Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0903

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar statistika Ewropea dwar id-demografija

    /* KUMM/2011/0903 finali - 2011/0440 (COD) */

    52011PC0903

    /* KUMM/2011/0903 finali - 2011/0440 (COD) */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar statistika Ewropea dwar id-demografija


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    - Miri u għanijiet tal-proposta

    L-għan ta' din il-proposta huwa l-iżvilupp ta' Regolament li jittratta l-istatistika dwar id-demografija, li jkun jirregola l-armonizzazzjoni u l-provvista ta' dejta dwar il-popolazzjoni u dwar avvenimenti vitali marbuta mal-popolazzjoni.

    - Il-kuntest ġenerali

    Minħabba l-isfidi demografiċi kumplessi u li dejjem qed jiżdiedu, tfaċċat ħtieġa ċara għal leġiżlazzjoni komuni fuq livell Ewropew dwar is-suġġett tal-istatistika demografika. Il-Kummissjoni Ewropea teħtieġ informazzjoni ta’ kwalità għolja dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali marbuta mal-popolazzjoni fl-Unjoni. Fi kważi kull qasam politiku li fih hija attiva l-UE, sew dak ekonomiku, soċjali jew ambjentali, hemm rekwiżit għal statistiċi demografiċi ta’ kwalità għolja sabiex jgħinu fil-formolazzjoni ta’ għanijiet operattivi u sabiex jiġi evalwat il-progress, pereżempju biex isiru paraguni validi bejn l-Istati Membri. Id-dejta tista' tintuża jew direttament jew biex jinbnew indikaturi ta' tipi varji (indikaturi demografiċi u indikaturi per capita ).

    Il-proċess demokratiku fl-Unjoni jitlob stimi annwali dwar il-popolazzjoni tal-ogħla kwalità possibbli. Kull sena, id-dejta dwar it-total tal-popolazzjoni li tikkonċerna lill-Istati Membri, li tinġabar u li tiġi ppubblikata mill-Eurostat, tintuża matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni (votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill). Attwalment wieħed mill-kriterji huwa li, jekk Stat Membru jitlob dan, maġġoranza kwalifikata għandha tirrappreżenta lill-Istati Membri li tikkostitwixxi mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni tal-UE kkalkulata skont iċ-ċifri tal-popolazzjoni. L-importanza tal-piżijiet tal-popolazzjoni se tkun saħansitra akbar meta, skont it-termini tal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mill-1 ta' Novembru 2014, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li jinkludu mill-inqas 15 minnhom u li jirrappreżentaw Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE ("maġġoranza doppja").

    Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri ssir, fost oħrajn, fuq il-bażi tat-tbassir tal-Eurostat dwar il-popolazzjoni; dawn, min-naħa tagħhom, jeħtieġu sensiela kronoloġika attwali, ta' min jafdaha u konsistenti dwar il-popolazzjoni, it-twelid u l-imwiet, flimkien ma’ preżunzjonijiet sodi li jikkonċernaw l-iżvilupp fil-ġejjieni tal-fertilità, l-istennija tal-għomor u l-flussi migratorji.

    Il-monitoraġġ tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, imnedija mill-Kunsill Ewropew f'Gotenburg fl-2001 u mġedda fl-2006, huwa evalwat permezz ta’ rapport ta’ monitoraġġ tal-Eurostat li juża sensiela kronoloġika dwar il-proporzjonijiet tad-dipendenza tal-anzjanità, ir-rati tal-fertilità u l-istennija tal-għomor fl-UE.

    Il-monitoraġġ tal-progress li sar fl-UE lejn il-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jiġi evalwat permezz ta’ rapport ibbażat, fost l-oħrajn, fuq id-dejta demografika reġjonali tal-Eurostat.

    - Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-kwistjoni koperta mill-proposta

    Ma hemm l-ebda dispożizzjoni eżistenti dwar il-kwistjoni koperta mill-proposta.

