EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC1015(07)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 304, 15.10.2011, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/19


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 304/11

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“SQUACQUERONE DI ROMAGNA”

Nru KE: IT-PDO-0005-0794-04.12.2009

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Squacquerone di Romagna”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.3. –

Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

L-iSquacquerone di Romagna DPO huwa ġobon artab li jimmatura malajr, magħmul mill-ħalib tal-baqra miż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4. Meta joħroġ għall-konsum, il-ġobon Squacquerone di Romagna DPO għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

 

Karatteristiċi morfoloġiċi:

Piż: il-ġobon Squacquerone di Romagna DPO jiżen bejn 0,1 kg u 2 kg.

Dehra: il-ġobon Squacquerone di Romagna DPO huwa lewn abjad madriperla, u għandu jkun mingħajr skorċa jew qoxra.

Forma: tiddependi mir-reċipjent li fih jitqiegħed il-ġobon, billi l-konsistenza kremuża ħafna tiegħu ma tippermettilux jieħu forma kompatta.

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi: kontenut tax-xaħam (tal-materjal niexef): bejn 46 % u 55 %; umdità: bejn 46 % u 65 %; karatteristiċi mikrobijoloġiċi: pH ta’ bejn 4,95 u 5,30.

 

Karatteristiċi organolettiċi:

Togħma: pjaċevoli, ħelwa, kemxejn aċiduża, b'laqta sottili ta’ melħ.

Riħa: delikata, tipika tal-ħalib, bi ħjiel ta’ ħaxix.

Konsistenza: ratba, kremuża, teħel, tinħall jew tindilek faċilment.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

L-iSquacquerone di Romagna DPO huwa ġobon artab magħmul mill-ħalib sħiħ tal-baqra, tar-razez imrobbija fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4, jiġifieri l-Frisona Italiana, il-Bruna Alpina u r-Romagnola.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Tal-anqas 60 % mill-materjal niexef tad-dieta tal-baqar għandu jkun tal-ħaxix u tal-ħaxix maħżun, issupplimentat bl-għalf.

Il-ħaxix u l-ħaxix maħżun jikkonsistu minn legumi u ħxejjex li jikbru esklussivament fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4.

Ta’ min jiġi indikat li l-firxa wiesgħa ta’ speċijiet ta’ ħaxix tinkludi pjanti mediċinali varji, fosthom, partikularment, l-ispeċijiet Pomposa, Classe, Garisenda, Delta u Prosementi.

L-għalf huwa sors ta’ alimentazzjoni konċentrata u b'livell għoli ta’ enerġija, u jista' jinkludi:

(1)

proteini: żrieragħ sħaħ u ħbub tal-legumi, bħas-sojja, il-ful, il-ġirasol u l-piżelli, kif ukoll dqiq tas-sojja u tal-ġirasol.

(2)

għalf bil-fibra bħal qalba niexfa, il-ħliefa u l-qxur tas-sojja.

(3)

enerġija: żrieragħ tal-qamħirrum, xgħir, sorgu, qamħ, ħafur, żjut veġetali, żejt tas-sojja, żrieragħ sħaħ tal-kittien imqaxxrin.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita: il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħalib.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

L-iSquacquerone di Romagna għandu jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita. Billi huwa mingħajr skorċa u jista' jittiekel kollu kemm hu, il-ġobon huwa partikularment soġġett għat-tniġġis wara l-produzzjoni, u għaldaqstant għat-taħsir minħabba żieda fil-batterji fl-ambjent, li jistgħu jmissu ma' wiċċ il-prodott f'kull stadju. Barra minn hekk, minħabba li dan huwa prodott frisk, għandu jiġi evitat kwalunkwe tkabbir mikrobiku fl-iSquacquerone di Romagna, waqt li jkun jinsab għall-bejgħ. Biex jiġu evitati r-riskji ta’ taħsir, il-prodott għandu jiġi ppakkjat fl-istess impjant iċċertifikat ta’ produzzjoni. Il-materjal ewlieni għall-ippakkjar tal-iSquacquerone di Romagna DPO huwa l-karta tal-ikel, jew reċipjenti magħmulin apposta u adattati għall-konsistenza ratba u kremuża tal-prodott.

