Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC1104(04)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 321, 4.11.2011, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 321/20


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 321/15

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur minn din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“DÜSSELDORFER MOSTERT”/“DÜSSELDORFER SENF MOSTERT”/“DÜSSELDORFER URTYP MOSTERT”/“AECHTER DÜSSELDORFER MOSTERT”

Nru KE: DE-PGI-0005-0799-24.02.2010

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta’ prodott:

Klassi 2.6

Pejst tal-mustarda

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imniżżel taħt punt 1:

“Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert” (minn issa ’l quddiem imsejjaħ fil-qosor “Düsseldorfer Mostert”) huwa pejst lest biex jittiekel li jintuża biex jitħawwar l-ikel. Il-pejst tal-mustarda tat-tip “Düsseldorfer Mostert” jikkonsisti esklussivament minn żrieragħ kannella u sofor tal-mustarda mitħuna, ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf, ilma ta’ Düsseldorf li fih b’mod partikolari l-ġir u l-minerali, melħ, zokkor u ħwawar. Il-konsistenza tiegħu hija kremuża u tleqq u l-kulur tiegħu hu kannella lewn ix-xgħir. Id-“Düsseldorfer Mostert” fih biċċiet żgħar tal-qxur (tikek). Karatteristika partikolari tad-“Düsseldorfer Mostert” hija t-togħma pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir li tinħoloq permezz tal-qxur tal-mustarda li huma mitħuna tliet darbiet. It-togħma tipikament pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir tirriżulta mis-sengħa tal-proċess tal-produzzjoni artiġjanali tradizzjonali esklussivament fiż-żona ġeografika miż-żrieragħ kannella u sofor tal-mustarda, l-approċċ kiesaħ speċjali, it-tħin taż-żerriegħa tal-mustarda li jsir tliet darbiet, is-sengħa tat-tħin finali bil-ġebel tal-granit, il-ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf u l-ilma ta’ Düsseldorf li fih b’mod partikolari l-ġir u l-minerali. Id-“Düsseldorfer Mostert” jikkonsisti esklussivament minn ingredjenti naturali. Fid-“Düsseldorfer Mostert” ma jistgħux jiżdiedu preservattivi, togħmiet u sustanzi li jħaxxnu.

Il-prodott lest tad-“Düsseldorfer Mostert” irid ikollu l-valuri li ġejjin:

il-kontenut ta' piż xott: mill-inqas 25 %

il-valur tal-pH < 4,1

l-aċidità totali (ikkalkulata bħala aċidu aċetiku) > 2,3 %

melħ tal-ikel (kalkulat bħala NaCI) > 3,5 %

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-materja prima għad-“Düsseldorfer Mostert” hija ż-żrieragħ kannella u sofor tal-mustarda, il-ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf, l-ilma ta’ Düsseldorf li fih b’mod partikolari l-ġir u l-minerali, melħ, zokkor u ħwawar.

Fid-“Düsseldorfer Mostert” ma jistgħux jiżdiedu preservattivi, togħmiet u sustanzi li jħaxxnu.

Sabiex tinżamm l-istess kwalità għolja u jinżamm frisk b’mod tradizzjonali, tinżamm ir-rabta reġjonali u magħha l-karatteristiċi organolettiċi tad-“Düsseldorfer Mostert” u l-immaġini tiegħu, fil-produzzjoni għandhom jintużaw esklussivament l-ilma ta’ Düsseldorf u l-ħall tal-inbid ta’ Düsseldorf mhux iffiltrat prodott mill-ilma ta’ Düsseldorf miż-żona ġeografika demarkata.

3.4.   Għalf (għal prodotti ta’ oriġini mill-annimali biss):

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-materja prima għad-“Düsseldorfer Mostert” hija ż-żrieragħ kannella u sofor tal-mustarda, il-ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf, l-ilma ta’ Düsseldorf li fih b’mod partikolari l-ġir u l-minerali, melħ, zokkor u ħwawar.

Fid-“Düsseldorfer Mostert” ma jistgħux jiżdiedu preservattivi, togħmiet u sustanzi li jħaxxnu.

