EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0212(05)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 45, 12.2.2011, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 45/28


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 45/11

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ZGORNJESAVINJSKI ŽELODEC”

Nru tal-KE: SI-PGI-0005-0416-29.10.2004

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi.

1.   L-Awtorità responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Ministrstvo za kmetijstvo, gozdarstvo in prehrano RS (Ministeru tal-Agrikoltura, il-Forestrija u l-Ikel)

Indirizz:

Dunajska 58

SI-1000 Ljubljana

SLOVENIJA

Tel.

+386 14789109

Fax

+386 14789055

Posta elettronika:

varnahrana.mkgp@gov.si

2.   Applikant:

Isem:

Združenje izdelovalcev Zgornjesavinjskega želodca (L-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Istonku tas-Savinja ta' Fuq)

Indirizz:

Rečica ob Savinji 55

SI-3332 Rečica ob Savinji

SLOVENIJA

Tel.

+386 38390910

Fax

Posta elettronika:

Kompożizzjoni:

produtturi/manifatturi ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta’ Prodott:

Klassi 1.2.

Prodotti tal-laħam (imsajrin, immelħin, affumikati)

4.   Speċifikazzjoni:

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4 (2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Zgornjesavinjski želodec”

4.2.   Deskrizzjoni:

L-Zgornjesavinjski želodec huwa prodott tal-laħam imnixxef/maturat bl-arja prodott minn majjal ta' kwalità (koxxa, spalla) u bejken iebes tad-dahar. Il-mili tal-laħam bil-melħ u l-ħwawar jiddaħħal f'kisja naturali, bħall-istonku tal-ħanżir, il-borża tal-awrina tal-ħanżir u l-musrana l-għamja taċ-ċanga, jew f'kisjiet permeabbli artifiċjali.

L-isem tal-prodott ġej mill-fatt li l-mili tradizzjonalment kien jiddaħħal f’kisjiet naturali, speċjalment fl-istonku tal-ħanżir.

L-Zgornjesavinjski želodec jikkonsisti minn laħam u bejken fil-proporzjon minn 85:15 sa 80:20. Ingredjenti oħra miżjuda huma t-tewm, il-melħ, il-bżar u z-zokkor. L-użu ta’ nitriti, nitrati u addittivi oħra mhux permess. Il-kontenut tal-melħ hu taħt is-7 %.

Ix-želodec imnixxef għandu forma tonda jew rettangolari. Dan jiżen mill-anqas 0,7 kg u minħabba li jiġi ppressat dan għandu forma karatteristika ċatta, bi ħxuna ta' 3-5 ċm. Il-kisja hija lixxa, u tkopri l-mili li jiġi ssikkat sew ġewwa fiha. Fuq in-naħa ta' barra il-kisja jkollha kisja oħra ħafifa ta' moffa karatteristika ta' kulur kannella fil-griż tal-ġenus Penicillium.

Minħabba l-forma ċatta tiegħu, il-fetet tal-Zgornjesavinjski želodec huma dojoq u twal. Dan il-prodott jiddistingwi ruħu mill-aroma qawwija tiegħu, li hi kumplimentata bil-ħwawar miżjuda li ma jiddominawx l-aroma bażika tal-laħam maturat u tal-bejken.

In-nisġa hija kemxejn soda u adattata biex il-prodott jitfettet. Il-fetet għandhom “mosajk” distintiv u rikonoxxibbli li jikkonsisti minn komponent tal-laħam aħmar fir-roża u biċċiet viżibilment ċari ta' bejken ta' kulur abjad għal abjad pallidu. Il-biċċiet jinħassu mielsa fil-ħalq u jiddekomponu malajr.

