EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011SA0009

Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2011 “Kienu effettivi l-proġetti ta’ gvern elettroniku appoġġjati mill-FEŻR?”

52011SA0009

Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2011 “Kienu effettivi l-proġetti ta’ gvern elettroniku appoġġjati mill-FEŻR?”


GLOSSARJU

Broadband : Trażmissjoni ta’ data b’veloċità għolja fejn il-medda ta’ frekwenzi hija maqsuma bejn iktar minn sinjal simultanju wieħed

DĠ INFSO : Direttorat Ġenerali tas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja tal-KE

DĠ REGIO : Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-KE

EIF : Qafas Ewropew tal-Interoperabilità

FEŻR : Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FS : Fondi Strutturali

ICT : Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni

IDA : Interkambju ta’ Data bejn Amministrazzjonijiet — programm li jimmira għall-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tħaddim ta’ netwerks ICT trans-Ewropej għal skambju reċiproku ta’ data bejn amministrazzjonijiet ta’ Stati Membri u/jew l-istituzzjonijiet tal-Komunità

IDABC : Kunsinna Interoperabbli ta’ Servizzi ta’ gvern elettroniku Ewropew għal Amministrazzjonijiet pubbliċi, Negozji u Ċittadini. Suċċessur tal-istrument IDA

Interoperabilità : Kapaċità ta’ programmi differenti għal skambju ta’ data permezz ta’ sett komuni ta’ formats ta’ skambju, għall-qari u l-kitba ta’ fajls bl-istess format, u għall-użu tal-istess protokolli

IS : Soċjetà tal-Informazzjoni

ISA : Programm ġdid għall-perjodu 2010–15 "Soluzzjonijiet ta’ Interoperabilità għall-Amministraturi Pubbliċi Ewropej"

NDP : Pjan Nazzjonali għall-Iżvilupp

PLN : L-isem tal-munita uffiċjali ISO 4217 għal złoty Pollakk

PMM : Metodoloġija għall-Ġestjoni ta’ Proġett hija metodu bbażat fuq proċess għall-ġestjoni effettiva ta’ proġett. Il-PMM tipprovdi metodu għall-ġestjoni ta’ proġetti fi ħdan qafas definit b’mod ċar. Tiddeskrivi proċeduri għall-koordinazzjoni ta’ riżorsi u attivitajiet involuti f’proġett, bl-għoti ta’ indikazzjoni dwar it-tfassil u s-superviżjoni tal-proġett, u r-reazzjoni jekk il-proġett irid jiġi aġġustat biex jirrispondi għal bidliet

SMART : Speċifiku, Li Jista’ Jitkejjel, Li Jista’ Jintlaħaq, Realistiku u F’Waqtu

Softwer b’Sors Miftuħ : Tip ġenerali u wiesa’ ta’ liċenzja ta’ softwer li tippermetti li l-kodiċi tas-sors tkun disponibbli lill-pubbliku ġenerali b’restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur imnaqqsa jew mhux eżistenti

Standard Miftuħ : Kwalunkwe protokoll ta’ komunikazzjoni, interkonnessjoni jew interkambju, u kwalunkwe format ta’ data interoperabbli bi speċifikazzjonijiet pubbliċi u mingħajr restrizzjoni fl-aċċess jew fl-implimentazzjoni tagħhom

SOMMARJU EŻEKUTTIV

I. Amministrazzjonijiet pubbliċi fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport raw il-gvern elettroniku bħala mezz li jnaqqas il-piż amministrattiv ta’ ċittadini, negozji u amministrazzjonijiet oħrajn. Jista’ jservi wkoll biex itejjeb is-servizzi li jagħtu. Dan skont il-ksib tal-miri ta’ Lisbona (kompetittività u innovazzjoni), it-tnaqqis tal-barrieri għas-suq intern, il-mobilità ta’ ċittadini madwar l-Ewropa, u l-iżvilupp reġjonali.

II. Il-verifika tal-Qorti ffokat fuq nefqa tal-FEŻR tal-perjodu tal-programm tal-2000–06 f’erba’ Stati Membri: Franza, l-Italja, il-Polonja u Spanja. Il-Qorti eżaminat id-dokumenti relevanti strateġiċi u ta’ pprogrammar u marret fi 28 proġett amministrattiv li qed jiżviluppaw gvern elettroniku. Stħarriġ elettroniku li ntbagħat lil kampjun ta’ maniġers tal-proġett, issupplimenta dan ix-xogħol.

III. Il-Qorti eżaminat jekk dawn il-proġetti ta’ gvern elettroniku:

(a) kinux magħżula skont ħtiġijiet ivvalutati;

(b) kinux imfassla sew u mwassla kif ippjanat;

(c) kinux utli u dewwiema.

IV. Il-Qorti kkonkludiet li l-proġetti ta’ gvern elettroniku appoġġjati mill-FEŻR kkontribwew għall-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi elettroniċi. Madankollu minkejja l-fatt li l-maġġoranza huma teknikament operattivi, minħabba fokus insuffiċjenti fuq riżultati tal-proġett, il-benefiċċji miksuba huma ferm inqas milli mistennija.

V. B’mod iktar speċifiku l-Qorti osservat li:

(a) Minkejja l-fatt li l-ipprogrammar tal-gvern elettroniku fuq livell nazzjonali tjieb b’mod gradwali matul il-perjodu ta’ pprogrammar, dgħufijiet fl-istrateġiji bikrija fisser li proġetti ma ffokawx fuq l-indirizzar ta’ ħtiġijiet ta’ prijorità għall-iżvilupp ta’ gvern elettroniku.

(b) Proġetti ġeneralment taw il-prodotti mistennija. Madankollu, dawn ta’ spiss twasslu tard jew b’firxa mnaqqsa minħabba tfassil inferjuri jew nuqqas ta’ metodoloġija soda ta’ implimentazzjoni.

(c) Il-biċċa l-kbira tal-proġetti vverifikati kienu teknoloġikament sodi u żviluppaw applikazzjonijiet tal-IT li jipprovdu servizzi elettroniċi lil korpi pubbliċi, negozji u ċittadini. Is-sistemi kofinanzjati mill-FEŻR ġeneralment ġew miżmuma b’mod xieraq u kienu finanzjarjament sostenibbli. Madankollu, fin-nuqqas tal-kejl tal-benefiċċji attwali ta’ proġett, mhuwiex possibbli li jiġu evalwati proġetti jew jiġi akkumulat għarfien għal programmi fil-futur.

VI. Għaldaqstant il-Qorti tirrakkomanda li:

(a) Stati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji għal gvern elettroniku, li huma bbażati fuq ħtiġijiet identifikati, ikollhom objettivi ċari u allokazzjoni ċara ta’ responsabbiltajiet lill-korpi responsabbli għall-ksib ta’ dawn l-objettivi.

(b) Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għandhom jagħżlu proġetti ta’ gvern elettroniku għal appoġġ FEŻR fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji probabbli tal-proġett.

(c) Awtoritajiet ta’ Ġestjoni fi Stati Membri għandhom jiżguraw li proġetti ta’ gvern elettroniku magħżula għal iffinanzjar mill-FEŻR jiffokaw mhux biss fuq il-prodotti tal-proġett imma wkoll fuq il-bidliet fi proċessi jew organizzazzjoni neċesarja biex jibbenefikaw b’mod sħiħ mis-sistemi żviluppati.

(d) Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għandhom jenfasizzaw l-applikazzjoni prattika tal-aħjar prattika, u jirrakkomandaw b’mod qawwi l-użu ta’ metodoloġija xierqa ta’ ġestjoni ta’ proġett għal proġetti ta’ gvern elettroniku li jirċievu iffinanzjar mill-FEŻR.

(e) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet tal-UE li jippermettu interoperabilità transEwropea, b’mod partikolari fil-prinċipji EIF, jiġu kkunsidrati minn proġetti li jibbenefikaw mill-FEŻR, sabiex iżidu l-valur miżjud Ewropew ta’ proġett u jiffaċilita aktar integrazzjoni ta’ sistemi madwar l-UE.

(f) Meta jintgħażlu proġetti ta’ gvern elettroniku, Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għandhom jiżguraw li l-ispejjeż sinifikanti kollha, inkluża l-manutenzjoni, ġew ipprovduti għalihom b’mod suffiċjenti fl-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju li għandha ssaħħaħ id-deċiżjoni ta’ ffinanzjar.

(g) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jimmonitorjaw u jevalwaw riżultati u impatti ta’ proġett sabiex juru l-użu effettiv ta’ ffinanzjar tal-UE u jipprovdu rispons importanti għat-titjib tat-tfassil ta’ programmi fil-futur.

INTRODUZZJONI

DEFINIZZJONI U OBJETTIVI TA’ GVERN ELETTRONIKU

1. Gvern elettroniku jirreferi għal transazzjonijiet elettroniċi bejn gvern u ċittadini jew negozji, jew bejn amministrazzjonijiet governattivi differenti. Gvern elettroniku jeħtieġ l-użu ta’ Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) flimkien ma’ bidla organizzattiva u ħiliet ġodda sabiex jingħataw servizzi pubbliċi ta’ kwalità aħjar [1].