    - Konsistenza ma' linji politiċi u ma' għanijiet oħra tal-UE

    Il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ li l-Eurostat jipprovdi dejta dwar il-popolazzjoni tal-ogħla kwalità possibbli. Barra minn hekk, bosta oqsma ta’ politika li fihom hija attiva l-UE jeħtieġu tagħrif dwar avvenimenti vitali marbuta mal-popolazzjoni sabiex jgħinu fil-formolazzjoni ta’ għanijiet operattivi u fil-valutazzjoni tal-progress. Id-dejta trid tkun f'waqtha, preċiża, kompluta, koerenti u komparabbli fil-livell tal-UE, u ta' spiss tintalab fil-livell ta’ dettall reġjonali, analiżi ta’ fatturi varjabbli u kwalità li tista’ tkun iggarantita biss mil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-istatistika demografika.

    Ir-Regolament propost dwar l-istatistika Ewropea dwar id-demografija jħaddan il-prinċipji tal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea marbuta mal-impenn għall-kwalità, il-metodoloġija tajba, l-effettività fl-infiq, ir-rilevanza, il-preċiżjoni u l-affidabbiltà, il-koerenza u l-komparabbiltà.

    Id-Deċiżjoni Nru 1578/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Programm Statistiku Komunitarju 2008 sal-2012[1] tiddikjara li l-għan ewlieni tal-istatistika demografika se jkun li din tipprovdi sett komprensiv ta’ dejta u ta' analiżi meħtieġa għall-ivvalutar tal-implikazzjonijiet ta' bidla demografika fl-Ewropa.

    Id-dejta koperta taħt din il-proposta diġà nġabret għal numru ta' snin fuq bażi volontarja. Dan jista’ jinvolvi diversità ta’ definizzjonijiet, kunċetti u metodi demografiċi adottati fl-Istati Membri u riskju għoli ta' eteroġeneità, inkomparabbiltà, inkonsistenza u nuqqas ta’ disponibbiltà f'waqtha tad-dejta kkonċernata. Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-istatistika tal-Komunità dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin[2] u tar-Regolament (KE) Nru 763/2008 tad-9 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar[3], il-proposta attwali hija maħsuba biex titlesta l-armonizzazzjoni fil-qasam tad-dejta tal-popolazzjoni umana.

    2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    - L-iskambji/diskussjonijiet interni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni

    Is-servizzi ewlenin ikkonċernati tal-Kummissjoni matul il-proċess ta’ żvilupp kienu d-DĠ SG, id-DĠ EMPL, id-DĠ REGIO, id-DĠ SANCO, id-DĠ ECFIN u d-DĠ AGRI. L-opinjonijiet tagħhom kienu uffiċjalment mitluba permezz ta' konsultazzjoni bil-miktub matul il-fażi preparatorja (evalwazzjoni ex ante ) tal-proposta. Kien hemm komunikazzjoni frekwenti u regolari matul il-proċess kollu tal-iżvilupp, inkluż kemm f’diskussjonijiet bilaterali kif ukoll fl-attendenza regolari għall-Grupp Demografiku ta' Ħidma. Is-servizzi kollha kkonsultati esprimew opinjoni favorevoli dwar il-proġett, waqt li enfasizzaw il-bżonnijiet tagħhom kif ukoll il-bażi legali u politika għal dawn il-ħtiġijiet.

    - Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati

    L-Istati Membri ilhom konxji għal xi żmien diġà li l-Eurostat qed jippjana inizjattiva leġiżlattiva fil-qasam tad-dejta demografika. Il-ħidma ta' tħejjija ta’ diversi tipi għal abbozz ta' Regolament ta’ qafas dwar l-istatistika demografika annwali ilha għaddejja fil-Programmi ta' ħidma Annwali dwar l-Istatistika tal-Kummissjoni mill-2007.

