EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0304(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 70, 4.3.2011, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 70/06

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“KOČEVSKI GOZDNI MED”

Nru tal-KE: SI-PDO-0005-0425-29.10.2004

DPO ( X ) IĠP ( )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi.

1.   L-Awtorità responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Ministrstvo za kmetijstvo, gozdarstvo in prehrano RS (Ministeru tal-Agrikoltura, il-Forestrija u l-Ikel)

Indirizz:

Dunajska 58

SI-1000 Ljubljana

SLOVENIJA

Tel.

+386 14789109

Fax

+386 14789055

Posta elettronika:

varnahrana.mkgp@gov.si

2.   Applikant:

Isem:

Združenje Kočevski med (L-assoċjazzjoni tal-għasel Kočevje)

Indirizz:

Ulica heroja Marinclja 14

SI-1330 Kočevje

SLOVENIJA

Tel.

+386 18939339

Fax

Posta elettronika:

dragan.stijepic@nlb.si

Kompożizzjoni:

produtturi/manifatturi ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.4.

Prodotti oħra li ġejjin mill-animali (bajd, għasel, diversi prodotti tal-ħalib minbarra butir, eċċ).

4.   Speċifikazzjoni:

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4 (2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Kočevski gozdni med”

4.2.   Deskrizzjoni:

It-tipi ta' Kočevski gozdni med huma:

(a)   L-għasel tal-foresta

huwa ta' oriġini mħallta mis-sustanzi ħelwin li joħorġu mis-siġar (honeydew), li fih ħafna sustanzi minerali. Il-kulur tiegħu huwa kannella ċar għal skur bi sfumaturi ta' aħmar jew aħdar, jista' jkun trasparenti jew le, b'aroma ta' raża, ġewż, u x-xropp tat-truf tal-arżnu. Il-konduttività elettrolitika hija anqas minn 0,85 mS/ċm.

(b)   L-għasel tal-arżnu

għandu kulur kannella fl-aħmar u huwa pjuttost magħqud anke meta jkun fi stat likwidu. Għandu togħma ta'raża, xropp tat-truf tal-arżnu, ta' ħelu tal-ħxejjex aromatiċi, te magħmul minn weraq li mhumiex iffermentati għalkollox, (green tea) kafè inkaljat, frott imnixxef, tin, ħelu tal-kafè, idum u jeħel mal-ilsien u s-saqaf tal-ħalq. Il-konduttività elettrolitika hija mill-anqas 0,95 mS/ċm.

(c)   L-għasel taż-żnuber

għandu kulur griż fil-kannella skur b'rifless aħdar. Għandu togħma ta' karamella, zokkor maħruq, raża, injam frisk koniferu, xropp tat-truf tal-arżnu, duħħan, te iswed bil-ħalib, u ta' ħelu tal-ħxejjex aromatiċi. Il-konduttività elettrolitika hija mill-anqas 0,95 mS/ċm.

(d)   L-għasel tal-lajm

għandu kulur isfar li jvarja minn ċar għal medju jew lewn l-ambra. L-aroma hija qawwija ta' mentol, ta' te tas-siġra tal-lajmu taż-żahar tagħha. Il-konduttività elettrolitika hija mill-anqas 0,8 mS/ċm.

Barra minn hekk, l-Għasel Kočevski gozdni med għandu jilħaq il-parametri li ġejjin:

kontenut massimu ta’ ilma: 18,6 %,

HMF massimu: 10,

m'għandux jissaħħan għal iżjed minn 40 °C,

ma jistax jirriżulta minn zokkor jew għasel miżjud li ġej minn barra ż-żona ġeografika tal-produzzjoni,

ma jistax jiġi ffiltrat minn passatur b'toqob iżgħar minn 0,2 mm,

il-kontenut totali ta’ fruttożju u glukożju għandu jkun mill-anqas 45 g għal kull 100 g ta' għasel,

il-piż speċifiku ta’ għasel ivarja minn 1,40 sa 1,45 g/ċm3,

fl-evalwazzjoni sensorjali, l-għasel għandu jikseb punteġġ suffiċjenti għad-dehra, ir-riħa u t-togħma (mill-anqas 9,5 punti minn total ta' 12-il punt).