2. Amministrazzjonijiet pubbliċi fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport raw il-gvern elettroniku bħala mezz li jnaqqas il-piż amministrattiv u ż-żminijiet ta’ stennija, għal titjib f’kosteffettività u għal żieda ta’ produttività. Dan kien skont il-miri tal-Istrateġija ta’ Lisbona f’kompetittività u innovazzjoni, żvilupp ta’ għajnuna reġjonali u tnaqqis ta’ barrieri fis-suq intern. Jista’ jiffaċilita wkoll l-mobilità ta’ ċittadini madwar l-Ewropa.

3. Sabiex tevita l-emerġenza ta’ hekk imsejħa barrieri elettroniċi [2], il-Kummissjoni rrakkomandat li amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej għandhom jirrispettaw numru ta’ prinċipji ġenerali, li ġew imwaqqfa fil-Qafas Ewropew tal-Interoperabiltà [3] (EIF) ippubblikat f’Novembru 2004.

L-ISTRATEĠIJA TA’ LISBONA, eEUROPE U i2010

4. Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona li sar fl-2000 stabbilixxa l-objettiv ambizzjuż li l-Ewropa ssir l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika dinjija u rrikonoxxiet il-bżonn għall-Ewropa li taħtaf l-opportunitajiet offruti mill-ekonomija l-ġdida u l-Internet b’mod partikolari.

5. Il-Kummissjoni Ewropea varat żewġ Pjanijiet ta’ Azzjoni eEurope suċċessivi għall-perjodu 2000 immirati li jistimulaw servizzi, applikazzjonijiet u kontenut tal-Internet, li jkopru kemm servizzi pubbliċi fuq l-Internet kif ukoll negozju elettroniku. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni ġew imfassla wkoll biex jindirizzaw nuqqasijiet fl-infrastruttura broadband u f’miżuri ta’ sigurtà. Dawn l-azzjonijiet kellhom jiġu rinforzati b’attivitajiet bħat-tixrid ta’ prattika tajba u valutazzjoni komparattiva [4] ta’ żvilupp ICT fi Stati Membri.

6. Mill-bidu [5], il-Kummissjoni kkunsidrat il-gvern elettroniku bħala importanti u t-trasformazzjoni ta’ servizzi pubbliċi saret bażi tal-politika ICT. Wara l-Pjan ta’ Azzjoni eEurope2002, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni [6] li tespandi fuq l-azzjonijiet tal-gvern elettroniku li hemm fil-pjan ta’ azzjoni u tagħti dettalji għall-passi neċessarji għat-trasformazzjoni ta’ servizzi pubbliċi bl-użu ta’ ICT.

7. Fl-2005 l-Pjanijiet ta’ Azzjoni eEurope ġew mibdula b’qafas strateġiku ġdid, i2010 — Soċjetà tal-Informazzjoni Ewropea 2010 — li jqiegħed orjentazzjonijiet wiesgħa ta’ politika [7]. Dan il-qafas strateġiku rinnovat ta aktar enfasi fuq il-gvern elettroniku. Fil-fatt skont studji riċenti [8] hemm rabta soda bejn amministrazzjoni pubblika moderna u effiċjenti u kompetittività u innovazzjoni nazzjonali. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006 [9], ddeskriviet kisbiet preċedenti u fasslet objettivi ġodda għal politika ta’ gvern elettroniku. L-impenn politiku ta’ Stati Membri u ta’ partijiet interessati oħrajn huwa importanti għal azzjonijiet bħal dawn u f’numru ta’ konferenzi [10] l-Istati Membri wrew dan bl-iffirmar ta’ dikjarazzjonijiet għal dan l-effett. L-ewwel att legali sinifikanti [11], id-"Direttiva għal Servizz" (ara l-Kaxxa 1), ippubblikat fl-2006 u li kien meħtieġ jidħol fis-seħħ fl-2009, jeħtieġ ċertu servizzi pubbliċi għal negozju biex ikunu elettronikament disponibbli.

8. B’mod parallel mal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħha, il-Kummissjoni żviluppat numru ta’ inizjattivi [12] f’oqsma speċifiċi ma’ objettivi varji bħat-tneħħija ta’ ostakli teknoloġiċi jew il-faċilitazzjoni ta’ skambju tal-aħjar prattika. Fost programmi u inizjattivi aktar speċjalizzati, il-programm IDABC [13] jistħoqqlu jiġi msemmi peress li ffaċilita kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u Stati Membri fil-ksib ta’ standards interoperabbli komuni [14].

IL-KAXXA 1

ID-DIRETTIVA GĦAL SERVIZZI

Id-Direttiva teħtieġ li Stati Membri jissemplifikaw proċeduri u formalitajiet li fornituri ta’ servizz iridu jkunu konformi magħhom. B’mod partikolari, teħtieġ li Stati Membri jneħħu piżijiet mhux ġustifikati u sproporzjonati u sostanzjalment jiffaċilitaw:

it-twaqqif ta’ negozju, jiġifieri każijiet fejn persuna naturali jew legali trid twaqqaf stabbiliment permanenti fi Stat Membru; u

il-provvista ta’ servizzi bejn fruntieri, jiġifieri każijiet fejn negozju jrid jipprovdi servizzi bejn fruntieri fi Stat Membru ieħor, mingħajr it-twaqqif ta’ stabbiliment hemmhekk.

Skont id-Direttiva l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu "punti ta’ kuntatt waħdieni", li permezz tagħhom fornituri ta’ servizz jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha relevanti u jittrattaw mal-formalitajiet amministrattivi kollha mingħajr il-ħtieġa li jiġu kuntattjati bosta awtoritajiet. Il-"punti ta’ kuntatt waħdieni" iridu jkunu aċċessibbli mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi.

APPOĠĠ FINANZJARJU TAL-UE

9. Madwar EUR 11-il biljun [15] ta’ appoġġ tal-UE ġie allokat għas-Soċjetà tal-Informazzjoni fil-perjodu tal-programm tal-2000–06. Fost l-għanijiet tagħha kien hemm l-iżvilupp ta’ teknoloġiji siguri ġodda, kapaċitajiet infrastrutturali u konnettività bejn reġjuni permezz ta’ broadband. L-iffinanzjar FEŻR kien jirrappreżenta EUR 6,7 biljun (61 %) ta’ dan. L-ebda figuri aggregati huma disponibbli għal azzjonijiet ta’ gvern elettroniku.

IL-PRINĊIPJI TA’ ĠESTJONI FEŻR GĦALL-PERJODU TAL-PROGRAMM 2000–06

10. Is-sistema ta’ ġestjoni FEŻR tirrifletti l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u sħubija [16], b’responsabbiltajiet u ġestjoni maqsuma bejn il-Kummissjoni Ewropea u gvernijiet ta’ Stati Membri. L-ipprogrammar FEŻR u l-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ azzjonijiet kofinanzjati fis-seħħ waqt il-perjodu tal-programm ivverifikat 2000–06 huwa muri fil-Figura 1 f’forma simplifikata.

11. Il-programmi multiannwali tfasslu minn Stati Membri wara proċess ta’ djalogu mal-awtoritajiet pubbliċi relevanti u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali. Stati Membri identifikaw prijoritajiet wiesgħa ta’ ipprogrammar, u, wara negozjati, il-Kummissjoni approvat d-dokumenti kollha ta’ pprogrammar. Id-deskrizzjoni wiesa’ ta’ miżuri kienet inkluża fil-programmi operazzjonali waqt li l-miżuri dettaljati u l-għażla ta’ proġetti saret minn Stati Membri.

12. Il-programmi għandhom prijoritajiet stabbiliti u approvati li se jiġu implimentati matul il-perjodu tal-programm. Kull Programm Operazzjonali jew Dokument ta’ Pprogrammar Uniku għandu Komplement ta’ Pprogrammar li jiddeskrivi l-miżuri tal-programm fid-dettall. Miżuri jistgħu jinkludu azzjonijiet speċifiċi għall-iżvilupp ta’ gvern elettroniku.

IL-FIGURA 1

PROĊESS SIMPLIFIKAT TA’ ĠESTJONI FEŻR GĦALL-2000–06

+++++ TIFF +++++

L-AMBITU U L-APPROĊĊ TAL-VERIFIKA

13. L-objettiv ewlieni tal-verifika kien li jivvaluta jekk il-proġetti amministrattivi tal-gvern elettroniku verifikati appoġġjati mill-FEŻR:

(a) ġewx magħżula skont ħtiġijiet ivvalutati;

(b) ġewx imfassla sew u mwassla kif ippjanat;

(c) humiex utli u dewwiema.

14. Il-verifika tal-Qorti ffokat fuq il-perjodu tal-programm 2000–06 u erba’ Stati Membri: Franza, l-Italja, il-Polonja u Spanja li bejniethom irrappreżentaw EUR 3,0 biljun (45 %) tal-infiq mill-FEŻR fuq is-Socjetà tal-Informazzjoni.

15. Ix-xogħol tal-verifika inkluda:

(a) Analiżi tal-qafas strateġiku tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-gvern elettroniku.