Wara li jkunu tnaddfu u ġew magħrbula, iż-żrieragħ kannella u sofor tal-mustarda għandhom jiġu mitħuna b'mod separat. Iż-żrieragħ kannella u sofor tal-mustarda mitħuna minn qabel, flimkien mal-melħ, iz-zokkor u l-ħwawar għandhom imbagħad jitħalltu mal-ilma ta’ Düsseldorf li fih b’mod partikolari l-ġir u l-minerali u mal-ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf fl-approċċ kiesaħ sakemm it-taħlita tal-mustarda ssir kannella.

Fl-aħħar, it-taħlita tal-mustarda ppreparata kiesħa għandha tiġi mitħuna darbtejn. Għall-aħħar tħin għandu jintuża ġebel tal-granit biex tiġi llixxjata l-istruttura tad-“Düsseldorfer Mostert” b’mod manwali u titneħħa l-arja b’mod artiġjanali. Il-biċċiet iż-żgħar tal-qxur jibqgħu jidhru. Wara ż-żmien tal-maturazzjoni, id-“Düsseldorfer Mostert” jiżviluppa t-togħma karatteristika tiegħu pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir. Wara dan għandu jimtela f’kontenituri differenti.

Għad-“Düsseldorfer Mostert” għandha tiġi indikata data ta’ durabbilità minima ta’ għaxar xhur biss, sabiex permezz ta’ dan id-“Düsseldorfer Mostert” jippreserva l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu.

Il-passi kollha tal-produzzjoni tad-“Düsseldorfer Mostert”, jiġifieri it-tindif, it-tgħarbil, it-tħin minn qabel u t-taħlit tal-ingredjenti fl-approċċ kiesaħ, it-tieni tħin, it-tielet tħin bil-ġebel tal-granit, u l-maturazzjoni għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika. B’hekk tiġi żgurata t-togħma tipikament pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir u magħha l-karatteristiċi organolettiċi u l-kwalità, l-oriġini reġjonali, it-traċċabiltà kif ukoll il-kontrolli matul il-proċess kollu tal-produzzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar eċċ.:

Il-passi tal-imballaġġ jiġifieri l-mili fil-kontenituri, l-ippakkjar kif ukoll it-tikkettar tal-kontenituri għandhom isiru fiż-żona ġeografika.

Dan huwa meħtieġ peress li l-qawwa u t-togħma tal-mustarda jistgħu jiġu affettwati faċilment u għalhekk il-proċess tal-maturazzjoni huwa soġġett għall-kontroll tat-temperatura raġonevoli. Il-kontroll tat-temperatura tal-ħżin u t-tul taż-żmien tal-ħżin għandhom influwenza deċiżiva fuq il-kwalità sensorjali tal-prodott finali. Il-persunal professjonali tal-produzzjoni biss (l-esperti interni tal-mustarda) għandu l-esperjenza meħtieġa biex jiddetermina ż-żmien ideali tal-mili biex tinżamm l-istess kwalità għolja tal-prodott. Din hija r-raġuni għala dan il-pass tal-produzzjoni, li huwa ewlieni għall-kwalità tal-prodott, irid isir taħt il-kontroll tal-produtturi fiż-żona ġeografika.

B’dan il-mod jiġu żgurati t-togħma tipikament pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir u magħha l-karatteristiċi organolettiċi, il-kwalità, l-oriġini reġjonali, it-traċċabbiltà kif ukoll il-kontrolli tad-“Düsseldorfer Mostert” matul il-proċess kollu tal-produzzjoni.

3.7.   Dispożizzjonijiet partikolari għat-tikkettar:

Ir-regoli li ġejjin tat-tikkettar, jew aħjar tal-identifikazzjoni, jiżguraw lill-konsumaturi kif ukoll lill-kontrolluri tal-produzzjoni u tal-abbuż l-oriġini u l-awtentiċità tad-“Düsseldorfer Mostert”. Dawn jiżguraw l-identifikazzjoni uniformi u l-assigurazzjoni tal-oriġini u t-traċċabiltà tad-“Düsseldorfer Mostert”.

