EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0683

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE

/* KUMM/2011/0683 finali - 2011/0307 (COD) */

52011PC0683

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE /* KUMM/2011/0683 finali - 2011/0307 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Kuntest ġenerali

L-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza (Direttiva 2004/109/KE) talab lill-Kummissjoni Ewropea tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva[1]. Ir-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni skont dan l-Artikolu juri li r-rekwiżiti tad-Direttiva fir-rigward tat-trasparenza huma kkunsidrati utli għall-funzjonament tajjeb u effiċjenti tas-suq minn maġġoranza ta' partijiet interessati.

Madankollu, minkejja dawn il-kisbiet, l-eżami tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza wera li hemm oqsma fejn ir-reġim li ħolqot jista' jiġi mtejjeb. Għalhekk huwa mixtieq li jsir provvediment għas-simplifikazzjoni ta' ċerti obbligi tal-emittenti bil-għan li s-swieq regolati jsiru iżjed attraenti għall-emittenti żgħar u medji li jżidu l-kapital fl-Ewropa. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiżdiedu ċ-ċarezza legali u l-effikaċja tar-reġim eżistenti tat-trasparenza, b'mod partikolari fir-rigward tad-divulgazzjoni tas-sjieda korporattiva.

Din il-proposta għal emenda fid-Direttiva dwar it-Trasparenza hija konsistenti mal-objettiv li jinżamm u, fejn ikun meħtieġ, jittejjeb il-livell ta' protezzjoni tal-investituri previst fid-Direttiva u li jiġi assigurat li l-informazzjoni ddivulgata tkun suffiċjenti u utli għall-finijiet ta' investiment bi prezz aċċettabbli.

1.2. Id-dispożizzjonijiet Komunitarji eżistenti f’dan il-qasam

L-għan tad-Direttiva dwar it-Trasparenza huwa li tassigura livell għoli ta' fiduċja tal-investituri permezz ta' trasparenza ekwivalenti għall-emittenti u l-investituri ta' titoli fl-Unjoni Ewropea kollha. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, id-Direttiva dwar it-Trasparenza titlob li l-emittenti ta' titoli nnegozjati fi swieq regolati jippubblikaw informazzjoni finanzjarja perjodika dwar il-prestazzjoni tal-emittenti matul is-sena finanzjarja u informazzjoni kontinwa dwar detenturi importanti ta' drittijiet tal-vot. Tintroduċi wkoll standards minimi dwar l-aċċess għal, u l-ħżin ta' informazzjoni regolata. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza kienet ikkumplimentata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE[2] li tinkludi miżuri ta' implimentazzjoni u mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħżin ta' informazzjoni regolata.[3]. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza ġiet suċċessivament emendata mid-Direttivi 2008/22/KE[4] u 2010/78/UE [5] fir-rigward tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni u l-abbozz ta' standards tekniċi żviluppati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, u mid-Direttiva 2010/73/UE[6] sabiex ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza jiġu allinjati mad-Direttiva modifikata dwar il-Prospett[7]..

L-obbligi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza huma marbuta mill-qrib ma' rekwiżiti stabbiliti f'testi oħra tal-UE, jew fil-qasam tat-tmexxija korporattiva/liġi tal-kumpaniji jew fil-qasam tas-swieq finanzjarji/titoli. B'mod partikolari, id-Direttiva dwar il-Prospett tinkludi rekwiżiti ta' divulgazzjoni li huma viċin ħafna tal-qasam ċentrali tal-obbligi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza. Id-Direttiva dwar il-Prospett titlob li l-kumpaniji li joffru ishma lill-pubbliku fl-UE joħorġu prospett li jikkonforma mar-regoli dettaljati skont id-Direttiva. Tippermetti wkoll lill-kumpaniji joħorġu prospett f'pajjiż tal-UE li jkopri offerti sussegwenti ta' titoli lill-pubbliku jew ammissjoni għan-negozjar madwar l-Ewropa, b'obbligi minimi ta' traduzzjoni.

