Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0852

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

/* KUMM/2011/0852 finali - 2011/0403 (NLE) */

52011PC0852

/* KUMM/2011/0852 finali - 2011/0403 (NLE) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku fl-Unjoni hija regolata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE[1] (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għaliha bħala d-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, minbarra d-dispożizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tagħti ċ-ċans lill-Isvezja tapplika, fil-limiti definiti, rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkunsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja. L-għan ta’ din il-miżura huwa li tikkumpensa għall-ispejjeż ogħla tat-tisħin f’dawn iż-żoni kkawżati mill-kondizzjonijiet klimatiċi speċifiċi tar-reġjun.

It-talba u l-kuntest ġenerali tagħha

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jipprevedi li l-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/231/KE[2], kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/503/KE[3], tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkunsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet elenkati fl-anness għad-Deċiżjoni. It-tnaqqis tat-taxxa għandu jkun proporzjonat għall-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin dovuti għaż-żona tat-tramuntana, meta mqabbla ma’ dawk fil-bqija tal-Isvezja, filwaqt li r-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari r-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva. Din l-awtorizzazzjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

Permezz ta’ ittra datata t-8 ta’ Ġunju 2011, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva, l-awtoritajiet Svediżi informaw lill-Kummissjoni li huma għandhom il-ħsieb li jkomplu japplikaw din ir-rata tat-taxxa mnaqqsa. It-tnaqqis ma għandux jaqbeż SEK 96/MWh jew EUR 10,40[4]. L-Isvezja talbet li t-tnaqqis jiġi awtorizzat għal perjodu ta’ sitt snin, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2017, li huwa l-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

L-Isvezja tiġġustifika l-miżura permezz ta’ għanijiet ambjentali, kif ukoll reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. L-Isvezja tenfasizza l-fatt li r-rati tat-taxxa nazzjonali fuq l-elettriku jaqbżu b’mod konsiderevoli l-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif preskritti fid-Direttiva 2003/96/KE u li għalhekk huwa pprovdut inċentiv aktar qawwi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tas-sistema fiskali fil-livell nazzjonali milli meħtieġ mir-rati minimi tal-UE. Madankollu, skont l-awtoritajiet Svediżi, dan il-livell ġenerali għoli ta’ tassazzjoni jista’ jinżamm biss jekk iż-żoni tat-tramuntana, li jinsabu fi żvantaġġ kompetittiv minħabba l-kondizzjonijiet klimatiċi, jingħataw tnaqqis fit-taxxa. Fl-istess ħin, il-miżura għandha tnaqqas id-differenzi fl-ispejjeż tat-tisħin bejn il-partijiet differenti tal-pajjiż u b’hekk tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni tal-UE.

Fir-rigward tan-natura tal-iżvantaġġ ikkawżat mid-differenzi klimatiċi, l-awtoritajiet Svediżi tennew id-dikjarazzjoni li saret f’talbiet preċedenti li l-ispejjeż tat-tisħin huma, bħala medja, 25% ogħla fir-reġjuni tat-tramuntana, minħabba li l-perjodu tat-tisħin f’dawn iż-żoni huwa itwal.

It-telf fid-dħul li jirriżulta mit-tnaqqis ta’ SEK 96/MWh huwa stmat li jammonta għal SEK 910 miljun fis-sena jew EUR 99 miljun.

- L-eżekuzzjoni tal-miżura

Il-miżura tingħata fil-forma ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa. Din ir-rata mnaqqsa tapplika direttament meta tinġabar it-taxxa.

- Il-kamp ta’ applikazzjoni

L-awtoritajiet Svediżi ddikjaraw li d-differenzjazzjoni ġeografika kienet introdotta fuq il-bażi ta’ informazzjoni oġġettiva relatata mat-temperaturi medji. Abbażi ta’ dan, hemm taxxa mnaqqsa applikabbli fil-muniċipalitajiet kollha tal-konteji ta’ Norrbotten, Västerbotten u Jämtland u fil-muniċipalitajiet ta’ Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik, Ljusdal, Malung, Mora, Orsa, Älvdalen u Torsby. Il-miżura hija limitata għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi minħabba li dawn il-gruppi biss iħallsu t-taxxa sħiħa tal-enerġija fuq l-elettriku. Billi min-naħa l-oħra, l-elettriku kkunsmat mill-industrija tal-manifattura huwa fi kwalunkwe każ intaxxat b’rata aktar baxxa, il-miżura inkwistjoni ma taffettwax lill-kumpaniji minn dan is-settur.

