EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011TA1215(16)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

ĠU C 366, 15.12.2011, p. 87–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/87


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

2011/C 366/16

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”), li tinsab fi Brussell, ġiet imwaqqfa permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/46/KE tal-14 ta’ Diċembru 2007 (1). L-Aġenzija twaqqfet għal perjodu limitat li beda fl-1 ta’ Jannar 2008 u li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2017 bil-għan li ġġesti attivitajiet speċifiċi tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka (2). Fil-15 ta’ Ġunju 2009 l-Aġenzija uffiċjalment ingħatat l-awtonomija amministrattiva u operazzjonali tagħha mill-Kummissjoni Ewropea.

2.

Il-baġit finali tal-Aġenzija għall-2010 kien ta’ EUR 33,6 miljun. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija fi tmiem is-sena kien 408.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

4.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (6).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

5.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

6.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

7.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

8.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

9.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t'hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali (11) tal-Aġenzija jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

11.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Settembru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 11, 15.1.2008, p. 9.

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(6)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(7)  L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1653/2004 (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6).

(8)  L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004.

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 651/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 15).

(10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fl-24 ta’ Mejju 2011 u rċevuti mill-Qorti fis-6 ta’ Lulju 2011. Il-Kontijiet Annwali Finali jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://ec.europa.eu/research/rea/.


ANNESS

Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (Brussell)

Kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikoli 179 u 180 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni għandha jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta’ riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kompetittivita tagħha u tal-industrija tagħha.

Għal dan l-għan l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi lill-impriżi, inklużi l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, liċ-ċentri ta’ riċerka u lill-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta’ livell għoli; għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tagħhom li jikkoperaw ma’ xulxin, u timmira fuq kollox li tippermetti lir-riċerkaturi li jikkoperaw liberament lil hinn mill-fruntieri u lill-impriżi li jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-suq intern, (…) id-definizzjoni ta’ standards komuni u t-tneħħija ta’ xkiel legali u fiskali għal dik il-koperazzjoni.

Filwaqt li tfittex li tikseb dawn l-għanijiet, l-Unjoni għandha twettaq dawn l-attivitajiet li ġejjin, li jikkomplementaw l-attivitajiet li jsiru fl-Istati Membri:

(a)

l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, billi ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ u bejn l-impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet;

(b)

il-promozzjoni ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-Unjoni;

(c)

id-disseminazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riżultati ta’ attivitajiet fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-Unjoni;

(d)

l-istimulazzjoni tat-taħriġ u l-mobilità tar-riċerkaturi fl-Unjoni.

Il-kompetenzi tal-Aġenzija

(Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/46/KE tal-14 ta’ Diċembru 2007)

L-Objettiv

L-objettiv tal-Aġenzija huwa li ġġesti l-Programmi fdati lilha taħt l-FP7 (il-programm Nies, l-azzjonijiet tal-SMEs tal-Programm Kapaċitajiet, u t-temi tal-Ispazju u s-Sigurtà tal-Programm Kooperazzjoni) b’mod effiċjenti u effettiv, li twassal servizzi effiċjenti u effettivi lill-komunità tar-riċerka u li tagħti servizzi ċentralizzati ta’ sostenn tal-FP7 lis-servizzi rispettivi tal-Kummissjoni għall-oqsma kollha tal-Programmi Speċifiċi Kooperazzjoni, Kapaċitajiet u Nies.

Rigward l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-Programmi, l-Aġenzija – bħala promotur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka – timmira lejn it-titjib fil-ġestjoni ta’ proġetti, l-istabbiliment ta’ kuntatt mill-qrib ma’ benefiċjarji finali u l-għoti ta’ viżibbiltà kbira lill-Unjoni Ewropea.

Il-Kompiti

Rigward il-ġestjoni ta’ proġetti, ir-REA tikkonkludi u ġġesti ftehimiet tal-għotja, u dan jinvolvi l-operazzjonijiet li ġejjin:

it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti;

l-evalwazzjoni tal-proposti,

it-tħejjija u l-iffirmar ta’ ftehimiet tal-għotja;

il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ proġetti inkluża l-aċċettazzjoni ta’ rapporti u prodotti oħra;

il-pagamenti, l-irkupri u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 114(4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, speċjalment meta żbalji fi spejjeż iddikjarati jkunu ġew identifikati wara verifiki ex-post fil-livell tal-benefiċjarji finali;

il-pubbliċità ex-post u d-disseminazzjoni tar-riżultati.