Barra minn hekk, id-Direttiva dwar it-Trasparenza hija l-istrument sabiex jiġu implimentati l-obbligi ta' divulgazzjoni taħt direttivi oħra, bħad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq[8], li tipprojbixxi mġiba abużiva fi swieq regolati (eż. abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq) u titlob li l-emittenti jiddivulgaw informazzjoni interna.

1.3. Koerenza ma’ politiki oħrajn

It-titjib tal-ambjent regolatorju għall-emittenti żgħar u medji u l-aċċess tagħhom għall-kapital huma prijoritajiet politiċi għoljin għall-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, fil-Komunikazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku ta’ April 2011[9], il-Kummissjoni sostniet li d-Direttiva dwar it-Trasparenza għandha tiġi riveduta "sabiex l-obbligi applikabbli għall-SMEs elenkati jsiru aktar proporzjonali [proporzjonati], filwaqt li jiġi ggarantit l-istess livell ta' protezzjoni tal-investituri". Din il-proposta għandha l-għan li temenda d-Direttiva dwar it-Trasparenza sabiex tilħaq dan l-objettiv

Barra minn hekk, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza għandha l-għan li tiżgura t-trasparenza ta' akkwiżizzjonijiet kbar fil-kumpaniji, il-fiduċja tal-investituri u ffukar akbar fuq ir-riżultati għaż-żmien fit-tul. B'hekk tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-Kummissjoni lejn it-tisħiħ tal-istabilità finanzjarja. Fl-istess ħin, l-aċċess għall-informazzjoni regolata fuq il-livell tal-Unjoni għandu l-għan li jżid l-integrazzjoni funzjonali tas-swieq Ewropej tat-titoli u li jassigura viżibilità transkonfinali aħjar għall-kumpeniji żgħar u medji elenkati.

Rigward il-kwistjoni ġenerali tal-implimentazzjoni, id-Direttiva dwar it-Trasparenza hija riveduta wkoll sabiex issegwi l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji.[10]. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni pprevediet azzjoni leġislattiva tal-UE sabiex jiġu stabbiliti standards minimi komuni dwar xi kwistjonijiet prinċipali tar-reġimi tas-sanzjonar, li għandhom jiġu addattati għall-partikolaritajiet tas-setturi differenti. Sabiex tassigura li s-sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiżiti ta' trasparenza jkunu suffiċjentement effettivi, proporzjonati u dissważivi, il-proposta tfittex li tirrinforza u tqarreb il-qafas legali tal-Istati Membri fir-rigward tas-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi billi tipprovdi għal sanzjonijiet amministrattivi suffiċjentement dissważivi li japplikaw għall-ksur tar-rekwiżiti prinċipali tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, u firxa personali xierqa ta' sanzjonijiet amministrattivi u l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet. Din il-proposta ma tkoprix is-sanzjonijiet kriminali.

2. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u tal-valutazzjonijiet tal-impatt 2.1. Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Il-proposta ġiet ippreparata skont l-approċċ tal-Kummissjoni għall-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar. Din il-proposta u l-valutazzjoni ta' impatt tagħha huma r-riżultat ta' djalogu mifrux u kontinwu mal-partijiet interessati ewlenin kollha, inkluż ir-regolaturi tat-titoli, il-parteċipanti fis-suq (emittenti, intermedjarji u investituri), u l-konsumaturi. Hija mibnija fuq l-osservazzjonijiet u l-analiżi kontenuti fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza li ssemma aktar 'il fuq u d-dokument ta' ħidma iżjed dettaljat tal-persunal tal-Kummissjoni li akkumpanjah. Hija tibbaża fuq is-sejbiet ta' studju estern[11] imwettaq fl-2009 għall-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' obbligi magħżula ta' din id-Direttiva, li tinkludi evidenza miġbura minn parteċipanti tas-suq permezz ta' stħarriġ. Ir-rapport tal-Kummissjoni jibbaża wkoll fuq rapporti ppubblikati mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (KRET) (attwalment AETS)[12] u mill-Grupp ta' Esperti dwar is-Swieq tat-Titoli Ewropej (GESET)[13] f'dan il-qasam. Ir-rapporti tal-KRET (AETS) u tal-ESME kienu utli ħafna sabiex jiġu identifikati oqsma tad-Direttiva dwar it-Trasparenza b'dispożizzjonijiet mhux ċari u/jew li setgħu jiġu mtejba.