Skont l-awtoritajiet Svediżi, il-miżura tagħti lill-benefiċjarji fil-partijiet tat-tramuntana tal-pajjiż l-istess kondizzjonijiet bħall-istess gruppi ta’ konsumaturi fin-nofsinhar tal-Isvezja.

- L-argumenti tal-awtoritajiet Svediżi dwar l-impatt tal-miżura fuq is-suq intern

L-awtoritajiet Svediżi ma jaħsbux li l-miżura ser taffettwa l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Huma jqisu li, għalkemm il-miżura jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi tnaqqas l-ispejjeż tal-kumpaniji fis-settur tas-servizzi fit-Tramuntana tal-Isvezja, dan l-effett ser jibqa’ limitat, minħabba li l-maġġoranza tal-kumpaniji fis-settur tas-servizzi normalment joperaw f’żona ġeografika limitata.

- Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku.

Il-valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

- Konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika

L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva jaqra kif ġej:

"Flimkien ma dawn id-disposizzjonijiet msemmija fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi. "

Il-miżura prevista mill-Isvezja tikkonsisti fit-tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkunsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi fit-tramuntana tal-Isvezja. L-awtoritajiet Svediżi jagħmlu enfasi fuq żewġ objettivi tal-miżura. L-ewwelnett, huma jsostnu li r-rata tat-taxxa mnaqqsa għandha effett ambjentali pożittiv indirett minħabba li tippermetti l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa globali ogħla milli inkella jkun possibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali bħala tali huma diġà parti integrali mid-Direttiva 2003/96/KE[5] u għalhekk fihom infushom ma jikkwalifikawx bħala konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika. Madankollu, b’mod ġenerali, id-Direttiva ma tippermettix li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni b’kondizzjonijiet klimatiċi partikolari ħafna. F’kuntest bħal dan, l-għan li l-miżura tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ livell relattivament għoli ta’ tassazzjoni billi tevita, permezz ta’ rata mnaqqsa, piżijiet eċċessivi b’mod ieħor f’reġjuni soġġetti għal kondizzjonijiet bħal dawn jista’ għalhekk jitqies bħala konsiderazzjoni speċifika ta’ politika.

It-tieni, l-awtoritajiet Svediżi jsostnu li t-tnaqqis iqarreb l-ispejjeż ġenerali tat-tisħin għall-konsumaturi fit-tramuntana tal-Isvezja mal-ispejjeż imġarrba mill-konsumaturi f’partijiet oħrajn tal-pajjiż u għalhekk isegwi għanijiet reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni.

Abbażi ta’ dan, bl-istess mod, l-awtorizzazzjoni mitluba tista’ titqies bħala li hija bbażata fuq konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

- Il-konsistenza mal-politiki u l-objettivi l-oħrajn tal-Unjoni

Ir-rata tat-taxxa ġenerali fuq l-elettriku li hija applikabbli għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi fl-Isvezja hija SEK 283, jew EUR 30,70, għal kull MWh, imqabbla ma’ rata minima tal-UE ta’ EUR 1 għal kull MWh għal użu mhux kummerċjali[6]. Bit-tnaqqis propost, ir-rata applikabbli fit-tramuntana tal-Isvezja hija mill-inqas SEK 187 għal kull MWh jew EUR 20,29 għal kull MWh. Minħabba li l-livelli ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku huma ferm ogħla mir-rata minima kemm fit-tramuntana tal-Isvezja kif ukoll fil-bqija tal-pajjiż, huwa plawsibbli li wieħed jassumi li t-tnaqqis tat-taxxa inkwistjoni fil-fatt jikkontribwixxi indirettament lejn il-kisba ta’ livell globali ogħla ta’ protezzjoni ambjentali fil-mod deskritt mill-awtoritajiet Svediżi.