    Minn Marzu 2008, il-Eurostat attivament ipprovda tagħrif b'mod attiv lill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Grupp Demografiku ta' Ħidma. F'Novembru 2009, il-Grupp Demografiku ta' Ħidma rrikonoxxa l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-ġbir ta' dejta demografika. Dakinhar, tressqet u ġiet diskussa evalwazzjoni ex ante tal-proposta flimkien mal-ewwel abbozz ta' verżjoni tar-Regolament. Kummenti dwar l-ewwel abbozz waslu mingħand l-Istati Membri u ġew inkorporati fl-abbozz rivedut li ntbagħat fl-aħħar tal-2010 għal aktar kummenti. Dan it-tieni rawnd ta’ kummenti kien inkorporat fit-tieni verżjoni tar-Regolament li ġiet diskussa fil-Grupp Demografiku ta' Ħidma f'April 2011. Id-Diretturi Ewropej tal-Istatistika Soċjali kienu aġġornati regolarment dwar l-istat tal-progress.

    Il-proposta tressqet ukoll quddiem il-Kumitat Ewropew tas-Sistema tal-Istatistika fis-17 ta' Novembru 2011.

    Barra minn laqgħat regolari, it-tagħrif kien ċirkolat permezz ta' websajt CIRCA speċjalizzata.

    - Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iċ-Ċensimenti tal-Popolazzjoni u d-Djar u dwar l-Istatistika Vitali huma s-sors ta' referenza għad-definizzjonijiet proposti.

    - Analiżi tal-effetti u l-implikazzjonijiet

    Il-qafas propost għall-istatistika tal-Unjoni dwar id-demografija jiżgura li d-dejta tkun f'waqtha, aktar koerenti, komparabbli, konsistenti u għalhekk aktar rilevanti għall-utenti kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-livelli nazzjonali, partikolarment bl-għan li kull resident/twelid/mewt jingħadd/tingħadd darba biss fl-istatistika.

    3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    - Taqsira tal-azzjoni proposta

    L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar id-demografija, permezz ta’ ġbir, kumpilazzjoni, ipproċessar u trażmissjoni mill-Istati Membri ta’ statistika armonizzata Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali.

    - Bażi legali

    L-Artikolu 338 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi l-bażi legali għall-istatistika Ewropea. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva normali, fejn ikun meħtieġ għandhom jadottaw miżuri għall-produzzjoni tal-istatistika għall-finijiet tal-prestazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni. Dan jistabbilixxi r-rekwiżiti marbuta mal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jistqarr li l-istatistika għandha tkun konformi mal-istandards ta’ imparzjalità, affidabbiltà, oġġettività, indipendenza xjentifika, effettività fl-infiq u kunfidenzjalità statistika. Dan ma għandux ifisser piż eċċessiv fuq l-operaturi ekonomiċi.

    - Prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

    L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri għar-raġuni li ġejja.

    Żewġ punti ċentrali ta' tħassib dwar il-kwalità ta' kull dejta statistika huma l-koerenza u l-komparabbiltà. Minħabba li d-dejta dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali tintuża biex tgħin fil-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, biex tevalwa l-linji politiċi tal-UE u/jew biex ir-riżultati tal-linji politiċi nazzjonali jitqabblu fil-livell Ewropew, huwa essenzjali li d-dejta ta' bażi għandha tkun komparabbli f'livell Ewropew. L-Istati Membri ma jistgħux jiksbu dan ir-riżultat sa fejn meħtieġ mingħajr qafas ċar tal-UE, jiġifieri leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi kunċetti statistiċi u rekwiżiti ta’ kwalità komuni. Għal dan l-għan, qed jiġi propost Regolament dwar id-demografija għall-adozzjoni. Mingħajr statistika bħal din, miġbura u kkompilata b’użu ta' qafas komuni tal-UE, jitnaqqsu kemm ir-rilevanza kif ukoll l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-istatistika demografika.

    Azzjoni mill-Istati Membri waħedhom taffettwa ħażin l-interessi tal-Istati Membri għar-raġuni li ġejja:

    In-nuqqas ta’qafas komuni tal-UE li juża kunċetti u definizzjonijiet komuni jipperikola jew jeskludi għal kollox il-possibbiltà tal-użu ta’ statistika demografika ta' kwalità għolja. L-esperjenza tal-imgħoddi turi b’mod ċar li ftehim informali mingħajr qafas miftiehem, ċar u sorveljat ma jwassalx għar-riżultati statistiċi tal-kwalità meħtieġa għall-ġejjieni.

