EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011SC0826

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Swedenand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of Sweden, 2011-2014

52011SC0826

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Swedenand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of Sweden, 2011-2014


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Isvezja u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tal-Isvezja 2011-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[3], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali.

(3) Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qagħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Hu talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5) Fid-29 ta’ April 2011, l-Isvezja ressqet l-aġġornament tal-Programm ta’ Konverġenza 2011 tagħha li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(6) Qabel il-kriżi ekonomika tal-2008-2009, l-ekonomija Svediża bbenefikat għal aktar minn għaxar snin minn tkabbir b’saħħtu mmexxi minn kemm id-domanda domestika u minn esportazzjonijiet netti. Peress li l-ekonomija hi bbażata fuq l-esportazzjoni b’settur finanzjarju sostanzjali, din ġiet affettwata ħafna mit-tnaqqis fid-domanda esterna u mill-iffriżar tas-swieq finanzjarji fl-2008, li biex il-PDG ċkien b'5,1% fl-2009 u għal żieda fir-rata tal-qgħad minn madwar 6% għal aktar minn 9%. Grazzi għal pożizzjoni tajba fil-bidu mingħajr ħtiġijiet għal aġġustamenti kbar fis-setturi tal-unitajiet domestiċi u tal-banek u f'dak pubbliku, kif ukoll minħabba rispons politiku monetarju u fiskali xieraq, ir-riċessjoni kienet pjuttost qasira u affettwat primarjament lis-settur tal-manifattura li hu mmirat għall-esportazzjoni. Hekk kif il-kummerċ dinji ħa r-ruħ, l-ekonomija Svediża esperjenzat irkupru qawwi ħafna u bbażat fuq firxa wiesgħa, u l-PDG reali reġa' kiber b’5,5% fl-2010. Minħabba l-effett ikkombinat ta’ stabilizzaturi awtomatiċi u miżuri diskrezzjonali, il-bilanċ fiskali nbidel minn wieħed pożittiv ta’ 3,7% tal-PDG fl-2007 għal defiċit ta’ 0,9% fl-2009, qabel ma reġa' ġie f'bilanċ fl-2010.

(7) Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, l-opinjoni tal-Kunsill hi li x-xenarju makroekonomiku fil-bażi tal-proġettazzjonijiet baġitarji huwa ġeneralment plawsibbli, ħlief għall-2012 fejn hu favorevoli wisq. L-istrateġija baġitarja, kif deskritta fil-Programm ta’ Konverġenza aġġornat, hija xierqa, peress li din tkun tikkontribwixxi biex jinkiseb l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) tal-Isvezja ta’ bilanċ favorevoli ta’ 1% tal-PDG matul ċiklu. Dan jipprovdi ċertu marġni kontra vjolazzjoniet tal-valur ta’ referenza ta’ 3% tal-PDG fi kwalunkwe andament ħażin fil-futur. Il-programm jipproġetta li l-bilanċ pożittiv ġenerali tal-gvern se jikber minn 0,6% tal-PDG fl-2011 għal 3,7% tal-PDG fl-2014, l-aħħar sena tal-programm. Dan it-titjib jirriżulta minn tkabbir ekonomiku preżunt b’saħħtu, billi l-programm ma jipprevedi ebda sforz ta' konsolidazzjoni matul dawn is-snin. Ir-riskji għall-miri baġitarji huma ġeneralment ekwilibrati. Peress li l-previżjoni tad-dħul ippreżentata fil-programm hija kemxejn kawta għall-2011, ir-riżultati baġitarji jistgħu jkunu xi ftit aħjar din is-sena, filwaqt li ċerti riskji ta' andament ħażin għall-proġettazzjonijiet baġitarji mill-2012 ’il quddiem huma marbuta ma’ suppożizzjonijiet makroekonomiċi favorevoli. Peress li l-gvern indika li jistgħu jiġu implimentati aktar miżuri għall-espansjoni fiskali previsti fl-Abbozz ta' Liġi Baġitarju tal-2011 (inkluż il-ħames pass fil-kreditu tat-taxxa fuq ix-xogħol għal dawk li jaqilgħu paga, żieda oħra fil-livell limitu għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul tal-Istat, tnaqqis tal-VAT fuq is-servizzi tar-ristoranti, u tnaqqis tat-taxxi fuq il-pensjonijiet) mill-2012, jekk ikun hemm biżżejjed possibbiltà fiskali, ikun hemm riskju ta' pożizzjoni ta' politika fiskali proċiklika. Minħabba l-perspettiva demografika hu importanti li l-Isvezja tkompli tilħaq l-OTM tagħha.