F’dan il-kuntest, l-għan tal-miżura huwa li tikkontrobilanċja parzjalment l-ispejjeż ogħla tat-tisħin fiż-żoni li għalihom tapplika r-rata tat-taxxa mnaqqsa. Skont l-awtoritajiet Svediżi, il-kondizzjonijiet klimatiċi f’dawn iż-żoni jwasslu għal konsum tal-elettriku li huwa, bħala medja, madwar 25% ogħla milli huwa fil-bqija tal-pajjiż, l-aktar minħabba perjodu ta’ tisħin itwal.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li fuq il-bażi tal-prezzijiet riċenti tal-elettriku fl-Isvezja, it-tnaqqis fil-prezzijiet wara l-miżura proposta għandu jkun ferm inqas minn 25% għall-gruppi rilevanti kollha ta’ konsumaturi. Abbażi tal-aktar dejta riċenti dwar il-prezzijiet disponibbli mill-Eurostat, dan it-tnaqqis ivarja minn 3,1% sa 6,8%, skont il-livell ta’ konsum tal-familji u l-kumpaniji kkonċernati[7].

Għalhekk, l-ammont tal-eżenzjoni jibqa’ inqas mill-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fir-reġjuni kkonċernati. B’riżultat ta’ dan, l-inċentiv fiskali għall-użu effiċjenti tal-enerġija qiegħed jinżamm f’livell li mill-inqas huwa ugwali għal dak prevalenti fil-bqija tal-Isvezja.

Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li l-miżura hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

Skont iċ-ċirkostanzi deskritti, il-miżura tidher li hija aċċettabbli wkoll fid-dawl tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa li tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta. B’mod partikolari, minħabba n-natura remota taż-żoni li tapplika għalihom u l-fatt li hija limitata għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi, mhuwiex mistenni li din twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-mudelli kummerċjali bejn l-Istati Membri. Fl-aħħarnett, ta’ min ifakkar li t-tnaqqis tat-taxxa għaż-żoni inkwistjoni ilu fis-seħħ għal tletin sena mingħajr ma dan wassal, sa fejn hija konxja l-Kummissjoni, għal xi problemi fir-rigward tal-funzjonament xieraq tas-suq intern jew għal għanijiet oħrajn tal-politika tal-UE.

- Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura u l-iżvilupp tal-qafas tal-UE dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-perjodu ta’ applikazzjoni għandu jiġi stabbilit skont il-perjodu massimu permess mid-Direttiva 2003/96/KE, jiġifieri sitt snin. Dan il-perjodu jidher li huwa adatt sabiex in-negozji u l-konsumaturi kkonċernati jiġu pprovduti b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza.

Sa fejn huwa kkonċernat l-iżvilupp futur tal-qafas legali eżistenti u, b’mod aktar konkret, il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 2003/96/KE sottomessa mill-Kummissjoni fit-13 ta’ April 2011 [COM(2011)169], ta’ min ifakkar li l-adozzjoni ta’ din il-proposta ma għandux iwassal għal tibdil fir-regoli attwali b’mod rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-awtorizzazzjoni proposta hawnhekk. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġu pprovduti salvagwardji partikolari fil-kwistjoni.

Ir-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat

Wara t-tnaqqis previst mill-awtoritajiet Svediżi, ir-rata tat-taxxa fuq l-elettriku fir-reġjuni kkonċernati xorta waħda ser tibqa’ tirrispetta l-livell minimu ta’ tassazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill ser tkun tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2017 (għalhekk, għal inqas minn 10 snin). Għalhekk, il-miżura taqa’ taħt l-hekk imsejjaħ Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (Regolament (KE) Nru 800/2008)[8] u hija, minħabba f’hekk, eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel.

2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Isvezja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa għal għarfien espert estern.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-proposta għandha l-għan li tawtorizza lill-Isvezja biex tidderoga mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE u biex tapplika, fil-limiti definiti, livelli differenzjati ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku.

Il-bażi legali

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenzi konkorrenti tagħhom f’dan il-qasam huwa rregolat b’mod strett u limitat mil-liġi Komunitarja eżistenti. Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill biss għandu s-setgħa li jawtorizza lil xi Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis, skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. L-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill.

Għalhekk, il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma għandux ikun akbar minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan inkwistjoni.

L-għażla tal-istrumenti

Strument propost: id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi għal dan it-tip ta’ miżura biss.

4. L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq il-Komunità. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit Komunitarju.

