Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG0308(02)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill “Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-saħħa pubblika u fis-sistemi tal-kura tas-saħħa”

    ĠU C 74, 8.3.2011, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 74/4


    Konklużjonijiet tal-Kunsill “Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-saħħa pubblika u fis-sistemi tal-kura tas-saħħa”

    2011/C 74/03

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    1.

    IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkomplementa l-linji ta' politika nazzjonali u tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika; hija għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u, jekk meħtieġ, tagħti appoġġ lill-azzjoni tagħhom, u tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u l-kura medika;

    2.

    IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-linji ta' politika u l-programmi tagħhom;

    3.

    JISSOTTOLINJA l-fatt li l-prinċipji u l-valuri supremi tal-universalità, l-aċċess għal kura ta' kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà, kif approvati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-sistemi tas-saħħa tal-UE tat-2 ta' Lulju 2006, huma tal-akbar importanza għall-pazjenti b'mard kroniku;

    4.

    IFAKKAR li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-mard kroniku huwa mard fit-tul u ġeneralment jipprogressa bil-mod. Il-mard kroniku huwa l-kawża prinċipali tal-mortalità fid-dinja, billi jirrappreżenta 60 % tal-imwiet kollha madwar id-dinja u jimponi piż enormi fuq il-ħajja ta' kuljum tal-pazjenti u l-qraba tagħhom u fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Fl-għaxar snin li jmiss ser ikun hemm żieda fil-mard kroniku inkluż minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea;

    5.

    IFAKKAR li l-Kummissjoni, fil-White Paper tagħha: Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013 tat-23 ta' Ottubru 2007 (1), li tiżviluppa l-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa, osservat li t-trawwim ta' saħħa tajba f'Ewropa li qed tixjiħ u l-appoġġ ta' sistemi tas-saħħa u teknoloġiji ġodda dinamiċi huma objettivi ewlenin għas-snin li ġejjin;

    6.

    IFAKKAR fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” tat-3 ta' Marzu 2010 (2), speċjalment l-Inizjattiva Ewlenija Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni” tas-6 ta' Ottubru 2010 (3), li tipprevedi sħubija Ewropea pilota għall-innovazzjoni fil-qasam tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu;

    7.

    JILQA' l-konferenza Ministerjali: Approċċi Innovattivi għall-Mard Kroniku fis-Saħħa Pubblika u fis-Sistemi tal-Kura tas-Saħħa, li saret fi Brussell fl-20 ta' Ottubru 2010, li ssottolinjat il-ħtieġa li jinstabu modi innovattivi għall-prevenzjoni kosteffettiva ta' fatturi ta' riskju komuni, sabiex jinħoloq ambjent fejn iċ-ċittadini jsibuha aktar faċli biex jagħmlu għażliet tajbin għas-saħħa, li jittieħed kont tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi kemm fil-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll fil-kura tas-saħħa, li tiġi ffaċilitata koordinazzjoni aħjar fis-sistemi kollha tal-kura tas-saħħa sabiex tiġi żgurata kura integrata ċċentrata fuq il-pazjent u biex tiġi stimulata riċerka integrata fil-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni primarja, il-prevenzjoni sekondarja (inkluża dijanjosi bikrija), it-trattament u l-kura ta' mard kroniku;

    8.

    JISTIEDEN lill-Istati Membri biex:

    jiżviluppaw aktar linji ta' politika ċċentrati fuq il-pazjent għall-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni primarja, il-prevenzjoni sekondarja, it-trattament u l-kura ta' mard kroniku, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, speċjalment l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti;

    jiżguraw li dawn il-linji ta' politika jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-inugwaljanzi fis-saħħa, b'kont meħud tal-approċċ ta' Saħħa fil-Linji kollha ta' Politika;

    jidentifikaw u jiskambjaw prattika tajba fir-rigward ta' dawn il-linji ta' politika u ta' data eżistenti komparabbli dwar l-inċidenza u l-prevalenza ta', u r-riżultati kliniċi u soċjali għal, mard kroniku;

    9.

    JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

    jagħtu bidu għal proċess ta' riflessjoni bil-għan li jiġu identifikati l-possibbiltajiet ta' kif tiġi ottimizzata r-rispons għall-isfidi tal-mard kroniku, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u jagħtu sommarju tar-riżultati ta' dan f'dokument ta' riflessjoni sal-2012;

    imexxu dan il-proċess ta' riflessjoni bi djalogu mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti, inkluż il-pazjenti, il-professjonisti, dawk li jipprovdu u dawk li jħallsu għall-kura tas-saħħa, u jieħdu kont tal-kura elettronika u l-kontribut potenzjali ta' oqsma ta' politika oħra rilevanti, b'mod partikolari l-impjieg, id-diżabbiltà, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni;

    jinkludu f'dan il-proċess ta' riflessjoni, fost l-oħrajn, skop għal azzjoni f'dawn l-oqsma li ġejjin:

    il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard kroniku: li jiġu ffaċilitati fil-ħajja għażliet tajbin għas-saħħa għaċ-ċittadini kollha, li jiġu stabbiliti messaġġi ta' komunikazzjoni għall-promozzjoni tas-saħħa u interventi għall-mard kroniku kollu, li s-saħħa tiġi integrata fil-programmi ta' edukazzjoni; li tiġi żviluppata aktar l-analiżi kwantitattiva tal-kosteffettività ta' u l-gwadann fis-saħħa mill-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni; li jiġi investigat, ibbażat fuq evidenza xjentifika, l-iskop għall-osservazzjoni bikrija ta' fatturi ta' riskju rilevanti għall-mard kroniku; li tissaħħaħ il-prevenzjoni bl-applikazzjoni tal-prinċipji tas-saħħa fil-linji kollha ta' politika;

    il-kura tas-saħħa: li jiġu identifikati u kondiviżi prattiki tajba fir-rigward ta' modi kif il-pazjenti b'mard kroniku jkunu jistgħu jimmassimizzaw l-awtonomija u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; dwar interventi bikrija, effettivi u proattivi; dwar il-prevenzjoni sekondarja; dwar l-affordabbiltà u l-aċċess ta' kura għall-mard kroniku; dwar l-implimentazzjoni ta' mudelli innovattivi għall-kura kronika, speċjalment fil-kura tas-saħħa primarja u dik fil-komunità, u dwar modi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi tas-saħħa f'dan il-qasam;

    ir-riċerka dwar il-mard kroniku: dwar kif l-implimentazzjoni prattika tal-prevenzjoni, l-intervent u l-kura bikrin jiġu bbażati fuq l-għarfien xjentifiku eżistenti tal-mard kroniku, bl-għan li l-istrateġiji, it-teknoloġiji u l-appoġġ jitjiebu biex jippermettu tixjiħ attiv u b'saħħtu;

    informazzjoni komparabbli fil-livell Ewropew dwar l-inċidenza, il-prevalenza, il-fatturi ta' riskju u r-riżultati li jikkonċernaw il-mard kroniku, b'kont meħud tal-mekkaniżmi differenti li jeżistu bħall-EHES, l-iżvilupp tal-istatistika dwar il-morbożità skont l-ESTAT, ir-reġistri u s-sorsi l-oħra eżistenti, sabiex ikunu jistgħu jsiru punti ta' riferiment u politika bbażata fuq l-evidenza;

    10.

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex:

    tappoġġa lill-Istati Membri u l-partijiet interessati fil-proċess ta' riflessjoni u tagħti sommarju tar-riżultati tagħha f'dokument ta' riflessjoni sal-2012;

    tintegra, fejn possibbli, il-mard kroniku bħala prijorità fil-programmi Ewropej ta' riċerka u azzjoni kemm attwali kif ukoll futuri u tieħu kont tar-riżultat tal-proċess ta' riflessjoni fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva UE 2020;

    issaħħaħ aktar il-kooperazzjoni dwar il-mard kroniku mad-WHO u l-OECD.


    (1)  14689/07.

    (2)  7110/10.

    (3)  14035/10.


    Top