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

L-ippakkjar tal-ġobon prodott skont din l-ispeċifikazzjoni għandu juri l-kitba “Squacquerone di Romagna — Denominazione d'Origine Protetta” jew “Squacquerone di Romagna — DOP”, flimkien mal-logo tal-UE. It-tikketta għandha ġġib ukoll l-isem, l-isem kummerċjali, u l-indirizz tal-produttur/pakkjatur. Il-prodott għandu jinżamm f'temperatura ta' bejn 0 °C u + 6 °C, u t-temperatura massima għall-ħżin għandha tkun indikata fuq it-tikketta. It-tikketta għandha tinhemeż mat-tgeżwir li jipproteġi l-ġobon minn barra, u għandha turi l-kliem “Squacquerone di Romagna” fil-font Sari Extra Bold, bil-korsiv, bil-blu Pantone Nru 2747 u bl-abjad, u b'daqs proporzjonali għall-pakkett. Kwalunkwe żieda ta’ dettalji oħra mhux speċifikati hawnhekk hija pprojbita.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-iSquacquerone di Romagna DPO tinkludi l-provinċji li ġejjin tar-Reġjun ta’ Emilia-Romagna: Ravenna, Forli-Cesena, Rimini, Bologna; u parti mit-territorju tal-provinċja ta’ Ferrara, delimitata bejn l-iStrada Statale n. 64 (Porrettana) fil-Punent u x-xmara Po fit-Tramuntana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona li fiha jiġi prodott il-ġobon Squacquerone di Romagna DPO hija karatterizzata minn artijiet li jinsabu 'l fuq mill-pjanura alluvjali. Dawn l-artijiet jintużaw għat-tkabbir taċ-ċereali, ħxejjex għall-għalf, u wċuħ intensivi speċjalizzati. Il-klima taż-żona ta’ produzzjoni tal-iSquacquerone di Romagna DPO huwa tat-tip subkontinentali moderat. Minn żmien il-qedem, iż-żona tal-oriġini ta’ dan il-ġobon rat il-preżenza ta' azjendi agrikoli ddedikati fuq kollox għall-produzzjoni ta' wċuħ veġetali, u għat-trobbija limitata tal-bhejjem għall-ħalib u għall-ħdim fir-raba' (ħrit, eċċ.). Parti mill-ħalib użat għall-konsum mill-bniedem kienet tiġi pproċessata fil-ġobon Squacquerone di Romagna, bil-għan li l-bdiewa jissupplimentaw id-dħul tagħhom bit-tpartit.

L-istudji li saru dwar il-ġobon Squacquerone di Romagna DPO ħarġu fid-dieher il-karatteristiċi tal-kulturi naturali li jintużaw, u wrew uniformità żgura fl-ispeċijiet tal-batterji li fih, jiġifieri l-bijotipi indiġeni tal-iStreptococcus termophilus. Dawn il-kulturi naturali jiġu żviluppati f'fermentaturi fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4, dejjem bl-użu ta’ ħalib li ġej mill-istess żona.

It-tekniki tal-produzzjoni, li baqgħu simili ħafna għall-metodi storiċi, għandhom iqisu li ż-żminijiet għall-produzzjoni tal-ġobon ivarjaw skont l-istaġun, b'perjodi itwal fix-xitwa u iqsar fis-sajf. Il-ħila u l-esperjenza tal-produtturi huma importanti biex tinkiseb il-konsistenza t-tajba tal-ġobon.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi ewlenin li jagħżlu l-iSquacquerone di Romagna minn ġobnijiet rotob oħrajn ta’ maturazzjoni rapida huma l-lewn abjad madriperla u r-riħa delikata, tipika tal-ħalib, bi ħjiel ta’ ħwawar.