Rigward is-Servizzi ta’ Sostenn tal-FP7, l-Aġenzija twettaq il-kompiti li ġejjin:

is-sostenn amministrattiv għall-pubblikazzjoni ta’ sejħiet;

il-ġestjoni tal-ilqugħ elettroniku ta’ proposti;

is-sostenn għal evalwazzjonijiet remoti u fuq il-post;

is-sostenn għat-tħejjija ta’ ittri ta’ ħatra u pagamenti għal esperti;

il-ġestjoni tad-Database ċentrali tal-parteċipanti tal-FP7 (Faċilità tar-Reġistrazzjoni Unika – URF), inkluż sostenn għal kontrolli dwar il-kapaċità finanzjarja tal-benefiċjarji magħżula;

it-tmexxija tas-Servizz ta’ Tagħrif dwar ir-Riċerka.

It-tmexxija

1 –   Il-Kumitat Direttiv

Magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Jadotta l-programm ta’ xogħol annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-Rapport tal-Attività Annwali tagħha.

2 –   Id-Direttur

Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea, imexxi l-aġenzija flimkien mal-Kumitat Direttiv, jimplimenta l-baġit amministrattiv, jistabbilixxi sistemi ta’ ġestjoni u kontroll intern adattati għall-kompiti fdati lill-aġenzija u jħejji r-rapporti li l-aġenzija eżekuttiva trid tippreżenta lill-Kummissjoni.

3 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

4 –   L-awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament, jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2010 (2009)

Il-Baġit Amministrattiv

EUR 33,6 (21,6) miljun. L-Aġenzija timplimenta l-baġit amministrattiv b’mod awtonomu.

L-Aġenzija timplimenta skont deċiżjoni ta’ delega tal-Kummissjoni EUR 962,6 (811,2) miljun f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 709 (679) miljun f’approprjazzjonijiet għall-pagamenti.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru

Il-Karigi ta’ persunal temporanju: 106 (88) imniżżla fil-pjan ta’ stabbiliment li minnhom 99 (72) okkupati.

Il-Persunal kuntrattwali: 318 (261) persunal ippjanat, li minnhom 309 (238) kienu f’posthom fil-31 ta’ Diċembru 2010.

It-total tal-persunal: 408 (310) assenjati l-kompiti li ġejjin:

L-Implimentazzjoni tal-programmi: 254 (171)

Is-Servizzi ta’ sostenn tal-FP7: 81 (73)

Il-Funzjonijiet tal-Maniġment u tal-Amministrazzjoni: 73 (66)

Il-prodotti u s-servizzi fl-2010 (2009)

Għall-Programm Nies, disa’ sejħiet ingħalqu fl-2010 u disa’ evalwazzjonijiet tlestew. 1 670 ftehim tal-għotja ġodda ġew iffirmati u saru 1 732 pagament (esklużi pagamenti għal evalwaturi esperti). Issa l-Aġenzija ġġesti total ta’ 4 125 (2 495) proġett taħt dan il-programm.

Għall-azzjonijiet tal-SMEs tal-Programm Kapaċitajiet, ingħalqet sejħa u tlestiet evalwazzjoni. 163 ftehim tal-għotja ġodda ġew iffirmati u saru 243 pagament (esklużi pagamenti għal evalwaturi esperti). L-Aġenzija issa ġġesti total ta’ 408 (247) proġett taħt din l-iskema.

Għat-temi tal-Ispazju u s-Sigurtà tal-Programm Koperazzjoni, żewġ sejħiet ingħalqu fl-2010 u żewġ evalwazzjonijiet tlestew. 86 ftehim tal-għotja ġodda ġew iffirmati u saru 133 pagament (esklużi pagamenti għal evalwaturi esperti). L-Aġenzija issa ġġesti total ta’ 153 (78) proġett taħt dawn it-temi.

Rigward is-servizzi ta’ sostenn tal-FP7, ir-riżultati milħuqa għall-2010 huma kif ġejjin (iċ-ċifri għall-2009 jirreferu għall-perjodu 15.6.2009 – 31.12.2009 biss):

88 (64) pubblikazzjoni ta’ sejħiet sostnuti,

21 766 (13 832) proposta li waslu permezz tal-għodda elettronika ta’ bgħit ta’ proposti,

3 847 (3 067) evalwatur espert ikkuntrattati u saru 2 615 (912) pagament tal-esperti (għal programmi ġestiti mill-Aġenzija biss);

5 896 (2 795) validazzjoni ta’ parteċipanti mlestija;

7 171 (3 772) tweġiba mibgħuta wara mistoqsijiet lis-Servizz ta’ Tagħrif dwar ir-Riċerka.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Agenzija.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

1.

L-Aġenzija ħadet nota tar-rapport tal-Qorti.


Top