Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011SC0823

    Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Lithuaniaand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of Lithuania, 2011-2014

    52011SC0823

    Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Lithuaniaand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of Lithuania, 2011-2014


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Litwanja u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tal-Litwanja, 2011-2014

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkonsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

    Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 9(3) tiegħu,

    Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

    Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Billi:

    (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

    (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[3], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u dwar l-impjiegi nazzjonali tagħhom.

    (3) Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

    (4) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew ta l-approvazzjoni uffiċjali lill-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

    (5) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

    (6) Fit-28 ta’ April 2011, il-Litwanja ressqet il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tagħha għall-2011 li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2011. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

    (7) L-ekonomija tal-Litwanja qed tirkupra minn kriżi ekonomika kbira ħafna, li matulha l-PDG ċkien bi 17 % mill-quċċata sal-punt l-aktar baxx hekk kif il-kollass tad-domanda domestika tkabbar mill-waqgħa fil-kummerċ globali. Is-suq tax-xogħol irreaġixxa malajr għall-kriżi, u l-qgħad għola għal ċifra rekord bil-quċċata tilħaq it-18,3 % sa nofs l-2010 miċ-ċifra baxxa ta' 4,2 % fil-bidu tal-2008. L-istabbiltà tal-ekonomija ġiet mgħejjuna minn impenn b’saħħtu għall-arranġament tal-bord tal-valuta, enfasizzat minn konsolidazzjoni fiskali sostanzjali flimkien ma’ aġġustament fis-salarji tas-settur privat u miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Fl-2010 l-esportazzjonijiet ħadu spinta ’l fuq u reġa’ beda t-tkabbir ekonomiku hekk kif l-ekonomija globali rkuprat u l-ekonomija bbenefikat mill-ksib mill-ġdid tal-kompetittività. Fl-2011, l-irkupru qed iħaffef il-pass hekk kif qed tikber id-domanda domestika. Madankollu, anke jekk il-qgħad mistenni jonqos b’pass imgħaġġel, se jibqa’ fuq il-livell ta’ żewġ figuri

    (8) Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ konverġenza aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-Programm ta’ Konverġenza 2011 huwa plawsibbli. Filwaqt li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet dwar it-tkabbir pjuttost aktar favorevoli għall-2011, huwa bi qbil mal-aħħar previżjoni tal-Kummissjoni għall-2012. Il-programm jippjana li jġib id-defiċit għal inqas mill-valur ta' referenza ta’ 3 % sal-2012, id-data ta' skadenza stabbilita mill-Kunsill, iżda dan mhux enfasizzat biżżejjed mill-miżuri għall-2012. Il-momentum ekonomiku li qed iżid il-pass mgħaġġel tiegħu jista' jwassal għal riżultati baġitarji aħjar għall-2011 minn dawk mistennija fil-programm. Madankollu, jekk il-miżuri temporanji ta' konsolidazzjoni li se jiskadu fl-aħħar tal-2011 ma jiġġeddux u jkunu kumplimentati minn miżuri permanenti ta' daqs konsiderevoli, hemm ir-riskju li l-miri baġitarji tal-programm għall-2012 ma jintlaħqux minkejja l-prospett makroekonomiku li qed jitjieb. L-isforz fiskali annwali medju matul il-perjodu 2010-2012 huwa taħt sew il-livell ta’ 2,25% tal-PDG rakkomandat mill-Kunsill skont il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) fis-16 ta’ Frar 2010. Peress li t-tkabbir ekonomiku u d-dħul mit-taxxi huma sostanzjalment aktar b’saħħithom milli kien mistenni fiż-żmien tar-Rakkomandazzjoni PŻE tal-Kunsill, l-implimentazzjoni tal-isforz fiskali meħtieġ għandha tippermetti tnaqqis tad-defiċit u progress b’pass aktar mgħaġġel lejn l-objettiv ta' terminu medju (OTM). L-objettiv ta' terminu medju ta’ surplus strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG mhux previst li jintlaħaq matul il-perjodu tal-programm.