(b) Eżaminazzjoni ta’ dokumenti ta’ strateġija ta’ gvern elettroniku nazzjonali u reġjonali relevanti għall-perjodu 2000–06, fil-pajjiżi li nżaru, flimkien ma’ analiżi ta’ Pjanijiet għall-Iżvilupp Nazzjonali, Programmi Operazzjonali relevanti u appoġġ għal Komplementi ta’ Programm.

(c) Żjarat lil awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-iżvilupp tal-gvern elettroniku u l-għażla tal-proġetti fi Stati Membri li nżaru.

(d) Eżaminazzjoni ta’ 28 proġett reġjonali b’iffinanzjar totali ta’ EUR 216,9 miljun u l-FEŻR li kkontribwixxa xi EUR 127,2 miljun minn dawn. Il-proġett medju ta’ gvern elettroniku li nżar kellu valur ta’ EUR 7,8 miljun b’medja ta’ kontribuzzjoni FEŻR ta’ EUR 4,5 miljun. 10 mill-proġetti kienu ta’ inqas minn miljun euro bl-akbar erba’ proġetti b’firxa minn EUR 27 miljun sa 50 miljun. Għat-tip ta’ proġetti eżaminati (ara t-Tabella u l-Kaxxa 2).

(e) Stħarriġ fuq l-Internet mibgħut lil 363 maniġer ta’ proġetti ta’ gvern elettroniku kofinanzjati mill-FEŻR fil-pajjiżi li nżaru. Tweġibiet waslu minn 212-il maniġer (58,4 %).

TABELLA

TIPI TA’ PROĠETTI TA’ GVERN ELETTRONIKU LI NŻARU FUQ IL-POST

It-tip ta’ proġett | Spanja | Franza | L-Italja | Il-Polonja | Total |

Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika | 1 | 3 | 3 | 1 | 8 |

Sistema ta’ fluss ta’ xogħol | 3 | 1 | 2 | 4 | 10 |

Servizzi ta’ taxxa | 1 | 0 | 0 | 1 | 2 |

Database referenzjali | 0 | 0 | 1 | 1 | 2 |

Oħrajn | 2 | 3 | 1 | 0 | 6 |

Total | 7 | 7 | 7 | 7 | 28 |

IL-KAXXA 2

EŻEMPJI TA’ PROĠETTI LI JIPPROVDU SERVIZZI TA’ GVERN ELETTRONIKU

Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) — ir-Reġjun tat-Toskana, l-Italja

L-iżvilupp ta’ GIS aċċessibbli fuq l-Internet minn ċittadini, korpi pubbliċi u professjonisti kien wieħed mill-objettivi tal-proġetti tad-Dokument ta’ Pprogrammar Uniku fir-Reġjun tat-Toskana. Fi ħdan dan il-qafas, l-awtorità provinċjali ta’ Firenze appoġġjat il-ħolqien ta’ database spazjali marbuta mat-tema tal-idroġeoloġija, kif ukoll l-iżvilupp ta’ softwer għall-amministrazzjoni ta’ użu tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ. Fittxet li tikseb ukoll b’mod sħiħ il-ġestjoni tal-bgħit fuq l-Internet għar-riċerka tal-ilma ta’ taħt l-art u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet.

Sistema ta’ fluss ta’ xogħol — ir-Reġjun Warmia i Mazury, il-Polonja

L-objettiv ewlieni tal-proġett kien il-ħolqien ta’ web portal li jippermetti kuntatt fuq l-Internet bejn il-pubbliku u 112-il awtorità. Proċeduri ta’ ċirkolazzjoni ta’ dokumenti elettroniċi kienu żviluppati għal tliet livelli ta’ amministrazzjoni lokali, bil-mira li jtejbu l-effiċjenza operazzjonali waqt li jiżguraw interoperabilità sħiħa ta’ data proċessata mill-amministrazzjoni.

OSSERVAZZJONIJIET

IL-PROĠETTI ĠEW MAGĦŻULA SKONT ĦTIĠIJIET IVVALUTATI?

16. L-għan tal-gvern elettroniku huwa li jtejjeb l-aċċess għal servizzi tal-gvern u l-informazzjoni għall-pubbliku, negozji u amministrazzjonijiet oħrajn, li jwassal għal kwalità ta’ servizz aħjar u effikaċja u effiċjenza mtejba.

17. Biex dan iseħħ teħtieġ strateġija ġenerali bbażata fuq valutazzjoni ta’ ħtiġijiet, id-definizzjoni ta’ prijoritajiet u konsiderazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji probabbli tal-istrateġija.

18. Il-Qorti eżaminat jekk:

(a) Il-qafas strateġiku nazzjonali jew reġjonali kienx ġie żviluppat fuq il-bażi tal-ħtiġijiet identifikati u l-għarfien ta’ dak li kien qed jiġi pprovdut minn sistemi eżistenti tal-IT, billi kkunsidra l-gwida maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea.

(b) Proċeduri tal-għażla ta’ proġetti kienu bbażati fuq kriterji tal-għażla konsistenti u koerenti li indirizzaw il-ħtiġijiet l-aktar urġenti u wasslu valur miżjud għall-partijiet interessati; b’objettivi ta’ proġett individwali konformi mal-prijoritajiet tal-qafas strateġiku.

L-ISTRATEĠIJI INIZJALI MA KINUX IBBAŻATI FUQ ĦTIĠIJIET IDENTIFIKATI

19. Fil-perjodu 2000–06 l-mudelli ta’ komunikazzjoni evolvew minn dawk ibbażati fuq it-telefown u l-karti għal użu estensiv tal-Internet u broadband. Numru ta’ pajjiżi bdew jadattaw l-amministrazzjonijiet tagħhom kif xieraq.

20. Fl-Unjoni Ewropea, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni eEurope taw prijorità għal inizjattivi relatati mal-gvern elettroniku, li rabtu kompetittività reġjonali ma’ amministrazzjoni pubblika effettiva. Matul il-perjodu kollu, l-Istati Membri taw impenn permezz ta’ dikjarazzjonijiet ministerjali li jipproponu azzjonijiet relevanti fuq livell nazzjonali li jwasslu għat-tħejjija ta’ strateġiji nazzjonali skont l-inizjattiva eEurope.

21. Fil-bidu tal-perjodu tal-programm, l-istrateġiji għal gvern elettroniku fl-Istati Membri li nżaru kienu tħejjew f’termini ta’ dikjarazzjonijiet wiesgħa, aktar milli bbażati fuq ħtiġijiet reali identifikati.

22. Il-Qorti eżaminat id-dokumenti relevanti ta’ strateġija għall-Istati Membri li nżaru u sabet id-dgħufijiet li ġejjin:

(a) Il-ħtiġijiet ta’ ċittadini, negozji u amministrazzjoni ma kinux determinati minn qabel u l-objettivi strateġiċi kienu wisq ġenerali u neqsin minn miri speċifiċi. Kien hemm analiżi insuffiċjenti ta’ dak li kien verament meħtieġ. Pereżempju, f’ċertu pajjiżi, id-dispożizzjonijiet legali neċessarji biex ikunu jistgħu jsiru transazzjonijiet elettroniċi ma kinux fis-seħħ.

(b) Responsabbiltajiet għall-ksib ta’ objettivi ma kinux ġew attribwiti b’mod ċar lill-korpi pubbliċi responsabbli (ara l-Kaxxa 3) jew dawn il-korpi ma kellhomx awtorità suffiċjenti għal implimentazzjoni effettiva. Sistemi ta’ monitoraġġ ma kinux stabbiliti u b’hekk ġew imwaqqfa azzjonijiet korrettivi f’waqthom u l-akkumulazzjoni ta’ esperjenza għal titjib fil-futur.

IL-KAXXA 3

EŻEMPJU TA’ ASSENJAZZJONI MHUX ĊARA TA’ RESPONSABBILTAJIET

L-Istrateġija "e-Poland għas-snin 2004–06"

Id-dgħufija ewlenija tal-istrateġija kienet nuqqas fil-każijiet kollha li tiddefinixxi b’mod ċar oqsma ta’ responsabbiltà. Kien hemm 83 kompitu speċifiku allokat għal ministeri u aġenziji varji u 30 minn dawn kellhom iktar minn entità waħda responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu. Madankollu f’dawn il-każijiet, ma kienet ingħatat l-ebda indikazzjoni ta’ min kien responsabbli għall-koordinazzjoni. Koordinazzjoni u kooperazzjoni insuffiċjenti fost ministeri kienet enfasizzata fil-valutazzjoni finali ta’ strateġija bħala wieħed mill-fatturi li fixklu l-ksib ta’ objettivi.

23. Tqabbil ta’ strateġiji bikrija ma’ dawk imħejjija fit-tmiem tal-perjodu verifikat jindika b’mod ċar xi titjib fil-kwalità. Barra minn hekk, xi pajjiżi taw prijorità lill-gvern elettroniku, billi rrikonoxxewh bħala mezz li jimmodernizza l-amministrazzjoni pubblika. Madankollu fuq livell ta’ Stat Membru kien hemm ftit appoġġ metodoloġiku offrut lill-awtoritajiet responsabbli għall-kunsinna tal-proġett, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tekniki ta’ ġestjoni tal-proġett u linji gwida tekniċi. Ara l-Kaxxa 4 bħala eżempju ta’ appoġġ metodoloġiku li verament ingħata.