Meta jitpoġġa għall-bejgħ, id-“Düsseldorfer Mostert” għandu jiġi mmarkat bit-tikketta:

bħala “Düsseldorfer Mostert”,

bħala “Düsseldorfer Senf Mostert”,

bħala “Düsseldorfer Urtyp Mostert” u/jew

bħala “Aechter Düsseldorfer Mostert”

Dan it-tikkettar, jew aħjar l-identifikazzjoni, jista’ jinkludi wkoll ir-referenza “IĠP” u/jew l-addizzjoni “indikazzjoni ġeografika protetta”.

Il-pejst tal-mustarda tat-tip “Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert” għandu jiġi mmarkat bis-simbolu tal-Komunità korrispondenti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 bil-kulur jew bl-iswed u l-abjad.

L-assoċjazzjoni tal-protezzjoni żżomm lista aġġornata regolarment tal-kumpaniji li jipproduċu d-“Düsseldorfer Mostert”. L-assoċjazzjoni tal-protezzjoni tippermetti lill-kumpaniji kollha li jinnotifikaw lilha l-produzzjoni tad-“Düsseldorfer Mostert” u lill-membri tagħhom, l-użu tas-sinjali tal-kliem/l-istampi li ġejjin tal-assoċjazzjoni tal-protezzjoni tal-mustarda ta’ Düsseldorf bit-tip tal-kitba Arial/Regolari għall-kliem “Senfspezialität aus Düsseldorf” (Speċjalità tal-mustarda minn Düsseldorf) fil-varjanti li ġejjin għall-prodotti konformi mal-ispeċifikazzjonijiet:

Bil-kulur bil-lewn CMYK 12C 27M 56Y 0K (deheb), bil-lewn speċjali tad-deheb u/jew bl-ittimbrar tal-fojl jaħraq fil-lewn tad-deheb għall-ankra, il-linja ta’ barra tal-iljun u l-bordura tal-logo u/jew bil-kulur CMYK 12C 27M 56Y 0K (deheb), bil-lewn speċjali tad-deheb u/jew bl-ittimbrar tal-fojl jaħraq għall-ankra, l-iljun u l-linja ta' barra tal-iljun u l-bordura tal-logo u/jew bl-iswed u l-abjad bil-lewn CMYK 0C 0M 0Y 100K (iswed) għall-ankra, il-linja ta’ barra tal-iljun u d-dawra tal-logo u/jew bl-iswed u l-abjad bil-lewn CMYK 0C 0M 0Y 100K (iswed) għall-ankra, l-iljun u d-dawra tal-logo.

Il-kulur fl-isfond tal-logo huwa varjabbli. Id-daqs tal-logos jista’ jkun differenti skont l-iskop tal-użu.

Dawn ir-regoli tat-tikkettar japplikaw ukoll għal prodotti li fihom jintuża d-“Düsseldorfer Mostert” bħala l-uniku komponent fil-kategorija tal-prodotti korrispondenti ta’ prodotti oħra kif ukoll oġġetti tal-ikel.

Image

Image

Image

Image

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tinkludi l-belt kapitali tal-istat federali Düsseldorf; din tissejjaħ “Düsseldorf”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tinkludi l-belt kapitali tal-istat federali Düsseldorf; u tissejjaħ “Düsseldorf”. Fiż-żona ġeografika ġie vvintat id-“Düsseldorfer Mostert”. Iż-żona ġeografika hija karatterizzata mit-tradizzjoni twila tal-produzzjoni tal-industrija tal-mustarda ta’ Düsseldorf. Permezz tad-denominazzjoni, l-oriġini tal-invenzjoni, it-tradizzjoni twila tal-produzzjoni, il-proċedura speċjali tal-estrazzjoni tal-ilma żviluppata u prattikata fiż-żona ġeografika, l-ingredjenti li jikkaratterizzaw it-togħma, b’mod partikolari l-minerali inklużi fil-kontenut għoli tal-ġir tal-ilma ta’ Düsseldorf u l-kultura tal-ħall tal-inbid użata f’Düsseldorf li ma nbidlitx mill-1969 li toriġina mill-batterji tal-ħall tal-ambjent direttament madwar il-fabbrika tal-mustarda, iż-żona ġeografika tiddistingwi lilha nfisha minn żoni fil-viċin.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Id-“Düsseldorfer Mostert” jikkonsisti esklussivament miż-żrieragħ mitħuna kannella u sofor tal-mustarda, il-ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf, l-ilma ta’ Düsseldorf li fih b’mod partikolari l-ġir u l-minerali, melħ, zokkor u ħwawar. Il-konsistenza tiegħu hija kremuża u tleqq u l-kulur tiegħu huwa kannella bħall-kulur tax-xgħir. Id-“Düsseldorfer Mostert” fih biċċiet żgħar tal-qxur (tikkek).