4.3.   Żona ġeografika:

Fil-Majjistral, il-limiti tar-reġjun jinsabu tul il-linja li tiddefinixxi l-konfini tal-muniċipalità ta' Loški potok u jgħaddu minn mal-għoljiet tal-parti t'isfel tal-muntanja Racna gora. Lejn it-Tramuntana jkomplu lil hinn mill-bliet ta' Lužarje, Krvava peč u Rob, imbagħad iduru mal-Wied ta' Raščica fid-direzzjoni tal-belt ta' Ponikve, u wara jerġgħu iduru lejn il-Lbiċ matul l-għoljiet tal-parti t'isfel tal-muntanja Mala gora. Minn hemm il-limiti jduru lejn il-Lvant għax-xmara ta' Krka u jkomplu matul l-għoljiet tal-parti t'isfel tal-muntanji Rog u Poljanska sax-xmara Kolpa. Il-komunitajiet ewlenin li jinsabu fuq il-limiti taż-żona tal-Lvant huma: Dvor, Soteska u Črmošnjice. Lejn il-Lbiċ u n-Nofsinhar, il-limiti taż-żona jgħaddu b'mod parallel mal-fruntiera tal-Kroazja, matul ix-xmara Čabranka u x-xmara Kolpa. Il-komunitajiet ewlenin li jinsabu matul din il-parti li tiddefinixxi l-limiti taż-żona huma: Čabar, Osilnica, Brod na Kolpi u Stari trg ob Kolpi.

Dawn il-lokalitajiet kollha jinsabu fiż-żona ġeografika definita.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Il-pożizzjonijiet tad-doqqajs għall-produzzjoni tal-Għasel tal-Foresta ta' Kočevje għandhom ikunu fiż-żona ġeografika definita.

Il-kontroll tal-oriġini tal-Kočevski gozdni med jitwettaq fi stadji differenti minn min irabbi n-naħal, mill-Assoċjazzjoni Kočevski med (Għasel Kočevje), mill-kontrolluri, u fl-aħħar, mill-korp indipendenti taċ-ċertifikazzjoni.

Il-persuna li trabbi n-naħal għandha żżomm diversi rekords, bħar-reġistru ta' meta n-naħal joħorġu jimirħu għall-ikel (lokazzjoni, numru ta' doqqajs, il-ħin ta' meta joħorġu jieklu, kwantitajiet tar-rendiment tal-għasel, serje, eċċ), rekords tal-miżuri li jittieħdu għall-ħarsien tas-saħħa tan-naħal, u għall-analiżi tal-għasel. L-Assoċjazzjoni Kočevski med iżżomm reġistru tal-persuni li jrabbu n-naħal li jipproduċu l-Kočevski gozdni med (il-lokazzjoni tal-kaxex tan-naħal, in-numru ta' doqqajs, il-produzzjoni ta' għasel għal kull doqqajs), reġistru tat-tikketti li jissiġġillaw bin-numru maħruġa bil-kitba “Kočevski gozdni med” reġistru ta' persuni li jqiegħdu l-għasel Kočevski gozdni med fil-vażetti, u r-reġistru tal-kontrolluri. Il-kontrollur (persuna mħarrġa speċjalment u li tkun ingħatat liċenzja) għandu jispezzjona l-persuna li trabbi n-naħal u li tixtieq li tqiegħed il-Kočevski gozdni med fil-vażetti, sabiex jiġi żgurat li t-trobbija tan-naħal tiegħu/tagħha, tal-produzzjoni, il-ħażna u t-tqegħid fil-vażetti tal-għasel tiegħu/tagħha jitwettqu kif suppost. Jekk l-għasel jissodisfa r-rekwiżiti, il-kontrollur japprova l-ammont mitlub ta' tikketti li jissiġġilaw għall-Għasel Kočevski gozdni med lill-persuna li trabbi n-naħal, b'kunsiderazzjoni tal-ammont ta' għasel iddikjarat. Il-kontrollur għandu jżomm rekords dwar il-livell xieraq fil-prattiki tat-trobbija tan-naħal milħuq mill-persuna li trabbihom, u tal-analiżi tal-għasel imwettqa fuq il-post.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni:

Il-pożizzjonijiet tad-doqqajs għandhom ikunu fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4.3. Il-persuni li jrabbu n-naħal għandhom jżommuhom skont il-prinċipji ta' prattika tajba tat-trobbija tan-naħal. Il-produzzjoni tal-għasel hija soġġetta għal kondizzjonijiet iġjeniċi stretti biex tiġi assigurata kwalità għolja tal-għasel prodott.