Ġew ikkunsidrati wkoll il-kummenti riċevuti minn partijiet interessati li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika. Bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni, fil-11 ta’ Ġunju 2010 is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw konferenza pubblika bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet interessati. Id-diskussjoni ffukat fuq l-attrazzjoni tas-swieq regolati għall-emittenti żgħar u medji u t-titjib possibbli fl-obbligi ta' trasparenza fir-rigward tad-divulgazzjonijiet tas-sjieda korporattiva.

2.2. Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-politika tar-"Regolazzjoni Aħjar" tagħha, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt ta’ alternattivi politiċi. Dawn ta' hawn isfel huma l-aħjar opzjonijiet ta' politika li nżammu għas-suġġetti li ġejjin:

- spazju għal iżjed flessibbiltà rigward il-frekwenza u ż-żmien tal-pubblikazzjoni ta' informazzjoni finanzjarja perjodika, b'mod partikolari għall-emittenti żgħar u medji:

Jitneħħa l-obbligu li jiġu ppreżentati rapporti finanzjarji kull tliet xhur għall-kumpaniji kollha elenkati – L-introduzzjoni ta' reġimi differenzjati ta' divulgazzjoni għall-kumpaniji elenkati f'suq regolat skont id-daqs tagħhom tqieset bħala mhux mixtieqa minħabba li tali reġim kieku jintroduċi standards doppji għall-istess segment tas-suq u għalhekk ikun ta' konfużjoni għall-investituri. L-opzjoni politika ppreferuta tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għall-kumpaniji kollha elenkati fi swieq regolati iżda għandha tkun ta' benefiċċju b'mod partikolari għal dawk ta' daqs iżgħar, billi tnaqqas b'mod konsiderevoli l-piż amministrattiv marbut mal-pubblikazzjoni u l-preparazzjoni tal-informazzjoni kull tliet xhur. Din l-opzjoni tippermetti lill-emittenti żgħar u medji li jindirizzaw b'mod ġdid ir-riżorsi tagħhom sabiex jippubblikaw it-tip ta' informazzjoni li taqdi l-aħjar lill-investituri tagħhom. Din l-opzjoni għandha tnaqqas il-pressjoni fuq medda qasira ta’ żmien fuq l-emittenti u tinċentiva lill-investituri biex jadottaw viżjoni aktar fit-tul. M'għandux ikollha impatt negattiv fuq il-protezzjoni tal-investituri. Il-protezzjoni tal-investituri diġà hija garantita b'mod suffiċjenti permezz tad-divulgazzjoni obbligatorja tar-riżultati finanzjarji f'nofs is-sena u annwali, kif ukoll permezz tad-divulgazzjonijiet meħtieġa mid-Direttivi dwar l-Abbuż tas-Suq u dwar il-Prospett. Għalhekk, l-investituri għandhom ikunu infurmati sewwa dwar avvenimenti u fatti li jistgħu potenzjalment jinfluwenzaw il-prezz tat-titoli sottostanti indipendentement mid-divulgazzjoni tal-informazzjoni kull tliet xhur li fil-preżent hija meħtieġa mid-Direttiva dwar it-Trasparenza.

- jiġu ssimplifikati l-partijiet narrattivi tar-rapporti finanzjarji għall-emittenti żgħar u medji:

L-AETS tkun meħtieġa tipprepara gwida mhux vinkolanti (mudelli) dwar il-kontenut narrattiv tar-rapporti finanzjarji għall-kumpaniji kollha elenkati – Din l-opzjoni tippermetti ffrankar tal-ispejjeż u ttejjeb il-komparabilità tal-informazzjoni għall-investituri. Iżżid ukoll il-viżibilità transkonfinali tal-emittenti żgħar u medji.