Karatteristika partikolari tad-“Düsseldorfer Mostert” hija t-togħma pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir permezz tal-qxur tal-mustarda li huma mitħuna tliet darbiet. It-togħma tipikament pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir tirriżulta mis-sengħa tal-proċess tal-produzzjoni artiġjanali tradizzjonali esklussivament fiż-żona ġeografika miż-żrieragħ kannella u sofor tal-mustarda, l-approċċ kiesaħ speċjali, it-tħin taż-żerriegħa tal-mustarda li jsir tliet darbiet, is-sengħa tat-tħin finali bil-ġebel tal-granit, il-ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf u l-ilma ta’ Düsseldorf li fih b’mod partikolari l-ġir u l-minerali. Id-“Düsseldorfer Mostert” jikkonsisti esklussivament minn ingredjenti naturali. Fid-“Düsseldorfer Mostert” ma jistgħux jiżdiedu preservattivi, togħmiet u sustanzi li jħaxxnu.

Dawn il-karatteristiċi organolettiċi huma minnhom infushom ir-raġuni għar-reputazzjoni tad-“Düsseldorfer Mostert” bħala speċjalità reġjonali. Ir-reputazzjoni tajba tad-“Düsseldorfer Mostert” inkisbet permezz tat-togħma, il-kwalità u l-partikolarità tiegħu.

5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Rabta storika/storja

Il-pejst tal-mustarda tat-tip “Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert”, “Düsseldorfer Senf” u “Düsseldorfer Tafelsenf” huwa speċjalità tal-oġġetti tal-ikel żviluppati f’Düsseldorf bi tradizzjoni reġjonali storika twila ħafna.

L-istorja tal-industrija tal-mustarda ta' Düsseldorf tapprova dan. Fl-1726 ġiet imwaqqfa l-ewwel fabbrika Ġermaniża tal-mustarda f’Düsseldorf. L-ispeċjalità tagħha kienet mustarda pikkanti, aromatika bħal tax-xgħir, kremuża tleqq, ta’ kulur kannella bħall-kulur tax-xgħir “Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert”. Id-“Düsseldorfer Mostert” sar magħruf malajr ukoll barra mill-Ġermanja u stabbilixxa l-fama ta' Düsseldorf bħala l-metropoli tal-mustarda.

Fl-1800 l-“Aechter Düsseldorfer Mostert” sar popolari mal-konsumaturi permezz tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu kemm fil-pajjiż kif ukoll lil hinn minnu. Fl-1884 id-“Düsseldorfer Mostert” daħal fl-istorja tal-arti permezz tax-xogħol ta’ Vincent van Gogh “Ħajja inanimata bil-fuħħar, fliexken u kaxxi”.

Fl-1896 kienu jeżistu tmien fabbriki tal-mustarda f’Düsseldorf. Fl-1826 l-aħbarijiet tal-kummerċ, il-letteratura tal-ivvjaġġar u d-deskrizzjonijiet tal-bliet kienu diġà jirrapurtaw dwar l-industrija tal-mustarda.