Ix-xehda maħsuba għall-kisba tal-għasel m'għandhiex tkun esposta għal aġenti kimiċi li jintużaw għall-kontroll tal-mard u l-pesti. Fiż-żmien meta joħorġu jfittxu l-għalf, in-naħal (bee colony) m'għandhomx jingħataw għalf. Il-metodi li jintużaw biex jitnaffru n-naħal huma l-knis (sweeping), l-użu tal-minfaħ, filwaqt li jiġi minimizzat id-duħħan; u l-użu ta' kimiċi li jbiegħdu l-insetti mhux permess. It-tqegħid tal-għasel fil-vażetti jibda meta l-għasel jimmatura u l-kontenut tal-ilma ma jaqbiżx it-18,6 %. L-għasel qatt ma għandu jinġabar mix-xehda li jkun għad fiha d-doqqajs (brood). L-għasel qatt ma jitqiegħed fil-vażetti direttament mill-iżmillatur.

It-tnixxif tal-għasel mhux permess. L-għasel dejjem jiġi ffiltrat, iżda mhux minn passatur li jżomm frak iżgħar minn 0,2 mm. L-għasel kristallizzat jista' jiddewweb bit-tisħin, iżda biss b'temperatura massima ta' 40 °C fil-punt tal-kuntatt bejn l-apparat tat-tisħin u l-għasel. It-tidwib tal-għasel b'tisħin tal-majkrowejv mhux permess.

It-tqegħid tal-Kočevski gozdni med f'vażetti għandu jsir fiż-żona ġeografika definita, peress li b’dan il-mod biss tiġi żgurata u miżmuma kwalità għolja tal-għasel u fl-istess ħin jiġi evitat kwalunkwe tibdil fil-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi tal-għasel. Qabel jiqiegħed f'vażetti u qabel isir it-tikkettar bl-isem “Kočevski gozdni med”, huwa obbligatorju li jitwettqu l-kontroll u l-klassifikazzjoni ta' kull lott tal-għasel. Dan il-kontroll jitwettaq mill-kontrolluri (ara l-punt 4.4), filwaqt li kontrolli addizzjonali jitwettqu wkoll mill-korp tal-ispezzjoni msemmi fil-punt 4.7. L-Għasel Kočevski gozdni med jitqiegħed f'kontenituri ta' daqs differenti għall-bejgħ bl-imnut. Immedjatament wara li jimtela l-vażett, l-għatu u l-vażett jingħalqu b'tikketta li tissiġilla sabiex il-vażett ma jkunx jista jinfetaħ mingħajr ma titqatta' t-tikketta li tissiġillah. Il-kontroll strett tal-fażijiet kollha u l-verifika tat-traċċabilità jnaqqsu wkoll ir-riskju li dan it-tip ta' għasel jitħallat ma' tipi oħra ta' għasel u t-tikkettar ta' tipi oħra ta' għasel bl-isem Kočevski gozdni med.

4.6.   Rabta:

Il-boskijiet tar-reġjun ta' Kočevje għandhom kwalitajiet eċċezzjonali ta’ ambjent naturali ippreservat sew, u għaldaqstant jikklassifikaw fost l-aħjar żoni ppreservati fl-Ewropa. Iż-żona ġeografika li fiha jiġi prodott l-għasel Kočevski gozdni med hija kważi l-istess żona ta' Kočevsko-Kolpa, li hija waħda mill-partijiet importanti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats flimkien mad-Direttiva dwar l-Għasafar fir-reġjuni ta' Natura 2000. Iż-żona Kočevsko – Kolpa hija waħda mill-akbar żoni ta’ foresta mhux mittiefsa fis-Slovenja. Ir-reġjun ta' Dinaric hemmhekk huwa miksi b’foresti tal-fagu Illiriċi, li jagħmlu parti mill-ħabitats protetti fl-Ewropa.

B'mod partikolari ż-żona fejn jimirħu n-naħal għall-għalf hija mimlija siġar, il-parti ċentrali tagħha hija kbira 800 km2 u 95 % tagħha hija miksija b'siġar tal-foresta. Iż-żona tiftaħar b'varjeta' sħiħa ta' flora, mogħnija b'veġetazzjoni tal-foresta tal-għoljiet tal-mergħat u tal-art mistagħdra. Iż-żoni individwali jvarjaw fid-dehra ta' gruppi ta' pjanti li jagħtu l-għasel, id-diversità tal-ħabitats individwali, il-kondizzjonijiet klimatiċi u ż-żoni tal-altitudni. Il-persuni li jrabbu n-naħal jafu kif għandhom japproffittaw mill-flora rikka u l-perjodi differenti tat-tkabbir. Għalhekk, iż-żnuber jagħti l-għasel f'Ġunju, u ħafna drabi f'Lulju u f'Awwissu. Is-siġra tal-arżnu, xi drabi, tagħti l-għasel fl-aħħar ta' Mejju, inkella f'Ġunju, is-siġra tal-lajm ikollha ż-żahar diġà f'Ġunju u tilħaq l-aqwa tagħha madwar ġimagħtejn wara li ma tibqax tagħmel fjuri. Biex jagħmlu l-aqwa użu mill-artijiet li jipprovdu l-għalf, il-persuni li jrabbu n-naħal jittrasportawhom minn żona għall-oħra fi ħdan iż-żona ġeografika definita. B'hekk dawn jimmonitorjaw b'attenzjoni r-rapporti tal-aġenzija għat-tbassir tal-produzzjoni tan-nektar. Dan il-mod tat-trobbija tan-naħal iwwassal sabiex jiġu prodotti diversi tipi tal-għasel Kočevski gozdni med.

