Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0114(04)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU C 11, 14.1.2011, p. 1–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/1


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    2011/C 11/01

    WERREJ

    1.

    Introduzzjoni

    1.1.

    Skop u ambitu

    1.2.

    Prinċipji bażiċi għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 101

    1.2.1.

    L-Artikolu 101(1)

    1.2.2.

    L-Artikolu 101(3)

    1.3.

    Struttura ta’ dawn il-linji gwida

    2.

    Prinċipji Ġenerali dwar l-evalwazzjoni kompetittiva tal-iskambju ta’ informazzjoni

    2.1.

    Definizzjoni u ambitu

    2.2.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    2.2.1.

    Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    2.2.2.

    Restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan

    2.2.3.

    Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    2.3.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    2.3.1.

    Kisbiet fl-effiċjenza

    2.3.2.

    Indispensabbiltà

    2.3.3.

    Trasferiment lill-konsumaturi

    2.3.4.

    L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    2.4.

    Eżempji

    3.

    Akkordji ta’ riċerka u żvilupp

    3.1.

    Definizzjoni

    3.2.

    Is-swieq rilevanti

    3.3.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    3.3.1.

    Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    3.3.2.

    Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    3.3.3.

    Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    3.4.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    3.4.1.

    Kisbiet fl-effiċjenza

    3.4.2.

    Indispensabbiltà

    3.4.3.

    Trasferiment lill-konsumaturi

    3.4.4.

    L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    3.4.5.

    Żmien tal-evalwazzjoni

    3.5.

    Eżempji

    4.

    Akkordji ta’ produzzjoni

    4.1.

    Definizzjoni u ambitu

    4.2.

    Swieq rilevanti

    4.3.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    4.3.1.

    Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    4.3.2.

    Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    4.3.3.

    Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    4.4.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    4.4.1.

    Kisbiet fl-effiċjenza

    4.4.2.

    Indispensabbiltà

    4.4.3.

    Trasferiment lill-konsumaturi

    4.4.4.

    L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    4.5.

    Eżempji

    5.

    Akkordji ta’ xiri

    5.1.

    Definizzjoni

    5.2.

    Swieq rilevanti

    5.3.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    5.3.1.

    Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    5.3.2.

    Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    5.3.3.

    Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    5.4.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    5.4.1.

    Kisbiet fl-effiċjenza

    5.4.2.

    Indispensabbiltà

    5.4.3.

    Trasferiment lill-konsumaturi

    5.4.4.

    L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    5.5.

    Eżempji

    6.

    Akkordji dwar il-Kummerċjalizzazzjoni

    6.1.

    Definizzjoni

    6.2.

    Swieq rilevanti

    6.3.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    6.3.1.

    Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    6.3.2.

    Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    6.3.3.

    Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    6.4.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    6.4.1.

    Kisbiet fl-effiċjenza

    6.4.2.

    Indispensabbiltà

    6.4.3.

    Trasferiment lill-konsumaturi

    6.4.4.

    L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    6.5.

    Eżempji

    7.

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    7.1.

    Definizzjoni

    7.2.

    Swieq rilevanti

    7.3.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    7.3.1.

    Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    7.3.2.

    Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    7.3.3.

    Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    7.4.

    Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    7.4.1.

    Kisbiet fl-effiċjenza

    7.4.2.

    Indispensabbiltà

    7.4.3.

    Trasferiment lill-konsumaturi

    7.4.4.

    L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    7.5.

    Eżempji

    1.   INTRODUZZJONI

    1.1.   Skop u ambitu

    1.

    Dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-prinċipji għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) (“l-Artikolu 101”) ta’ akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiċi miftiehma (kollettivament imsejħa “akkordji”) dwar il-kooperazzjoni orizzontali. Kooperazzjoni hija ta’ “natura orizzontali” jekk jiġi konkluż akkordju bejn kompetituri attwali jew potenzjali. Barra minn hekk, dawn il-linji gwida jkopru wkoll akkordji c kooperazzjoni orizzontali bejn impriżi mhux f’kompetizzjoni, pereżempju bejn żewġ kumpaniji attivi fl-istess swieq ta’ prodotti iżda fi swieq ġeografikament differenti mingħajr ma jkunu kompetituri potenzjali.

    2.

    Akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi sostanzjali, b’mod partikolari jekk jikkombinaw attivitajiet, kapaċitajiet jew assi komplementari. Kooperazzjoni orizzontali tista’ tkun mezz għall-qsim tar-riskju, għall-iffrankar tal-ispejjeż, biex jiżdiedu l-investimenti, biex in-know-howin-know-how jiġi kondiviż, għat-titjib fil-kwalità u l-varjetà tal-prodotti, u għal tnedija aktar rapida tal-innovazzjoni.

    3.

    Mill-banda l-oħra, l-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jwasslu għal problemi ta’ kompetizzjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk il-partijiet jaqblu li jiffissaw il-prezzijiet jew l-output jew li jaqsmu s-swieq, jew jekk il-kooperazzjoni tippermetti li l-partijiet iżommu, jiksbu jew iżidu s-setgħa fis-suq u b’hekk dan x’aktarx iwassal għal effetti negattivi fuq is-suq fir-rigward tal-prezzijiet, l-output, il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni.

    4.

    Il-Kummissjoni, waqt li tirrikonoxxi l-benefiċċji li jistgħu jiġu ġġenerati minn akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali, għandha tiżgura li tinżamm il-kompetizzjoni effettiva. L-Artikolu 101 jipprovdi l-qafas legali għal evalwazzjoni bilanċjata li tqis kemm l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni kif ukoll l-effetti prokompetittivi.

    5.

    L-iskop ta’ dawn il-linji gwida huwa li jiġi provdut qafas analitiku għall-aktar tipi komuni ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali; dawn jikkonċernaw l-akkordji ta’ riċerka u żvilupp, l-akkordji ta’ produzzjoni, inklużi akkordji ta’ subappaltar u speċjalizzazzjoni, akkordji ta’ xiri, akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni, akkordji ta’ standardizzazzjoni, inklużi kuntratti standard, u l-iskambju ta’ informazzjoni. Dan il-qafas huwa bbażat primarjament fuq kriterji legali u ekonomiċi li jgħinu fl-analiżi ta’ akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali u l-kuntest li jseħħ fih. Il-kriterji ekonomiċi bħas-setgħa fis-suq tal-partijiet u fatturi oħra relatati mal-istruttura tas-suq jiffurmaw element prinċipali tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq is-suq li probabbilment jiġi kkawżat minn akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali u, għalhekk, għal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 101.

    6.

    Dawn il-linji gwida japplikaw għall-aktar tipi komuni ta’ akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali irrispettivament mil-livell ta’ integrazzjoni li jinvolvu bl-eċċezzjoni ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (2) (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) kif ikun il-każ, pereżempju, għal joint ventures li jwettqu, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma (“joint ventures bil-funzjonijiet kollha”) (3).

    7.

    Meta wieħed jikkunsidra n-numru potenzjalment kbir ta’ tipi u kombinazzjonijiet ta’ kooperazzjoni orizzontali u ċ-ċirkustanzi tas-suq li joperaw fihom, huwa diffiċli li jiġu provduti tweġibiet speċifiċi għal kull xenarju possibbli. dawn il-linji gwida se jassistu madankollu lin-negozji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni individwali mal-Artikolu 101. Dawk il-kriterji, madankollu, ma jikkostitwixxux “lista ta’ verifika” li tista’ tiġi applikata mekkanikament. Kull każ għandu jiġi evalwat abbażi tal-fatti proprji tiegħu li jistgħu jeħtieġu applikazzjoni flessibbli ta’ dawn il-linji gwida.

    8.

    Il-kriterji stabbiliti f’dawn il-linji gwida japplikaw għal akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali li jikkonċernaw kemm merkanzija kif ukoll servizzi (kollettivament imsejħa “prodotti”). Dawn il-linji gwida jikkomplementaw ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru […] ta’ […] dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (4) (“ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-Riċerka u l-Iżvilupp”) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru […] ta’ […] dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (5) (“ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ispeċjalizzazzjoni”).

    9.

    Għalkemm dawn il-linji gwida fihom ċerti referenzi għal kartelli, mhumiex maħsuba bħala gwida dwar dak li jikkostitwixxi jew ma jikkostitwixxix kartell kif definit bil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    10.

    It-terminu “kompetituri” kif użat f’dawn il-linji gwida jinkludi kemm kompetituri attwali kif ukoll dawk potenzjali. Żewġ kumpaniji huma ttrattati bħala kompetituri attwali jekk ikunu attivi fl-istess suq rilevanti. Kumpanija tiġi ttrattata bħala kompetitur potenzjali ta’ kumpanija oħra jekk, fin-nuqqas tal-akkordju, fil-każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, x’aktarx li l-kumpanija tal-ewwel, f’perjodu qasir ta’ żmien (6), tagħmel l-investimenti addizzjonali neċessarji jew spejjeż oħra neċessarji ta’ tibdil biex tidħol fis-suq rilevanti li fih tkun attiva l-kumpanija tal-aħħar. Din l-evalwazzjoni trid tkun ibbażata fuq raġunijiet realistiċi, għax is-sempliċi possibbiltà teoretika li tidħol f’suq mhijiex biżżejjed (ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni) (7) (“l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq”).

    11.

    Kumpaniji li jiffurmaw parti mill-istess “impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) mhumiex ikkunsidrati kompetituri għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida. L-Artikolu 101 japplika biss għal akkordji bejn impriżi indipendenti. Meta kumpanija teżerċita influwenza deċiżiva fuq kumpanija oħra dawn jiffurmaw entità ekonomika waħdiena u, għalhekk, huma parti mill-istess impriża (8). L-istess jgħodd għal kumpaniji affiljati, jiġifieri, kumpaniji li fuqhom tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva mill-istess kumpanija prinċipali. Konsegwentement dawn mhumiex ikkunsidrati kompetituri anki jekk it-tnejn ikunu attivi fl-istess swieq tal-prodotti u ġeografiċi rilevanti.

    12.

    Akkordji konklużi bejn impriżi li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni, jiġifieri akkordji vertikali, huma fil-prinċipju ttrattati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (9) (“ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali”) u l-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali (10). Madankollu, sa fejn akkordji vertikali, pereżempju, akkordji ta’ distribuzzjoni, jiġu konklużi bejn kompetituri, l-effetti tal-akkordju fuq is-suq u l-problemi tal-kompetizzjoni possibbli jistgħu jkunu simili għal akkordji orizzontali. Għalhekk, akkordji vertikali bejn kompetituri jaqgħu taħt dawn il-linji gwida (11). Jekk iqum il-bżonn li tali akkordji jiġi evalwati wkoll skont ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali u l-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali, dan jiġi stabbilit speċifikament fil-kapitolu rilevanti ta’ dawn il-linji gwida. Fin-nuqqas ta’ tali referenza, dawn il-linji gwida jkunu applikabbli biss għall-akkordji vertikali bejn kompetituri.

    13.

    L-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jikkombinaw stadji differenti ta’ kooperazzjoni, pereżempju r-riċerka u l-iżvilupp (“R&Ż”) u l-produzzjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tagħhom. Tali akkordji ġeneralment ikunu koperti ukoll minn dawn il-linji gwida. Meta jintużaw dawn il-linji gwida għall-analiżi ta’ tali kooperazzjoni integrata, bħala regola ġenerali, il-kapitoli kollha dwar il-partijiet differenti tal-kooperazzjoni se jkunu rilevanti. Madankollu, fejn il-kapitoli rilevanti ta’ dawn il-linji gwida jinkludu messaġġi gradwati, pereżempju fir-rigward ta’ żoni ta’ sigurezza jew jekk ċerta kondotta tiġix ikkunsidrata normalment bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan jew skont l-effett, dak li huwa stabbilit fil-kapitolu dwar dik il-parti ta’ kooperazzjoni integrata li tista’ titqies bħala “iċ-ċentru tal-gravità” tagħha jipprevali għall-kooperazzjoni sħiħa (12).

    14.

    Żewġ fatturi huma partikolarment rilevanti għad-determinazzjoni taċ-ċentru tal-gravità ta’ kooperazzjoni integrata: l-ewwel nett, il-punt tal-bidu tal-kooperazzjoni, u, it-tieni nett, il-livell ta’ integrazzjoni tal-funzjonijiet differenti li huma kkombinati. Pereżempju, iċ-ċentru tal-gravità ta’ akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali li jinvolvi kemm attivitajiet konġunti ta’ R&Ż kif ukoll produzzjoni konġunta tar-riżultati għalhekk normalment ikun l-attivitajiet konġunti ta’ R&Ż, għaliex il-produzzjoni konġunta sseħħ biss jekk l-attivitajiet konġunti ta’ R&Ż jirnexxu. Dan jimplika li r-riżultati tal-attivitajiet konġunti ta’ R&Ż huma deċiżivi għall-produzzjoni konġunta sussegwenti. L-evalwazzjoni taċ-ċentru tal-gravità tinbidel jekk il-partijiet ikunu involvew ruħhom fil-produzzjoni konġunta fi kwalunkwe każ, jiġifieri irrispettivament mill-attivitajiet konġunti ta’ R&Ż, jew jekk l-akkordju pprovda għal integrazzjoni sħiħa fiż-żona tal-produzzjoni u integrazzjoni parzjali biss ta’ xi attivitajiet ta’ R&Ż. F’dan il-każ, iċ-ċentru tal-gravità tal-kooperazzjoni jkun il-produzzjoni konġunta.

    15.

    L-Artikolu 101 japplika biss għal dawk l-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-prinċipji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 stipulati f'dawn il-linji gwida għalhekk huma bbażati fuq il-preżunzjoni li akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod sinifikanti.

    16.

    L-evalwazzjoni skont l-Artikolu 101 kif deskritta f’dawn il-linji gwida hija bla ħsara għall-applikazzjoni parallela possibbli tal-Artikolu 102 tat-Trattat għall-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali (13).

    17.

    Dawn il-linji gwida huma bla ħsara għall-interpretazzjoni li tista’ tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għall-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali.

    18.

    Dawn il-linji gwida jissostitwixxu l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għal akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali (14) li ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fl-2001 u ma japplikawx sa fejn japplikaw ir-regoli speċifiċi għas-settur bħal fil-każ ta’ ċerti akkordji dwar l-agrikoltura (15), it-trasport (16) jew l-assigurazzjoni (17). Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-operazzjoni tar-Regolamenti għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż u tal-Ispeċjalizzazzjoni u dawn il-linji gwida abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq minn partijiet interessati u awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u tista’ tirrevedi dawn il-linji gwida fid-dawl ta’ żviluppi futuri u għarfien li qed jiżviluppa.

    19.

    Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (18) (“il-Linji Gwida Ġenerali”) fihom gwida ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101. Konsegwentement, dawn il-linji gwida għandhom jinqraw flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali.

    1.2.   Prinċipji bażiċi għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 101

    20.

    L-evalwazzjoni skont l-Artikolu 101 tikkonsisti f’żewġ stadji. L-ewwel stadju, skont l-Artikolu 101(1), huwa li jiġi evalwat jekk akkordju bejn impriżi, li jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandux għan antikompetittiv jew effetti restrittivi attwali jew potenzjali (19) fuq il-kompetizzjoni. It-tieni stadju, skont l-Artikolu 101(3), li jsir rilevanti biss fejn jinsab li akkordju jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), hu li jiġu determinati l-benefiċċji prokompetittivi li jirriżultaw minn dak l-akkordju u li jiġi evalwat jekk dawk l-effetti prokompetittivi jissuperawx l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (20). L-ibbilanċjar tal-effetti restrittivi u prokompetittivi jsir esklużivament fi ħdan il-qafas stabbilit bl-Artikolu 101(3) (21). Jekk l-effetti prokompetittivi ma jissuperawx ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 101(2) jistipula li l-akkordju għandu jkun awtomatikament null.

    21.

    L-analiżi ta’ akkordji ta’ koperazzjoni orizzontali għandha ċerti elementi komuni mal-analiżi ta’ fużjonijiet orizzontali li għadhom x'jaqsmu mal-effetti restrittivi li jista’ jkun hemm, b'mod partikulari fir-rigward ta’ joint ventures. Spiss ikun hemm biss linja fina bejn joint ventures bil-funzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar l-Għaqdiet u joint ventures mhux bil-funzjonijiet kollha li huma evalwati skont l-Artikolu 101. Għalhekk, l-effetti tagħhom jistgħu jkunu pjuttost simili.

    22.

    F’ċerti każijiet, il-kumpaniji jitħeġġu mill-awtoritajiet pubbliċi biex jidħlu f'akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali sabiex jilħqu għan ta’ politika pubblika permezz tal-awtoregolamentazzjoni. Madankollu, il-kumpaniji jibgħu suġġetti għall-Artikolu 101 jekk liġi nazzjonali sempliċement tinkoraġġihom jew tagħmilha eħfef għalihom biex jaġixxu b’imġiba antikompetittiva awtonoma (22). Fi kliem ieħor, il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jinkoraġġixxu akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali ma jfissirx li dan huwa permissibbli taħt l-Artikolu 101 (23). Huwa biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali teħtieġ lill-kumpaniji jaġixxu b’imġiba antikompetittiva, jew jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq qafas legali li jipprekludi kull opportunità għal attività kopetittiva min-naħa tagħhom, li l-Artikolu 101 ma japplikax (24). F’tali sitwazzjoni, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma tkunx attribwibbli, kif jitlob impliċitament l-Artikolu 101, għall-imġiba awtonoma tal-kumpaniji u huma jkunu protetti mill-konsegwenzi kollha ta’ ksur ta’ dak l-Artikolu (25). Kull każ għandu jiġi evalwat fuq il-fatti proprji tiegħu skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti f’dawn il-linji gwida.

    1.2.1.   L-Artikolu 101(1)

    23.

    L-Artikolu 101(1) jipprojbixxi akkordji li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jirrestrinġi (26) l-kompetizzjoni.

    (i)   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    24.

    Ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan huma dawk li fin-natura tagħhom għandhom il-potenzjal li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (27). Mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti attwali jew potenzjali ta’ akkordju fis-suq ladarba jkun ġie stabbilit l-għan antikompetittiv tiegħu (28).

    25.

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi evalwat jekk akkordju għandux għan antikompetittiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-akkordju, l-għanijiet li jfittex li jilħaq, u l-kuntest ekonomiku u legali li jifforma parti minnu. Barra minn hekk, għalkemm l-intenzjoni tal-partijiet mhijiex fattur meħtieġ sabiex jiġi determinat jekk akkordju għandux għan antikompetittiv, il-Kummissjoni tista’ madankollu tqis dan l-aspett fl-analiżi tagħha (29). Gwida ulterjuri dwar il-kunċett tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan tista’ tinkiseb fil-Linji Gwida Ġenerali.

    (ii)   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    26.

    Jekk akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont l-għan, għandu jiġi eżaminat jekk dan għandux effetti restrittivi sinifikanti fuq il-kompetizzjoni. Għandhom jitqiesu kemm l-effetti attwali kif ukoll dawk potenzjali. Fi kliem ieħor, għandu mill-anqas ikun probabbli li l-akkordju jkollu effetti antikompetittivi.

    27.

    Sabiex akkordju jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) dan għandu jkollu, jew għandu jkun probabbli li jkollu, impatt negattiv sinifikanti fuq mill-anqas wieħed mill-parametri tal-kompetizzjoni fis-suq, bħall-prezz, l-output, il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni. L-akkordji jista’ jkollhom tali effetti billi jnaqqsu f’mod sinifikanti l-kompetizzjoni bejn il-partijiet fl-akkordju jew bejn kwalunkwe waħda minnhom u partijiet terzi. Dan ifisser li l-akkordju jrid inaqqas l-indipendenza tal-partijiet fit-teħid ta’ deċiżjonijiet (30), jew minħabba l-obbligi li jkunu jinsabu fil-akkordji li jirregolaw l-aġir fis-suq ta’ mill-anqas waħda mill-partijiet jew billi jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ mill-anqas waħda mill-partijiet billi jikkawża bidla fl-inċentivi tagħha.

    28.

    L-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq rilevanti probabbilment iseħħu fejn jista’ jkun mistenni bi grad ta’ probabbiltà raġonevoli li, minħabba l-akkordju, l-partijiet ikunu jistgħu jgħollu l-prezzijiet jew inaqqsu l-output, il-kwalità talprodott, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni b’mod redditizju. Dan ikun jiddependi fuq ħafna fatturi bħan-natura u l-kontenut tal-akkordju, il-punt sa fejn il-partijiet individwalment jew b’mod konġunt għandhom jew jiksbu ċertu livell ta’ setgħa fis-suq, u l-punt sa fejn l-akkordju jikkontribwixxi għall-ħolqien, iż-żamma jew it-tisħiħ ta’ dik is-setgħa fis-suq jew jippermetti lill-partijiet jisfruttaw tali setgħa fis-suq.

    29.

    L-evalwazzjoni ta’ jekk akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali jkollux effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) għandha ssir b’paragun mal-kuntest legali u ekonomiku attwali li fih kieku sseħħ il-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-akkordju bir-restrizzjonijiet allegati tiegħu kollha (jiġifieri, fin-nuqqas tal-akkordju kif inhu (jekk diġà implimentat) jew kif ikun ippjanat (jekk mhux diġà implimentat) fi żmien l-evalwazzjoni). Għaldaqstant, sabiex jiġu ppruvati l-effetti restrittivi attwali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni, ikun meħtieġ li jitqiesu l-kompetizzjoni bejn il-partijiet u l-kompetizzjoni minn partijiet terzi, b’mod partikolari l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali li kienet tkun teżisti fin-nuqqas tal-akkordju. Dan il-paragun ma jikkunsidrax kwalunkwe kisba potenzjali fl-effiċjenza ġġenerata mill-akkordju għax din tiġi evalwata biss skont l-Artikolu 101(3).

    30.

    Konsegwentement, l-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn il-kompetituri li, abbażi ta’ fatturi oġġettivi, ma jkunux jistgħu jwettqu b’mod indipendenti l-proġett jew l-attività koperta mill-kooperazzjoni, pereżempju minħabba fil-kapaċitajiet tekniċi limitati tal-partijiet, normalment ma joħolqux effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) sakemm il-partijiet ma setgħux iwettqu l-proġett b’restrizzjonijiet anqas strinġenti (31).

    31.

    Gwida ġenerali dwar il-kunċett tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-effett tista’ tinkiseb fil-Linji Gwida Ġenerali. Dawn il-linji gwida jipprovdu gwida addizzjonali speċifika għall-evalwazzjoni dwar il-kompetizzjoni tal-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali.

    Natura u kontenut tal-akkordju

    32.

    In-natura u l-kontenut ta’ akkordju huma marbuta ma’ fatturi bħall-qasam u l-għan tal-kooperazzjoni, ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet u l-punt sa fejn jikkombinaw l-attivitajiet tagħhom. Dawn il-fatturi jiddeterminaw liema tipi ta’ tħassib possibbli dwar il-kompetizzjoni jistgħu jiġu kkawżati minn akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali.

    33.

    L-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni b’diversi modi. L-akkordju jista’:

    ikun esklużiv fis-sens li jillimita l-possibbiltà li l-partijiet jikkompetu kontra xulxin jew kontra partijiet terzi bħala operaturi ekonomiċi indipendenti jew bħala partijiet f’akkordji oħra konkorrenti;

    jeħtieġ li l-partijiet jikkontribwixxu ċerti assi tant li titnaqqas b’mod sinifikanti l-indipendenza tagħhom għat-teħid tad-deċiżjonijiet; jew

    jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-partijiet b’tali mod li l-indipendenza tagħhom għat-teħid tad-deċiżjonijiet titnaqqas b’mod sinifikanti. Kemm l-interessi finanzjarji fl-akkordju kif ukoll l-interessi finanzjarji f’partijiet oħra fl-akkordju jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni.

    34.

    L-effett potenzjali ta’ tali akkordji jista’ jkun it-telf tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fl-akkordju. Il-kompetituri jistgħu jgawdu wkoll mit-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li jirriżulta mill-akkordju u għalhekk jistgħu jsibu li jkun vantaġġuz għalihom li jżidu l-prezzijiet tagħhom. It-tnaqqis f’dawk ir-restrizzjonijiet kompetittivi jista’ jwassal għal żidiet fil-prezzijiet fis-suq rilevanti. Fatturi bħal jekk il-partijiet fl-akkordju jkollhomx ishma fis-suq għolja, jekk ikunux kompetituri mill-qrib, jekk il-klijenti jkollhomx possibbiltajiet limitati li jbiddlu l-fornituri, jekk ma jkunx probabbli li l-kompetituri jżidu l-provvista jekk jiżdiedu l-prezzijiet, u jekk waħda mill-partijiet fl-akkordju tkunx forza kompetittiva importanti, huma kollha rilevanti għall-evalwazzjoni kompetittiva tal-akkordju.

    35.

    Akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali jista’ wkoll:

    iwassal għall-iżvelar ta’ informazzjoni strateġika li jżid il-probabbiltà ta’ koordinazzjoni bejn il-partijiet fi jew barra mill-qasam tal-kooperazzjoni;

    jikseb komunalità sinifikanti tal-ispejjeż (jiġifieri, il-proporzjon ta’ spejjeż varjabbli li partijiet għandhom ikollhom inkomuni), sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jikkoordinaw aktar faċilment il-prezzijiet tas-suq u l-output.

    36.

    Komunalità sinifikanti tal-ispejjeż miksuba b’akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali tista’ tippermetti lill-partijiet jikkoordinaw aktar faċilment il-prezzijiet tas-suq u l-output biss meta l-partijiet ikollhom setgħa fis-suq, meta l-karatteristiċi tas-suq iwasslu għal tali koordinazzjoni, meta l-qasam ta’ kooperazzjoni jammonta għal proporzjon għoli tal-ispejjeż varjabbli tal-partijiet f’suq partikolari, u meta l-partijiet jikkombinaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni sa punt sinifikanti. Dan jista’ , pereżempju, ikun il-każ fejn jimmanifatturaw jew jixtru flimkien prodott intermedjarju importanti jew jimmanifatturaw jew jiddistribwixxu flimkien proporzjon għoli tal-output totali tagħhom ta’ prodott finali.

    37.

    Akkordju orizzontali jista’ għalhekk inaqqas l-indipendenza tal-partijiet fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u b’riżultat ta’ dan iżid il-probabbiltà li jikkordinaw l-aġir tagħhom sabiex jilħqu riżultat kollużiv, iżda dan jista’ wkoll jirrendi l-koordinazzjoni aktar faċli, aktar stabbli jew aktar effettiva għall-partijiet li kienu diġà qed jikkoordinaw qabel, jew billi jirrendi l-koordinazzjoni aktar b’saħħitha jew billi jippermettilhom jilħqu prezzijiet saħansitra ogħla.

    38.

    Ċerti akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali, pereżempju akkordji ta’ produzzjoni u ta’ standardizzazzjoni, jistgħu jikkawżaw ukoll tħassib dwar esklużjoni antikompetittiva.

    Setgħa fis-suq u karatteristiċi oħra tas-suq

    39.

    Is-setgħa fis-suq hija l-kapaċità li b’mod redditizju l-prezzijiet jinżammu ’l fuq mil-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien jew li b’mod redditizju l-produzzjoni tinżamm, f’termini ta’ kwantitajiet ta’ prodotti, kwalità u varjetà tal-prodotti jew ta’ innovazzjoni, taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien.

    40.

    Fi swieq li jkollhom spejjeż fissi l-impriżi jridu jipprezzaw ’il fuq mill-ispejjeż varjabbli tal-produzzjoni tagħhom sabiex jiżguraw profitt kompetittiv fuq l-investiment tagħhom. Il-fatt li l-impriżi jipprezzaw ’il fuq mill-ispejjeż varjabbli tagħhom għalhekk ma jkunx fih innifsu sinjal li l-kompetizzjoni fis-suq ma jkunx qed tiffunzjona sew u li l-impriżi jkollhom setgħa fis-suq li tippermettilhom jipprezzaw ’il fuq mil-livell kompetittiv. Huwa meta r-restrizzjonijiet kompetittivi ma jkunux biżżejjed biex jinżammu l-prezzijiet, l-output, il-kwalità tal-prodotti, ilvarjetà tal-prodotti u l-innovazzjoni f’livelli kompetittivi li l-impriżi jkollhom setgħa fis-suq fil-kuntest tal-Artikolu 101(1).

    41.

    Il-ħolqien, iż-żamma jew it-tisħiħ tas-setgħa fis-suq jistgħu jirriżultaw minn sengħa aqwa, mill-kapaċita li wieħed ibassar x'se jkunu l-bżonnijiet fil-futur, jew mill-innovazzjoni. Dan jista’ jirriżulta wkoll minn kompetizzjoni mnaqqsa bejn il-partijiet fl-akkordju jew bejn kwalunkwe waħda mill-partijiet u partijiet terzi, pereżempju għax l-akkordju jwassal għal esklużjoni antikompetittiva tal-kompetituri billi jżid l-ispejjeż tal-kompetituri u jillimita l-kapaċità tagħhom li jikkompetu b’mod effettiv mal-partijiet kontraenti.

    42.

    Is-setgħa fis-suq hija kwistjoni ta’ livell. Il-livell tas-setgħa fis-suq meħtieġ għal sejba ta’ ksur skont l-Artikolu 101(1) fil-każ ta’ akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tal-effett huwa inqas mil-livell tas-setgħa fis-suq meħtieġ għas-sejba ta’ dominanza skont l-Artikolu 102, fejn huwa meħtieġ livell sostanzjali ta’ setgħa fis-suq.

    43.

    Il-punt tal-bidu għall-analiżi tas-setgħa fis-suq huwa l-pożizzjoni tal-partijiet fis-swieq affettwati mill-kooperazzjoni. Sabiex titwettaq din l-analiżi s-suq/is-swieq rilevanti għandhom jiġu definiti bl-użu tal-metodoloġija tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-Definizzjoni tas-Suq. Fejn tipi speċifiki ta’ swieq, bħas-swieq tax-xiri jew tat-teknoloġija, huma kkonċernati dawn il-linji gwida għandhom jipprovdu gwida addizzjonali.

    44.

    Jekk il-partijiet ikollhom sehem fis-suq kombinat baxx, l-akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali probabbli ma joħloqx effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) u, normalment, l-ebda analiżi oħra ma tkun meħtieġa. Dak li hu meqjus “sehem fis-suq kombinat baxx” jiddependi fuq it-tip ta’ akkordju konċernat u jista’ jiġi inferit mil-limiti ta’ referenza tal-“kenn” stabbiliti fid-diversi kapitoli ta’ dawn il-linji gwida u, b’mod aktar ġenerali, min-Notifika tal-Kummissjoni dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (de minimis) (32) (“in-Notifika De Minimis”). Jekk wieħed minn biss żewġ partijiet ikollu biss sehem fis-suq insinifikanti u ma jkollux riżorsi importanti, anki sehem fis-suq kombinat għoli normalment ma jistax jitqies bħala indikazzjoni ta’ effett restrittiv probabbli fuq il-kompetizzjoni fis-suq (33). Minħabba t-tipi differenti ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali u l-effetti differenti li dawn jistgħu jikkawżaw f’sitwazzjonijiet tas-suq differenti, mhuwiex possibbli li jingħata limitu ġenerali tas-sehem fis-suq li ’l fuq minnu tista’ tiġi preżunta setgħa fis-suq suffiċjenti sabiex tikkawża effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    45.

    Skont il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet u l-konċentrazzjoni fis-suq, fatturi oħra bħall-istabbiltà tal-ishma fis-suq maż-żmien, l-ostakoli għad-dħul u l-probabbiltà ta’ dħul fis-suq, u s-setgħa ta’ kontrabilanċ tax-xerrejja/tal-fornituri għandu jitqies ukoll.

    46.

    Normalment, il-Kummissjoni tuża l-ishma fis-suq kurrenti fl-analiżi kompetittiva tagħha (34). Madankollu, żviluppi futuri raġonevolment ċerti jistgħu jitqiesu wkoll, pereżempju fid-dawl tal-ħruġ, id-dħul jew l-espansjoni fis-suq rilevanti. Id-dejta storika tista’ tintuża jekk l-ishma fis-suq kienu volatili, pereżempju meta s-suq ikun ikkaratterizzat minn ordnijiet varjabbli kbar. Bidliet fl-ishma fis-suq storiċi jistgħu jipprovdu informazzjoni utli dwar il-proċess kompetittiv u l-importanza futura probabbli tal-kompetituri varji, pereżempju, billi jindikaw jekk l-impriżi kienux qed jiksbu jew jitilfu l-ishma fis-suq. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinterpreta l-ishma fis-suq fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq probabbli, pereżempju, jekk is-suq ikunx ta’ natura dinamika ħafna u jekk l-istruttura tas-suq tkunx instabbli minħabba l-innovazzjoni jew it-tkabbir.

    47.

    Meta d-dħul fis-suq ikun faċli biżżejjed, akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali normalment ma jkunx mistenni li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Sabiex id-dħul jitqies bħala restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq il-partijiet f’akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali, dan għandu jiġi ppruvat li jkun probabbli, fi żmien opportun u suffiċjenti biex jiġi evitat jew imxejjen kwalunkwe effett restrittiv potenzjali tal-akkordju. L-analiżi tad-dħul tista’ tiġi affettwata mill-preżenza ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali. It-terminazzjoni probabbli jew possibbli ta’ akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali tista’ tinfluwenza l-probabbiltà tad-dħul.

    1.2.2.   L-Artikolu 101(3)

    48.

    L-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan jew l-effett taħt l-Artikolu 101(1) hija biss parti waħda mill-analiżi. Il-parti l-oħra, li hija riflessa fl-Artikolu 101(3), hija l-evalwazzjoni tal-effetti prokompetittivi ta’ akkordji restrittivi. L-approċċ ġenerali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) huwa ppreżentat fil-Linji Gwida Ġenerali. Fejn f’każ individwali restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tkun ġiet pruvata, jista’ jiġi invokat l-Artikolu 101(3) bħala difiża. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Dicembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (35), l-oneru tal-prova skont l-Artikolu 101(3) jaqa’ fuq l-impriża/i li tinvoka/jinvokaw il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-argumenti fattwali u l-evidenza pprovduti mill-impriża/i għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tasal għall-konvinzjoni li l-akkordju kkonċernat probabbli jwassal jew ma jwassalx għal effetti prokompetittivi (36).

    49.

    L-applikazzjoni tar-regola ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3) hija soġġetta għal erba’ kundizzjonijiet kumulattivi, tnejn pożittivi u tnejn negattivi:

    l-akkordju għandu jikkontribwixxi għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku, jiġifieri jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza;

    ir-restrizzjonijiet iridu jkunu indispensabbli biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, jiġifieri l-kisbiet fl-effiċjenza;

    il-konsumaturi għandhom jirċievu sehem ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw, jiġifieri l-kisbiet fl-effiċjenza, inklużi kisbiet fl-effiċjenza kwalitattiva, milħuqa minn dawn ir-restrizzjonijiet indispensabbli, għandhom jingħaddu b’mod suffiċjenti lill-konsumaturi sabiex għall-inqas ikunu kkumpensati għall-effetti restrittivi tal-akkordju; għaldaqstant, l-effiċjenzi li jibbenefikaw biss lill-partijiet fl-akkordjumhumiex biżżejjed; għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, il-kunċett ta’ “konsumaturi” jinkludi l-klijenti, potenzjali u/jew attwali, tal-partijiet fl-akkordju (37); u

    l-akkordju ma għandux jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati.

    50.

    Fil-qasam tal-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali hemm regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija bbażati fuq l-Artikolu 101(3) għal akkordji ta’ riċerka u żvilupp (38) u ta’ speċjalizzazzjoni (inkluża produzzjoni konġunta) (39). Dawk ir-Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija huma bbażati fuq il-premessa li l-kombinazzjoni ta’ ħiliet jew assi komplementari jistgħu jkunu sors ta’ effiċjenzi sostanzjali fl-akkordji ta’ riċerka u żvilupp u ta’ speċjalizzazzjoni. Dan jista’ jkun il-każ ukoll għal tipi oħra ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali. L-analiżi tal-effiċjenzi ta’ akkordju individwali skont l-Artikolu 101(3) hija għalhekk fil-parti l-kbira kwistjoni li jiġu identifikati l-kapaċitajiet u l-assi komplementari li kull waħda mill-partijiet iġġib lill-akkordju u li jiġi evalwat jekk l-effiċjenzi li jirriżultaw ikunux tali li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

    51.

    Il-komplementaritajiet jistgħu jirriżultaw minn akkordji ta’ kooperazzjoni orizzonatali f’diversi modi. Akkordju ta’ riċerka u żvilupp jista’ jġib flimkien kapaċitajiet ta’ riċerka differenti li jippermettu lill-partijiet jipproduċu prodotti aħjar li huma orħos u jqassru ż-żmien li dawn il-prodotti jieħdu biex jaslu fis-suq. Akkordju ta’ produzzjoni jista’ jippermetti lill-partijiet jiksbu ekonomiji ta’ skala jew ambitu li ma jkunux jistgħu jiksbu individwalment.

    52.

    L-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali li ma jinvolvux il-kombinazzjoni ta’ kapaċitajiet jew assi komplementari probabbilment inqas iwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza li jgawdu minnhom il-konsumaturi. Akkordji bħal dawn jistgħu jnaqqsu d-duplikazzjoni ta’ ċerti spejjeż, pereżempju għax jistgħu jiġu eliminati ċerti spejjeż fissi. Madankollu, huwa ġeneralment inqas probabbli li l-iffrankar fuq spejjeż fissi jirriżulta f’benefiċċji għall-konsumaturi milli ffrankar, pereżempju, fi spejjeż varjabbli jew marġinali.

    53.

    Aktar gwida dwar l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterji tal-Artikolu 101(3) tista’ tinkiseb mil-Linji Gwida Ġenerali.

    1.3.   Struttura ta’ dawn il-linji gwida

    54.

    Il-Kapitolu 2 l-ewwel se jistabbilixxu ċerti prinċipji ġenerali għall-evalwazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni, li japplikaw għat-tipi kollha ta’ akkordji ta’ -kooperazzjoni orizzontali li jinvolvu l-iskambju ta’ informazzjoni. Kull wieħed mill-kapitoli sussegwenti ta’ dawn il-linji gwida se jindirizza tip speċifiku wieħed ta’ akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali. Kull kapitolu se japplika l-qafas analitiku deskritt fit-taqsima 1.2 kif ukoll il-prinċipji ġenerali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni skont it-tip speċifiku ta’ kooperazzjoni kkonċernat.

    2.   PRINĊIPJI ĠENERALI DWAR L-EVALWAZZJONI KOMPETITTIVA TAL-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

    2.1.   Definizzjoni u ambitu

    55.

    L-iskop ta’ dan il-kapitolu huwa li jiggwida l-evalwazzjoni kompetittiva tal-iskambju ta’ informazzjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jkollu diversi forom. L-ewwel nett, id-dejta tista’ tiġi maqsuma direttament bejn kompetituri. It-tieni nett, id-dejta tista’ tiġi maqsuma indirettament permezz ta’ aġenzija komuni (pereżempju, assoċjazzjoni tal-kummerċ) jew parti terza bħal organizzazzjoni ta’ riċerka fis-suq jew permezz tal-fornituri jew bejjiegħa bl-imnut tal-kumpaniji.

    56.

    L-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ f'kuntesti differenti. Hemm akkordji, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, jew prattiki miftiehma li permezz tagħhom tiġi skambjata l-informazzjoni, fejn il-funzjoni ekonomika ewlenija tkun fl-iskambju nnifsu ta’ informazzjoni. Barra minn dan, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jkun parti minn tip ieħor ta’ akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali (pereżempju il-partijiet f’akkordju ta’ produzzjoni jaqsmu bejniethom ċerta informazzjoni dwar l-ispejjeż). L-evalwazzjoni tat-tip imsemmi l-aħħar ta’ skambju ta’ informazzjoni trid issir fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali nnifsu.

    57.

    L-iskambju ta’ informazzjoni huwa karatteristika komuni ta’ bosta swieq kompetittivi u jista’ jiġġenera diversi tipi ta’ kisbiet fl-effiċjenza. jista’ jsolvi problemi ta’ nuqqas ta’ simetriji fl-informazzjoni (40), u b'hekk jagħmel lis-swieq aktar effiċjenti. Barra minn dan, il-kumpaniji jistgħu jtejbu l-effiċjenza interna permezz ta’ valutazzjoni komparattiva mal-aħjar prattiki ta’ xulxin. Il-qsim tal-informazzjoni jista’ wkoll jgħin lill-kumpaniji biex jiffrankaw l-ispejjeż billi jnaqqsu l-inventarji tagħhom, u dan jippermetti twassil aktar malajr s'għand il-konsumaturi ta’ prodotti li jmorru malajr, jew billi jindirizzaw domanda instabbli eċċ. Barra minn hekk, l-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-konsumaturi billi jnaqqsulhom l-ispejjeż tat-tfittix u jtejbulhom l-għażla.

    58.

    Madanakollu, l-iskambju ta’ informazzjoni tas-suq jista’ wkoll iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet fejn jista’ jippermetti lill-impriżi li jkunu jafu bl-istrateġiji tas-suq tal-kompetituri tagħhom (41). L-eżitu kompetittiv tal-iskambju tal-informazzjoni jiddependi fuq il-karatteristiċi tas-suq li fih iseħħ (bħall-konċentrazzjoni, it-trasparenza, l-istabbiltà, is-simetrija, il-kumplessità eċċ.) kif ukoll fuq it-tip ta’ informazzjoni li tiġi skambjata, li jista’ jimmodifika l-ambjent tas-suq rilevanti lejn wieħed fejn ikun hemm il-periklu li ssir koordinazzjoni.

    59.

    Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni fost il-kompetituri tista’ tikkostitwixxi akkordju, prattika miftiehma, jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi bil-għan li jiġu ffissati, b’mod partikolari, il-prezzijiet jew il-kwantitajiet. Dawk it-tipi ta’ skambji ta’ informazzjoni normalment jitqiesu bħala kartelli u jiġu mmultati bħala tali. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ wkoll jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ kartell billi jippermetti lill-kumpaniji jimmoniterjaw jekk il-parteċipanti jkunux qed jikkonformaw mat-termini miftehmin. Dawk it-tipi ta’ skambji ta’ informazzjoni se jiġi evalwati bħala parti mill-kartell.

    Prattika miftiehma

    60.

    L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jiġi indirizzat biss skont l-Artikolu 101 jekk jistabbilixxi jew ikun parti minn akkordju, prattika miftiehma jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. L-eżistenza ta’ akkordju, ta’ prattika miftiehma jew ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tippreġudikax il-kwistjoni jekk l-akkordju, il-prattika miftiehma jew id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tagħtix lok għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li permezz tagħha, mingħajr ma din tkun laħqet l-istadju fejn akkordju veru u proprju jkun ġie konkluż, il-kooperazzjoni prattika bejniethom tiġi sostitwitta intenzjonalment għar-riskji tal-kompetizzjoni (42). Il-kriterji ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni meħtieġa sabiex tiġi determinata prattika miftiehma, iktar milli jeżiġu li jkun fil-fatt inħadem pjan attwali, iridu jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, li skonthom kull kumpanija għandha tiddetermina indipendentement il-politika li għandha l-ħsieb li tadotta fis-suq intern u l-kundizzjonijiet li għandha l-ħsieb li toffri lill-konsumaturi tagħha (43).

    61.

    Dan ma jċaħħadx lill-kumpaniji mid-dritt li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-kondotta eżistenti jew antiċipata tal-kompetituri tagħhom. Madankollu, jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn kompetituri, li l-għan jew l-effett tiegħu huwa li joħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet kompettittivi normali tas-suq ikkonċernat, meta titqies in-natura tal-prodotti jew servizzi offruti, id-daqs u n-numru tal-impriżi, u l-volum tas-suq ikkonċernat (44). Dan jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn kompetituri, li l-għan jew l-effett tiegħu huwa li jinfluwenza kondotta fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li huma stess iddeċidew li jadottaw jew li għandhom il-ħseib li jadottaw fis-suq, u b’hekk jiffaċilitaw riżultat kollużiv fis-suq (45). Għaldaqstant, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jikkostitwixxi prattika miftiehma jekk inaqqas inċertezza strateġika (46) fis-suq u b’hekk jiffaċilita kollużjoni, jiġifieri jekk id-dejta skambjata tkun strateġika. Konsegwentement, it-taqsim ta’ dejta strateġika bejn kompetituri jammonta għal konċertazzjoni, għaliex inaqqas l-indipendenza tal-kondotta tal-kompetituri fis-suq u jnaqqas l-inċentivi tagħhom li jikkompetu.

    62.

    Sitwazzjoni fejn impriża waħda biss tiżvela informazzjoni strateġika lil kompetitur/i tagħha li jaċċettaha/jaċċettawha tista’ tikkostitwixxi wkoll prattika miftiehma (47). Tali żvelar jista’ jseħħ, pereżempju, permezz ta’ kuntatti permezz tal-posta, emails, telefonati, laqgħat eċċ. Huwa mbagħad irrelevanti jekk impriża waħda biss tinfurmax unilateralment lill-kompetituri tagħha bl-aġir fis-suq ippjanat tagħha, jew jekk l-impriżi parteċipanti kollha jinfurmawx lil xulxin bid-deliberazzjonijiet u intenzjonijiet rispettivi. Meta impriża waħda biss tiżvela lill-kompetituri tagħha informazzjoni strateġika rigward il-politika kummerċjali fil-futur tagħha, dan inaqqas l-inċertezza strateġika fir-rigward tal-operat fil-futur tas-suq għall-kompetituri kollha involuti u jżid ir-riskju ta’ limitazzjoni tal-kompetizzjoni u ta’ aġir kollużiv (48). Pereżempju, is-sempliċi attendenza għal laqgħa (49) fejn kumpanija tiżvela l-pjanijiet tal-ipprezzar tagħha lill-kompetituri tagħha hija probabbli li tinqabad taħt l-Artikolu 101, anke fin-nuqqas ta’ akkordju espliċitu ta’ żieda fil-prezzijiet (50). Meta kumpanija tirċievi dejta strateġika minn kompetitur (sewwa jekk f’laqgħa, bil-posta kif ukoll elettronikament), se jiġi preżunt li tkun aċċettat l-informazzjoni u adattat il-kondotta fis-suq tagħha f’dan is-sens sakemm ma tkunx wieġbet b’dikjarazzjoni ċara li ma tixtieqx tirċievi tali dejta (51).

    63.