    L-azzjoni fil-livell Ewropew tkun tikseb aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin:

    L-għanijiet tal-proposta jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Ewropew abbażi ta' att legali tal-UE billi l-Kummissjoni biss tista' tikkoordina l-armonizzazzjoni tat-tagħrif tal-istatistika fil-livell tal-UE. Madankollu, il-ġbir tad-dejta u l-kompilazzjoni ta' statistika komparabbli dwar id-demografija tista' tiġi organizzata mill-Istati Membri bl-użu tal-aktar sorsi u metodi xierqa biex jiġi pprovdut it-tagħrif meħtieġ. L-UE tista' għalhekk tieħu azzjoni għal dan l-għan skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

    L-għan tal-proposta huwa li jiġu armonizzati l-kunċetti, is-suġġetti koperti u l-karatteristiċi tat-tagħrif mitlub, il-kopertura, il-kriterji tal-kwalità u l-iskadenzi għall-għoti tar-rapporti u r-riżulati, biex tinkiseb statistika Ewropea li tkun rilevanti, f'waqtha, komparabbli u koerenti.

    L-Istati Membri se jiġbru d-dejta bl-użu ta' sorsi u l-prattiki nazzjonali tagħhom, iżda huma obbligati li jkunu żguri mill-kwalità tad-dejta u l-metadejta trażmessi, u li jiżguraw li s-sorsi ta' dejta u l-metodoliġija magħżula jilħqu definizzjonijiet komuni. L-Istati Membri jridu jirrappurtaw dwar is-sorsi ta’dejta, id-definizzjonijiet u l-metodi ta’ stima użati biex jissodisfaw l-obbligi u għandhom jipprovdu tagħrif dwar kull tibdil li jsirilhom. Għandhom jipprovdu lill-Eurostat bit-tagħrif kollu meħtieġ biex dan jevalwa l-kwalità tat-tagħrif dwar l-istatistika.

    Il-proposta għaldaqstant tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    - Prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja:

    Ir-Regolament huwa limitat għall-minimu mitlub biex jikseb l-għan tiegħu u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dak l-iskop. L-għażla ħielsa tas-sorsi tad-dejta skont il-liġijiet u l-prinċipji nazzjonali, flimkien mal-possibbiltà tal-użu tal-istima tat-teknika u metodi tal-istatistika, għandhom inaqqsu l-piż finanzjarju u amministrattiv minn fuq dawk li jwieġbu, minn fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali u minn fuq iċ-ċittadini.

    - Għażla tal-istrumenti

    L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja:

    L-għażla tal-istrument xieraq tiddependi fuq il-mira leġiżlattiva. Minħabba t-tagħrif meħtieġ fil-livell Ewropew, it-tendenza fl-istatistika Ewropea kienet li jintużaw regolamenti aktar milli direttivi bħala l-atti ta' bażi. Regolament huwa preferibbli għaliex jistabbilixxi l-istess liġi mal-UE kollha, u ma jħalli ebda possibbiltà għall-Istati Membri li japplikawha b'mod inkomplet jew selettiv. Huwa applikabbli direttament, u dan ifisser li ma hemmx bżonn li jiġi traspost fil-liġi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, id-direttivi li għandhom l-għan li jarmonizzaw il-liġijiet nazzjonali, jorbtu l-Istati Membri fir-rigward tal-objettivi, iżda jħalluha f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jagħżlu l-mod ta' kif jiksbu dawn il-miri. Jeħtieġu wkoll li jkunu trasposti fil-liġi nazzjonali. L-użu ta’ regolament huwa konformi ma' atti legali oħra Ewropej dwar l-istatistika li ġew adottati mill-1997 lil hawn.

    4. IMPLIKAZZJONI TAL-BAĠIT

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni.