Madankollu, l-iktar karatteristika li wasslet għall-prestiġju tal-iSquacquerone di Romagna hija l-konsistenza kremuża u ġelatinuża tiegħu, il-fatt li jindilek faċilment minħabba li huwa artab ħafna.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP):

Il-karatteristiċi tal-ġobon Squacquerone, partikularment il-kremożità tiegħu u l-fatt li faċli ħafna jindilek, huma dovuti għat-tip tal-ħalib użat fil-produzzjoni tiegħu, bi proprjetajiet speċifiċi bħal-livell baxx ta’ proteini u tax-xaħam. In-nuqqas ta’ proteini u tax-xaħam ġej mid-dieta mogħtija lill-baqar, iddeterminata, min-naħa tagħha, miż-żona ġeografika ddefinita.

Fi kliem iktar preċiż, il-kwalitajiet speċifiċi tal-ħaxix imkabbar esklussivament fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4, li fih kontenut għani taz-zokkor u tal-fibra li tiġi ddiġerita faċilment, jipprovdu lill-baqar b'dieta karatteristika. Din id-dieta tispikka għal-livell baxx ta’ kontributi enerġetiċi mix-xaħam u mil-lamtu, u l-enerġija mogħtija mill-ħaxix tipiku tal-mergħat taż-żona tagħmel tajjeb għal dan. B'hekk jinkiseb ħalib b'livell baxx ta’ proteina u tax-xaħam, li min-naħa tiegħu jwassal għall-karatteristiċi tipiċi tal-iSquacquerone, jiġifieri l-konsistenza ratba tiegħu (bl-ebda nervitura, kemxa, eċċ.). Dan il-ħalib jipproduċi l-karatteristiċi organolettiċi deskritti fil-punt 3.2, fosthom il-konsistenza ratba u kremuża, it-togħma ħelwa u kemxejn aċiduża, u r-riħa delikata bi ħjiel ta' ħaxix.

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-esperjenza tal-produtturi li jadattaw b'suċċess iż-żminijiet tal-produzzjoni tal-ġobon skont l-istaġuni, jirnexxilhom jevitaw li l-ġobon isir qisu tal-ġibs jew aktar sfiq milli suppost.

Rabta importanti oħra bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-iSquacquerone di Romagna hija l-użu tar-razez indiġeni. Fejn tidħol it-tassonomija, l-iStreptococcus thermophilus hija l-ispeċi identifikata fil-kulturi naturali kollha studjati, u dan jikkaratterizza l-mikroflora tal-ħalib tipika tal-iSquacquerone di Romagna DPO. Il-bijotipi varji iżolati juru ċerti karatteristiċi fiżjoloġiċi u bijokimiċi li ma jinstabux fil-ġabra ta' razez fil-kollezzjonijiet internazzjonali. Dan jerġa' joħroġ fid-dieher in-natura unika u speċifika tal-firxa ta’ batterji użata fil-produzzjoni tal-iSquacquerone di Romagna. Il-bijotipi indiġeni tal-iStreptococcus thermophilus ġew iżolati minn diversi kampjuni tal-ħalib nej, meħudin minn għadd ta’ azjendi fiż-żona tradizzjonali ta’ produzzjoni tal-ġobon. Dawn il-bijotipi jistgħu għaldaqstant jitqiesu bħala indiġeni, u flimkien jikkostitwixxu l-għelm karatteristiku tal-mikrobi assoċjati b'riżultat tas-selezzjoni naturali u umana, fin-niċċa ekoloġika speċifika li tiddistingwi din iż-żona partikulari tal-Italja.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Din l-Amministrazzjoni bdiet il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, għall-proposta ta’ reġistrazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Squacquerone di Romagna” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana, n. 75, tat-30 ta’ Marzu 2006.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fil-paġna elettronika li ġejja:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Inkella, it-test jista' jinstab ukoll billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), u jikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (fuq il-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top