Fl-1920 għal Düsseldorf bdiet era ġdida tal-mustarda. Fl-aħħar tal-1920, in-negozjant li oriġina minn Lothringen, Otto Frenzel, waqqaf f'Düsseldorf il-fabbrika tal-mustarda tiegħu. F’din il-fabbrika huwa kien jipproduċi mustarda pikkanti ħafna u għall-ewwel darba ta’ kulur ċar li huwa ddeskriviha bħala l-mustarda tal-iljuni u mmarkaha bir-ras tal-iljun bħala rikonoxximent tal-arma tal-belt ta' Düsseldorf. Din il-mustarda ta’ kulur ċar sa dak iż-żmien ma kinitx magħrufa fil-Ġermanja. Għall-ewwel ix-xerrejja rreaġixxew b’mod xettiku u ostili għal dan l-iżvilupp ġdid. Permezz tat-togħma pikkanti qawwija u l-ħwawar distintivi, id-“Düsseldorfer Mostert” u d-“Düsseldorfer Senf” malajr saru popolari. Fi żmien qasir Otto Frenzel kiseb reputazzjoni għolja mal-konsumaturi bil-kreazzjoni l-ġdida tal-mustarda tal-iljuni. Bdiet l-istorja ta' suċċess tal-industrija tal-mustarda l-ġdida ta' Düsseldorf ta’ Otto Frenzel. Il-formula tas-suċċess ta' Frenzel kienet ir-rekwiżiti tal-purità għad-“Düsseldorfer Mostert” u d-“Düsseldorfer Senf” fejn wieħed juża biss l-ingredjenti tal-aqwa kwalità, joqgħod attent bi preċiżjoni kbira għall-preparazzjoni professjonali u jevita l-addittivi kollha.

Mill-1930 il-fabbriki tal-mustarda ta’ Düsseldorf bdew jipproduċu d-“Düsseldorfer Tafelsenf”, mustarda tal-mejda ta’ Düsseldorf pikkanti b'mod medju. Din l-ispeċjalità ta’ Düsseldorf inqas pikkanti, ta’ togħma taħraq u pikkanti b'mod medju, ta’ kulur isfar ħadrani, tleqq sew ġiet apprezzata u maħbuba fi żmien qasir mill-konsumaturi fil-Ġermanja u barra mill-pajjiż. Fl-1938 l-industrija tal-mustarda ta’ Düsseldorf bdiet tesporta l-pejst tal-mustarda tat-tip “Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert”, “Düsseldorfer Senf” u “Düsseldorfer Tafelsenf” lejn pajjiżi Ewropej oħra, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, l-Amerika t'Isfel, l-Afrika, il-Ġappun u l-Awstralja.

Fl-istorja ta’ Düsseldorf, apparti l-fabbriki magħrufa tal-mustarda Adam Bernhard Bergrath sel. Wwe u Otto Frenzel Senfindustrie, kien hemm ukoll il-fabbriki tal-mustarda ta' Düsseldorf li joperaw b’mod reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, li kienu Senffabrik Ludwig Mackenstein, Dampf-Senffabrik Steinberg & Hild, Dampf-Senffabrik Carl Dick, Senffabrik Paul Eisenhardt, Senffabrik Ernst Roesberger, Senffabrik Carl von der Heiden, Senfvertrieb Wilhelm Pabelick, Senffabrik Geschwister Bramhoff u Senffabrik Johann Waldorf. Ħafna minn dawn il-produtturi tal-mustarda użaw l-ankri ta’ Düsseldorf jew l-iljun ta’ Düsseldorf għall-identifikazzjoni tad-“Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert”, “Düsseldorfer Senf” u “Düsseldorfer Tafelsenf” għall-mustarda ta' Düsseldorf prodotta minnhom.

Ir-rabta naturali/il-kundizzjonijiet ambjentali

Il-pejst tal-mustarda tat-tip “Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert” jindika rabta naturali bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu.

L-ilma ta’ Düsseldorf li jintuża, li huwa l-ingredjent ewlieni tad-“Düsseldorfer Mostert”, joriġina mill-ilma msaffi mix-xmara Rhein u minħabba t-tisfija max-xatt tiegħu b’saffi ta’ ramel u żrar sa 30 metru fond, fih ħafna ġir u minerali. L-ipproċessar tal-ilma ta’ Düsseldorf isir skont proċedura speċjali żviluppata u prattikata f’Düsseldorf. Il-kontenut għoli tal-ġir u l-kontenut għoli tal-minerali tal-ilma ta’ Düsseldorf jikkaratterizza t-togħma partikolari tad-“Düsseldorfer Mostert”.