4.3.   Żona ġeografika:

L-indikazzjoni ġeografika protetta tiġi applikata biss fuq ix-želodec li jsir fiż-żona tal-Wied tas-Savinja ta' Fuq biss. Fit-Tramuntana, il-limiti taż-żona huma ddefiniti mix-xifer tal-Olševa u mix-xifer tal-qċaċet tal-muntanji ta' Smrekovško Pogorje. Fin-Nofsinhar, il-limiti taż-żona jinsabu fuq il-qċaċet tal-għoljiet Dobrovlje u Menina, li jisseparaw il-Wied tas-Savinja ta’ Fuq mill-Wied tas-Savinja t'Isfel u l-Wied Tuhinjska. Fil-Punent, il-limti jinsabu fuq il-mogħdija ta' Črnivec u mbagħad jiġbdu lejn Kranjska Reber, sal-qortin ta' Velika Planina u fuq il-Mogħdija ta' Presedljaj sa Ojstrica. Minn hemm il-linja li timmarka l-limiti taż-żona tgħaddi fuq ix-xifer ta' fuq tal-muntanji ta' Grintavec sa Skuta u minn hemm tiġbed lejn t-Tramuntana sal-muntanji Mrzla Gora. Hawnhekk tiltaqa' mal-fruntiera li tifred l-Awstrija mis-Slovenja u tgħaddi fuqha lejn it-Tramuntana sal-mogħdija bejn il-muntanji ta' Pavličevo, imbagħad tbiddel id-direzzjoni lejn il-Lvant u terġa' lura lejn l-Olševa.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Ix-želodec għandu jiġi prodott u mmaturat fiż-żona ġeografika. Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà, l-istabbilimenti li jipproduċu l-Zgornjesavinjski želodec għandhom ikunu rreġistrati fiż-żona ġeografika konċernata.

Kull manifattur għandu jżomm id-dejta li sservi bħala prova tal-konformità tal-produttur mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet għal Zgornjesavinjski želodec. Għandhom jinżammu dettalji dwar il-kwantitajiet tal-materja prima mixtrija u użati, dwar il-proċess tal-produzzjoni u dwar il-kwantitajiet u l-piż ta' želodci manifatturati u mibjugħin. Kull želodec huwa mmarkat b'tikketta li tindika l-lott u d-data tal-produzzjoni. Kull lott huwa tikkettat b'numru tas-serje u l-kwantità u l-piż ta' želodci li jkun fih.

4.5.   Metodu ta’ produzzjoni:

Għall-produzzjoni taz-Zgornjesavinjski želodec, jinutża laħam tal-majjal ta' kwalità (il-koxox u l-ispalel) u bejken iebes tad-dahar tal-majjal tar-razez tal-ħnieżer tal-laħam u ta' ħnieżer mnisslin mit-taħlit ta' bejniethom. Il-laħam imkessaħ jitqatta' kapuljat f'biċċiet tad-daqs massimu ta' 8 sa 10 mm, u l-bejken imkessaħ jitqatta' kapuljat f'biċċiet ta' daqs massimu ta' 6 sa 8 mm. Il-proporzjon tal-laħam u l-bejken huwa ta' 85:15 sa 80:20. Ma' din it-taħlita jiġi miżjud it-tewm (Il-perċentwal ta' tewm jew ta' marinat tat-tewm bl-ilma fil-piż totali tal-mili huma 1-2 % u 4-6 % rispettivament), melħ, bżar u zokkor. Il-mili jitħallat bl-idejn jew b'mod mekkaniku. Il-mili jitqiegħed b'mod uniformi fil-kisjiet naturali (stonku, borża tal-awrina, musrana l-għamja taċ-ċanga) jew f'kisjiet artifiċjali li jħallu l-fwar tal-ilma jgħaddi minnhom. Il-kisi jingħalaq bi sfiefed żgħar tal-injam jew bil-ħjata. Il-piż tax-želodec mimli frisk jvarja bejn 1,3 sa 2,5 kg. Ix-želodci imbagħad jitħallew jarmu l-ilma għal jumejn u mbagħad jiġu ppressati bejn bordijiet għal 4-7 ijiem b'ċirkulazzjoni tal-arja ħafifa.

Il-maturazzjoni u t-tnixxif jitwettqu f'kundizzjonijiet naturali f'postijiet xierqa – nixxiefa (kmamar li jintużaw speċifikament għat-tnixxif). It-temperatura tat-tnixxif/maturazzjoni għandha tkun minn 12 sa 18 °C, b'umdità relattiva ta' 60-80 %. Meta l-kondizzjonijiet tat-temp ikunu ħżiena, l-umdità u t-temperatura jiġu regolati b'ventilazzjoni xierqa jew b'ikkondizzjonar parzjali tal-arja.