    5. TAGĦRIF ADDIZZJONALI

    - Tħassir tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    L-adozzjoni tal-proposta mhijiex sejra twassal għar-revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti.

    - Żona Ekonomika Ewropea

    L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

    2011/0440 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar statistika Ewropea dwar id-demografija

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Huma u jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    1. Skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mill-1 ta' Novembru 2014, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita fuq il-bażi tal-popolazzjoni tal-Istati Membri.

    2. Il-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji regolarment jagħti mandat lill-Kumitat tal-Politika Ekonomika biex jevalwa s-sostenibbiltà fit-tul u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi fuq il-bażi ta’ tbassir dwar il-popolazzjonijiet ippreżentati mill-Eurostat.

    3. Skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS)[4] l-istatistika kollha mill-Istati Membri trażmessa lill-Kummissjoni li hija mqassma skont unitajiet territorjali għandha tuża l-klassifika NUTS. Għaldaqstant, biex tiġi stabbilita statistika reġjonali li tista' titqabbel, l-unitajiet territorjali għandhom jiġu definiti skont il-klassifika NUTS.

    4. Skont l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tissottometti rapport kull tliet snin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-progress magħmul biex tintlaħaq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Il-preparazzjoni ta' dawn ir-rapporti u l-monitoraġġ regolari ta' żviluppi demografiċi u tal-isfidi demografiċi possibbli fil-futur fir-reġjuni tal-UE, inklużi tipi differenti ta' reġjuni bħal reġjuni transkonfinali, reġjuni metropolitani, reġjuni rurali, reġjuni muntanjużi u gżejjer, jeħtieġu dejta annwali reġjonali f'livell reġjonali NUTS 3. Minħabba li l-maturazzjoni demografika turi differenzi reġjonali qawwija, il-Eurostat huwa mitlub iħejji tbassir reġjonali fuq bażi regolari biex jikkomplementa l-qagħda demografika tar-reġjuni NUTS 2 fl-Unjoni Ewropea.

    5. Skont l-Artikolu 159 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Kummissjoni għandha tħejji rapport kull sena dwar il-progress fil-kisba tal-għanijiet tal-Artikolu 151, inkluża l-qagħda demografika fl-Unjoni.

    6. Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa fl-UE[5] appoġġat l-iżvilupp ulterjuri u l-ġbir tad-dejta u l-indikaturi tas-saħħa skond l-età, is-sess, l-istatus soċjo-ekonomiku u d-dimensjonijiet ġeografiċi.

    7. L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, imnedija mill-Kunsill Ewropew f'Gotenburg fl-2001 u mġedda f'Ġunju 2006, tfittex it-titjib kontinwu tal-kwalità tal-ħajja għal ġenerazzjonijiet ta' bħalissa u futuri. Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-Eurostat, li huwa ppubblikat kull sentejn, jipprovdi stampa statistikali oġġettiva tal-progress, msejsa fuq il-ġabra tal-indikaturi ta' żvilupp sostenibbli tal-UE.

    8. Id-dejta ta' statistika annwali dwar id-demografija hija fundamentali għall-istudju u d-definizzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ linji politiċi, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, fuq livell nazzjonali u reġjonali. L-istatistika dwar il-popolazzjoni hija denominatur importanti għal medda wiesgħa ta' indikaturi.

    9. L-istatistika demografika dwar il-popolazzjoni ssawwar komponent essenzjali għall-istima tat-total tal-popolazzjoni fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontabbiltà (ESA).

    10. Sabiex tkun żgurata l-kwalità, b’mod partikolari l-komparabbiltà, tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri u biex ikunu jistgħu jinġabru deskrizzjonijiet ġeneriċi ta' min jafdahom fil-livell tal-Unjoni Ewropea, id-dejta użata għandha tkun imsejsa fuq l-istess kunċetti u tirreferi għall-istess data ta' referenza jew perjodu.

    11. It-tagħrif dwar id-demografija għandu jkun konsistenti mat-tagħrif rilevanti miġbur skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin[6] u r-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar[7].