2011/0403 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku[9], u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/231/KE[10] kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/503/KE[11] tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2011, rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

2. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2011, l-Isvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji għal perjodu ta’ sitt snin oħra, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2017. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal SEK 96 għal kull MWh.

3. Fiż-żoni kkonċernati, l-ispejjeż tat-tisħin huma, bħala medja, 25% ogħla milli huma fil-bqija tal-pajjiż minħabba l-perjodu itwal ta’ tisħin. Għalhekk, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-elettriku għall-familji u l-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’dawn iż-żoni jnaqqas id-diskrepanza bejn l-ispejjeż globali tat-tisħin għall-konsumaturi fit-tramuntana tal-Isvezja u dawk imġarrba mill-konsumaturi fil-bqija tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, il-miżura tippermetti lill-Isvezja tapplika rata tat-taxxa globali fuq l-elettriku li hija ogħla milli inkella jkun possibbli u għalhekk tikkontribwixxi indirettament għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ambjentali.

4. It-tnaqqis tat-taxxa ma għandux ikun akbar minn dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi fit-tramuntana tal-Isvezja.

5. Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni ser ikunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

6. Fid-dawl tan-natura remota taż-żoni li għalihom tapplika, il-fatt li t-tnaqqis ma għandux jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fit-tramuntana tal-Isvezja u l-limitazzjoni tal-miżura għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi, il-miżura mhijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7. Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli mill-perspettiva tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa biex tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta u hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

8. Sabiex in-negozji u l-konsumaturi kkonċernati jiġu pprovduti b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, huwa xieraq li l-Isvezja tiġi awtorizzata biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-konsum fit-Tramuntana tal-Isvezja sal-31 ta’ Diċembru 2017.

9. Għandu jiġi żgurat li l-awtorizzazzjoni skont id-Deċiżjoni 2005/231/KE, mogħtija għal raġunijiet simili għall-perjodu preċedenti, tkompli tapplika, mingħajr ma tinħoloq diskrepanza bejn l-iskadenza ta’ dik id-Deċiżjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

10. L-Isvezja hija b’dan awtorizzata biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu fil-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness.It-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard ta’ tassazzjoni għall-elettriku ma għandux ikun akbar minn dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali għat-tisħin fiż-żona tat-tramuntana, meta mqabbla mal-bqija tal-Isvezja, u ma għandux jaqbeż SEK 96 għal kull MWh.

11. Ir-rati mnaqqsa għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2012 u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Isvezja.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

Reġjuni | Muniċipalitajiet |

Norrbottens län | Il-muniċipalitajiet kollha |

Västerbottens län | Il-muniċipalitajiet kollha |

Jämtlands län | Il-muniċipalitajiet kollha |

Västernorrlands län | Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik, |

Gävleborgs län | Ljusdal, |

Dalarnas län | Malung, Mora, Orsa, Älvdalen |

Värmlands län | Torsby |

[1] Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku, ĠU L 283 tal-31.10.2003, p. 51.

[2] ĠU L 72 tat-18.3.2005, p. 27.

[3] ĠU L 199 tal-21.7.2006, p. 19.

[4] Abbażi tar-rata tal-kambju tal-1 ta’ Ottubru 2010 (9,2183 SEK = 1 EUR), cf. Art. 13(1) tad-Direttiva 2003/96/KE.

[5] Cf. b’mod partikolari l-premessi (6) u (7).

[6] Fuq il-bażi tal-Art. 11(4) tad-Direttiva 2003/96/KE, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-livell imnaqqas ta’ tassazzjoni għal użu kummerċjali. Kif ġie ddikjarat hawn fuq, l-Isvezja fil-fatt tapplika r-rata tat-taxxa għal użu mhux kummerċjali kemm għall-familji kif ukoll għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi.

[7] Sors: Il-figuri tal-prezzijiet tal-Eurostat għat-tieni semestru tal-2010. Il-figuri huma għall-użu mhux industrijali tal-kategoriji DA (konsum ta’ inqas minn 1 000 kWh) sa DE (konsum ta’ aktar minn 15 000 kWh).

[8] Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa), ĠU L 214, 9.8.2008.

[9] ĠU L 283 tal-31.10.2003, p. 51.

[10] ĠU L 72 tat-18.3.2005, p. 27.

[11] ĠU L 199 tal-21.7.2006, p. 19.

Top