    (9) Minħabba l-aġġustament imdaqqas meħtieġ biex tintlaħaq il-mira tal-PŻE tal-2012 u biex isir progress lejn l-OTM, u l-bżonn li jkun żgurat il-konfinanzjament sabiex tingħata prijorità lill-assorbiment tal-fondi strutturali tal-UE u jiżdied l-investiment produttiv fl-ekonomija, l-identifikazzjoni ta’ aktar miżuri ta’ konsolidazzjoni se tkun sfida. Titjib fl-effiċjenza tas-settur pubbliku jista’ joħloq aktar spazju għal aġġustament tan-nefqa mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità tas-servizzi pubbliċi. Fin-nuqqas ta' aktar riforma, in-nefqa relatata mal-età se tiżdied b'rata ogħla mill-medja tal-UE fl-għexieren ta' snin li ġejjin. F’Ġunju 2010, il-gvern approva deskrizzjoni ġenerali ta’ riforma komprensiva tas-sistema tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni. Il-proposta kienet tinkludi żidiet sinifikanti fl-età tal-pensjoni, bidliet fil-mod kif il-pensjonijiet huma kkalkulati u l-integrazzjoni tal-pensjonijiet tal-istat fl-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni soċjali. L-approvazzjoni u l-implimentazzjoni b’suċċess tal-aspetti kollha ta' dawn il-proposti se jkunu kritiċi għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul u jistgħu jgħinu fiż-żieda tal-provvista tal-ħaddiema billi jipprovdu inċentivi aktar b'saħħithom għax-xogħol għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età filwaqt li jiżguraw l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, is-sostenibbiltà fiskali fit-tul tkun tirrikjedi wkoll qafas fiskali aktar b'saħħtu. Partikolarment, fil-perjodu eżatt qabel il-krizi, il-qafas fiskali ma kienx ta’ impediment għar-reviżjonijiet imdaqqsa rikorrenti tal-miri tan-nefqa u għal tkabbir tan-nefqa proċikliku ffinanzjat minn dħul imprevist. It-tkabbir eċċessiv tan-nefqa ffinanzjat minn dħul relatat maż-żieda fl-attività ekonomika kien l-oriġini tal-iżbilanċi fiskali kbar li ħarġu matul il-kriżi. Ikkontribwixxew ukoll għas-sovrażbilanċ tal-ekonomija.

    (10) Ir-rata tal-qgħad tal-Litwanja hija waħda mill-ogħla fl-UE. It-tħassib immedjat huwa li jiġi żgurat li din iż-żieda f’qasir żmien ma ssirx xi ħaġa strutturali. It-tħaddim tas-suq tax-xogħol qed jiġi kompromess minn regolamenti tax-xogħol stretti ħafna u diżinċentivi biex wieħed jaħdem fi ħdan is-sistema tal-assistenza soċjali. Meta magħqudin flimkien ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol li huma ffinanzjati biżżejjed, il-miżuri meħuda f’dawn l-oqsma għandhom jgħinu fit-tnaqqis tal-possibbiltà li r-rata għolja tal-qgħad issir strutturali u fit-tnaqqis tal-ekonomija illegali mdaqqsa.

    (11) L-impriżi Litwani tal-Istat jirrappreżentaw madwar 18 % tal-PDG. Huma jibqgħu bit-tendenza lejn l-ineffiċjenzi b'redditi finanzjarji mhux sodisfaċenti. Ir-riforma b’suċċess tal-impriżi tal-Istat issaħħaħ ukoll il-kompetizzjoni u ttejjeb l-ambjent tan-negozju. Fl-2010 il-Litwanja bdiet riforma f’ħames setturi ewlenin. Ir-riforma stipulat linji gwida dwar it-trasparenza għall-impriżi tal-Istat u pprovdiet bażi għar-responsabbiltà tal-gvern. Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern dwar it-Titjib tal-Effiċjenza f’Diċembru 2010 pprovdiet qafas aktar kredibbli għar-riforma. Minkejja dan, dawn jibqgħu biss oqfsa u linji gwida, u r-Riżoluzzjoni ssofri minn nuqqas ta’ għadd ta’ miżuri ewlenin proposti inizjalment li kienu jiżguraw is-separazzjoni bejn il-funzjonijiet regolatorji u ta’ sjieda.

