Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011TA1215(18)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finananzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

    ĠU C 366, 15.12.2011, p. 100–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 366/100


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finananzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

    2011/C 366/18

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”), li tinsab f'Lille-Valenciennes, kienet imwaqqfa mir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 (1). L-għan tal-Aġenzija huwa li ttejjeb il-livell ta’ interoperabilità tas-sistemi tal-ferroviji u li tiżviluppa approċċ komuni dwar is-sigurtà sabiex tikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ settur Ewropew tal-ferroviji aktar kompetittiv b'livell għoli ta’ sigurtà (2).

    2.

    Il-baġit tal-Aġenzija għall-2010 ammonta għal EUR 24,1 miljun meta mqabbel ma’ EUR 21 miljun is-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija fi tmiem is-sena kien 142 meta mqabbel mal-127 is-sena ta’ qabel.

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    4.

    Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6).

    Ir-responsabbiltà tad-Direttur

    5.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti

    6.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

    7.

    Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

    8.

    Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontrolli interni rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

    9.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t'hawn taħt.

    L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    10.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali (11) tal-Aġenzija jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

    L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    11.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

    12.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux f'dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    13.

    L-approprjazzjonijiet miġjuba 'l quddiem għall-2011 ammontaw għal EUR 5,5 miljun, li minnhom EUR 4,3 miljun (78 %) huma marbuta ma’ oġġetti u servizzi li se jiġu pprovduti fl-2011. Dan il-livell ta’ riport huwa eċċessiv u jmur kontra l-prinċipju ta’ annwalità.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-6 ta’ Settembru 2011.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.

    (2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

    (4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

    (8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

    (10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

    (11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fil-15 ta’ Ġunju 2011 u rċevuti mill-Qorti fl-4 ta’ Lulju 2011. Il-Kontijiet Annwali Finali jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew www.era.europa.eu.


    ANNESS

    Aġenzija Ferrovjarja Ewropea - Lille/Valenciennes

    Kompetenzi u attivitajiet

    L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (L-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 90, u filwaqt li jitqiesu l-fatturi partikolari tat-trasport, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jistabbilixxu:

    (a)

    ir-regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

    (b)

    il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f'xi Stat Membru;

    (ċ)

    il-miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport;

    (d)

    provvedimenti oħra xierqa.

    Il-kompetenzi tal-Aġenzija

    (Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    L-Objettivi:

    Tikkontribwixxi, fi kwistjonijiet tekniċi, lejn l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni mmirata lejn:

    it-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tas-settur tal-ferroviji;

    l-iżvilupp ta’ approċċ komuni dwar is-sigurtà fis-sistema Ewropea tal-ferroviji.

    sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona Ewropea tal-ferroviji mingħajr fruntieri u tiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà.

    Il-Kompiti:

    1   Tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar

    il-metodi ta’ sigurtà komuni (CMS) u l-miri ta’ sigurtà komuni (CSTs) stipulati fid-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja (2004/49/KE);

    iċ-ċertifikati ta’ sigurtà u miżuri fil-qasam tas-sigurtà;

    l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet Tekniċi dwar l-Interoperabilità;

    il-monitoraġġ tal-interoperabilità;

    iċ-ċertifikazzjoni tal-postijiet fejn issir il-manutenzjoni;

    il-kompetenzi professjonali;

    ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji.

    2   Tagħti opinjonijiet dwar

    ir-regoli nazzjonali tas-sigurtà;

    il-monitoraġġ tal-kwalità tax-xogħol ta’ korpi innotifikati;

    l-interoperabilità tan-netwerk trans-Ewropew.

    3   Il-Koordinazzjoni tal-korpi nazzjonali

    Il-koordinazzjoni ta’ awtoritajiet ta’ sigurtà nazzjonali u l-korpi investigattivi nazzjonali (kif deskritti fid-Direttiva 2004/49/KE, l-Artikoli 17 u 21).