Ix-želodci jitnixxfu fuq xkafef. Fil-bidu tat-tnixxif, ix-želodec jiddawru minn darbtejn sa seba' darbiet fil-ġimgħa. Il-perjodu tat-tnixxif/tal-maturazzjoni jdum bejn tlieta(3) sa ħames(5) xhur skont il-piż tax-želodec. Matul il-proċess tat-tnixxif tiżviluppa fuq il-kisi moffa karatteristika kannella fil-griż mill-ġenus Penicillium. Il-moffa hija ta’ oriġini naturali, għalhekk m’għandhiex riħa spjaċevoli, iżda tagħti karatteristiċi organolettiċi li huma partikolari lill-Zgornjesavinjski želodec u fl-istess ħin tiżgura li dan ma jinxifx malajr.

Matul it-tnixxif il-prodotti jitilfu mill-anqas 36 % tal-piż inizjali. Il-piż finali tal-prodott huwa ta' mill-anqas 0,7 kg.

Wara l-proċess tat-tnixxif/tal-maturazzjoni, jitwettaq kontroll tal-kwalità sensorjali tal-prodotti. Ix-želodci jistgħu jiġu ppakkjati f'vakwu sħaħ jew bħala nofsijiet. Il-biċċiet jiġu ppakkjati f'vakwu jew f'atmosfera modifikata. Il-prodotti jinżammu f'post mudlam u kiesaħ f'temperaturi sa + 8 °C.

4.6.   Rabta:

Il-protezzjoni ta' Zgornjesavinjski želodec hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu. L-ispeċifiċità ewlenija ta' Zgornjesavinjski želodec hija t-tradizzjoni tal-produzzjoni tiegħu, peress li, fost il-prodotti kollha tal-laħam imnixxef f'żoni oħra fis-Slovenja, jiġu prodotti l-aktar zalzett u salami domestiċi, filwaqt li f'din iż-żona mdawra mill-muntanji, ir-riċetta biex isir ix-želodec awtentiku ġiet trażmessa minn ġenerazzjoni għall-oħra matul is-sekli. Din il-produzzjoni ġiet żviluppata l-ewwel fiż-żoni muntanjużi iżjed għoljin madwar Zgornjesavinjska dolina (il-Wied tas-Savinja ta' Fuq). L-ewwel reġistri tal-produzzjoni tal-Zgornjesavinjski želodec probabbilment tmur lura għal bidu tas-seklu dsatax. L-etnografu Jože Lekše kiteb fil-manuskritti tiegħu dwar l-importanza ċerimonjali tax-želodec, li kien jiġi servut f'okkażjonijiet speċjali waqt ċerimonji tat-tieġ fil-kampanja, fil-Ħdud u fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-familja. Fis-seklu għoxrin, il-produzzjoni tax-želodec dehret ukoll fil-partijiet iżjed popolati u baxxi tal-Wied, li hu evidenzjat, fost affarijiet oħra, mill-manuskritt tar-riċetta tax-želodec miktub bejn wieħed u ieħor fl-1930 fir-razzett Logar fil-Wied ta' Logarska.

Aleksander Videčnik, kittieb u riċerkatur tad-drawwiet folkloristiċi u l-ħajja fil-Wied tas-Savinja ta' Fuq, jirrapporta, fost l-oħrajn, li fil-perjodu ta' bejn il-gwerer ir-Re Ingliż George VI matul iż-żjara tiegħu lir-Re Xandru żar il-Wied ta' Logarska (li huwa parti mill-Wied tas-Savinja ta' Fuq), fejn iż-żewġ rejiet ipprovaw l-Zgornjesavinjski želodec. Ir-Re Ingliż tant għoġbu x-želodec li fis-snin li segwew ul-prodott kien jitbagħat minn żmien għal żmien lill-qorti rjali Ingliża.

Mas-snin il-prodott sar magħruf bħala l-ispeċjalità esklussiva tar-reġjun, u llum jirrappreżenta wieħed mill-ikliet l-iżjed importanti li jiġu servuti f'avvenimenti speċjali ewlenin, vaganzi, tiġijiet, u għall-vaganzi tal-Għid meta dan jittieħed fil-knisja sabiex jitbierek.