- jiġu eliminati d-differenzi fir-rekwiżiti ta' notifika rigward detenturi importanti ta' drittijiet tal-vot:

Ir-reġim tad-divulgazzjoni jiġi estiż għall-istrumenti kollha b'effett ekonomiku simili għad-detentur ta' ishma u drittijiet ta' akkwiżizzjoni tal-ishma – Din l-opzjoni tkopri d-derivati ssaldati fi flus[14] kif ukoll kwalunkwe strument finanzjarju simili fil-ġejjieni u tagħlaq nuqqas fir-reġim eżistenti tad-divulgazzjoni. Din l-opzjoni għandha impatt pożittiv fuq il-protezzjoni tal-investituri u l-fiduċja tas-suq billi tiskoraġġixxi l-bini sigriet ta' stokks fil-kumpaniji elenkati.

- jiġu eliminati d-diverġenzi fir-rekwiżiti ta' notifika għal detenturi importanti:

Jiġi armonizzat ir-reġim għad-divulgazzjoni ta' detenturi importanti ta' drittijiet tal-vot billi tkun meħtieġa l-aggregazzjoni tad-detenturi tal-ishma ma' dawk tal-istrumenti finanzjarji li jagħtu aċċess għall-ishma (inklużi d-derivati ssaldati fi flus) – Din l-opzjoni toħloq approċċ uniformi, tnaqqas l-inċertezza legali, iżżid it-trasparenza, tissimplifika l-investimenti transkonfinali u tnaqqas l-ispejjeż tagħha.

Barra minn hekk, kienu kkunsidrati aġġustamenti u kjarifiki tekniċi sabiex jinħoloq qafas aħjar ta' implimentazzjoni għad-Direttiva.

Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt huwa disponibbli fuq: […]

2.3. Bażi ġuridika

L-UE għandha d-dritt taġixxi f'dan il-qasam skont l-Artikoli 50 u 114 tat-TFUE.

Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat proposti għal Regolamenti li jistabilixxu l-ABE, AEAPX u l-AETS. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tixtieq tfakkar fid-dikjarazzjonijiet marbuta mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE li kienet għamlet waqt l-adozzjoni tar-Regolamenti li jistabilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej skont liema: "Fir-rigward tal-proċess għall-adozzjoni ta' standards regolatorji, il-Kummissjoni tenfasizza n-natura unika tas-settur tas-servizzi finanzjarji, li jkompli mal-istruttura Lamfalussy u li kien speċifikament rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni 39 għat-TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni għandha dubji serji jekk ir-restrizzjonijiet fuq ir-rwol tagħha meta tadotta atti delegati u provvedimenti ta' implimentazzjoni humiex skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE."

2.4. Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-problemi identifikati fir-rigward tal-emittenti żgħar u medji joħorġu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' bidliet fil-leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa biss strument legali vinkolanti, adottat fil-livell tal-UE, li jista' jassigura li l-Istati Membri kollha japplikaw l-istess qafas regolatorju bbażat fuq l-istess prinċipji, biex hekk tintemm il-frammentazzjoni preżenti tar-risposta regolatorja rigward ir-reġim għan-notifika ta' detenturi importanti.

Sanzjonijiet li huma diverġenti u dgħajfa wisq jissugraw ma jkunux suffiċjenti sabiex jipprevjenu b’mod effikaċi l-vjolazzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament biex jiżguraw superviżjoni effikaċi u l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ugwali. Azzjoni fil-livell tal-UE tista' tevita diverġenzi u dgħufijiet fil-qafas legali tas-setgħat ta' sanzjonar u investigattivi disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u b'hekk tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-opportunitajiet ta' arbitraġġ regolatorju.

2.5. L-għażla tal-istrumenti

Modifika tad-Direttiva preżenti dwar it-Trasparenza tidher li hija l-iżjed soluzzjoni vijabbli. Direttiva tista' tippermetti armonizzazzjoni massima f'ċerti oqsma iżda xorta tħalli flessibbiltà lill-Istati Membri biex is-sitwazzjoni speċifika tagħhom tkun tista' tiġi kkunsidrata f'oqsma oħra.

