Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0111(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas Temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 6, 11.1.2011, p. 5–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/5


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas Temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 6/05

1.   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali u l-ħtieġa għal miżuri temporanji

1.1.   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali

Mill-bidu tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali fil-ħarifa tal-2008, il-Kummissjoni ħarġet diversi Komunikazzjonijiet li taw gwida dettaljata dwar il-kriterji għall-kompatibbiltà tas-sostenn li l-Istati Membri jagħtu lill-banek u lil impriżi mhux finanzjarja mal-ħtiġijiet tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B'mod partikolari, fid-19 ta’ Jannar 2009, ġiet adottata Komunikazzjoni tal-Komunikazzjoni – Qafas Temporanju Komunitarju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (1) (“il-qafas temporanju”).

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika kkawżat tnaqqis fl-ekonomija reali, li laqat il-familji, in-negozju u l-impjiegi. L-aspettattivi dwar it-tkabbir niżlu rapidament u kemm il-kummerċ kif ukoll l-investimenti kienu malajr imnaqqsa. Il-banek kellhom min-naħa l-waħda jneħħu l-ingranaġġ u jassorbu t-telf u min-naħa l-oħra jipprezzaw mill-ġdid ir-riskji, biex b'hekk isiru kapaċi jevitaw aktar ir-riskji. Anke negozji li għandhom sodezza kreditizja iffaċċaw problemi mhux mistennija biex ikollhom aċċess għall-finanzjament (2).

Il-qafas temporanju kien maħsub li jipprovdi lill-Istati Membri bil-possibbiltà li jadottaw miżuri ta' għajnuna mill-Istat addizzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzjament u li jinkoraġġixxu lill-kumpaniji biex fl-istess waqt ikomplu jinvestu fil-futur matul dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali. Il-qafas temporanju għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010. Bl-adozzjoni ta’ qafas uniku applikabbli għall-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni inkoraġġixxiet azzjoni koordinata biex tiżgura trasparenza u kondizzjonijiet indaqs għall-impriżi u l-Istati Membri fis-suq uniku.

Il-qafas temporanju ġie kkonsolidat u emendat fi Frar 2009 (3) u emendat mill-ġdid f’Diċembru 2009 (4) meta ġew introdotti xi modifiki tekniċi, b'mod partikolari fir-rigward ta' għajnuna fil-forma ta' garanziji. F’Ottubru 2009, il-Kummissjoni introduċiet emenda oħra għall-qafas temporanju li tippermetti li jkun hemm ammont limitat ta’ għajnuna kompatibbli ta’ EUR 15 000 għas-setturi agrikoli (5).

1.2.   Użu tal-qafas temporanju u l-ħtieġa li jiġu emendati ċerti miżuri u li jiġi sostitwit

Mill-adozzjoni tal-qafas temporanju, l-Istati Membri għamlu użu sostanzjali mill-possibilitajiet li joffri. L-evidenza li nġabret mill-Kummissjoni turi li dan kien strument addizzjonali utli biex jiġu żgurati l-flussi tal-kreditu lill-impriżi fi żminijiet ta' kriżi.

Il-Kummissjoni wettqet l-ewwel evalwazzjoni tal-qafas temporanju f’Ottubru 2009, bl-iskop li tiddeċiedi jekk kienx neċessarju li dan jinżamm wara l-31 ta' Diċembru 2009. Fis-17 ta’ Marzu 2010 tnieda t-tieni kwestjonarju pubbliku li kien jiffoka fuq l-impatt tal-qafas temporanju u l-effikaċja tiegħu fir-riattivazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament.

Fid-deċiżjoni dwar “l-eliminazzjoni gradwali” tal-miżuri stabbiliti bħalissa fil-qafas temporanju, għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin: min-naħa, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u l-kapaċità tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji biex jipprovdu fondi adegwati lis-settur tal-impriżi li għandhom sodezza kreditizja; min-naħa l-oħra, kemm huwa xieraq il-qafas temporanju bħala strument li jsostni l-irkupru ekonomiku fuq medda ta' żmien itwal u l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi u fl-Istati Membri.

It-titjib ekonomiku, li beda bil-mod sa mill-bidu tal-2010, ipproċeda b'pass iktar mgħaġġel milli mistenni iktar kmieni din is-sena. Filwaqt li t-titjib għadu fraġli u żbilanċat mal-medda tal-Unjoni, xi Stati Membri qed juru rati ta' tkabbir modesti jew anki aktar qawwija. Ta' min iżid, li minkejja xi żoni ta' vulnerabbilita', is-saħħa tas-settur bankarju tjiebet in ġenerali meta mqabbla mas-sitwazzjoni sena ilu. L-attivita' tas-self lis-settur privat tidher li reġgħet pożittiva. Kif it-titjib ekonomiku jissaħħaħħ u tħassib dwar is-sostennibbilita' fiskali jiġi solvut, il-kundizzjonijiet tas-swieq finanzjarji għandhom gradwalment jitjiebu u jipprovdu appoġġ lit-titjib. Madankollu, tibqa l-inċertezza dwar l-iżviluppi f'setturi partikolari tas-suq u ċerti pajjiżi (6). L-evoluzzjoni futura tal-finanzjament għadha għalhekk inċerta u għad hemm ir-riskju li s-sistema bankarja tista’ ma tkunx lesta biex issostni l-irkupru meta d-domanda għall-kreditu tiżdied sakemm il-banek ma jindirizzawx il-ħtiġijiet kollha tagħhom ta’ ristrutturazzjoni.