    4   Il-pubblikazzjonijiet u d-databases

    ir-rapport dwar il-prestazzjoni tas-sigurtà (kull sentejn);

    ir-rapport dwar il-progress fir-rigward tal-interoperabilità (kull sentejn);

    id-database pubblika ta’ dokumenti ta’ sigurtà;

    ir-reġistru pubbliku ta’ dokumenti dwar l-interoperabilità.

    It-tmexxija

    1 –   Il-Bord Amministrattiv

    Jikkonsisti f'rappreżentant minn kull Stat Membru, erba' rappreżentanti mill-Kummissjoni, u sitt rappreżentanti, mingħajr id-dritt tal-vot, mis-setturi professjonali kkonċernati.

    2 –   Id-Direttur

    Maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mill-Kummissjoni.

    3 –   Il-verifika esterna

    Il-Qorti tal-Awdituri

    4 –   L-Awtorità ta’ Kwittanza:

    Il-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2010 (2009)

    Il-Baġit

    EUR 24 (21) miljun

    L-għadd tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

    Il-karigi elenkati fil-pjan ta’ stabbiliment: 139 (124)

    Il-karigi okkupati fil-31.12.2010: 133 (113)

    Persunal ieħor: 15 (14)

    It-total tal-persunal: 148 (127) li minnhom allokati f':

    il-kompiti operattivi: 101 (84)

    il-kompiti amministrattivi: 47 (43)

    L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

    Ir-rakkomandazzjonijiet relatati ma’ Ċertifikazzjoni tas-Sigurtà, inkluża l-migrazzjoni lejn ċertifikat uniku tas-sigurtà tal-Unjoni, rakkomandazzjonijiet għal mudell tal-Unjoni ta’ liċenzja u reġistru ta’ sewwieq tal-ferroviji, ċertifikazzjoni ta’ workshops ta’ manutenzjoni u entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni.

    Ir-rakkomandazzjonijiet rigward regolazzjoni tas-sigurtà, inkluża l-evalwazzjoni tal-mod kif isiru disponibbli r-regoli ta’ sigurtà nazzjonali, tgħarbil tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrrovjarja fl-Istati Membri.

    Ir-rakkomandazzjonijiet relatati ma’ Rappurtar dwar is-Sigurtà, inklużi Indikaturi Komuni tas-Sigurtà, koordinazzjoni ta’ korpi ta’ awtoritajiet tas-sigurtà u ta’ investigazzjoni u rappurtar dwar il-prestazzjoni tas-sigurtà fl-Istati Membri.

    Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-valutazzjoni tas-sigurtà, inklużi Metodi Komuni ta’ Sigurtà.

    Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ abbozzar għal Speċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà u r-Reviżjoni tagħhom. L-evalwazzjoni tal-estensjoni tal-ambitu u l-korrezzjoni tal-iżbalji.

    Il-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar is-sigurtà tal-ferroviji.

    Il-Provvediment ta’ Alternattivi Tekniċi dwar regoli nazzjonali u sorveljanza tax-xogħol tal-Korpi Notifikati.

    Tistabbilixxi u żżomm serje ta’ reġistri għall-Interoperabilità u s-sigurtà.

    Taġixxi bħala l-Awtorità tas-Sistema u l-Maniġer tal-Kontroll tal-Bidla għall-ERTMS (Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju)li jgħin lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ proġetti tal-ERTMS.

    Tiddefinixxi u tiġbor id-Dokument ta’ Referenza ta’ regoli nazzjonali għall-awtorizzazzjoni ta’ vetturi u tikklassifika l-ekwivalenza tagħhom għal aċċettazzjoni transnazzjonali.

    Takkumpanja lir-rakkomandazzjonijiet kollha b'valutazzjoni tal-impatt.

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


    IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

    13.

    L-Aġenzija qed tanalizza l-possibiltà li tikkonkludi kuntratti ta’ qafas għal studji, li jippermetulha tiffirma kuntratti speċifiċi aktar kmieni wara li jkun ġie adottat il-baġit. Barra minn hekk, għas-snin 2011 u 2012, l-Aġenzija ser tirrevedi t-tbassir baġitarju sabiex issir konformi mal-bżonnijiet reali u ttejjeb l-infieq tar-riżorsi baġitarji.


    Top