Barra minn hekk il-ħall tal-inbid mhux iffiltrat prodott f’Düsseldorf iħalli effett fuq it-togħma tad-“Düsseldorfer Mostert”. Dan huwa minħabba li għall-produzzjoni tal-ħall tal-inbid ta' Düsseldorf jintuża wkoll l-ilma ta’ Düsseldorf li fih il-ġir u l-minerali u razza ta’ batterji tal-ħall speċifika użata mill-1969 fil-produzzjoni tal-ħall tal-inbid ta’ Düsseldorf bħala kultura lokali reġjonali li toriġina mill-batterji tal-ħall tal-ambjent madwar il-fabbrika tal-mustarda.

Ir-rabta tal-preżent/Ir-reputazzjoni

Sal-ġurnata tal-lum id-“Düsseldorfer Mostert” għandu reputazzjoni għolja u popolarità kbira bħala speċjalità reġjonali fost il-konsumaturi reġjonali u nazzjonali.

Ir-reazzjonijiet tal-konsumaturi japprovaw li huwa rinomat ħafna. Id-“Düsseldorfer Mostert” huwa rikonoxxut mill-konsumaturi fis-suq.

Kif jidher mill-ismijiet stess, “Düsseldorfer Mostert”/”Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert”, Düsseldorf hija l-post tat-twelid storiku u ġeografiku tad-“Düsseldorfer Mostert”. Il-post tal-ħolqien tal-mustarda, Düsseldorf, jagħti reputazzjoni kbira lill-ispeċjalità tal-mustarda.

Ir-reputazzjoni tiddependi b’mod partikolari wkoll fuq l-istorja twila tal-produzzjoni tad-“Düsseldorfer Mostert”, “Düsseldorfer Senf” u “Düsseldorfer Tafelsenf” f’Düsseldorf u l-karatteristiċi organolettiċi tagħha. Skont l-istorja twila u popolari tal-industrija tal-mustarda ta’ Düsseldorf, ħafna jidentifikaw lil Düsseldorf bħala l-belt tal-mustarda jew aħjar bħala “Mostertstadt”.

Ir-reputazzjoni tal-ispeċjalitajiet tal-mustarda minn Düsseldorf hija hekk kbira li f’Düsseldorf hemm mużew iddedikat għaliha. It-tradizzjoni twila tal-produzzjoni tal-ispeċjalitajiet tal-mustarda f’Düsseldorf japprovawha għadd ta’ ritratti tal-produzzjoni tal-mustarda mill-industrija ta’ Düsseldorf. Ir-reputazzjoni reġjonali u nazzjonali tad-“Düsseldorfer Mostert” bħala speċjalità minn Düsseldorf juruha b'mod ċar pubblikazzjonijiet differenti dwar l-ispeċjalità tal-mustarda ta’ Düsseldorf fil-passat u fil-preżent.

Il-pejst tal-mustarda tat-tip “Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert”, “Düsseldorfer Senf” u “Düsseldorfer Tafelsenf” jagħmel parti mill-istorja u mill-kultura kulinarja ta’ Düsseldorf. Pereżempju, fuq il-menu tal-birreriji tal-belt il-qadima ta’ Düsseldorf, wieħed isib id-“Düsseldorfer Senfrostbraten” li huwa flett taċ-ċanga mixwi miksi bil–mustarda ta’ Düsseldorf. Is-sandwiċ tar-Rhein, li huwa panina li tissejjaħ “Röggelchen” li jkollha saff ġobon u l-mustarda ta' Düsseldorf, ukoll jagħmel parti mill-kultura kulinarja ta’ Düsseldorf.

Il-fatt li Düsseldorf hija l-belt tal-mustarda ta’ tip partikolari u li d-“Düsseldorfer Mostert”, bħall-birra “Düsseldorfer Alt”, għad għandu reputazzjoni tajba mal-konsumaturi minħabba l-oriġini ġeografika tiegħu, il-karatteristiċi organolettiċi marbuta miegħu kif ukoll it-togħma, japprovawh żewġ tradizzjonijiet antiki:

Sal-lum, ir-ristoranti tradizzjonali, il-birreriji fiċ-ċentru tal-belt li għadhom jipproduċu l-birra “Düsseldorfer Alt” kif ukoll id-djar tal-konsumaturi tar-reġjun, għadhom iżommu t-tradizzjoni li jservu l-mustarda ta' Düsseldorf f’reċipjenti żgħar speċjali tal-fuħħar għall-mustarda. L-għadd kbir ta’ viżitaturi tal-birreriji tad-“Düsseldorf Art” u tar-ristoranti tradizzjonali ta’ Düsseldorf ilhom deċennji jagħrfu u japprezzaw immedjatament it-togħma tad-“Düsseldorfer Mostert” anke permezz tar-reċipjenti żgħar tal-fuħħar, bħala speċjalità reġjonali.