In vista tal-instabbilta' tas-swieq finanzjarji u l-inċertezza dwar il-prospetti ekonomiċi, l-estensjoni ta' ċerti miżuri stabbiliti bħalissa fil-qafas temporanju sal-31 ta' Diċembru 2011, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzjament, hija ġġustifikata minn kondizzjonijiet tas-suq. Dan hu l-każ ukoll għall-għajnuna temporanja fil-produzzjoni ta' prodotti ekoloġiċi meta wieħed jikkunsidra li l-impriżi għadhom isibuha diffiċli biex jiksbu aċċess għall-finanzjament għall-produzzjoni ta' prodotti li jħarsu iktar l-ambjent minħabba fil-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Madanakollu, id-disponibbiltà kontinwa ta' miżuri ta' għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE fid-dawl ta' kondizzjonijiet eċċezzjonali tas-suq ma għandhomx jostakolaw il-proċess ta' diżingaġġ minn miżuri temporanji ta' appoġġ estraordinarju. Fir-rigward tas-settur bankarju, il-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-2 ta' Diċembru 2009 ikkonkluda dwar in-neċessità li tkun iddiżinjata strateġija għall-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta' appoġġ. Din l-istrateġija għandha tkun trasparenti u kkoordinata kif xieraq bejn l-Istati Membri biex ikunu evitati l-effetti sekondarji negattivi. Konsegwentament, il-Kummissjoni diġà implimentat fl-2010, l-ewwel pass ta' proċess ta' ħruġ gradwali għall-banek (7).

Għall-miżuri tal-qafas temporanju, ma ttieħdu l-ebda passi simili sa issa. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li estensjoni limitata ta' ċerti miżuri li jinsabu bħalissa fil-qafas temporanju akkumpanjata mill-introduzzjoni ta' kondizzjonijiet iktar stretti fuq il-miżuri estiżi tikkostittwixxi element ċentrali għar-ritorn gradwali lejn ir-regoli normali dwar l-għajnuna mill-Istat waqt li jkun limitat l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni. B'mod partikolari, billi jitnaqqsu r-riduzzjonijiet applikabbli u billi jkunu introdotti kondizzjonijiet iktar stretti fuq kumpaniji kbar meta kkomparati mal-SMEs.

Barra minn hekk, il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jindirizzaw l-investimenti li jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli fit-tul billi jipprovdu sostenn lil impriżi vijabbli. Ir-ristrutturazzjoni meħtieġa ta’ kumpaniji f’diffikultà għandha sseħħ anki f’perjodi ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika sabiex dawn jitpoġġew f’pożizzjoni aktar soda fuq medda twila ta’ żmien. Dan hu essenzjali sabiex ma jkunx hemm dewmien fir-ristrutturazzjoni tal-ekonomija meħtieġa u b’hekk tiżdied ir-reċessjoni u l-effetti tagħha fit-tul. Għaldaqstant, fil-futur l-impriżi f’diffikultà ekonomika m’għandhomx igawdu mill-miżuri tal-qafas temporanju.

L-għoti ta' ammont limitat ta’ għajnuna kompatibbli ġie introdott fil-qafas temporanju bħal miżura straordinarja sabiex jipprovdi l-Istati Membri bi strument addizzjonali matul l-eqqel żmien tal-kriżi finanzjarja u ekonomika minkejja li ma kienx marbut ma’ xi għan partikolari. Huwa importanti li nindikaw li din il-miżura taqa' taħt lil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFEU peress li teċċedi l-limitu ta' EUR 200 000 per kumpanija indikata fir-regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna de minimis  (8) (Regolament de minimis).

Fil-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-qafas temporanju, din il-miżura intużat minn bosta Stati Membri (23 skema fi 23 Stat Membru). Madankollu, persentaġġ ferm żgħir biss mill-fondi allokati mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni taћt din il-miżura tħallset fil-verita' (madwar 7 %). Iktar minn hekk, il-maġġor parti tal-għajnuna li ngħatat taħt din il-miżura hi kkonċentrata fi Stat Membru wieħed, il-Ġermanja (iktar minn 78 % tal-fondi mogħtija), filwaqt li Stati Membri bħall-Italja jew ir-renju Unit nefqu 8 % u 1.1 % rispettivament tal-ispiża totali fuq din il-miżura (9).