    Fejn kumpanija tagħmel dikjarazzjoni unilaterali li tkun ukoll ġenwinament pubblika, pereżempju permezz ta’ gazzetta, ġeneralment din ma tikkostitwixxix:rattika miftiehma skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (52). Madankollu, skont il-fatti li fuqhom huwa bbażat il-każ attwali, il-possibbiltà ta’ sejba ta’ prattika miftiehma ma tistax tiġi eskluża, pereżempju f’sitwazzjoni fejn tali dikjarazzjoni tkun ġiet segwita minn dikjarazzjonijiet pubbliċi minn kompetituri oħra, mhux l-inqas għaliex reazzjonijiet strateġiċi ta’ kompetituri għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ xulxin (li, biex jissemma eżempju wieħed, jistgħu jinvolvu aġġustamenti mill-ġdid tad-dikjarazzjonijiet proprji tagħhom preċedenti għal dikjarazzjonijiet magħmula minn kompetituri) jistgħu jkunu strateġija sabiex jintlaħaq fehim komuni dwar it-termini ta’ koordinazzjoni.

    2.2.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    2.2.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni  (53)

    64.

    Ladarba jiġi stabbilit li jeżisti akkordju, prattika miftiehma jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, ikun meħtieġ li jiġi kkunsidrat it-tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni.

    Riżultat kollużiv

    65.

    Permezz taż-żieda b’mod artifiċjali tat-trasparenza fis-suq, l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika jista’ jiffaċilita l-koordinazzjoni (jiġifieri l-allinjament) tal-aġir kompetittiv tal-kumpaniji u jirriżulta f’effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ kanali differenti:

    66.

    Mod wieħed huwa li permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, il-kumpaniji jistgħu jilħqu ftehim komuni dwar it-termini tal-koordinazzjoni, li jista’ jwassal għal riżultat kollużiv fis-suq. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ joħloq aspettattivi reċiprokament konsistenti fir-rigward tal-inċertezzi preżenti fis-suq. Fuq dik il-bażi, il-kumpaniji jistgħu mbagħad jilħqu ftehim komuni dwar it-termini tal-koordinazzjoni tal-aġir kompetittiv tagħhom, anki mingħajr akkordju ta’ koordinazzjoni espliċitu. L iskambju ta’ informazzjoni dwar l-intenzjonijiet fir-rigward tal-kondotta fil-futur huwa l-aktar mezz probabbli biex jippermetti li l-kumpaniji jilħqu tali ftehim komuni.

    67.

    Kanal ieħor li permezz tiegħu l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni huwa permezz taż-żieda tal-istabbiltà interna ta’ riżultat kollużiv fuq is-suq. B’mod partikolari, dan jista’ jagħmel hekk billi jippermetti lill-kumpaniji involuti jissorveljaw id-devjazzjonijiet. Jiġifieri, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jirrendi s-suq trasparenti biżżejjed biex jippermetti lill-kumpaniji f’kollużjoni jissorveljaw sa livell suffiċjenti jekk kumpaniji oħra ikunux qed jiddevjaw mir-riżultat kollużiv, u b’hekk biex ikunu jafu meta għandhom jirritaljaw. Kemm l-iskambju ta’ dejta attwali kif ukoll ta’ dik tal-passat jista’ jikkostitwixxi tali mekkaniżmu ta’ monitoraġġ. Dan jista’ jew jippermetti lill-kumpaniji jilħqu riżultat kollużiv fis-swieq fejn qabel ma setgħux jagħmlu dan, jew jista’ jżid l-istabbiltà ta’ riżultat kollużiv diġà preżenti fis-suq (ara l-Eżempju 3, paragrafu 107).

    68.

    It-tielet kanal li permezz tiegħu l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni huwa permezz taż-żieda tal-istabbiltà esterna ta’ riżultat kollużiv fuq is-suq. L-iskambji ta’ informazzjoni li jistgħu jirrendu s-suq trasparenti biżżejjed jistgħu jippermettu lill-kumpaniji f’kollużjoni jissorveljaw fejn u meta kumpaniji oħra jkunu qed jippruvaw jidħlu fis-suq, u b’hekk jippermettu lill-kumpaniji f’kollużjoni jimmiraw il-kumpanija li tkun għadha kif daħlet fis-suq. Dan jista’ jgħodd ukoll għat-tħassib dwar l-esklużjoni antikompetittiva diskuss fil-paragrafi 69 sa 71. Kemm l-iskambji ta’ dejta attwali kif ukoll ta’ dik tal-passat jistgħu jikkostitwixxu tali mekkaniżmu ta’ monitoraġġ.

    Esklużjoni antikompetittiva

    69.

    Minbarra li jiffaċilita l-kollużjoni, skambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal ukoll għal esklużjoni antikompetittiva (54).

    70.

    Skambju esklużiv ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal esklużjoni antikompetittiva fl-istess suq fejn jitwettaq l-iskambju. Dan jista’ jseħħ meta l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva tpoġġi kompetituri mhux affiljati fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbla mal-kumpaniji affiljati fi ħdan is-sistema ta’ skambju. Din it-tip ta’ esklużjoni tkun possibbli biss jekk l-informazzjoni kkonċernata tkun strateġika ħafna għall-kompetizzjoni u tkopri parti sinifikanti tas-suq rilevanti.

    71.

    Ma jistax jiġi eskluż li l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal ukoll għal esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi f’suq relatat. Pereżempju, permezz tal-kisba ta’ biżżejjed setgħa fis-suq permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni, il-partijiet li jkunu qed jiskambjaw l-informazzjoni f’suq upsteam, pereżempju kumpaniji integrati vertikalment, jistgħu jkunu kapaċi jgħollu l-prezz ta’ komponent prinċipali għal suq downstream. Għaldaqstant, jistgħu jgħollu l-ispejjeż tar-rivali tagħhom downstream, li jista’ jwassal għal esklużjoni antikompetittiva fis-suq downstream.

    2.2.2.   Restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan

    72.

    Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni bil-għan li tiġi ristretta l-kompetizzjoni fis-suq se tiġi kkunsidrata li hija restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan. Meta tkun qed tevalwa jekk skambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-kuntest legali u ekonomiku li fih isir l-iskambju ta’ informazzjoni (55). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tqis jekk l-iskambju ta’ informazzjoni, min-natura tiegħu, jistax possibbilment iwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni (56).

    73.

    L-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-intenzjonijiet individwalizzati tal-kumpaniji dwar kondotta futura fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kwantitajiet (57) probabbli ħafna li jwassal għal riżultat kollużiv. Li jinformaw lil xulxin dwar tali intenzjonijiet jista’ jippermetti lill-kompetituri jaslu għal livell tal-prezz komuni ogħla mingħajr ma jinkorru r-riskju li jitilfu s-sehem fis-suq jew jibdew gwerra ta’ prezzijiet matul il-perjodu ta’ aġġustament għall-prezzijiet ġodda (ara Eżempju 1, paragrafu 105). Barra minn hekk, huwa anqas probabbli li jsiru skambji ta’ informazzjoni dwar intenzjonijiet futuri għal raġunijiet prokompetittivi milli skambji ta’ dejta attwali.

    74.

    L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri ta’ dejta individwalizzata dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet futuri ppjanati għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan (58)  (59). Barra minn hekk, skambji privati bejn kompetituri tal-intenzjonijiet individwalizzati tagħhom dwar prezzijiet jew kwantitajiet futuri se jiġu normalment ikkunsidrati u mmultati bħala kartelli għaliex ġeneralment għandhom l-għan li jiffissaw il-prezzijiet jew il-kwantitajiet. Skambji ta’ informazzjoni li jikkostitwixxu kartelli mhux biss jiksru l-Artikolu 101(1), iżda barra minn hekk huwa improbabbli ħafna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

    2.2.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    75.

    L-effetti probabbli tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-kompetizzjoni għandhom jiġu analizzati każ b’każ għaliex ir-riżultati tal-evalwazzjoni jiddependu fuq kombinazzjoni ta’ fatturi varji speċifiċi għall-każ. L-evalwazzjoni ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tipparaguna l-effetti probabbli tal-iskambju ta’ informazzjoni mas-sitwazzjoni kompetittiva li tkun teżisti fin-nuqqas ta’ dak l-iskambju speċifiku ta’ informazzjoni (60). Sabiex l-iskambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), għandu jkun probabbli li jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq wieħed (jew diversi) mill-parametri tal-kompetizzjoni bħall-prezz, l-output, il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni. Jekk l-iskambju tal-informazzjoni jkollux effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jew le jiddependi kemm fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi fis-swieq rilevanti kif ukoll fuq il-karatteristiċi tal-informazzjoni skambjata.

    76.

    Ċerti kundizzjonijiet tas-suq jistgħu jirrendu l-koordinazzjoni aktar faċli biex tinkiseb, tiġi sostnuta internament, jew tiġi sostnuta esternament (61). L-iskambji ta’ informazzjoni f’tali swieq jista’ jkollhom effetti aktar restrittivi meta mqabbla ma’ swieq b’kundizzjonijiet differenti. Madankollu, anki fejn il-kundizzjonijiet tas-suq ikunu tali li l-koordinazzjoni tista’ tkun diffiċli li tiġi sostnuta qabel liskambju, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jbiddel il-kundizzjonijiet tas-suq b’mod li jirrendi l-koordinazzjoni possibbli wara l-iskambju – pereżempju billi jżid it-trasparenza fis-suq, inaqqas il-kumplessità tas-suq, jipproteġi kontra l-instabbiltà jew jikkumpensa għan-nuqqas ta’ simetrija. Għal din ir-raġuni huwa importanti li jiġu evalwati l-effetti restrittivi tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest kemm tal-kundizzjonijiet tas-suq inizjali, kif ukoll ta’ kif l-iskambju tal-informazzjoni jbiddel dawk il-kundizzjonijiet. Dan għandu jinkludi evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema kkonċernata, inklużi l-iskop tagħha, il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-sistema u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fis-sistema, it-tip ta’ informazzjoni skambjata (pereżempju, jekk hijiex pubblika jew kunfidenzjali, aggregata jew dettaljata, u storika jew kurrenti), u l-importanza tal-informazzjoni għall-iffissar tal-prezzijiet, il-volumi jew il-kundizzjonijiet tas-servizz (62). Il-fatturi li ġejjin huma rilevanti għal din l-evalwazzjoni.

    (i)   Karatteristiċi tas-suq

    77.

    Huwa aktar probabbli għall-kumpaniji li jilħqu riżultat kollużiv fi swieq li huma trasparenti biżżejjed, konċentrati, mhux kumplessi, stabbli u simetriċi. F’dawk it-tipi ta’ swieq kumpaniji jistgħu jilħqu ftehim komuni dwar it-termini ta’ koordinazzjoni u jissorveljaw u jikkastigaw b’suċċess id-devjazzjonijiet. Madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jippermetti wkoll lill-kumpaniji jiksbu riżultat kollużiv f’sitwazzjonijiet tas-suq oħra fejn ma kinux ikunu kapaċi jagħmlu hekk fin-nuqqas tal-iskambju ta’ informazzjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni għalhekk jista’ jiffaċilita riżultat kollużiv billi jżid it-trasparenza fis-suq, inaqqas il-kumplessità tas-suq, jipproteġi kontra l-instabbiltà jew jikkumpensa għan-nuqqas ta’ simetrija. F’dan il-kuntest, ir-riżultat kompetittiv tal-iskambju ta’ informazzjoni jiddependi mhux biss fuq il-karatteristiċi inizjali tas-suq li jseħħ fih (bħall-konċentrazzjoni, it-trasparenza, l-istabbiltà, il-kumplessità, eċċ), iżda wkoll fuq kif it-tip ta’ skambju ta’ informazzjoni skambjata jista’ jbiddel dawk il-karatteristiċi (63).

    78.

    Ir-riżultati kollużivi huma aktar probabbli fi swieq trasparenti. It-trasparenza tista’ tiffaċilita l-kollużjoni billi tippermetti lill-kumpaniji jilħqu ftehim komuni dwar it-termini ta’ koordinazzjoni, u/jew billi żżid l-istabbiltà interna u esterna tal-kollużjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jżid it-trasparenza u għaldaqstant jillimita l-inċertezzi dwar il-varjabbli strateġiċi tal-kompetizzjoni (pereżempju il-prezzijiet, l-output, id-domanda, l-ispejjeż, eċċ.). Aktar ma jkun baxx il-livell ta’ trasparenza li kien jeżisti qabel fis-suq, aktar jista’ jkollu valur l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kisba ta’ riżultat kollużiv. Skambju ta’ informazzjoni li jikkontribwixxi ftit lit-trasparenza fis-suq huwa anqas probabbli li jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni minn skambju ta’ informazzjoni li jżid b’mod sinifikanti t-trasparenza. Għalhekk hija l-kombinazzjoni kemm tal-livell ta’ trasparenza li kien jeżisti qabel kif ukoll ta’ kif l-iskambju ta’ informazzjoni jbiddel dak il-livell li għandu jiddetermina kemm hu probabbli li l-iskambju tal-informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Il-livell ta’ trasparenza li kien jeżisti qabel, inter alia, jiddependi fuq in-numru ta’ parteċipanti fis-suq u n-natura tat-tranżazzjonijiet, li jistgħu jvarjaw minn tranżazzjonijiet pubbliċi għal negozjati bilaterali kunfidenzjali bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa. Meta tkun qed tiġi evalwata l-bidla fil-livell ta’ trasparenza fis-suq, l-element prinċipali huwa li jiġi identifikat il-punt sa fejn l-informazzjoni disponibbli tista’ tintuża mill-kumpaniji biex jiddeterminaw l-azzjonijiet tal-kompetituri tagħhom.

    79.

    Oligopolji stretti jistgħu jiffaċilitaw riżultat kollużiv fis-suq għaliex huwa aktar faċli għal numru iżgħar ta’ kumpaniji li jilħqu ftehim komuni dwar it-termini tal-koordinazzjoni u jissorveljaw id-devjazzjonijiet. Barra minn hekk, huwa aktar probabbli li riżultat kollużiv ikun sostenibbli b’numru iżgħar ta’ kumpaniji. B’aktar kumpaniji jikkoordinaw, il-vantaġġi mid-devjazzjoni huwa akbar għaliex jista’ jinkiseb sehem fis-suq akbar permezz tat-tnaqqis fil-prezzijiet. Fl-istess ħin, il-vantaġġi mir-riżultat kollużiv huwa iżgħar għaliex, meta jkun hemm iżjed kumpaniji, is-sehem tal-introjtu mir-riżultat kollużiv jonqos. Huwa aktar probabbli li l-iskambji ta’ informazzjoni f’oligopolji stretti jikkawżaw effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni milli f’oligopolji anqas stretti, u huwa improbabbli li jikkawżaw tali effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fi swieq frammentati ħafna. Madankollu, permezz taż-żieda fit-trasparenza, jew il-modifika tal-ambjent tas-suq b’mod ieħor lejn wieħed aktar soġġett għall-koordinazzjoni, l-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ fost aktar kumpaniji milli kien ikun possibbli altrimenti.

    80.

    Il-kumpaniji jistgħu jsibuha diffiċli li jiksbu riżultat kollużiv f’ambjent tas-suq kumpless. Madankollu, sa ċertu punt, l-użu tal-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jissimplifika tali ambjenti. F’ambjent tas-suq kumpless normalment ikun meħtieġ li jsir aktar skambju ta’ informazzjoni sabiex jintlaħaq ftehim komuni dwar it-termini ta’ koordinazzjoni u biex jiġu sorveljati d-devjazzjonijiet. Pereżempju, huwa aktar faċli li jinkiseb riżultat kollużiv fuq prezz għal prodott waħdieni omoġenju, milli fuq numru kbir ta’ prezzijiet f’suq b’ħafna prodotti differenzjati. Madankollu, huwa possibbli li, sabiex iduru mad-diffikultajiet involuti fil-kisba ta’ riżultat kollużiv fuq numru kbir ta’ prezzijiet, il-kumpaniji jiskambjaw informazzjoni sabiex jistabbilixxu regoli tal-ipprezzar sempliċi (pereżempju punti tal-ipprezzar).

    81.

    Ir-riżultati kollużivi huma aktar probabbli fejn il-kundizzjonijiet tad-domanda u l-provvista jkunu relattivament stabbli (64). F’ambjent instabbli jista’ jkun diffiċli għal kumpanija biex tkun taf jekk il-bejgħ mitluf tagħha huwiex dovut għal livell baxx totali tad-domanda jew għal kompetitur li jkun qed joffri prezzijiet partikolarment baxxi, u għalhekk ikun diffiċli li jiġi sostnut riżultat kollużiv. F’dan il-kuntest, domanda volatili, tkabbir intern sostanzjali minn ċerti kumpaniji fis-suq, jew dħul frekwenti ta’ kumpaniji ġodda, jista’ jindika li s-sitwazzjoni kurrenti mhijiex biżżejjed stabbli sabiex ikun hemm koordinazzjoni (65). L-iskambju ta’ informazzjoni f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jservi biex iżid l-istabbilità tas-suq, u għalhekk jista’ jippermetti riżultat kollużiv fis-suq. Barra minn hekk, fi swieq fejn l-innovazzjoni hija importanti, il-koordinazzjoni tista’ tkun aktar diffiċli għaliex in-novazzjonijiet partikolarment sinifikanti jistgħu jippermettu lil kumpanija waħda tikseb vantaġġ maġġuri fuq ir-rivali tagħha. Sabiex riżultat kollużiv ikun sostenibbli, ir-reazzjonijiet tal-barranin, bħal kompetituri kurrenti u futuri li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-koordinazzjoni, kif ukoll klijenti, ma għandhomx ikunu kapaċi jippreġudikaw ir-riżultati mistennija mir-riżultat kollużiv. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul tirrendi aktar probabbli li riżultat kollużiv fis-suq ikun fattibbli u sostenibbli.

    82.

    Riżultat kollużiv huwa aktar probabbli fi strutturi tas-suq simetriċi. Meta l-kumpaniji jkunu omoġenji f’termini tal-ispejjeż, id-domanda, l-ishma fis-suq, il-firxa ta’ prodotti, il-kapaċitajiet, eċċ, aktar ikun probabbli li jilħqu ftehim komuni dwar it-termini tal-koordinazzjoni għaliex l-inċentivi tagħhom huma aktar allinjati. Madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ f’xi sitwazzjonijiet jippermetti wkoll li jseħħ riżultat kollużiv fi strutturi tas-suq aktar eteroġenji. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jagħmel lill-kumpaniji konxji tad-differenzi bejniethom u jgħinhom jiddiżinjaw mezzi biex jakkomodaw l-eteroġenità tagħhom fil-kuntest tal-koordinazzjoni.

    83.

    L-istabbiltà ta’ riżultat kollużiv jiddependi wkoll fuq it-tnaqqis fil-profitti futuri tal-kumpaniji. Aktar ma l-kumpaniji japprezzaw il-profitti attwali li jistgħu jiksbu permezz tat-tnaqqis fil-prezzijiet meta mqabbla ma’ dawk kollha futuri li jistgħu jiksbu permezz ta’ riżultat kollużiv, inqas huwa probabbli li jilħqu riżultat kollużiv.

    84.

    Bl-istess mod, riżultat kollużiv huwa aktar probabbli fost kumpaniji li jkomplu joperaw fl-istess suq għal perjodu taż-żmien twil, għaliex f’tali xenarju jkunu aktar impenjati sabiex jikkoordinaw. Jekk kumpanija tkun taf li se tinteraġixxi mal-oħrajn għal perjodu taż-żmien twil, ikollha inċentiv akbar biex tikseb riżultat kollużiv għaliex il-fluss ta’ profitti futuri mir-riżultat kollużiv ikun jiswa aktar mill-profitt fuq perjodu taż-żmien qasir li setgħet ikollha kieku ddevjat, jiġifieri qabel ma l-kumpaniji l-oħra jiskopru d-devjazzjoni u jirritaljaw.

    85.

    B’mod ġenerali, sabiex riżultat kollużiv ikun sostenibbli, għandha tkun probabbli t-theddida ta’ ritaljazzjoni kredibbli u immedjata biżżejjed. Ir-riżultati kollużivi mhumiex sostenibbli fi swieq fejn il-konsegwenzi tad-devjazzjoni mhumiex severi biżżejjed sabiex jikkonvinċu lill-kumpaniji li jkunu qed jikkordinaw li huwa fl-aħjar interess tagħhom li jsegwu t-termini tar-riżultat kollużiv. Pereżempju, fi swieq karatterizzati minn ordnijiet infrekwenti kbar, jista’ jkun diffiċli biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ deterrent li huwa biżżejjed sever, minħabba li l-vantaġġ mid-devjazzjoni fil-ħin propizju jista’ jkun kbir, ċert u immedjat, filwaqt li t-telf mill-kastigi jista’ jkun żgħir u inċert, u jseħħ biss wara ċertu żmien. Il-kredibilità tal-mekkaniżmu ta’ deterrent tiddependi wkoll fuq jekk il-kumpaniji l-oħra li jkunu qed jikkoordinaw għandhomx inċentiv biex jirritaljaw, determinat mit-telf fuq perjodu taż-żmien qasir tagħhom mill-fatt li jibdew gwerra tal-prezzijiet meta mqabbla mal-vantaġġ potenzjali fuq terminu taż-żmien twil f’każ li jikkawżaw ritorn lejn riżultat kollużiv. Pereżempju, l-abilità ta’ kumpaniji li jirritaljaw tista’ tiġi rinfurzata jekk ikunu interrelatati wkoll permezz ta’ relazzjonijiet kummerċjali vertikali li jistgħu jużaw bħala theddida ta’ kastig għad-devjazzjonijiet.

    (ii)   Karatteristiċi tal-iskambju ta’ informazzjoni

    Informazzjoni strateġika

    86.

    L-iskambju bejn il-kompetituri ta’ dejta strateġika, jiġifieri d-dejta li tnaqqas l-inċertezza strateġika fis-suq, huwa aktar probabbli li jaqa’ taħt l-Artikolu 101 milli l-iskambji ta’ tipi oħra ta’ informazzjoni. Il-qsim ta’ dejta strateġika jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni għaliex inaqqas l-indipendenza tal-partijiet fit-teħid ta’ deċiżjonijiet billi jnaqqas l-inċentivi tagħhom biex jikkompetu. Informazzjoni strateġika tista’ tkun relatata mal-prezzijiet (pereżempju, prezzijiet attwali, skontijiet, żidiet, tnaqqis, jew ribassi) il-listi tal-klijenti, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-kwantitajiet, il-qligħ, il-bejgħ, il-kapaċitajiet, il-kwalitajiet, il-pjanijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, ir-riskji, l-investimenti, it-teknoloġiji u l-programmi ta’ R&Ż u r-riżultati tagħhom. Ġeneralment, l-informazzjoni relatata mal-prezzijiet u l-kwantitajiet hija l-aktar strateġika, segwita minn informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-domanda. Madankollu, jekk il-kumpaniji jikkompetu fir-rigward tar-R&Ż hija d-dejta tat-teknoloġija li tista’ tkun l-aktar strateġika għall-kompetizzjoni. L-utilità strateġika tad-dejta tiddependi wkoll fuq l-aggregazzjoni tagħha u fuq kemm ikollha żmien, kif ukoll fuq il-kuntest tas-suq u l-frekwenza tal-iskambju.

    Kopertura tas-suq

    87.

    Sabiex ikun probabbli li skambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, il-kumpaniji involuti fl-iskambju għandhom ikopru parti kbira biżżejjed tas-suq rilevanti. Inkella, il-kompetituri li ma jkunux qed jipparteċipaw fliskambju ta’ informazzjoni jistgħu jirrestrinġu kwalunkwe aġir antikompettiv tal-kumpaniji involuti. Pereżempju, billi jipprezzaw taħt il-livell tal-prezz koordinat il-kumpaniji li ma jkunux affiljati fis-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni jistgħu jheddu l-istabbiltà esterna ta’ riżultat kollużiv.

    88.

    Dak li jikkostitwixxi “parti kbira biżżejjed tas-suq” ma jistax jiġi definit b’mod astratt u jiddependi fuq il-fatti speċifiċi ta’ kull każ u t-tip ta’ skambju ta’ informazzjoni kkonċernat. Fejn, madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali u ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-implimentazzjoni tiegħu, kopertura tas-suq taħt il-livelli ta’ referenza tas-sehem fis-suq stabbiliti fil-kapitolu rilevanti ta’ dawn il-linji gwida, ir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija rilevanti (66) jew in-Notifika De Minimis marbuta mat-tip ta’ akkordju konċernat normalment ma tkunx kbira biżżejjed sabiex l-iskambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    Dejta aggregata/individwalizzata

    89.

    L-iskambji ta’ dejta ġenwinament aggregata, jiġifieri, fejn ir-rikonoxximent tal-informazzjoni individwalizzata fuq livell ta’ kumpanija ikun diffiċli biżżejjed, ikunu anqas probabbli li jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni milli l-iskambji ta’ dejta fuq livell ta’ kumpanija. Il-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ dejta aggregata dwar is-suq (bћad-dejta dwar il-bejgћ, dejta dwar il-kapaċitajiet jew dejta dwar l-ispejjeż tal-inputs u l-komponenti) minn organizazzjoni tal-kummerċ jew impriża tal-intelliġenza tas-suq jistgћu jibbenifikaw kemm lill-fornituri kif ukoll konsumaturi billi jippermetulhom jiksbu idea iktar ċara tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ settur. Tali ġbir u pubblikazzjoni ta’ dejta jistgћu jippremettu lill-partecipanti fis-suq jagћmlu gћazliet individwali informati aћjar sabiex jadattaw lis-strateġija tagћhom gћall-kundizzjonijiet tas-suq. B’mod aktar ġenerali, sakemm ma jseħħx f’oligopoli stretta, l-iskambju ta’ dejta aggregata mhuwiex probabbli li jagħti lok għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, l-iskambju ta’ dejta individwalizzata jiffaċilita ftehim komuni fis-suq u strateġiji ta’ kastig billi jippermetti lill-kumpaniji li jkunu qed jikoordinaw li jidentifikaw min ikun qed jiddevja jew min ikun qed jidħol fis-suq. Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li anki l-iskambju ta’ dejta aggregata jista’ jiffaċilita riżultat kollużiv fi swieq b'karatteristiċi speċifiċi. Jiġifieri, membri ta’ oligopolija stretta u stabbli ħafna li jiskambjaw dejta aggregata li josservaw prezz tas-suq aktar baxx minn ċertu livell jistgħu jassumu awtomatikament li xi ħadd ikun iddevja mir-riżultat kollużiv u jieħdu miżuri ta’ ritaljazzjoni mifruxa mas-suq. Fi kliem ieħor, sabiex tinżamm stabbli l-kollużjoni, il-kumpaniji mhux dejjem jeħtieġ li jkunu jafu minn iddevja, iżda jista’ jkun biżżejjed li jsiru jafu li “xi ħadd” ikun iddevja.

    Żmien tad-dejta

    90.

    Huwa improbabbli li skambju ta’ dejta storika jwassal għal riżultat kollużiv għaliex huwa improbabbli li din tkun indikattiva tal-kondotta futura tal-kompetituri jew li tipprovdi fehim komuni dwar is-suq (67). Barra minn hekk, l-iskambju ta’ dejta storika huwa improbabbli li jiffaċilita s-sorveljanza tad-devjazzjonijiet għaliex aktar ma jkollha żmien id-dejta, anqas tkun utli għall-iskoperta fiż-żmien opportun ta’ devjazzjonijiet u għaldaqstant bħala theddida kredibbli ta’ ritaljazzjoni immedjata (68). M’hemm l-ebda limitu determinat minn qabel meta d-dejta ssir storika, jiġifieri antika biżżejjed sabiex ma tippreżentax riskji għall-kompetizzjoni. Jekk id-dejta tkunx ġenwinament storika jiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi tas-suq rilevanti u b’mod partikolari l-frekwenza tan-negozjati mill-ġdid tal-prezzijiet fl-industrija. Pereżempju, id-dejta tista’ tiġi kkunsidrata storika jekk tkun ħafna eqdem mit-tul medju tal-kuntratti fl-industrija jekk dawn tal-aħħar ikunu indikattivi ta’ negozjati mill-ġdid tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-limitu meta d-dejta ssir storika jiddependi wkoll fuq in-natura tad-dejta, l-aggregazzjoni, il-frekwenza tal-iskambju, u l-karatteristiċi tas-suq rilevanti (pereżempju l-istabilità u t-trasparenza tiegħu).

    Frekwenza tal-iskambju ta’ informazzjoni

    91.

    L-iskambji frekwenti ta’ informazzjoni li jiffaċilitaw kemm ftehim komuni aħjar fuq is-suq u l-monitoraġġ tad-devjazzjonijiet iżidu r-riskji ta’ riżultat kollużiv. Fi swieq aktar instabbli, skambji aktar frekwenti ta’ informazzjoni jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi faċilitat riżultat kollużiv milli fi swieq stabbli. Fi swieq b’kuntratti fuq perjodu taż-żmien twil (li jkunu indikattivi ta’ negozjati mill-ġdid infrekwenti fuq il-prezzijiet) skambju ta’ informazzjoni anqas frekwenti normalment ikun biżżejjed biex jinkiseb riżultat kollużiv. Għall-kuntrarju, skambji infrekwenti x’aktarx ma jkunux biżżejjed biex jinkiseb riżultat kollużiv fi swieq b’kuntratti fuq perjodu taż-żmien qasir indikattiv ta’ negozjati mill-ġdid frekwenti fuq il-prezzijiet (69). Madankillu, il-frekwenza li biha jeħtieġ li tiġi skambjata d-dejta biex jiġi ffaċilitat riżultat kollużiv tiddependi wkoll fuq in-natura tad-dejta, fuq kemm ikollha żmien u fuq l-aggregazzjoni tagħha (70).

    Informazzjoni pubblika/mhux pubblika

    92.

    B’mod ġenerali, huma improbabbli li l-iskambji ta’ informazzjoni ġenwinament pubblika jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 (71). Informazzjoni ġenwinament pubblika hija informazzjoni li ġeneralment tkun aċċessibbli b’mod ugwali (f’termini ta’ spejjeż għal aċċess) għall-kompetituri u għall-konsumaturi kollha. Sabiex l-informazzjoni tkun ġenwinament pubblika, il-kisba tagħha m’għandhiex tiswa aktar għall-konsumaturi u għall-kumpaniji li ma jkunux affiljati mas-sistema ta’ skambju milli għall-kumpaniji li jkunu qed jagħmlu l-iskambju ta’ informazzjoni. Għal din ir-raġuni, kompetituri normalment ma jagħżlux li jiskambjaw dejta li jistgħu jiġbru mis-suq b’mod ugwalment faċli, u għaldaqstant fil-prattika huma improbabbli li jkun hemm skambji ta’ dejta ġenwinament pubblika. Għall-kuntrarju, anki jekk id-dejta skambjata bejn il-kompetituri tkun f’dak li ħafna drabi jissejjaħ “id-dominju pubbliku”, ma tkunx ġenwinament pubblika jekk l-ispejjeż involuti fil-ġbir tad-dejta jiskoraġġixxu lilkumpaniji u konsumaturi oħra milli jagħmlu dan (72). Il-possibbiltà li tinġabar l-informazzjoni fis-suq, pereżempju, li tinġabar mill-konsumaturi, ma tfissirx neċessarjament li din l-informazzjoni tikkostitwixxi dejta tas-suq faċilment aċċessibbli għall-kompetituri (73).

    93.

    Anki jekk id-dejta tkun disponibbli pubblikament (pereżempju, informazzjoni pubblikata minn regolaturi), l-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni addizzjonali mill-kompetituri tista’ tagħti lok għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk tnaqqas aktar l-inċertezza strateġika fis-suq. F’dak il-każ, hija l-informazzjoni inkrementali li tkun kritika biex tbiddel il-bilanċ tas-suq lejn riżultat kollużiv.

    Skambju pubbliku/mhux pubbliku ta’ informazzjoni

    94.

    Skambju ta’ informazzjoni huwa ġenwinament pubbliku jekk jagħmel id-dejta skambjata aċċessibbli b’mod ugwali (f’termini ta’ spejjeż għal aċċess) għall-kompetituri u l-konsumaturi kollha (74). Il-fatt li l-informazzjoni tiġi skambjata fil-pubbliku jista’ jnaqqas il-probabbiltà ta’ riżultat kollużiv fis-suq sal-punt li l-kumpaniji li ma jkunux qed jikkoordinaw, il-kompetituri potenzjali, kif ukoll il-konsumaturi jkunu jistgħu jirrestrinġu l-effetti restrittivi potenzali fuq il-kompetizzjoni (75). Madankollu, ma tistax tiġi eskluża għal kollox il-possibbiltà li anki skambji ġenwinament pubbliċi ta’ informazzjoni jistgħu jiffaċilitaw riżultat kollużiv fis-suq.

    2.3.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    2.3.1.   Kisbiet fl-effiċjenza  (76)

    95.

    L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza. Informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-kompetituri tista’ tippermetti lill-kumpaniji jsiru aktar effiċjenti jekk joħolqu livelli ta’ referenza tal-prestazzjoni tagħhom kontra l-aħjar prassi fl-industrija u jiddisinjaw skemi ta’ inċentiva interni skont dawn.

    96.

    Barra minn hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jgħin lill-kumpaniji jallokaw il-produzzjoni lejn swieq b’domanda għolja (pereżempju informazzjoni dwar id-domanda) jew kumpaniji bi spejjeż aktar baxxi (pereżempju informazzjoni dwar l-ispejjeż). Il-probabbiltà ta’ dawn it-tipi ta’ effiċjenzi tiddependi fuq il-karatteristiċi tas-suq bħal jekk il-kumpaniji jikkompetux fuq il-prezzijiet jew fuq il-kwanititajiet u n-natura tal-inċertezzi fis-suq. Ċerti forom ta’ skambji ta’ informazzjoni f’dan il-kuntest jistgħu jippermettu l-iffrankar tal-ispejjeż sostanzjali fejn pereżempju jnaqqsu l-inventarji mhux meħtieġa jew jippermettu kunsinna aktar malajr ta’ prodotti li jmorru malajr lil żoni b’domanda għolja u t-tnaqqis tagħha f’żoni b’domanda baxxa (ara l-Eżempju 6, paragrafu 110).

    97.

    L-iskambju ta’ dejta tal-konsumatur bejn kumpaniji fi swieq b’informazzjoni asimetrika dwar il-konsumaturi jista’ wkoll iwassal għal ineffiċjenzi. Pereżempju, l-insegwiment tal-aġir tal-passat tal-klijenti f’termini ta’ inċidenti jew inadempjenza jipprovdi inċentiva lill-konsumaturi biex jillimitaw l-esponiment għar-riskju tagħhom. Dan jippermetti wkoll id-detezzjoni ta’ liema konsumaturi jirrappreżentaw riskju aktar baxx u għandhom igawdu minn prezzijiet aktar baxxi. F’dan il-kuntest, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jnaqqas wkoll id-dipendenza tal-konsumatur fuq il-bejjiegħ, u għalhekk iwassal għal kompetizzjoni aktar b’saħħitha. Dan huwa għaliex l-informazzjoni ġeneralment tkun speċifika għal relazzjoni u l-konsumaturi altrimenti jitilfu l-benefiċċju minn dik l-informazzjoni meta jitrasferixxu għal kumpanija oħra. Eżempji ta’ dawn l-effiċjenzi jinstabu fis-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni, li huma karatterizzati minn skambji frekwenti ta’ informazzjoni dwar inadempjenza tal-konsumaturi u karatteristiċi tar-riskju.

    98.

    L-iskambju ta’ dejta relatata mal-ishma fis-suq tal-passat u attwali jista’ f’xi sitwazzjonijiet jipprovdi benefiċċji kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi billi jippermetti lill-kumpaniji jħabbruhom bħala sinjal ta’ kwalità tal-prodotti tagħhom lill-konsumaturi. F’sitwazzjonijiet ta’ informazzjoni imperfetta dwar il-kwalità tal-prodotti, il-konsumaturi ħafna drabi jużaw mezzi indiretti biex jiksbu informazzjoni dwar il-kwalitajiet relattivi tal-prodotti bħall-prezz u s-sehem fis-suq (pereżempju, il-konsumaturi jużaw listi tal-kotba bl-ogħla bejgħ sabiex jagħżlu ktieb).

    99.

    L-iskambju ta’ informazzjoni li huwa ġenwinament pubbliku jista’ jibbenefika wkoll lill-konsumaturi billi jgħinhom jagħmlu għażla aktar informata (u jnaqqsilhom l-ispejjeż tat-tiftix). Konsumaturi huma l-aktar probabbli li jibbenefikaw b’dan il-mod minn skambji pubbliċi ta’ dejta kurrenti, li huma l-aktar rilevanti għad-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom. Bl-istess mod, l-iskambju ta’ informazzjoni pubblika dwar il-prezzijiet tad-dħul jista’ jbaxxi l-ispejjeż tat-tiftix għall-kumpaniji, li normalment jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi permezz ta’ prezzijiet finali aktar baxxi. Huwa inqas probabbli li dawk it-tipi ta’ benefiċċji diretti għall-konsumaturi jiġu ġġenerati minn skambji ta’ intenzjonijiet futuri tal-ipprezzar għaliex huwa probabbli li kumpaniji, li jħabbru l-intenzjonijiet tal-ipprezzar tagħhom, jirreveduhom qabel ma l-konsumaturi fil-fatt jixtru abbażi ta’ dik l-informazzjoni. Il-konsumaturi ġeneralment ma jistgħux jiddependu fuq l-intenzjonijiet futuri tal-kumpaniji meta jagħmlu l-pjanijiet ta’ konsum tagħhom. Madankollu, sa ċertu punt, kumpaniji jistgħu jiġu ddixxiplinati sabiex ma jbiddlux il-prezzijiet futuri mħabbra qabel l-implimentazzjoni meta pereżempju jkollhom interazzjonijiet ripetuti mal-konsumaturi u l-konsumaturi jiddependu fuq il-fatt li jkunu jafu l-prezzijiet bil-quddiem jew, pereżempju, meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-ordnijiet bil-quddiem. F’dawk is-sitwazzjonijiet, l-iskambju tal-informazzjoni relatat mal-futur jista’ jtejjeb l-ippjanar tal-infiq tal-konsumaturi.

    100.

    Huwa aktar probabbli li jiġġenera kisbiet fl-effiċjenza l-iskambju ta’ dejta attwali u tal-passat milli l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-intenzjonijiet futuri. Madankollu, f’ċirkostanzi speċifiċi t-tħabbir tal-intenzjonijiet futuri jista’ jwassal ukoll għal kisbiet fl-effiċjenza. Pereżempju, jekk il-kumpaniji jkunu jafu minn qabel min se javvanza l-iżjed fir-R&Ż, ikunu jistgħu jevitaw id-duplikazzjoni ta’ sforzi għaljin u l-ħela tar-riżorsi li ma jistax jiġi rkuprat (77).

    2.3.2.   Indispensabbiltà

    101.

    Restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ għall-kisbiet fl-effiċjenzi ġġenerati minn skambju ta’ informazzjoni ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà, il-partijiet għandhom jippruvaw li s-suġġett ta’ dejta, l-aggregazzjoni tagħha, kemm ikollha żmien, il-kunfidenzjalità tagħha u l-frekwenza u l-kopertura tal-iskambju jkunu tat-tip li jġorr l-aktar riskji baxxi indispensabbli għall-ħolqien tal-kisbet fl-effiċjenza mitluba. Barra minn hekk, l-iskambju m’għandux jinvolvi informazzjoni li tmur lil hinn mill-varjabbli li huma rilevanti għall-kisbiet fl-effiċjenza. Pereżempju, għall-iskop ta’ ffissar ta’ livelli ta’ referenza, skambju ta’ dejta individwalizzata ġeneralment ma jkunx indispensabbli għaliex l-informazzjoni aggregata, pereżempju, f’xi forma ta’ klassifikazzjoni tal-industrija, tista’ wkoll tiġġenera l-kisbiet fl-effiċjenza mitluba waqt li ġġorr riskju aktar baxx li twassal għal riżultat kollużiv (ara l-Eżempju 4, paragrafu 108). Fl-aħħar nett, huwa ġeneralment improbabbli li l-qsim ta’ dejta individwalizzata dwar intenzjonijiet futuri jkun indispensabbli, b’mod partikolari jekk ikun relatat mal-prezzijiet u l-kwantitajiet.

    102.

    Bl-istess mod, l-iskambji ta’ informazzjoni li jifformaw parti minn akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali wkoll probabbilment jissodisfaw aktar il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jekk ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-iskop ekonomiku tal-akkordju (pereżempju, it-taqsim ta’ teknoloġija meħtieġ għal akkordju ta’ R&Ż jew ta’ dejta dwar l-ispejjeż fil-kuntest ta’ akkordju ta’ produzzjoni).

    2.3.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

    103.

    Il-kisbiet fl-effiċjenza miksuba permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli għandhom jiġu trasferiti lill-konsumatur sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati minn skambju ta’ informazzjoni. Aktar ma tkun baxxa s-setgħa fis-suq tal-partijiet involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni, aktar ikun probabbli li l-kisbiet fl-effiċjenza jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    2.3.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    104.

    Il-kriterji tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu sodisfatti jekk il-kumpaniji involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti konċernati.

    2.4.   Eżempji

    105.

    L-iskambju ta’ prezzijiet futuri pjanati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan

    Eżempju 1

    Sitwazzjoni: Assoċjazzjoni tal-kummerċ ta’ kumpaniji tal-kowċijiet fil-pajjiż X ixxerred informazzjoni individwalizzata dwar il-prezzijiet futuri pjanati lill-kumpaniji tal-kowċijiet li jkunu membri biss. L-informazzjoni fiha diversi elementi, bħat-tariffa pjanata u r-rotta li tapplika għaliha t-tariffa, ir-restrizzjonijiet possibbli fuq din it-tariffa, bħal liema konsumaturi jistgħu jixtruha, jekk huwiex meħtieġ ħlas bil-quddiem jew dewmien minimu, il-perjodu li matulu l-biljetti jistgħu jinbiegħu għat-tariffa mogħtija (l-ewwel u l-aħħar data tal-biljett), u ż-żmien li matulu l-biljett bit-tariffa mogħtija jista’ jintuża għall-ivvjaġġar (l-ewwel u l-aħħar dati tal-ivvjaġġar).

    Analiżi: Dan l-iskambju ta’ informazzjoni, li jibda permezz ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, jikkonċerna l-intenzjonijiet tal-ipprezzar tal-kompetituri. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwa għodda effiċjenti ħafna biex jinkiseb riżultat kollużiv u għalhekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-għan. Dan huwa għaliex il-kumpaniji huma ħielsa li jbiddlu l-prezzijiet ippjanati tagħhom kif imħabbra fi ħdan l-assoċjazzjoni fi kwalunkwe żmien jekk isiru jafu li l-kompetituri tagħhom għandhom l-intenzjoni li jżommu prezzijiet ogħla. Dan jippermetti lill-kumpaniji jilħqu livell ta’ prezzijiet ogħla komuni mingħajr ma jħallsu għall-ispiża tat-telf tas-sehem fis-suq. Pereżempju, il-Kumpanija tal-kowċijiet A tista’ tħabbar illum żieda fil-prezz għall-ivvjaġġar fuq ir-rotta minn belt 1 sa belt 2 għax-xahar li jmiss. Minħabba li din l-informazzjoni hija aċċessibbli għall-kumpaniji tal-kowċijiet l-oħra kollha, il-Kumpanija A tista’ mbagħad tistenna biex tara r-reazzjoni tal-kompetituri tagħha għal din it-tħabbira tal-prezz. Jekk kompetitur fuq l-istess rotta, pereżempju l-Kumpanija B, tkun qabblet iż-żieda fil-prezz, it-tħabbira tal-Kumpanija A tibqa' l-istess u aktar il-quddiem probabbilment issir effettiva. Madankollu, jekk il-Kumpanija B ma tqabbilx iż-żieda fil-prezz, allura l-Kumpanija A tista’ xorta tirrevedi t-tariffa tagħha. L-aġġustament jista’ jkompli sakemm il-kumpaniji jikkonverġu għal livell ta’ prezz antikompetittiv miżjud. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni probabbilment ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). L-iskambju ta’ informazzjoni huwa riżervat biss għall-kompetituri, jiġifieri, il-klijenti tal-kumpaniji tal-kowċijiet ma jgawdux direttament minnu.

    106.

    Skambju ta’ prezzijiet attwali b’kisbiet fl-effiċjenza suffiċjenti għall-konsumaturi

    Eżempju 2

    Sitwazzjoni: Uffiċċju tat-turiżmu nazzjonali flimkien mal-kumpaniji tal-kowċijiet fil-pajjiż żgħir X jiftehmu li jxerrdu informazzjoni dwar il-prezzijiet attwali tal-biljetti tal-kowċijiet permezz ta’ websajt aċċessibbli liberament għall-pubbliku (b’kuntrast mal-Eżempju 1, paragrafu 105. Il-konsumaturi diġà jistgħu jixtru l-biljetti għall-prezzijiet u bil-kundizzjonijiet li jiġu skambjati, allura dawn mhumiex prezzijiet futuri pjanati iżda prezzijiet attwali ta’ servizzi kurrenti u futuri). L-informazzjoni fiha diversi elementi, bħat-tariffa u r-rotta li tapplika għaliha t-tariffa, ir-restrizzjonijiet possibbli għal din it-tariffa, bħal liema konsumaturi jistgħu jixtruha, jekk huwiex meħtieġ ħlas bil-quddiem jew dewmien minimu, u ż-żmien li matulu l-biljett bit-tariffa mogħtija jista’ jintuża għall-ivvjaġġar (l-ewwel u l-aħħar dati tal-ivvjaġġar). L-ivvjaġġar bil-kowċ fil-pajjiż X mhuwiex fl-istess suq rilevanti bħall-ivvjaġġar bil-ferrovija u bl-ajru. Huwa preżunt li s-suq rilevanti huwa konċentrat, stabbli u relattivament mhux kumpless, u l-ipprezzar isir trasparenti bl-iskambju ta’ informazzjoni.