    (12) L-intensità tal-enerġija tal-ekonomija Litwana hija waħda mill-ogħla fl-UE. Din hija relatata fil-parti l-kbira mat-tisħin tar-residenzi fejn il-binjiet b'ħafna appartamenti mhux miżmuma b'mod tajjeb huma responsabbli għall-parti l-kbira tal-problema. Minkejja l-introduzzjoni ta’ strateġija li tmur lura għall-2004 biex dan jiġi indirizzat, ftit saru investimenti. Barra minn hekk, il-livelli tas-sjieda ta’ karozzi żdiedu fi żmien qasir, filwaqt li d-dħul mit-taxxi tal-enerġija u tat-trasport waqgħu meta mqabbla mal-PDG u mat-taxxi fuq ix-xogħol (ogħla mill-medja tal-UE b’mod konsiderevoli). L-indirizzar tar-rati baxxi ta’ taxxa fuq l-enerġija, inklużi dawk għar-reġistrazzjoni u s-sjieda tal-vetturi tat-trasport, għandu jappoġġa l-konsolidazzjoni fiskali fuq żmien qasir filwaqt li jservi ta’ inċentiv għal użu aktar effiċjenti tal-enerġija.

    (13) Filwaqt li l-Litwanja għandha qafas regolatorju tan-negozju li huwa favorevoli b’mod ġenerali, issib ruħha relattivament dgħajfa fl-oqsma tal-kundizzjonijiet tal-bidu, fiż-żmien u l-kost involuti fil-ħruġ tal-permessi tal-kostruzzjoni u fil-ħarsien tal-investituri. It-titjib fir-regolamenti f’dawn l-oqsma għandu jgħin fl-istimulazzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir. Riforma għall-politika tal-kompetizzjoni tista’ ttejjeb aktar l-ambjent, iżda l-progress huwa bil-mod, speċjalment fis-setturi tal-enerġija u tal-ikel għall-konsumaturi. It-tlestija tal-istrateġija riveduta dwar l-indipendenza tal-enerġija nazzjonali se tgħin fl-indirizzar tat-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista u fl-appoġġ għal kompetizzjoni akbar fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett tal-leġiżlazzjoni tal-UE għas-suq tal-elettriku u tal-gass għandha ttejjeb il-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija għall-konsumaturi. Fis-settur tal-ikel għall-konsumaturi, fl-2009 l-Litwanja għaddiet liġi dwar il-projbizzjoni tal-operazzjonijiet inġusti ta’ impriżi kummerċjali tal-konsumaturi. Madankollu, is-settur tal-ikel għall-konsumaturi jkompli juri livell insuffiċenti ta’ kompetizzjoni parzjalment minħabba l-istrutturi tiegħu u l-ineffiċjenzi fir-regolazzjoni tas-suq. Il-konċentrazzjoni f’katini tal-ikel għall-konsumaturi hija xejra li qegħda dejjem tikber, bis-sehem tal-ikbar erba’ bejjiegħa għall-konsumaturi jilħaq it-72 % tal-bejgħ totali fl-2008.

    (14) Il-Litwanja ħadet għadd ta' impenji fil-Patt Euro Plus[4]. Biex issaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali, il-Litwanja se tadotta liġijiet biex tiffaċilita l-akkumulu ta’ fondi fir-riserva tat-Teżor tal-Istat għal perjodi ekonomiċi diffiċli u se tippromwovi politika baġitarja responsabbli kontra l-inflazzjoni. Tħabbru wkoll għadd ta’ miżuri importanti għar-riforma tas-sistema tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali. Il-miżuri dwar l-impjieg jiffukaw fuq it-trawwim tal-impjiegi, il-ġlieda kontra xogħol illegali u mhux dikjarat u l-promozzjoni ta’ ftehimiet ta' impjiegi flessibbli. Biex jitjieb l-ambjent ta' negozju ttieħdu għadd ta' impenji biex jissaħħu l-ispettorati tan-negozji, tiżdied it-trasparenza u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji. Dawn l-impenji jirrelataw mal-erba' oqsma tal-Patt. B’mod ġenerali, huma jirriflettu l-aġenda ta’ riforma deskritta fil-Programm ta’ Konverġenza u fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Il-firxa ta’ miżuri fil-qasam tal-impjiegi, jekk tiġi implimentata, se tkun kontribuzzjoni li se tintlaqa’ tajjeb lejn il-ġenerazzjoni tad-domanda għall-ħaddiema. Dawn l-impenji ġew ivvalutati u tqiesu fir-rakkomandazzjonijiet.