Għalhekk, huwa ċar li jekk din il-miżura setgħet kienet utli bħala strument fuq medda qasira meta l-inċertezza tal-prospetti ekonomiċi kienet fl-agħar tagħha, ħolqot ukoll diskrepanza fis-suq intern. Il-Kummissjoni għalhekk temmen li, fil-kuntest ta' strateġija ta' eliminazzjoni gradwali, għandna nerġgħu lura għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat li joħolqu inqas distorsjoni u iktar orjentati lejn it-tkabbir, partikolarment billi jirrikjedu korrispettiv mill-benefiċjari li jimmira lejn għan partikolari ta' interess komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammont tal-għajnuna limitata kompatibbli ma għandhiex tkompli tingħata lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2010. Dan hu bla ħsara għall-applikazzjonijiet magħmula qabel l-aħħar ta' dik is-sena abbażi tal-iskemi approvati mill-Kummissjoni li għad iridu jiġu pproċessati wara dik id-data.

L-adattazzjonijiet temporanji tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti ta' kapital ta' riskju f'impriżi żgħar u ta' daqs medju (10) (il-Linji Gwida dwar il-Kapital ta’ Riskju) taw sinjal pożittiv lill-Istati Membri u lill-parteċipanti fis-suq. Id-dejta timplika li l-kriżi finanzjarja kellha impatt fuq is-swieq tal-kapital ta’ riskju u li l-ogħla limitu tan-nuqqas ta’ ekwità tal-SMEs żdied. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-porzjonijiet massimi miżjuda ta’ finanzjament awtorizzati għal kull SME waqt perjodu ta' tnax-il xahar jistgħu jiġu wkoll applikati 'l barra mill-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-Kummissjoni għaldaqstant se temenda l-Linji Gwida dwar il-Kapital ta’ Riskju bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

Fl-aħħar nett, rigward l-aċċess għal strumenti ta’ finanzjament tal-kummerċ, mid-dejta disponibbli u mill-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri, jidher li l-kondizzjonijiet tas-suq qegħdin bil-mod il-mod jitjiebu; madanakollu l-kumpaniji għadhom isibuha diffiċli li jiksbu kopertura minn assiguraturi privati f’bosta setturi u f’bosta Stati Membri. Konsegwentement, is-simplifikazzjoni proċedurali introdotta mill-qafas temporanju dwar il-Komunikazzjoni tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir (11) għadha ġġustifikata għal matul l-2011.

Peress li ċerti miżuri li huma stabbiliti fil-qafas temporanju diġa ġew adattati u issa hemm bżonn li jiġu adattati iktar u emendati sabiex jirriflettu s-sitwazzjoni ekonomika kurrenti, fl-interessi taċ-ċarezza, huwa xieraq li jiġi sostitwit il-qafas temporanju eżistenti b'din il-Komunikazzjoni.

2.   Applikabilità tal-Artikolu 107(3)(b)

2.1.   Prinċipji ġenerali

Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE il-Kummissjoni tista' tiddikjara għajnuna “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru” kompatibbli mas-suq intern. F'dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-taħwid irid jolqot lill-ekonomija kollha tal-Istat Membru kkonċernat, u mhux biss l-ekonomija ta' wieħed mir-reġjuni tiegħu jew partijiet mit-territorju tiegħu. Barra minn hekk, dan jikkonforma mal-ħtieġa li kull dispożizzjoni ta' deroga bħall-Artikolu 107(3)(b) TFUE tiġi interpretata b'mod strett (12).

Din l-interpretazzjoni stretta ġiet applikata konsistentement mill-Kummissjoni (13) fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li, lil hinn minn sostenn ta' emerġenza għas-sistema finanzjarja, il-kriżi finanzjarja globali attwali għadha tista' tirrikjedi reazzjonijiet eċċezzjonali ta' politika. Billi l-Istati Membri kollha huma milquta minn din il-kriżi, għalkemm b’modi differenti u fi gradi differenti, u billi l-livell attwali ta’ integrazzjoni kemm tal-ekonomiji nazzjonali Ewropej kif ukoll tas-swieq finanzjarji, flimkien mal-fraġilità attwali tagħhom, hemm riskju ikbar ta' riperkussjonijiet serji ta’ kriżi individwali fuq is-sistema ġenerali. Għalhekk, tibqa’ disponibbli l-possibbiltà tal-użu tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE għall-Istati Membri meta din tkun iġġustifikata kif xieraq.

Fid-dawl tas-serjetà tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u tal-impatt tagħha fuq l-ekonomija globali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tqis li xi kategoriji ta' għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu ġġustifikati, għal perjodu limitat, biex jissolvew dawk id-diffikultajiet u li dawn jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

Għalhekk, l-Istati Membri iridu juru li l-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li huma nnotifikati lill-Kummissjoni taħt dan il-qafas huma neċessarji, approprjati u proporzjonati biex isolvu taħwid serju fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat u li l-kondizzjonijiet kollha jkunu rrispettati bis-sħiħ.