    Analiżi: Dan l-iskambju ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan. Il-kumpaniji qed jiskambjaw il-prezzijiet attwali mhux il-prezzijiet futuri pjanati tagħhom għaliex effettivament diġà qed ibiegħu biljetti għal dawn il-prezzijiet (b’kuntrast mal-Eżempju 1, paragrafu 105). Għalhekk, huwa inqas probabbli li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxi mekkaniżmu effiċjenti biex jintlaħaq punt fokali għall-koordinazzjoni. Madankollu, minħabba l-istruttura tas-suq u n-natura strateġika tad-dejta, huwa probabbli li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxi mekkaniżmu effiċjenti għallmonitoraġġ ta’ devjazzjonijiet minn riżultat kollużiv, li huwa probabbli li jseħħ f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni tas-suq. Għalhekk, dan l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, safejn ċerti effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jistgħu jirriżultaw mill-possibbiltà ta’ monitoraġġ tad-devjazzjonijiet, huwa probabbli li l-kisbiet fl-effiċjenza li jirriżultaw mill-iskambju ta’ informazzjoni jistgħu jiġu trasferiti lill-konsumaturi sal-punt li jissuperaw l-effetti restrittivi potenzjali fuq il-kompetizzjoni kemm fil-probabbiltà kif ukoll fil-kobor tagħhom. B’kuntrast mal-Eżempju 1, paragrafu 105, l-iskambju ta’ informazzjoni huwa pubbliku u l-konsumaturi jistgħu jixtru l-biljetti għall-prezzijiet u bil-kundizzjonijiet li qed jiġu skambjati. Għalhekk dan l-iskambju tal-informazzjoni probabbli se jkun ta’ benefiċċju dirett għall-konsumaturi billi jitnaqqas l-ispejjeż tat-tiftix tagħhom u jttejjeb l-għażla, u b’hekk jistimula wkoll il-kompetizzjoni fil-prezzijiet. Għaldaqstant, huwa probabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti.

    107.

    Prezzijiet attwali mnaqqsa mill-informazzjoni skambjata

    Eżempju 3

    Sitwazzjoni: Il-lukandi lussużi fil-kapital tal-pajjiż A, joperaw f’oligopolija stretta, mhux kumplessa u stabbli, bi strutturi tal-ispejjeż fil-biċċa l-kbira omoġenji, li jikkostitwixxu suq rilevanti separat minn dak ta’ lukandi oħrajn. Dawn jiskambjaw direttament informazzjoni individwali dwar ir-rati tal-okkupanza u d-dħul attwali. F’dan il-każ, mill-informazzjoni skambjata l-partijiet jistgħu jnaqqsu direttament il-rezzijiet kurrenti attwali tagħhom.

    Analiżi: Sakemm mhuwiex mezz moħbi ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq intenzjonijiet futuri, dan l-iskambju ta’ informazzjoni ma jkunx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan għaliex il-lukandi jiskambjaw dejta attwali u mhux informazzjoni dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet futuri pjanati. Madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) għaliex l-għarfien tal-prezzijiet attwali tal-kompetituri jista’ jiffaċilita l-koordinazzjoni (jiġifieri, allinjament) tal-aġir kompetittiv tal-kumpaniji. Dan probabbli jintuża għall-monitoraġġ ta’ devjazzjonijiet mir-riżultat kollużiv. L-iskambju ta’ informazzjoni jżid it-trasparenza fis-suq għaliex allavolja l-lukandi normalment jippubblikaw il-lista ta’ prezzijiet tagħhom, dawn joffru wkoll diversi skontijiet fuq il-lista tal-prezzijiet li jirriżultaw min-negozjati jew għal prenotazzjonijiet bikrin jew ta’ grupp, eċċ. Għalhekk, l-informazzjoni inkrementali li tiġi skambjata bejn il-lukandi, mhux pubblikament, hija kummerċjalment sensittiva, jiġifieri, utli strateġikament. Dan l-iskambju probabbilment jiffaċilita riżultat kollużiv fis-suq għaliex il-partijiet involuti jikkostitwixxu oligopolija stretta, mhux kumplessa u stabbli involuta f’relazzjoni kompetittiva fit-tul (interazzjonijiet ripetuti). Barra minn hekk, l-istrutturi tal-ispejjeż tal-lukandi huma fil-biċċa l-kbira omoġenji. Fl-aħħar, la l-konsumaturi u lanqas id-dħul fis-suq ma jistgħu jirrestrinġu l-aġir antikompetittiv tal-inkumbenti għaliex il-konsumaturi għandhom setgħa ta’ xerrej baxxa u l-ostakli għad-dħul huma għoljin. Huwa improbabbli li f’dan il-każ il-partijiet ikunu jistgħu juru li kwalunkwe kisbiet fl-effiċjenzi li jirriżultaw mill-iskambju ta’ informazzjoni jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk huwa improbabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti.

    108.

    Benefiċċji tal-iffissar ta’ livelli ta’ referenza – kriterji tal-Artikolu 101(3) mhux sodisfatti

    Eżempju 4

    Sitwazzjoni: Tliet kumpaniji kbar b’sehem fis-suq kombinat ta’ 80 % f’suq stabbli, mhux kumpless u konċentrat b’ostakli għolja għad-dħul jiskambjaw informazzjoni direttament bejniethom, frekwentement u mhux pubblikament, dwar frazzjoni sostanzjali tal-ispejjeż individwali tagħhom. Il-kumpaniji jsostnu li jagħmlu dan biex jiffissaw livelli ta’ referenza għall-prestazzjoni tagħhom kontra l-kompetituri tagħhom u b’hekk beħsiebhom isiru aktar effiċjenti.

    Analiżi: Dan l-iskambju ta’ informazzjoni fil-prinċipju ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan. Konsegwentement, l-effetti tiegħu fuq is-suq iridu jiġu evalwati. Minħabba l-istruttura tas-suq, il-fatt li l-informazzjoni skambjata tirrigwarda proporzjon kbir tal-ispejjeż varjabbli tal-kumpaniji, il-forma individwalizzata tal-preżentazzjoni tad-dejta, u l-kopertura kbira tiegħu tas-suq rilevanti, l-iskambju ta’ informazzjoni probabbilment jiffaċilita riżultat kollużiv u għalhekk iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Huwa improbabbli li l-kriterji tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti għaliex hemm mezzi anqas restrittivi għall-kisba tal-kisbiet fl-effiċjenza msemmija, pereżempju, permezz tal-ġbir, l-anonimità u l-aggregazzjoni tad-dejta minn parti terza f’xi forma ta’ klassifikazzjoni tal-industrija. Fl-aħħar, f’dan il-każ, minħabba li l-partijiet jifformaw oligopolija stretta ħafna, mhux kumplessa u stabbli, anki l-iskambju ta’ dejta aggregata jista’ jiffaċilita riżultat kollużiv fis-suq. Madankollu, dan ikun improbabbli ħafna jekk dan l-iskambju ta’ informazzjoni jkun sar f’suq mhux trasparenti, frammentat, instabbli u kumpless.

    109.

    Informazzjoni ġenwinament pubblika

    Eżempju 5

    Sitwazzjoni: L-erba’ kumpaniji li huma l-proprjetarji tal-pompi tal-petrol kollha fil-pajjiż kbir A jiskambjaw il-prezzijiet attwali tal-petrol fuq it-telefown. Dawn isostnu li dan l-iskambju ta’ informazzjoni ma jistax ikollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni peress li l-informazzjoni hija pubblika għaliex tintwera fuq pannelli kbar tal-wiri f’kull pompa tal-petrol.

    Analiżi: Id-dejta tal-prezzijiet li tiġi skambjata fuq it-telefown mhijiex ġenwinament pubblika, għax biex tinkiseb l-istess informazzjoni b'mod differenti jkun meħtieġ li wieħed iġarrab kosti sostanzjali ta’ ħin u trasport. Wieħed ikollu jivvjaġġa distanzi twal spiss sabiex jiġbor il-prezzijiet murija fuq il-pannelli tal-pompi tal-petrol mifruxin madwar il-pajjiż kollu. L-ispejjeż għal dan huma potenzjalment għoljin, u għalhekk fil-prattika l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinkiseb ħlief permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, l-iskambju huwa sistematiku u jkopri s-suq rilevanti sħiħ, li huwa oligopolija stretta, mhux kumplessa u stabbli. Għalhekk huwa probabbli li tinħoloq klima ta’ ċertezza reċiproka fir-rigward tal-politika tal-ipprezzar tal-kompetituri u għalhekk huwa probabbli li dan jiffaċilita riżultat kollużiv. Konsegwentement, huwa probabbli li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jagħti lok għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    110.

    Titjib fil-provvista għad-domanda bħala kisba fl-effiċjenza

    Eżempju 6

    Sitwazzjoni: Hemm ħames produtturi tal-meraq taz-zunnarija frisk fil-flixkun fis-suq rilevanti. Id-domanda għal dan il-prodott hija instabbli ħafna u tvarja minn post għall-ieħor fi żminijiet differenti. Il-meraq irid jinbiegħ u jiġi konsmat fi żmien ġurnata mid-data tal-produzzjoni. Il-produtturi jiftehmu li jistabbilixxu kumpanija tar-riċerka tas-suq indipendenti li ta’ kuljum tiġbor informazzjoni attwali dwar il-meraq mhux mibjugħ f’kull punt tal-bejgħ, li tippubblikaha fuq il-websajt tagħha l-ġimgħa ta’ wara f’forma li hija aggregata għal kull punt tal-bejgħ. L-istatistika ppubblikata tippermetti lill-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut ibassru d-domanda u jagħtu pożizzjoni aħjar lill-prodott. Qabel ma ġie stabbilit l-iskambju ta’ informazzjoni, il-bejjiegħa bl-imnut kienu rrapportaw kwantitajiet kbar ta’ meraq moħli u għalhekk kienu naqqsu l-kwantità ta’ meraq mixtri mingħand il-produtturi, jiġifieri s-suq ma kienx qed jiffunzjona b'mod effiċjenti. Konsegwentement, f’ċerti perjodi u żoni kien hemm mumenti frekwenti fejn ma kienx hemm provvista għad-domanda. Is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, li tippermetti tbassir aħjar tal-provvista żejda u tal-provvista nieqsa, naqqset b’mod sinifikanti l-mumenti fejn ma kienx hemm provvista għad-domanda tal-konsumatur u żiedet il-kwantità mibjugħa fis-suq.

    Analiżi: Għalkemm is-suq huwa kkonċentrat ħafna u l-iskambju tad-dejta huwa reċenti u strateġiku, mhuwiex probabbli ħafna li dan l-iskambju jiffaċilita riżultat kollużiv għaliex huwa improbabbli li riżultat kollużiv iseħħ f’tali suq instabbli. Anki jekk l-iskambju joħloq xi riskju li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, il-kisbiet fl-effiċjenza li jirriżultaw miż-żieda fil-provvista lil postijiet b’domanda għolja u tnaqqis fil-provvista fil-postijiet b’domanda baxxa x'aktarx jibbilanċjaw effetti restrittivi potenzjali. L-informazzjoni tiġi skambjata f’forma pubblika u aggregata li ġġorr riskji antikompetittivi aktar baxxi milli kieku kienet individwalizzata u mhux pubblika. L-iskambju ta’ informazzjoni għalhekk ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi kkoreġut il-falliment tas-suq. Għalhekk, huwa probabbli li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3).

    3.   AKKORDJI TA’ RIĊERKA U ŻVILUPP

    3.1.   Definizzjoni

    111.

    L-akkordji ta’ R&Ż ivarjaw fil-forma u l-ambitu. Dawn ivarjaw mill-appaltar ta’ ċerti attivitajiet ta’ R&Ż sat-titjib konġunt ta’ teknoloġiji eżistenti u l-kooperazzjoni fir-rigwad tar-riċerka, l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti kompletament ġodda. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ akkordju ta’ kooperazzjoni jew ta’ kumpanija kkontrollata b’mod konġunt. Dan il-kapitolu japplika għall-forom kollha ta’ akkordji ta’ R&Ż, inklużi akkordji relatati li jikkonċernaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-R&Ż.

    3.2.   Is-swieq rilevanti

    112.

    Id-definizzjoni tas-suq rilevanti fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ akkordju ta’ R&Ż hija bbażata fuq l-identifikazzjoni ta’ dawk il-prodotti, teknoloġiji jew sforzi ta’ R&Ż li se jaġixxu bħala r-restrizzjonijiet kompetittivi ewlenin fuq il-partijiet. Minn naħa waħda tal-ispettru tas-sitwazzjonijiet possibbli, l-innovazzjoni tista’ tirriżulta fi prodott (jew teknoloġija) li jikkompeti f’suq ta’ prodotti (jew teknoloġiji) eżistenti. Dan huwa, pereżempju, il-każ ta’ R&Ż immirati lejn titjib jew varjazzjonijiet żgħar, bħal mudelli ġodda ta’ ċerti prodotti. Hawnhekk l-effetti possibbli jikkonċernaw is-suq għal prodotti eżistenti. Min-naħa l-oħra tal-ispettru, l-innovazzjoni tista’ tirriżulta fi prodott kompletament ġdid li joħloq is-suq tal-prodott ġdid tiegħu stess (pereżempju vaċċin ġdid għal marda preċedentement inkurabbli). Madankollu, ħafna każijiet huma dwar sittwazzjonijiet li jaqgħu bejn dawk iż-żewġ estremitajiet, jiġifieri, sitwazzjonijiet fejn l-isforzi ta’ innovazzjoni jistgħu joħolqu prodotti (jew teknoloġija) li, maż-żmien, tissostitwixxi dawk eżistenti (pereżempju is-CDs li ssostitwew r-rekords). Analiżi bir-reqqa ta’ dawk is-sitwazzjonijiet jista’ jkollha tkopri kemm swieq eżistenti kif ukoll l-impatt tal-akkordju fuq l-innovazzjoni.

    Swieq tal-prodotti eżistenti

    113.

    Meta l-kooperazzjoni tikkonċerna r-R&Ż għat-titjib tal-prodotti eżistenti, dawk il-prodotti eżistenti u s-sostituti fil-qrib tagħhom jifformaw is-suq rilevanti kkonċernat mill-kooperazzjoni (78).

    114.

    Jekk l-isforzi tar-R&Ż jimmiraw lejn bidla sinifikanti ta’ prodotti eżistenti jew anki lejn prodott ġdid li jissostitwixxi dawk eżistenti, is-sostituzzjoni mal-prodotti eżistenti tista’ tkun imperfetta jew għat-tul. Jista’ jiġi konkluż li l-prodotti qodma u dawk ġodda li potenzjalment se joħorġu ma jaqgħux fl-istess suq rilevanti (79). Is-suq għal prodotti eżistenti madankollu jista’ xorta jkun ikkonċernat, jekk il-ġbir flimkien tal-isforzi tar-R&Ż probabbli jirriżulta fil-koordinazzjoni tal-aġir tal-partijiet bħala fornituri tal-prodotti eżistenti, pereżempju minħabba l-iskambju ta’ informazzjoni kompetittivament sensittiva relatata mas-suq ta’ prodotti eżistenti.

    115.

    Jekk ir-R&Ż jikkonċernaw komponent importanti ta’ prodott finali, mhux biss is-suq għal dak il-komponent jista’ jkun rilevanti għall-evalwazzjoni, iżda anki s-suq eżistenti għall-prodott finali. Pereżempju, jekk il-manifatturi tal-karozzi jikkoperaw fir-R&Ż relatati ma’ tip ġdid ta’ magna, is-suq tal-karozzi jista’ jiġi affettwat minn dik il-kooperazzjoni fir-R&Ż. Is-suq għall-prodotti finali, madankollu, ikun rilevanti biss għall-evalwazzjoni jekk il-komponent li għalih ikunu mmirati r-R&Ż ikun teknikament jew ekonomikament element prinċipali ta’ dawk il-prodotti finali u jekk il-partijiet fl-akkordju ta’ R&Ż għandhom setgħa fis-suq fir-rigward tal-prodotti finali.

    Swieq tat-teknoloġija eżistenti

    116.

    Il-kooperazzjoni fir-R&Ż tista’ ma tikkonċernax biss prodotti iżda anki teknoloġija. Meta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jitqiegħdu fis-suq separatament mill-prodotti li huma relatati magħhom, is-suq tat-teknoloġija rilevanti għandu jiġi definit ukoll. Is-swieq tat-teknoloġija jikkonsistu minn proprjetà intellettwali liċenzjata u s-sostituti fil-qrib tagħha, jiġifieri, teknoloġiji oħra li l-konsumatur jista’ juża bħala sostitut.

    117.

    Il-metodoloġija għad-definizzjoni tas-swieq tat-teknoloġija ssegwi l-istess prinċipji bħad-definizzjoni tas-swieq tal-prodotti (80). L-identifikazzjoni trid tibda mit-teknoloġija li titqiegħed fis-suq mill-partijiet, u tkompli b’dawk it-teknoloġiji loħra li l-klijenti jistgħu jduru għalihom fil-każ ta’ żieda żgħira iżda mhux tranżitorja fil-prezzijiet relattivi. Malli dawk it-teknoloġiji jiġu identifikati, l-ishma fis-suq jistgħu jiġu kalkolati permezz tad-diviżjoni tad-dħul mil-liċenzji ġġenerat mill-partijiet bit-total tad-dħul mil-liċenzji tal-liċenzjaturi kollha.

    118.

    Il-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq għat-teknoloġija eżistenti hija kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti fejn il-kooperazzjoni fir-R&Ż tikkonċerna titjib sinifikanti għal teknoloġija eżistenti jew teknoloġija ġdida li probabbli tissostitwixxi t-teknoloġija eżistenti. L-ishma fis-suq tal-partijiet jistgħu, madankollu, jittieħdu biss bħala punt tal-bidu għal din l-analiżi. Fis-swieq tat-teknoloġija, enfażi partikolari għandha titpoġġa fuq il-kompetizzjoni potenzjali. Jekk kumpaniji, li attwalment ma jilliċenzjawx it-teknoloġija tagħhom, ikunu parteċipanti ġodda fis-suq tat-teknoloġija dawn jistgħu jillimitaw il-kapaċità tal-partijiet li jgħollu b’mod redditizju l-prezz għat-teknoloġija tagħhom. Dan l-aspett tal-analiżi jista’ wkoll jiġi kkunsidrat direttament fil-kalkolu tal-ishma fis-suq billi dawn jiġu bbażati fuq il-bejgħ tal-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata fuq swieq ta’ prodotti downstream (ara l-paragrafi 123 sa 126).

    Kompetizzjoni fl-innovazzjoni (sforzi ta’ R&Ż)

    119.

    Il-kooperazzjoni fir-R&Ż tista’ taffettwa mhux biss il-kompetizzjoni fis-swieq eżistenti, iżda wkoll il-kompetizzjoni fis-swieq tal-innovazzjoni u tal-prodotti ġodda. Dan huwa l-każ fejn il-kooperazzjoni fir-R&Ż tikkonċerna l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda jew teknoloġija ġdida li jew jistgħu – jekk ikunu ħerġin – xi darba jissostitwixxu dawk eżistenti jew li qed jiġu żviluppati għal użu maħsub ġdid u għalhekk mhumiex sejrin jissostitwixxu l-prodotti eżistenti iżda joħolqu domanda kompletament ġdida. L-effetti fuq il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni huma importanti f’dawn is-sitwazzjonijiet, iżda f’ċerti każijiet jistgħu ma jiġux evalwati biżżejjed fl-analiżi tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali fi swieq tal-prodotti/tat-teknoloġija eżistenti. F’dan ir-rigward, tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ xenarji, skont in-natura tal-proċess innovattiv fl-industrija kkonċernata.

    120.

    Fl-ewwel xenarju, li huwa, pereżempju, preżenti fl-industrija farmaċewtika, il-proċess ta’ innovazzjoni huwa strutturat b’mod li jkun possibbli minn stadju bikri li jiġu identifikati l-partijiet tar-R&Ż f’kompetizzjoni. Il-partijiet tar-R&Ż f’kompetizzjoni huma sforzi ta’ R&Ż immirati lejn ċertu prodott jew teknoloġija ġdida, u s-sostituti għal dik ir-R&Ż, jiġifieri r-R&Ż immirati lejn l-iżvilupp ta’ prodotti jew teknoloġiji li huma sostitwibbli għal dawk żviluppati mill-kooperazzjoni u li għandhom perjodu taż-żmien simili. F’dan il-każ, jista’ jiġi analizzat jekk wara l-akkordju jkunx baqa’ numru suffiċjenti ta’ partijiet ta’ R&Ż. Il-punt tal-bidu tal-analiżi huwa r-R&Ż tal-partijiet. Imbagħad iridu jiġu identifikati partijiet ta’ R&Ż f’kompetizzjoni kredibbli. Sabiex tiġi evalwata l-kredibbiltà tal-partijiet f’kompetizzjoni, għandhom jitqiesu l-aspetti li ġejjin: in-natura, l-ambitu u d-daqs ta’ l-isforzi ta’ R&Ż l-oħra kollha, l-aċċess tagħhom għal riżorsi finanzjarji u umani, know-how/brevetti, jew assi oħra speċjalizzati kif ukoll iż-żmien u l-kapaċità tagħhom biex jisfruttaw ir-riżultati possibbli. Parti ta’ R&Ż mhijiex kompetitur kredibbli jekk ma tistax titqies bħala sostitut fil-qrib għall-isforz ta’ R&Ż tal-partijiet mill-perspettiva ta’, pereżempju, l-aċċess għar-riżorsi jew iż-żmien.

    121.

    Minbarra l-effett dirett fuq l-innovazzjoni nfisha, il-kooperazzjoni tista’ taffettwa wkoll suq ta’ prodott ġdid. Ħafna drabi jkun diffiċli li jiġu analizzati l-effetti fuq suq bħal dan direttament għaliex fin-natura tiegħu stess għadu ma jeżistix. L-analiżi ta’ swieq bħal dawn għalhekk ħafna drabi tiġi inkorporata impliċitament fl-analiżi tal-kompetizzjoni fl-innovazzoni. Madankollu, jista’ jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati direttament l-effetti fuq suq bħal dan tal-aspetti tal-akkordju li jmorru lil hinn mill-istadju tar-R&Ż. Akkordju ta’ R&Ż li jinkludi produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni konġunta fis-suq tal-prodott ġdid jista’, pereżempju, jiġi evalwat b’mod differenti minn akkordju li jkopri biss ir-R&Ż.

    122.

    Fit-tieni xenarju, l-isforzi innovattivi f’industrija mhumiex strutturati b’mod ċar sabiex jippermettu l-identifikazzjoni tal-partijiet opposti tar-R&Ż. F’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, m’għandhiex tipprova tevalwa l-impatt ta’ kooperazzjoni ta’ R&Ż fuq l-innovazzjoni, iżda għandha tillimita l-evalwazzjoni tagħha għal swieq ta’ prodotti u/jew teknoloġija eżistenti li jkunu relatati mal-kooperazzjoni fir-R&Ż ikkonċernata.

    Kalkolu tal-ishma fis-suq

    123.

    Il-kalkolu tal-ishma fis-suq, kemm għall-finijiet tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż kif ukoll ta’ dawn il-linji gwida, għandu jirrifletti d-distinzjoni bejn swieq eżistenzi u l-kompetizzjoni fl-innovazzjoni. Fil-bidu ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż, il-punt ta’ referenza jkun is-suq eżistenti għall-prodotti li kapaċi jiġu mtejba, sostitwiti jew mibdula mill-prodotti li jkunu qed jiġu żviluppati. Jekk l-akkordju ta’ R&Ż għandu biss l-għan li jtejjeb jew jirfina prodotti eżistenti, dak is-suq ikun jinkludi l-prodotti direttament konċernati mir-R&Ż. L-ishma fis-suq għalhekk jistgħu jiġu kkalkolati abbażi tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti eżistenti.

    124.

    Jekk ir-R&Ż ikollhom l-għan li jissostitwixxu prodott eżistenti, il-prodott ġdid għandu, jekk ikollu suċċess, isir sostitut tal-prodotti eżistenti. Sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni kompetittiva tal-partijiet, huwa possibbli li jerġgħu jiġu kkalkolati l-ishma fis-suq abbażi tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti eżistenti. Konsegwentement, ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż jibbaża l-eżenzjoni tiegħu ta’ dawk is-sitwazzjonijiet fuq is-sehem fis-“suq rilevanti għall-prodotti li jistgħu jiġu mtejba, sostitwiti jew mibdula bil-prodotti tal-kuntratt” (81). Sabiex jaqa’ taħt ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż, dak is-sehem fis-suq ma jistax jaqbeż il-25 % (82).

    125.

    Għas-swieq tat-teknoloġija, wieħed mill-modi kif wieħed għandu jipproċedi huwa li jiġu kkalkolati l-ishma fis-suq abbażi tas-sehem ta’ kull teknoloġija mid-dħul totali tal-liċenzjar mir-royalties, li jirrappreżentaw is-sehem ta’ teknoloġija fis-suq fejn jiġu liċenzjati teknoloġiji f’kompetizzjoni. Madankollu, dan ħafna drabi jista’ jkun mod sempliċiment teoretiku u mhux verament prattiku kif wieħed jipproċedi minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar ir-royalties, l-użu ta’ liċenzjar inkroċjat ħieles mir-royalties, eċċ. Approċċ alternattiv huwa li jiġu kalkolati l-ishma fis-suq tat-teknoloġija abbażi tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata fi swieq ta’ prodotti downstream. Skont dak l-approċċ, il-bejgħ kollu fis-suq tal-prodott rilevanti jingħata kunsiderazzjoni, irrispettivament minn jekk il-prodott ikunx jinkorpora jew le t-teknoloġija li tkun qed tiġi liċenzjata (83). Ukoll għal dak is-suq, is-sehem ma jistax jaqbeż il-25 % (irrispettivament mill-metodu tal-kalkolu użat) biex japplikaw il-benefiċċji tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    126.

    Jekk ir-R&Ż ikollhom l-għan li jiġi żviluppat prodott li joħloq domanda kompletament ġdida, l-ishma fis-suq ibbażati fuq il-bejgħ ma jistgħux jiġu kalkolati. Analiżi tal-effetti tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni biss tkun possibbli. Konsegwentement, ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż jittratta dawn l-akkordji bħala akkordji bejn partijiet mhux f’kompetizzjoni u jeżentahom irrispettivament mis-sehem fis-suq għat-tul ta’ żmin tal-attivitajiet konġunti ta’ R&Ż u għal perjodu addizzjonali ta’ seba’ snin wara li l-prodott jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba (84). Madankollu, l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jiġi rtirat jekk l-akkordju jkun elimina l-kompetizzjoni effettiva fl-innovazzjoni (85). Wara l-perjodu ta’ seba’ snin, l-ishma fis-suq ibbażati fuq il-valur tal-bejgħ jistgħu jiġu kalkolati, u japplika l-limitu tas-sehem fis-suq ta’ 25 % (86).

    3.3.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    3.3.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    127.

    Il-kooperazzjoni fir-R&Ż tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni b’diversi modi. L-ewwel, tista’ tnaqqas l-innovazzjoni jew tnaqqas il-veloċità tagħha, u twassal biex jidħlu fis-suq anqas prodotti jew prodotti agħar aktar tard milli kieku kienu jidħlu. It-tieni, fi swieq tal-prodotti jew tat-teknoloġija l-kooperazzjoni fir-R&Ż tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni bejn il-partijiet barra mill-ambitu tal-akkordju jew tista’ tirrendi probabbli l-koordinazzjoni antikompetittiva f’dawk is-swieq, li jwassal għal prezzijiet ogħla. Problema ta’ esklużjoni tista’ tqum biss fil-kuntest ta’ kooperazzjoni li tinvolvi mill-anqas parti waħda b’livell sinifikanti ta’ setgħa fis-suq (li ma jfissirx neċessarjament dominanza) għal teknoloġija ewlenija u l-isfruttament esklużiv tar-riżultati.

    3.3.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    128.

    L-akkordji ta’ R&Ż jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan jekk ma jikkonċernawx verament attivitajiet konġunti ta’ R&Ż, iżda jservu bħala għodda biex l-impriżi jimpenjaw ruħhom f’kartell moħbi, jiġifieri, għall-iffissar ta’ prezzijiet, il-limitazzjoni tal-output jew l-allokazzjoni tas-suq li altrimenti jkunu projbiti. Madankollu, akkordju ta’ R&Ż li jinkludi l-isfruttament konġunt ta’ riżultati futuri possibbli mhux neċessarjament jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

    3.3.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    129.

    Ħafna mill-akkordji ta’ F&Ż ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1). L-ewwel, dan jista’ jintqal għal ħafna akkordji relatati mal-kooperazzjoni fir-R&Ż fi stadju pjuttost bikri, ferm qabel l-isfruttament tar-riżultati possibbli.

    130.

    Barra minn hekk, il-kooperazzjoni fir-R&Ż bejn partijiet mhux f’kompetizzjoni ġeneralment ma twassalx għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (87). Ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet għandha tiġi analizzata fil-kuntest tas-swieq eżistenti u/jew l-innovazzjoni affettwati. Jekk, abbażi ta’ fatturi oġġettivi, il-partijiet ma jistgħux iwettqu r-R&Ż meħtieġa indipendentement, pereżempju, minħabba fil-kapaċitajiet tekniċi limitati tal-partijiet, l-akkordju ta’ R&Ż normalment ma jkollu ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni. Dan jista’ japplika, pereżempju, għal kumpaniji li jiġbru flimkien ħiliet, teknoloġiji u riżorsi oħra komplementari. Il-kwistjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali għandha tiġi evalwata fuq bażi realistika. Pereżempju, il-partijiet ma jistgħux jiġu definiti bħala kompetituri potenzjali sempliċement għaliex il-kooperazzjoni tippermettilhom iwettqu l-attivitajiet ta’ R&Ż. Il-kwistjoni deċiżiva hija jekk kull parti għandhiex indipendentement il-mezzi meħtieġa f’dak li jirrigwarda assi, know-how u riżorsi oħra.

    131.

    L-appaltar ta’ attivitajiet ta’ R&Ż li preċedentement kienu jitwettqu internament hija forma speċifika ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż. F’dan ix-xenarju, ir-R&Ż ħafna drabi jitwettqu minn kumpaniji speċjalizzati, istituti tar-riċerka jew korpi akkademiċi, li ma jkunux attivi fl-isfruttament tar-riżultati. Normalment, akkordji bħal dan ikunu kombinati ma’ klawżola ta’ trasferiment ta’ know-how u/jew provvista esklużiva fir-rigward tar-riżultati possibbli, li, minħabba n-natura komplementari tal-partijiet li qed jikkoperaw f’tali xenarju, ma jwasslux għal effettivi restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    132.

    Il-kooperazzjoni fir-R&Ż li ma tinkludix l-isfruttament konġunt tar-riżultati possibbli permezz tal-liċenzjar, il-produzzjoni u/jew it-tqegħid fis-suq rari twassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Dawn l-akkordji purament ta’ R&Ż jistgħu jikkawżaw problema ta’ kompetizzjoni biss jekk il-kompetizzjoni fir-rigward tal-innovazzjoni titnaqqas b’mod sostanzjali, u tħalli biss numru limitat ta’ partijiet kredibbli ta’ R&Ż f’kompetizzjoni.

    133.

    L-akkordji ta’ R&Ż jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni biss fejn il-partijiet fil-kooperazzjoni jkollhom setgħa fis-suq fis-swieq eżistenti u/jew fejn tonqos sostanzjalment il-kompetizzjoni fir-rigward tal-innovazzjoni.

    134.

    Ma hemm l-ebda limitu assolut li ’l fuq minnu jista’ jiġi preżunt li akkordju ta’ R&Ż joħloq jew iżomm is-setgħa fis-suq u għalhekk huwa probabbli li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, l-akkordji ta’ R&Ż bejn il-kompetituri huma koperti bir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż sakemm is-sehem fis-suq kombinat tagħhom ma jaqbiżx il-25 % u sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    135.

    L-akkordji li jaqgħu barra mir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż għaliex is-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż il-25 % mhux neċessarjament iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni kombinata tal-partijiet fis-swieq eżistenti u/jew aktar ma tkun ristretta l-kompetizzjoni fl-innovazzjoni, aktar huwa probabbli li l-akkordju ta’ R&Ż jikkawża effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (88).

    136.

    Jekk ir-R&Ż ikunu mmirati lejn it-titjib jew l-irfinar ta’ prodotti jew teknoloġiji eżistenti, l-effetti possibbli jikkonċernaw is-suq/swieq rilevanti għal dawk il-prodotti jew teknoloġiji eżistenti. Madankollu, huwa probabbli li jkun hemm effetti fuq il-prezzijiet, l-output, il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni fis-swieq eżistenti biss jekk il-partijiet flimkien ikollhom pożizzjoni b’saħħitha, jekk id-dħul ikun diffiċli u jekk ftit attivitajiet oħra ta’ innovazzjoni jkunu identifikabbli. Barra minn hekk, jekk ir-R&Ż jikkonċernaw biss dħul relattivament minuri ta’ prodott finali, l-effetti fuq il-kompetizzjoni f’dawk il-prodotti finali, jekk ikun hemm, ikunu limitati ħafna.

    137.

    Ġeneralment, għandha ssir distinzjoni bejn akkordji purament ta’ R&Ż u akkordji li jipprovdu għal kooperazzjoni aktar komprensiva li tinvolvi stadji differenti ta’ sfruttament tar-riżultati (jiġifieri, il-liċenzjar, il-produzzjoni, jew it-tqegħid fis-suq). Kif stabbilit fil-paragrafu 132, akkordji purament ta’ R&Ż rarament iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Dan huwa veru b’mod partikolari għar-R&Ż li huma mmirati lejn titjib limitat ta’ prodotti jew teknoloġiji eżistenti. Jekk, f’xenarju bħal dan, il-kooperazzjoni fir-R&Ż tinkludi l-isfruttament konġunt biss permezz tal-liċenzjar lil partijiet terzi, effetti restrittivi bħal problemi ta’ esklużjoni huma improbabbli. Jekk, madankollu, il-produzzjoni u/jew it-tqegħid fis-suq konġunt ta’ prodotti jew teknoloġiji daqsxejn imtejba jiġu inklużi, l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-kooperazzjoni għandhom jiġu eżaminati aktar fil-qrib. L-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fil-forma ta’ żieda fil-prezzijiet jew tnaqqis fil-produzzjoni fis-swieq eżistenti jkunu aktar probabbli jekk ikunu involuti kompetituri b’saħħithom f’sitwazzjoni bħal din.

    138.

    Jekk ir-R&Ż ikunu mmirati lejn prodott (jew teknoloġija) kompletament ġdid li joħloq is-suq ġdid tiegħu, l-effetti fuq il-prezzijiet u l-output fi swieq eżistenti huma pjuttost improbabbli. L-analiżi għandha tiffoka fuq restrizzjonijiet possibbli tal-innovazzjoni li jikkonċernaw, pereżempju, il-kwalità u l-varjetà ta’ prodotti jew teknoloġiji futuri possibbli jew il-veloċità tal-innovazzjoni. Dawk l-effetti restrittivi jistgħu jinħolqu jekk tnejn jew iżjed mill-ftit kumpaniji impenjati fl-iżvilupp ta’ prodott ġdid bħal dan jibdew jikkooperaw fi stadju fejn kull wieħed ikun indipendentement viċin li jintroduċi l-prodott. Tali effetti jkunu tipikament ir-riżultat dirett tal-akkordju bejn il-partijiet. L-innovazzjoni tista’ tiġi ristretta anki permezz ta’ akkordju purament ta’ R&Ż. Ġeneralment, madankollu, il-kooperazzjoni fir-R&Ż fir-rigward ta’ prodotti kompletament ġodda mhijiex probabbli li twassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni sakemm ma jeżistix biss numru limitat ta’ partijiet tar-R&Ż alternattivi kredibbli. Dan il-prinċipju ma jinbidilx b’mod sinifikanti jekk l-isfruttament konġunt tar-riżultati, anki t-tqegħid fis-suq konġunt, ikun involut. F’dawk is-sitwazzjonijiet il-kwistjoni ta’ sfruttament konġunt jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni biss jekk ikollha rwol l-esklużjoni mit-teknoloġiji prinċipali. Dawk il-problemi, madankollu, m’għandhomx jinqalgħu fejn il-partijiet jagħtu liċenzji li jippermettu lil partijiet terzi jikkompetu b’mod effettiv.

    139.

    Ħafna akkordji ta’ R&Ż jaqgħu bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafi 137 u 138. Dawn jistgħu, għalhekk, ikollhom effetti fuq l-innovazzjoni kif ukoll riperkussjonijiet fuq is-swieq eżistenti. Konsegwentement, kemm is-suq eżistenti kif ukoll l-effett fuq l-innovazzjoni jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-evalwazzjoni fir-rigward tal-pożizzjonijiet kombinati tal-partijiet, il-proporzjonijiet tal-konċentrazzjoni, in-numru ta’ partijiet jew innovaturi u l-kundizzjonijiet tad-dħul. F’ċerti każijiet jista’ jkun hemm effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fil-forma ta’ żieda fil-prezzijiet jew tnaqqis fl-output, fil-kwalità tal-prodotti, fil-varjetà tal-prodotti jew fl-innovazzjoni fis-swieq eżistenti u fil-forma ta’ impatt negattiv fuq l-innovazzjoni permezz tat-tnaqqis fil-veloċità tal-iżvilupp. Pereżempju, jekk kompetituri sinifikanti f’suq tat-teknoloġija eżistenti jikkooperaw biex jiżviluppaw teknoloġija ġdida li xi darba tista’ tissostitwixxi prodotti eżistenti, dik il-kooperazzjoni tista’ tnaqqas il-veloċità tal-iżvilupp tat-teknoloġija ġdida jekk il-partijiet ikollhom setgħa fis-suq fis-suq eżistenti u wkoll pożizzjoni b’saħħitha fir-rigward tar-R&Ż. Effett simili jista’ jseħħ jekk il-parti ewlenija f’suq eżistenti tikkoopera ma’ kompetitur ferm iżgħar jew anki potenzjali li jkun wasal biex joħroġ prodott ġdid jew teknoloġija ġdida li tista’ tipperikola l-pożizzjoni tal-inkumbenti.

    140.

    L-akkordji jistgħu wkoll jaqgħu ’l barra mir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż irrispettivament mis-setgħa fis-suq tal-partijiet. Dan japplika, pereżempju, għal akkordji li jirrestrinġu indebitament l-aċċess ta’ parti għar-riżultati tal-kooperazzjoni fir-R&Ż (89). Ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż jipprovdi għal eċċezzjoni speċifika għal din ir-regola ġenerali fil-każ ta’ korpi akkademiċi, istituti tar-riċerka jew kumpaniji speċjalizzati li jipprovdu r-R&Ż bħala servizz u li ma jkunux attivi fl-isfruttament industrijali tar-riżultati tar-R&Ż (90). Madankollu, akkordji li jaqgħu ’l barra mir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż u li jkun fihom drittijiet ta’ aċċess esklużiv għall-finijiet ta’ sfruttament jistgħu, fejn jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1), jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 101(3), b’mod partikolari fejn id-drittijiet ta’ aċċess esklużiv ikunu ekonomikament indispensabbli minħabba s-suq, ir-riskji u l-iskala tal-investiment meħtieġa għall-isfruttament tar-riżultati tar-R&Ż.

    3.4.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    3.4.1.   Kisbiet fl-effiċjenza

    141.

    Ħafna mill-akkordji ta’ R&Ż – bl-isfruttament konġunt jew le tar-riżultati possibbli - iwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza permezz tal-kombinazzjoni ta’ ħiliet u assi komplementari, u allura jirriżultaw fl-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq aktar rapidu ta’ prodotti u teknoloġiji mtejba jew ġodda milli kieku altrimenti kien ikun il-każ. L-akkordji ta’ R&Ż jistgħu jwasslu wkoll għal tixrid ta’ għarfien aktar estensiv, li jista’ jwassal għal aktar innovazzjoni. Akkordji ta’ R&Ż jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż.

    3.4.2.   Indispensabbiltà

    142.

    Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-kisbiet fl-effiċjenza ġġenerati permezz ta’ akkordju ta’ R&Ż ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). B’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż jistgħu jfissru li huwa inqas probabbli li jinstab li huma sodisfatti l-kriterji tal-Artikolu 101(3), wara li ssir evalwazzjoni individwali. Għalhekk ġeneralment ikun jeħtieġ li l-partijiet f’akkordju ta’ R&Ż juru li restrizzjonijiet bħal dawn ikunu indispensabbli għall-kooperazzjoni.

    3.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

    143.

    Il-kisbiet fl-effiċjenza miksuba permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli għandhom jiġu trasferiti lill-konsumatur sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati bl-akkordju ta’ R&Ż. Pereżempju, l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda jew imtejba fis-suq għandha tissupera kwalunkwe żieda fil-prezz jew effetti restrittivi oħra fuq il-kompetizzjoni. Ġeneralment, huwa aktar probabbli li akkordju ta’ R&Ż iġib kisbiet fl-effiċjenza li jibbenefikaw lill-konsumaturi jekk l-akkordju ta’ R&Ż jirriżulta fil-kombinazzjoni ta’ ħiliet u assi komplementari. Il-partijiet f’akkordju jistgħu, pereżempju, ikollhom kapaċitajiet ta’ riċerka differenti. Jekk mill-banda l-oħra, il-ħiliet u l-assi tal-partijiet ikunu simili ħafna, l-effett l-aktar importanti tal-akkordju ta’ R&Ż jista’ jkun l-eliminazzjoni ta’ parti mir-R&Ż jew tar-R&Ż kollu ta’ wieħed jew iżjed mill-partijiet. Dan għandu jelimina l-ispejjeż (fissi) għall-partijiet fl-akkordju iżda mhux probabbli li jwassal għal benefiċċji li jitgħaddew lill-konsumatur. Barra minn hekk, aktar ma tkun għolja s-setgħa fis-suq tal-partijiet anqas huwa probabbli li jgħaddu l-kisbiet fl-effiċjenza lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    3.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    144.

    Il-kriterji tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu sodisfatti jekk il-partijiet jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti (jew teknoloġiji) konċernati.

    3.4.5.   Żmien tal-evalwazzjoni

    145.

    L-evalwazzjoni ta’ akkordji restrittivi skont l-Artikolu 101(3) issir fil-kuntest attwali li fih iseħħu u abbażi tal-fatti eżistenti fi kwalunkwe żmien mogħti. L-evalwazzjoni hija sensittiva għal bidliet materjali fil-fatti. Ir-regola ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3) tapplika sakemm l-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti u ma tibqax tapplika meta dan ma jibqax il-każ. Meta jiġi applikat l-Artikolu 101(3) skont dawk il-prinċipji jenħtieġ li jitqiesu l-investimenti inizjali li ma jistgħux jiġu rkuprati magħmula minn kwalunkwe waħda mill-partijiet u ż-żmien meħtieġ u r-restrizzjonijiet meħtieġa biex isir u jiġi rkuprat investiment fit-titjib tal-effiċjenza. L-Artikolu 101 ma jistax jiġi applikat mingħajr ma tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lil tali investiment ex ante. Ir-riskju li jaffaċċjaw il-partijiet u l-investiment li ma jistax jiġi rkuprat li għandu jsir għall-implimentazzjoni tal-akkordji jistgħu allura jwasslu biex l-akkordju jaqa’ barra mill-Artikolu 101(1) jew jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), skont il-każ, għall-perjodu taż-żmien meħtieġ għall-irkuprar tal-investiment. Jekk l-invenzjoni li tirriżulta mill-investiment tibbenefika minn kwalunkwe forma ta’ esklużività mogħtija lill-partijiet skont regoli speċifiċi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, huwa ġeneralment improbabbli li l-perjodu tal-irkuprar għal tali investiment jaqbeż il-perjodu ta’ esklużività stabbilit skont dawk ir-regoli.

    146.

    F’ċerti każijiet l-akkordju restrittiv ikun avveniment irriversibbli. Malli l-akkordju restrittiv jiġi implimentat is-sitwazzjoni ex ante ma tistax tiġi stabbilita mill-ġdid. F’każijiet bħal dawn l-evalwazzjoni għandha ssir esklużivament abbażi tal-fatti eżistenti fiż-żmien tal-implimentazzjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ akkordju ta’ R&Ż fejn kull parti taqbel li tabbanduna l-proġett ta’ riċerka rispettiv tagħha u tgħaqqad flimkien il-kapaċitajiet tagħha ma’ dawk ta’ parti oħra, jista’ jkun, minn perspettiva oġġettiva, teknikament u ekonomikament impossibbli li jerġa’ jitqajjem proġett jekk ikun ġie abbandunat. L-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi u prokompetittivi tal-akkordju li jiġu abbandunati l-proġetti ta’ riċerka individwali għalhekk għandha ssir meta tiġi kompletata l-implimentazzjoni tiegħu. Jekk f’dak iż-żmien l-akkordju jkun kompatibbli mal-Artikolu 101, pereżempju għaliex numru suffiċjenti ta’ partijiet terzi ikollhom proġetti ta’ R&Ż f’kompetizzjoni, l-akkordju tal-partijiet li jabbandunaw il-proġetti individwali tagħhom jibqa’ kompatibbli mal-Artikolu 101, anki jekk aktar ’il quddiem il-proġetti tal-partijiet terzi jfallu. Madankollu, il-projbizzjoni tal-Artikolu 101 tista’ tapplika għal partijiet oħra tal-akkordju li għalihom ma tqumx il-kwistjoni ta’ irreversibbiltà. Jekk, pereżempju, minbarra l-attivitajiet konġunti ta’ R&Ż, l-akkordju jipprovdi għal sfruttament konġunt, l-Artikolu 101 jista’ japplika għal dik il-parti tal-akkordju jekk minħabba żviluppi sussegwenti fis-suq l-akkordju jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni u ma jissodisfax (jibqax jissodisfa) l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) b’kunsiderazzjoni dovuta tal-investimenti ex ante li ma jistgħux jiġu rkuprati.

    3.5.   Eżempji

    147.

    Impatt ta’ attivitajiet konġunti ta’ R&Ż fis-swieq tal-innovazzjoni/fis-suq tal-prodott ġdid

    Eżempju 1

    Sitwazzjoni: A u B huma ż-żewġ kumpaniji ewlenin fis-suq ta’ madwar l-Unjoni għall-manifattura ta’ komponenti elettroniċi eżistenti. It-tnejn għandhom sehem fis-suq ta’ 30 %. It-tnejn li huma għamlu investimenti sinifikanti fir-R&Ż meħtieġa għall-iżvilupp ta’ minjaturi ta’ komponenti elettroniċi u żviluppaw prototipi tal-bidu. Issa qablu li jiġbru flimkien dawk l-isforzi ta’ R&Ż billi jistabbilixxu joint venture biex jikkompletaw ir-R&Ż u jipproduċi l-komponenti, li għandhom jinbiegħu lura lill-kumpaniji prinċipali, li għandhom jikkumerċjalizzawhom separatament. Il-bqija tas-suq jikkonsisti minn kumpaniji żgħar mingħajr riżorsi biżżejjed biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa.

