktar tard u jagħti rendiment konsiderevoli matul iċ-ċiklu tal- ħajja, b'mod partikolari għal min hu żvantaġġat.

    10.

    Relattivament, ftit li xejn saret, jew inġabret, riċerka dwar l-edukazzjoni ta' tfal żgħar, fil-livell tal-UE, li tista’ tikkontribbwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika dwar il-KEBT fl-Istati Membri. Jeħtieġ li r-riċerka eżistenti ssir aktar aċċessibbli b’mod wiesa’, u li din tiġi ssuplimentata b'aktar riċerka estensiva dwar l-għoti tal-KEBT u l-effetti tagħhom fl-Istati Membri kollha, b’kont meħud tad-diversità kulturali u li tirregistra eżempji ta' prattika tajba u esperjenza.

    JAQBEL LI:

    Miżuri biex tintlaħaq l-isfida doppja li jingħata aċċess ekwitabbli ġeneralizzat għall-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal waqt li togħla l-kwalità tal-għoti, jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

    1.

    L-għoti ta' aċċess ekwitabbli għal KEBT inklużivi ta' kwalità għolja, b'mod partikolari għal tfal bi sfond soċjoekonomikament żvantaġġat, migranti jew bi sfond tar-Roma, jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, inklużi d-diżabbiltajiet.

    2.

    It-tfassil ta' mudelli ta' finanzjament effiċjenti, inkluż finanzjament immirat, li jsibu l-bilanċ ġust bejn l-investiment pubbliku u dak privat skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u dawk lokali.

    3.

    Il-promozzjoni ta' approċċi transsettorjali u integrati għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tat-tfal kollha – konoxxittivi, emozzjonali, psikoloġiċi u fiżiċi – b'mod olistiku, kif ukoll biex tiġi żgurata l-kollaborazzjoni mill-qrib bejn id-dar u l-KEBT u transizzjoni mingħajr xkiel bejn il-livelli different ta' edukazzjoni.

    4.

    L-appoġġ tal-professjonalizzazzjoni tal-persunal tal-KEBT, b'enfasi fuq l-iżvilupp tal-kompetenzi, il-kwalifiki u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u t-tisħiħ tal-prestiġju tal-professjoni. Barra minn hekk, il-linji ta' politika li qed jiżviluppaw huma mmirati biex jattiraw, iħarrġu u jżommu persunal kwalifikat fil-KEBT u jtejbu l-bilanċ bejn is-sessi.

    5.

    Il-promozzjoni ta' programmi u kurrikuli adatti skont l-iżvilupp, li trawwem il-kisba kemm ta' ħiliet konoxxittivi kif ukoll ta' oħrajn mhux konoxxittivi, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-logħob, li huwa wkoll kruċjali għat-tagħlim fis-snin bikrin.

    6.

    L-appoġġ lill-ġenituri fir-rwol tagħhom ta' edukaturi ewlenin tat-tfal tagħhom matul is-snin bikrin, u l-inkoraġġiment biex is-servizzi tal-KEBT jaħdmu bi sħubija mill-qrib mal-ġenituri, familji u komunitajiet, sabiex jiżdied l-għarfien tal-opportunitajiet offruti mill-KEBT u tal-importanza tat-tagħlim minn età bikrija.

    7.

    Il-promozzjoni tal-assigurazzjoni ta' kwalita’ bil-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha ewlenin, inkluż il-familji.

    8.

    Il-promozzjoni tar-riċerka Ewropea u l-ġbir tad-data dwar il-KEBT, fejn adatt b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika u l-għoti tal-programm fil-KEBT.

    GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    1.

    Janalizzaw u jevalwaw is-servizzi tal-KEBT eżistenti fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali f'termini tad-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità tagħhom, kif deskritt fil-qosor f'dawn il-konklużjonijiet.

    2.

    Jiżguraw li l-miżuri mmirati lejn l-għoti ta' aċċess ekwitabbli ġeneralizzat għall-KEBT u lejn it-tisħiħ tal-kwalità tagħhom ikunu fis-seħħ.

    3.

    Jinvestu b'mod effiċjenti fil-KEBT bħala miżura li ttejjeb it-tkabbir fuq perijodu fit-tul.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

    1.

    Tappoġġa lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-iskambju ta' linji ta' politika u prattiki tajba permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

    2.

    Twessa’ l-bażi tal-evidenza fil-qasam tal-KEBT, billi tibni fuq u tissupplimenta r-riċerka internazzjonali bir-riċerka fl-UE kollha u billi tagħmel ir-riżultati ta' riċerka bħal din aktar faċilment disponibbli.

    3.

    Fil-qafas strateġiku “ET2020”, twettaq monitoraġġ u rappurtar dwar il-progress lejn il-mira ta' ta' riferiment tal-“ET2020” għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, u lejn il-ksib tal-għanijiet stabbiliti f'dawn il-konklużjonijiet ta' aċċess usa’ u kwalità aħjar.

    U JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI, BIEX:

    1.

    Jinvolvu ruħhom f'kooperazzjoni ta' politika permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni mas-setturi rilevanti (bħall-edukazzjoni, il-kultura, l-affarijiet soċjali, l-impjiegi, is-saħħa u l-ġustizzja) u jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti kollha, bil-ħsieb li jipproduċu għodda ta' referenza fil-livell Ewropew li jkunu ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' politika fil-qasam tal-KEBT fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali adatt.

    2.

    Mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju futur, jagħmlu użu effiċjenti mill-istrumenti rilevanti tal-UE kollha fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja u r-riċerka, kif ukoll il-fondi strutturali Ewropej f'konformità mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, sabiex jippromwovu l-għanijiet imsemmija hawn fuq.


    (1)  ĠU C 298, 8.12.2006, p. 3.

    (2)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 20.

    (3)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

    (4)  ĠU C 301, 11.12.2009, p. 5.

    (5)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.

    (6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2010 – id-dok. EUCO 7/1/10 REV1.

    (7)  Id-dok. 7226/11- COM(2011) 60 finali.

    (8)  Id-dok. 6264/11 - COM(2011) 66 finali.

    (9)  Għall-finijiet ta' dawn il-konklużjonijiet, it-terminu kura u edukazzjoni bikrija tat-tfal jirreferi għal kwalunkwe arranġament li jipprovdi edukazzjoni u kura lil tfal mit-twelid sal-età obbligatorja tal-iskola - irrispettivament mill-ambjent, finanzjament, ħinijiet tal-ftuħ, jew il-kontenut tal-programm - u jinkludi dispożizzjonijiet ta' qabel l-iskola u ta' qabel il-primarja. (Sors: OECD Starting Strong I (2006), p. 7.)

    (10)  Ara Anness I għall-konklużjonijiet (ĠU C 119, 28.5.2009, p.7): Sal-2020, mill-inqas 95 % tat-tfal bejn l-4 snin u l-età obbligatorja biex wieħed jibda l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw f'edukazzjoni bikrija.

    Fl-2008 r-rata medja Ewropea ta' parteċipazzjoni kienet ta' 92,3 %.


    Top