2.6. Spjegazzjoni iżjed dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

- Għażla tal-Istat Membru tal-oriġini għal emittenti ta' pajjiżi terzi

Bħalissa, id-Direttiva dwar it-Trasparenza mhijiex ċara dwar liema pajjiż huwa l-Istat Membru tal-oriġini għal emittenti li għandhom jagħżlu l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom skont l-Artikolu 2, paragrafu 1, sub (i) (ii), iżda li m'għamlux dan. Importanti li d-Direttiva dwar it-Trasparenza ma tipprovdi ebda possibbiltà li r-regoli jiġu implimentati b'tali mod li kumpanija elenkata tkun tista' topera mingħajr ma tkun taħt is-superviżjoni ta' Stat Membru. Għalhekk, wara l-kummenti rċevuti minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika, ġie stabbilit Stat Membru tal-oriġini awtomatiku għall-emittenti minn pajjiżi terzi li ma jkunux għażlu l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom skont l-Artikolu 2(1) (i) matul perjodu ta' tliet xhur.

- Tneħħa r-rekwiżit li jiġu ppubblikati rapporti ta' ġestjoni interim u/jew rapporti ta’ kull tliet xhur

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mal-elenkar fi swieq regolati u sabiex jiġi inkoraġġit l-investiment fit-tul, ir-rekwiżit li jiġu ppubblikati rapporti ta' ġestjoni interim ġie abolit għall-kumpaniji kollha elenkati. Il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni mhijiex ikkunsidrata bħala neċessarja għall-protezzjoni tal-investituri u għalhekk għandha titħalla għas-suq bil-għan li jiġi eliminat il-piż amministrattiv mhux meħtieġ. L-emittenti jistgħu jkomplu jippubblikaw tali informazzjoni jekk ikun hemm domanda qawwija mill-investituri. Għall-benefiċċju tal-effiċjenza u sabiex jipprovdu reġim armonizzat għad-divulgazzjoni, l-Istati Membri m'għandhomx ikomplu jimponu dan l-obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Fil-preżent, bosta Stati Membri jimponu rekwiżiti aktar stretti ta' divulgazzjoni mill-minimu previst fid-Direttiva. Sabiex jassiguraw li l-kumpaniji kollha elenkati fl-UE jibbenefikaw minn trattament ugwali u li l-piż amministrattiv fil-fatt jitnaqqas, l-Istati Membri m'għandhomx jitħallew idaħħlu elementi mhux meħtieġa u m'għandhomx jesiġu aktar minn dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-investituri.

- Definizzjoni wiesgħa tal-istrumenti finanzjarji soġġetti għal rekwiżit ta' notifika

Sabiex tiġi kkunsidrata l-innovazzjoni finanzjarja u jkun żgurat li l-emittenti u l-investituri jkollhom għarfien sħiħ tal-istruttura tas-sjieda korporattiva, id-definizzjoni ta' strument finanzjarju għandha titwessa' biex tkopri l-istrumenti kollha b'effett ekonomiku simili għad-detenturi ta' ishma u drittijiet ta' akkwiżizzjoni tal-ishma, irrispettivament minn jekk jagħtux dritt għal saldu fiżiku. Fil-preżent, id-Direttiva dwar it-Trasparenza ma teħtieġx in-notifika ta' ċerti tipi ta' strumenti finanzjarji li ma jagħtux id-dritt li jinkisbu drittijiet tal-vot, iżda li jistgħu jintużaw biex jinbnew ishma sigrieti f'kumpaniji elenkati mingħajr ma jiġu divulgati lis-suq.

- Armonizzazzjoni akbar għan-notifika ta' detenturi importanti - Aggregazzjoni tad-detenturi ta' ishma mad-detenturi ta' strumenti finanzjarji

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza ma teħtieġx l-aggregazzjoni ta' detenturi ta' drittijiet tal-vot mad-detenturi ta' strumenti finanzjarji biex jiġu kkalkulati l-livelli limitu għan-notifika ta' detenturi importanti. L-Istati Membri adottaw approċċi differenti f'dan il-qasam. Dan jirriżulta f'suq frammentat u spejjeż addizzjonali għall-investituri transkonfinali. Approċċ uniformi rigward il-kalkolu tal-livelli limitu għan-notifika ta' detenturi importanti huwa essenzjali sabiex titjieb iċ-ċertezza legali, tiżdied it-trasparenza, jiġu ssimplifikati l-investimenti transkonfinali u jitnaqqsu l-ispejjeż sottostanti. Għalhekk, id-detenturi tal-ishma jridu jiġu aggregati mad-detenturi tal-istrumenti finanzjarji sabiex jiġu kkalkulati l-livelli limitu għan-notifika. M'għandux ikun permess kalkolu tal-valur nett ta' pożizzjonijiet twal u bin-nieqes. In-notifika għandha tinkludi l-analiżi skont it-tip ta' strumenti finanzjarji miżmuma sabiex is-suq jiġi pprovdut informazzjoni dettaljata dwar in-natura tad-detenturi.