    Analiżi: Il-minjaturi ta’ komponenti elettroniċi, waqt li jistgħu jikkompetu ma’ komponenti eżistenti f’xi oqsma, huma essenzjalment teknoloġija ġdida u għandha ssir analiżi tal-partijiet tar-riċerka maħsuba għal dak is-suq futur. Jekk il-joint venture tibqa’ għaddejja allura tkun teżisti biss triq waħda għat-teknoloġija tal-manifattura meħtieġa, waqt li jidher probabbli li A u B jistgħu jilħqu s-suq individwalment bi prodotti separati. Għalhekk l-akkordju jnaqqas il-varjetà tal-prodotti. Il-produzzjoni konġunta tista’ wkoll tillimita direttament il-kompetizzjoni bejn il-partijiet fl-akkordji u twassalhom biex jiftiehmu dwar il-livelli tal-output, il-kwalità jew parametri oħra importanti kompetittivament. Dan jista’ jillimita l-kompetizzjoni anki jekk il-partijiet jikkummerċjalizzaw il-prodotti indipendentement. Il-partijiet jistgħu, pereżempju, jillimitaw l-output tal-joint venture meta jitqabbel ma' dak li kieku l-partijiet kienu jġibu fis-suq kieku kellhom jiddeċiedu fuq l-output tagħhom waħedhom. Il-joint venture tista’ tiċċarġja wkoll prezz ta’ trasferiment għoli lill-partijiet, li jżid l-ispejjeż għall-partijiet li jistgħu jwasslu għal prezzijiet downstream ogħla. Il-partijiet għandhom sehem fis-suq kombinat kbir fis-suq downstream eżistenti u l-bqija ta’ dak is-suq huwa frammentat. Din is-sitwazzjoni probabbli jkollha impatt ikbar fuq is-suq tal-prodott downstream ġdid għaliex il-kompetituri iżgħar ma jistgħux jinvestu fil-komponenti ġodda. Għalhekk huwa probabbli ħafna li l-produzzjoni konġunta se tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, is-suq għal minjaturi ta’ komponenti elettroniċi probabbli fil-futur se jiżviluppa f’duopolju b’livell għoli ta’ komunalità tal-spejjeż u l-iskambju possibbli ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-partijiet. Għalhekk jista’ jkun hemm ukoll riskju serju ta’ koordinazzjoni antikompetittiva li twassal għal riżultat kollużiv f’dak is-suq. L-akkordju ta’ R&Ż għalhekk probabbilment se jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).Waqt li l-akkordju jista’ jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza fil-forma tal-introduzzjoni aktar mgħaġġla ta’ teknoloġija ġdida, il-partijiet jistgħu ma jiffaċċjaw l-ebda kompetizzjoni fil-livell ta’ R&Ż, allura l-inċentivi tagħhom li jsegwu t-teknoloġija ġdida b’pass mgħaġġel jonqsu sinifikattivament. Għalkemm parti minn dak it-tħassib jista’ jiġi rimedjat jekk il-partijiet jikkommettu ruħhom biex jilliċenzjaw in-know-how prinċipali għall-manifattura ta’ minjaturi ta’ komponenti lil partijiet terzi b’termini raġonevoli, jidher improbabbli li dan jista’ jirrimedja t-tħassib kollu u jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

    Eżempju 2

    Sitwazzjoni: Kumpanija żgħira tar-riċerka (Kumpanija A) li ma għandhiex l-organizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha stess skopriet u bbrevettat sustanza farmaċewtika bbażata fuq teknoloġija ġdida li għandha tirrevoluzzjona t-trattament ta’ ċertu marda. Kumpanija A tidħol f'akkordju ta’ R&Ż ma’ produttur farmaċewtiku kbir Kumpanija B ta’ prodotti li s’issa ntużaw għat-trattament tal-marda. Il-Kumpanija B m’għandhiex esperjenza professjonali u programm ta’ R&Ż simili u ma tkunx tista’ tibni tali esperjenza professjonali f’perjodu taż-żmien rilevanti. Għall-prodotti eżistenti il-Kumpanija B għandha sehem fis-suq ta’ madwar 75 % fl-Istati Membri kollha, iżda l-brevetti se jiskadu matul il-ħames snin li ġejjin. Jeżistu żewġ partijiet oħra ta’ riċerka ma’ kumpaniji oħra li jinsabu f’madwar l-istess stadju ta’ żvilupp li jużaw l-istess teknoloġija ġdida bażika. Il-Kumpanija B se tipprovdi finanzjament u know-how konsiderevoli għall-iżvilupp tal-prodott, kif ukoll aċċess futur għas-suq. Il-Kumpanija B tingħata liċenzja għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni esklużiva tal-prodott finali għad-dewmien tal-brevett. Huwa mistenni li l-prodott jitqiegħed fis-suq fil-ħames sa seba’ snin li ġejjin.

    Analiżi: Il-prodott probabbilment jifforma parti minn suq rilevanti ġdid. Il-partijiet iġibu riżorsi u kapaċitajiet komplementari lill-kooperazzjoni, u l-probabbiltà li l-prodott jitqiegħed fis-suq tiżdied sostanzjalment. Għalkemm il-Kumpanija B probabbilment se jkollha setgħa konsiderevoli fis-suq eżistenti, dik is-setgħa fis-suq se tonqos dalwaqt. L-akkordju m’għandux iwassal għal telf fir-R&Ż għall-Kumpanija B, għaliex m’għandha l-ebda esperjenza professjonali f’dan il-qasam ta’ riċerka, u l-eżistenza tal-partijiet l-oħra ta’ riċerka probabbli se telimina kull inċentiv biex jitnaqqsu l-isforzi ta’ R&Ż. Id-drittijiet ta’ sfruttament matul il-perjodu li jibqa’ tal-brevett probabbli se jkunu neċessarji għall-Kumpanija B sabiex tagħmel l-investimenti konsiderevoli meħtieġa u l-Kumpanija A m’għandhiex riżorsi tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha. Għalhekk huwa improbabbli li l-akkordju jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Anki kieku kien hemm effetti bħal dawn, huwa probabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti.

    148.

    Riskju ta’ esklużjoni

    Eżempju 3

    Sitwazzjoni: Kumpanija żgħira tar-riċerka (Kumpanija A) li m’għandhiex l-organizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha stess skopriet u bbrevettat teknoloġija ġdida li se tirrevoluzzjona s-suq għal ċertu prodott li għalih hemm produttur b’monopolju dinji (Kumpanija B) għaliex l-ebda kompetituri ma jistgħu jikkompetu mat-teknoloġija kurrenti tal-Kumpanija B. Jeżistu żewġ partijiet oħra ta’ riċerka ma’ kumpaniji oħra li jinsabu f’madwar l-istess stadju ta’ żvilupp li jużaw l-istess teknoloġija ġdida bażika. Il-Kumpanija B se tipprovdi finanzjament konsiderevoli u know-how għall-iżvilupp tal-prodott, kif ukoll aċċess futur għas-suq. Il-Kumpanija B tingħata liċenzja esklużiva għall-użu tat-teknoloġija għad-dewmien tal-brevett u tikkommetti ruħha li tiffinanzja biss l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-Kumpanija A.

    Analiżi: Il-prodott probabbilment jifforma parti minn suq rilevanti ġdid. Il-partijiet jipprovdu riżorsi u kapaċitajiet komplementari lill-kooperazzjoni, u l-probabbiltà li l-prodott jidħol fis-suq jiżdied sostanzjalment. Madankollu, il-fatt li l-Kumpanija B tikkommetti ruħha għat-teknoloġija ġdida tal-Kumpanija A jista’ jwassal liż-żewġ partijiet ta’ riċerka f’kompetizzjoni biex jabbandunaw il-proġetti tagħhom għaliex jista’ jkun diffiċli li jirċievu finanzjament kontinwu malli jitilfu l-klijent l-aktar potenzjali għat-teknoloġija tagħhom. F’sitwazzjoni bħal din l-ebda kompetitur potenzjali ma jkun jista’ jisfida l-pożizzjoni ta’ monopolju tal-Kumpanija B fil-futur. L-effett ta’ esklużjoni tal-akkordju mbagħad probabbilment jitqies bħala li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Sabiex igawdu mill-Artikolu 101(3) il-partijiet għandhom juru li l-esklussività mogħtija tkun indispensabbli biex it-teknoloġija l-ġdida titqiegħed fis-suq.

    Eżempju 4

    Sitwazzjoni: Il-Kumpanija A għandha setgħa fis-suq li minnu tifforma parti l-mediċina tant popolari tagħha. Kumpanija żgħira (Kumpanija B) li hija impenjata fir-R&Ż farmaċewtiku u l-produzzjoni tal-ingredjent farmaċewtiku attiv (produzzjoni “API”) skopriet u ppreżentat applikazzjoni għal brevett għal proċess ġdid li jippermetti l-produzzjoni tal-API tal-mediċina tant popolari tal-Kumpanija A b’mod aktar ekonomiku u tkompli tiżviluppa l-proċess għall-produzzjoni industrijali. Il-brevett (API) kompost tal-mediċina tant popolari tiskadi fi ftit anqas minn tliet snin; minn hemm ’il quddiem jifdal numru ta’ brevetti ta’ proċess relatati mal-mediċina. Il-Kumpanija B tikkunsidra li l-proċess ġdid żviluppat minnha ma jiksirx il-brevetti ta’ proċess eżistenti tal-Kumpanija A u tkun permessa l-produzzjoni ta’ verżjoni ġenerika tal-mediċina tant popolari ladarba jkun skada l-brevett API. Il-Kumpanija B tista’ jew tipproduċi l-prodott hija stess jew tilliċenzja l-proċess lil partijiet terzi interessati, pereżempju produtturi ġeneriċi jew il-Kumpanija A. Qabel ma tikkonkludi r-R&Ż tagħha f’dan il-qasam, il-Kumpanija B tidħol f’akkordju mal-Kumpanija A, fejn il-Kumpanija A tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lill-proġett ta’ R&Ż li qed jitwettaq mill-Kumpanija B bil-kundizzjoni li takkwista liċenzja esklużiva għal kwalunkwe wieħed mill-brevetti tal-Kumpanija B relatati mal-proġett ta’ R&Ż. Jeżistu żewġ partijiet indipendenti oħra ta’ riċerka sabiex jiġi żviluppat proċess li ma jinvolvix ksur għall-produzzjoni tal-mediċina tant popolari, iżda għadu mhuwiex ċar li se jilħqu l-produzzjoni industrijali.

    Analiżi: Il-proċess kopert mill-applikazzjoni għal brevett tal-Kumpanija B ma jippermettix il-produzzjoni ta’ prodott ġdid. Sempliċement itejjeb proċess eżistenti ta’ produzzjoni. Il-Kumpanija A għandha setgħa fis-suq eżistenti li l-mediċina tant popolari tifforma parti minnu. Waqt li dik is-setgħa fis-suq tonqos b’mod sinifikanti bid-dħul attwali fis-suq ta’ kompetituri ġeneriċi, il-liċenzja esklużiva tirrendi l-proċess żviluppat mill-Kumpanija B mhux disponibbli għal partijiet terzi u għaldaqstant huwa probabbli li ddewwem id-dħul ġeneriku (mhux l-inqas għaliex il-prodott għadu protett minn numru ta’ brevetti ta’ proċess) u, konsegwentement, tirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Minħabba li l-Kumpanija A u l-Kumpanija B huma kompetituri potenzjali, ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż ma japplikax għaliex is-sehem fis-suq tal-Kumpanija A fis-suq li l-mediċina tant popolari tifforma parti minnu huwa 'l fuq minn 25 %. L-iffrankar tal-ispejjeż abbażi tal-proċess ġdid tal-produzzjoni għall-Kumpanija A mhuwiex biżżejjed sabiex jissupera r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, liċenzja esklużiva mhijiex indispensabbli sabiex jinkiseb l-iffrankar fil-proċess tal-produzzjoni. Għalhekk, huwa improbabbli li l-akkordju jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

    149.

    Impatt ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż fuq swieq dinamiċi tal-prodotti u tat-teknoloġiji u fuq l-ambjent

    Eżempju 5

    Sitwazzjoni: Żewġ kumpaniji tal-inġinerija li jipproduċu komponenti tal-vetturi jiftiehmu li jistabbilixxu joint venture biex jikkombinaw l-isforzi ta’ R&Ż tagħhom sabiex itejbu l-produzzjoni u l-prestazzjoni ta’ komponent eżistenti. Il-produzzjoni ta’ dak il-komponent ikollu wkoll effett pożittiv fuq l-ambjent. Vetturi jikkunsmaw inqas karburant u għalhekk jarmu inqas CO2. Il-kumpaniji jiġbru flimkien in-negozji tal-liċenzjar tat-teknoloġija eżistenti tagħhom fil-qasam ikkonċernat, iżda jkomplu jimmanifatturaw u jbiegħu l-komponenti separatament. Iż-żewġ kumpaniji għandhom ishma fis-suq fl-Unjoni ta’ 15 % u 20 % fuq is-suq tal-prodotti tal-Manifattur ta’ Tagħmir Oriġinali (“OEM”). Hemm żewġ kompetituri ewlenin oħra flimkien ma' diversi programmi ta’ riċerka interni ta’ manifatturi tal-vetturi kbar. Fis-suq dinji għal-liċenzjar tat-teknoloġija għal dawk il-prodotti l-partijiet għandhom ishma ta’ 20 % u 25 %, ikkalkulati f’termini ta’ dħul iġġenerat, u hemm żewġ teknoloġiji ewlenin oħra. Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott għall-komponent huwa tipikament ta’ sentejn sa tliet snin. F’kull waħda mill-aħħar ħames snin waħda mill-kumpaniji ewlenin introduċiet verżjoni ġdida jew aġġornament.

    Analiżi: Ladarba l-isforz ta’ R&Ż tal-ebda waħda mill-kumpaniji ma huwa mmirat għal prodott kompletament ġdid, is-swieq li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk għall-komponenti eżistenti u għal-liċenzjar tat-teknoloġija rilevanti. L-ishma fis-suq kombinati tal-partijiet kemm fuq is-suq tal-OEM (35 %) kif ukoll, b’mod partikolari, fuq is-suq tat-teknoloġija (45 %) huma pjuttost għoljin. Madankollu, il-partijiet se jkomplu jimmanifatturaw u jbiegħu l-komponenti separatament. Minbarra dan, hemm ħafna teknoloġiji f’kompetizzjoni li jittejbu regolarment. Barra minn hekk, il-manifatturi tal-vetturi li fil-preżent ma jilliċenzjawx it-teknoloġija tagħhom huma wkoll parteċipanti ġodda potenzjali fis-suq tat-teknoloġija u għalhekk jillimitaw il-kapaċità tal-partijiet li jgħollu l-prezzijiet b’mod redditizju. Sa fejn il-joint venture għandha effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), aktarx li din tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3). Għall-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 101(3) ikun meħtieġ li jitqies li l-konsumaturi jibbenefikaw minn konsum inqas ta’ karburant.

    4.   AKKORDJI TA’ PRODUZZJONI

    4.1.   Definizzjoni u ambitu

    150.

    L-akkordji ta’ produzzjoni jvarjaw fil-forma u l-ambitu. Dawn jistgħu jipprovdu li l-produzzjoni titwettaq biss minn parti waħda jew minn żewġ partijiet jew iżjed. Kumpaniji jistgħu jipproduċu f’mod konġunt permezz ta’ joint venture, jiġifieri, kumpanija kkontrollata f’mod konġunt li topera faċilità tal-produzzjoni waħda jew iżjed jew permezz ta’ forom anqas restrittivi ta’ kooperazzjoni fil-produzzjoni bħal akkordji ta’ subappaltar fejn parti waħda (il-“kuntrattur”) tagħti lil parti oħra (is-“subappaltatur”) ir-responsabbiltà għall-produzzjoni ta’ oġġett.

    151.

    Hemm tipi differenti ta’ akkordji ta’ subappaltar. Akkordji ta’ subappaltar orizzontali jiġu konklużi bejn kumpaniji li joperaw fl-istess suq tal-prodott irrispettivament minn jekk ikunux kompetituri attwali jew potenzjali. Akkordji ta’ subappaltar vertikali jiġu konklużi bejn kumpaniji li joperaw f’livelli differenti tas-suq.

    152.

    Akkordji ta’ subappaltar orizzontali jikkonsistu f'akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproċi kif ukoll akkordji ta’ subappaltar bil-għan li titkabbar il-produzzjoni. Akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali huma akkordji bejn żewġ partijiet li huma attivi fl-istess suq jew swieq tal-prodotti, li permezz tagħhom waħda mill-partijiet taqbel li twaqqaf kompletament jew parzjalment il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti jew li tevita li tipproduċi dawk il-prodotti u li tixtrihom mill-parti oħra, li taqbel li tipproduċi u tipprovdi dawk il-prodotti. Akkordji ta’ speċjalizzazzjoni reċiproka huma akkordji bejn żewġ partijiet jew iżjed li huma attivi fl-istess suq jew swieq tal-prodotti, li permezz tagħhom żewġ partijiet jew iżjed, fuq bażi reċiproka, jaqblu li jwaqqfu kompletament jew parzjalment jew jevitaw li jipproduċu ċerti prodotti differenti u li jixtru dawk il-prodotti mill-partijiet l-oħra, li jaqblu li jipproduċuhom u jipprovduhom. Fil-każ ta’ akkordji ta’ subappaltar bil-għan li titkabbar il-produzzjoni, il-kuntrattur jagħti lis-subappaltatur ir-responsabbiltà tal-produzzjoni ta’ oġġett, waqt li l-kuntrattur fl-istess ħin ma jwaqqafx jew jillimita l-produzzjoni tiegħu tal-oġġett.

    153.

    Dawn il-linji gwida japplikaw għall-forom kollha ta’ akkordji ta’ produzzjoni konġunta u ta’ akkordji ta’ subappaltar orizzontali. Soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, l-akkordji ta’ produzzjoni konġunta kif ukoll l-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproċi jistgħu jgawdu mir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ispeċjalizzazzjoni.

    154.

    L-akkordji ta’ subappaltar vertikali mhumiex koperti minn dawn il-linji gwida. Dawn jaqgħu fl-ambitu tal-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali u, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jibbenefikaw mir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkunu koperti mill-Avviż tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-evalwazzjoni tagħha ta’ ċerti akkordji ta’ subappaltar relatati mal-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE (91) (“l-Avviż dwar is-Subappaltar”).

    4.2.   Swieq rilevanti

    155.

    Sabiex tiġi evalwata r-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet li qed jikkoperaw, huwa neċessarju l-ewwel nett li jiġu definiti s-suq jew swieq rilevanti kkonċernati direttament mill-kooperazzjoni fil-produzzjoni, jiġifieri, is-swieq li l-prodotti mmanifatturati taħt l-akkordju ta’ produzzjoni jaqgħu fihom.

    156.

    Akkordju ta’ produzzjoni jista’ jkollu wkoll effetti ta’ spill-over fi swieq viċin is-suq konċernat direttament mill-kooperazzjoni, pereżempju upstream jew downstream mill-akkordju (l-hekk imsejħa “swieq ta’ spill-over”) (92). Huwa probabbli li s-swieq ta’ spill-over ikunu rilevanti jekk is-swieq ikunu interdipendenti u l-partijiet ikollhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq ta’ spill-over.

    4.3.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    4.3.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    157.

    Akkordji ta’ produzzjoni jistgħu jwasslu għal limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet. Akkordji ta’ produzzjoni, u b’mod partikolari joint ventures ta’ produzzjoni, jistgħu jwasslu lill-partijiet biex jallinjaw direttament il-livelli ta’ output u l-kwalità, il-prezz li bih il-joint venture tbiegħ il-prodotti tagħha, jew parametri oħra importanti kompetittivament. Dan jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni anki jekk il-partijiet iqiegħdu l-prodotti fis-suq indipendentement.

    158.

    Akkordji ta’ produzzjoni jistgħu jirriżultaw ukoll fil-koordinazzjoni tal-aġir kompetittiv tal-partijiet bħala fornituri li jwassal għal prezzijiet ogħla jew tnaqqis fl-output, fil-kwalità tal-prodotti, fil-varjetà tal-prodotti jew fl-innovazzjoni, jiġifieri, riżultat kollużiv. Dan jista’ jseħħ, soġġett li l-partijiet ikollhom is-setgħa fis-suq u għall-eżistenza ta’ karatteristiċi fis-suq li jwasslu għal tali koordinazzjoni, b’mod partikolari meta l-akkordju ta’ produzzjoni jżid il-komunalità tal-ispejjeż tal-partijiet (jiġifieri, il-proporzjon tal-ispejjeż varjabbli li l-partijiet għandhom inkomuni) sa livell li jippermettilhom jiksbu riżultat kollużiv, jew jekk l-akkordju jinvolvi skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva li jista’ jwassal għal riżultat kollużiv.

    159.

    Barra minn hekk, akkordji ta’ produzzjoni jistgħu jwasslu għal esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi f’suq relatat (pereżempju, is-suq downstream jiddependi fuq l-inputs mis-suq li fih iseħħ l-akkordju ta’ produzzjoni). Pereżempju, billi jiksbu biżżejjed setgħa fis-suq, il-partijiet impenjati fil-produzzjoni konġunta f’suq upstream jistgħu jgħollu l-prezz ta’ komponent ewlieni għal suq downstream. B’dan il-mod, dawn jistgħu jużaw il-produzzjoni konġunta sabiex jgħollu l-ispejjeż tar-rivali tagħhom downstream u, fl-aħħar mill-aħħar, jisfurzawhom ’il barra mis-suq. Dan imbagħad iżid is-setgħa fis-suq downstream tal-partijiet, li jista’ jippermettilhom isostnu prezzijiet ’il fuq mil-livell kompetittiv jew jagħmlu l-ħsara lill-konsumaturi mod ieħor. Tali tħassib dwar il-kompetizzjoni jista’ jimmaterjalizza irrispettivament minn jekk il-partijiet fl-akkordju jkunux kompetituri fis-suq li fih isseħħ il-kooperazzjoni. Madankollu, sabiex din it-tip ta’ esklużjoni jkollha effetti antikompetittivi, mill-anqas waħda mill-partijiet għandu jkollha pożizzjoni b’saħħitha fis-suq fejn ir-riskji ta’ esklużjoni jiġu evalwati.

    4.3.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    160.

    Ġeneralment, l-akkordji li jinvolvu l-iffissar ta’ prezzijiet, il-limitazzjoni tal-output jew il-qsim ta’ swieq jew klijenti jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan. Madankollu, fil-kuntest ta’ akkordji ta’ produzzjoni, dan ma japplikax fejn:

    il-partijiet jaqblu fuq l-output ikkonċernat direttament mill-akkordju ta’ produzzjoni (pereżempju, il-kapaċità u l-volum tal-produzzjoni ta’ joint venture jew l-ammont miftiehem tal-prodotti appaltati), sakemm ma jkunux ġew eliminati l-parametri l-oħra ta’ kompetizzjoni; jew

    akkordju ta’ produzzjoni li jipprovdi wkoll għad-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti manifatturati jipprospetta l-iffissar konġunt tal-prezzijiet tal-bejgħ għal dawk il-prodotti, u għal dawk il-prodotti biss, sakemm dik ir-restrizzjoni tkun meħtieġa għall-produzzjoni konġunta, li jfisser li altrimenti l-partijiet ma kienx ikollhom inċentiv sabiex jidħlu fl-akkordju ta’ produzzjoni fl-ewwel lok.

    161.

    F’dawn iż-żewġ każijiet hija meħtieġa evalwazzjoni ta’ jekk l-akkordju jwassalx għal effetti restrittivi probabbli fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Fiż-żewġ xenarji l-akkordju fuq l-output jew il-prezzijiet m’għandux jiġi evalwat separatament, iżda fid-dawl tal-effetti globali tal-akkordju ta’ produzzjoni sħiħ fuq is-suq.

    4.3.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    162.

    Jekk it-tħassib possibbli dwar il-kompetizzjoni li jista’ jiġi kkawżat minn l-akkordji ta’ produzzjoni huwiex probabbli li jseħħ f'każ partikolari jiddependi fuq il-karatteristiċi tas-suq li fih iseħħ l-akkordju, kif ukoll fuq in-natura u l-kopertura tas-suq tal-kooperazzjoni u l-prodott li jikkonċerna. Dawn il-varjabbli jiddeterminaw l-effetti probabbli ta’ akkordju ta’ produzzjoni fuq il-kompetizzjoni u b’hekk l-applikabbiltà tal-Artikolu 101(1).

    163.

    Jekk akkordju ta’ produzzjoni probabbilment iwassalx għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jiddependi fuq is-sitwazzjoni li tkun teżisti fin-nuqqas tal-akkordju bir-restrizzjonijiet allegati tiegħu kollha. Konsegwentement, akkordji ta’ produzzjoni bejn kumpaniji li jikkompetu fis-swieq li fihom isseħħ il-kooperazzjoni probabbilment mhux se jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk il-kooperazzjoni toħloq suq ġdid, jiġifieri, jekk l-akkordju jippermetti li l-partijiet jintroduċu prodott jew servizz ġdid, li, abbażi ta’ fatturi oġġettivi, il-partijiet altrimenti ma kinux ikunu jistgħu jagħmlu, pereżempju, minħabba fil-kapaċitajiet tekniċi tal-partijiet.

    164.

    F’xi industriji fejn il-produzzjoni hija l-attività ekonomika ewlenija, anki sempliċi akkordju ta’ produzzjoni jista’ fih innifsu jelimina dimensjonijiet prinċipali tal-kompetizzjoni, li jwassal sabiex jillimita direttament il-kompetizzjoni bejn il-partijiet fl-akkordju.

    165.

    Alternattivament, akkordju ta’ produzzjoni jista’ jwassal għal riżultat kollużiv jew esklużjoni antikompetittiva billi jżid is-setgħa fis-suq tal-kumpaniji jew il-komunalità tal-ispejjjeż tagħhom jew jekk dan jinvolvi l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Mill-banda l-oħra, limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet, riżultat kollużiv jew esklużjoni antikompetittiva probabbilment ma jseħħux jekk il-partijiet fl-akkordju ma jkollhomx setgħa fis-suq li fih jiġi evalwat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni. Hija biss is-setgħa fis-suq li tista’ tippermettilhom iżommu b’mod redditizju l-prezzijiet ’il fuq mil-livell kompetittiv, jew iżommu b’mod redditizju l-output, il-kwalità jew il-varjetà tal-prodotti ’l isfel minn dak li kieku tiddetta l-kompetizzjoni.

    166.

    Fil-każijiet fejn kumpanija li għandha setgħa fis-suq f’suq wieħed tikkoopera ma’ parteċipant ġdid potenzjali fis-suq, pereżempju, ma’ fornitur tal-istess prodott f’suq ġeografiku jew tal-prodotti viċin, l-akkordju jista’ potenzjalment iżid is-setgħa fis-suq tal-inkumbenti. Dan jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk il-kompetizzjoni attwali fis-suq tal-inkumbenti tkun diġà dgħajfa u t-theddida tad-dħul tkun sors ewlieni tar-restrizzjoni kompetittiva.

    167.

    Akkordji ta’ produzzjoni li jinvolvu wkoll funzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħal distribuzzjoni jew tqegħid fis-suq konġunti, iġorru riskju ogħla ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni minn akkordji purament ta’ produzzjoni konġunta. Il-kummerċjalizzazzjoni konġunta ġġib il-kooperazzjoni aktar viċin tal-konsumatur u normalment tinvolvi l-iffissar tal-prezzijiet u l-bejgħ konġunt, jiġifieri, prattiki li jġorru l-ogħla riskji għall-kompetizzjoni. Madankollu, akkordji ta’ distribuzzjoni konġunta għal prodotti li jkunu ġew prodotti b’mod konġunt ġeneralment ikunu anqas probabbli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minn akkordji ta’ distribuzzjoni konġunta awtonomi. Barra minn hekk, akkordju ta’ distribuzzjoni konġunta li jkun meħtieġ biex ikun jista’ jiġi konkluż fl-ewwel lok l-akkordju ta’ produzzjoni konġunta huwa anqas probabbli li jirrestrinġi l-kompetizzjoni milli kieku ma kienx meħtieġ għall-produzzjoni konġunta.

    Setgħa fis-suq

    168.

    Mhuwiex probabbli li akkordju ta’ produzzjoni jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk il-partijiet fl-akkordju ma jkollhomx setgħa fis-suq li fih tiġi evalwata restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni. Il-punt tal-bidu għall-analiżi tas-setgħa fis-suq huwa s-sehem fis-suq tal-partijiet. Dan normalment jiġi segwit mill-proporzjon tal-konċentrazzjoni u n-numru ta’ impriżi li joperaw fis-suq kif ukoll minn fatturi dinamiċi oħra bħad-dħul potenzjali, u l-ishma fis-suq li jinbidlu.

    169.

    Huwa improbabbli li l-kumpaniji jkollhom setgħa fis-suq taħt ċertu livell ta’ sehem fis-suq. Għalhekk, akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali jew reċiproka kif ukoll akkordji ta’ produzzjoni konġunta inklużi ċerti funzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni integrati bħal distribuzzjoni konġunta huma koperti bir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ispeċjalizzazzjoni jekk jiġu konklużi bejn partijiet li jkollhom sehem fis-suq kombinat li ma jaqbiżx l-20 % fis-suq jew swieq rilevanti, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ l-Ispeċjalizzazzjoni jiġu sodisfatti. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ akkordji ta’ subappaltar orizzontali bil-ħsieb li jespandu l-produzzjoni, fil-parti l-kbira tal-każijiet huwa improbabbli li teżisti setgħa fis-suq jekk il-partijiet fl-akkordju jkollhom sehem fis-suq kombinat li ma jaqbiżx l-20 %. Fi kwalunkwe każ, jekk is-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % huwa probabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti.

    170.

    Madankollu, jekk is-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż l-20 %, l-effetti restrittivi jkollhom jiġu analizzati għaliex l-akkordju ma jaqax fl-ambitu tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ispeċjalizzazzjoni jew taż-żona ta’ sigurezza għall-akkordji ta’ subappaltar orizzontali bil-ħsieb li jespandu l-produzzjoni msemmija fit-tielet u fir-raba’ sentenzi tal-paragrafu 169. Sehem fis-suq moderatament ogħla minn dak permess fir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ispeċjalizzazzjoni jew miż-żona ta’ sigurezza msemmija fit-tielet u fir-raba’ sentenzi tal-paragrafu 169 mhux neċessarjament jimplika suq konċentrat ħafna, li huwa fattur importanti fl-evalwazzjoni. Sehem fis-suq kombinat tal-partijiet ta’ daqsxejn aktar minn 20 % jista’ jseħħ f’suq b’konċentrazzjoni moderata. Ġeneralment, akkordju ta’ produzzjoni huwa aktar probabbli li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni f’suq konċentrat milli f’suq li ma jkunx konċentrat. Bl-istess mod, akkordju ta’ produzzjoni f’suq konċentrat jista’ jżid ir-riskju ta’ riżultat kollużiv anki jekk il-partijiet ikollhom biss sehem fis-suq kombinat moderat.

    171.

    Anki jekk l-ishma fis-suq tal-partijiet fl-akkordju u l-konċentrazzjoni tas-suq ikunu għoljin, ir-riskji ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni xorta jistgħu jkunu baxxi jekk is-suq ikun dinamiku, jiġifieri, suq li fih iseħħ id-dħul u li fih il-pożizzjonijiet tas-suq jinbidlu spiss.

    172.

    Fl-analiżi ta’ jekk il-partijiet f’akkordju ta’ produzzjoni jkollhomx setgħa fis-suq, in-numru u l-intensità tal-konnessjonijiet (pereżempju, akkordji ta’ kooperazzjoni oħra) bejn il-kompetituri fis-suq ikunu rilevanti għall-evalwazzjoni.

    173.

    Fatturi bħal jekk il-partijiet fl-akkordju għandhomx ishma għoljin fis-suq, jekk għandhomx kompetituri fil-qrib, jekk il-klijenti għandhomx possibbiltajiet limitati li jbiddlu l-fornituri, jekk huwiex improbabbli li l-kompetituri jżidu l-provvista jekk jiżdiedu l-prezzijiet, u jekk waħda mill-partijiet fl-akkordju hijiex forza kompetittiva importanti, huma kollha rilevanti għall-evalwazzjoni kompetittiva tal-akkordju.

    Limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet

    174.

    Il-kompetizzjoni bejn il-partijiet f’akkordju ta’ produzzjoni tista’ tiġi limitata direttament b’ħafna modi. Il-partijiet f’joint venture ta’ produzzjoni jistgħu, pereżempju, jillimitaw l-output tal-joint venture meta mqabbla ma’ dak li l-partijiet kienu jġibu fis-suq kieku kull waħda minnhom kellha tiddeċiedi l-output tagħha waħedha. Jekk jiġu determinati l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott mill-akkordju ta’ produzzjoni dan jelimina wkoll id-dimensjonijiet prinċipali tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet u dan, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Eżempju ieħor huwa joint venture li titlob prezz ta’ trasferiment għoli lill-partijiet, u b’hekk iżżid l-ispejjeż tal-input għall-partijiet li jista’ jwassal għal prezzijiet ogħla downstream. Il-kompetituri jistgħu jikkunsidraw li jkun vantaġġuż għalihom li jżidu l-prezzijiet tagħhom bħala reazzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għal żidiet fil-prezzijiet fis-suq rilevanti.

    Riżultat kollużiv

    175.

    Il-probabbiltà ta’ riżultat kollużiv tiddependi fuq is-setgħa fis-suq tal-partijiet kif ukoll fuq il-karatteristiċi tas-suq rilevanti. Riżultat kollużiv jista’ jirriżulta b’mod partikolari (iżda mhux biss) minn komunalità tal-ispejjeż jew skambju ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-akkordju ta’ produzzjoni.

    176.

    Akkordju ta’ produzzjoni bejn partijiet li jkollhom setgħa fis-suq jista’ jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk iżid il-komunalità tal-ispejjeż tagħhom (jiġifieri, il-proporzjon tal-ispejjeż varjabbli li l-partijiet għandhom inkomuni) sa livell li jippermetti kollużjoni bejniethom. L-ispejjeż rilevanti huma l-ispejjeż varjabbli tal-prodott li bih jikkompetu l-partijiet fl-akkordju ta’ produzzjoni.

    177.

    Akkordju ta’ produzzjoni huwa aktar probabbli li jwassal għal riżultat kollużiv jekk qabel l-akkordju l-partijiet diġà jkollhom proporzjon għoli ta’ spejjeż varjabbli inkomuni, għaliex iż-żieda addizzjonali (jiġifieri, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott soġġett għall-akkordju) tista’ taqleb il-bilanċ lejn riżultat kollużiv. Bil-maqlub, jekk iż-żieda tkun kbira, ir-riskju ta’ riżultat kollużiv jista’ jkun għoli anki jekk il-livell inizjali tal-komunalità tal-ispejjeż kien baxx.

    178.

    Il-komunalità tal-ispejjeż iżżid ir-riskju ta’ riżultat kollużiv biss jekk l-ispejjeż tal-produzzjoni jikkostitwixxu proporzjon kbir tal-ispejjeż varjabbli konċernati. Pereżempju, dan ma jkunx il-każ fejn il-kooperazzjoni tikkonċerna prodotti li jeħtieġu kummerċjalizzazzjoni għalja. Eżempju ta’ dan jkun prodotti ġodda jew eteroġenji li jeħtieġu kummerċjalizzazzjoni għolja jew spejjeż tat-trasport għolja.

    179.

    Xenarju ieħor fejn il-komunalità tal-ispejjeż tista’ twassal għal riżultat kollużiv ikun fejn il-partijiet jaqblu dwar il-produzzjoni konġunta ta’ prodott intermedju li jammonta għal proporzjon kbir tal-ispejjeż varjabbli tal-prodott finali li bih il-partijiet jikkompetu downstream. Il-partijiet jistgħu jużaw l-akkordju ta’ produzzjoni biex iżidu l-prezz ta’ dak l-input komuni importanti għall-prodotti tagħhom fis-suq downstream. Dan idgħajjef il-kompetizzjoni downstream u probabbilment iwassal għal prezzijiet finali ogħla. Il-profitt jiċċaqlaq minn downstream għal upstream sabiex imbagħad jiġi maqsum bejn il-partijiet permezz tal-joint venture.

    180.

    Bl-istess mod, il-komunalità tal-ispejjeż iżżid ir-riskji antikompetittivi ta’ akkordju ta’ subappaltar orizzontali fejn l-input li l-kuntrattur jixtri mingħand is-subkuntrattur jammonta għal proporzjon kbir tal-ispejjeż varjabbli tal-prodott finali li bih jikkompetu l-partijiet.

    181.

    Kwalunkwe effett negattiv li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni m’għandux jiġi evalwat separatament iżda fid-dawl tal-effetti totali tal-akkordju. Akkordju ta’ produzzjoni jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk jinvolvi skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment strateġika li jista’ jwassal għal riżultat kollużiv jew esklużjoni antikompetittiva. Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ akkordju ta’ produzzjoni probabbilment iwassalx għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat skont il-gwida mogħtija fil-Kapitolu 2.

    182.

    Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni ma jaqbiżx il-qsim tad-dejta meħtieġa għall-produzzjoni konġunta tal-oġġetti soġġetti għall-akkordju ta’ produzzjoni, allura anki jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), ikun aktar probabbli li l-akkordju jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3) milli kieku l-iskambju mar lil hinn minn dak li kien meħtieġ għall-produzzjoni konġunta. F’dan il-każ il-kisbiet fl-effiċjenza li jirriżultaw mill-produzzjoni konġunta probabbilment jissuperaw l-effetti restrittivi tal-koordinazzjoni tal-kondotta tal-partijiet. Għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ akkordju ta’ produzzjoni, il-qsim tad-dejta li mhijiex meħtieġa għall-produzzjoni konġunta, pereżempju l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-prezzijiet u l-bejgħ, ikun anqas probabbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

    4.4.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    4.4.1.   Kisbiet fl-effiċjenza

    183.

    L-akkordji ta’ produzzjoni jistgħu jkunu prokompetittivi jekk jipprovdu kisbiet fl-effiċjenza fil-forma ta’ ffrankar ta’ spejjeż jew teknoloġiji tal-produzzjoni aħjar. Permezz tal-produzzjoni konġunta l-kumpaniji jistgħu jiffrankaw l-ispejjeż li altrimenti kienu jiddupplikaw. Dawn jistgħu jipproduċu wkoll bi spejjeż aktar baxxi jekk il-kooperazzjoni tippermettilhom iżidu l-produzzjoni fejn l-ispejjeż marġinali jonqsu mal-output, jiġifieri, permezz ta’ ekonomiji ta’ skala. Il-produzzjoni konġunta tista’ tgħin ukoll lill-kumpaniji jtejbu l-kwalità tal-prodotti jekk jiġbru flimkien il-ħiliet u n-know-how komplementari tagħhom. Il-kooperazzjoni tista’ wkoll tippermetti lill-kumpaniji jżidu l-varjetà tal-prodotti li altrimenti ma kinux jistgħu jippermettu jew jiskbu. Jekk il-produzzjoni konġunta tippermetti lill-partijiet iżidu n-numru ta’ tipi differenti ta’ prodotti, din tista’ twassal ukoll għal iffrankar fl-ispejjeż permezz ta’ ekonomiji ta’ ambitu.

    4.4.2.   Indispensabbiltà

    184.

    Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-kisbiet fl-effiċjenza ġenerati minn akkordju ta’ produzzjoni ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Pereżempju, restrizzjonijiet imposti f'akkordju ta’ produzzjoni fuq il-kondotta kompetittiva tal-partijiet fir-rigward tal-produzzjoni ’l barra mill-kooperazzjoni normalment ma jiġux kkunsidrati bħala indispensabbli. Bl-istess mod, l-iffissar ta’ prezzijiet b’mod konġunt ma jiġix ikkunsidrat bħala indispensabbli jekk l-akkordju ta’ produzzjoni ma jinvolvix ukoll il-kummerċjalizzazzjoni konġunta.

    4.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

    185.

    jeħtieġ li l-kisbiet fl-effiċjenza miksuba permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jiġu trasferiti lill-konsumaturi fil-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi jew kwalità jew varjetà aħjar tal-prodotti sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Il-kisbiet fl-effiċjenza li jgawdu minnhom biss il-partijiet jew l-iffrankar fl-ispejjeż li jiġi kkawżat mit-tnaqqis fl-output jew l-allokazzjoni fis-suq mhumiex suffiċjenti biex jiġu sodisfatti l-kriterji tal-Artikolu 101(3). Jekk il-partijiet fl-akkordju ta’ produzzjoni jiffrankaw mill-ispejjeż varjabbli tagħhom ikun aktar probabbli li jgħadduhom lill-konsumaturi milli kieku kellhom inaqqsu l-ispejjeż fissi tagħhom. Barra minn hekk, aktar ma tkun għolja s-setgħa fis-suq tal-partijiet, anqas ikun probabbli li jgħaddu l-kisbiet fl-effiċjenza lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    4.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    186.

    Il-kriterji tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu sodisfatti jekk il-partijiet jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti konċernati. Dan irid jiġi analizzat fis-suq rilevanti li jaqgħu fih il-prodotti soġġetti għall-kooperazzjoni u fi kwalunkwe suq ta’ spill-over possibbli.

    4.5.   Eżempji

    187.

    Komunalità tal-ispejjeż u riżultati kollużivi

    Eżempju 1

    Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B, żewġ fornituri ta’ prodott X jiddeċiedu li jagħlqu l-impjanti tal-produzzjoni kurrenti u qodma tagħhom u li jibnu impjant tal-produzzjoni ikbar, modern u aktar effiċjenti mmexxi minn joint venture, li jkollu kapaċità ogħla mill-kapaċità totali tal-impjanti qodma tal-Kumpaniji A u B. L-ebda investiment ieħor bħal dan ma huwa ppjanat mill-kompetituri, li qed jużaw il-kapaċità sħiħa tal-faċilitajiet tagħhom. Il-Kumpaniji A u B għandhom ishma fis-suq ta’ 20 % u 25 % rispettivament. Il-prodotti tagħhom huma l-eqreb sostituti f’segment speċifiku tas-suq, li huwa konċentrat. Is-suq huwa trasparenti u pjuttost staġnat, m’hemm l-ebda dħul u l-ishma fis-suq ilhom stabbli. L-ispejjeż tal-produzzjoni jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-ispejjeż varjabbli tal-Kumpanija A u tal-Kumpanija B għall-prodott X. Il-kummerċjalizzazzjoni hija attività ekonomika żgħira f’termini ta’ spejjeż u importanza strateġika meta mqabbla mal-produzzjoni: l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni huma baxxi għaliex il-prodott X huwa omoġenju u stabbilit u t-trasport mhuwiex il-mexxej prinċipali tal-kompetizzjoni.

    Analiżi: Kieku l-Kumpaniji A u B kellhom jaqsmu l-ispejjeż varjabbli kollha jew il-parti l-kbira tal-ispejjeż varjabbli tagħhom, dan l-akkordju ta’ produzzjoni jwassal għal limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni bejniethom. Dan jista’ jwassal lill-partijiet sabiex jillimitaw l-output tal-joint venture meta jitqabbel ma’ dak li kienu jġibu fis-suq li kieku ddeċidew fuq l-output tagħhom waħedhom. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-kompetituri dan it-tnaqqis fl-output jista’ jwassal għal prezzijiet ogħla.

    Anki kieku l-kumpaniji A u B ma kinux qed jaqsmu l-parti l-kbira tal-ispejjeż varjabbli tagħhom, imma parti sinifikanti minnhom biss, dan l-akkordju ta’ produzzjoni jista’ jwassal għal riżultat kollużiv bejn il-Kumpaniji A u B, u b’hekk iwassal għall-eliminazzjoni b'mod indirett tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Il-probabbiltà ta’ dan tiddependi mhux biss fuq il-kwistjoni tal-komunalità tal-ispejjeż (li f’dan il-każ huma għoljin) imma anki fuq il-karatteristiċi tas-suq rilevanti bħal, pereżempju, it-trasparenza, l-istabilità u l-livell ta’ konċentrazzjoni.

    Fi waħda jew l-oħra miż-żewġ sitwazzjonijiet msemmija hawn fuq, huwa probabbli, fil-konfigurazzjoni tas-suq ta’ dan l-eżempju, li l-joint venture ta’ produzzjoni tal-Kumpaniji A u B twassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) fuq is-suq ta’ X.

    Is-sostituzzjoni ta’ żewġ impjanti tal-produzzjoni qodma iżgħar b’impjant akbar, modern u aktar effiċjenti tista’ twassal lill-impriża konġunta biex żżid l-output bi prezzijiet aktar baxxi għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Madankollu, l-akkordju ta’ produzzjoni jista’ jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3) biss jekk il-partijiet jipprovdu evidenza sostanzjata li l-kisbiet fl-effiċjenza jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    188.

    Konnessjonijiet bejn kompetituri u riżultati kollużivi

    Eżempju 2

    Sitwazzjoni: Żewġ fornituri, il-Kumpaniji A u B, jifformaw joint venture ta’ produzzjoni fir-rigward tal-prodott Y. Kull waħda mill-Kumpaniji A u B għandha sehem ta’ 15 % fis-suq ta’ Y. Hemm 3 atturi oħra fis-suq: il-Kumpanija C li għandha sehem fis-suq ta’ 30 %, il-Kumpanija D b’25 % u l-Kumpanija E b’15 %. Il-Kumpanija B diġà għandha impjant ta’ produzzjoni konġunta mal-Kumpanija D.

    Analiżi: Is-suq huwa karatterizzat minn ftit li xejn atturi u strutturi pjuttost simetriċi. Il-kooperazzjoni bejn il-Kumpaniji A u B iżżid konnessjoni addizzjonali fis-suq, li żżid de facto l-konċentrazzjoni fis-suq, għaliex tgħaqqad il-Kumpanija D ukoll mal-Kumpaniji A u B. Din il-kooperazzjoni aktarx li żżid ir-riskju ta’ riżultat kollużiv u għalhekk aktarx li twassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Il-kriterji tal-Artikolu 101(3) jistgħu jiġu sodisfatti biss fil-preżenza ta’ kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza li jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    189.

    Esklużjoni antikompetittiva f’suq downstream

    Eżempju 3

    Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B jistabbilixxu joint venture ta’ produzzjoni għall-prodott intermedju X li tkopri l-produzzjoni sħiħa tagħhom ta’ X. L-ispejjeż tal-produzzjoni għal X jammontaw għal 70 % tal-ispejjeż varjabbli tal-prodott finali Y li l-Kumpaniji A u B jikkompetu bih downstream. Kull waħda mill-Kumpaniji A u B għandha sehem ta’ 20 % fis-suq ta’ Y, id-dħul huwa limitat u l-ishma fis-suq ilhom stabbli. Minbarra li jkopru d-domanda tagħhom stess għal X, kemm il-Kumpanija A kif ukoll il-Kumpanija B għandhom sehem ta’ 40 % kull waħda fis-suqta’ X. Hemm ostakli għoljin għad-dħul fis-suq ta’ X u l-produtturi eżistenti qed joperaw viċin tal-kapaċità sħiħa tagħhom. Fis-suq ta’ Y, hemm żewġ fornituri oħra sinifikanti, kull wieħed b’sehem fis-suq ta’ 15 %, u ħafna kompetituri iżgħar. Dan l-akkordju jiġġenera ekonomiji ta’ skala.