IL-KAXXA 4

EŻEMPJU TA’ APPOĠĠ METODOLOĠIKU

Iċ-Ċentru Nazzjonali Taljan għas-Sistemi ta’ Informazzjoni fis-Settur Pubbliku (CNIPA) ġie stabbilit f’Ġunju 2003 bħala aġenzija pubblika taħt il-patroċinju tal-Ministeru Taljan ta’ Amministrazzjonijiet Pubbliċi u Innovazzjonijiet.

Is-CNIPA sar responsabbli għat-tħaddim tal-pjanijiet tal-gvern elettroniku mfassla mill-ministeru u ngħata r-responsabbiltà speċifika tal-:

(a) ħruġ ta’ regoli, standards u linji gwida tekniċi għall-introduzzjoni ta’ ICT fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika;

(b) valutazzjoni u l-monitoraġġ żviluppati minn amministrazzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali;

(c) abbozzar ta’ opinjonijiet għall-amministrazzjoni pubblika dwar il-koerenza strateġika ta’ proġetti.

L-GĦAŻLA TA’ PROĠETTI RARAMENT IVVALUTAT JEKK IL-PROĠETTI MAGĦŻULA X’AKTARX KIENU SE JOFFRU L-AĦJAR VALUR GĦAL FLUS

24. Il-proċeduri għall-għażla ta’ proġetti kienu organizzati u ġestiti minn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni FEŻR u normalment segwew wieħed mill-mudelli ta’ hawn taħt:

(a) Il-Mudell A — Proġetti kienu magħżula minn qabel, mogħtija isem u l-ambitu tagħhom indikat fid-dokumenti ta’ pprogrammar FEŻR (eż. Il-Komplement ta’ Programm).

(b) Il-Mudell B — Wara sejħa għal proposti, proġetti kienu magħżula fuq bażi kompetittiva, b’għotjiet offruti lil proġetti li jissodisfaw bl-aħjar mod l-objettivi ta’ kejl. Ammonti speċifiċi ta’ flus saru disponibbli għal miżuri bħal dawn, bħall-iżvilupp ta’ amministrazzjoni pubblika elettronika.

25. Il-Qorti analizzat 28 proġett magħżula fuq il-bażi taż-żewġ proċeduri (11 A, 17 B):

(a) L-approċċ ċentralizzat (il-Mudell A), b’għotjiet FEŻR mogħtija minn qabel għal proġetti mogħtija isem. Ingħatat ftit attenzjoni għal kwalunkwe analiżi ta’ spejjeż jew benefiċċji u ta’ spiss ma’ kien hemm l-ebda proċedura formali għal applikazzjoni ta’ għotja.

(b) L-approċċ l-ieħor (il-Mudell B), imfassal biex jagħżel l-aħjar proġetti. Dan indirizza kwistjonijiet ta’ prijorità definiti fid-dokumenti ta’ ipprogrammar, fuq il-bażi ta’ tqabbil tal-kontenut tal-proġett imwettaq minn esperti indipendenti. "L-Analiżi tar-Relazzjoni bejn l-Ispiża u l-Benefiċċju" kienet parti obbligatorja tal-proċedura ta’ applikazzjoni fil-Polonja. Il-korpi responsabbli għall-għażla ma stabbilixxewx skeda ta’ żmien għall-proċedura inġenerali minbarra d-data tal-għeluq għal applikazzjonijiet. Meta kien hemm ħafna applikanti, kien hemm dewmien twil fil-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet, u fil-Polonja, id-data tal-bidu oriġinali ta’ erbgħa mill-proġetti li nżaru kellhom jiġu posposti minħabba l-proċedura itwal ta’ għażla.

26. Awtoritajiet xi drabi kellhom it-tendenza li jagħżlu proġetti ambizzjużi f’termini ta’ għanijiet, ambitu u stimi tan-numru ta’ utenti potenzjali, waqt li ma vvalutawx b’mod suffiċjenti l-abilità ta’ promoturi fil-ġestjoni ta’ proġetti kumplessi ta’ IT jew biex jistabbilixxu jekk kellhomx persunal kwalifikati suffiċjenti u xieraq. F’proġett fil-Polonja, l-ewwel maniġer tal-proġett inħatar fl-2006, 17-il xahar wara li ngħata l-finanzjament. Matul l-2007, ħames maniġers differenti tal-proġett kienu responsabbli għall-kompitu, waqt li l-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ tmexxija għas-sorveljanza tal-proġett kienet emendata erba’ darbiet. Dan in-nuqqas ta’ stabilità kien imsemmi f’rapport tal-verifika interna bħala l-kawża ta’ responsabbiltà parzjali għal dewmien fil-proġett. F’rapport ta’ valutazzjoni finali dwar proġett Taljan, dewmien fl-implimentazzjoni ġie attribwit għal bidliet fit-tim tal-ġestjoni tal-proġett u nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn korpi lokali li kienu qed jieħdu sehem fil-proġett.

27. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira ta’ proġetti li naqqsu li jilħqu l-objettivi oriġinali tagħhom kienu kumplessi ħafna rigward in-numru ta’ partijiet interessati involuti u s-sofistikazzjoni ta’ servizzi offruti. Din is-sitwazzjoni, flimkien mal-ħtieġa li proġetti jintemmu qabel l-għeluq tal-programm, ikkawżat tnaqqis sinifikanti tal-ambitu f’xi każijiet (ara l-paragrafu 39).

IL-PROĠETTI KIENU MFASSLA TAJJEB U MWASSLA KIF IPPJANAT?

28. Proġett ta’ gvern elettroniku, bħal kull proġett tal-IT, għandu jkun ippjanat fid-dettall biex tkun żgurata realizzazzjoni mingħajr problemi. Il-pjan għandu jinkludi objettivi ċari b’deskrizzjoni dettaljata tal-azzjonijiet neċessarji għat-tlestija tal-proġett, u stima tal-limitazzjonijiet ta’ żmien u riżorsi.

29. L-għan tal-Qorti kien li jivvaluta jekk proġetti twettqux kif inizjalment ippjanat u li jidentifika r-raġunijiet għal devjazzjonijiet ewlenin. Għal kull proġett ivverifikat l-elementi fundamentali tal-proġett kienu eżaminati:

(a) Ippjanar u tfassil — ingħatat attenzjoni speċjali għall-istabbiliment adegwat ta’ objettivi u miri ta’ proġetti fil-forma ta’ indikaturi SMART u l-użu tal-aħjar prattika, bħall-użu ta’ metodoloġija rikonoxxuta għall-ġestjoni ta’ proġett (PMM).

(b) Konformità mal-prinċipji tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabiltá (EIF) — ġiet eżaminata l-inkorporazzjoni fit-tfassil tal-proġett ta’ prinċipji EIF.

(c) Implimentazzjoni — il-proċess ġie eżaminat f’termini tal-ġestjoni ta’ żmien, baġit u l-ambitu tal-proġett.

(d) Disponibilità għal użu — l-eżistenza ta’ assi tal-proġett (eż. softwer ta’ IT, servers, pjattaformi) kif ukoll servizzi ppjanati, ġew iċċekkjati waqt spezzjonijiet fuq il-post.

L-OBJETTIVI TAL-PROĠETTI KIENU WISQ ĠENERALI U T-TFASSIL TAL-PROĠETTI MA INDIRIZZAX B’MOD ADEGWAT KWISTJONIJIET MHUX TEKNIĊI

30. L-istabbiliment ta’ objettivi dettaljati tal-proġett kien prerekwiżit neċessarju għal korpi pubbliċi li japplikaw għal għotja FEŻR. Madankollu proġetti kienu normalment definiti f’termini ġenerali b’relazzjoni ma’ strateġiji nazzjonali jew reġjonali u objettivi li kien hemm fid-dokumenti ta’ pprogrammar FEŻR. Il-valur miżjud ta’ proġett kien rarament determinat għax minbarra l-proġetti fil-Polonja, ma tħejjewx analiżijiet tal-benefiċċji tal-ispejjeż.

31. Il-kwalità tad-dokumentazzjoni tal-proġett ivvarjat b’mod sinifikanti minn proġett għal proġett u f’każijiet estremi l-ebda dokumentazzjoni ma kienet disponibbli għal eżaminazzjoni. L-awtoritajiet responsabbli ma kinux stabbilixxew standards minimi f’termini ta’ dokumentazzjoni fost affarijiet oħrajn.

32. Għall-biċċa l-kbira tal-proġetti li nżaru, l-objettivi stabbiliti kienu wisq ġenerali u mhux kwantifikati. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ objettivi vagi bħal "għat-titjib tal-kwalità tas-servizz". Barra dan, fejn ġew stabbiliti miri, kienu jirreferu l-aktar għal prodotti (eż. in-numru ta’ servers li nxtraw), milli jiffokaw fuq il-benefiċċji għall-entità jew l-utent finali (eż. it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-operat tad-dipartiment minn b’x %). Skont il-promoturi tal-proġett mistħarrġa (il-Figura 2), indikaturi tal-impatt kienu definiti biss għal 42 % tal-proġetti.