2.2.   Ammont limitat ta' għajnuna kompatibbli

Il-Kummissjoni ser tikkunsidra tali għajnuna mill-Istat kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm jitwettqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-benefiċjarju ssottometta applikazzjoni kompluta skont l-iskema ta' għajnuna nazzjonali approvata sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010 u tikkonforma mal-qafas temporanju (14);

(b)

l-għajnuna ma teċċedix għotja ta' flus ta' EUR 500 000 għal kull impriża. Il-figuri kollha użati għandhom ikunu figuri gross, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta' taxxi jew spejjeż oħra. Fejn l-għajnuna tingħata f'forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja grossa;

(c)

l-għajnuna tingħata fil-forma ta' skema;

(d)

l-għajnuna tapplika biss għal impriżi li ma kinux f'diffikultà (15) fl-1 ta′ Lulju 2008. Tista' tingħata għal impriżi li ma kinux f'diffikultà f'dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b'riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika;

(e)

l-iskema ta' għajnuna ma tapplikax għal impriżi attivi fis-settur tas-sajd;

(f)

l-għajnuna mhix għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna li tiffavorixxi prodotti nazzjonali fuq dawk importati;

(g)

L-iskema ta' għajnuna tista' tapplika bħala tali lill-impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli (16), sakemm l-għajnuna mhix a kundizzjoni li tingħadda parzjalment jew totalment lill-produtturi primarji. Fejn l-għajnuna tingħadda lill-impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli (17) (jew direttament jew mgħoddija minn impriżi li jipproċessaw u jikkummerċjalizzaw il-prodotti agrikoli), l-għotja ta' flus (jew l-ekwivalenti f'għotja grossa) m'għandux jeċċedi EUR 15 000 l-impriża; għajnuna lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli mhix iffissata a bażi tal-prezz jew kwantita' ta' prodotti mpoġġija fuq is-suq; għajnuna lill-impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli mhix iffissata a bażi tal-prezz jew kwantita' ta' prodotti mixtrija mill-produtturi primarji jew impoġġija fuq is-suq mill-impriżi kkonċernati;

(h)

Il-Istat Membru għandu jikseb dikjarazzjoni mill-impriża kkonċernata, bil-miktub jew f'forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra u għajnuna li skont din il-miżura tkun ġiet irċevuta waqt is-sena fiskali kurrenti u għandu jiċċekkja li l-għajnuna mhix se tgħolli l-ammont totali tal-għajnuna rċevuta mill-impriża waqt il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2011, sa livell 'il fuq mil-limitu ta' EUR 500 000, u ta' EUR 15 000 fil-każ ta' għajnuna lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli;

(i)

l-għajnuna tingħata sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011;

(j)

l-iskema ta' għajnuna nazzjonali li tawtorizza l-għajnuna wara l-31 ta' Diċembru 2010 hija notifikata mill-Istat Membru u awtorizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

2.3.   Għajnuna fil-forma ta' garanziji

Sabiex jiġi inkoraġġut aktar l-aċċess għall-finanzjament u biex titnaqqas l-istmerrija għolja attwali għar-riskju min-naħa tal-banek, il-garanziji tas-selfiet issussidjati għal perjodu limitat jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament.

Il-Kummissjoni se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

għall-SMEs, l-Istati Membri jistgħu jagħtu biss tnaqqis ta’ sa 15 % tal-primjum annwali li għandu jitħallas għal garanziji ġodda mogħtija skont id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta' eżenzjoni hekk kif stabbiliti fl-Anness;

(b)

għall-kumpaniji l-kbar, l-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw il-primjum annwali għal garanziji ġodda fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta' eżenzjoni stabbiliti fl-Anness;

(c)

meta l-element ta' għajnuna fi skemi ta' garanzija huwa kkalkulat permezz ta' metodoloġiji diġà aċċettati mill-Kummissjoni wara n-notifika tagħhom skont regolament adottat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (18), l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu tnaqqis simili ta' sa 15 % tal-primjum annwali li għandu jitħallas għal garanziji ġodda għall-SMEs;

(d)

is-self massimu ma jistax jissupera l-ammont totali annwali tal-benefiċjarju dovut f'pagi (inklużi l-imposti soċjali kif ukoll il-kost tal-persunal li jaħdem fuq is-sit tal-kumpanija iżda li l-paga tiegħu formalment titħallas minn subkuntratturi) għall-2010. Fil-każ ta' kumpaniji li nħolqu wara l-1 ta' Jannar 2010, is-selfa massima ma tistax tissupera l-ammont annwali stmat li se jkun dovut f'pagi għall-ewwel sentejn tal-operat tagħha; fil-każ ta’ selfiet għall-investimenti, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkalkulaw is-self massimu fuq il-bażi tal-kostijiet medji tax-xogħol annwali tal-UE 27 (19);

(e)

il-garanziji jingħataw sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011;

(f)

il-garanzija ma tkunx taqbeż it-80 % tas-selfa għad-durata tas-selfa;

(g)

fil-każ tal-SMEs, il-garanzija tista' tirrigwardja kemm self għall-investiment kif ukoll selfiet ta' kapital operattiv; fil-każ ta’ kumpaniji kbar, il-garanzija tista' tirrelata biss għas-self għall-investiment;

(h)

it-tnaqqis tal-primjum tal-garanzija għall-SMEs hu applikat matul perjodu massimu ta' sentejn wara l-għoti tal-garanzija. Jekk it-tul tas-selfa sottostanti teċċedi sentejn, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-limitu ta' eżenzjoni tal-primjum li hu stabbilit fl-Anness mingħajr tnaqqis għal perjodu massimu addizzjonali ta’ tmien snin; għal kumpaniji kbar l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta' eżenzjoni stabbiliti fl-Anness għall-perjodu massimu ta' għaxar snin;

(i)

l-impriżi f’diffikultà (20) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura.