Madankollu, sabiex jikkunsidraw id-differenzi fil-konċentrazzjoni tas-sjieda, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jitħallew jistabbilixxu livelli limitu nazzjonali aktar baxxi għan-notifika ta' detenturi importanti minn dawk previsti fid-Direttiva dwar it-Trasparenza fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi assigurata trasparenza xierqa tad-detenturi. Fil-fatt, f'xi Stati Membri l-kumpaniji huma posseduti minn numru żgħir ta' azzjonisti, b'kull azzjonist iżomm perċentwal sinifikanti ta' ishma. Filwaqt li fi Stati Membri oħra, is-sjieda hija mifruxa, u azzjonist b'perċentwal relattivament żgħir ta' ishma diġà jista' jeżerċita influwenza importanti f'kumpanija. Fil-każ tal-aħħar, in-notifika ta' detenturi f'livell limitu aktar baxx mill-minimu previst fid-Direttiva dwar it-Trasparenza tista' tkun meħtieġa sabiex tassigura t-trasparenza adegwata ta' detenturi importanti.

- Ħżin ta' informazzjoni regolata

L-aċċess għal informazzjoni finanzjarja dwar kumpaniji elenkati fuq livell pan-Ewropew fil-preżent huwa diffiċli: il-partijiet interesssati jridu jaraw 27 bażi ta' dejta nazzjonali differenti sabiex ifittxu l-informazzjoni. Il-livell ta' interkonnessjoni bejn is-27 mekkaniżmu ta' ħżin nazzjonali huwa insuffiċjenti. Għalhekk, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess transkonfinali għall-informazzjoni regolata, għandu jiġi mtejjeb in-netwerk kurrenti ta' mekkaniżmi ta' ħżin maħtura b'mod uffiċjali. Huwa propost li l-Kummissjoni Ewropea tirċievi aktar setgħat delegati f'dan ir-rigward, partikolarment fil-każ tal-aċċess għal informazzjoni regolata fuq il-livell tal-Unjoni. L-EMSA għandha tassisti lill-Kummissjoni Ewropea billi tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji dwar, pereżempju, it-tħaddim ta' punt ċentrali ta' aċċess għat-tiftix fuq il-livell tal-Unjoni ta' informazzjoni regolata. Dawn il-miżuri għandhom jippreparaw ukoll il-ħolqien futur possibbli ta' mekkaniżmu uniku ta' ħżin Ewropew li jassigura l-ħżin ta' informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni.