    Analiżi: Permezz tal-joint venture ta’ produzzjoni, il-Kumpaniji A u B jkunu jistgħu jikkontrollaw fil-biċċa l-kbira l-provvista tal-input essenzjali X lill-kompetituri tagħhom fis-suq ta’ Y. Dan jagħti lill-Kumpaniji A u B il-kapaċità li jgħollu l-ispejjeż tar-rivali tagħhom billi jżidu artifiċjalment il-prezz ta’ X, jew billi jnaqqsu l-output. Dan jeskludi l-kompetituri tal-Kumpaniji A u B fis-suq ta’ Y. Minħabba l-esklużjoni antikompetittiva probabbli downstream, dan l-akkordju probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). L-ekonomiji ta’ skala ġġenerati bil-joint venture ta’ produzzjoni probabbilment ma jissuperawx l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni u għalhekk huwa probabbli ħafna li dan l-akkordju ma jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 101(3).

    190.

    Akkordju ta’ speċjalizzazzjoni bħal allokazzjoni fis-suq

    Eżempju 4

    Sitwazzjoni: Kull waħda mill-Kumpaniji A u B timmanifattura kemm il-prodott X kif ukoll il-prodott Y. Is-sehem fis-suq ta’ A għal X huwa 30 % u dak għal Y huwa ta’ 10 %. Is-sehem fis-suq ta’ B għal X huwa ta’ 10 % u dak għal Y huwa ta’ 30 %. Sabiex jiksbu ekonomiji ta’ skala huma jikkonkludu akkordju ta’ speċjalizzazzjoni reċiproka li bih il-Kumpanija A tipproduċi X biss u l-Kumpanija B tipproduċi Y biss. Ma jagħmlux provvista inkroċjata tal-prodotti lil xulxin sabiex il-Kumpanija A tbiegħ X biss u l-Kumpanija B tbiegħ Y biss. Il-partijiet jgħidu li permezz ta’ din l-ispeċjalizzazzjoni jiffrankaw l-ispejjeż minħabba l-ekonomiji ta’ skala u l-iffukar fuq prodott wieħed biss se jtejjeb it-teknoloġiji ta’ produzzjoni tagħhom, li jwassal għal prodotti ta’ kwalità aħjar.

    Analiżi: Fir-rigward tal-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni fis-suq, dan l-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni huwa viċin ta’ kartell hardcore fejn il-partijiet jallokaw is-suq bejniethom. Għalhekk, dan l-akkordju jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-għan. Minħabba li l-effiċjenzi mħabbra fil-forma ta’ ekonomiji ta’ skala u titjib fit-teknoloġija tal-produzzjoni huma konnessi biss mal-allokazzjoni tas-suq, dawn probabbilment ma jissuperawx l-effetti restrittivi, u għalhekk l-akkordju ma jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Fi kwalunkwe każ, jekk il-Kumpanija A jew il-Kumpanija B temmen li jkun aktar effiċjenti li tiffoka fuq prodott wieħed biss, din tista’ sempliċement tieħu d-deċiżjoni unilaterali li tipproduċi biss X jew Y mingħajr ma taqbel fl-istess ħin li l-kumpanija l-oħra tiffoka fuq il-produzzjoni tal-prodott l-ieħor.

    L-analiżi tkun differenti kieku l-Kumpaniji A u B kellhom ifornu lil xulxin bil-prodott li jiffukaw fuqu sabiex it-tnejn ikomplu jbiegħu kemm X u Y. F’każ bħal dan, il-Kumpaniji A u B xorta jistgħu jikkompetu fuq il-prezz fiż-żewġt iswieq, speċjalment jekk l-ispejjeż tal-produzzjoni (li jsiru komuni permezz tal-akkordju ta’ produzzjoni) ma jikkostitwixxux sehem ewlieni tal-ispejjeż varjabbli tal-prodotti tagħhom. L-ispejjeż rilevanti f’dan il-kuntest huma l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni. Għaldaqstant, ikun improbabbli li l-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni jirrestrinġi l-kompetizzjoni kieku X u Y kienu prinċipalment prodotti eteroġenji bi proporzjon għoli ħafna ta’ spejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni u tad-distribuzzjoni (pereżempju, 65-70 % jew iżjed tal-ispejjeż totali). F’xenarju bħal dan ir-riskji ta’ riżultat kollużiv ma jkunux għolja u l-kriterji tal-Artikolu 101(3) jistgħu jiġu sodisfatti, sakemm il-kisbiet fl-effiċjenza jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal-akkordju.

    191.

    Kompetituri potenzjali

    Eżempju 5

    Sitwazzjoni: Il-Kumpanija A tipproduċi l-prodott finali X u l-Kumpanija B tipproduċi l-prodott finali Y. X u Y jikkostitwixxu żewġt iswieq ta’ prodotti separati, li fihom il-Kumpaniji A u B rispettivament għandhom setgħa fis-suq qawwija. Iż-żewġ kumpaniji jużaw Z bħala input għall-produzzjoni tagħhom ta’ X u Y u t-tnejn jipproduċu Z għall-użu intern biss. X huwa prodott ta’ valur miżjud baxx li għalih Z huwa input essenzjali (X huwa trasformazzjoni pjuttost sempliċi ta’ Z). Y huwa prodott ta’ valur miżjud għoli, li għalih Z huwa wieħed minn ħafna inputs (Z jikkostitwixxi parti żgħira tal-ispejjeż varjabbli ta’ Y). Il-Kumpaniji A u B jaqblu li jipproduċu b’mod konġunt Z, li jiġġenera ekonomiji ta’ skala modesti.

    Analiżi: Il-Kumpaniji A u B mhumiex kompetituri attwali fir-rigward ta’ X, Y jew Z. Madankollu, peress li X huwa trasformazzjoni sempliċi tal-input Z, huwa probabbli li l-Kumpanija B tkun tista’ jidħol faċilment fis-suq ta’ X u b’hekk tisfida l-pożizzjoni tal-Kumpanija A f’dak is-suq. L-akkordju ta’ produzzjoni konġunta fir-rigward ta’ Z jista’ jnaqqas l-inċentivi tal-Kumpanija B li tagħmel dan għaliex il-produzzjoni konġunta tista’ tintuża għal pagamenti paralleli u tillimita l-probabbiltà li l-Kumpanija B tbiegħ il-prodott X (għaliex il-Kumpanija A probabbilment ikollha kontroll fuq il-kwantità ta’ Z mixtrija mill-Kumpanija B mingħand il-joint venture). Madankollu, il-probabbiltà li l-Kumpanija B tidħol fis-suq għal X fin-nuqqas tal-akkordju tiddependi fuq kemm ikun mistenni li jkun redditizju d-dħul. Minħabba li X huwa prodott ta’ valur miżjud baxx, id-dħul jista’ ma jkunx redditizju u b’hekk id-dħul mill-Kumpanija B jista’ jkun improbabbli fin-nuqqas tal-akkordju. Minħabba li l-Kumpaniji A u B diġà għandhom setgħa fis-suq, l-akkordju probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) jekk l-akkordju fil-fatt inaqqas il-probabbiltà ta’ dħul tal-Kumpanija B fis-suq tal-Kumpanija A, jiġifieri, is-suq għal X. Il-kisbiet fl-effiċjenza fil-forma ta’ ekonomiji ta’ skala ġġenerati mil-akkordju huma modesti u għalhekk huwa improbabbli li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    192.

    Skambju ta’ informazzjoni f'akkordju ta’ produzzjoni

    Eżempju 6

    Sitwazzjoni: Il-kumpaniji A u B li għandhom setgħa qawwija fis-suq jiddeċiedu li jipproduċu flimkien sabiex isiru aktar effiċjenti. Fil-kuntest ta’ dan l-akkordju dawn jiskambjaw informazzjoni bil-moħbi dwar il-prezzijiet futuri tagħhom. L-akkordju ma jkoprix id-distribuzzjoni konġunta.

    Analiżi: Dan l-iskambju ta’ informazzjoni jirrendi probabbli riżultat kollużiv u għalhekk probabbilment ikollu bħal l-għan tiegħu ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Huwa improbabbli li jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3) għaliex il-qsim tal-informazzjoni dwar il-prezzijiet futuri tal-partijiet mhuwiex indispensabbli għall-produzzjoni konġunta u għall-kisba tal-iffrankar fl-ispejjeż korrispondenti.

    193.

    Tpartit u skambju ta’ informazzjoni

    Eżempju 7

    Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B it-tnejn jipproduċu Z, prodott kimiku ta’ bażi. Z huwa prodott omoġenju li jiġi manifatturat skont standard Ewropew li ma jippermetti ebda varjazzjoni fil-prodott. L-ispejjeż tal-produzzjoni huma fattur tal-ispejjeż sinifikanti fir-rigward ta’ Z. Il-Kumpanija A għandha sehem fis-suq ta’ 20 % u l-Kumpanija B għandha sehem fis-suq ta’ 25 % fis-suq tal-Unjoni kollha għal Z. Hemm erba’ manifatturi oħra fis-suq ta’ Z, bl-ishma fis-suq rispettivi tagħhom ta’ 20 %, 15 %, 10 % u 10 %. L-impjant tal-produzzjni tal-Kumpanija A jinsab fl-Istat Membru X fit-Tramuntana tal-Ewropa filwaqt li l-impjant tal-produzzjoni tal-Kumpanija B jinsab fl-Istat Membru Y fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Għalkemm il-maġġoranza tal-klijenti tal-Kumpanija A jinsabu fit-Tramuntana tal-Ewropa, il-Kumpanija A għandha wkoll numru ta’ klijenti fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-maġġoranza tal-klijenti tal-Kumpanija B jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, iżda għandha wkoll numru ta’ klijenti li jinsabu fit-Tramuntana tal-Ewropa. Fil-preżent, il-Kumpanija A tipprovidi lill-klijenti fin-Nofsinhar tal-Ewropa tagħha b’Z manifatturat fl-impjant tal-produzzjoni tagħha fl-Istat Membru X u tittrasportah lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa bi trakk. Bl-istess mod, il-Kumpanija B tipprovdi lill-klijenti fit-Tramuntana tal-Ewropa tagħha b’Z manifatturat fl-Istat Membru Y u tittrasportah lejn it-Tramuntana tal-Ewropa permezz ta’ trakk. L-ispejjeż tat-trasport huma pjuttost għoljin, iżda mhux għoljin biżżejjed biex jirrendu l-kunsinni mill-Kumpanija A lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa u mill-Kumpanija B lejn it-Tramuntana tal-Ewropa mhux redditizji. L-ispejjeż tat-trasport mill-Istat Membru X lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa huma aktar baxxi milli mill-Istat Membru Y lejn it-Tramuntana tal-Ewropa.

    Il-Kumpaniji A u B jiddeċiedu li jkun aktar effiċjenti jekk il-Kumpanija A tieqaf tittrasporta Z mill-Istat Membru X lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa u jekk il-Kumpanija B tieqaf tittrasporta Z mill-Istat Membru Y lejn it-Tramuntana tal-Ewropa iżda, fl-istess ħin, dawn huma ħerqana li jżommu l-klijenti tagħhom. Sabiex jagħmlu hekk, il-Kumpaniji A u B għandhom il-ħsieb li jidħlu f’akkordju ta’ tpartit li jippermettilhom jixtru kwantità annwali miftehma ta’ Z mill-impjant tal-parti l-oħra bil-għan li jbiegħu Z mixtri lil dawk il-klijenti tagħhom li jinsabu aktar qrib l-impjant tal-parti l-oħra. Sabiex jikkalkulaw prezz tax-xiri li ma jiffavorixxix parti waħda fuq l-oħra u li jikkunsidra l-ispejjeż tal-produzzjoni differenti tal-partijiet u l-iffrankar differenti fuq l-ispejjeż tat-trasport, u sabiex jiżguraw li ż-żewġ partijiet jistgħu jiksbu marġini xieraq, jaqblu li jiżvelaw lil xulxin l-ispejjeż ewlenin tagħhom fir-rigward ta’ Z (jiġifieri, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-ispejjeż tat-trasport).

    Analiżi: Il-fatt li l-Kumpaniji A u B – li huma kompetituri – ipartu partijiet mill-produzzjoni tagħhom ma jwassalx fih innifsu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, l-akkordju ta’ tpartit ippjanat bejn il-Kumpaniji A u B jipprovdi għall-iskambju tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tat-trasport taż-żewġ partijiet fir-rigward ta’ Z. Barra minn hekk, il-Kumpaniji A u B għandhom pożizzjoni fis-suq kombinata b’saħħitha f’suq relattivament konċentrat għal prodott ta’ bażi omoġenju. Għalhekk, minħabba l-iskambju ta’ informazzjoni estensiv fuq parametru ewlieni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ Z, huwa probabbli li l-akkordju ta’ tpartit bejn il-Kumpaniji A u B jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) għaliex jista’ jwassal għal riżultat kollużiv. Anki jekk l-akkordju joħloq kisbiet fl-effiċjenza sinifikanti fil-forma ta’ ffrankar fl-ispejjeż għall-partijiet, ir-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni ġġenerati mill-akkordju mhumiex indispensabbli għall-kisba tagħhom. Il-partijiet jistgħu jiksbu ffrankar fl-ispejjeż simili jekk jiftehmu fuq formula ta’ prezz li ma tinvolvix l-iżvelar tal-ispejjeż tal-produzzjoni u t-trasport tagħhom. Konsegwentement, l-akkordju ta’ tpartit fil-forma kurrenti tiegħu ma jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 101(3).

    5.   AKKORDJI TA’ XIRI

    5.1.   Definizzjoni

    194.

    Dan il-kapitolu jiffoka fuq l-akkordji li jikkonċernaw ix-xiri konġunt ta’ prodotti. Ix-xiri konġunt jista’ jitwettaq minn kumpanija kkontrollata b’mod konġunt, minn kumpanija li fiha hemm ħafna kumpaniji oħra li għandhom ishma mhux kontrollanti, permezz ta’ arranġament kuntrattwali jew permezz ta’ forom oħra ta’ kooperazzjoni anqas ristretti (li flimkien jissejħu “arranġamenti ta’ xiri konġunt”). L-arranġamenti ta’ xiri konġunt normalment jimmiraw lejn il-ħolqien ta’ setgħa ta’ xiri li jista’ jwassal għat-tnaqqis fil-prezzijiet għall-konsumaturi jew prodotti jew servizzi ta’ kwalità aħjar għall-konsumaturi. Madankollu, is-setgħa ta’ xiri, taħt ċerti ċirkustanzi, tista’ twassal ukoll għal tħassib dwar il-kompetizzjoni.

    195.

    L-arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jinvolvu kemm akkordji orizzontali kif ukoll vertikali. F’dawn il-każijiet ikun hemm bżonn ta’ analiżi f’żewġ stadji. L-ewwel, l-akkordji orizzontali bejn il-kumpaniji impenjati f’xiri konġunt għandhom jiġu evalwati skont il-prinċipji deskritti f’dawn il-linji gwida. Jekk dik l-evalwazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-arranġament ta’ xiri konġunt ma joħloqx tħassib dwar il-kompetizzjoni, evalwazzjoni oħra tkun meħtieġa biex jiġu eżaminati l-akkordji vertikali rilevanti. L-evalwazzjoni tal-aħħar għandha ssegwi r-regoli tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali u l-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali.

    196.

    Forma komuni ta’ arranġament ta’ xiri konġunt hija “alleanza”, jiġifieri, assoċjazzjoni ta’ impriżi ffurmati minn grupp ta’ bejjiegħa bl-imnut għax-xiri konġunt ta’ prodotti. L-akkordji orizzontali konklużi bejn il-membri tal-alleanza jew deċiżjonijiet adottati mill-alleanza l-ewwel għandhom jiġu evalwati bħala akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali skont dawn il-linji gwida. Huwa biss jekk dik l-evalwazzjoni ma tiżvela ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni li jsir rilevanti li jiġu evalwati l-akkordji vertikali rilevanti bejn l-alleanza u membru individwali tagħha u bejn l-alleanza u l-fornituri. Dawk l-akkordji huma koperti – soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet – mir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali. L-akkordji vertikali mhux koperti b’dak ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija mhumiex preżunti illegali iżda jeħtieġu eżami individwali.

    5.2.   Swieq rilevanti

    197.

    Hemm żewġt iswieq li jistgħu jiġu affettwati mill-arranġamenti ta’ xiri konġunt. L-ewwel is-suq jew swieq li l-arranġament ta’ xiri konġunt jkun konċernat direttament miegħu jew magħhom, jiġifieri, is-suq jew swieq tax-xiri rilevanti. It-tieni, is-suq jew swieq tal-bejgħ, jiġifieri, is-suq jew swieq downstream fejn il-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt ikunu attivi bħala bejjiegħa.

    198.

    Id-definizzjoni tas-swieq tax-xiri rilevanti ssegwi l-prinċipji deskritti fl-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq u hija bbażata fuq il-kunċett ta’ sostitwibbiltà għall-identifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi. L-unika differenza mid-definizzjoni ta’ “swieq tal-bejgħ” hija li s-sostitwibbiltà trid tiġi definita mill-perspettiva tal-provvista u mhux mill-perspettiva tad-domanda. Fi kliem ieħor, l-alternattivi għall-fornituri huma deċiżivi fl-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi fuq ix-xerrejja. Dawk l-alternattivi jistgħu jiġu analizzati, pereżempju, permezz tal-eżami tar-reazzjoni tal-fornituri għal żieda fil-prezz żgħira iżda mhux tranżitorja. Malli s-suq jiġi definit, is-sehem fis-suq jista’ jiġi kalkulat bħala l-persentaġġ tax-xiri mill-partijiet mill-bejgħ totali tal-prodott jew prodotti mixtrija fis-suq rilevanti.

    199.

    Jekk il-partijiet ikunu wkoll kompetituri f’suq tal-bejgħ wieħed jew iżjed, dawk is-swieq ukoll ikunu rilevanti għall-evalwazzjoni. Is-swieq tal-bejgħ għandhom jiġu definiti permezz tal-applikazzjoni tal-metodoloġija deskritta fl-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq.

    5.3.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    5.3.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    200.

    L-arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fuq is-suq jew swieq tax-xiri u/jew tal-bejgħ downstream, bħal żieda fil-prezzijiet, tnaqqis fl-output, fil-kwalità jew fil-varjetà tal-prodotti, jew fl-innovazzjoni, allokazzjoni tas-suq, jew esklużjoni antikompetittiva ta’ xerrejja oħra possibbli.

    201.

    Jekk il-kompetituri downstream jixtru parti sinifikanti tal-prodotti tagħhom flimkien, l-inċentivi tagħhom għall-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fis-suq jew swieq tal-bejgħ jistgħu jonqsu b’mod konsiderevoli. Jekk il-partijiet ikollhom livell sinifikanti ta’ setgħa fis-suq (li mhux neċessarjament ifisser dominanza) fis-suq jew swieq tal-bejgħ, il-prezzijiet tax-xiri aktar baxxi miksuba permezz tal-arranġament ta’ xiri konġunt probabbilment ma jiġux trasferiti lill-konsumaturi.

    202.

    Jekk il-partijiet ikollhom livell sinifikanti ta’ setgħa fis-suq tax-xiri (setgħa ta’ xiri) hemm riskju li jistgħu jisfurzaw lill-fornituri jnaqqsu l-firxa jew il-kwalità ta’ prodotti li jipproduċu, li jista’ joħloq effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni bħal tnaqqis fil-kwalità, tnaqqis fl-isforzi ta’ innovazzjoni, jew fl-aħħar mill-aħħar provvista mhux ottimali.

    203.

    Is-setgħa ta’ xiri tal-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt tista’ tintuża biex teskludi x-xerrejja f’kompetizzjoni billi tillimita l-aċċess tagħhom għal fornituri effiċjenti. Dan ikun l-aktar probabbli jekk ikun hemm numru limitat ta’ fornituri u jkun hemm ostakli għad-dħul fuq in-naħa tal-provvista tas-suq upstream.

    204.

    Madankollu, b'mod ġenerali, l-arranġamenti ta’ xiri konġunt huma inqas probabbli li jwasslu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni meta l-partijiet ma jkollhomx setgħa fis-suq jew fis-swieq tal-bejgħ.

    5.3.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    205.

    Arranġamenti ta’ xiri konġunt jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan jekk ma jikkonċernawx verament ix-xiri konġunt, iżda jservu bħala għodda għal impenn f’kartell moħbi, jiġifieri, l-iffissar ta’ prezzijiet, il-limitazzjoni tal-output jew l-allokazzjoni tas-suq li altrimenti jkunu projbiti.

    206.

    Akkordji li jinvolvu l-iffissar ta’ prezzijiet tax-xiri jista’ jkollhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (93). Madankollu, dan ma japplikax fejn il-partijiet f’arranġament ta’ xiri konġunt jaqblu dwar il-prezzijiet tax-xiri li l-arranġament ta’ xiri konġunt jista’ jħallas lill-fornituri tiegħu għall-prodotti soġġetti għall-kuntratt ta’ provvista. F’dak il-każ tkun meħtieġa evalwazzjoni ta’ jekk huwiex probabbli li l-akkordju jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Fiż-żewġ xenarji l-akkordju dwar il-prezzijiet tax-xiri m’għandux jiġi evalwat separatament, iżda fid-dawl tal-effetti globali tal-akkordju tax-xiri fuq is-suq.

    5.3.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    207.

    Arranġamenti ta’ xiri konġunt li ma jkollhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni għandhom jiġu analizzati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom fir-rigward tal-effetti attwali u probabbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni. L-analiżi tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni ġġenerati minn arranġament ta’ xiri konġunt għandha tkopri kemm l-effetti negattivi fuq is-swieq tax-xiri kif ukoll fuq dawk tal-bejgħ.

    Setgħa fis-suq

    208.

    Ma hemm l-ebda limitu assolut li ’l fuq minnu jista’ jiġi preżunt li l-partijiet f’arranġament ta’ xiri konġunt għandhom setgħa fis-suq b’mod li jkun probabbli li l-arranġament ta’ xiri konġunt iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet huwa improbabbli li teżisti setgħa fis-suq jekk il-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom sehem fis-suq kombinat li ma jaqbiżx l-15 % fis-suq jew swieq tax-xiri kif ukoll sehem fis-suq kombinat li ma jaqbiżx l-15 % fis-suq jew swieq tal-bejgħ. Fi kwalunkwe każ, jekk l-ishma fis-suq kombinati tal-partijiet ma jaqbżux l-15 % fuq kemm is-suq jew swieq tax-xiri kif ukoll is-suq jew swieq tal-bejgħ, huwa probabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti.

    209.

    Sehem fis-suq li jaqbeż dak il-limitu f’suq wieħed jew fit-tnejn li huma ma jindikax awtomatikament li l-arranġament ta’ xiri konġunt probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Arranġament ta’ xiri konġunt li ma jaqax fl-ambitu ta’ dik iż-żona ta’ sigurezza jeħtieġ evalwazzjoni dettaljata tal-effetti tiegħu fuq is-suq li tinvolvi, iżda ma tkunx limitata għal, fatturi bħall-konċentrazzjoni tas-suq u s-setgħa ta’ kontrabilanċjar possibbli ta’ fornituri b’saħħithom.

    210.

    Is-setgħa tax-xiri tista’ , f’ċerti ċirkostanzi, tikkawża effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Is-setgħa antikompetittiva ta’ xiri probabbilment tirriżulta jekk arranġament ta’ xiri konġunt jammonta għal proporzjon kbir biżżejjed tal-volum totali ta’ suq tax-xiri b’mod li l-aċċess għas-suq jista’ jiġi eskluż għal xerrejja f’kompetizzjoni. Livell għoli ta’ setgħa ta’ xiri jista’ indirettament jaffettwa l-produzzjoni, il-kwalità u l-varjetà tal-prodotti fis-suq tal-bejgħ.

    211.

    Fl-analiżi dwar jekk il-partijiet f’arranġament ta’ xiri konġunt ikollhomx setgħa ta’ xiri, in-numru u l-intensità tar-rabtiet (pereżempju akkordji ta’ xiri oħra) bejn il-kompetituri fis-suq huma rilevanti.

    212.

    Jekk, madankollu, jikkooperaw xerrejja f’kompetizzjoni li ma jkunux attivi fl-istess suq tal-bejgħ rilevanti (pereżempju bejjiegħa bl-imnut li jkunu attivi fi swieq ġeografiċi differenti u ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala kompetituri potenzjali), huwa improbabbli li l-arranġament ta’ xiri konġunt ikollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni sakemm il-partijiet ma jkollhomx pożizzjoni fis-swieq tax-xiri li x’aktarx tintuża biex tikkawża dannu għall-pożizzjoni kompetittiva tal-atturi l-oħra fis-swieq tal-bejgħ rispettivi tagħhom.

    Riżultat kollużiv

    213.

    Arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jwasslu għal riżultat kollużiv jekk jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-aġir tal-partijiet fis-suq tal-bejgħ. Dan jista’ jkun il-każ jekk il-partijiet jiksbu livell għoli ta’ komunalità tal-ispejjeż permezz tax-xiri konġunt, sakemm il-partijiet ikollhom is-setgħa fis-suq u l-karatteristiċi tas-suq iwasslu għall-koordinazzjoni.

    214.

    L-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jkunu aktar probabbli jekk il-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom proporzjon sinifikanti tal-ispejjeż varjabbli tagħhom fis-suq rilevanti downstream inkomuni. Dan ikun, pereżempju, il-każ jekk il-bejjiegħa bl-imnut li jkunu attivi fl-istess suq jew swieq tal-bejgħ bl-imnut rilevanti, jixtru flimkien ammont sinifikanti tal-prodotti li joffru għall-bejgħ mill-ġdid. Jista’ jkun il-każ ukoll jekk il-manifatturi u l-bejjiegħa f’kompetizzjoni ta’ prodott finali jixtru flimkien proporzjon għoli tal-input tagħhom flimkien.

    215.

    L-implimentazzjoni ta’ arranġament ta’ xiri konġunt jista’ jeħtieġ l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bħal prezzijiet u volumi tax-xiri. L-iskambju ta’ informazzjoni bħal din jista’ jiffaċilita l-koordinazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ u l-produzzjoni u b’hekk iwassal għal riżultat kollużiv fis-swieq tal-bejgħ. L-effetti ta’ spill-over mill-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jistgħu, pereżempju, jiġu minimizzati fejn id-dejta tinġabar minn arranġament ta’ xiri konġunt li ma jgħaddix l-informazzjoni lill-partijiet f’dak l-arranġament.

    216.

    Kwalunkwe effett negattiv li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni mhux se jiġi evalwat separatament iżda fid-dawl tal-effetti totali tal-akkordju. Jekk huwiex probabbli li l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ arranġament ta’ xiri konġunt iwassalx għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat skont il-gwida mogħtija fil-Kapitolu 2. Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni ma jaqbiżx il-qsim ta’ dejta meħtieġ għax-xiri konġunt tal-prodotti mill-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt, allura anki jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), ikun aktar probabbli li l-akkordju jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3) milli kieku l-iskambju jmur lil hinn minn dak meħtieġ għax-xiri konġunt.

    5.4.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    5.4.1.   Kisbiet fl-effiċjenza

    217.

    Arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jwasslu għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza. B’mod partikolari, jistgħu jwasslu għal iffrankar fl-ispejjeż bħal prezzijiet tax-xiri aktar baxxi jew tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjoni, tat-trasport u tal-ħażna, u b’hekk jiġu ffaċilitati l-ekonomiji ta’ skala. Barra minn hekk, arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza kwalitattivi billi jwasslu lill-fornituri sabiex jinnovaw u jintroduċu prodotti ġodda jew imtejba fis-swieq.

    5.4.2.   Indispensabbiltà

    218.

    Restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ għall-kisbiet fl-effiċjenza ġġenerati permezz ta’ akkordju tax-xiri ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Obbligu ta’ xiri esklużivament permezz tal-kooperazzjoni jista’ , f’ċerti każijiet, ikun indispensabbli għall-kisba tal-volum meħtieġ għat-twettiq ta’ ekonomiji ta’ skala. Madankollu, obbligu bħal dan għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-każ individwali.

    5.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

    219.

    Il-kisbiet fl-effiċjenza, bħal effiċjenza fl-ispejjeż jew effiċjenza kwalitattiva fil-forma tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda jew imtejba fis-suq, miksuba permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jridu jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati bl-arranġament ta’ xiri konġunt. Għaldaqstant, l-iffrankar fl-ispejjeż jew effiċjenzi oħra li jibbenefikaw minnhom biss il-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt ma jkunx biżżejjed. L-iffrankar fl-ispejjeż għandu jiġi trasferit lill-konsumaturi, jiġifieri, il-klijenti tal-partijiet. Biex jingħata eżempju sinifikanti, dan it-trasferiment jista’ jseħħ permezz ta’ prezzijiet aktar baxxi fis-swieq tal-bejgħ. Prezzijiet tax-xiri aktar baxxi li jirriżultaw mis-sempliċi eżerċizzju tas-setgħa tax-xiri probabbilment ma jiġux trasferiti lill-konsumaturi jekk ix-xerrejja flimkien ikollhom setgħa fis-swieq tal-bejgħ, u b’hekk ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Barra minn hekk, aktar ma tkun għolja s-setgħa fis-suq tal-partijiet fis-suq jew swieq tal-bejgħ anqas ikun probabbli li jgħaddu l-kisbiet fl-effiċjenza lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    5.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    220.

    Il-kriterji tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu sodisfatti jekk il-partijiet jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti konċernati. Dik l-evalwazzjoni għandha tkopri s-swieq kemm tax-xiri kif ukoll tal-bejgħ.

    5.5.   Eżempji

    221.

    Xiri konġunt minn kumpaniji żgħar b’ishma fis-suq kombinati moderati

    Eżempju 1

    Sitwazzjoni: 150 bejjiegħ bl-imnut żgħir ikkonkludew akkordju biex jiffurmaw organizzazzjoni ta’ xiri konġunt. Dawn huma obbligati jixtru volum minimu permezz tal-organizzazzjoni, li jammonta għal madwar 50 % tal-ispejjeż totali ta’ kull bejjiegħ bl-imnut. Il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jixtru iżjed mill-volum minimu permezz tal-organizzazzjoni, u jistgħu wkoll jixtru barra mill-kooperazzjoni. Dawn għandhom sehem fis-suq kombinat ta’ 20 % fis-swieq kemm tax-xiri kif ukoll tal-bejgħ. Il-Kumpanija A u l-Kumpanija B huma ż-żewġ kompetituri kbar tagħhom. Il-Kumpanija A għandha sehem ta’ 25 % fis-swieq kemm tax-xiri kif ukoll tal-bejgħ, u l-Kumpanija B għandha 35 %. M’hemm l-ebda ostaklu li jista’ jimpedixxi lill-bqija tal-kompetituri żgħar milli jiffurmaw ukoll grupp tax-xiri. Il-150 bejjiegħ bl-imnut jiksbu ffrankar fl-ispejjeż sostanzjali permezz tax-xiri konġunt permezz tal-organizzazzjoni ta’ xiri.

    Analiżi: Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom pożizzjoni fis-suq moderata fis-swieq tax-xiri u tal-bejgħ. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni toħloq xi ekonomiji ta’ skala. Għalkemm il-bejjiegħa bl-imnut jiksbu livell għoli ta’ komunalità tal-ispejjeż, huwa improbabbli li dawn ikollhom setgħa fis-suq tal-bejgħ minħabba l-preżenza fis-suq tal-Kumpaniji A u B, li huma t-tnejn individwalment akbar mill-organizzazzjoni ta’ xiri konġunt. Konsegwentement, huwa improbabbli li l-bejjiegħa bl-imnut jikkoordinaw l-aġir tagħhom u jilħqu riżultat kollużiv. Għalhekk huwa improbabbli li l-formazzjoni tal-organizzazzjoni ta’ xiri konġunt twassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    222.

    Komunalità tal-ispejjeż u setgħa fis-suq tal-bejgħ

    Eżempju 2

    Sitwazzjoni: Żewġ gruppi ta’ supermarkets jikkonkludu akkordju biex jixtru flimkien prodotti li jammontaw għal madwar 80% tal-ispejjeż varjabbli tagħhom. Fis-swieq tax-xiri rilevanti għall-kategoriji differenti ta’ prodotti l-partijiet għandhom ishma fis-suq kombinati ta’ bejn 25% u 40%. Fis-suq tax-xiri rilevanti għandhom sehem fis-suq kombinat ta’ 60%. Hemm erba’ bejjiegħa bl-imnut sinifikanti oħra, kull wieħed b’sehem fis-suq ta’ 10%. Id-dħul fis-suq huwa improbabbli.

    Analiżi: Huwa probabbli li dan l-akkordju ta’ xiri jagħti lill-partijiet il-kapaċità li jikkordinaw l-aġir tagħhom fis-suq tal-bejgħ, u b’hekk iwassal għal riżultat kollużiv. Il-partijiet għandhom setgħa fis-suq tal-bejgħ u l-akkordju ta’ xiri jwassal għal komunalità sinifikanti tal-ispejjeż. Barra minn hekk, id-dħul fis-suq huwa improbabbli. L-inċentiva għall-partijiet biex jikkordinaw l-aġir tagħhom tiġi rinforzata kieku l-istrutturi tal-ispejjeż tagħhom kienu diġà simili qabel il-konklużjoni tal-akkordju. Barra minn hekk, marġini simili tal-partijiet iżid aktar ir-riskju ta’ riżultat kollużiv. Dan l-akkordju joħloq ukoll ir-riskju li permezz taż-żamma tad-domanda tal-partijiet u, konsegwentement, b’riżultat ta’ tnaqqis fil-kwantità, prezzijiet ta’ bejgħ dowstream se jiżdiedu. Għaldaqstant, l-akkordju ta’ xiri probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Minkejja li huwa probabbli ħafna li l-akkordju jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza fil-forma ta’ ffrankar fl-ispejjeż, minħabba s-setgħa sinifikanti fis-suq tal-bejgħ tal-partijiet, huwa improbabbli li dawn jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk, l-akkordju ta’ xiri probabbilment ma jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 101(3).

    223.

    Partijiet attivi fi swieq ġeografiċi differenti

    Eżempju 3

    Sitwazzjoni: Sitt bejjiegħa bl-imnut, kull wieħed minnhom ibbażat fi Stat Membru differenti, jifformaw grupp ta’ xiri biex jixtru flimkien diversi prodotti tad-ditta bbażati fuq id-dqiq tal-qamħ durum. Il-partijiet huma permessi jixtru prodotti tad-ditta oħra simili barra mill-kooperazzjoni. Barra minn hekk, ħamsa minnhom joffru wkoll prodotti simili b’tikketti privati. Il-membri tal-grupp ta’ xiri għandhom sehem fis-suq kombinat ta’ madwar 20 % fis-suq tax-xiri rilevanti, li jkopri l-Unjoni kollha. Fis-suq tax-xiri hemm tliet atturi oħra kbar ta’ daqs simili. Kull waħda mill-partijiet fil-grupp ta’ xiri għandha sehem fis-suq ta’ bejn 20 % u 30 % fis-swieq tal-bejgħ nazzjonali li huma attivi fihom. L-ebda waħda minnhom ma hija attiva fi Stat Membru fejn huwa attiv membru ieħor tal-grupp. Il-partijiet mhumiex parteċipanti ġodda potenzjali fis-swieq ta’ xulxin.

    Analiżi: Il-grupp ta’ xiri jkun jista’ jikkompeti mal-atturi oħra ewlenin eżistenti fis-suq tax-xiri. Is-swieq tal-bejgħ huma ħafna iżgħar (fil-fatturat u fl-ambitu ġeografiku) mis-suq tax-xiri li jkopri l-Unjoni kollha u f’dawn is-swieq uħud mill-membri tal-grupp jista’ jkollhom setgħa fis-suq. Anki jekk il-membri tal-grupp ta’ xiri għandhom sehem fis-suq kombinat ta’ aktar minn 15% fis-suq tax-xiri, huwa improbabbli li l-partijiet jikkordinaw l-aġir tagħhom u jkollhom kollużjoni fis-swieq tal-bejgħ għaliex la huma kompetituri attwali u lanqas potenzjali fis-swieq downstream. Konsegwentement, huwa improbabbli li l-grupp ta’ xiri jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    224.

    Skambju ta’ informazzjoni

    Eżempju 4

    Sitwazzjoni: Tlett manifatturi f’kompetizzjoni A, B u C jinkarigaw lil organizzazzjoni ta’ xiri konġunt indipendenti biex tixtri l-prodott Z, li huwa prodott intermedju użat mit-tliet partijiet għall-produzzjoni tagħhom tal-prodott finali X. L-ispejjeż ta’ Z mhumiex fattur ta’ spejjeż sinifikanti għall-produzzjoni ta’ X. L-organizzazzjoni ta’ xiri konġunt ma tikkompetix mal-partijiet fis-suq tal-bejgħ għal X. L-informazzjoni kollha meħtieġa għax-xiri (pereżempju l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità, il-kwantitajiet, id-dati tal-kunsinna, il-prezzijiet massimi tax-xiri) tiġi żvelata biss lill-organizzazzjoni ta’ xiri konġunt, mhux lill-partijiet l-oħra. L-organizzazzjoni ta’ xiri konġunt taqbel dwar il-prezzijiet tax-xiri mal-fornituri. A, B u C għandhom sehem fis-suq kombinat ta’ 30 % f’kull wieħed mis-swieq tax-xiri u tal-bejgħ. Dawn għandhom sitt kompetituri fis-swieq tax-xiri u l-bejgħ, tnejn minnhom b’sehem fis-suq ta’ 20 %.

    Analiżi: Minħabba li m'hemm ebda skambju ta’ informazzjoni dirett bejn il-partijiet, huwa improbabbli li t-trasferiment tal-informazzjoni meħtieġa għax-xiri lill-organizzazzjoni ta’ xiri konġunt iwassal għal riżultat kollużiv. Konsegwentement, huwa improbabbli li l-iskambju ta’ informazzjoni jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    6.   AKKORDJI DWAR IL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI

    6.1.   Definizzjoni

    225.

    L-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jinvolvu kooperazzjoni bejn kompetituri fil-bejgħ, id-distribuzzjoni jew il-promozzjoni tal-prodotti ta’ sostituzzjoni tagħhom. Dan it-tip ta’ akkordji jista’ jkollu ambitu li jvarja ħafna, skont il-funzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni li jkunu koperti mill-kooperazzjoni. Minn naħa waħda tal-ispettru, l-akkordji ta’ bejgħ konġunt jistgħu jwasslu għal determinazzjoni konġunta tal-aspetti kummerċjali kollha relatati mal-bejgħ tal-prodott, inkluż il-prezz. Min-naħa l-oħra, hemm akkordji iżjed limitati li jindirizzaw biss funzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni speċifika waħda, bħad-distribuzzjoni, is-servizz ta’ wara l-bejgħ, jew ir-reklamar.

    226.

    Kategorija importanti ta’ dawk l-akkordji iżjed limitati hija l-akkordji ta’ distribuzzjoni. Ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali u l-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali ġeneralment ikopru l-akkordji ta’ distribuzzjoni sakemm il-partijiet fl-akkordju jkunu kompetituri attwali jew potenzjali. Jekk il-partijiet ikunu kompetituri, ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali jkopri biss akkordji vertikali mhux reċiproċi bejn il-kompetituri, jekk (a) il-fornitur ikun manifattur u distributur ta’ oġġetti, filwaqt li x-xerrej ikun distributur u ma jkunx impriża konkorrenti fil-livell tal-manifattura jew, (b) il-fornitur ikun jipprovdi servizzi f’bosta livelli tal-kummerċ, filwaqt li x-xerrej ikun jipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi tiegħu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u ma jkunx jipprovdi servizzi konkorrenti fil-livell tal-kummerċ fejn jixtri s-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt (94).

    227.

    Jekk il-kompetituri jaqblu li jiddistribwixxu l-prodotti ta’ sostituzzjni tagħhom fuq bażi reċiproka (b’mod partikolari jekk jagħmlu dan fi swieq ġeografiċi differenti) hemm il-possibbiltà f’ċerti każijiet li l-akkordji jkollhom bħala l-oġġett jew l-effett tagħhom il-qsim tas-swieq bejn il-partijiet jew li jwasslu għal riżultat kollużiv. L-istess jista’ jgħodd għal akkordji mhux reċiproċi bejn kompetituri. Akkordji reċiproċi u akkordji mhux reċiproċi bejn il-kompetituri għalhekk għandhom l-ewwel jiġu evalwati skont il-prinċipji stabbiliti f’dan il-Kapitolu. Jekk dik l-evalwazzjoni twassal għall-konklużjoni li kooperazzjoni bejn kompetituri fil-qasam tad-distribuzzjoni fil-prinċipju tkun aċċettabbli, tkun meħtieġa evalwazzjoni oħra biex jiġu eżaminati r-restrizzjonijiet vertikali inklużi f’tali akkordji. Dak it-tieni stadju tal-evalwazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali.

    228.

    Distinzjoni oħra għandha ssir bejn akkordji fejn il-partijiet jaqblu biss dwar kummerċjalizzazzjoni konġunta u akkordji fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun relatata ma’ tip ieħor ta’ kooperazzjoni upstream, bħal produzzjoni konġunta jew xiri konġunt. Fl-analiżi tal-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni li jikkombinaw stadji differenti ta’ kooperazzjoni huwa meħtieġ li jiġi determinat iċ-ċentru tal-gravità tal-kooperazzjoni skont il-paragrafi 13 u 14.

    6.2.   Swieq rilevanti

    229.

    Sabiex tiġi evalwata r-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet, is-suq jew swieq tal-prodott u ġeografiċi rilevanti konċernati direttament mill-kooperazzjoni (jiġifieri s-suq jew swieq li jaqgħu taħthom il-prodotti soġġetti għall-akkordju) għandhom jiġu definiti. Minħabba li akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni f’suq wieħed jista’ jaffettwa wkoll l-aġir kompetittiv tal-partijiet f’suq viċin tiegħu li jkun relatat fil-qrib mas-suq konċernat direttament mill-kooperazzjoni, kwalunkwe tali suq viċin irid jiġi definit ukoll. Is-suq viċin jista’ jkun relatat orizzontalment jew vertikalment mas-suq fejn isseħħ il-kooperazzjoni.

    6.3.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    6.3.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    230.

    Akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni b’diversi modi. L-ewwel nett, u bl-aktar mod ovvju, akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu għall-iffissar tal-prezzijiet.

    231.

    It-tieni nett, akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-limitazzjoni tal-output, minħabba li l-partijiet jistgħu jiddeċiedu l-volum ta’ prodotti li għandu jitqiegħed fis-suq, u għaldaqstant jirrestrinġu l-provvista.

    232.

    It-tielet nett, akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jsiru mezz biex il-partijiet jaqsmu s-suq jew jallokaw l-ordnijiet jew il-klijenti, pereżempju f’każijiet fejn l-impjanti tal-produzzjoni tal-partijiet ikunu jinsabu fi swieq ġeografiċi differenti jew meta l-akkordji jkunu reċiproċi.

    233.

    Fl-aħħar nett, l-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu wkoll għal skambju ta’ informazzjoni strateġika relatata mal-aspetti fi ħdan jew ’il barra mill-ambitu tal-kooperazzjoni jew mal-komunalità tal-ispejjeż – b’mod partikolari fir-rigward ta’ akkordji li ma jinvolvux iffissar tal-prezzijiet – li jista’ jirriżulta f’riżultat kollużiv.

    6.3.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    234.

    L-iffissar tal-prezzijiet huwa element ewlieni ta’ tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirriżulta mill-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn kompetituri. Akkordji limitati għall-bejgħ konġunt ġeneralment ikollhom l-għan li jikkoordinaw il-politika tal-ipprezzar tal-manifatturi jew fornituri tas-servizz f’kompetizzjoni. Tali akkordji jistgħu mhux biss jeliminaw il-kompetizzjoni fil-prezz bejn il-partijiet fuq prodotti ta’ sostituzzjoni iżda jistgħu wkoll jirrestrinġu l-volum totali tal-prodotti li għandhom jiġu kkonsenjati mill-partijiet fi ħdan il-qafas ta’ sistema għall-allokazzjoni tal-ordnijiet. Għalhekk tali akkordji probabbilment jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan.

    235.

    Dik l-evalwazzjoni ma tinbidilx jekk l-akkordju ma jkunx esklużiv (jiġifieri, fejn il-partijiet ikunu ħielsa li jbiegħu individwalment barra mill-akkordju), sakemm jista’ jiġi konkluż li l-akkordju se jwassal għal koordinazzjoni globali tal-prezzijiet li jitolbu l-partijiet.

    236.

    Tħassib ieħor speċifiku dwar il-kompetizzjoni relatat mal-arranġamenti ta’ distribuzzjoni bejn il-partijiet li jkunu attivi fi swieq ġeografikament differenti huwa li dawn jistgħu jkunu strument ta’ qsim tas-suq. Jekk il-partijiet jużaw akkordju ta’ distribuzzjoni reċiproka biex jiddistribwixxu l-prodotti ta’ xulxin sabiex jeliminaw kompetizzjoni attwali jew potenzjali bejniethom billi deliberatament jallokaw is-swieq jew il-klijenti, l-akkordju probabbilment ikollu bħala l-għan tiegħu restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Jekk l-akkordju ma jkunx reċiproku, ir-riskju ta’ qsim tas-suq ikun anqas sinifikanti. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk l-akkordju mhux reċiproku jikkostitwixxix il-bażi għal ftehim reċiproku biex il-partijiet jevitaw li jidħlu fis-swieq ta’ xulxin.

    6.3.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    237.

    Akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni normalment ma jagħtix lok għal tħassib dwar il-kompetizzjoni jekk ikun meħtieġ oġġettivament sabiex parti waħda tkun tista’ tidħol f’suq li kieku ma kinitx tkun tista’ tidħol fih individwalment jew ma’ numru aktar limitat ta’ partijiet milli dawk li effettivament ikunu qed jieħdu parti fil-kooperazzjoni, pereżempju, minħabba l-ispejjeż involuti. Applikazzjoni speċifika ta’ dan il-prinċipju hija fl-arranġamenti ta’ konsorzju li jippermettu lill-kumpaniji involuti jipparteċipaw fi proġetti li ma jkunux jistgħu jwettqu individwalment. Minħabba li l-partijiet fl-arranġament ta’ konsorzju għalhekk ma jkunux kompetituri potenzjali għall-implimentazzjoni tal-proġett, ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    238.