    12. Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea[8] jipprovdi qafas ta’ referenza għall-istatistika Ewropea dwar id-demografija. B’mod partikolari, dan jirrikjedi konformità mal-prinċipji ta’ indipendenza professjonali, imparzjalità, oġġettività, affidabbiltà, kunfidenzjalità tal-istatistika u effettività fl-infiq.

    13. Fl-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea, l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u dawk Ewropej għandhom iqisu l-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea rivedut u aġġornat mill-Kumitat Ewropew tas-Sistema tal-Istatistika fit-28 ta' Settembru 2011.

    14. Dan ir-Regolament jiggarantixxi d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-familja u l-ħarsien tad-dejta personali, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[9].

    15. Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Ewropea dwar id-demografija fl-Istati Membri, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Ewropew, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dak l-għan.

    16. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[10],

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    17. "nazzjonali" tfisser l-istess bħal fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 763/2008, fejn it-territorju huwa kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien ta' referenza;

    18. "reġjonali" tfisser l-istess bħal fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 763/2008; għal pajjiżi li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea, din tfisser reġjuni statistiċi fil-livell 1, 2 jew 3 kif miftiehem bejn dawk il-pajjiżi u l-Kummissjoni (Eurostat), skont il-verżjoni applikabbli fiż-żmien ta' referenza;

    19. "popolazzjoni abitwalment residenti" tfisser il-persuni kollha li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru fiż-żmien ta' referenza;

    20. "residenza abitwali" tfisser l-istess bħal fl-Artikolu 2(d) fl-ewwel paragrafu tar-Regolament (KE) Nru 763/2008. Il-persuni li ġejjin biss għandhom jitqiesu bħala residenti abitwali taż-żona ġeografika kkonċernata:

    21. dawk li għexu fil-post tar-residenza abitwali tagħhom għal perjodu kontinwu ta' mill-inqas 12-il xahar qabel iż-żmien ta' referenza; jew

    22. dawk li jkunu waslu fil-post tar-residenza abitwali tagħhom matul it-12-il-xahar qabel iż-żmien ta' referenza bil-ħsieb li joqogħdu hemm mill-inqas għal sena.

    Fl-applikazzjoni tad-definizzjoni ta' ''residenza abitwali", l-Istati Membri għandhom jittrattaw każijiet speċjali bħal fl-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1201/2009[11]

    23. "wild ħaj" tfisser twelid ta' tarbija li tkun qed tieħu n-nifs jew li turi kwalunkwe evidenza oħra tal-ħajja, bħat-taħbit tal-qalb, il-pulsjoni tal-kurdun taż-żokra jew moviment definit tal-muskoli volontarji, tkun xi tkun l-età tat-tqala;

    24. "mewt" tfisser l-għajbien permanenti tal-evidenza kollha tal-ħajja fi kwalunkwe żmien wara t-twelid ħaj;

    25. "avvenimenti vitali" tfisser twelid u mwiet kif definiti fil-punti (e) u (f);

    26. "dejta validata" tfisser dejta li tissodisfa sensiela ta' kriterji ta' kwalità għall-ġbir tad-dejta, inklużi l-verifiki kollha magħmula f'termini tal-kwalità tad-dejta li għandha tiġi ppubblikata jew li diġà ġiet ippubblikata.

    Artikolu 3

    Dejta dwar il-popolazzjoni u dwar avvenimenti vitali

    27. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bid-dejta dwar il-popolazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(c) u (d) fiż-żmien ta' referenza. Fejn iċ-ċirkostanzi spjegati fl-Artikolu 2 (d)i. jew (d)ii. ma jistgħux jiġu stabbiliti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bid-dejta dwar il-popolazzjoni fil-pajjiż fejn għandhom ir-residenza legali jew irreġistrata fiż-żmien ta' referenza; f'dan il-każ, huma għandhom jagħmlu sforzi proporzjonati biex jikkalkulaw dejta li hija l-eqreb stima possibbli għall-popolazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(c) u (d).