2.4.   Għajnuna fil-forma ta' rata tal-imgħax issussidjata

Fiċ-ċirkostanzi attwali tas-suq, il-kumpaniji jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex isibu finanzjament. Għaldaqstant il-Kummissjoni se taċċetta li jingħata self pubbliku jew privat b'rata tal-imgħax li tkun minn tal-anqas ekwivalenti għar-rata overnight tal-bank ċentrali miżjuda bi primjum ekwivalenti għad-differenza bejn ir-rata medja ta' fost il-banek għal sena waħda u r-rata overnight medja tal-bank ċentrali matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' Ġunju 2008, flimkien mal-primjum għar-riskju tal-kreditu li jikkorrispondi għall-profil ta' riskju tal-benefiċjarju, kif stipulat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu kif jiġu stabbiliti r-rata ta' referenza u r-rata tal-iskont (21).

L-element ta' għajnuna li jinstab fid-differenza bejn din ir-rata tal-imgħax u r-rata ta' referenza definita mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-istabbiliment tar-rata ta' referenza u r-rata tal-iskont se jkun ikkunsidrat, fuq bażi temporanja, f'konformità mat-Trattat fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

dan il-metodu għandu japplika għall-kuntratti kollha konklużi sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011; jista' jkopri self għal kwalunkwe durata. ir-rati mnaqqsa tal-imgħax jistgħu jiġu applikati għal pagamenti tal-imgħax sal-31 ta' Diċembru 2013 (22); wara dik id-data, għandha tapplika għas-self rata tal-imgħax minn tal-anqas ugwali għar-rata definita fil-Komunikazzjoni dwar ir-rata ta' referenza u r-rata tal-iskont;

(b)

il-każ tal-SMEs, ir-rati mnaqqsa tal-imgħax jistgħu jkunu relatati kemm mas-self għall-investiment kif ukoll mas-selfiet tal-kapital operattiv; fil-każ ta’ kumpaniji kbar, jistgħu jirrelataw mas-self għall-investiment biss;

(c)

l-impriżi f’diffikultà (23) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura;

2.5.   Għajnuna għall-produzzjoni ta' prodotti ekoloġiċi

Minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, il-kumpaniji qed isibuha aktar diffiċli li jiksbu aċċess għall-finanzjament għall-produzzjoni ta' prodotti li jħarsu iktar l-ambjent. L-għajnuna fil-forma ta' garanziji tista' ma tkunx biżżejjed biex tiffinanzja proġetti li jiswew ħafna u li għandhom l-għan li jżidu l-ħarsien ambjentali billi jadattaw ruħhom aktar kmieni għal standards futuri li għadhom ma daħlux fis-seħħ jew billi jmorru lil hinn minn tali standards.

Il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet ambjentali għandhom jibqgħu prijorità minkejja l-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-produzzjoni ta' prodotti li jħarsu aktar l-ambjent, inklużi prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, hija fl-interess tal-Unjoni u huwa importanti li l-kriżi ma tkunx ta' ostakolu għal dan il-għan.

Għaldaqstant, miżuri addizzjonali fil-forma ta' self issussidjat jistgħu jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta' “prodotti ekoloġiċi”. Madanakollu, is-self issussidjat jista’ jkun il-kawża ta' distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni u għalhekk għandu jkun strettament limitat għal sitwazzjonijiet speċifiċi u investiment immirat.

Il-Kummissjoni tqis li, għal perjodu limitat ta' żmien, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jagħtu għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fir-rata tal-imgħax.

Fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-Kummissjoni se tqis kwalunkwe sussidju fuq ir-rata tal-imgħax għal self għall-investiment bħala kompatibbli mas-suq intern jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-għajnuna trid tirrigwarda self għall-investiment għall-finanzjament ta' proġetti li jikkonsistu fil-produzzjoni ta' prodotti ġodda li jtejbu b'mod sinifikanti l-ħarsien ambjentali (24);

(b)

l-għajnuna trid tkun neċessarja għat-tnedija ta' proġett ġdid; fil-każ ta' proġetti eżistenti, l-għajnuna tista' tingħata jekk issir neċessarja, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika l-ġdida, biex jitkompla l-proġett;

(c)

l-għajnuna għandha tingħata biss għal proġetti li jikkonsistu fil-produzzjoni ta' prodotti li jinvolvu adattament bikri għal, jew li jmorru lil hinn minn, standards futuri tal-Unjoni għall-prodotti (25) li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali u li għadhom mhumiex fis-seħħ;

(d)

għal prodotti li jinvolvu adattament bikri għal, jew li jmorru lil hinn minn, standards ambjentali futuri tal-Unjoni, l-investiment għandu jibda mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011 bl-għan li l-prodott jitqiegħed fis-suq minn tal-anqas sentejn qabel id-dħul fis-seħħ tal-istandard;