    Bl-istess mod, mhux l-akkordji ta’ distribuzzjoni reċiproka kollha jkollhom bħala l-għan tagħhom restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Skont il-fatti tal-każ konċernat, ċerti akkordji ta’ distribuzzjoni reċiproka jistgħu, madankollu, ikollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Il-kwistjoni prinċipali fl-evalwazzjoni ta’ akkordju ta’ dan it-tip tkun jekk l-akkordju konċernat ikunx meħtieġ oġġettivament biex il-partijiet jidħlu fis-swieq ta’ xulxin. Jekk dan ikun il-każ, l-akkordju ma joħloqx problemi ta’ kompetizzjoni ta’ natura orizzontali. Madankollu, jekk l-akkordju jnaqqas l-indipendenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ waħda mill-partijiet fir-rigward tad-dħul fis-swieq tal-partijiet l-oħra billi jillimita l-inċentivi tagħha biex tagħmel dan, huwa probabbli li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. L-istess raġunar japplika għal akkordji mhux reċiproċi, fejn ir-riskju ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jkun, madankollu, anqas sinifikanti.

    239.

    Barra minn hekk, akkordju ta’ distribuzzjoni jista’ jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk ikun fih restrizzjonijiet vertikali, bħal restrizzjonijiet fuq bejgħ passiv, żamma tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid, eċċ.

    Setgħa fis-suq

    240.

    Akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn kompetituri jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni biss jekk il-partijiet ikollhom ċertu livell ta’ setgħa fis-suq. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, huwa improbabbli li teżisti setgħa fis-suq jekk il-partijiet fl-akkordju jkollhom sehem fis-suq kombinat li ma jaqbiżx il-15 %. Fi kwalunkwe każ, jekk is-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx il-15 % huwa probabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti.

    241.

    Jekk is-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet ikun akbar minn 15 %, l-akkordju tagħhom jaqa’ barra miż-żona ta’ sigurezza tal-paragrafu 240 u għalhekk l-impatt probabbli tal-akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta fuq is-suq għandu jiġi evalwat.

    Riżultat kollużiv

    242.

    Akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta li ma jinvolvix iffissar tal-prezzijiet ukoll probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk iżid il-komunalità tal-ispejjeż varjabbli tal-partijiet sa livell li probabbilment iwassal għal riżultat kollużiv. Dan probabbilment ikun il-każ fir-rigward ta’ akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta jekk qabel l-akkordju l-partijiet ikollhom diġà proporzjon għoli tal-ispejjeż varjabbli tagħhom inkomuni għaliex iż-żieda addizzjonali (jiġifieri, l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott soġġett għall-akkordji) tista’ tbiddel il-bilanċ lejn riżultat kollużiv. Għall-kuntrarju, jekk iż-żieda tkun kbira, ir-riskju ta’ riżultat kollużiv jista’ jkun għoli anki jekk il-livell inizjali tal-komunalità tal-ispejjeż ikun baxx.

    243.

    Il-probabbiltà ta’ riżultat kollużiv tiddependi fuq is-setgħa fis-suq tal-partijiet u l-karatteristiċi tas-suq rilevanti. Il-komunalità tal-ispejjeż tista’ żżid ir-riskju ta’ riżultat kollużiv biss jekk il-partijiet ikollhom setgħa fis-suq u jekk l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni jikkostitwixxu proporzjon kbir tal-ispejjeż varjabbli relatati mal-prodotti konċernati. Dan, pereżempju, ma jkunx il-każ għal prodotti omoġenji li l-ogħla fattur tal-ispejjeż tagħhom ikun il-produzzjoni. Madankollu, il-komunalità tal-ispejjeż iżżid ir-riskju ta’ riżultat kollużiv jekk l-akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni jikkonċerna prodotti li jinvolvu kummerċjalizzazzjoni għalja, pereżempju, spejjeż tad-distribuzzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni għolja. Konsegwentement, akkordji ta’ reklamar konġunt jew ta’ promozzjoni konġunta jistgħu wkoll iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk dawk l-ispejjeż jikkostitwixxu fattur sinifikanti tal-ispejjeż.

    244.

    Il-kummerċjalizzazzjoni konġunta ġeneralment tinvolvi l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari dwar l-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ipprezzar. Fil-parti l-kbira tal-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni, ċertu livell ta’ skambju ta’ informazzjoni ikun meħtieġ sabiex l-akkordju jiġi implimentat. Għalhekk ikun meħtieġ li jiġi verifikat jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jistax iwassal għal riżultat kollużiv fir-rigward tal-attivitajiet tal-partijiet fi ħdan jew ’il barra mill-kooperazzjoni. Kwalunkwe effett negattiv li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni m’għandux jiġi evalwat separatament iżda fid-dawl tal-effetti globali tal-akkordju.

    245.

    Pereżempju, fejn il-partijiet fl-akkordju ta’ reklamar konġunt jiskambjaw informazzjoni dwar l-ipprezzar, dan jista’ jwassal għal riżultat kollużiv fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti li jiġu reklamati flimkien. Fi kwalunkwe każ, l-iskambju ta’ tali informazzjoni fil-kuntest ta’ akkordju ta’ reklamar konġunt imur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex dak l-akkordju jiġi implimentat. L-effetti restrittivi probabbli fuq il-kompetizzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jiddependu fuq il-karatteristiċi tas-suq u d-dejta maqsuma, u għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-gwida mogħtija fil-Kapitolu 2.

    6.4.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    6.4.1.   Kisbiet fl-effiċjenza

    246.

    Akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza. Il-kisbiet fl-effiċjenza li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni ta’ jekk akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 101(3) jiddependu fuq in-natura tal-attività u l-partijiet fil-kooperazzjoni. L-iffissar tal-prezzijiet ġeneralment ma jistax jiġi ġustifikat, sakemm ma jkunx indispensabbli għall-integrazzjoni ta’ funzjonijiet oħra tal-kummerċjalizzazzjoni, u sakemm din l-integrazzjoni ma tiġġenerax kisbiet fl-effiċjenza sostanzjali. Id-distribuzzjoni konġunta tista’ tiġġenera kisbiet fl-effiċjenza sinifikanti, li jirriżultaw minn ekonomiji ta’ skala jew ta’ ambitu, speċjalment għal produtturi iżgħar.

    247.

    Barra minn hekk, il-kisbiet fl-effiċjenzi m’għandhomx ikunu ffrankar li jirriżulta biss mill-eliminazzjoni tal-ispejjeż li jkunu parti inerenti mill-kompetizzjoni, iżda għandhom jirriżultaw mill-integrazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi. Tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport li jkun riżultat biss tal-allokazzjoni tal-klijenti mingħajr kwalunkwe integrazzjoni tas-sistema loġistika għalhekk ma jistax jitqies bħala kisba fl-effiċjenza skont it-tifsira tal-Artikolu 101(3).

    248.

    Il-kisbiet fl-effiċjenza għandhom jintwerew mill-partijiet fl-akkordju. Element importanti f’dan ir-rigward ikun il-kontribuzzjoni mill-partijiet ta’ kapital, teknoloġija, jew assi oħra sinifikanti. L-iffrankar tal-ispejjeż permezz tat-tnaqqis tad-duplikazzjoni tar-riżorsi u l-faċilitajiet jista’ jiġi aċċettat ukoll. Madankollu, jekk il-kummerċjalizzazzjoni konġunta ma tirrappreżentax iżjed minn aġenzija tal-bejgħ mingħajr kwalunkwe investiment, huwa probabbli li tkun kartell moħbi u għaldaqstant huwa improbabbli li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

    6.4.2.   Indispensabbiltà

    249.

    Restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ għall-kisba taż-żidiet fl-effiċjenza ġġenerati minn akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Il-kwistjoni ta’ indispensabbiltà hija speċjalment importanti għal dawk l-akkordji li jinvolvu ffissar tal-prezzijiet jew allokazzjoni tas-suq, li jistgħu jitqiesu indispensabbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

    6.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

    250.

    Iż-żidiet fl-effiċjenza li jinkisbu permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli għandhom jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati mill-akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dan jista’ jseħħ fil-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi jew kwalità jew varjetà aħjar tal-prodotti. Aktar ma tkun għolja s-setgħa fis-suq tal-partijiet, madankollu, anqas huwa probabbli li l-kisbiet fl-effiċjenza jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Fejn il-partijiet ikollhom sehem fis-suq kombinat ta’ inqas minn 15%, huwa probabbli li kwalunkwe kisba fl-effiċjenza ġġenerata mill-akkordju li tintwera tiġi trasferita b’mod suffiċjenti lill-konsumaturi.

    6.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    251.

    Il-kriterji tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu sodisfatti jekk il-partijiet jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti konċernati. Dan għandu jiġi analizzat fis-suq rilevanti li jaqgħu taħtu l-prodotti soġġetti għall-kooperazzjoni u fis-swieq possibbli ta’ spill-over.

    6.5.   Eżempji

    252.

    Kummerċjalizzazzjoni konġunta meħtieġa għad-dħul f’suq

    Eżempju 1

    Sitwazzjoni: Erba’ kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ londri f’belt kbira viċin il-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, kull waħda b’sehem ta’ 3 % fis-suq tal-londri globali f’dik il-belt, jaqblu li joħolqu fergħa ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta għall-bejgħ tas-servizzi tal-londri lil klijenti istituzzjonali (jiġifieri, lukandi, sptarijiet u uffiċċji), waqt li jżommu l-indipendenza u l-libertà tagħhom li jikkompetu għal klijenti lokali individwali. Fid-dawl tas-segment ġdid tad-domanda (il-klijenti istituzzjonali) huma jiżviluppaw isem ta’ ditta komuni, prezzijiet komuni u termini standard komuni inkluż, inter alia, perjodu massimu ta’ 24 siegħa għall-kunsinni u l-iskedar għall-kunsinna. Dawn jistabbilixxu ċentru tat-telefonati komuni fejn il-klijenti istituzzjonali jistgħu jitolbu s-servizz ta’ ġbir u/jew kunsinna tagħhom. Dawn jimpjegaw receptionist (għaċ-ċentru tat-telefonati) u diversi sewwieqa. Jinvestu wkoll f’vannijiet għall-kunsinna, u fil-promozzjoni tad-ditta, biex iżidu l-viżibbiltà tagħhom. L-akkordju ma jnaqqasx kompletament l-ispejjeż tal-infrastruttura individwali tagħhom (minħabba li dawn iżommu l-bini tagħhom u jibqgħu jikkompetu ma’ xulxin għall-klijenti lokali individwali), iżda jżid l-ekonomiji ta’ skala tagħhom u jippermettilhom joffru servizz aktar komprensiv lil tipi oħra ta’ klijenti, li jinkludi sigħat itwal ta’ ftuħ u kunsinna b’kopertura ġeografika aktar estensiva. Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-proġett, huwa indispensabbli li l-erbgħa li huma jidħlu fl-akkordju. Is-suq huwa frammentat ħafna, bl-ebda kompetitur individwali ma jkollu sehem fis-suq li jaqbeż il-15 %.

    Analiżi: Għalkemm is-sehem fis-suq konġunt tal-partijiet huwa taħt il-15%, il-fatt li l-akkordju jinvolvi ffissar tal-prezzijiet ifisser li jista’ japplika l-Artikolu 101(1). Madankollu, il-partijiet ma kinux ikunu f’pożizzjoni li jidħlu fis-suq għall-provvista ta’ servizzi ta’ londri lil klijenti istituzzjonali, kemm individwalment kemm f’kooperazzjoni ma’ numru iżgħar ta’ partijiet mill-erbgħa li attwalment qed jieħdu parti fl-akkordju. Għaldaqstant, l-akkordju ma joħloqx tħassib dwar il-kompetizzjoni, irrispettivament mir-restrizzjoni fuq l-iffissar tal-prezzijiet, li f’dan il-każ tista’ titqies bħala indispensabbli għall-promozzjoni tad-ditta komuni u s-suċċess tal-proġett.

    253.

    Akkordju ta’ kummerċjalizzazzjoni minn iżjed partijiet minn dawk meħtieġa għad-dħul f’suq

    Eżempju 2

    Sitwazzjoni: L-istess fatti bħal fl-Eżempju 1, paragrafu 252, japplikaw b’differenza prinċipali waħda: sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-proġett, l-akkordju seta’ ġie implimentat minn tlieta biss mill-partijiet (minflok l-erbgħa li fil-fatt qed jieħdu sehem fil-kooperazzjoni).

    Analiżi: Għalkemm is-sehem fis-suq konġunt tal-partijiet huwa taħt il-15 %, il-fatt li l-akkordju jinvolvi l-iffissar tal-prezzijiet u seta’ jitwettaq minn anqas mill-erba’ partijiet ifisser li japplika l-Artikolu 101(1). L-akkordju għalhekk għandu bżonn jiġi evalwat skont l-Artikolu 101(3). L-akkordju jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza għaliex il-partijiet issa jistgħu joffru servizzi mtejba lil kategorija ġdida ta’ klijenti fuq skala ikbar (li kieku ma kinux ikunu jistgħu jipprovduhom individwalment). Fid-dawl tas-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet ta’ anqas minn 15 %, huwa probabbli li jittrasferixxu b’mod suffiċjenti kwalunkwe kisba fl-effiċjenza lill-konsumaturi. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat jekk ir-restrizzjonijiet imposti mill-akkordju humiex indispensabbli għat-twettiq tal-kisbiet fl-effiċjenza u jekk l-akkordju jeliminax il-kompetizzjoni. Peress li l-għan tal-akkordju huwa li jipprovdi servizz aktar komprensiv (inkluża l-kunsinna, li ma kinitx offruta qabel) lil kategorija addizzjonali ta’ klijenti, taħt ditta waħda b’termini standard komuni, l-iffissar tal-prezzijiet jista’ jitqies indispensabbli għall-promozzjoni tad-ditta komuni u, konsegwentement, għas-suċċess tal-proġett u l-kisbiet fl-effiċjenza li jirriżultaw. Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-frammentazzjoni tas-suq, l-akkordju mhuwiex se jelimina l-kompetizzjoni. Il-fatt li hemm erba’ partijiet fl-akkordju (minflok it-tlieta li kienu jkunu strettament meħtieġa) jippermetti żieda fil-kapaċità u jikkontribwixxi biex tiġi sodisfatta simultanjament id-domanda ta’ ħafna klijenti istituzzjonali b’konformità mat-termini standard (jiġifieri, is-sodisfazzjon tat-termini ta’ żmien massimu għall-kunsinna). Għaldaqstant, il-kisbiet fl-effiċjenza probabbilment jissuperaw l-effetti restrittivi li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet u l-akkordju probabbilment jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

    254.

    Pjattaforma tal-internet konġunta

    Eżempju 3

    Sitwazzjoni: Numru ta’ ħwienet speċjalizzati żgħar mifruxa ma’ Stat Membru jabbonaw ruħhom ma’ pjattaforma elettronika bbażata fuq l-internet għall-promozzjoni, il-bejgħ u l-kunsinna ta’ qfief tal-frott bħala rigal. Hemm numru ta’ pjattaformi bbażati fuq l-internet f’kompetizzjoni. Permezz ta’ miżata fix-xahar, dawn jaqsmu l-ispejjeż tal-operat tal-pjattaforma u jinvestu flimkien fil-promozzjoni tad-ditta. Permezz tal-paġna fuq l-internet, fejn tiġi offruta firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ qfief bħala rigal, il-klijenti jordnaw (u jħallsu) it-tip ta’ qoffa bħala rigal li jixtiequ li tiġi kkonsenjata. L-ordni mbagħad tiġi allokata lill-eqreb ħanut speċjalizzat għall-indirizz tal-kunsinna. Il-ħanut individwalment iħallas l-ispejjeż tal-preparazzjoni tal-qoffa bħala rigal u l-kunsinna tagħha lill-klijent. Dan jieħu 90 % tal-prezz finali, li jiġi stabbilit mill-pjattaforma bbażata fuq l-internet u japplika b’mod uniformi għall-ħwienet speċjalizzati kollha li qed jipparteċipaw, waqt li l-10 % li jifdal jiġu użati għall-promozzjoni komuni u l-ispejjeż tal-operat tal-pjattaforma bbażata fuq l-internet. Minbarra l-ħlas ta’ miżata fix-xahar, ma hemm l-ebda restrizzjonijiet oħra għall-ħwienet speċjalizzati biex jidħlu fil-pjattaforma, mat-territorju nazzjonali kollu. Barra minn hekk, il-ħwienet speċjalizzati li għandhom il-websajt tal-kumpanija tagħhom stess jistgħu wkoll (u f’xi każijiet jagħmlu dan) jbiegħu qfief tal-frott bħala rigal fuq l-internet f’isimhom u għalhekk xorta jistgħu jikkompetu bejniethom ’il barra mill-kooperazzjoni. Klijenti li jixtru mill-pjattaforma bbażata fuq l-internet huma ggarantiti kunsinna fl-istess ġurnata tal-qfief tal-frott u jistgħu jagħżlu wkoll ħin tal-kunsinna konvenjenti għalihom.

    Analiżi: Għalkemm l-akkordju huwa ta’ tip limitat, minħabba li dan ikopri biss il-bejgħ konġunt ta’ tip partikolari ta’ prodott permezz ta’ kanal tal-kummerċjalizzazzjoni speċifiku (pjattaforma bbażata fuq l-internet), peress li jinvolvi l-iffissar tal-prezzijiet, dan probabbli jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont lgħan. L-akkordju għalhekk jeħtieġ li jiġi evalwat skont l-Artikolu 101(3). L-akkordju joħloq kisbiet fl-effiċjenza bħal għażla akbar u servizz ta’ kwalità ogħla u t-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tiftix, li jibbenefikaw lill-konsumaturi u probabbilment jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li jikkawża l-akkordju. Minħabba li l-ħwienet speċjalizzati li jieħdu parti fil-kooperazzjoni xorta jistgħu joperaw individwalment u jikkompetu ma’ xulxin, kemm permezz tal-ħwienet tagħhom kif ukoll l-internet, ir-restrizzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet għandha titqies indispensabbli għall-promozzjoni tal-prodott (minħabba li meta l-konsumaturi jixtru permezz tal-pjattaforma bbażata fuq l-internet ma jkunux jafu minn fejn ikunu qed jixtru l-qoffa tar-rigal u ma jkunux iridu jiffaċċjaw numru kbir ta’ prezzijiet differenti) u għall-kisbiet fl-effiċjenza li jirriżultaw. Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet oħra, l-akkordju jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3). Barra minn hekk, minħabba li jeżistu pjattaformi bbażati fuq l-internet oħra f'kompetizzjoni u l-partijiet ikomplu jikkompetu ma’ xulxin, permezz tal-ħwienet tagħhom jew fuq l-Internet, il-kompetizzjoni ma tiġix eliminata.

    255.

    Impriża konġunta ta’ bejgħ

    Eżempju 4

    Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B, li jinsabu f’żewġ Stati Membri differenti, jipproduċu tajers tar-roti. Dawn għandhom sehem fis-suq kombinat ta’ 14 % fis-suq kollu tal-Unjoni għat-tajers tar-roti. Dawn jiddeċiedu li jistabbilixxu joint venture ta’ bejgħ (mhux bil-funzjonijiet kollha) għall-kummerċjalizzazzjoni tat-tajers lill-produtturi tar-roti u jaqblu li jbiegħu l-produzzjoni kollha tagħhom permezz tal-joint venture. L-infrastruttura tal-produzzjoni u t-trasport tibqa’ separata fi ħdan kull parti. Il-partijiet jgħidu li għamlu kisbiet fl-effiċjenza sinifikanti permezz tal-akkordju. Tali kisbiet huma relatati l-aktar ma’ żieda fl-ekonomiji ta’ skala, ladarba huma kapaċi jissodisfaw id-domandi tal-klijenti eżistenti u potenzjali tagħhom u jikkompetu aħjar mat-tajers importati manifatturati f’pajjiżi terzi. Il-joint venture tinnegozja l-prezzijiet u talloka l-ordnijiet lill-eqreb impjant tal-produzzjoni, sabiex jiġu mqassma sew l-ispejjeż tat-trasport meta jkun hemm kunsinna lill-klijent.

    Analiżi: Għalkemm is-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet huwa inqas minn 15 %, l-akkordju jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1). Dan jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-għan għaliex jinvolvi l-allokazzjoni tal-klijenti u l-iffissar tal-prezzijiet permezz tal-joint venture. Il-kisbiet fl-effiċjenza mħabbra miksuba mill-akkordju ma jirriżultawx mill-integrazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi jew mill-investiment komuni. Il-joint venture ikollha ambitu limitat ħafna u sservi biss ta’ konnessjoni għall-allokazzjoni tal-ordnijiet lill-impjanti tal-produzzjoni. Għalhekk huwa improbabbli li kwalunkwe kisba fl-effiċjenza tiġi trasferita lill-konsumaturi sa punt li tissupera l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-akkordju. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ma jiġux sodisfatti.

    256.

    Klawżola kontra l-użurpazzjoni f’akkordju dwar l-appaltar tas-servizzi

    Eżempju 5

    Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B it-tnejn huma fornituri konkorrenti ta’ servizzi tat-tindif għal bini kummerċjali. It-tnejn għandhom sehem fis-suq ta’ 15 %. Hemm ħafna kompetituri oħra b’sehem fis-suq ta’ bejn 10 u 15 %. Il-Kumpanija A ħadet id-deċiżjoni (unilaterali) li tiffoka biss fuq klijenti kbar fil-ġejjieni għaliex sabet li l-provvista ta’ servizzi lil klijenti kbar u żgħar teħtieġ organizzazzjoni tax-xogħol pjuttost differenti. Konsegwentement, il-Kumpanija A ddeċiediet li ma tidħolx iżjed f’kuntratti ma’ klijenti żgħar ġodda. Barra minn hekk, il-Kumpaniji A u B jidħlu f'akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi fejn il-Kumpanija B tipprovdi direttament servizzi ta’ tindif lill-klijenti żgħar eżistenti tal-Kumpanija A (li jirrappreżentaw 1/3 tal-bażi ta’ klijenti tagħha). Fl-istess ħin, il-Kumpanija A hija ħerqana li ma titlifx ir-relazzjoni ta’ klijentela ma’ dawk il-klijenti żgħar. Għaldaqstant, ilKumpanija A għandha tkompli żżomm ir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-klijenti żgħar iżda l-provvista diretta tas-servizzi tat-tindif titwettaq mill-Kumpanija B. Sabiex jiġi implimentat l-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi, il-Kumpanija A jkollha tipprovdi lill-Kumpanija B bl-identitajiet tal-klijenti żgħar tal-Kumpanija A li huma soġġetti għall-akkordju. Minħabba li l-Kumpanija A tibża’ li l-Kumpanija B tipprova tisraq dawk il-klijenti billi toffrilhom servizzi diretti irħas (u b’hekk taqbeż lill-Kumpanija A), il-Kumpanija A qed tinsisti li l-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi jkun fih “klawżola kontra l-użurpazzjoni”. Skont dik il-klawżola, il-Kumpanija B ma tistax tikkuntattja lill-klijenti ż-żgħar li jaqgħu taħt l-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi bil-għan li tipprovdilhom servizzi diretti. Barra minn hekk, il-Kumpaniji A u B jaqblu li l-Kumpanija B ma tistax anqas tipprovdi servizzi diretti lill dawk il-klijenti jekk huma jikkuntattjaw lill-Kumpanija B. Mingħajr il-“klawżola kontra l-użurpazzjoni” il-Kumpanija A ma tidħolx f’akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi mal-Kumpanija B jew ma’ kwalunkwe kumpanija oħra.

    Analiżi: L-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi jneħħi lill-Kumpanija B minn fornitur indipendenti ta’ servizzi ta’ tindif għall-klijenti żgħar tal-Kumpanija A għaliex dawn ma jkunux jistgħu aktar jidħlu f’relazzjoni kuntrattwali diretta mal-Kumpanija B. Madankollu, dawk il-klijenti jirrappreżentaw 1/3 biss tal-bażi tal-klijenti tal-Kumpanija A, jiġifieri, 5 % tas-suq. Dawn xorta jistgħu jmorru għand il-kompetituri tal-Kumpaniji A u B, li jirrappreżentaw 70 % tas-suq. Għaldaqstant, l-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi ma jippermettix lill-Kumpanija A tgħolli f’mod redditizju l-prezzijiet li titlob lill-klijenti soġġetti għall-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi. Barra minn hekk, huwa improbabbli li l-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi jwassal għal riżultat kollużiv għaliex il-Kumpaniji A u B għandhom biss sehem fis-suq kombinat ta’ 30% u għandhom diversi kompetituri li għandhom ishma fis-suq simili għall-ishma fis-suq individwali tal-Kumpaniji A u B. Barra minn hekk, il-fatt li l-provvista ta’ servizzi lill-klijenti kbar u żgħar huwa pjuttost differenti jnaqqas ir-riskju ta’ effetti ta’ spill-over mill-akkordju ta’ appaltar ta’ servizzi għall-aġir tal-Kumpanija A u tal-Kumpanija B meta jikkompetu għal klijenti kbar. Konsegwentement, huwa improbabbli li l-akkordju ta’ appaltar iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    7.   AKKORDJI TA’ STANDARIZZAZZJONI

    7.1.   Definizzjoni

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    257.

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni għandhom bħala l-għan primarju tagħhom id-definizzjoni tar-rekwiżiti tekniċi jew ta’ kwalità li magħhom għandhom jikkonformaw prodotti attwali jew futuri, il-proċessi, is-servizzi jew il-metodi ta’ produzzjoni (95). Akkordji ta’ standardizzazzjoni jistgħu jkopru diversi suġġetti, bħall-istandardizzazzjoni ta’ livelli jew daqsijiet differenti ta’ prodott partikolari jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi fejn il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà ma’ prodotti jew sistemi oħra huma essenzjali. It-termini ta’ aċċess għal marka tal-kwalità partikolari jew għall-approvazzjoni minn korp regolatorju wkoll jistgħu jitqiesu wkoll bħala standard. Akkordji li jistabbilixxu standards għall-prestazzjoni ambjentali ta’ prodotti jew proċessi tal-produzzjoni huma koperti wkoll minn dan il-kapitolu.

    258.

    It-tħejjija u l-produzzjoni ta’ standards tekniċi bħala parti mill-eżekuzzjoni tas-setgħat pubbliċi mhumiex koperti minn dawn il-linji gwida (96). Il-korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej rikonoxxuti skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (97) huma soġġetti għal-liġi talkompetizzjoni sa fejn dawn jistgħu jitqiesu li huma impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi skont it-tifsira tal-Artikoli 101 u 102 (98). Standards relatati mal-provvista ta’ servizzi professjonali, bħar-regoli tad-dħul għal professjoni liberali, mhumiex koperti minn dawn il-linji gwida.

    Termini standard

    259.

    F’ċerti industriji l-kumpaniji jużaw termini u kundizzjonijiet standard tal-bejgħ jew tax-xiri elaborati minn assoċjazzjoni tal-kummerċ jew direttament mill-kumpaniji f’kompetizzjoni (“termini standard”) (99). Tali termini standard huma koperti minn dawn il-linji gwida sal-punt li jistabbilixxu kundizzjonijiet standard tal-bejgħ jew tax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi bejn il-kompetituri u l-konsumaturi (u mhux il-kundizzjonijiet tal-bejgħ jew tax-xiri bejn il-kompetituri) għal prodotti ta’ sostituzzjoni. Meta tali termini standard jintużaw b’mod estensiv fi ħdan industrija, il-kundizzjonijiet tax-xiri jew tal-bejgħ użati fl-industrija jistgħu jiġu de facto allinjati (100). Eżempji ta’ industriji li fihom it-termini standard għandhom rwol importanti huma s-settur bankarju (pereżempju, it-termini tal-kontijiet bankarji) u dak tal-assigurazzjoni.

    260.

    Termini standard elaborati individwalment minn kumpanija għall-użu tagħha stess meta tagħmel kuntratti mal-fornituri jew mal-klijenti tagħha mhumiex akkordji orizzontali u għalhekk mhumiex koperti minn dawn il-linji gwida.

    7.2.   Swieq rilevanti

    261.

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom fuq erba’ swieq possibbli, li għandhom jiġu definiti skont l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq. L-ewwel nett, it-twaqqif tal-istandards jista’ jkollu impatt fuq is-suq jew swieq tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom jirreferu l-istandard jew standards. It-tieni nett, fejn it-twaqqif tal-istandards jinvolvi l-għażla ta’ teknoloġija u fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu kummerċjalizzati separatament mill-prodotti li għalihom jirreferu, l-istandard jista’ jkollu effetti fuq is-suq tat-teknoloġija rilevanti (101). It-tielet nett, is-suq għat-twaqqif tal-istandards jista’ jiġi affettwat jekk jeżistu korpi jew akkordji differenti għat-twaqqif tal-istandards. Ir-raba’ nett, fejn rilevanti, suq distint għall-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni jista’ jiġi affettwat mit-twaqqif tal-istandards.

    262.

    Fir-rigward ta’ termini standard, l-effetti, in ġenerali, jinħassu fuq is-suq downstream fejn il-kumpaniji li jkunu qed jużaw it-termini standard jikkompetu permezz tal-bejgħ tal-prodott tagħhom lill-klijenti.

    7.3.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

    7.3.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    263.

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni s-soltu jipproduċu effetti ekonomiċi pożittivi (102), pereżempju billi jippromwovu interpenetrazzjoni ekonomika fis-suq intern u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ prodotti jew swieq ġodda u mtejba u kundizzjonijiet tal-provvista mtejba. Għalhekk, l-istandards normalment iżidu l-kompetizzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż tal-output u tal-bejgħ, u b’hekk huma ta’ benefiċċju lill-ekonomiji b’mod ġenerali. L-istandards jistgħu jżommu u jtejbu l-kwalità, jipprovdu informazzjoni u jiżguraw l-interoperabbiltà u kompatibilità (u b’hekk iżidu l-valur għall-konsumaturi).

    264.

    It-twaqqif tal-istandards jista’ , madankollu, f'ċirkustanzi speċifiċi, iwassal ukoll għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni billi jirrestrinġi potenzjalment il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet u jillimita jew jikkontrolla l-produzzjoni, is-swieq, l-innovazzjoni jew l-iżvilupp tekniku. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ tlett kanali ewlenin, jiġifieri t-tnaqqis fil-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet, l-esklużjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u l-esklużjoni ta’ , jew diskriminazzjoni kontra, ċerti kumpaniji permezz tal-prevenzjoni ta’ aċċess effettiv għall-istandard.

    265.

    L-ewwel nett, jekk il-kumpaniji jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet antikompetittivi fil-kuntest tat-twaqqif tal-istandards, dan jista’ jnaqqas jew jelimina l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fis-swieq ikkonċernati, u b’hekk jiffaċilita riżultat kollużiv fis-suq (103).

    266.

    It-tieni nett, standards li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet dettaljati għal prodott jew servizz jistgħu jillimitaw l-iżvilupp tekniku u l-innovazzjoni. Waqt li standard ikun qed jiġi żviluppat, teknoloġiji alternattivi jistgħu jikkompetu għall-inklużjoni fl-istandard. Malli tintgħażel teknoloġija waħda u l-istandard jiġi stabbilit, it-teknoloġiji u l-kumpaniji f’kompetizzjoni jistgħu jiffaċċjaw ostaklu għad-dħul u jiġu potenzjalment esklużi mis-suq. Barra minn hekk, standards li jeħtieġu li tintuża esklużivament teknoloġija partikolari għal standard jew li jimpedixxu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji oħra billi jobbligaw lill-membri tal-organizzazzjoni tat-twaqqif tal-istandards sabiex jużaw esklużivament standard partikolari, jistgħu jwasslu għall-istess effett. Ir-riskju tal-limitazzjoni tal-innovazzjoni jiżdied jekk kumpanija waħda jew aktar jiġu esklużi mingħajr ġustifikazzjoni mill-proċess għat-twaqqif tal-istandards.

    267.

    Fil-kuntest tal-istandards li jinvolvu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“IPR”) (104), tliet gruppi ewlenin ta’ kumpaniji b’interessi differenti fit-twaqqif tal-istandards jistgħu jiġu osservati b’mod astratt (105). L-ewwel, hemm kumpaniji li jinsabu upstream biss li jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw teknoloġiji biss. L-uniku sors ta’ dħul tagħhom huwa d-dħul mil-liċenzjar u l-inċentiva tagħhom hi li jimmassimizzaw ir-royalties tagħhom. It-tieni, hemm kumpaniji li jinsabu biss downstream li jimmanifatturaw prodotti jew joffru servizzi biss abbażi tat-teknoloġiji żviluppati minn oħrajn u ma jkollhomx IPR rilevanti. Ir-royalties jirrappreżentaw spiża għalihom, u mhux sors ta’ dħul, u l-inċentiva tagħhom hija li jnaqqsu jew jevitaw irroyalties. Fl-aħħar, hemm kumpaniji integrati vertikalment li kemm jiżviluppaw itteknoloġija kif ukoll ibiegħu l-prodotti. Għandhom inċentivi mħallta. Minn banda, dawn jistgħu jieħdu d-dħul mil-liċenzjar mill-IPR tagħhom. Mill-banda l-oħra, jista’ jkun li jkollhom iħallsu royalties lil kumpaniji oħra li jkunu detenturi tal-IPR essenzjali għall-istandard. Għalhekk dawn jistgħu jagħmlu liċenzjar inkroċjat tal-IPR essenzjali tagħhom inkambju għal IPR essenzjali miżmum minn kumpaniji oħra.

    268.

    It-tielet, l-istandardizzazzjoni tista’ twassal għal riżultati antikompetittivi billi timpedixxi lil ċerti kumpaniji milli jiksbu aċċess effettiv għar-riżultati tal-proċess għat-twaqqif tal-istandards (jiġifieri l-ispeċifikazzjoni u/jew l-IPR essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard). Jekk kumpanija jew tiġi impedita kompletament milli tikseb aċċess għar-riżultat tal-istandard, jew tingħata aċċess biss fuq termini projbittivi jew diskriminatorji, hemm riskju ta’ effett antikompetittiv. Sistema fejn IPR potenzjalment rilevanti tiġi żvelata bil-quddiem tista’ żżid il-probabbiltà li jingħata aċċess effettiv għall-istandard ladarba tippermetti li l-parteċipanti jidentifikaw liema teknoloġiji huma koperti mill-IPR u liema mhumiex. Dan jippermetti lill-parteċipanti kemm li jqisu l-effett potenzjali fuq il-prezz finali tar-riżultat tal-istandard (pereżempju huwa probabbli li l-għażla ta’ teknoloġija mingħajr IPR ikollha effett pożittiv fuq il-prezz finali) kif ukoll li jivverifikaw mad-detentur tal-IPR jekk ikunux lesti li jilliċenzjaw jekk it-teknoloġija tagħhom tiġi inkluża fl-istandard.

    269.

    Il-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali u l-liġijiet dwar il-kompetizzjoni għandhom l-istess għanijiet (106) ta’ promozzjoni tal-innovazzjoni u ta’ titjib fil-benessri tal-konsumatur. IPR jippromwovu kompetizzjoni dinamika billi jinkoraġġixxu impriżi sabiex jinvestu fl-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi ġodda u mtejba. IPR huma għalhekk ġeneralment prokompetittivi. Madankollu, permezz tal-IPR tiegħu parteċipant li jżomm IPR essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard, jista’, fil-kuntest speċifiku tat-twaqqif tal-istandards, jakkwista wkoll kontroll fuq l-użu ta’ standard. Meta l-istandard jikkostitwixxi ostaklu għad-dħul, il-kumpanija b’hekk tkun tista’ tikkontrolla s-suq tal-prodott jew tas-servizz li għalih jirreferi l-istandard. Dan jista’ , min-naħa tiegħu, jippermetti li l-kumpaniji jaġixxu b’modi antikompetittivi, pereżempju billi jżommu l-kontroll fuq l-utenti wara l-adozzjoni tal-istandard jew billi jirrifjutaw li jilliċenzjaw l-IPR meħtieġa jew billi japplikaw kera eċċessiva permezz ta’ tariffi eċċessivi (107) ta’ royalties li jwassal għall-prevenzjoni ta’ aċċess effettiv għall-istandard. Madankollu, anke jekk it-twaqqif ta’ standard jista’ joħloq jew iżid is-setgħa fis-suq ta’ detenturi ta’ IPR li jippossjedu IPR essenzjali għall-istandard, m'hemm l-ebda preżunzjoni li dik iż-żamma jew dak l-eżerċitar ta’ IPR essenzjali għal standard huma ekwivalenti għall-pussess jew għall-eżerċizzju ta’ setgħa fis-suq. Il-kwistjoni ta’ setgħa fis-suq tista’ tiġi evalwata biss fuq bażi ta’ każ b'każ.

    Termini standard

    270.

    It-termini standard jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni billi jillimitaw l-għażla tal-prodotti u l-innovazzjoni. Jekk parti kbira ta’ industrija tadotta t-termini standard u tagħżel li ma tiddevjax minnhom f’każijiet individwali (jew li tiddevja minnhom biss f’każijiet eċċezzjonali ta’ setgħa tax-xerrej b’saħħitha), il-klijenti jista’ ma jkollhomx għażla oħra ħlief l-aċċettazzjoni tal-kundizzjonijiet fit-termini standard. Madankollu, ir-riskju tal-limitazzjoni tal-għażla u l-innovazzjoni huwa probabbli biss f’każijiet fejn it-termini standard jiddefinixxu l-ambitu tal-prodott finali. Fir-rigward tal-oġġetti tal-konsumatur klassiċi, it-termini standard tal-bejgħ ġeneralment ma jillimitawx l-innovazzjoni tal-prodott attwali jew il-kwalità u varjetà tal-prodotti.

    271.

    Barra minn hekk, skont il-kontenut tagħhom, it-termini standard jistgħu jirriskjaw li jaffettwaw il-kundizzjonijiet kummerċjali tal-prodott finali. B’mod partikolari, hemm riskju serju li t-termini standard relatati mal-prezz jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet.

    272.

    Barra minn hekk, jekk it-termini standard isiru prassi tal-industrija, l-aċċess għalihom jista’ jkun vitali għad-dħul fis-suq. F’każijiet bħal dawn, iċ-ċaħda tal-aċċess għat-termini standard jista’ jikkawża esklużjoni antikompetittiva. Sakemm it-termini standard jibqgħu effettivament miftuħa għall-użu minn kull min jixtieq ikollu aċċess għalihom, huma improbabbli li jwasslu għal esklużjoni antikompetittiva.

    7.3.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    273.

    Akkordji li jużaw standard bħala parti minn akkordju restrittiv aktar estensiv li jkollu l-għan li jeskludi kompetituri attwali jew potenzjali jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan. Pereżempju, akkordju fejn assoċjazzjoni nazzjonali ta’ manifatturi tistabbilixxi standard u tpoġġi pressjoni fuq partijiet terzi biex ma jikkummerċjalizzawx il-prodotti li ma jikkonformawx mal-istandard jew fejn il-produtturi tal-prodott inkumbenti jikkolludu sabiex jeskludu teknoloġija ġdida minn standard diġà eżistenti (108) jaqa’ f’din il-kategorija.

    274.

    Kwalunkwe akkordju biex titnaqqas il-kompetizzjoni permezz tal-iżvelar tal-biċċa l-kbira tat-termini tal-liċenzjar restrittivi qabel l-adozzjoni ta’ standard bħala kopertura għall-iffissar konġunt tal-prezzijiet jew tal-prodotti downstream jew ta’ IPR jew teknoloġija ta’ sostituzzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan (109).

    Termini standard

    275.

    Akkordji li jużaw termini standard bħala parti minn akkordju restrittiv usa' mmirat biex jeskludi kompetituri attwali jew potenzjali wkoll jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan. Eżempju ta’ dawn ikun fejn assoċjazzjoni tal-kummerċ ma tippermettix lil parteċipant ġdid fis-suq milli jkollu aċċess għat-termini standard tagħha, li l-użu tagħhom ikun vitali biex jiġi żgurat id-dħul fis-suq.

    276.

    Kwalunkwe terminu standard li fih dispożizzjonijiet li jinfluwenzaw direttament il-prezzijiet mitluba lill-klijenti (jiġifieri, prezzijiet rakkomandati, ribassi, eċċ) jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan.

    7.3.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    Akkordji li normalment ma jirristrinġux il-kompetizzjoni

    277.

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont l-għan iridu jiġu analizzati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom fir-rigward tal-effett attwali u probabbli fuq il-kompetizzjoni. Fin-nuqqas ta’ setgħa fis-suq (110), akkordju ta’ standardizzazzjoni mhuwiex kapaċi li jipproduċi effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk, effetti restrittivi huma improbabbli ħafna f'sitwazzjoni fejn hemm kompetizzjoni effettiva bejn numru ta’ standards volontarji.

    278.

    Għal dawk l-akkordji ta’ twaqqif tal-istandards li jirriskjaw li joħolqu setgħa fis-suq, il-paragrafi 280 sa 286 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom, tali akkordji normalment jaqgħu barra mill-ambitu tal-Artikolu 101(1).

    279.

    In-nuqqas li jiġu sodisfatti kwalunkwe prinċipju jew il-prinċipji kollha stabbiliti f'din it-taqsima ma jwassalx għal xi preżunzjoni ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madanakollu, jkun jeħtieġ awtoevalwazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk l-akkordju jaqax taħt l-Artikolu 101(1) u, fil-każ li jkun hekk, jekk il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ikunux sodisfatti. F'dan il-kuntest, huwa rrikonoxxut li jeżistu mudelli differenti għat-twaqqif tal-istandards u li l-kompetizzjoni fi ħdan dawk il-mudelli u bejniethom huwa aspett pożittiv ta’ ekonomija tas-suq. Għalhekk, organizzazzjonijiet ta’ twaqqif tal-istandards jibqgħu għal kollox liberi li jdaħħlu regoli u proċeduri li ma jiksrux ir-regoli tal-kompetizzjoni filwaqt li jkunu differenti minn dawk deskritti fil-paragrafi 280 sa 286.

    280.

    Meta l-parteċipazzjoni fit-twaqqif tal-istandards ma tkunx ristretta u l-proċedura għall-adozzjoni tal-istandard konċernat tkun trasparenti, l-akkordji ta’ standardizzazzjoni li ma jkun fihom l-ebda obbligu ta’ konformità  (111) mal-istandard u jipprovdu aċċess għall-istandard fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji normalment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    281.

    B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni mhux ristretta, ir-regoli tal-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards għandhom jiggarantixxu li l-kompetituri kollha fis-suq jew swieq affettwati mill-istandard jistgħu jipparteċipaw fil-proċess li jwassal għall-għażla tal-istandard. Jeħtieġ ukoll li l-organizzazzjonijiet ta’ twaqqif tal-istandards ikollhom proċeduri oġġettivi u mhux diskriminatorji għall-allokazzjoni tad-drittijiet tal-vot kif ukoll, jekk ikun rilevanti, kriterji oġġettivi għall-għażla tat-teknoloġija li trid tiġi inkluża fl-istandard.

    282.

    Fir-rigward tat-trasparenza, l-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards rilevanti jeħtieġ li jkollha proċeduri li jippermettu li l-partijiet interessati jinformaw ruħhom b’mod effettiv dwar ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni li jkun ġej, għaddej u finalizzat fil-ħin f’kull stadju tal-iżvilupp tal-istandard.

    283.

    Barra minn hekk, jeħtieġ li r-regoli tal-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards jiżguraw aċċess effettiv għall-istandard fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji  (112).

    284.

    Fil-każ ta’ standard li jinvolvi IPR, politika tal-IPR ċara u bilanċjata  (113), adattata għall-industrija partikolari u l-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards inkwistjoni, iżżid il-probabbiltà li l-implimentaturi tal-istandard jingħataw aċċess effettiv għall-istandards elaborati minn dik l-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards.

    285.

    Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-istandard, jeħtieġ li l-politika tal-IPR titlob lill-parteċipanti li jkunu jixtiequ li jkollhom l-IPR tagħhom inkluż fl-istandard li jipprovdu impenn irrevokabbli bil-miktub sabiex joffru li jilliċenzjaw l-IPR essenzjali tagħhom lill-partijiet terzi kollha fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“impenn FRAND”) (114). Dak l-impenn għandu jingħata qabel ma jiġi adottat l-istandard. Fl-istess ħin, il-politika tal-IPR għandha madankollu tippermetti li d-detenturi tal-IPR jeskludu teknoloġija speċifikata mill-proċess tat-twaqqif tal-istandards u b’hekk mill-impenn li joffru li jilliċenzjaw, sakemm dik l-esklużjoni sseħħ fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-istandard. Sabiex tiġi żgurata l-effettività talimpenn FRAND, jeħtieġ ukoll li jkun hemm rekwiżit għad-detenturi kollha parteċipanti tal-IPR li jipprovdu impenn bħal dan biex jiżguraw li kwalunkwe kumpanija li s-sid tal-IPR jittrasferilha l-IPR tiegħu (inkluż id-dritt tal-liċenzjar ta’ dak l-IPR) tkun marbuta b’dak l-impenn, pereżempju permezz ta’ klawżola kuntrattwali bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ.

    286.

    Barra minn hekk, ikun meħtieġ li l-politika tal-IPR titlob żvelar in bona fide , mill-parteċipanti, tal-IPR tagħhom li jistgħu jkunu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard li qed jiġi żviluppat. Dan jippermetti li l-industrija tagħmel għażla informata ta’ teknoloġija u b’hekk tgħin biex jinkiseb l-għan tal-aċċess effettiv għall-istandard. Tali obbligu ta’ żvelar jista’ jiġi bbażat fuq żvelar kontinwu hekk kif jiżviluppa l-istandard u fuq sforzi raġonevoli biex jidentifikaw qari tal-IPR fuq l-istandard potenzjali (115). Huwa suffiċjenti wkoll jekk il-parteċipant jiddikjara li huwa probabbli li jkollu talbiet tal-IPR fuq teknoloġija partikolari (mingħajr ma jidentifika talbiet speċifiċi tal-IPR jew applikazzjonijiet għal IPR). Billi r-riskji fir-rigward ta’ aċċess effettiv mhumiex l-istess fil-każ ta’ organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards b’politika ta’ standards ħielsa mir-royalties, żvelar tal-IPR ma jkunx rilevanti f’dak il-kuntest.

    Impenji FRAND

    287.