    (15) Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inklużi l-impatti tal-Patt Euro Plus[5]. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Litwanja imma wkoll lejn il-konformità mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li se jkun meħtieġ li jiġu speċifikati l-miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mal-miri baġitarji għall-2012. Għandhom jittieħdu wkoll aktar passi lejn ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet għat-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u l-inkoraġġiment ta’ ħajja aktar twila tax-xogħol, it-titjib tat-tħaddim tas-suq tax-xogħol, l-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ riforma għall-impriżi tal-Istat, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-indirizzar tat-taxxi baxxi fuq l-enerġija, kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetizzjoni f’ċerti setturi.

    (16) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta jitqiesu wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tal-Litwanja u l-opinjoni tiegħu[6] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni tiegħu skont (1) u (2) elenkati hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Litwanja.

    JIRRAKKOMANDA li l-Litwanja għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

    (1) Tadottata miżuri fiskali addizzjonali ta' natura permanenti sa meta jasal iż-żmien tal-baġit 2012 biex jitranġa d-defiċit eċċessiv. Issaħħaħ il-konformità tat-taxxi u tieħu vantaġġ sħiħ mill-irkupru ekonomiku biex ikompli jitħaffef il-pass lejn it-tnaqqis tad-defiċit u l-progress lejn l-Objettiv Baġitarju ta' Terminu Medju b’tal-anqas 0,5 % tal-PDG kull sena. Issaħħaħ il-qafas fiskali, partikolarment bl-introduzzjoni ta' limiti massimi ta’ nefqa li jistgħu jiġu infurzati u li huma vinkolanti fil-qafas baġitarju ta' terminu medju.

    (2) Tadotta l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni proposta dwar ir-Riforma tas-Sistema tal-Pensjonijiet. Tneħħi d-diżinċentivi fiskali għax-xogħol għall-persuni li qegħdin f'età pensjonabbli jew resqin lejha sabiex issaħħaħ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

    (3) Issaħħaħ il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol bl-emendar tal-Kodiċi tax-Xogħol biex dan isir aktar flessibbli u biex jippermetti l-użu aħjar ta’ kuntratti ta' żmien fiss. Tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti, b’mod partikolari il-Liġi dwar l-Assistenza Soċjali fi Flus, biex jiġi żgurat li s-sistema tal-assistenza soċjali ma fihiex disinċentivi għax-xogħol.

    (4) Jiġu implimentati l-aspetti kollha tal-pakkett ta’ riforma għall-impriżi tal-Istat sal-aħħar tal-2011 biex tiġi żgurata separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta’ sjieda u regolatorji, objettivi ċari tal-impriżi, trasparenza aħjar u separazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali u mhux kummerċjali.

    (5) Ittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet permezz tal-implimentazzjoni f’qasir żmien tal-Fond tal-Ishma u tieħu passi biex it-tassazzjoni tkun fuq l-użu tal-enerġija, bl-ewwel pass jittieħed fil-qasam tat-taxxi fuq ir-reġistazzjoni u s-sjieda tal-vetturi tat-trasport tal-passiġġieri.

    (6) Tieħu passi biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-bidu, il-ħruġ tal-permessi tal-kostruzzjoni u biex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-setturi tal-enerġija u tal-konsumaturi.

    Magħmul fi Brussell

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p.1.

    [2]               ĠU C , p. .

    [3]               Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011.

    [4]               Aktar dettalji dwar l-impenji li ttieħdu skont il-Patt Euro Plus jinsabu fi SEC(2011) 723.

    [5]               SEC(2011) 723.

    [6]               Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

    Top