(e)

is-self jista' jkopri l-ispejjeż tal-investiment f'assi tanġibbli u intanġibbli (26) bl-eċċezzjoni ta' self għall-investimenti li jirrappreżentaw kapaċitajiet ta' produzzjoni ta' aktar minn 3 % fis-swieq tal-prodotti (27) fejn ir-rata medja tat-tkabbir annwali, matul l-aħħar ħames snin qabel il-bidu tal-investiment, tal-konsum apparenti fis-suq taż-ŻEE, mkejla f'dejta dwar il-valur, tkun baqgħet anqas mir-rata medja tat-tkabbir annwali tal-PDG taż-Żona Ekonomika Ewropea matul l-istess perjodu ta' referenza ta' ħames snin;

(f)

is-self ikun ingħata sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011;

(g)

għall-kalkolu tal-għajnuna, il-punt tat-tluq għandu jkun ir-rata individwali tal-benefiċjarju kkalkulata fuq il-bażi tal-metodoloġija li tinsab fil-punt 2.3 ta' din il-Komunikazzjoni. Fuq il-bażi ta' din il-metodoloġija, il-kumpanija tista' tgawdi minn tnaqqis tar-rata tal-imgħax ta':

15 % għall-kumpaniji l-kbar,

25 % għall-SMEs;

(h)

ir-rata ssussidjata tal-imgħax għandha tapplika matul perjodu massimu ta' sentejn wara l-għoti tas-self;

(i)

(it-tnaqqis fir-rata tal-imgħax jista' jiġi applikat għal self mogħti mill-Istat jew minn istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi u għal self mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji privati. Għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn entitajiet pubbliċi u dawk privati;

(j)

l-impriżi f’diffikultà (28) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura;

(k)

l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna ma tiġix trasferita direttament jew indirettament lill-entitajiet finanzjarji.

2.6.   Kumulazzjoni

Il-limiti tal-għajnuna stabbiliti skont din il-Komunikazzjoni ser ikunu applikati irrispettivament minn jekk l-appoġġ għall-proġett megħjun huwiex iffinanzjat għal kollox minn riżorsi tal-Istat jew parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni.

Il-miżuri temporanji ta' għajnuna previsti f'din il-Komunikazzjoni ma jistgħux jiġu kumulati ma' għajnuna li taqa' fl-ambitu tar-Regolament de minimis għall-istess spejjeż eliġibbli.

Il-miżuri temporanji ta' għajnuna jistgħu jiġu kumulati ma' għajnuna kompatibbli oħra jew ma' tipi oħra ta' finanzjament tal-Unjoni sakemm l-intensitajiet massimi ta' għajnuna indikati fil-linji gwida jew fir-Regolamenti dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija relevanti jkunu rispettati.

Fil-każ ta’ kofinanzjament mill-Fondi Strutturali tal-UE u strumenti ta' finanzjament oħra tal-UE, għandhom jiġu rrispettati r-regoli applikabbli.

3.   Miżuri ta’ simplifikazzjoni

3.1.   Assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skont l-Artikolu 93(1) tat-Trattat tal-KE li japplika l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat għall-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir (29) tistipula li r-riskji kummerċjabbli ma jistgħux ikunu koperti mill-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni bl-appoġġ tal-Istati Membri. Ir-riskji kummerċjabbli huma riskji kummerċjali u politiċi fuq debituri pubbliċi u mhux pubbliċi stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-Komunikazzjoni, b'perjodu massimu ta' riskju ta' anqas minn sentejn. Ir-riskji li jirrigwardaw debituri stabbiliti fl-Istati Membri u fi tmien membri oħra tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku huma kkunsidrati kummerċjabbli.

Il-Kummissjoni tqis li, b'konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, m'hemmx nuqqas ta' kapaċità ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni f'kull Stat Membru, iżda ma jistax jiġi eskluż li, f'xi pajjiżi jista' jkun li l-kopertura għar-riskji kummerċjabbli ma tkunx disponibbli temporanjament.

Il-punt 4.4 tal-Komunikazzjoni jipprovdi li:

“… F'ċirkustanzi bħal dawn, dawk ir-riskji temporanjament mhux kummerċjabbli jistgħu jittieħdu fuq il-kont ta' assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għal riskji mhux kummerċjabbli assigurati għall-kont ta' jew bil-garanzija tal-Istat. L-assigurant għandu, sa fejn hu possibbli, jallinea r-rati tal-premjum tiegħu għal dawn ir-riskji mar-rati imposti imkien ieħor minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati għat-tip ta′ riskju inkwistjoni.

Kull Stat Membru li għandu l-ħsieb li juża dik il-klawżola ta' ħruġ għandu jinnotifika immedjatament il-Kummissjoni bid-deċizjoni abbozzata tiegħu. Dik in-notifika għandu jkun jinsab fiha rapport dwar is-suq li juri n-nuqqas ta' disponibilità ta' kopertura għar-riskji fis-suq privat tal-assigurazzjoni billi jipproduċi evidenza tiegħu minn żewġ assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati internazzjonali, kbar u magħrufin sew kif ukoll assigurant ta' kreditu nazzjonali, b'hekk jiġġustifika l-użu tal-klawsola ta' ħruġ. Barra dan, għandha tkun tinsab fiha deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet li l-assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għandu l-ħsieb li japplika fir-rigward ta' dawn ir-riskji.

Fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta' din in-notifika, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-użu tal-klawżola ta' ħruġ huwiex skont il-kondizzjonijiet ta' hawn fuq u kompatibbli mat-Trattat.

Jekk il-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet għall-użu tal-klawżola ta' ħruġ huma milħuqin, id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibiltà hi limitata għal sentejn mid-data tad-deċiżjoni, previst li l-kondizzjonijiet tas-suq li jiġġustifikaw l-użu tal-klawżola ta' ħruġ ma jinbidlux matul dak il-perjodu.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista', b'konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, tirrevedi l-kondizzjonijiet għall-użu tal-klawsola ta' ħruġ; tista' tiddeċiedi wkoll li ma tkomplihiex jew tbiddila b'sistema xierqa oħra.”

Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma applikabbli għall-kumpaniji l-kbar u għall-SMEs, huma strument xieraq fis-sitwazzjoni ekonomika attwali jekk l-Istati Membri jikkunsidraw li mhijiex disponibbli kopertura fis-suq tal-assigurazzjoni privata għal xi riskji kummerċjabbli ta' kreditu u/jew għal xi xerrejja ta' protezzjoni tar-riskju.

F′dan il-kuntest, sabiex titħaffef il-proċedura għall-Istati Membri, il-Kummissjoni tqis li, sal-31 ta' Diċembru 2011, l-Istati Membri jistgħu juru n-nuqqas tas-suq billi jipprovdu evidenza suffiċjenti dwar in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' kopertura għar-riskju fis-suq tal-assigurazzjoni privata. L-użu tal-klawżola ta' ħruġ għandu f'kull każ jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat jekk:

(a)

assiguratur wieħed privat, internazzjonali tal-kreditu għall-esportazzjoni, li jkun kbir u magħruf sewwa, iressaq provi dwar l-indisponibbiltà ta' tali kopertura; jew

(b)

minn tal-anqas erba’ esportaturi stabbiliti sewwa fl-Istat Membru jressqu provi ta' rifjut ta' kopertura minn assiguraturi għal operazzjonijiet speċifiċi.

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, se tiżgura li d-deċiżjonijiet rigward l-applikazzjoni tal-“klawżola ta' ħruġ” jiġu adottati malajr.

4.   Monitoraġġ u rappurtar

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (30) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 u li jistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (31), jeħtieġu li l-Istati Membri jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu rekords iddettaljati dwar l-għoti ta' għajnuna prevista minn din il-Komunikazzjoni. Dawn ir-rekords, li għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ġewx mħarsa l-kondizzjonijiet meħtieġa, għandhom jinżammu għal perjodu ta' għaxar snin u għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni meta din titlobhomlhom.

Addizzjonalment, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport dwar il-miżuri stabbiliti fuq il-bażi ta' din il-Komunikazzjoni mhux aktar tard mill-15 ta' Settembru 2011.

Il-Kummissjoni tista' titlob tagħrif addizzjonali rigward l-għajnuna mogħtija, biex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-miżura ta' għajnuna ġewx irrispettati.

5.   Dispożizzjonijiet finali

Din il-Komunikazzjoni hija applikabbli mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011.

Hija ġġustifikata mill-problemi eċċezzjonali u tranżitorji attwali ta' finanzjament konnessi mal-kriżi bankarja u se tiskadi wara l-31 ta' Diċembru 2011. Wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tirrevediha qabel il-31 ta' Diċembru 2011 fuq il-bażi ta' konsiderazzjonijiet importanti ekonomiċi jew dwar il-politika tal-kompetizzjoni. Fejn jitqies utli, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll kjarifiki ulterjuri dwar il-metodu tagħha fir-rigward ta' kwistjonijiet partikolari.

Din il-Komunikazzjoni ma għandhiex tapplika għall-għajnuna segwenti:

(a)

skemi ta’ għajnuna li ma jeskludux b’mod espliċitu l-ħlas ta’ għajnuna individwali favur impriża li tkun suġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti wara Deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tkun iddikjarat l-għajnuna bħala waħda illegali u inkompatibbli mas-suq intern;

(b)

għajnuna ad hoc favur impriża li tkun suġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti wara Deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tkun iddikjarat l-għajnuna bħala waħda illegali u inkompatibbli mas-suq intern;

Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat (32), il-Kummissjoni se tapplika dan li ġej fil-każ ta' għajnuna mhux notifikata:

(a)

din il-Komunikazzjoni, jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara l-1 ta' Jannar 2011;

(b)

il-linji gwida applikabbli meta l-għajnuna tkun ingħatat fil-każijiet l-oħra kollha.


(1)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(2)  Ara l-Kummissjoni Ewropea, Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji: It-tbassir Interim tal-2010 kif ukoll il-FMI: Perspettiva Ekonomika Dinjija, Ottubru 2010; Ara l-BĊE: L-Istħarriġ tas-Self Bankarju taż-Żona tal-Euro, Ottubru 2010 u l-BĊE: Stħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs fiż-żona tal-euro, Marzu sa Settembru 2010.

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (verżjoni konsolidata) (ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1).

