Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011TA1215(03)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

    ĠU C 366, 15.12.2011, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 366/9


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

    2011/C 366/03

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”), li tinsab fi Vjenna, kienet imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 (1). L-objettiv tal-Aġenzija huwa li tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti tal-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha b’assistenza u b’kompetenza fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li għandha x’taqsam mad-drittijiet fundamentali (2).

    2.

    Il-baġit tal-Aġenzija għall-2010 ammonta għal EUR 20,2 miljun, meta mqabbel mal-EUR 17,2 miljun is-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija fi tmiem is-sena kien 90 meta mqabbel mas-77 tas-sena ta’ qabel.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    4.

    Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6).

    Ir-responsabbiltà tad-Direttur

    5.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll intern rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti

    6.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

    7.

    Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

    8.

    Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi jew sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq l-evalwazzjoni tal-verifika tagħha. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

    9.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

    L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    10.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (11) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

    L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    11.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

    12.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    13.

    F’Diċembru 2010, l-Aġenzija impenjat 48 % (EUR 4,6 miljun) tan-nefqa operattiva annwali tat-Titolu III tagħha. Din il-konċentrazzjoni ta’ nfiq fl-aħħar ġimgħat tas-sena, tindika l-ħtieġa għal titjib fl-ippjanar tal-implimentazzjoni baġitarja, peress li kkontribwixxiet b'mod sinifikanti għal livell għoli ta’ ammonti miġjuba ’l quddiem — EUR 6,9 miljun.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-6 ta’ Settembru 2011.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

    (2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

    (4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

    (8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

    (10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifiki (ISSAI).

    (11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-28 ta’ Marzu 2011 u rċevuti mill-Qorti fl-20 ta’ Ġunju 2011. Il-Kontijiet Annwali Finali jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew www.fra.europa.eu/fraWebsite/home/home_eh.htm.


    ANNESS

    L-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (Vjenna)

    Kompetenzi u attivitajiet

    L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (L-Artikolu 337 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Biex twettaq il-kompiti fdati lilha, il-Kummissjoni tista' tiġbor kull tagħrif u tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.

    Il-kompetenzi tal-Aġenzija

    (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007)

    L-Objettivi

    Li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji rilevanti tal-Komunità u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja b'assistenza u b'kompetenza relatati mad-drittijiet fundamentali biex tagħtihom appoġġ meta jieħdu miżuri jew jifformulaw pjanijiet ta’ azzjoni fl-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom sabiex ikunu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

    Il-Kompiti

    Tiġbor, tirreġistra, tanalizza u xxerred informazzjoni u data oġġettivi, affidabbli u komparabbli rilevanti.

    Tiżviluppa metodi u standards biex ittejjeb il-kumparabbiltà, l-oġġettività u l-affidabbiltà tad-data fuq livell Ewropew.

    Twettaq, tikkopera ma’ jew tinkoraġġixxi riċerka xjentifika u stħarriġ, studji preparatorji u studji ta’ fattibbiltà.

    Tifformula u tippubblika konklużjonijiet u opinjonijiet dwar suġġetti tematiċi speċifiċi, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    Tippubblika rapport annwali dwar kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali koperti mill-oqsma tal-attività tal-Aġenzija.

    Tippubblika rapporti tematiċi bbażati fuq l-analiżi, ir-riċerka u l-istħarriġ tagħha.

    Tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha.

    Tiżviluppa strateġija ta’ komunikazzjoni u tippromwovi djalogu mas-soċjetà ċivili.

    It-Tmexxija

    1 –   Il-Bord ta’ Tmexxija

    Kompożizzjoni

    Persuna waħda indipendenti maħtura minn kull Stat Membru, persuna waħda indipendenti maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

    Kompitu

    Jadotta l-baġit, il-programm tax-xogħol u r-rapporti annwali. Jadotta l-baġit finali u l-pjan ta’ stabbiliment. Jagħti opinjoni fuq il-kontijiet finali.

    2 –   Il-Bord Eżekuttiv

    Kompożizzjoni

    Il-President u l-Bord tat-Tmexxija,

    il-Viċi President tal-Bord tat-Tmexxija,

    rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni,

    żewġ membri oħra mill-Bord tat-Tmexxija,

    il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa fil-Bord ta’ Tmexxija tista' tipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

    3 –   Il-Kumitat Xjentifiku

    Kompożizzjoni

    11-il persuna indipendenti, bi kwalifiki tajbin ħafna fil-qasam tad-drittijiet fundamentali;

    maħtur mill-Bord tat-Tmexxija, għandhom jaħtru l-membri wara sejħa għall-applikazzjonijiet u proċedura tal-għażla trasparenti.

    4 –   Id-Direttur

    Maħtur mill-Bord tat-Tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni u wara l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (li jiddikjaraw il-preferenzi tagħhom).

    5 –   Il-Verifika esterna

    Il-Qorti tal-Awdituri.

    6 –   L-Awtorità ta’ kwittanza

    Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2010 (2009)

    Il-baġit finali

    EUR 20,2 miljun (EUR 17,2 miljun) li minnhom is-sussidju tal-Unjoni huwa 99 % (99 %)

    Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

    72 (61) fil-pjan ta’ stabbiliment, li minnhom okkupati: 69 (48).

    + 18 (16)-il persunal ieħor (persunal b'kuntratt, esperti nazzjonali sekondati)

    Total tal-persunal: 90 (77), li qed jagħmlu l-kompiti li ġejjin:

     

    operazzjonali: 55 (46)

     

    amministrattivi: 29 (27)

     

    mħallta: 6 (4)

    Il-prodotti u s-servizzi fl-2010 (2009)

    Raxen

    162 (189) Kontribuzzjonijiet mis-27 punt fokali nazzjonali 1 (1) laqgħat

    Fralex

    131 (227) Kontribuzzjonijiet minn esperti legali, 0 (1) laqgħat

    Ir-Rapporti ta’ Riċerka

    37 (19) rapporti, 11 (20) laqgħat u 2 (2) Rapporti annwali

    L-Attivitajiet mhux marbuta ma’ Riċerka

    1 (1) Konferenza dwar id-Drittijiet Fundamentali u 3 (1) Bosta pubblikazzjonijiet tal-Aġenzija

    2 (3) Avveniment dwar Jum id-Diversità

    Il-laqgħat ma’ Stati Membri u Istituzzjonijiet oħrajn

    L-Istati Membri: 12 (10)

    Il-Kunsill tal-UE: 6 (2)

    Il-Kummissjoni Ewropea: 20 (17)

    Il-Parlament Ewropew: 5 (2)

    Il-Kumitat tar-Reġjuni: 2 (2)

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: 1 (1)

    Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali: 2 (2)

    Il-Kunsill tal-Ewropa: 10 (16)

    L-OSCE: 3 (6)

    In-Nazzjonijiet Uniti: 6 (3)

    Il-Partijiet Interessati Esterni 30 (22)

    Il-Korpi Speċjalizzati: 7 (9)

    Laqgħat oħra u Round Tables: 20 (11)

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


    IT-TWEĠIBA TAL-AĠENZIJA

    13.

    L-Aġenzija ħadet il-miżuri xierqa (eż. l-ippjanar sentejn minn qabel) sabiex l-implimentazzjoni tal-baġit tinfirex aħjar matul is-sena, u tiġi evitata l-konċentrazzjoni matul l-aħħar xahar. Dan kien ikkunsidrat bħala “l-aħjar prattika” mill-IAS fir-rapport tagħhom dwar “Ippjanar u Monitoraġġ”.


    Top