EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0216(05)

Notifika ta' inizjazzjoni ta' proċediment kontra l-għoti ta' sussidji għal ċerti importazzjonijiet ta' polietilene tereftalat li joriġinaw mill-Oman u mill-Arabja Sawdija

ĠU C 49, 16.2.2011, p. 21–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 49/21


Notifika ta' inizjazzjoni ta' proċediment kontra l-għoti ta' sussidji għal ċerti importazzjonijiet ta' polietilene tereftalat li joriġinaw mill-Oman u mill-Arabja Sawdija

2011/C 49/11

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċertu polietilene tereftalat, li joriġinaw mill-Oman u mill-Arabja Sawdija, qed jiġu ssussidjati u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fit-3 ta' Jannar 2011 mill-Kumitat tal-Produtturi tal-Polietilene Tereftalat (PET) (CPME) (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta' aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċertu polietilene tereftalat.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-polietilene tereftalat li għandu numru tal-viskożità ta' 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandards tal-ISO 1628-5 (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta’ sussidju

Il-prodott li allegatement qed jiġi ssussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija (“il-pajjiżi kkonċernati”), u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 3907 60 20. Dan il-kodiċi NM jingħata biss għal finijiet ta' tagħrif.

(a)   L-Oman

Huwa allegat li l-uniku produttur tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Oman, gawda minn numru ta' sussidji mogħtija mill-Gvern tal-Oman.

Is-sussidji jikkonsistu minn, fost affarijiet oħrajn, eżenzjoni diretta mit-taxxa fuq id-dħul u eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għal operaturi li jinsabu f'żona ekonomika speċjali, self b'imgħax baxx għal proġetti ta' investiment għall-industriji li huma mmirati lejn l-esportazzjoni u proġetti li jinvolvu persentaġġ għoli ta' impjegati mill-Oman, rati ta' mgħax issussidjati għas-self mogħti mill-Oman Development Bank (entità pubblika) permezz ta' banek kummerċjali lill-esportaturi mill-Oman wara li jlestu l-arranġamenti għall-ġarr bil-baħar, sussidji tal-esportazzjoni għal esportazzjonijiet li għandhom valur miżjud ta' mhux inqas minn 25 %, jekk jiġu esportati lejn pajjiż li mhumiex il-pajjiżi Għarab, il-provvista tal-ilma, il-gass u l-elettriku b'rati mnaqqsa.

Huwa allegat li l-iskemi li ssemmew hawn fuq huma sussidjati peress li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Oman (inklużi entitajiet pubbliċi) u jagħtu benefiċċju lir-reċipjent. Huwa allegat li l-kontinġenza tagħhom tiddependi fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew li għandhom jiġu limitati għal ċerti intrapriżi f'żona ġeografika stabbilita fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħti s-sussidju u/jew għandhom jiġu limitati għal ċerti setturi jew għal ċerti intrapriżi u għalhekk huma speċifiċi u kkontrobilanċjati.

(b)   L-Arabja Sawdija

Huwa allegat li l-uniku produttur tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Arabja Sawdija, gawda minn numru ta' sussidji li ngħataw mill-Gvern tal-Arabja Sawdija.

Is-sussidji jikkonsistu minn, fost l-oħrajn, miżati mnaqqsa tal-port fuq l-esportazzjonijiet, eżenzjoni mill-miżati għall-ħżin ta' prodotti esportati, eżenzjonijiet mid-dazji tal-esportazzjoni u mit-taxxi kollha l-oħra għal unitajiet immirati lejn l-esportazzjoni, importazzjonijiet ta' materja prima u ta' prodotti tal-kapital mingħajr il-ħlas tad-dazji tal-importazzjoni u rati tal-użu mnaqqsa għall-operaturi li jinsabu f'żoni ekonomiċi speċjali, self bla mgħax mogħti mis-Saudi Industrial Development Fund għal kumpaniji li għandhom tal-inqas 50 % tal-kapital fl-Arabja Sawdija, eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għal kumpaniji li għandhom tal-inqas 25 % tal-kapital fl-Arabja Sawdija, rati mnaqqsa għall-ilma, il-gass u l-elettriku għal ċerti kumpaniji. Il-Gvern tal-Arabja Sawdija, permezz tal-kumpanija tal-istat Aramco (entità pubblika), japplika sistema ta' prezzar doppju, li biha l-produtturi lokali jkollhom aċċess għal materja prima bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk tas-swieq internazzjonali.