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-Qafas Temporanju Komunitarju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU C 303, 15.12.2009, p. 6).

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU C 261, 31.10.2009, p. 2).

(6)  Ara wkoll 'European Commission, Economic and Financial Affairs: Autumn Forecast 2010 (29 November 2010).

(7)  Mill-1 ta' Lulju 2010 il-Kummissjoni qed tapplika kundizzjonijiet iktar stretti għall-kompatibbiltà tal-garanziji tal-gvern skont l-Artikolu 107(3)(b). Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2010: The application of State aid rules to Government Guarantee schemes covering bank debt to be issued after 30 June 2010.

(8)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(9)  Ibbażat fuq data ppreżentata mill-Istati Membri b'risposta lill-kwestjonarju tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju, konsultazzjoni pubblika miżmuma bejn 18.3.2010 sa 26.4.2010. L-ebda risposta ma ġiet mill-Portugall u l-Islovakkja u l-ebda data ma ġiet ippreżentata minn Franza fir-rigward ta' din il-miżura.

(10)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(11)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skont l-Artikolu 93(1) tat-Trattat tal-KE li tapplika l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat għall-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodi ta' żmien qasir (ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4).

(12)  Il-Kawżi Magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen u Volkswagen AG vs il-Kummissjoni [1999], Ġabra II-3663, paragrafu 167.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/490/KE fil-Każ C 47/96 Crédit Lyonnais (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28), punt 10.1; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/345/KE fil-Każ C 28/02 Bankgesellschaft Berlin (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1), punti 153 et seq.; u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/263/KE fil-Każ C 50/06 BAWAG (ĠU L 83, 26.3.2008, p. 7), punt 166. Ara d-Deċizjoni tal-Kummissjoni fil-Każ NN 70/07 Northern Rock (ĠU C 43, 16.2.2008, p. 1), id-Deċizjoni tal-Kummissjoni fil-Każ NN 25/08 Għajnuna ta' salvataġġ lil WestLB (ĠU C 189, 26.7.2008, p. 3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2008 fil-Każ C 9/08 SachsenLB, li għadha ma ġietx ippubblikata (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 34).

(14)  Kif imfissra fl-Artikoli 2(3) u 2(4) tar-Regolament (KE) 1857/2006 tal-15 Diċembru 2006 dwar l-applikazzjonijiet ta' Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna tal-Istat lil impriżi żgħar u ta' daqs medju fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3).

(15)  Kif imfissra fil-punt 2.1 tal-Komunikazzjoni tal-Komunikazzjoni – il-Linja Gwida dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà. (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(16)  Kif imfissra fl-Artikolu 2(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006.

(17)  Kif imfissra fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006.

(18)  Bħar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna għall-investiment nazzjonali bi skop reġjonali Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29), jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 sakemm il-metodoloġija approvata tindirizza espliċitament it-tip ta' garanziji u t-tip ta' tranżazzjonijiet involuti kkonċernati.

(19)  Sors: Eurostat. L-aħħar tagħrif disponibbli UE 27 2007. Kostijiet tax-xogħol għal kull xahar: EUR 3 028.

(20)  Ara nota tal-qiegħ 15.

(21)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(22)  L-Istati Membri li jridu jużaw din il-faċilità jridu jippubblikaw ir-rati overnight ta' kuljum online u jridu jpoġġuhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

(23)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 15.

(24)  Kif definit fil-punt 70.1 tat-taqsima 2.2 (definizzjonijiet) tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

(25)  L-istandard futur tal-Unjoni għall-prodotti huwa standard tal-Unjoni obbligatorju li jistabbilixxi l-livelli ambjentali li għandhom jintlaħqu għall-prodotti mibjugħin fl-Unjoni, li ġie adottat iżda li għadu mhuwiex fis-seħħ.

(26)  Kif definit fil-punt 70 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali.

(27)  Kif definit fil-punt 69 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013.

(28)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 15.

(29)  ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4.

(30)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(31)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(32)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.


ANNESS

Qafas Temporanju dwar il-limiti ta’ eżenzjoni f'punti bażi (1)

Kategorija tal-klassifikazzjoni

(Ta' Standard & Poor’s)

Kollateralizzazzjoni

Għolja

Normali

Baxxa

AAA

40

40

40

AA +

AA

AA –

40

40

40

A +

A

A –

40

55

55

BBB +

BBB

BBB –

55

80

80

BB +

BB

80

200

200

BB –

B +

200

380

380

B

B –

200

380

630

CCC u inqas

380

630

980


(1)  Għall-kumpaniji li ma għandhomx storja ta' kreditu jew klassifikazzjoni bbażata fuq metodu tal-karta tal-bilanċ (bħal ċerti kumpaniji b’għan speċjali jew kumpaniji li għadhom jibdew), l-Istati Membri jistgħu jagħtu tnaqqis ta’ sa 15 % fuq il-primjum speċifiku fil-limitu ta’ eżenzjoni li hu stabbilit bħala 3,8 % fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (). Iżda l-primjum qatt ma jista’ jkun inqas mill-primjum li jkun applikabbli għall-kumpanija jew kumpaniji prinċipali.

(2)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.


Top