IL-FIGURA 2

LIEMA TIP TA’ OBJETTIVI TA’ PROĠETT ĠEW STABBILITI?

+++++ TIFF +++++

L-objettivi tal-prodott u tar-riżultat ġew stabbiliti b’mod ċar fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, imma objettivi f’termini ta’ impatt ġew stabbiliti inqas ta’ spiss.

Sors: L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

33. L-ippjanar tal-proġetti kien iffokat l-iktar fuq aspetti tekniċi, fejn f’ħafna każijiet ġew ittraskurati kwistjonijiet importanti bħat-tfassil mill-ġdid ta’ proċessi amministrattivi biex jibbenefikaw iktar mit-teknoloġiji ġodda u b’hekk inaqqsu l-impatt potenzjali ta’ proġetti.

34. In-nuqqas li tiġi kkunsidrata koordinazzjoni bejn dipartimenti jew kwistjonijiet organizzattivi bħall-konfigurazzjoni mill-ġdid ta’ proċessi u flussi ta’ xogħol għal proġetti differenti rriżulta fid-duplikazzjoni ta’ proċeduri, dewmien fi proġetti, problemi fi skambju ta’ data u f’xi każijiet proġetti li ma ġewx żviluppati kif mistenni, mhux użati biżżejjed jew anke abbandunati (ara l-Kaxex 5, 7 u 9).

PROĠETTI L-AKTAR SKONT PRINĊIPJI EIF

35. Il-Qafas Ewropew tal-Interoperabilità (EIF) ġie ppubblikat f’Novembru 2004 u jiddefinixxi sett ta’ linji gwida għal servizzi ta’ gvern elettroniku sabiex amministrazzjonijiet pubbliċi, intrapriżi u ċittadini jistgħu jinteraġixxu madwar il-fruntieri f’kuntest panEwropew. Il-15-il proġett li nżaru li bdew fl-2005 jew aktar tard, kienu eżaminati sabiex jaraw sa liema punt ġew ikkunsidrati dawn il-linji gwida.

IL-KAXXA 5

EŻEMPJU TA’ KOORDINAZZJONI INADEGWATA U L-IMPATT TAGĦHA

Pjattaforma Broadband Integrata għal Sqallija, l-Italja

Wieħed mill-objettivi ta’ dan il-proġett kien l-iżvilupp ta’ web portal għal turisti b’karatteristiċi interattivi speċifiċi bħal ibbukkjar u ħlas ta’ vjaġġi b’kollox inkluż fuq l-Internet.

In-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn direttorati differenti fi ħdan l-amministrazzjoni reġjonali kkawża dewmien sinifikanti u tnaqqis fl-ambitu b’xi karatteristiċi ppjanati li ma ġewx żviluppati.

36. Il-Qorti vvalutat dawn il-proġetti għal konformità mal-prinċipji ta’:

(a) Aċċessibilità — l-aċċess kien l-aktar permezz tal-Internet u fi ftit każijiet ġew użati mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni, bħal telefowns ċellulari. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti użaw linji gwida rrakkomandati [17] għat-tfassil ta’ paġni web u interfaces.

(b) Multilingwiżmu — is-servizzi tal-uffiċċju ta’ lqugħ kienu l-aktar limitati għal-lingwa(i) nazzjonali u 17 % minnhom biss ipprovdew informazzjoni f’iktar minn lingwa waħda.

(c) Sigurtà u Privatezza — il-Qorti sabet li kunsiderazzjoni xierqa kienet ingħatat għall-problemi ta’ sigurtà u privatezza ta’ data u li kien hemm livell xieraq ta’ sigurtà u konformità mal-leġiżlazzjoni relevanti.

(d) Użu ta’ standards miftuħa u softwer miftuħ — l-użu ta’ standards miftuħa huwa komuni u ħafna proġetti setgħu jipproduċu u jiskambjaw data f’bosta formats miftuħa differenti. Softwer miftuħ ta’ spiss jiġi użat minħabba li jippermetti lil kuntratturi tal-IT biex joffru prezz aktar kompetittiv. Is-sistemi eżaminati kienu żviluppati bl-użu ta’ taħlita ta’ soluzzjonijiet kummerċjali u ta’ sors miftuħ.

IL-BIĊĊA L-KBIRA MILL-PROĠETTI MHUMIEX SKONT L-IPPJANAR

37. Il-Qorti eżaminat id-dokumentazzjoni tal-proġetti tat-28 proġett kollha li nżaru, b’valutazzjoni tal-progress tal-proġetti meta mqabbla mal-ippjanar, il-proċeduri ta’ implimentazzjoni u l-kwalità tal-ġestjoni tal-proġett.

38. Il-biċċa l-kbira ta’ proġetti verifikati wasslu l-prodotti tagħhom kif ippjanat, madankollu 82 % (23) ma kinux implimentati skont l-ippjanar definit fl-applikazzjoni ta’ għotja (il-Figura 3). Ir-raġunijiet ewlenin għal devjzazzjonijiet kienu li ġej:

(a) Ippjanar u tfassil — Bħala konsegwenza ta’ ppjanar inadegwat u ineżatt, kwistjonijiet bħall-kjarifikazzjoni ta’ objettivi u responsabbiltajiet jew ir-reklutaġġ ta’ persunal supplementari, kellhom jiġu ttrattati matul l-implimentazzjoni.

(b) Proċedurali — ċertu proċeduri ħadu iktar ħin milli mbassar fl-ippjanar oriġinali, bil-kwistjonijiet l-aktar komuni relatati ma’ akkwist jew koordinazzjoni. Kien hemm ukoll dewmien amministrattiv ġenerali marbut ma’ proċeduri burokratiċi, l-awtorizzazzjoni insuffiċjenti ta’ timijiet tal-proġett jew kwistjonijiet legali.

IL-FIGURA 3

IL-PROĠETT TWASSAL FIL-ĦIN?

+++++ TIFF +++++

35 % tal-proġetti biss tlestew fil-ħin, u 17 % kienu ttardjati b’iktar minn sena.

Sors: L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

(c) Riżorsi umani — min-numru żgħir ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi li ddeċidew li jiżviluppaw sistemi huma nfushom, tnejn kienu neqsin minn persunal b’esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġetti tal-IT li rriżulta f’dewmien fil-proġett u f’dawran iktar ta’ persunal ewlieni.

(d) Esoġenu — fatturi li għandhom impatt fuq dati tal-għeluq li ma kinux kontrollabbli minn benefiċjarji tal-proġett (eż. l-imġiba ta’ kuntratturi u l-abilità tagħhom fit-twassil ta’ prodotti, bidliet fil-qafas legali nazzjonali).

39. Il-biċċa l-kbira tad-dewmien kien ta’ inqas minn sena u m’affettwax ir-riżultati tanġibbli tal-proġett u lanqas ma żied b’mod evidenti l-ispejjeż globali, peress li l-biċċa l-kbira mill-kuntratti kellhom klawsola ta’ prezz fiss biex tħares kontra żidiet fl-ispejjeż. Madankollu, dewmien ta’ iktar minn sena flimkien mal-bżonn li l-proġetti jitlestew qabel l-għeluq tal-programm kellhom impatt avvers fuq tliet proġetti, li wassal għal tnaqqis fl-iskop (ara l-Kaxxa 6).

40. Mit-28 proġett li nżaru, 10 (36 %) użaw metodoloġija għal ġestjoni ta’ proġett. Riżultati mill-istħarriġ urew li 23 % biss tal-proġetti kienu ġew implimentati bl-użu ta’ prinċipji PMM. Il-Qorti sabet li 50 % tal-proġetti li nżaru li kienu użaw PMM rikonoxxut kienu tlestew fil-ħin u 90 % fi ħdan il-baġit. Fit-18-il proġett fejn PMM ma ntużax, 22 % biss kienu fil-ħin u 56 % baqaw fi ħdan il-baġit.

IL-KAXXA 6

EŻEMPJU TA’ TNAQQIS TAL-AMBITU LI RRIŻULTA MINN DEWMIEN

Uffiċċju Elettroniku — Proċeduri bl-Internet fil-Gżejjer Kanarji, Spanja

Ir-regoli għall-perjodu tal-programm 2000–06 kienu jeħtieġu li l-proġetti kollha FEŻR kofinanzjati kellhom jitlestew sa qabel l-2008. Minħabba ppjanar ħażin, il-proġett esperjenza dewmien ta’ ħames snin, u dan ikkostitwixxa riskju li l-għotja FEŻR teħtieġ li tingħata lura. Biex ikun evitat it-telf ta’ ko-finanzjar tal-UE, l-ambitu oriġinali tal-proġett kellu jiġi modifikat b’mod sinifikanti. Għalkemm qabel kellhom il-ħsieb li jiġu inklużi ‘l fuq minn 50 proċedura għall-ipproċessar elettroniku, il-maniġers tal-proġett iddeċidew li jiffokaw fuq it-tnejn ewlenin, li kienu jirrappreżentaw 75 % tan-numru totali ta’ fajls proċessati.