    L-impenji FRAND huma ddisinjati biex jiġi żgurat li t-teknoloġija protetta tal-IPR essenzjali inkorporata fi standard tkun aċċessibbli għall-utenti ta’ dak l-istandard fuq termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. B’mod partikolari, l-impenji FRAND jistgħu jimpedixxu li d-detenturi tal-IPR jirrendu diffiċli l-implimentazzjoni ta’ standard billi jirrifjutaw li jilliċenzjaw jew billi jitolbu tariffi inġusti jew mhux raġonevoli (fi kliem ieħor tariffi eċċessivi) wara li l-industrija tkun ġiet obbligata timxi mal-istandard jew billi jitolbu royalties diskriminatorji.

    288.

    Il-konformità mal-Artikolu 101 min-naħa tal-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards ma titrrikjedix li l-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards tivverifika jekk it-termini tal-liċenzjar tal-parteċipanti jissodisfawx l-impenn FRAND. Il-parteċipanti se jkollhom jevalwaw huma stess jekk it-termini tal-liċenzjar, u b'mod partikulari l-ħlasijiet li jitolbu jissodisfawx l-impenn FRAND. Għalhekk, meta jiddeċiedu jekk jimpenjawx ruħhom għall-FRAND għal IPR partikolari, jeħtieġ li l-parteċipanti jantiċipaw l-implikazzjonijiet tal-impenn FRAND, b’mod partikolari rigward l-abbiltà tagħhom li jiffissaw b'mod liberu l-livell tal-ħlasijiet tagħhom.

    289.

    Fil-każ ta’ tilwim, l-evalwazzjoni ta’ jekk it-tariffi imposti għall-aċċess għal IPR fil-kuntest tat-twaqqif tal-istandards ikunux inġusti jew mhux raġonevoli għandha tkun ibbażata fuq jekk it-tariffi humiex raġonevolment relatati mal-valur ekonomiku tal-IPR (116). B'mod ġenerali, hemm diversi metodi disponibbli biex issir din l-evalwazzjoni. Fil-prinċipju, il-metodi bbażati fuq l-ispejjeż mhumiex adattati sew għal dan il-kuntest minħabba d-diffikultà fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż attribwibbli għall-iżvilupp ta’ brevett jew gruppi ta’ brevetti partikolari. Minflok, jista’ jkun possibbli li jsir paragun tat-tariffi tal-liċenzjar imposti mill-kumpanija konċernata għall-brevetti rilevanti f’ambjent kompetittiv qabel l-industrija tkun ġiet obbligata bl-istandard (ex ante) ma’ dawk imposti wara li l-industrija tkun ġiet obbligata bl-istandard (ex post). Dan jassumi li l-paragun jista’ jsir b’mod konsistenti u affidabbli (117).

    290.

    Metodu ieħor jista’ jkun li tinkiseb evalwazzjoni esperta indipendenti taċ-ċentralità oġġettiva u tal-essenzjalità għall-istandard inkwistjoni tal-portafoll tal-IPR rilevanti. F'kaz xieraq, jista’ jkun possibbli wkoll li wieħed jirreferi gћall-iżvelar ex ante ta’ termini tal-liċenzjar fil-kuntest ta’ proċess speċifiku tat-twaqqif tal-istandards. Dan jassumi wkoll li l-paragun jista’ jsir b’mod konsistenti u affidabli. Ir-rati tar-royalties imposti għall-istess IPR fi standards oħra paragunabbli jistgħu jipprovdu wkoll indikazzjoni għal rati tarroyalties FRAND. Dawn il-linji gwida ma jfittxux li jipprovdu lista eżawrjenti tal-metodi xierqa għall-evalwazzjoni ta’ jekk ir-royalties humiex eċċessivi.

    291.

    Madanakollu, għandu jiġi enfasizzat li xejn f'dawn il-Linji Gwida ma jippreġudika l-possibbiltà għall-partijiet li jirriżolvu t-tilwimiet tagħhom dwar il-livell tar-rati tar-royalties FRAND billi jirrikorru lejn il-qrati ċivili jew kummerċjali kompetenti.

    Evalwazzjoni bbażata fuq l-effetti għal akkordji ta’ standardizzazzjoni

    292.

    L-evalwazzjoni ta’ kull akkordju ta’ standardizzazzjoni għandha tikkunsidra l-effetti probabbli tal-istandard fuq is-swieq konċernati. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-akkordji ta’ standardizzazzjoni kollha li jitilqu mill-prinċipji kif preskritti fil-paragrafi 280 sa 286.

    293.

    Jekk l-akkordji ta’ standardizzazzjoni jistgħux iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jista’ jiddependi fuq jekk il-membri ta’ organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards jibqgħux ħielsa li jiżviluppaw standards jew prodotti alternattivi li ma jikkonformawx mal-istandard miftiehem (118). Pereżempju, jekk l-akkordju għat-twaqqif tal-istandard jorbot lill-membri biex jipproduċu biss prodotti f’konformità mal-istandard, ir-riskju tal-probabbiltà ta’ effett negattiv fuq il-kompetizzjoni jiżdied b’mod sinifikanti u f’ċerti ċirkostanzi jista’ jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan (119). Bl-istess mod, huwa anqas probabbli li standards li jkopru biss aspetti jew partijiet żgħar tal-prodott finali jwasslu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni milli standards aktar komprensivi.

    294.

    L-evalwazzjoni ta’ jekk l-akkordju jirrestrinġix il-kompetizzjoni se tiffoka wkoll fuq aċċess għall-istandard. Fejn ir-riżultat ta’ standard (jiġifieri l-ispeċifikazzjoni ta’ kif wieħed ikun konformi mal-istandard u, jekk rilevanti, l-IPR essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard) ma jkun aċċessibbli xejn, jew ikun aċċessibbli biss fuq termini diskriminatorji, għal membri jew partijiet terzi (jiġifieri dawk li mhumiex membri tal-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards rilevanti) dan jista’ jiddiskrimina jew jeskludi jew jaqsam swieq f'segmenti skont l-ambitu ta’ applikazzjoni ġeografiku tagħhom u b’hekk probabbilment jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, fil-każ ta’ diversi standards konkorrenti jew fil-każ ta’ kompetizzjoni effettiva bejn is-soluzzjoni standardizzata u s-soluzzjoni mhux standardizzata, limitazzjoni tal-aċċess tista’ ma tipproduċix effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    295.

    Jekk il-parteċipazzjoni fil-proċess għat-twaqqif tal-istandards tkun miftuħa fis-sens li tippermetti lill-kompetituri kollha (u/jew partijiet interessati) fis-suq affettwat mill-istandard li jieħdu sehem fl-għażla jew l-elaborazzjoni tal-istandard, dan ibaxxi r-riskji tal-probabbiltà ta’ effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni billi ma jiġux esklużi ċerti kumpaniji mill-abilità li jinfluwenzaw l-għażla u l-elaborazzjoni tal-istandard (120). Aktar ma jkun kbir l-impatt probabbli fuq is-suq tal-istandard u aktar ma jkunu wiesgħa l-oqsma potenzjali ta’ applikazzjoni tiegħu, aktar ikun importanti li jiġi permess aċċess ugwali għall-proċess għat-twaqqif tal-istandards. Madankollu, jekk il-fatti inkwistjoni juru li hemm kompetizzjoni bejn diversi tali standards u organizzazzjonijiet ta’ twaqqif tal-istandards (u mhuwiex meħtieġ li l-industrija kollha tapplika l-istess standards) jista’ ma jkun hemm l-ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, jekk fin-nuqqas ta’ limitazzjoni tan-numru ta’ parteċipanti ma kienx ikun possibbli li jiġi adottat l-istandard, ma jkunx probabbli li l-akkordju jwassal għal xi effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 101(1) (121). F’ċerti sitwazzjonijiet l-effetti negattivi potenzjali ta’ parteċipazzjoni ristretta jistgħu jitneħħew jew għall-inqas jitnaqqsu billi jiġi żgurat li l-partijiet interessati jinżammu infurmati u jiġu kkonsultati dwar ix-xogħol li jkun għaddej (122). Aktar ma tkun trasparenti l-proċedura għall-adozzjoni tal-istandard, aktar ikun probabbli li l-istandard adottat jikkunsidra wkoll l-interessi tal-partijiet interessati kollha.

    296.

    Sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ akkordju ta’ twaqqif tal-istandards, għandhom jitqiesu l-ishma fis-suq tal-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-istandard. Jista’ jagħti l-każ li ma jkunx dejjem possibbli li jiġi evalwat, b’xi ċertezza, fi stadju bikri, jekk l-istandard, fil-prattika, jiġix adottat minn parti kbira tal-industrija jew jekk ikunx biss standard li jintuża minn parti marġinali tal-industrija rilevanti. F'ħafna każijiet l-ishma fis-suq rilevanti tal-kumpaniji li jkunu pparteċipaw fl-iżvilupp tal-istandard jistgħu jintużaw bħala proxy biex jiġi stmat is-sehem fis-suq probabbli tal-istandard (ladarba l-kumpaniji li qed jipparteċipaw fit-twaqqif tal-istandard fil-parti l-kbira tal-każijiet ikollhom interess fl-implimentazzjoni tal-istandard) (123). Madankollu, minħabba li l-effettività ta’ akkordji ta’standardizzazzjoni hija ħafna drabi proporzjonali għas-sehem tal-industrija involuta fit-twaqqif u/jew fl-applikazzjoni tal-istandard, ishma fis-suq għoljin miżmuma mill-partijiet fis-suq jew swieq affettwati mill-istandard mhux neċessarjament se jwasslu għall-konklużjoni li huwa probabbli li l-istandard iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    297.

    Kwalunkwe akkordju ta’ twaqqif tal-istandards li jiddiskrimina b'mod ċar kontra kwalunkwe membru parteċipanti jew potenzjali jista’ jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Pereżempju, jekk organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards teskludi b’mod espliċitu kumpaniji upstream biss (jiġifieri kumpaniji li mhumiex attivi fis-suq tal-produzzjoni downstream), dan jista’ jwassal għal esklużjoni ta’ teknoloġiji potenzjalment aħjar.

    298.

    Fir-rigward ta’ akkordji ta’ twaqqif tal-istandards b'tipi differenti ta’ mudelli ta’ żvelar tal-IPR minn dawk deskritti fil-paragrafu 286, irid jiġi evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-mudell tal-iżvelar ikkonċernat (pereżempju mudell tal-iżvelar li ma jeħtieġx iżda jinkoraġġixxi biss żvelar tal-IPR) jiggarantixxix aċċess effettiv għall-istandard. Fi kliem ieħor, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk, fil-kuntest speċifiku, għażla informata bejn teknoloġiji u l-IPR assoċjat tkunx fil-prattika mhijiex impedita mill-mudell tal-iżvelar tal-IPR.

    299.

    Fl-aħħar nett, l-akkordji ta’ twaqqif tal-istandards li jipprovdu għal żvelar ex ante tat-termini tal-liċenzjar l-aktar restrittivi, fil-prinċipju mhumiex se jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-partijiet involuti fl-għażla ta’ standard jiġu infurmati kompletament mhux biss dwar l-għażliet tekniċi u l-IPR assoċjat disponibbli, iżda wkoll dwar l-ispiża probabbli ta’ dak l-IPR. Għalhekk, jekk il-politika tal-IPR ta’ organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards tagħżel li tipprovdi li d-detenturi tal-IPR jiżvelaw individwalment it-termini ta’ liċenzjar l-aktar restrittivi tagħhom, inklużi r-rati tar-royalties massimi li jimponu, qabel l-adozzjoni tal-istandard, dan normalment ma jwassalx għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira talArtikolu 101(1) (124). Tali żvelar unilaterali ex ante tat-termini tal-liċenzjar l-aktar restrittivi għandu jkun mod wieħed li jippermetti li l-organizzazzjoni ta’ twaqqif talistandards tieħu deċiżjoni informata bbażata fuq l-iżvantaġġi u l-vantaġġi ta’ teknoloġiji alternattivi differenti, mhux biss minn perspettiva teknika iżda wkoll minn perspettiva tal-ipprezzar.

    Termini standard

    300.

    L-istabbiliment u l-użu ta’ termini standard għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ekonomiku xieraq u fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-suq rilevanti sabiex jiġi determinat jekk it-termini standard konċernati jwasslux għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    301.

    Sakemm il-parteċipazzjoni fit-twaqqif attwali tat-termini standard ma tkunx ristretta għall-kompetituri fis-suq rilevanti (jew permezz tal-parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kummerċjali jew direttament), u t-termini standard stabbiliti ma jorbtux u jkunu aċċessibbli effettivament għal kulħadd, huwa improbabbli li tali akkordji iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (soġġett għat-twissijiet stabbiliti fil-paragrafi 303, 304, 305 u 307).

    302.

    Termini standard li jkunu aċċessibbli effettivament u ma jorbtux għall-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum jew servizzi (bil-preżunzjoni li ma jkollhom ebda effett fuq il-prezz) għalhekk ġeneralment ma jkollhom ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni għaliex huwa improbabbli li jwasslu għal xi effett negattiv fuq il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni. Madankollu, hemm żewġ eċċezzjonijiet ġenerali fejn tkun meħtieġa evalwazzjoni aktar fil-fond.

    303.

    L-ewwel nett, termini standard għall-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi tal-konsum fejn it-termini standard jiddefinixxu l-ambitu tal-prodott mibjugħ lill-klijent, u fejn għalhekk ir-riskju tal-limitazzjoni tal-għażla tal-prodotti tkun iżjed sinifikanti, jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) fejn huwa probabbli li l-applikazzjoni komuni tagħhom tirriżulta f'allinjament de facto. Dan jista’ jkun il-każ meta l-użu estensiv tat-termini standard de facto jwassal għal-limitazzjoni tal-innovazzjoni u tal-varjetà tal-prodotti. Pereżempju, dan jista’ jseħħ meta t-termini standard f’kuntratti tal-assigurazzjoni jillimitaw l-għażla prattika tal-klijent ta’ elementi ewlenin tal-kuntratt, bħar-riskji standard koperti. Anki jekk l-użu tat-termini standard ma jkunx obbligatorju, dawn jistgħu jimminaw l-inċentivi tal-kompetituri biex jikkompetu fuq id-diversifikazzjoni tal-prodott.

    304.

    Fl-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx riskju li jkun probabbli li t-termini standard ikollhom effetti restrittivi permezz ta’ limitazzjoni tal-għażla tal-prodott, għandhom jiġu kkunsidrati fatturi bħall-kompetizzjoni eżistenti fis-suq. Pereżempju jekk ikun hemm numru kbir ta’ kompetituri żgħar, ir-riskju ta’ limitazzjoni tal-għażla tal-prodott ikun jidher li huwa inqas milli jekk ikun hemm biss ftit kompetituri akbar (125). L-ishma fis-suq tal-kumpaniji li jipparteċipaw fit-twaqqif tat-termini standard jistgħu jagħtu wkoll ċerta indikazzjoni tal-probabbiltà tal-assorbiment tat-termini standard jew tal-probabbiltà li t-termini standard jintużaw minn parti kbira tas-suq. Madankollu, f’dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti biss li jiġi analizzat jekk huwiex probabbli li t-termini standard elaborati jintużawx minn parti kbira tas-suq, imma anke jekk it-termini standard ikoprux biss parti mill-prodott jew il-prodott sħiħ (inqas ma jkunu estensivi t-termini standard, inqas ikun probabbli li se jwasslu, b’mod ġenerali, għal limitazzjoni tal-għażla tal-prodott). Barra minn hekk, f’każijiet fejn fin-nuqqas tat-twaqqif tat-termini standard ma kienx ikun possibbli li jiġi offrut ċertu prodott, ma kienx ikun hemm il-probabbiltà ta’ effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). F’dak ix-xenarju, l-għażla tal-prodott tiżdied aktar milli tonqos permezz tat-twaqqif tat-termini standard.

    305.

    It-tieni nett, anki jekk it-termini standard ma jiddefinixxux l-ambitu attwali tal-prodott finali dawn jistgħu jkunu parti deċiżiva tat-tranżazzjoni mal-klijent għal raġunijiet oħra. Eżempju ta’ dan jista’ jkun ix-xiri onlajn fejn il-kunfidenza tal-klijent hija essenzjali (pereżempju, fl-użu ta’ sistemi ta’ ħlas siguri, deskrizzjoni xierqa tal-prodotti, regoli ta’ prezzar ċari u trasparenti, flessibbiltà tal-politika tar-ritorn, eċċ). Minħabba li huwa diffiċli għall-klijenti li jagħmlu evalwazzjoni ċara ta’ dawk l-elementi kollha, dawn għandhom it-tendenza li jiffavorixxu prattiki mifruxa sew u termini standard rigward dawk l-elementi għalhekk jistgħu jsiru standard de facto li miegħu ikun meħtieġ li jikkonformaw il-kumpaniji sabiex ibigħu fis-suq. Minkejja li ma jorbtux, dawk it-termini standard jistgħu jsiru standard de facto, li l-effetti tiegħu ikunu viċin ħafna ta’ standard li jorbot u jridu jiġu analizzati b’dan il- mod.

    306.

    Jekk l-użu ta’ termini standard ikun jorbot, hemm il-ħtieġa li jiġi evalwat l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-prodott, il-varjetà tal-prodott u l-innovazzjoni (b’mod partikolari jekk it-termini standard ikunu jorbtu fis-suq kollu).

    307.

    Barra minn hekk, jekk it-termini standard (li jorbtu jew li ma jorbtux) ikun fihom xi termini li probabbilment ikollhom effett negattiv fuq il-kompetizzjoni fir-rigward tal-prezzijiet (pereżempju termini li jiddefinixxu t-tip ta’ ribassi li jridu jingħataw), ikun probabbli li jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    7.4.   Evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

    7.4.1.   Kisbiet fl-effiċjenza

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    308.

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni spiss iwasslu għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza. Pereżempju, standards użati madwar l-Unjoni jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq u jippermettu lill-kumpaniji jqiegħdu l-oġġetti u s-servizzi tagħhom fis-swieq tal-Istati Membri kollha, li jwassal għal żieda fl-għażla għall-konsumatur u tnaqqis fil-prezzijiet. Standards li jistabbilixxu l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà teknika ħafna drabi jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni fuq il-meriti bejn teknoloġiji minn kumpaniji differenti u jgħinu biex tiġi evitata d-dipendenza fuq fornitur wieħed partikolari. Barra minn hekk, l-istandards jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni għall-bejjiegħa u x-xerrejja. Standards dwar, pereżempju, aspetti ta’ kwalità, aspetti ta’ sigurtà u aspetti ambjentali ta’ prodott jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-għażla tal-konsumatur u jistgħu jwasslu għal żieda fil-kwalità tal-prodott. L-istandards għandhom ukoll rwol importanti għall-innovazzjoni. Dawn jistgħu jnaqqsu ż-żmien li teknoloġija ġdida tieħu biex tiddaħħal fis-suq u jiffaċilitaw l-innovazzjoni billi jippermettu lill-kumpaniji jibnu fuq soluzzjonijiet miftehma.

    309.

    Sabiex jitwettqu dawk il-kisbiet fl-effiċjenza fil-każ ta’ akkordji ta’ standardizzazzjoni, l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-istandard għandha tkun disponibbli effettivament għal dawk li jixtiequ jidħlu fis-suq (126).

    310.

    It-tixrid ta’ standard jista’ jittejjeb permezz ta’ marki jew lowgows li jiċċertifikaw il-konformità u b'hekk jipprovdu ċ-ċertezza lill-klijenti. L-akkordji għall-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni jmorru lil hinn mill-għan primarju tad-definizzjoni tal-istandard u normalment jikkostitwixxu akkordju u suq distinti.

    311.

    Filwaqt li l-effetti fuq l-innovazzjoni għandhom jiġu analizzati każ b’każ, l-istandards li joħolqu l-kompatibbiltà fuq livell orizzontali bejn pjattaformi tat-teknoloġija differenti huma meqjusa li probabbilment iwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza.

    Termini standard

    312.

    L-użu tat-termini standard jista’ jinvolvi benefiċċji ekonomiċi bħall-faċilitazzjoni għall-klijenti li jipparagunaw il-kundizzjonijiet offruti u b’hekk jiffaċilita l-bdil bejn il-kumpaniji. Termini standard jistgħu jwasslu wkoll għal kisbiet fl-effiċjenza fil-forma ta’ ffrankar fl-ispejjeż tat-tranżazzjoni u, f’ċerti setturi (b’mod partikolari fejn il-kuntratti jkunu ta’ struttura legali kumplessa), jiffaċilitaw id-dħul. It-termini standard jistgħu jżidu wkoll iċ-ċertezza legali għall-partijiet kontraenti.

    313.

    Aktar ma jkun għoli n-numru ta’ kompetituri fis-suq, aktartkun kbira il-kisba fl-effiċjenza tal-iffaċilitar tal-paragun tal-kondizzjonijiet offruti.

    7.4.2.   Indispensabbiltà

    314.

    Restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ għall-kisbiet fl-effiċjenza li jistgħu jiġu ġġenerati permezz ta’ akkordju ta’ standardizzazzjoni jew termini standard ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3).

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    315.

    L-evalwazzjoni ta’ kull akkordju ta’ standardizzazzjoni għandha tikkunsidra l-effett probabbli tiegħu fuq is-swieq konċernati, minn naħa waħda, u l-ambitu tar-restrizzjonijiet li jistgħu jmorru lil hinn mill-għan ta’ kisbiet fl-effiċjenza, min-naħa l-oħra (127).

    316.

    Il-parteċipazzjoni fit-twaqqif tal-istandards għandha normalment tkun miftuħa għall-kompetituri kollha fis-suq jew swieq affettwati mill-istandard sakemm il-partijiet ma jurux li tali parteċipazzjoni toħloq ineffiċjenzi sinifikanti jew sakemm ma jkunux previsti proċeduri rikonoxxuti għar-rappreżentanza kollettiva tal-interessi (128).

    317.

    Bħala regola ġenerali l-akkordji ta’ standardizzazzjoni m’għandhomx ikopru iżjed minn dak meħtieġ biex jiġu żgurati l-għanijiet tagħhom, ikunux l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà teknika jew ċertu livell ta’ kwalità. Fil-każijiet fejn li jkollok soluzzjoni teknoloġika waħda biss ikun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi jew għall-ekonomija b’mod ġenerali dak l-istandard għandu jiġi stabbilit fuq bażi mhux diskriminatorja. Standards newtrali għat-teknoloġija jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, iwasslu għal kisbiet akbar fl-effiċjenza. L-inklużjoni ta’ IPR ta’ sostituzzjoni (129) bħala partijiet essenzjali ta’ standard filwaqt li fl-istess ħin l-utenti tal-istandard jiġu sfurzati li jħallsu għal aktar IPR milli jkun teknikament meħtieġ imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex tinkiseb kwalunkwe kisba fl-effiċjenza identifikata. Bl-istess mod, l-inklużjoni ta’ IPR ta’ sostituzzjoni bħala partijiet essenzjali ta’ standard u l-limitazzjoni tal-użu ta’ dik it-teknoloġija għal dak l-istandard partikolari (jiġifieri użu esklużiv) tista’ tillimita l-kompetizzjoni interteknoloġika u ma tkunx meħtieġa sabiex jinkisbu l-effiċjenzi identifikati.

    318.

    Restrizzjonijiet f’akkordju ta’ standardizzazzjoni li jagħmlu standard jorbot u obbligatorju għall-industrija fil-prinċipju mhumiex indispensabbli.

    319.

    Bl-istess mod, akkordji ta’ standardizzazzjoni li jafdaw lil ċerti korpi bid-dritt esklużiv li jittestjaw il-konformità mal-istandard imorru lil hinn mill-għan primarju tad-definizzjoni tal-istandard u jistgħu jirrestrinġu wkoll il-kompetizzjoni. L-esklużività tista’, madanakollu, tiġi ġġustifikata għal ċertu perjodu ta’ żmien, pereżempju mill-ħtieġa li jiġu rkuprati l-ispejjeż sinifikanti għat-twaqqif (130). L-akkordju ta’ standardizzazzjoni għandu f'dak il-każ jinkludi salvagwardji adegwati sabiex jiġu mmitigati r-riskji li jista’ jkun hemm għall-kompetizzjoni b'riżultat tal-esklużività. Dan jirrigwarda, inter alia, il-ħlas għaċ-ċertifikazzjoni li jeħtieġ li jkun raġonevoli u proporzjonat mal-ispejjeż tal-ittestjar għall-konformità.

    Termini standard

    320.

    Ġeneralment mhuwiex ġustifikat li t-termini standard ikunu jorbtu u obbligatorji għall-industrija jew għall-membri tal-assoċjazzjoni tal-kummerċ li tkun waqqfithom. Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li l-fatt li termini standard ikunu jorbtu jista’ , f’każ speċifiku, ikun indispensabbli għat-twettiq tal-kisbiet fl-effiċjenza ġġenerati minnhom.

    7.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

    Akkordji ta’ standardizzazzjoni

    321.

    Il-kisbiet fl-effiċjenza miksuba permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli għandhom jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati minn akkordju ta’ standardizzazzjoni jew minn termini standard. Parti rilevanti tal-analiżi tat-trasferiment probabbli lill-konsumaturi hija liema proċeduri jintużaw biex jiggarantixxu li l-interessi tal-utenti tal-istandards u tal-konsumaturi aħħarin ikunu protetti. Fejn l-istandards jiffaċilitaw l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà teknika jew il-kompetizzjoni bejn prodotti, servizzi u proċessi ġodda u eżistenti, jista’ jiġi preżunt li l-istandard se jibbenefika lill-konsumaturi.

    Termini standard

    322.

    Kemm ir-riskju ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kif ukoll il-probabbiltà ta’ kisbiet fl-effiċjenza jiżdiedu mal-ishma fis-suq tal-kumpaniji u l-punt sa fejn it-termini standard jintużaw. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li tiġi pprovduta kwalunkwe “żona ta’ sigurezza” li fiha ma jkunx hemm riskju ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jew li tippermetti l-preżunzjoni li l-kisbiet fl-effiċjenza jkunu se jiġu trasferiti lill-konsumaturi sa punt li jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

    323.

    Madankollu, ċerti kisbiet fl-effiċjenza ġġenerati mit-termini standard, bħal żieda fil-paragunabbiltà tal-offerti fis-suq, l-iffaċilitar tal-bdil bejn fornituri, u ċ-ċertezza legali tal-klawżoli stabbiliti fit-termini standard, huma neċessarjament ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Fir-rigward ta’ kisbiet fl-effiċjenza oħra possibbli, bħal tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjoni, huwa meħtieġ li ssir evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ u fil-kuntest ekonomiku rilevanti jekk ikunx probabbli li dawn jiġu trasferiti lill-konsumaturi.

    7.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

    324.

    Jekk akkordju ta’ standardizzazzjoni jagħtix lill-partijiet il-possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni jiddependi fuq id-diversi sorsi tal-kompetizzjoni fis-suq, il-livell ta’ restrizzjoni kompetittiva li dawn jimponu fuq il-partijiet u l-impatt tal-akkordju fuq dik ir-restrizzjoni kompetittiva. Waqt li l-ishma fis-suq huma rilevanti għal din l-analiżi, il-kobor tal-bqija tar-riżorsi tal-kompetizzjoni attwali ma jistax jiġi evalwat esklużivament abbażi tas-sehem fis-suq minbarra f’każijiet fejn standard isir standard tal-industrija de facto  (131). Fil-każ tal-aħħar il-kompetizzjoni tista’ tiġi eliminata jekk il-partijiet terzi jiġu esklużi mill-aċċess effettiv għall-istandard. It-termini standard użati mill-maġġoranza tal-industrija jistgħu joħolqu standard tal-industrija de facto u b’hekk jikkawżaw l-istess tħassib. Madankollu, jekk l-istandard jew it-termini standard jikkonċernaw biss parti limitata tal-prodott jew servizz, huwa improbabbli li l-kompetizzjoni tiġi eliminata.

    7.5.   Eżempji

    325.

    It-twaqqif ta’ standards li l-kompetituri ma jistgħux jissodisfaw

    Eżempju 1

    Sitwazzjoni: Organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards tistabbilixxi u tippubblika standards ta’ sigurtà li jintużaw b’mod estensiv mill-industrija rilevanti. Il-parti l-kbira tal-kompetituri fl-industrija jieħdu sehem fit-twaqqif tal-istandard. Qabel l-adozzjoni tal-istandard, parteċipant ġdid fis-suq żviluppa prodott li huwa teknikament ekwivalenti f’termini tar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u funzjonali u li huwa rikonoxxut mill-kumitat tekniku tal-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards. Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard ta’ sigurtà huma, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, mfassla b’mod li ma jippermettux lil dan il-prodott jew prodotti oħra ġodda jikkonformaw mal-istandard.

    Analiżi: Dan l-akkordju ta’ standardizzazzjoni probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) u huwa improbabbli li jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3). Il-membri tal-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, waqqfu l-istandard b’mod li l-prodotti tal-kompetituri tagħhom li huma bbażati fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi oħra ma jistgħux jissodisfawh, għalkemm għandhom prestazzjoni ekwivalenti. Għaldaqstant, dan l-istandard, li ma ġiex stabbilit fuq bażi mhux diskriminatorja, se jnaqqas jew jimpedixxi l-innovazzjoni u l-varjetà tal-prodotti. Huwa improbabbli li l-mod kif ġie mfassal l-istandard iwassal għal kisbiet akbar fl-effiċjenza minn wieħed newtrali.

    326.

    Standard li ma jorbotx u trasparenti li jkopri parti kbira mis-suq

    Eżempju 2

    Sitwazzjoni: Numru ta’ manifatturi tal-elettronika tal-konsum li għandhom ishma fis-suq sostanzjali jaqblu li jiżviluppaw standard ġdid għal prodott li jsegwi d-DVD.

    Analiżi: Sakemm (a) il-manifatturi jibqgħu ħielsa li jipproduċu prodotti ġodda oħra li ma jikkonformawx mal-istandard il-ġdid, (b) il-parteċipazzjoni fit-twaqqif tal-istandard mhijiex ristretta u hija trasparenti, u (c) l-akkordju ta’ standardizzazzjoni ma jirrestrinġix b’mod ieħor il-kompetizzjoni, x'aktarx li ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 101(1). Jekk il-partijiet jaqblu li jimmanifatturaw biss prodotti li jikkonformaw mal-istandard il-ġdid, l-akkordju jillimita l-iżvilupp tekniku, inaqqas l-innovazzjoni u jimpedixxi lill-partijiet milli jbiegħu prodotti differenti, u b’hekk joħloq effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    327.

    Akkordju ta’ standardizzazzjoni mingħajr żvelar tal-IPR

    Eżempju 3

    Sitwazzjoni: Organizzazzjoni privata ta’ twaqqif tal-istandards attiva fl-istandardizzazzjoni fis-settur tal-ICT (teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni) għandha politika tal-IPR li la teħtieġ u lanqas tinkoraġġixxi żvelar tal-IPR li jista’ jkun essenzjali għall-istandard tal-futur. L-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards ħadet id-deċiżjoni konxja li ma tinkludix dan l-obbligu b’mod partikolari meta jiġi kkunsidrat li ġeneralment it-teknoloġiji kollha potenzjalment rilevanti għall-istandard tal-futur huma koperti minn ħafna IPR. Għalhekk, l-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards ikkunsidrat li l-obbligu tal-iżvelar tal-IPR, min-naħa waħda, ma jwassalx għall-benefiċċju li jippermetti li l-parteċipanti jagħżlu soluzzjoni mingħajr IPR jew bi ftit IPR u, min-naħa l-oħra, iwassal għal spejjeż addizzjonali fl-analiżi ta’ jekk l-IPR ikunx potenzjalment essenzjali għall-istandard tal-futur. Madankollu, il-politika tal-IPR tal-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandard tirrikjedi li l-parteċipanti kollha jidħlu f’impenn li jilliċenzjaw kwalunkwe IPR li jista’ jinqara fuq l-istandard tal-futur fuq termini FRAND. Il-politika tal-IPR tippermetti esklużjonijiet (opt-outs) jekk ikun hemm IPR speċifiku li detentur ta’ IPR jixtieq li jqiegħed barra mill-impenn ta’ liċenzjar ġenerali. F’din l-industrija partikolari hemm numru ta’ organizzazzjonijiet privati ta’ twaqqif tal-istandards f’kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards hija miftuħa għal kull min hu attiv fl-industrija.

    Analiżi: F’ħafna każijiet, l-obbligu tal-iżvelar tal-IPR ikun prokompetittiv billi jżid il-kompetizzjoni bejn teknoloġiji ex ante. B’mod ġenerali, dan l-obbligu jippermetti li l-membri ta’ organizzazzjoni ta’ twaqqif tal-istandards iqisu l-ammont ta’ qari ta’ IPR fuq teknoloġija partikolari huma u jiddeċiedu bejn teknoloġiji f'kompetizzjoni (jew anke, jekk ikun possibbli, jagħżlu teknoloġija li mhijiex koperta minn IPR). L-ammont ta’ qari ta’ IPR fuq teknoloġija se jkollha ħafna drabi impatt dirett fuq l-ispiża ta’ aċċess għall-istandard. Madankollu, f’dan il-kuntest partikolari, it-teknoloġiji kollha disponibbli jidhru li huma koperti minn IPR, u anki ħafna IPR. Għalhekk, kwalunkwe żvelar tal-IPR ma jkollux l-effett pożittiv li jippermetti lill-parteċipanti jqisu l-ammont tal-IPR meta jagħżlu teknoloġija minħabba li irrispettivament minn liema teknoloġija tintgħażel, jista’ jiġi preżunt li hemm qari ta’ IPR fuq dik it-teknoloġija. Huwa improbabbli li l-iżvelar tal-IPR jikkontribwixxi għall-garanzija ta’ aċċess effettiv għall-istandard li f’dan ix-xenarju huwa garantit b’mod suffiċjenti mill-impenn ġenerali għal-liċenzjar ta’ kwalunwke IPR li jista’ jinqara fuq l-istandard tal-futur fuq termini FRAND. Għall-kuntrarju, obbligu tal-iżvelar tal-IPR jista’ f’dan il-kuntest iwassal għal spejjeż addizzjonali għall-parteċipanti. In-nuqqas tal-iżvelar tal-IPR jista’ wkoll, f'dawk iċ-ċirkostanzi, iwassal għal adozzjoni aktar mgħaġġla tal-istandard li jista’ jkun importanti jekk ikun hemm diversi organizzazzjonijiet ta’ twaqqif tal-istandards f'kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li huwa improbabbli li l-akkordju jwassal għal kwalunkwe effett negattiv fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    328.

    Standards fis-settur tal-assigurazzjoni

    Eżempju 4

    Sitwazzjoni: Grupp ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni jingħaqdu flimkien biex jaqblu dwar standards li ma jorbtux għall-installazzjoni ta’ ċertu tagħmir tas-sigurezza (jiġifieri, komponenti u tagħmir iddisinjati għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-telf u sistemi ffurmati minn tali elementi). L-istandards li ma jorbtux stabbiliti mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni (a) jiġu miftehma sabiex jindirizzaw bżonn speċifiku u jassistu lill-assiguraturi fil-ġestjoni tar-riskju u joffru premiums adegwati għar-riskju; (b) jiġu diskussi mal-installaturi (jew ir-rappreżentanti tagħhom) u l-fehmiet tagħhom jingħataw kunsiderazzjoni qabel ma jiġu finalizzati l-istandards; (c) jiġu pubblikati mill-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni rilevanti fuq taqsima dedikata tal-websajt tagħha sabiex kwalunkwe installatur jew parti oħra interessata jkollhom aċċess faċli għalihom.

    Analiżi: Il-proċess għat-twaqqif ta’ dawn l-istandards huwa trasparenti u jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ partijiet interessati. Barra minn hekk, ir-riżultat huwa aċċessibbli faċilment fuq bażi raġonevoli u mhux diskriminatorja għal kull min jixtieq ikollu aċċess għalih. Sakemm l-istandard ma jkollux effetti negattivi fuq is-suq downstream (pereżempju billi jeskludi ċerti installaturi permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi ħafna u mhux ġustifikati għall-installazzjonijiet) huwa improbabbli li dan iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, anki jekk l-istandards iwasslu għal effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) jidhru li huma sodisfatti. L-istandards jassistu lill-assiguraturi biex janalizzaw sa fejn tali sistemi ta’ installazzjoni jnaqqsu r-riskju rilevanti u jimpedixxu t-telf sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw ir-riskji u joffru premiums adegwati għar-riskju. Soġġett għat-twissija fir-rigward tas-suq downstream, dawn ikunu wkoll aktar effiċjenti għall-installaturi, u jippermettulhom jikkonformaw ma’ sett wieħed ta’ standards għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni kollha pjuttost milli jiġu ttestjati minn kull kumpanija tal-assigurazzjoni separatament. Dawn jistgħu wkoll jagħmluha aktar faċli għall-konsumaturi biex jidblu minn assiguratur għal ieħor. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal assiguraturi iżgħar li jista’ ma jkollhomx il-kapaċità li jittestjaw separatament. Fir-rigward tal-kondizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 101(3), jidher li l-istandards li ma jorbtux ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju għall-kisba tal-effiċjenzi konċernati, li l-benefiċċji jiġu trasferiti lill-konsumaturi (uħud ikunu wkoll ta’ benefiċċju dirett għall-konsumaturi) u li r-restrizzjonijiet ma jwasslux għal eliminazzjoni tal-kompetizzjoni.

    329.

    Standards ambjentali

    Eżempju 5

    Sitwazzjoni: Kważi l-produtturi kollha tal-magni tal-ħasil jaqblu, bl-inkoraġġament ta’ korp pubbliku, li ma jibqgħux jimmanifatturaw prodotti li ma jikkonformawx ma’ ċerti kriterji ambjentali (pereżempju l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija). Flimkien, il-partijiet għandhom 90 % tas-suq. Il-prodotti li għandhom għalhekk jitneħħew mis-suq jammontaw għal proporzjon sinifikanti tal-bejgħ totali. Dawn għandhom jiġu sostitwiti bi prodotti aktar tajbin għall-ambjent, iżda aktar għoljin. Barra minn hekk, l-akkordju indirettament inaqqas l-output ta’ partijiet terzi (pereżempju, distributuri tal-elettriku u fornituri tal-komponenti inkorporati fil-prodotti li tneħħew mill-użu). Mingħajr l-akkordju, il-partijiet ma kinux iċaqilqu l-isforzi tagħhom, fejn jidħlu l-produzzjoni u l-immarkitjar, għall-prodotti li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.

    Analiżi: L-akkordju jagħti lill-partijiet kontroll tal-produzzjoni individwali u jikkonċerna proporzjon sinifikanti tal-bejgħ u l-output totali tagħhom, waqt li jnaqqas ukoll l-output ta’ partijiet terzi. Il-varjetà tal-prodotti, li hija parzjalment iffukata fuq il-karatteristiċi ambjentali tal-prodott, tonqos u l-prezzijiet probabbilment jogħlew. Għalhekk, l-akkordju probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). L-involviment tal-awtorità pubblika mhuwiex rilevanti għal dik l-evalwazzjoni. Madankollu, prodotti aktar ġodda u iżjed ekoloġiċi huma teknikament iżjed avvanzati u joffru effiċjenza kwalitattiva fil-forma ta’ iżjed programmi tal-magni tal-ħasil li jistgħu jintużaw mill-konsumaturi. Barra minn hekk, hemm iżjed effiċjenza fl-ispejjeż għax-xerrejja tal-magni tal-ħasil li jirriżultaw minn spejjeż tal-operat iżjed baxxi fil-forma ta’ tnaqqis fil-konsum tal-ilma, tal-elettriku u tas-sapun. Dik l-effiċjenza fl-ispejjeż titwettaq fi swieq li huma differenti mis-suq rilevanti tal-akkordju. Madankollu, dik l-effiċjenza tista’ titqies għaliex is-swieq li fihom iseħħu l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni u l-kisbiet fl-effiċjenza huma relatati u l-grupp ta’ konsumaturi affettwat mir-restrizzjoni u l-kisbiet fl-effiċjenza huwa sostanzjalment l-istess. Il-kisbiet fl-effiċjenza jissuperaw l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fil-forma ta’ żieda fl-ispejjeż. Alternattivi oħra għall-akkordju jidher li huma inqas ċerti u inqas kost-effettivi fl-għoti tal-istess benefiċċji netti. Diversi mezzi mekkaniċi huma ekonomikament disponibbli għall-partijiet sabiex jimmanifatturaw magni tal-ħasil li jikkonformaw mal-karatteristiċi ambjentali miftiehma u l-kompetizzjoni xorta tibqa’ sseħħ għal karatteristiċi oħra tal-prodotti. Għalhekk, jidher li l-kriterji tal-Artikolu 101(3) ikunu sodisfatti.

    330.

    Standardizzazzjoni inkoraġġuta mill-gvern

    Eżempju 6

    Sitwazzjoni: Bħala reazzjoni għas-sejbiet tar-riċerka fil-livelli rakkomandati ta’ xaħam f’ċertu ikel ipproċessat li twettqet minn grupp ta’ riflessjoni ffinanzjat mill-gvern fi Stat Membru wieħed, diversi manifatturi kbar tal-ikel ipproċessat fl-istess Stat Membru jaqblu, permezz ta’ diskussjonijiet formali f’assoċjazzjoni tal-kummerċ industrijali, li jistabbilixxu livelli tax-xaħam rakkomandati għall-prodotti. Flimkien, il-partijiet jirrappreżentaw 70 % tal-bejgħ tal-prodotti fi ħdan l-Istat Membru. L-inizjattiva tal-partijiet se tiġi appoġġjata minn kampanja ta’ reklamar nazzjonali ffinanzjata mill-grupp ta’ riflessjoni li tenfasizza l-perikli ta’ kontenut għoli ta’ xaħam fl-ikel.

    Analiżi: Għalkemm il-livelli tax-xaħam huma rakkomandazzjonijiet u għalhekk volontarji, b’riżultat tal-pubbliċità estensiva li rriżultat mill-kampanja ta’ reklamar nazzjonali, il-livelli ta’ xaħam rakkomandati probabbilment jiġu implimentati mill-manifatturi kollha tal-ikel ipproċessat fl-Istat Membru. Għalhekk huwa probabbli li dan isir livell massimu ta’ xaħam de facto fl-ikel ipproċessat. L-għażla tal-konsumatur fis-swieq tal-prodotti għalhekk tista’ tonqos. Madankollu, il-partijiet ikunu jistgħu jkomplu jikkompetu fir-rigward ta’ numru ta’ karatteristiċi oħra tal-prodotti, bħall-prezz, id-daqs tal-prodott, il-kwalità, it-togħma, kontenut ieħor nutrizzjonali u tal-melħ, il-bilanċ tal-ingredjenti, u d-ditti. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni fir-rigward tal-livelli tax-xaħam fil-prodott offruti tista’ tiżdied fejn il-partijiet ifittxu li joffru prodotti bl-inqas livelli. Għalhekk huwa improbabbli li l-akkordju jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    331.

    Standardizzazzjoni miftuħa tal-imballaġġ tal-prodott

    Eżempju 7

    Sitwazzjoni: Il-manifatturi prinċipali ta’ prodott għall-konsumatur imfittex ħafna f’suq kompetittiv fi Stat Membru - kif ukoll manifatturi u distributuri fi Stati Membri oħra li jbiegħu l-prodott fi Stat Membru (“importaturi”) – jaqblu mal-fornituri prinċipali tal-imballaġġ li jiżviluppaw u jimplimentaw inizjattiva volontarja sabiex jistandardizzaw id-daqs u l-għamla tal-imballaġġ tal-prodott mibjugħ f’dak l-Istat Membru. Fil-preżent hemm varjazzjoni kbira fid-daqsijiet u l-materjali tal-imballaġġ fi ħdan u madwar l-Istati Membri. Dan jirrifletti l-fatt li l-imballaġġ ma jirrappreżentax proporzjon għoli tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni u li l-ispejjeż għall-bdil għal produtturi tal-imballaġġ mhumiex sinifikanti. M’hemm l-ebda standard Ewropew attwali jew pendenti għall-imballaġġ. Il-partijiet daħlu fl-akkordju volontarjament b’reazzjoni għal pressjoni mill-gvern tal-Istat Membru sabiex jintlaħqu miri ambjentali. Flimkien, il-manifatturi u l-importaturi jirrappreżentaw 85% tal-bejgħ tal-prodott fi ħdan l-Istat Membru. L-inzjattiva volontarja se tirriżulta fi prodott ta’ daqs uniformi għall-bejgħ fl-Istat Membru li juża inqas materjal għall-imballaġġ, jokkupa inqas spazju fuq l-ixkaffa, għandu inqas spejjeż tat-trasport u l-imballaġġ, u huwa aħjar għall-ambjent minħabba fi tnaqqis fl-iskart tal-imballaġġ. Inaqqas ukoll l-ispejjeż tar-riċiklaġġ tal-produtturi. L-istandard ma jispeċifikax li jridu jintużaw tipi partikolari ta’ materjali. L-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard ġew miftiehma bejn il-manifatturi u l-importaturi b'mod miftuħ u trasparenti, u l-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet ġew pubblikati għal konsultazzjoni miftuħa fuq websajt tal-industrija f’ħin f’waqtu qabel l-adozzjoni. L-ispeċifikazzjonijiet finali adottati huma ppubblikati wkoll fuq websajt tal-assoċjazzjoni tal-kummerċ industrijali li huwa aċċessibbli b'mod liberu għal kwalunkwe parteċipant ġdid potenzjali, anke jekk mhumiex membri tal-assoċjazzjoni tal-kummerċ.