It-tradizzjoni twila diversi sekli ta' trobbija tan-naħal fiż-żona ġeografika hija evidenzjata fost l-oħrajn bl-għażla ta' Sant'Ambroġ bħala patrun tan-naħal. Huwa magħruf biss li dan għex fir-raba' seklu qabel Kristu, li kien isqof u għalliem ekkleżjastiku. Għall-unur u l-foħrija tiegħu, għad hemm persuni li jrabbu n-naħal li jitolbuh għas-saħħa tan-naħal u għal rendiment tajjeb tal-għasel. Fi Stari trg ob Kolpi hemm statwa kbira ta' Sant'Ambroġ b'doqqajs immaljat ħdejn saqajh fuq l-altar tal-knisja parrokkjali.

Fil-kappella fil-villaġġ ta' Lazi ob Kolpi mbagħad wieħed jista' jara affresk li ġie mpitter fl-1557, iżda skopert biss ftit snin ilu, ta' xbieha ta' Sant Ambroġ flimkien ma' tliet qaddisin oħrajn. Iż-żewġ xbihat għalhekk jixhdu t-tradizzjoni twila tat-trobbija tan-naħal fiż-żona usa' ta' Kočevje.

Numru ta' patrijotti, b'livell tajjeb ta' edukazzjoni u li kienu kapaċi jiktbu dwar ix-xogħol tagħhom man-naħal, kellhom ukoll influwenza importanti fuq l-iżvilupp tat-trobbija tan-naħal fir-reġjun ta' Kočevje. Fost dawn kien hemm il-kappillan, l-imħallef u s-Sindku Jurij Jonke, li twieled fl-1777 fi Svetli Potok ħdejn Kočevje. Hu kien ukoll irabbi ħafna n-naħal u kkontribwixxa sew għall-promozzjoni tat-trobbija domestika tan-naħal. Hu rrapporta dwar dan fil-gazzetta Ġermaniża dwar it-trobbija tan-naħal Bienenzeitung, u kiteb ukoll għal Novice u Ilirischer Blatt ippubblikati f'Ljubljana. Barra minn hekk, fl-1836 kiteb ktejjeb dwar it-trobbija tan-naħal, li jġib l-isem ta' “Anleitung zur praktischen Behandlung der Bienenzucht” (Gwida prattika għat-trobbija tan-naħal).

Kien irabbi ħafna n-naħal ukoll il-kittieb Fran Levstik, li twieled f'Retje ħdejn Velike Lašče. Dan kiteb ktieb bl-isem ta' “Bučelstvo” (Trobbija tan-naħal), ippubblikat fl-1853.

It-trobbija tan-naħal espandiet b’mod sinifikanti wara l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918), meta ġew stabbiliti l-ewwel fergħat tat-trobbija tan-naħal.

Wieħed mill-inizjaturi kien il-persuna progressiva li trabbi n-naħal Josip Kajfež (1881-1944) minn Nova Sela ob Kolpi, li sa mill-1918 kellu 100 kolonja tan-naħal. Mhux biss kien mudell fit-trobbija tan-naħal u fondatur tat-trobbija tan-naħal organizzata fil-Wied ta' Kostelska, iżda kien ukoll magħruf għat-trobbija tan-naħal irġejjen. Hu kiteb ukoll għar-rivista “Slovenski čebelar” (Trobbija tan-naħal Slovena) u għal pubblikazzjonijiet oħra simili.

4.7.   Awtorità tal-kontroll:

Isem:

Bureau Veritas, d.o.o.

Indirizz:

Linhartova 49a

SI-1000 Ljubljana

SLOVENIJA

Tel.

+386 14757670

Fax

+386 14747602

Posta elettronika:

info@bureauveritas.si

4.8.   Tikkettar:

L-għasel li jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni għandu jiġi tikkettat bl-isem “Kočevski gozdni med” bid-dikjarazzjoni “Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini”, is-simbolu tal-Komunità rilevanti u s-simbolu nazzjonali tal-kwalità.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top