41. F’każ wieħed bħal dan, fokus insuffiċjenti fuq kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni fisser li s-sistema tal-IT li kienet ġiet żviluppata ma setgħetx tintuża. Il-kuntratti neċessarji għall-ksib ta’ data biex tiddaħħal fis-sistema ma kinux ġew iffirmati fil-ħin u b’hekk sistema teknika operattiva kienet superfluwa.

42. Fattur ieħor li kellu impatt fuq l-użu ta’ sistemi li rriżulta minn proġetti ta’ gvern elettroniku kien l-impenn tal-maniġment għal sfruttar ta’ soluzzjonijiet u servizzi ġodda. Dawn is-servizzi ta’ spiss offrew funzjonijiet ġodda lil hinn minn dawk tradizzjonalment ipprovduti minn amministrazzjonijiet pubbliċi, bħat-tfigħ tal-offerti permezz tal-Internet jew profili personalizzati ta’ utenti għal membri tal-pubbliku. Karatteristiċi bħal dawn jikkostitwixxu l-valur miżjud ewlieni ta’ sistemi elettroniċi ġodda u jippermettu l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Madankollu f’ċertu każijiet il-benefiċċji li kien hemm minn teknoloġija ġdida baqgħu mhux realizzati (ara l-Kaxxa 7).

IL-KAXXA 7

EŻEMPJI TA’ FUNZJONIJIET MHUX UŻATI TA’ SISTEMI TAL-IT

Portal tal-Internet tal-Uffiċċju Marittimu f’Gdynia, il-Polonja

Is-sistema kompjuterizzata kienet imfassla biex tipprovdi aċċess fuq l-Internet għal servizzi għal klijenti tal-Uffiċċju Marittimu. Is-sistema offriet modulu ta’ akkwist li għamlet possibbli t-tfigħ tal-offerti bl-Internet. Studju ta’ vijabilità stima l-benefiċċji pożittivi mill-użu ta’ tfigħ tal-offerti bl-Internet u ġie stabbilit objettiv li jiġu organizzati 30 irkant fuq l-Internet kull sena imma minkejja l-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema saż-żjara ta’ verifika, ma kien għadu seħħ l-ebda irkant fuq l-Internet.

IL-PROĠETTI HUMA UTLI U B’SAĦĦITHOM?

43. Manutenzjoni ta’ prodott tal-IT tirreferi għall-proċessi meħtieġa għas-sostenn tiegħu matul iċ-ċiklu operattiv tal-ħajja tiegħu inkluż taħriġ għal persunal ewlieni u azzjonijiet neċessarji biex jiġi pprovdut appoġġ għal utenti, bħall-provvista ta’ punt għal għajnuna.

44. Għal din il-parti tal-verifika tagħha, il-Qorti ffokat fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) L-utilità — L-istadju finali tal-proġett kien eżaminat, b’fokus fuq kemm kienu utli l-prodotti tal-proġett, b’valutazzjoni tal-adozzjoni attwali ta’ servizzi ġodda u benefiċċji ekonomiċi relatati pprovduti mill-proġett.

(b) Il-manutenzjoni — valutazzjoni ta’ manutenzjoni xierqa ta’ proġett fil-futur qarib mingħajr intervent tal-UE u valutazzjoni tas-sostenibbiltà finanzjarja u operattiva ta’ proġetti, billi tiġi kkunsidrata l-manutenzjoni.

VANTAĠĠI MISTENNIJA LI PARZJALMENT INKISBU

45. Kważi l-proġetti vverifikati [18] kollha tħaddmu ftit wara t-tlestija tagħhom, bit-tibdil u d-diġitizzazzjoni ta’ ħafna proċeduri interni eżistenti. Minkejja l-fatt li nkisbu prodotti, proġetti kellhom inqas suċċess fl-għoti ta’ riżultati mtejba jew impatti pożittivi (il-Figura 4).

IL-FIGURA 4

INKISBU L-OBJETTIVI KOLLHA TAL-PROĠETTI PPREŻENTATI FL-APPLIKAZZJONI?

+++++ TIFF +++++

B’mod ġenerali l-objettivi marbuta mal-prodotti ntlaħħqu, imma kien hemm inqas suċċess b’rigward riżultati u speċjalment bl-objettivi tal-impatt.

Sors: L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

46. Huwa ċar li hemm interess fi ħdan amministrazzjonijiet pubbliċi għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ gvern elettroniku imma l-adozzjoni tiegħu mill-parti ta’ negozji jew mill-pubbliku ġenerali baqa’ inqas mill-estimi li hemm fl-applikazzjonijiet tal-proġetti. Il-Qorti tikkunsidra li hemm numru ta’ raġunijiet imsemmija mill-promoturi tal-proġetti meta ġew intervistati li jistgħu jispjegaw dan:

(a) Identifikazzjoni elettronika — Il-biċċa l-kbira mis-servizzi mwettqa minn amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġu identifikazzjoni. Għal servizzi diġitali, identifikazzjoni elettronika hi normalment meħtieġa imma l-livell ta’ użu tagħha tvarja minn pajjiż għal pajjiż. F’ċerti Stati Membri bħal Spanja, il-firma elettronika hija mqiegħda b’mod sod fil-karta tal-identifikazzjoni nazzjonali, b’hekk aċċess għal apparat tal-qari ta’ karti tal-identifikazzjoni jista’ jkun ta’ xkiel għall-użu. Filwaqt li fil-Polonja, pereżempju, il-firma elettronika hija mibjugħa bħala ċertifikat separat u b’hekk l-ispiża tista’ tillimita l-aċċess għal servizzi diġitali.

(b) Qafas legali — Tranżazzjonijiet ibbażati fuq karta huma mqiegħda b’mod sod fil-kultura tagħna ta’ amministrazzjoni. Għad hemm regolamenti eżekuttivi li jeħtieġu l-preżentazzjoni ta’ dokumenti oriġinali stampati, li jagħmlu l-immaniġġjar elettroniku sħiħ ta’ applikazzjonijiet impossibbli u jnaqqsu l-benefiċċji potenzjali minn komunikazzjoni elettronika.

(c) Aċċess — Għalkemm mhux problema f’xi pajjiżi u f’żoni urbani, nuqqas ta’ aċċess għal kompjuters u netwerks tal-broadband xorta għandu impatt fuq l-adozzjoni tas-servizz. Kompetenza fl-użu tal-kompjuter tista’ tkun problema wkoll li taffettwa d-domanda għal servizzi elettroniċi.

47. Skont il-promoturi tal-proġetti intervistati, il-benefiċċji huma partikolarment evidenti f’organizzazzjonijiet fejn sistemi tal-IT ħadu post parti sinifikanti tal-proċessi standard tagħhom u fejn huma użati mill-maġġoranza ta’ dipartimenti operattivi. Il-benefiċċji mistqarra huma li ġejjin (il-Figura 5):

(a) Semplifikazzjoni ta’ proċeduri — sistemi tal-IT jippermettu aċċess singolu jew punti ta’ kuntatt fejn talbiet huma awtomatikament diretti għall-persunal xieraq fi ħdan organizzazzjoni u dan jagħmel l-aċċess aktar sempliċi għall-utent finali.

(b) Monitoraġġ aħjar ta’ każijiet — sistemi ta’ back-office aktar sofistikati huma għodda ta’ monitoraġġ aktar b’saħħitha għal korpi pubbliċi. Informazzjoni aħjar dwar volumi ta’ xogħol u riżorsi disponibbli jippermettu għal ippjanar aktar preċiż u użu aħjar ta’ riżorsi umani.

(c) Ħin iffrankat — aċċess għal fajls ċentralizzati u dokumenti diġitali jippermetti ħinijiet ta’ rispons aktar malajr u jelimina d-dewmien ta’ żmien marbut maċ-ċirkolazzjoni ta’ dokument. Jiffaċilita wkoll l-aċċess kemm għal fajls kurrenti kif ukoll għal dawk arkivjati (ara l-Kaxxa 8).

(d) Kanali ġodda ta’ komunikazzjoni — L-Internet u l-posta elettronika pprovdew kanali ġodda ta’ komunikazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni u ppermetta lill-pubbliku l-aċċess għal servizzi b’mod aktar konvenjenti u faċli għall-utent.

IL-KAXXA 8

EŻEMPJU TA’ TITJIB FL-EFFIĊJENZA

Sistema ta’ Informazzjoni Dwar l-Artijiet għall-Belt ta’ Łódź — Il-Fażi V, il-Polonja

Dan il-proġett ikkonsista fil-bini ta’ portal modern u sistema ta’ databases ta’ informazzjoni ġeografika, għall-provvista ta’ informazzjoni ta’ artijiet u proprjetà fuq l-Internet dwar il-belt ta’ Łódź.

Skont il-kalkoli li saru mill-maniġment, il-proġett irriżulta f’żieda konsiderevoli fl-effiċjenza (20 % sa 52 %, fuq dipartimenti varji), bi stima li għandu valur ta’ madwar 4,5 miljun PLN fl-2009 (ca. EUR 1,1 miljun). Dan kien iktar mit-3,2 miljun PLN (ca. EUR 0,8 stmat fl-Istudju ta’ Vijabilità għall-2009.