    Analiżi: Għalkemm l-akkordju huwa volontarju, huwa probabbli li l-istandard isir prassi tal-industrija de facto għaliex il-partijiet flimkien jirrappreżenta proporzjon għoli tas-suq għall-prodott fl-Istat Membru u l-bejjiegħa bl-imnut qed jiġu nkoraġġuti wkoll mill-gvern sabiex inaqqsu l-iskart tal-imballaġġ. Għalhekk, fit-teorija, l-akkordju jista’ joħloq ostakoli għad-dħul u jwassal għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittiva potenzjali fis-suq tal-Istat Membru. Dan, b’mod partikolari, ikun riskju għal importaturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu jeħtieġu li jippakkjaw il-prodott mill-ġdid sabiex jissodisfaw l-istandard de facto sabiex ikunu jistgħu jbiegħu fl-Istat Membru jekk id-daqs tal-pakkett użat fi Stati Membri oħra ma jilħaqx l-istandard. Madankollu, huwa improbabbli li fil-prattika jseħħu ostakoli sinifikanti għad-dħul u esklużjoni għaliex (a) l-akkordju huwa volontarju, (b) l-istandard ġie miftiehem ma’ importaturi prinċipali b’mod miftuħ u trasparenti, (c) l-ispejjeż tal-bidla huma baxxi, u (d) id-dettalji tekniċi tal-istandard huma aċċessibbli għal parteċipanti ġodda, importaturi u l-fornituri kollha tal-imballaġġ. B’mod partikolari, l-importaturi kienu konxji tal-bdil potenzjali għall-imballaġġ fi stadju bikri tal-iżvilupp u kellhom l-opportunità permezz tal-konsultazzoni miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards sabiex iressqu l-opinjonijiet tagħhom qabel ma ġie fil-fatt adottat l-istandard. L-akkordju għalhekk ma jipperikolax li iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

    Fi kwalunkwe każ, huwa probabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu sodisfatti f’dan il-każ: (i) l-akkordju se jwassal għal effiċjenzi kwantitattivi permezz ta’ spejjeż tat-trasport u l-imballaġġ aktar baxxi, (ii) il-kundizzjonijiet prevalenti tal-kompetizzjoni fis-suq huma tali li huwa probabbli li dan it-tnaqqis fl-ispejjeż jiġi trasferit lill-konsumaturi, (iii) l-akkordju jinkludi biss ir-restrizzjonijiet minimi meħtieġa sabiex jinkiseb l-istandard tal-imballaġġ u huwa improbabbli li jirriżulta f'effetti ta’ esklużjoni sinifikanti u (iv) il-kompetizzjoni ma tiġix eliminata f’parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati.

    332.

    Standardizzazzjoni magħluqa tal-imballaġġ tal-prodott

    Eżempju 8

    Sitwazzjoni: Is-sitwazzjoni hija l-istess bħal fl-Eżempju 7, paragrafu 331, ħlief li l-istandard jiġi miftiehem biss bejn manifatturi tal-prodott għall-konsumatur imfittex ħafna fis-suq li jinstab fi ħdan l-Istat Membru (li jirrappreżenta 65 % tal-bejgħ tal-prodott fl-Istat Membru), ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni miftuħa dwar l-ispeċifikazzjonijiet adottati (li jinkludu l-istandards dettaljati dwar it-tip tal-materjal tal-imballaġġ li jrid jintuża) u l-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard volontarju ma ġewx ippubblikati. Dan irriżulta fi spejjeż tal-bidla ogħla għal produtturi fi Stat Membri oħra milli għal produtturi domestiċi.

    Analiżi: B’mod simili għall-Eżempju 7, paragrafu 331, għalkemm l-akkordju huwa volontarju, huwa probabbli ħafna li jsir prassi tal-industrija standard de facto minħabba li l-bejjiegħa bl-imnut qed jiġu inkoraġġuti wkoll mill-gvern li jnaqqsu l-iskart tal-imballaġġ tagħhom u l-manifatturi domestiċi jammontaw għal 65 % tal-bejgħ tal-prodott fi ħdan l-Istat Membru. Il-fatt li produtturi rilevanti fi Stati Membri oħra ma ġewx ikkonsultati rriżulta fl-adozzjoni ta’ standard li jimponi fuqhom spejjeż tal-bidla ogħla meta mqabbla ma’ produtturi domestiċi. L-akkordju jista’ għalhekk joħloq ostakoli għad-dħul u jwassal għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittiva potenzjali fuq il-fornituri tal-imballaġġ, parteċipanti ġodda u importaturi – li kollha kemm huma ma ġewx involuti fil-proċess għat-twaqqif tal-istandards – għaliex jistgħu jinħtieġu li jippakkjaw il-prodott mill-ġdid sabiex jilħqu l-istandard de facto sabiex ikunu jistgħu jbiegħu fl-Istat Membru jekk id-daqs tal-pakkett użat fl-Istati Membri l-oħra ma jissodisfax l-istandard.

    Għall-kuntrarju tal-Eżempju 7, paragrafu 331, il-proċess tal-istandardizzazzjoni ma twettaqx b’mod miftuħ u trasparenti. B’mod partikolari, parteċipanti ġodda, importaturi u fornituri tal-imballaġġ ma ngħatawx l-opportunità li jikkummentaw fuq l-istandard propost u jistgħu ma jkunux konxji tiegħu sa stadju aktar tard, li joħloq il-possibbiltà li ma jkunux jistgħu jbiddlu l-metodi tal-produzzjoni tagħhom jew ibiddlu l-fornituri b’mod mgħaġġel u effettiv. Barra minn hekk, parteċipanti ġodda, importaturi u fornituri tal-imballaġġ jistgħu ma jkunux kapaċi jikkompetu jekk l-istandard ma jkunx magħruf jew ikun diffiċli li wieħed ikun f’konformità miegħu. Huwa ta’ rilevanza partikolari l-fatt li l-istandard jinkludi speiċifikazzjonijiet dettaljati dwar il-materjali tal-imballaġġ li jridu jintużaw, li, minħabba fin-natura magħluqa tal-konsultazzoni u l-istandard, importaturi u parteċipanti ġodda se jikkombattu sabiex jikkonformaw miegħu. L-akkordju jista’ għalhekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatt li wieħed ikun daħal fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-miri ambjentali sottostanti miftiehma mal-gvern tal-Istat Membru.

    Huwa improbabbli li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) se jiġu sodisfatti f’dan il-każ. Għalkemm l-akkordju se jwassal għal effiċjenzi kwantitattivi simili għal dawk li jseħħu fl-Eżempju 7, paragrafu 331, huwa improbabbli li n-natura magħluqa u privata tal-akkordju ta’ standardizzazzjoni u l-istandard dettaljat mhux ippubblikat dwar it-tip ta’ materjal tal-imballaġġ li jrid jintuża jkunu indispensabbli sabiex jinkisbu l-effiċjenzi taħt l-akkordju.

    333.

    Termini standard li ma jorbtux u miftuħa użati għal kuntratti mal-utenti finali

    Eżempju 9

    Sitwazzjoni: Assoċjazzjoni tal-kummerċ għad-distributuri tal-elettriku tistabbilixxi termini li ma jorbtux għall-provvista tal-elettriku lill-utenti finali. It-twaqqif tat-termini standard isir b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju. It-termini standard ikopru kwistjonijiet bħall-ispeċifiċità tal-punt tal-konsum, il-pożizzjoni tal-punt tal-konnessjoni u l-vultaġġ tal-konnessjoni, dispożizzjonijiet dwar l-affidabbiltà tas-servizz kif ukoll il-proċedura għall-ħlas tal-kontijiet bejn il-partijiet għall-kuntratt (pereżempju, x’jiġri jekk il-klijent ma jipprovdix lill-fornitur bil-qari tal-istrumenti tal-kejl). It-termini standard ma jkoprux kwistjonijiet relatati mal-prezzijiet, jiġifieri, dawn ma fihomx prezzijiet rakkomandati jew klawżoli oħra relatati mal-prezz. Kwalunkwe kumpanija attiva fis-settur hija ħielsa li tuża t-termini standard kif jidhrilha. Madwar 80 % tal-kuntratti li jiġu konklużi mal-utenti finali fis-suq rilevanti huma bbażati fuq dawn it-termini standard.

    Analiżi: Huwa improbabbli li dawn it-termini standard iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Anki jekk dawn saru prassi tal-industrija, jidher li m’għandhomx impatt negattiv sinifikanti fuq il-prezzijiet, il-kwalità jew il-varjetà tal-prodotti.

    334.

    Termini standard użati għal kuntratti bejn il-kumpaniji

    Eżempju 10

    Sitwazzjoni: Kumpaniji tal-kostruzzjoni f’ċertu Stat Membru jingħaqdu flimkien biex jistabbilixxu termini standard li ma jorbtux u li huma miftuħa u kundizzjonijiet għall-użu minn kuntrattur meta jissottometti stima għal xogħol ta’ kostruzzjoni lil klijent. Formola ta’ stima hija inkluża flimkien mat-termini u l-kundizzjonijiet adattati għall-bini jew il-kostruzzjoni. Flimkien, id-dokumenti joħolqu l-kuntratt tal-kostruzzjoni. Il-klawżoli jkopru affarijiet bħall-formulazzjoni tal-kuntratt, l-obbligi ġenerali tal-kuntrattur u l-klijent u kundizzjonijiet tal-ħlas mhux relatati mal-prezzijiet (pereżempju, dispożizzjoni li tispeċifika d-dritt tal-kuntrattur li jagħti avviż ta’ sospensjoni tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ ħlas), l-assigurazzjoni, id-dewmien, it-trasferiment u d-difetti, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà, it-terminazzjoni, eċċ. B’kuntrast mal-Eżempju 9, paragrafu 333, dawn it-termini standard ħafna drabi jintużaw bejn il-kumpaniji, waħda attiva upstream u l-oħra attiva downstream.

    Analiżi: Huwa improbabbli li dawn it-termini standard ikollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Normalment ma jkunx hemm limitazzjoni sinifikanti fl-għażla għall-konsumatur tal-prodott finali, jiġifieri, ix-xogħol tal-kostruzzjoni. Effetti restrittivi oħra fuq il-kompetizzjoni ma jidhrux probabbli. Fil-fatt, ħafna mill-klawżoli msemmija hawn fuq (trasferiment u difetti, terminazzjoni, eċċ) ħafna drabi huma regolati bil-liġi.

    335.

    Termini standard li jiffaċilitaw il-paragun tal-prodotti ta’ kumpaniji differenti

    Eżempju 11

    Sitwazzjoni: Assoċjazzjoni nazzjonali għas-settur tal-assigurazzjoni tiddistribwixxi kundizzjonijiet ta’ polza standard li ma jorbtux għal kuntratti tal-assigurazzjoni tad-dar. Il-kundizzjonijiet ma jagħtux indikazzjoni tal-livell tal-premiums tal-assigurazzjoni, tal-ammont tal-kopertura jew tal-eċċessi li għandhom jitħallsu mill-assigurat. Ma jimponux kopertura komprensiva inklużi riskji li għalihom numru sinifikanti ta’ detenturi tal-poloz mhumiex esposti simultanjament u ma jeħtiġux li d-detenturi tal-poloz jiksbu kopertura mill-istess assiguratur għal riskji differenti. Waqt li l-maġġoranza tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni jużaw kundizzjonijiet ta’ polza standard, mhux il-kuntratti kollha tagħhom fihom l-istess kundizzjonijiet għaliex dawn huma adattati għall-bżonnijiet individwali tal-klijent u għalhekk m’hemmx standardizzazzjoni de facto tal-prodotti tal-assigurazzjoni offruti lill-konsumaturi. Il-kundizzjonijiet ta’ polza standard jippermettu lill-konsumaturi u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur iqabblu l-poloz offruti mill-assiguraturi differenti. Assoċjazzjoni tal-konsumatur hija involuta fil-proċess għat-twaqqif tal-kundizzjonijiet ta’ polza standard. Dawn huma disponibbli wkoll għall-użu minn parteċipanti ġodda, fuq bażi mhux diskriminatorja.

    Analiżi: Dawn il-kondizzonijiet ta’ polza standard huma relatati mal-kompożizzjoni tal-prodott tal-assigurazzjoni finali. Jekk il-kundizzjonijiet fis-suq u fatturi oħra jkunu juru li jista’ jkun hemm riskju ta’ limitazzjoni fil-varjetà tal-prodott b’riżultat tal-użu mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet ta’ polza standard, huwa probabbli li limitazzjoni possibbli bħal din tiġi superata mill-kisbiet fl-effiċjenza bħall-faċilitazzjoni tat-tqabbil mill-konsumaturi tal-kundizzjonijiet offruti mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Dawk il-kumpaniji mbagħad jiffaċilitaw il-bidla minn kumpanija tal-assigurazzjoni għal oħra u b’hekk itejbu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-bdil tal-fornituri, kif ukoll id-dħul fis-suq minn kompetituri, jikkostitwixxu vantaġġ għall-konsumaturi. Il-fatt li l-assoċjazzjoni talkonsumatur ipparteċipat fil-proċess jista’ , f’ċerti każijiet, iżid il-probabbiltà li dawk il-kisbiet fl-effiċjenza li ma jibbenefikawx awtomatikament lill-konsumaturi jiġu trasferiti. Il-kondizzjonijiet ta’ polza standard probabbilment ukoll inaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u jiffaċilitaw id-dħul għall-assiguraturi fi swieq ġeografiċi u/jew tal-prodotti differenti. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tal-effiċjenzi identifikati u l-kompetizzjoni ma tiġix eliminata. Konsegwentement, il-kriterji tal-Artikolu 101(3) aktarx li jiġu sodisfatti.


    (1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ il-linji gwidi, referenzi għall-Artikolu 101 tat-TFUE għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE. It-TFUE introduċa wkoll ċerti tibdiliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’“Unjoni” u “suq komuni” b’“suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża tul dawn il-linji gwidi.

    (2)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

    (3)  Ara l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, meta tkun qed tevalwa jekk ikunx hemm joint venture, il-Kummissjoni teżamina jekk il-joint venture tkunx awtonoma f’sens operazzjonali. Dan ma jfissirx li tkun tgawdi awtonomija mill-kumpaniji prinċipali tagħha fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha (ara l-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, ĠU C 95, 16.4.2008. p. 1, paragrafi 91-109 (“Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat”)). Irid jitfakkar ukoll li jekk il-ħolqien ta’ joint venture li tkun tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ikollu bħala l-għan jew l-effett tiegħu l-koordinazzjoni tal-imġiba kompeitttiva tal-impriżi li jibqgħu indipendenti, allura dik il-koordinazzjoni tkun evalwata skont l-Artikolu 101 tat-Trattat (ara l-Artikolu 2(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet).

    (4)  ĠU L […], […], p. […].

    (5)  ĠU L […], […], p. […].

    (6)  Dak li jikkostitwixxi “perjodu qasir ta’ żmien” jiddependi fuq il-fatti tal-każ inkwistjoni, il-kuntest legali u ekonomiku tiegħu, u, b’mod partikolari, fuq jekk il-kumpanija kkonċernata hijiex parti fl-akkordju jew parti terza. Fl-ewwel każ, jiġifieri, fejn jiġi analizzat jekk parti fl-akkordju għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali tal-parti l-oħra, il-Kummissjoni normalment se tikkunsidra perjodu itwal bħala “perjodu qasir ta’ żmien” milli fit-tieni każ, jiġifieri, fejn il-kapaċità ta’ parti terza li taġixxi bħala restrizzjoni kompetittiva fuq il-partijiet fl-akkordju tiġi analizzata. Biex parti terza tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali, ikun meħtieġ li d-dħul fis-suq iseħħ b’mod mgħaġġel biżżejjed sabiex it-theddida ta’ dħul potenzjali tkun restrizzjoni fuq l-aġir tal-partijiet u tal-parteċipanti l-oħra fis-suq. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Regolamenti għal Eżenzjoni Sħiħa kemm tar-Riċerka u l-Iżvilupp kif ukoll tal-Ispeċjalizzazzjoni jikkunsidraw perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin bħala “perjodu qasir żmien”.

    (7)  ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5, paragrafu 24; ara wkoll it-Tlettax-il Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, punt 55 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/32.009, Elopak/Metal Box-Odin, ĠU L 209, 8.8.1990, p. 15.

    (8)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-73/95, Viho, [1996] Ġabra I-5457, paragrafu 51. L-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva mill-kumpanija prinċipali fuq il-kondotta tas-sussidjarja jista’ jiġi preżunt fil-każ ta’ sussidjarji posseduti kompletament; ara, pereżempju, il-Kawża 107/82, AEG, [1983] Ġabra 3151, paragrafu 50; il-Kawża C-286/98 P, Stora, [2000] Ġabra I-9925, paragrafu 29; jew il-Kawża C-97/08 P, Akzo, [2009] Ġabra I-8237, paragrafi 60 et seq.

    (9)  ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1.

    (10)  ĠU C 130, 19.5.2010, p. 1.

    (11)  Dan ma japplikax fejn il-kompetituri jidħlu f'akkordju vertikali mhux reċiproku u (i) il-fornitur ikun manifattur u distributur ta’ merkanzija, waqt li x-xerrej ikun distributur u mhux impriża konkorrenti fil-livell ta’ manifattura, jew (ii) il-fornitur ikun fornitur ta’ servizzi f’diversi livelli tal-kummerċ, waqt li x-xerrej jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi tiegħu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u mhuwiex impriża konkorrenti fil-livell tal-kummerċ fejn jixtri s-servizzi tal-kuntratt. Tali akkordji jiġu evalwati esklużivament skont ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali u l-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali (ara l-Artikolu 2(4) tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali).

    (12)  Għandu jiġi osservat li dan it-test japplika biss għar-relazzjoni bejn il-kapitoli differenti ta’ dawn il-linji gwida, mhux għar-relazzjoni bejn regolamenti għall-eżenzjoni ta’ kategorija differenti. L-ambitu ta’ regolament għall-eżenzjoni ta’ kategorija huwa definit mid-dispożizzjonijiet tiegħu stess.

    (13)  Ara l-Kawża T-51/89, Tetra Pak I, [1990] Ġabra II-309, paragrafi 25 et seq. u l-Gwida dwar il-prijoritajiet tal-infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti, ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7 (“Dokument ta’ Gwida dwar l-Artikolu 102”).

    (14)  ĠU C 3, 6.1.2001, p. 2. Dawn il-linji gwida ma fihomx kapitolu separat dwar l-“akkordji ambjentali” kif kien il-każ fil-linji gwida preċedenti. L-iffissar tal-istandards fil-qasam ambjentali, li fuqu kienet l-enfasi ewlenija tal-kapitolu li kien hemm qabel dwar l-akkordji ambjentali, jiġi indirizzat b'mod aktar xieraq fil-kapitolu ta’ dawn il-linji gwida dwar l-istandardizzazzjoni. B'mod ġenerali, skont il-kwistjonijiet dwar il-kompetizzjoni li jqajmu l-“akkordji ambjentali”, dawn għandhom jiġu evalwati skont il-kapitolu rilevanti ta’ dawn il-linji gwida, jiġifieri l-kapitolu dwar l-akkordji ta’ R&Ż, dwar l-akkordji ta’ produzzjoni, dwar l-akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni jew dwar l-akkordji ta’ standardizzazzjoni.

    (15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’ u kummerċ f’prodotti agrikoli, ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7.

    (16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 169/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni, ĠU L 61, 5.3.2009, p. 1; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 246/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-applikazzjoni talArtikolu 81 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (consortia), ĠU L 79, 25.3.2009, p. 1; ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 823/2000 tad-19 ta’ April 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat lil ċerti kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn kumpaniji ta’ trasport bil-baħar (konsorzji), ĠU C 100, 20.4.2000, p. 24; il-Linji ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għas-servizzi ta’ trasport marittimu, ĠU C 245, 26.9.2008, p. 2.

    (17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 267/2010 tal-24 ta’ Marzu 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni, ĠU L 83, 30.3.2010, p. 1.

    (18)  ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97.

    (19)  L-Artikolu 101(1) jipprojbixxi kemm l-effetti antikompetittivi attwali kif ukoll potenzjali, ara pereżempju l-Kawża C-7/95 P, John Deere, [1998] Ġabra I-3111, paragrafu 77; il-Kawża C-238/05, Asnef-Equifax, [2006] Ġabra I-11125, paragrafu 50.

    (20)  Ara l-Kawżi Magħquda C-501/06 P et, GlaxoSmithKline, [2009] Ġabra I-9291, paragrafu 95.

    (21)  Ara l-Kawża T-65/98, Van den Bergh Foods, [2003] Ġabra II-4653, paragrafu 107; il-Kawża T-112/99, Métropole télévision (M6) and others, [2001] Ġabra II-2459, paragrafu 74; il-Kawża T-328/03, O2, [2006] Ġabra II-1231, paragrafi 69 et seq., fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa biss fil-qafas preċiż tal-Artikolu 101(3) li l-aspetti prokompetittivi u antikompetittivi ta’ restrizzjoni jistgħu jiġu kkalkulati.

    (22)  Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010 fil-Kawża C-280/08 P, Deutsche Telekom, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 82 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

    (23)  Ara l-Kawża C-198/01, CIF, [2003] Ġabra I-8055, paragrafi 56-58; il-Kawżi Magħquda T-217/03 u T-245/03, French Beef [2006] Ġabra II-4987, paragrafu 92; il-Kawża T-7/92 Asia Motor France II, [1993] Ġabra II-669, paragrafu 71; u l-Kawża T-148/89, Tréfilunion, [1995] Ġabra II-1063, paragrafu 118.

    (24)  Ara l-Kawża C-280/08 P, Deutsche Telekom, paragrafi 80-81. Din il-possibbiltà ġiet interpretata b’mod strett; ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda 209/78 et, Van Landewyck, [1980] Ġabra 3125, paragrafi 130-134; il-Kawżi Magħquda 240/82 et, Stichting Sigarettenindustrie, [1985] Ġabra 3831, paragrafi 27-29; u l-Kawżi Magħquda C-359/95 P u C-379/95 P, Ladbroke Racing, [1997] Ġabra I-6265, paragrafi 33 et seq.

    (25)  Għall-inqas sakemm tiġi adottata deċiżjoni biex ma tiġix applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik id-deċiżjoni tkun saret definittiva; ara l-Kawża C-198/01, CIF, paragrafi 54 et seq.

    (26)  Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, it-terminu “restrizzjoni tal-kompetizzjoni” jinkludi l-prevenzjoni u t-tfixkil tal-kompetizzjoni.

    (27)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-209/07, BIDS, [2008] Ġabra I-8637, paragrafu 17.

    (28)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-501/06 P et, GlaxoSmithKline, paragrafu 55; il-Kawża C-209/07, BIDS, paragrafu 16; il-Kawża C-8/08, T-Mobile Netherlands, [2009] Ġabra I-4529, paragrafu 29 et seq.; il-Kawża C-7/95 P, John Deere, paragrafu 77.

    (29)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-501/06 P et, GlaxoSmithKline, paragrafu 58; il-Kawża C-209/07, BIDS, paragrafi 15 et seq.

    (30)  Ara l-Kawża C-7/95 P, John Deere, paragrafu 88; il-Kawża C-238/05, Asnef-Equifax, paragrafu 51.

    (31)  Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Linji Gwida Ġenerali.

    (32)  ĠU L 368, 22.12.2001, p. 13.

    (33)  Jekk ikun hemm aktar minn żewġ partijiet, allura s-sehem kollettiv tal-kompetituri kollha li qed jikkoperaw irid ikun ferm akbar mis-sehem tal-akbar kompetitur waħdieni li jkun qed jipparteċipa.

    (34)  Għall-kalkolu tal-ishma fis-suq, ara wkoll l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq, paragrafi 54-55.

    (35)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

    (36)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-501/06 P et, GlaxoSmithKline, paragrafi 93-95.

    (37)  Aktar dettall dwar il-kunċett ta’ konsumatur huwa pprovdut fil-paragrafu 84 tal-Linji Gwida Ġenerali.

    (38)  Ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (39)  Ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ispeċjalizzazzjoni.

    (40)  It-teorija ekonomika dwar in-nuqqas ta’ simetriji fl-informazzjoni tikkonċerna l-istudju ta’ deċiżjonijiet fi tranżazzjonijiet fejn parti waħda jkollha aktar informazzjoni mill-oħra.

    (41)  Ara l-Kawża C-7/95 P, John Deere, paragrafu 88.

    (42)  Ara pereżempju l-Kawża C-8/08, T-Mobile Netherlands, paragrafu 26; il-Kawżi Magħquda C-89/85 et, Wood Pulp, [1993] Ġabra 1307, paragrafu 63.

    (43)  Ara l-Kawża C-7/95 P, John Deere, paragrafu 86.

    (44)  Kawża C-7/95 P, John Deere, paragrafu 87.

    (45)  Ara l-Kawżi 40/73 et, Suiker Unie, [1975] Ġabra 1663, paragrafu 173 et seq.

    (46)  Inċertezza strateġika fis-suq tinħoloq għaliex ikun hemm varjetà ta’ riżultati kollużivi possibbli disponibbli u għaliex il-kumpaniji ma jistgħux josservaw perfettament azzjonijiet passati u kurrenti tal-kompetituri tagħhom jew ta’ dawk li jidħlu ġodda fis-suq.

    (47)  Ara pereżempju l-Kawżi Magħquda T-25/95 et, Cimenteries, [2000] Ġabra II-491, paragrafu 1849: “[…] il-kunċett ta’ prattika miftiehma fil-fatt jimplika l-eżistenza ta’ kuntatti reċiproki […]. Dik il-kondizzjoni tiġi sodisfatta meta kompetitur wieħed jiżvela l-intenzjonijiet futuri jew il-kondotta fis-suq futura tiegħu lil kompetitur ieħor meta dan tal-aħħar jitlobha jew, għall-inqas, jaċċettaha”.

    (48)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża C-8/08, T-Mobile Netherlands, [2009] Ġabra I-4529, paragrafu 54.

    (49)  Ara l-Kawża C-8/08, T-Mobile Netherlands, paragrafu 59: “ma għandux jiġi eskluż, skont l-istruttura tas-suq, li kuntatt ta’ darba, bħal fil-kawża prinċipali, jista’, bħala regola, jkun biżżejjed sabiex l-impriżi kkonċernati jiftiehmu dwar l-aġir tagħhom fis-suq u b’hekk jissostitwixxu intenzjonalment il-kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjon li dan jimplika.

    (50)  Ara l-Kawżi Magħquda T-202/98 et, Tate & Lyle v Commission, [2001] Ġabra II-2035, paragrafu 54.

    (51)  Ara l-Kawża C-199/92 P, Hüls, [1999] Ġabra I-4287, paragrafu 162; il-Kawża C-49/92 P, AnicPartezipazioni, [1999] Ġabra I-4125, paragrafu 121.

    (52)  Dan ma jkoprix sitwazzjonijiet fejn tali dikjarazzjonijiet jinvolvu stedin għall-kollużjoni.

    (53)  L-użu tat-terminu “tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni” ifisser li d-deskrizzjoni segwenti tal-kompetizzjoni la hija esklużiva u lanqas eżawrjenti.

    (54)  Rigward it-tħassib dwar esklużjoni li tista’ tirriżulta minn akkordji vertikali, ara l-paragrafi 100 et seq. tal-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali.

    (55)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-501/06 P et, GlaxoSmithKline, paragrafu 58; il-Kawża C-209/07, BIDS, paragrafi 15 et seq.

    (56)  Ara wkoll il-Linji Gwida Ġenerali, paragrafu 22.

    (57)  L-informazzjoni dwar il-kwantitajiet futuri ppjanati tista’ pereżempju tinkludi l-bejgħ futur ippjanat, l-ishma fis-suq, it-territorji, u bejgħ lil gruppi partikolari ta’ konsumaturi.

    (58)  Il-kunċett ta’ “prezzijiet futuri ppjanati” huwa muri fl-Eżempju 1. F’sitwazzjonijiet speċifiċi fejn kumpaniji huma kommessi kompletament li jbiegħu fil-futur bil-prezzijiet li jkunu ddikjaraw minn qabel lill-pubbliku (jiġifieri, ma jistgħux jirreveduhom), tali dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ prezzijiet jew kwantitajiet individwalizzati fil-futur mhumiex se jiġu kkunsidrati bħala intenzjonijiet, u għaldaqstant normalment ma jinstabx li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, minħabba fl-interazzjonijiet ripetuti u t-tip speċifiku tar-relazzjoni li l-kumpaniji jista’ jkollhom mal-klijenti tagħhom, pereżempju minħabba li huwa essenzjali li l-klijenti jkunu jafu prezzijiet futuri bil-quddiem jew għaliex diġà jkunu jistgħu jieħdu ordnijiet bil-quddiem b’dawn il-prezzijiet. Dan għaliex f’dawn is-sitwazzjonijiet l-iskambju ta’ informazzjoni jkun mezz aktar għali sabiex jintlaħaq riżultat kollużiv fis-suq mill-iskambju ta’ informazzjoni dwar intenzjonijiet futuri u jkun aktar probabbli li jsir għal raġunijiet prokompetittivi. Madankollu, dan ma jimplikax li ġeneralment impenn fuq il-prezz lejn il-klijenti huwa neċessarjament prokompetittiv. Għall-kuntrarju, jista’ jillimita l-possibbiltà tad-devjazzjoni minn riżultat kollużiv u b’hekk jirrendih aktar stabbli.

    (59)  Dan huwa bla ħsara għall-fatt li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ prezzijiet individwalizzati ppjanati jistgħu jwasslu għal effiċjenzi u li l-partijiet għal tali skambju jkollhom possibbiltà li jiddependu fuq l-Artikolu 101(3).

    (60)  Kawża C-7/95 P, John Deere v Commission, paragrafu 76.

    (61)  L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod simili għal għaqda jekk iwassal għal koordinazzjoni aktar effettiva, aktar stabbli jew aktar probabbli fis-suq; ara l-Kawża C-413/06 P, Sony, [2008] ECR I-4951, paragrafu 123, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-kriterji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-342/99, Airtours, [2002] ECR II-2585, paragrafu 62.

    (62)  Kawża C-238/05, Asnef-Equifax, paragrafu 54.

    (63)  Għandu jkun innotat li d-diskussjoni fil-paragrafi 78 sa 85 mhijiex lista kompleta tal-karatteristiċi tas-suq rilevanti. Jista’ jkun hemm karatteristiċi oħra tas-suq li huma importanti fit-twaqqif ta’ ċerti skambji ta’ informazzjoni.

    (64)  Ara l-Kawża T-35/92, John Deere v Commission, [1994] Ġabra II-957, paragrafu 78.

    (65)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każijiet IV/31.370 u 31.336, UK Agricultural Tractor Registration Exchange, ĠU L 68, 13.3.1992, p. 19, paragrafu 51 u l-Kawża T-35/92, John Deere v Commission, paragrafu 78. Mhuwiex meħtieġ li titwaqqaf stabbiltà assoluta jew li tiġi eskluża l-kompetizzjoni qawwija.

    (66)  Skambji ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ akkordju ta’ R&Ż, jekk ma jaqbżux dak li hu neċessarju għall-implimentazzjoni tal-akkordju, jistgħu jibbenefikaw miż-żona ta’ sigurezza ta’ 25 % stabbilita fir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż. Għar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ispeċjalizzazzjoni, iż-żona ta’ sigurezza rilevanti hija 20 %.

    (67)  Il-ġbir ta’ dejta storika jista’ jintuża wkoll biex jiġi trażmess il-kontribut ta’ assoċjazzjoni ta’ settur għal reviżjoni ta’ politika pubbliku jew għal analiżi tiegħu.

    (68)  Pereżempju, f’kawżi fil-passat il-Kummissjoni kkunsidrat l-iskambju ta’ dejta individwali li kellha aktar minn sena bħala storika u mhux daqshekk restrittiva tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), filwaqt li informazzjoni li kellha anqas minn sena ġiet ikkunsidrata bħala reċenti; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/31.370, UK Agricultural Tractor Registration Exchange, paragrafu 50; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/36.069, Wirtschaftsvereinigung Stahl, ĠU L 1, 3.1.1998, p. 10, paragrafu 17.

    (69)  Madankollu, kuntratti mhux frekwenti jistgħu jnaqqsu l-probabbiltà ta’ ritaljazzjoni immedjata biżżejjed.

    (70)  Madankollu, skont l-istruttura tas-suq u l-kuntest ġenerali tal-iskambju, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li skambju iżolat jista’ jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-impriżi li jkunu qed jipparteċipaw biex jiftehmu fuq il-kondotta tagħhom fis-suq u b’hekk jissostitwixxu b’suċċess il-kooperazzjoni prattika bejniethom għall-kompetizzjoni u r-riskji li din tinvolvi; ara l-Kawża C-8/08, T-Mobile Netherlands, paragrafu 59.

    (71)  Il-Kawżi Magħquda T-191/98 et, Atlantic Container Line (TACA), [2003] Ġabra II-3275, paragrafu 1154. Dan jista’ ma jkunx il-każ jekk l-iskambju isaħħaħ kartell.

    (72)  Barra minn hekk, il-fatt li l-partijiet fl-iskambju jkunu kkomunikaw minn qabel id-dejta lill-pubbliku (pereżempju permezz ta’ gazzetta ta’ kuljum jew fuq il-websajts tagħhom), ma jimplikax li skambju mhux pubbliku sussegwenti ma jiksirx l-Artikolu 101.

    (73)  Ara l-Kawżi Magħquda T-202/98 et, Tate & Lyle v Commission, paragrafu 60.

    (74)  Dan ma jipprekludix li bażi tad-dejta tiġi offruta bi prezz aktar baxx lil klijenti li lilha jkunu kkontribbwixxew id-dejta huma stess, għaliex b’dan il-mod normalment ikunu ġarrbu l-ispejjeż ukoll.

    (75)  L-evalwazzjoni ta’ ostakoli għad-dħul u l-kontrabilanċ tas-“setgħa tax-xerrejja” fis-suq tkun rilevanti għad-determinazzjoni jekk barranin għas-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni jkunux jistgħu jippreġudikaw ir-riżultati mistennija mill-koordinazzjoni. Madankollu, trasparenza miżjuda għall-konsumaturi tista’ jew tnaqqas jew iżżid il-lok għal riżultat kollużiv għaliex bi trasparenza miżjuda għall-konsumaturi, minħabba li l-elastiċità tal-prezz tad-domanda hija ogħla, kumpens minn devjazzjoni jkun ogħla iżda r-ritaljazzjoni hija wkoll aktar ħarxa.

    (76)  Id-diskussjoni ta’ kisbiet potenzjali fl-effiċjenza minn skambju ta’ informazzjoni la hija esklużiva u lanqas eżawrjenti.

    (77)  Tali effiċjenzi jeħtieġ li jiġu mwieżna kontra l-effetti potenzjalment negattivi ta’ , pereżempju, il-limitazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq li tistimula l-innovazzjoni.

    (78)  Għad-definizzjoni tas-suq, ara l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq.

    (79)  Ara wkoll il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għall-akkordji ta’ trasferiment tat-teknoloġija, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 2 (“Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija”), paragrafu 33.

    (80)  Ara l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq; ara wkoll il-Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija, paragrafi 19 et seq.

    (81)  Punt (u) tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (82)  L-Artikolu 4(2) dwar ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (83)  Ara wkoll il-Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija, paragrafu 23.

    (84)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (85)  Ara l-premessi 19, 20 u 21 tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (86)  L-Artikolu 4(3) tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (87)  Kooperazzjoni fir-R&Ż bejn partijiet mhux f’kompetizzjoni tista’ , madankollu, tipproduċi effetti ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 101(1) jekk tkun relatata ma’ sfruttament esklużiv tar-riżultati u jekk tiġi konkluża bejn kumpaniji, li waħda minnhom ikollha livell sinifikanti ta’ setgħa fis-suq (li mhux neċessarjament ifisser dominanza) fir-rigward ta’ teknoloġija ewlenija.

    (88)  Dan huwa bla ħsara għal-analiżi tal-kisbiet potenzjali fl-effiċjenza, inklużi dawk li regolarment jeżistu f' R&Ż ikkofinanzjati pubblikament.

    (89)  Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (90)  Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż.

    (91)  ĠU C 1, 3.1.1979, p. 2.

    (92)  Kif imsemmi wkoll fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

    (93)  Ara l-Artikolu 101(1)(a); il-Kawżi Magħquda T-217/03 u T-245/03, French Beef, paragrafi 83 et seq.; il-Kawża C-8/08, T-Mobile Netherlands, paragrafu 37.

    (94)  L-Artikolu 2(4) tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Restrizzjonijiet Vertikali.

    (95)  L-istandardizzazzjoni tista’ tieħu forom differenti, li jvarjaw mill-adozzjoni ta’ standards ibbażati fuq il-kunsens mill-korpi tal-istandards Ewropej jew nazzjonali, permezz ta’ korsorzji u fora, għal akkordji bejn kumpaniji indipendenti.

    (96)  Ara l-Kawża C-113/07, SELEX, [2009] Ġabra I-2207, paragrafu 92.

    (97)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

    (98)  Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża T-432/05, EMC Development AB v. Il-Kummissjoni, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

    (99)  Tali termini standard jistgħu jkopru biss parti verament żgħira tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt finali jew parti kbira minnhom.

    (100)  Dan jirreferi għal sitwazzjoni fejn termini standard (li ma jorbtux legalment) fil-prattika jintużaw mill-parti l-kbira tal-industrija u/jew għall-parti l-kbira tal-aspetti tal-prodott/servizz, u b'hekk jagħtu lok għal restrizzjoni jew saħansitra nuqqas ta’ għażla għall-konsumaturi.

    (101)  Ara l-Kapitolu 3 dwar l-akkordji ta’ R&Ż.

    (102)  Ara wkoll il-paragrafu 308.

    (103)  Skont iċ-ċirku tal-parteċipanti fil-proċess tat-twaqqif tal-istandards, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet fuq in-naħa tal-fornitur jew fuq in-naħa tax-xerrej tas-suq għall-prodott standardizzat.

    (104)  Fil-kuntest ta’ dan il-kapitolu IPR b’mod partikolari jirreferi għal brevett(i) (minbarra applikazzjonijiet għal brevetti mhux ippubblikati). Madankollu, f’każ li xi tip ieħor ta’ IPR fil-prattika jagħti lid-detentur tal-IPR kontroll fuq l-użu tal-istandard għandhom japplikaw l-istess prinċipji.

    (105)  Fil-prattika, ħafna kumpaniji jużaw taħlita ta’ dawn il-mudelli ta’ negozju.

    (106)  Ara l-Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija, paragrafu 7.

    (107)  Tariffi għoljin tar-royalties jistgħu jiġu kkwalifikati bħala eċċessivi biss kemm-il darba l-kundizzjonijiet biex ikun hemm abbuż minn pożizzjoni dominanti kif stipulat fl-Artikolu 102 tat-Trattat u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkunu sodisfatti. Ara pereżempju l-Kawża 27/76, United Brands, [1978] Ġabra 207.

    (108)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/35.691, Pre-insulated pipes, ĠU L 24, 30.1.1999, p. 1, fejn parti mill-ksur tal-Artikolu 101 ikkonsista fl-“użu ta’ normi u standards sabiex jimpedixxu jew idewmu l-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida li tirriżulta fi tnaqqis fil-prezzijiet” (paragrafu 147).

    (109)  Dan il-paragrafu m'għandux jimpedixxi żvelar unilaterali ex ante tat-termini tal-liċenzjar l-aktar restrittivi kif deskritti fil-paragrafu 299. Lanqas ma jimpedixxi pools ta’ privattivi maħluqin skont il-prinċipji preskritti fil-Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija jew skont id-deċiżjoni li tinħareġ liċenzja għal IPR li tkun essenzjali għal standard taħt termini ħielsa mir-royalties kif preskritt f’dan il-Kapitolu.

    (110)  Ara b’analoġija l-paragrafu 39 et seq. Fir-rigward ta’ ishma fis-suq ara wkoll il-paragrafu 296.

    (111)  Ara wkoll il-paragrafu 293 f’dan ir-rigward.

    (112)  Pereżempju, għandu jingħata aċċess effettiv għall-ispeċifikazzjoni tal-istandard.

    (113)  Kif speċifikat fil-paragrafi 285 u 286.

    (114)  Għandu jiġi osservat li FRAND jista’ jkopri wkoll liċenzjar ħieles mir-royalties.

    (115)  Sabiex jinkiseb ir-riżultat imfittex l-żvelar in bona fide ma jeħtieġx li jmur sal-punt li jirrikjedi lill-parteċipanti jqabblu l-IPR tagħhom kontra l-istandard potenzjali u joħorġu dikjarazzjoni li tikkonkludi pożittivament li m’għandhom l-ebda qari tal-IPR fuq l-istandard potenzjali.

    (116)  Ara l-Kawża 27/76, United Brands, paragrafu 250; ara wkoll il-Kawża C-385/07 P, Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland GmbH, [2009] Ġabra I-06155, paragrafu 142.

    (117)  Ara l-Kawża 395/87, Ministère public v Jean-Louis Tournier, [1989] Ġabra 2521, paragrafu 38; il-Kawżi Magħquda 110/88, 241/88 u 242/88, Francois Lucazeau v SACEM, [1989] Ġabra 2811, paragrafu 33.

    (118)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/29/151, Philips/VCR, ĠU L 47, 18.2.1978, p. 42, paragrafu 23: “Billi dawn l-istandards kienu għall-manifattura ta’ tagħmir VCR, il-partijiet kienu obbligati li jimmanifatturaw u jiddistribwixxu biss cassettes u rekorders li jikkonformaw mas-sistema tal-VCR illiċenzjata minn Philips. Ġew ipprojbiti milli jbiddlu għall-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ sistemi oħra ta’ video cassette… Dan ikkostitwixxa restrizzjoni tal-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 85(1)(b)”.

    (119)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/29/151, Philips/VCR, paragrafu 23.

    (120)  Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/31.458, X/Open Group, ĠU L 35, 6.2.1987, p. 36, il-Kummissjoni kkunsidrat li anki jekk l-istandards adottati ġew magħmula pubbliċi, il-politika tas-sħubija ristretta kellha l-effett li timpedixxi lil dawk li ma kinux membri milli jinfluwenzaw ir-riżultati tax-xogħol tal-grupp u milli jġibu n-know-how u l-ftehim tekniku relatat mal-istandards li l-membri probabbilment kienu jakkwistaw. Barra minn hekk, dawk li ma kinux membri ma setgħux, b’kuntrast mal-membri, jimplimentaw l-istandard qabel ma ġie adottat (ara l-paragrafu 32). Għalhekk f’dawn iċ-ċirkostanzi l-akkordju kien jidher li jikkostitwixxi restrizzjoni taħt l-Artikolu 101(1).

    (121)  Jew kieku l-adozzjoni tal-istandard kellha tkun imdewma ħafna minn proċess mhux effiċjenti, kwalunkwe restrizzjoni inizjali tista’ tiġi ssuperata minn effiċjenzi li jridu jiġu kkunsidrati taħt l-Artikolu 101(3).

    (122)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14/10/2009 fil-Kawża 39416, Ship Classification. Id-deċiżjoni hi disponibbli minn: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index/by_nr_78.html#i39_416.

    (123)  Ara l-paragrafu 261.

    (124)  Kwalunkwe żvelar ex ante unilaterali tat-termini tal-liċenzjar l-aktar restrittivi m’għandux iservi ta’ kopertura għall-iffissar konġunt ta’ prezzijiet ta’ prodotti downstream jew ta’ IPR/teknoloġiji ta’ sostituzzjoni li, kif jingħad fil-paragrafu 274, huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan.

    (125)  Jekk esperjenza preċedenti b’termini standard fis-suq rilevanti turi li t-termini standard ma jwasslux għal kompetizzjoni mnaqqsa fuq id-differenzjazzjoni tal-prodott, dan jista’ jkun ukoll indikazzjoni li l-istess tip ta’ termini standard elaborati għal prodott viċin ma jwassalx għal effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni.

    (126)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/31.458, X/Open Group, paragrafu 42: “Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li l-Grupp kien lest jagħmel disponibbli r-riżultati kemm jista’ jkun malajr huwa element essenzjali fid-deċiżjoni tagħha sabiex tagħti eżenzjoni”.

    (127)  Fil-Każ IV/29/151, Philips/VCR, konformità mal-istandards VCR wasslet għall-esklużjoni ta’ sistemi oħrajn, li forsi kienu aħjar. Tali esklużjoni kienet partikolarment serja fid-dawl tal-pożizzjoni tas-suq pre-eminenti li tgawdi Philips “… [R]restrizzjonijiet ġew imposti fuq il-partijiet li ma kinux indispensabbli għall-ksib ta’ dan it-titjib. Il-kompatibbiltà tal-video cassettes tal-VCR mal-magni magħmula minn manifatturi oħra kienet tkun żgurata anki kieku dawn tal-aħħar ma kellhom jaċċettaw xejn aktar minn obbligu li josservaw l-istandards tal-VCR fil-manifattura tat-tagħmir tal-VCR” (paragrafu 31).

    (128)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ IV/31.458, X/Open Group, paragrafu 45: “[L]-għanijiet tal-Grupp ma setgħux jintlaħqu kieku kwalunkwe kumpanija lesta li tikkommetti lilha nfisha għall-għanijiet tal-Grupp kellha d-dritt li ssir membru. Dan joħloq diffikultajiet prattiċi u loġistiċi għall-ġestjoni tax-xogħol u possibbilment jimpedixxi li jgħaddu proposti xierqa.” Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009 fil-Każ 39416, Ship Classification, paragrafu 36: “l-Impenji joħolqu bilanċ bejn iż-żamma ta’ kriterji għoljin għal sħubija fl-IACS fuq naħa, u t-tneħħija ta’ ostakoli għas-sħubija fl-IACS mhux meħtieġa fuq in-naħa l-oħra. Il-kriterji l-ġodda jiżguraw li CSs kompetenti teknikament biss ikunu eliġibbli li jsiru membri fl-IACS, u b'hekk jiġi evitat li l-effiċjenza u l-kwalità tax-xogħol tal-IACS jitħarbat minħabba kundizzjonijiet laxki wisq biex wieħed jissieħeb fl-IACS. Fl-istess ħin, il-kriterji l-ġodda ma jtellfux is-CSs, li huma teknikament kompetenti u jixtiequ jissieħbu fl-IACS, milli jagħmlu dan”.

    (129)  Teknoloġija li hija meqjusa minn utenti jew mid-detenturi ta’ liċenzja bħala interskambjabbli ma’ jew sostitwibbli għal teknoloġija oħra, minħabba fil-karatteristiċi u l-użu ppjanat tat-teknoloġiji.

    (130)  F’dan il-kuntest ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każijiet IV/34.179, 34.202, 216, Dutch Cranes (SCK and FNK), ĠU L 312, 23.12.1995, p. 79, paragrafu 23: “Il-projbizzjoni fuq is-sejħa ta’ ditti mhux ċertifikati minn SCK bħala subappaltaturi tirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni ta’ ditti ċertifikati. Jekk projbizzjoni tistax titqies li timpedixxi, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 85(1) għandha tiġi determinata fil-kuntest legali u ekonomiku. Jekk tali projbizzjoni tiġi assoċjata ma’ sistema ta’ ċertifikazzjoni kompletament miftuħa, indipendenti u trasparenti u tipprovdi għall-aċċettazzjoni ta’ garanziji ekwivalenti minn sistemi oħra, jista’ jiġi argumentat li li m’għandha l-ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni imma hija sempliċement immirata lejn il-garanzija totali tal-kwalità tal-oġġetti jew servizzi ċertifikati.

    (131)  Standardizzazzjoni de facto tirreferi għal sitwazzjoni fejn standard (li ma jorbotx legalment) jintuża, fil-prattika, mill-parti l-kbira tal-industrija.


    Top