(8) Is-sitwazzjoni attwali fis-swieq tal-propjetà u s-self b'ipoteki hi sors ta' instabbiltà potenzjali. Wara korrezzjoni qasira u dgħajfa fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja, il-prezzijiet tad-djar fl-Isvezja – b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra – reġgħu ħadu x-xejra b'saħħitha 'l fuq ħafna li kienet osservata mit-tieni nofs tas-snin disgħin u issa jinsabu fl-ogħla tagħhom. Iż-żieda kbira fil-prezzijiet tad-djar seħħet flimkien ma' żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi li kienet tirrappreżenta madwar 170% mid-dħul disponibbli sa nofs l-2010, ċifra għolja storika. Barra minn hekk, sehem kbir mid-dejn ipotekarju jinsab b’rati li jvarjaw bi ftit amortizzazzjoni. Dan jagħmel lill-unitajiet domestiċi fl-Isvezja partikolarment vulnerabbli għal żidiet fir-rati tal-interess jew problemi fl-impjiegi. Korrezzjoni qawwija fis-suq tal-propjetà jista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi għall-istabbiltà makroekonomika billi twassal għal trażżin tal-konsum mill-unitajiet domestiċi biex jibbilanċjaw il-baġits tagħhom u billi jiżdiedu l-ispejjeż ta’ finanzjar għall-banek Svediżi.

(9) Fir-rigward tas-suq tax-xogħol Svediż, iċ-ċittadini mhux mill-UE u ż-żgħażagħ huma f'pożizzjoni relattivament dgħajfa meta mqabbla mal-medja tal-UE. Aktar titjib fil-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hu essenzjali biex tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi u jitjieb il-forniment tal-ħaddiema fuq medda twila ta' żmien sabiex tintlaqa' l-isfida demografika ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-gvern Svediż attwalment qiegħed jimplimenta diversi riformi sabiex itejjeb is-sitwazzjoni tal-impjiegi taż-żewġ gruppi bħal aktar fondi għall-coaching, possibiltajiet ta’ esperjenza fuq il-post tax-xogħol, edukazzjoni vokazzjonali għall-adulti, coaching għal taħriġ permezz ta' apprendistat, sussidji mmirati fuq il-pagi u korsijiet issimplifikati tal-lingwa Svediża. L-aħħar statistika turi sinjali ċari li s-suq tax-xogħol Svediż qed jitjieb b’mod ġenerali, ħlief għal nisa li twieldu barra mill-pajjiż.

(10) Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma[4]. Fid-dawl tal-ħtieġa għal tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi provdut kontribut fil-livell tal-UE għal deċiżjonijiet nazzjonali futuri, fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Isvezja, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE. Hi tikkunsidra li l-programmi qed jindirizzaw b’mod adegwat l-isfidi ewlenin għall-Isvezja. Madankollu, filwaqt li l-istrateġija fiskali tal-gvern biex ikompli jirrispetta l-OTM hi xierqa, mill-2012 ’il quddiem trid tingħata attenzjoni sabiex tkun evitata politika fiskali libera wisq fi żminijiet ta’ tkabbir favorevoli. Ir-riskji ta’ żbilanċi makroekonomiċi għandhom jiġu vvalutati, notevolment dawk ġejjin miż-żieda fil-prezzijiet tad-djar u fid-dejn tal-familji. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi vulnerabbli teħtieġ li tiġi mmonitorjata u mtejba, notevolment għaż-żgħażagħ u n-nisa li twieldu barra mill-pajjiż.

(11) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tal-Isvezja u l-opinjoni tiegħu[5] hi riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni tiegħu skont (1) hawn taħt. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Isvezja,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Isvezja għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 skont il-punti segwenti biex:

(1) Iżżomm il-politika fiskali f'direzzjoni li tiżgura li l-objettiv ta' terminu medju jkompli jintlaħaq u tevita pożizzjoni ta' politika fiskali proċiklika fil-bidla pożittiva ekonomika attwali.

(2) Tieħu azzjoni ta’ prevenzjoni biex titratta r-riskji makroekonomiċi assoċjati maż-żieda fil-prezzijiet tad-djar u d-dejn tal-unitajiet ekonomiċi, inklużi riformi fis-sistema tad-dejn b'ipoteka, ir-regoli tal-kera, it-tassazzjoni tal-propjetà u l-permessi ta’ kostruzzjoni.

(3) Timmonitorja u ttejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni żgħażagħ u gruppi vulnerabbli oħra.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011.

[4]               SEC(2011) 735.

[5]               Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top