48. Madankollu l-Qorti kkunsidrat li inġenerali ngħatat attenzjoni insuffiċjenti għall-benefiċċji possibbli tal-proġetti u l-vantaġġi offruti minn teknoloġija avvanzata ma ġewx sfruttati b’mod sħiħ. F’proġett wieħed Taljan, is-softwer żviluppat kien użat għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni interna biss għalkemm l-objettiv ippjanat tal-proġett kien li jestendi s-servizz elettroniku lill-utent finali. Barra dan, ċertu proġetti li nżaru fi Franza u fil-Polonja żammew proċessi bbażati fuq karta jitħaddmu b’mod paralleli ma’ sistemi ta’ flussi ta’ xogħol tal-IT mingħajr l-ebda data ta’ tmiem definita, li wasslu għad-duplikazzjonji u naqqsu l-benefiċċji potenzjali tal-iżvilupp tal-IT.

IL-FIGURA 5

X’KIENU L-BENEFIĊĊJI MILL-PROĠETT U GĦAL MIN?

+++++ TIFF +++++

Fl-opinjoni tal-maniġers tal-proġetti, il-proġetti taw firxa wiesgħa ta’ benefiċċji għal utenti.

Sors: L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

49. Globalment fin-nuqqas ta’ monitoraġġ tal-proġetti jew kejl tal-benefiċċji attwali, mhux possibbli li jiġi determinat sa liema punt servizzi ġodda żiedu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika. Kien hemm proġett wieħed biss fil-kampjun li seta’ jikkwantifika l-benefiċċji tanġibbli li jirriżultaw mill-għajnuna mogħtija. Mingħajr kejl bħal dan, għarfien siewi tar-rispons mhux qed jinbena u l-esperjenza miksuba minn dawn il-proġetti, li tista’ twassal għal ippjanar aħjar ta’ proġetti fil-futur, qiegħda tintilef.

FIL-BIĊĊA L-KBIRA MILL-KAŻIJIET IL-MANUTENZJONI KIENET ASSIGURATA

50. Maġġoranza sinifikanti tal-proġetti żguraw manutenzjoni teknika u organizzattiva xierqa (eż. punt ta’ għajnuna) għas-sistemi żviluppati. Normalment manutenzjoni u tiġdid twettqu minn kuntratturi matul il-perjodu ta’ garanzija li dam minn sena sa tliet snin. Wara dan il-perjodu, is-sistemi tal-IT kienu sorveljati minn Dipartimenti interni tal-IT jew il-manutenzjoni ġiet ikkuntrattata ‘l barra, skont id-disponibilità tal-persunal intern tal-IT. Ir-riżultat tal-istħarriġ jipprovdi stampa simili għal dik mill-proġetti li nżaru (il-Figura 6).

IL-FIGURA 6

HEMM KUNTRATT TA’ MANUTENZJONI FIS-SEĦĦ GĦALL-PRODOTT TIEGĦEK TAL-IT?

+++++ TIFF +++++

Il-manutenzjoni għal 86 % tal-proġetti ġiet assigurata minn Dipartimenti interni tal-IT jew esperti minn barra.

Sors: L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

51. Fejn ippjanar taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-proġett kien inkluż f’"Analiżi tar-Relazzjoni bejn l-Ispiża u l-Benefiċċju", spejjeż ta’ manutenzjoni kienu bbaġitjati. F’dawk il-każijiet kien hemm riskju żgħir għall-kontinwità tal-proġett minħabba li l-benefiċjarji kienu antiċipaw ir-riżorsi meħtieġa. Madankollu f’tliet każijiet, sottovalutazzjoni tal-ispejjeż tal-manutenzjoni kienet ta’ riskju għal proġetti li kienu se jibdew jew ikomplu jitħaddmu. Nuqqas li jiġu kkunsidrati spejjeż ta’ manutenzjoni fisser li benefiċjarji ma setgħux jiffinanzjaw spejjeż operattivi b’mod sħiħ jew parzjalment u f’każ wieħed, ikkawża l-għeluq tal-proġett wara l-perjodu ta’ garanzija (ara l-Kaxxa 9).

IL-KAXXA 9

L-IMPATT TA’ SPEJJEŻ TA’ MANUTENZJONI FUQ IS-SOSTENIBBILTÀ TAL-PROĠETT

Gvern elettroniku: Ċentru għal servizzi lil ċittadini u negozji u servizzi ta’ infrastruttura fi Sqallija, l-Italja

L-għan tal-proġett kien it-twaqqif ta’ infrastruttura teknoloġika, maqsuma bejn 57 korp li qed jieħdu sehem, u l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ applikazzjonijiet IT għal ġestjoni konġunta ta’ għadd kbir ta’ servizzi ta’ gvern elettroniku.

Is-sistema ġiet żviluppata u saret operattiva f ’April 2007. Minħabba li l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u l-allokazzjoni tagħhom bejn il-korpi li qed jieħdu sehem ma kinux maħsuba minn qabel fl-istadju tal-ippjanar, f ’Mejju 2008, l-applikazzjoni ngħalqet.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

52. Il-Qorti kkonkludiet li l-proġetti ta’ gvern elettroniku appoġġjati mill-FEŻR kkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ servizzi elettroniċi pubbliċi fl-erba’ Stati Membri magħżula. Madankollu, minkejja l-fatt li l-biċċa kbira tal-proġetti huma teknikament operattivi, fokus insuffiċjenti fuq ir-riżultati tal-proġetti fisser li l-benefiċċji miksuba kienu ħafna inqas milli mistenni.

53. Ir-rakkomandazzjonijiet hawn taħt għandhom relevanza għall-Kummissjoni Ewropea peress li din hija responsabbli għat-twettiq tal-baġit u għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ gestjoni finanzjarja soda u l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ gvern elettroniku għall-bqija tal-Perjodu tal-Programm 2007–13 u għat-tfassil ta’ gvern elettroniku jew skemi simili fil-futur.

54. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti relatati ma’ kull waħda mill-mistoqsijiet sekondarji tal-verifika huma kif ġej:

IL-PROĠETTI KOFINANZJATI ĠEW MAGĦŻULA SKONT ĦTIĠIJIET IVVALUTATI?

55. Minkejja l-fatt li l-ipprogrammar tal-gvern elettroniku fuq livell nazzjonali tjieb gradwalment matul il-perjodu tal-programm 2000–06, dgħufijiet fl-istadji bikrija fisser li l-proġetti kofinanzjati mhux dejjem iffokaw fuq li jiġu indirizzati ħtiġijiet ta’ prijorità għall-iżvilupp tal-gvern elettroniku.

56. Dan l-aktar minħabba li ġej:

(a) Strateġiji bikrija tal-gvern elettroniku kienu mħejjija l-aktar bħala tweġiba għal dikjarazzjonijiet politiċi minflok valutazzjoni rigoruża ta’ ħtiġijiet. Bħala riżultat, strateġiji u l-objettivi tagħhom ma setgħux jindirizzaw il-kwistjonijiet l-aktar importanti u urġenti li setgħu jiftħu u jagħtu spinta għall-iżvilupp tal-gvern elettroniku (ara l-paragrafu 20).

(b) Meta proġetti ntgħażlu ċentralment minn qabel, saret ftit jew l-ebda evalwazzjoni tal-ispejjeż jew tal-benefiċċji jew tal-impatti potenzjali u r-riżultati tagħhom (ara l-paragrafu 25).

(c) F’każijiet fejn ingħatat konsiderazzjoni insuffiċjenti għall-kapaċità ta’ timijiet tal-proġetti, f’termini ta’ ħiliet u riżorsi, għall-kunsinna ta’ sistemi ta’ gvern elettroniku kif ippjanat, din ta’ spiss irriżultat fi tnaqqis tal-ambitu (ara l-paragrafu 26).

IR-RAKKOMANDAZZJONI 1

(a) Stati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji għall-gvern elettroniku, li huma bbażati fuq ħtiġijiet identifikati, ikollhom objettivi ċari u jassenjaw responsabbiltajiet lill-korpi responsabbli għall-ksib ta’ dawn l-objettivi.

(b) Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għandhom jagħżlu proġetti ta’ gvern elettroniku għal appoġġ FEŻR fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ta’ spejjeż u benefiċċji probabbli ta’ proġetti.

IL-PROĠETTI KIENU MFASSLA SEW U MWASSLA KIF IPPJANAT?

57. Il-proġetti vverifikati kisbu riżultati fl-oqsma ta’ żieda fid-disponibilità ta’ servizzi elettroniċi pubbliċi u fl-iżvilupp ta’ mezzi tekniċi fi ħdan awtoritajiet pubbliċi.