F’Düsseldorf jeżistu żewġ ħwienet tradizzjonali li fihom wieħed jista' jikseb id-“Düsseldorfer Mostert”. Kuljum, għadd ta' konsumaturi reġjonali jmorru hemm biex jimlew ir-reċipjent tagħhom li ħafna drabi jkun tal-fuħħar bl-iskrizzjoni tradizzjonali, bid-“Düsseldorfer Mostert”.

Sal-lum id-“Düsseldorfer Mostert” huwa wkoll magħruf bħala speċjalità reġjonali ’l barra mil-limiti tal-Ġermanja. Sa mill-1938 id-“Düsseldorfer Mostert”, “Düsseldorfer Senf” u “Düsseldorfer Tafelsenf” kienu jiġu esportati f'pajjiżi Ewropej oħra u barra mill-Ewropa u kif ukoll b'mod partikolari fl-Istati Uniti tal-Amerika bħala “Genuine Dusseldorf Prepared Mustard”. L-istorja tagħti stampa ġenerali tal-għażla tal-prodott għall-esportazzjoni fl-Istati Uniti tal-Amerika. Bħala waħda mill-ftit bliet fid-dinja, Düsseldorf tista’ tħares lura lejn tradizzjoni tal-mustarda twila u kbira. B’hekk stabbilixxiet ruħha l-fama ta' Düsseldorf bħala metropoli tal-mustarda, anke barra r-reġjun. Ir-reputazzjoni kbira tal-ispeċjalitajiet tal-mustarda minn Düsseldorf barra mill-pajjiż tidher mit-talbiet tal-konsumaturi mid-dinja kollha sal-lum il-ġurnata.

Raġuni partikolari għar-reputazzjoni kbira tad-“Düsseldorfer Mostert” fost il-konsumaturi hija li l-ispeċjalità tal-mustarda minn Düsseldorf, bil-kontra ta’ pejsts oħra tal-mustarda barra miż-żona ġeografika, ma tinkludi ebda materjali tal-preservattivi.

Ir-rabta ekonomika/Is-sinifikat

Sal-lum is-sinifikat ekonomiku tad-“Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert” għal Düsseldorf huwa kbir ħafna. Il-popolarità kbira tad-“Düsseldorfer Mostert” tirrifletti lilha nfisha b’mod ċar fl-għadd tal-bejgħ fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel, fil-ħwienet tal-laħam u t-taverni tar-reġjun ġeografiku, fil-Ġermanja u fid-dinja.

Skont l-estimi, fiż-żona ġeografika ta’ Düsseldorf jiġu prodotti madwar 65 tunnellata ta' “Düsseldorfer Mostert” fis-sena. Dan l-għadd ta’ bejgħ japprova li d-“Düsseldorfer Mostert” għandu reputazzjoni għolja bħala speċjalità tipika reġjonali fost il-konsumaturi fuq il-bażi tal-oriġini reġjonali tiegħu u l-karatteristiċi organolettiċi marbuta miegħu.

Ir-rabta tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni/il-kwalità organolettika: Sa minn kważi 300 sena ilu, il-produtturi reġjonali kienu jipproduċu d-“Düsseldorfer Mostert”/“Düsseldorfer Senf Mostert”/“Düsseldorfer Urtyp Mostert”/“Aechter Düsseldorfer Mostert” f’Düsseldorf skont il-proċedura tal-produzzjoni żviluppata f’Düsseldorf. L-għarfien espert tagħhom u l-esperjenza tagħhom li għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra jwasslu għall-karatteristiċi tal-kwalitajiet ġeografiċi u organolettiċi tad-“Düsseldorfer Mostert”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

It-taqsima 7c tal-volum 07 tal-“Markenblatt” tad-19 ta’ Frar 2010, p. 2509

(http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/11252)


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top