    28. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bid-dejta dwar l-avvenimenti vitali fiż-żmien ta' referenza, irrispettivament mill-post fejn seħħew l-avvenimenti. L-Istati Membri għandhom jużaw l-istess definizzjoni ta' popolazzjoni għad-dejta msemmija fil-paragrafu 1.

    29. L-Istati Membri għandhom jużaw l-istess definizzjoni ta' popolazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali kollha kif definit fl-Artikolu 2(a) u (b).

    30. Kundizzjonijiet uniformi relatati kemm mal-analiżi tad-dejta msemmija fil-paragrafi 1 u 2, kif ukoll mal-frekwenza, mal-iskadenzi u mar-reviżjonijiet tad-dejta, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).

    Artikolu 4

    Total tal-popolazzjoni għal għanijiet speċifiċi tal-Unjoni

    Għall-għanijiet tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’dejta dwar it-total tal-popolazzjoni f'livell nazzjonali fiż-żmien ta' referenza, kif imsemmi fl-Artikolu 2(c), fi żmien tmien xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu dejta dwar il-popolazzjoni fil-pajjiż fejn għandhom ir-residenza legali jew irreġistrata fiż-żmien ta' referenza.

    Artikolu 5

    Żmien ta' referenza

    31. Iż-żmien ta' referenza għad-dejta dwar il-popolazzjoni għandu jkun nofsillejl tal-31 ta Diċembru.

    32. Iż-żmien ta' referenza għal avvenimenti vitali għandu jkun is-sena kalendarja li fiha seħħew l-avvenimenti.

    33. L-ewwel żmien ta' referenza li għandu jitqies għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandu jkun l-2013. L-aħħar żmien ta' referenza għandu jkun l-2027.

    Artikolu 6

    Għoti ta' dejta u metadejta

    L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) id-dejta u l-metadejta mitluba minn dan ir-Regolament b'konformità mal-istandards ta' skambju ta' dejta u metadejta speċifikati mill-Kummissjoni (Eurostat). L-Istati Membri għandhom jittrażmettu dawn id-dejta u l-metadejta permezz tal-Punt tad-Dħul Uniku jew għandhom jagħmluhom disponibbli biex il-Kummissjoni (Eurostat) tkun tista' taċċessahom b’mezzi elettroniċi.

    Artikolu 7

    Sorsi ta' dejta

    Id-dejta għandha tkun imsejsa fuq is-sorsi ta’ dejta magħżula mill-Istat Membru skont il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandhom jintużaw metodi ta' stima statistikali b'bażi xjentifika u ddokumentati sew fejn xieraq.

    Artikolu 8

    Ir-rekwiżiti ta' kwalità

    34. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tad-dejta trażmessa.

    35. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji ta' kwalità msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandhom japplikaw għad-dejta li trid tiġi trażmessa.

    36. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-metadejta ta’ referenza skont l-Istruttura ta' Metadejta Euro SDMX, waqt li jirrappurtaw partikolarment dwar is-sorsi tad-dejta, id-definizzjonijiet u l-metodi ta’ stima użati għall-ewwel sena ta' referenza u l-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni (Eurostat) infurmata dwar kull tibdil li jsirilhom.

    37. B'talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovduha bit-tagħrif kollu meħtieġ biex tevalwa l-kwalità tat-tagħrif statistiku.

    38. Kif mitlub mill-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta dwar il-popolazzjoni hija konsistenti ma' dik mitluba mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

    Artikolu 9

    Kumitat

    39. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Ewropew għas-Sistema tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    40. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika fil-31 ta' Dicembru 2027.

    Magħmul fi […],

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU L 344, 28.12.2007, p. 15.

    [2] ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

    [3] ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14.

    [4] ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1.

    [5] COM(2009) 567

    [6] ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

    [7] ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14.

    [8] ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

    [9] ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

    [10] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    [11] ĠU L 329, 15.12.2009, p. 29.

    Top