Fiż-żona ġeografika tal-Wied tas-Savinja ta' Fuq hija marbuta mal-karatteristiċi tal-klima tal-Alpi u tal-Prealpi. It-tip ta' klima li tiddomina fuq żona partikolari jiddependi ħafna fuq l-altitudni. Iż-żoni iżjed għoljin għandhom klima alpina b'temperatura medja fl-iżjed xahar kiesaħ ta' taħt – 3 °C, filwaqt li ż-żoni iżjed baxxi għandhom klima prealpina moderata. Fil-Widien tas-Savinja u Dreta tidħol l-arja friska mill-muntanji tal-madwar, u dan jirriżulta fi sjuf pjaċevoli u mhux tant sħan. Il-ħarifa hija kiesħa, kif ukoll ir-rebbiegħa, filwaqt li x-Xitwa hija kważi dejjem tkun kiesħa u twila ħafna. Minbarra dawn il-karatteristiċi klimatiċi ġenerali wieħed isib ukoll żoni partikolari b'mikroklima lokali (pożizzjonijiet xemxin u fid-dell, jew widien magħluqa).

Karatteristika importanti ta' din iż-żona hija li, minħabba d-differenzi kbar bejn it-temperaturi fil-pożizzjonijiet xemxin u fid-dell, u fil-partijiet ta' altitudni għolja u dawk baxxi taż-żona, jinħolqu kurrenti tal-arja lokali li jippermettu li x-želodec jitnixxfu biċ-ċirkolazzjoni tal-arja naturali.

Il-Wied tas-Savinja ta' Fuq huwa karatterizzat b'mikroklima partikolari, ħafna foresti tal-arżnu, muntanji għoljin fil-madwar u abbundanza kbira tal-ilma. Minbarra l-mikroklima taż-żona għat-tnixxif u l-maturazzjoni tal-prodott, hija kruċjali wkoll il-mikroklima fil-postijiet fejn jitnixxfu x-želodci.

L-injam tal-arżnu, il-ġebel u l-brikks huma l-materjali ewlenin tal-bini użati għal-kmamar tat-tnixxif, li fihom jitnixxfu x-želodci.

Dawn il-kondizzjonijiet speċifiċi ġenerali għandhom influwenza sinifikanti fuq il-proċess tat-tnixxif u tal-maturazzjoni tax-želodec u fuq it-togħma u r-riħa tagħhom.

Minbarra l-kondizzjonijiet naturali favorevoli, il-kwalità tax-želodci prodotti hija wkoll ir-riżultat tal-fattur uman li żviluppa f'din iż-żona tal-produzzjoni tekniki uniċi ta' preparazzjoni, iffurmar u tnixxif tal-istonkijiet. Ix-želodci huma prodotti li huma skont proċeduri tradizzjonali li għadhom jiġu applikati meta jiddaħħal xi titjib teknoloġiku, dan ma jbiddilx il-forma tipika u l-karatteristiċi sensorjali tax-želodci. L-ambjent, l-irwejjaħ tal-foresti tal-arżnu kkombinati mal-kondizzjonijiet klimatiċi u l-kontribuzzjonijiet tal-fattur uman li jinkludu l-esperjenza, il-ħiliet tekniċi u prattiċi speċifiċi – kollha huma indispensabbli fil-produzjzoni tax-želodci tas-Savinja ta' Fuq.

4.7.   Awtorità tal-kontroll:

Isem:

Bureau Veritas, d.o.o.

Indirizz:

Linhartova 49a

SI-1000 Ljubljana

SLOVENIJA

Tel.

+386 14757670

Fax

+386 14747602

Posta elettronika:

info@bureauveritas.si

4.8.   Tikkettar:

Il-prodotti ċertifikati għandhom jiġu tikkettati bl-isem “Zgornjesavinjski želodec”, bid-dikjarazzjoni “indikazzjoni ġeografika protetta” bis-simbolu Komunitarju konċernat u bis-simbolu nazzjonali tal-kwalità u l-lowgo għall-Zgornjesavinjski želodec. L-użu tal-lowgo huwa obbligatorju għat-tipi kollha kummerċjalizzati tal-Zgornjesavinjski želodec.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top