58. Prodotti tal-proġetti, għalkemm ġeneralment imwassla, ta’ spiss twasslu tard jew bi tnaqqis fl-ambitu minħabba tfassil fqir jew nuqqas ta’ metodoloġija ta’ implimentazzjoni. Il-problemi sistematiċi ewlenin identifikati kienu kif ġej:

(a) Il-biċċa l-kbira tal-promoturi tal-proġetti naqqsu milli jidentifikaw u jikkwantifikaw il-benefiċċji tal-proġetti u bħala riżultat ta’ dan, objettivi ġew stabbiliti l-aktar f’termini ta’ prodotti. Bħala konsegwenza, il-benefiċċji tal-proġetti (ara l-paragrafu 32) rarament inkisbu b’mod sħiħ u l-possibbiltajiet mogħtija minn teknoloġiji ġodda ma ġewx sfruttati b’mod sħiħ. Dan naqqas il-benefiċċji potenzjali ta’ proġetti għal utenti finali (ara l-paragrafu 46). Meta kienu jiġu indirizzati, kwistjonijiet organizzattivi u amministrattivi, ħafna drabi nstabu li kienu jkunu aktar diffiċli sabiex tinstabilhom soluzzjoni (ara l-paragrafi 33 u 34).

(b) F’ħafna każijiet, in-nuqqas ta’ metodoloġija ta’ ġestjoni ta’ proġett flimkien ma’ ppjanar inadegwat kellu impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-proġett, li kkawża dewmien jew modifiki tal-ambitu. Proġetti miżjura li użaw PMM twettqu aħjar f’termini li tlestew fil-ħin u fi ħdan il-baġit (ara l-paragrafu 40).

(c) Il-biċċa l-kbira tal-prinċipji EIF kienu indirizzati tajjeb fit-tfassil ta’ proġetti, madankollu għandha tingħata konsiderazzjoni għall-provvista ta’ servizzi f’iktar minn lingwa waħda meta din tkun ta’ għajnuna lil gruppi ta’ utenti sinifikanti (ara l-paragrafu 36).

IR-RAKKOMANDAZZJONI 2

(a) Awtoritajiet ta’ Ġestjoni fi Stati Membri għandhom jiżguraw li proġetti ta’ gvern elettroniku magħżula għal iffinanzjar FEŻR jiffokaw mhux biss fuq il-prodotti tal-proġett imma wkoll fuq il-bidliet f’proċessi jew l-organizzazzjoni meħtieġa biex jibbenefikaw bis-sħiħ mis-sistemi żviluppati.

(b) Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għandhom jenfasizzaw l-applikazzjoni prattika tal-aħjar prattika u jirrakkomandaw bil-qawwi l-użu ta’ metodoloġija xierqa ta’ ġestjoni ta’ proġett għal proġetti ta’ gvern elettroniku li jirċievu ffinanzjar FEŻR.

(c) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-prinċipji tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet li jippermettu interoperabilità transEwropea, b’mod partikolari l-prinċipji EIF, jiġu kkunsidrati minn proġetti li qegħdin jibbenefikaw mill-FEŻR, sabiex iżidu l-valur miżjud Ewropew ta’ proġett u jiffaċilitaw aktar l-integrazzjoni ta’ sistemi madwar l-UE.

IL-PROĠETTI HUMA UTLI U DEWWIEMA?

59. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti vverifikati kienu teknoloġikament sodi u l-applikazzjonijiet tal-IT żviluppati pprovdew servizzi elettroniċi lil korpi pubbliċi, ċittadini u negozji. B’mod ġenerali, is-sistemi kofinanzjati mill-FEŻR kienu miżmuma b’mod xieraq u finanzjarjament sostenibbli.

60. Madankollu, ħafna proġetti ma waslux il-benefiċċji kollha mistennija lill-utenti finali u ċertament il-kwantifikazzjoni ta’ riżultati, b’kwalunkwe mod preċiż, normalment ma kinitx possibbli. Din is-sitwazzjoni kienet l-aktar minħabba li ġej:

(a) Organizzazzjonijiet rarament ikkonfiguraw mill-ġdid il-proċessi jew l-istrutturi tagħhom biex jieħdu l-aħjar vantaġġ tal-possibbiltajiet maħluqa mis-sistemi ġodda. F’xi każijiet inħoloq xogħol żejjed billi tħaddmu verżjonijiet stampati u elettroniċi tal-istess proċess b’mod parallel (ara l-paragrafu 48);

(b) Sottovalutazzjoni ta’ spejjeż ta’ manutenzjoni jew in-nuqqas li jiġu kkunsidrati poġġa diffikultà finanzjarja fuq il-proġetti u fi tliet każijiet kien ta’ riskju għat-tkomplija fit-tħaddim tagħhom (ara l-paragrafu 51).

(c) Kien hemm ftit jew l-ebda segwitu tal-proġett li jipprovdi informazzjoni ta’ ġestjoni relatata ma’ riżultati tal-proġett. In-nuqqas ta’ data bħal din tagħmilha impossibbli li ssir evalwazzjoni xierqa tal-proġett u timpedixxi l-akkumulazzjoni ta’ esperjenza li tista’ twassal għal tfassil aħjar ta’ proġetti ta’ gvern elettroniku fil-futur (ara l-paragrafu 49).

IR-RAKKOMANDAZZJONI 3

(a) Meta jagħżlu proġetti ta’ gvern elettroniku, l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għandhom jiżguraw li l-ispejjeż sinifikanti kollha, inkluża l-manutenzjoni ġew disposti b’mod suffiċjenti fl-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju, li għandha ssaħħaħ id-deċiżjoni ta’ ffinanzjar.

(b) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jimmonitorjaw u jevalwaw ir-riżultati u l-impatti tal-proġett sabiex juru l-użu effettiv ta’ ffinanzjar tal-UE u jipprovdu rispons importanti biex itejbu t-tfassil ta’ programmi fil-futur.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Morten LEVYSOHN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tat- 13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

+++++ TIFF +++++

Vítor Manuel da Silva Caldeira

President

[1] "The role of e-Government for Europe’s Future" [L-irwol tal-gvern elettroniku għall-Futur tal-Ewropa], COM (2003) 567 finali tas- 26.9.2003, p. 7.

[2] Pereżempju n-nuqqas ta’ interoperabilità bejn sistemi tal-IT jista’ jkun ta’ xkiel għall-iskambju ta’ data amministrattiva.

[3] Il-Qafas Ewropew tal-Interoperabiltà ġie approvat f’Ġunju 2002 mill-15-il Stat Membru u kien appoġġjat fid-dikjarazzjonijiet ta’ Manchester u ta’ Lisbona tal- 24 ta’ Novembru 2005 u tad- 19 ta’ Settembru 2007, rispettivament.

[4] http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/benchmarking/index_en.htm

[5] eEurope 2002: Impact and Priorities (eEurope 2002: Impatt u Prijoritajiet), COM(2001) 140 finali tat- 13.3.2011.

[6] COM(2003) 567 finali.

[7] i2010 — A European Information Society for growth and employment (Soċjetà Ewropea tal-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi), COM(2005) 229 finali tal- 1.6.2005.

[8] Rapporti ta’ Kompetittività tal-Forum Ekonomiku Dinji - http://www.weforum.org/reports-results?fq=report%5Ereport_type%3A%22Competitiveness%22, Citizen Advantage: Enhancing economic competitiveness through e-government (Vantaġġ għaċ-Ċittadin: Titjib fil-kompetittività ekonomika permezz tal-gvern elettroniku) - http://unpan1.un.org/intradoc/groups/public/documents/apcity/unpan022639.pdf.

[9] i2010 e-Government Action Plan: Accelerating e-Government in Europe for the Benefit of All (Pjan ta’ Azzjoni tal-gvern elettroniku i2010: Tħaffif tal-gvern elettroniku fl-Ewropa għall-Benefiċċju ta’ Kulħadd), COM(2006) 173 finali tal- 25.4.2006.

[10] Dikjarazzjonijiet Ministerjali approvati b’mod unanimu fi Brussell (2001), Como (2003), Manchester (2005) u Lisbona (2007).

[11] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

[12] Programmi bħal Modinis, eTEN, IDABC, CIP PSP, ePractice.eu.

[13] Id-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ April 2004 dwar kunsinna interoperabbli ta’ servizzi panEwropej ta’ gvern elettroniku lil amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC). (ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25). Il-programm skada fl-2009.

[14] Waqt li l-IDABC kien iktar iffokat fuq id-diġitizzazzjoni ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi, il-prosegwiment tiegħu ISA għandu l-għan li jelabora għodda konkreti ġeneriċi u servizzi komuni li jistgħu jiġu direttament applikati minn Stati Membri interessati. Id-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabilità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA).

[15] Il-kalkolu tal-Qorti sar fuq il-bażi ta’ informazzjoni pubblikata mill-Kummissjoni fuq www.europa.eu.

[16] Għall-perjodu tal-programm 2000–06, il-Fondi Strutturali u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kienu ffinanzjati fuq il-bażi tal-atti legali li ġejjin: ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal- 21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 1783/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 1999 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 213, 13.8.1999, p. 1).

[17] The World Wide Web Consortium (W3C) hija komunità internazzjonali li tiżviluppa standards biex tiżgura tkabbir tal-Internet fuq żmien twil. (http://www.w3.org/standards/)

[18] L-unika eċċezzjoni kienet żewġ każijiet fejn minħabba kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni u nuqqas ta’ sjieda tal-proġett l-użu ta’ sistemi kien indefinittivament pospost jew totalment abbandunat.

--------------------------------------------------

Top