Huwa allegat li dawn l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji billi dawn jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Arabja Sawdija (inklużi entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lid-destinatarju, jiġifieri lill-produttur esportatur tal-prodott li qed jiġi investigat. Huwa allegat li l-kontinġenza tagħhom tiddependi fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew għandhom jiġu limitati għal ċerti intrapriżi f'żona ġeografika stabbilita fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħti s-sussidju u/jew għandhom jiġu limitati għal ċerti setturi jew għal ċerti intrapriżi u għalhekk huma speċifiċi u kkontrobilanċjati. Fil-każ tas-sistema ta' pprezzar doppju, l-ispeċifiċità ġejja mill-fatt li l-materja prima tista' tintuża biss mis-settur petrokimiku (speċifiċità inerenti).

4.   L-Allegazzjoni ta' Ħsara

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Oman u mis-Sawdi Arabja żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem tas-suq.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja u l-qagħda tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-Proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk dan is-sussidju kkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti ta' sussidju

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna li jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fil-pajjiżi kkonċernati

Sabiex tinkiseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiżi kkonċernati, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati. Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi huma mistiedna li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, bil-fax, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu li jintbagħtilhom kwestjonarju.

Il-produtturi esportaturi u, fejn hu applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju mimli se jkun fih tagħrif dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija(i) tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq lokali tal-pajjiżi kkonċernati u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni.

Se jintbagħtu kwestjonarji lill-awtoritajiet tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati wkoll.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta' importaturi  (3) mhux relatati  (4)  (5)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita, għal għadd raġonevoli, l-importaturi mhux relatati li għandhom ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-fax u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

id-dħul totali matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010,

il-volum f’tunnellati u l-valur f’EUR tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u tal-bejgħ mill-ġdid li jsir fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010 tal-prodott importat li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (6) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull tagħrif relevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post minn fejn topera sabiex jiġu vverifikati it-tweġibiet tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, se jitqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal importaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif relevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati li qegħdin fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, fost affarijiet oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura biex tiġi ddeterminata l-ħsara

Ħsara hija l-ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija. Id-determinazzjoni ta’ ħsara hija msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi determinazzjoni oġġettiva tal-volum ta’ importazzjonijiet sussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ntlaqtitx minn ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun, provviżorjament, ta' produtturi tal-Unjoni. Wieħed jista' jsib id-dettalji fil-fajl, li jista' jiġi spezzjonat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati, b'dan, qed jiġu mistiedna li jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni permezz tad-dettalji ta' kuntatt provduti fit-taqsima 5.6 hawn taħt) u li jikkumentaw fuq l-adegwatezza ta' din l-għażla fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif relevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun finali.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, fost affarijiet oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta' ħsara kkawżata minħabba f’hekk, għandha tintlaħaq deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata kemm f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif imressaq skont l-Artikolu 31 se jitqies biss jekk ikun appoġġjat minn evidenza fattwali meta jitressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru l-opinjoni tagħhom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ appoġġ. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u evidenza ta’ appoġġ għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ seduta ta' smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta' smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta' smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    L-istruzzjonijiet biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif sottomess għall-għażla tal-kampjun, il-kwestjonarji mimlija u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown u tal-fax tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (7).

Il-partijiet interessati, li jipprovdu tagħrif “Ristrett”, huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u tal-kwalità mitluba, it-tali tagħrif kunfidenzjali jista’ jiġi injorat.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

6.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta' smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha issir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Smigħ jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, is-sussidji, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Smigħ bħal dan, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/ho/index_en.htm).

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (8).


(1)  ĠU L 188, 8.7.2009, p. 93.

(2)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esportaturi li mhumiex produtturi normalment ma jkunux intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

(3)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala msieħba fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija l-proprjetarja, tikkontrolla jew għandha sehem ta’ 5 % jew iżjed tal-istokks jew l-ishma tal-votazzjoni tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla lill-oħra b’mod dirett jew indirett; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn genitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali.

(4)  Importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li jkunu relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 mal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 3.

(5)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni ta' sussidju.

(6)  Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 3.

(7)  Dan id-dokument huwa wieħed kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top