- Rappurtar tal-pagamenti lill-gvernijiet

Il-Kummissjoni pubblikament esprimiet l-appoġġ tagħha għall-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), u wrier ir-rieda li tippreżenta leġiżlazzjoni li tagħmel mandatorji rekwiżiti għad-divulgazzjoni għall-kumpaniji tal-industrija estrattiva[15]. Impenn simili sar fid-Dikjarazzjoni konklussiva tas-Summit tal-G8 f'Deauville ta’ Mejju 2011[16], fejn il-gvernijiet tal-G8 intrabtu li "idaħħlu liġijiet u regolamenti dwar it-trasparenza jew li jippromwovu standards volontarji li jeħtieġu jew iħeġġu lill-kumpaniji taż-żejt, tal-gass u tal-minjieri jiddivulgaw il-pagamenti li jagħmlu lill-gvernijiet". Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew ippreżenta Riżoluzzjoni[17] fejn reġa' sostna l-appoġġ tiegħu għar-rekwiżiti ta' rappurtaġġ pajjiż b'pajjiż, b'mod partikolari għall-industriji estrattivi.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-preżent ma titlobx lill-emittenti jiddivulgaw, fuq bażi ta' pajjiż, il-pagamenti lill-gvernijiet magħmula fil-pajjiżi fejn joperaw. Għalhekk, dawn il-pagamenti lill-gvernijiet f'pajjiż speċifiku is-soltu ma jiġux iddivulgati, anki jekk pagamenti bħal dawn mill-industrija estrattiva (żejt, gass u minjieri) jew mill-qtugħ tal-injam[18] mill-foresti primarji[19] jistgħu jirrapreżentaw proporzjoni sinifikanti tal-introjtu ta' pajjiż, speċjlament f'pajjiżi terzi li għandhom ħafna riżorsi naturali. Sabiex il-gvernijiet ikunu jistgħu jagħtu kont tal-użu ta' dawn ir-riżorsi u jippromwovu l-governanza tajba, qed jiġi propost li tkun meħtieġa d-divulgazzjoni tal-pagamenti lill-gvernijiet fuq il-livell individwali jew konsolidat ta' kumpanija. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza teħtieġ lill-emittenti jiddivulgaw il-pagmenti lill-gvernijiet billi tirrefri għad-dispożizzjonijier relevanti tad-Direttiva 2011/../UE tal-Kunsill dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, rapporti finanzjarji kkonsolidati u rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi li jipprovdu għar-rekwiżiti ddettaljati f'dan ir-rigward.

Din il-proposta hija simili għal-AttDodd-Frank tal-Istati Uniti[20], li ġie adottat f'Lulju 2010, u jitlob li l-kumpaniji tal-industriji estrattivi (kumpaniji taż-żejt, gass u minjieri) rreġistrati mal-Kummissjoni għat-Titoli u l-Kambju (SEC – Securities and Exchange Commission) jirrappurtaw pubblikament il-pagamenti lill-gvernijiet [21] fuq bażi speċifika għall-pajjiż u għall-proġett. Ir-regoli ta' implimentazzjoni tas-SEC huma skedati għall-adozzjoni sa tmiem l-2011.

- Sanzjonijiet u investigazzjoni

Sabiex jiġi pprovdut qafas aħjar ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, żdiedu s-setgħat ta’ sanzjonar tal-awtoritajiet kompetenti. B'mod partikolari, il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet hija importanti sabiex titjieb it-trasparenza u tinżamm il-fiduċja fis-swieq finanzjarji. Is-sanzjonijiet normalment għandhom jiġu ppubblikati, għajr f'ċerti ċirkustanzi definiti sewwa. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li jissospendu l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tal-emittent li jkun kiser r-regoli ta' notifika dwar detenturi importanti, billi din hija l-iżjed sanzjoni effiċjenti sabiex jiġi prevenut il-ksur ta' dawn ir-regoli. Sabiex tiġi assigurata applikazzjoni konsistenti tas-sanzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti kriterji uniformi biex tiġi determinata s-sanzjoni attwali applikabbli għal persuna jew għal kumpanija.

- Aġġustamenti tekniċi oħra

Huma proposti aġġustamenti u kjarifiki tekniċi oħra wara r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika.

2011/0307 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 50 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[22],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[23],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)           Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE[24], il-Kummissjoni kellha tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż dwar jekk ikunx xieraq illi tintemm l-eżenzjoni għal titoli ta' dejn eżistenti wara l-perjodu ta' 10 snin kif previst fl-Artikolu 30(4) ta' dik id-Direttiva u l-impatt potenzjali ta' dan fuq is-swieq finanzjarji Ewropej.

(2)   Fis-27 ta’ Mejju 2010 il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/109/KE[25] li identifika oqsma fejn ir-reġim maħluq minn dik id-Direttiva seta' jiġi mtejjeb. B'mod partikolari, ir-rapport juri l-ħtieġa li jsir provvediment għas-simplifikazzjoni ta' ċerti obbligi għall-emittenti bil-għan li s-swieq regolati jsiru aktar attraenti għall-emittenti żgħar u medji li jżidu kapital fl-Unjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li tittejjeb l-effikaċja tar-reġim eżistenti tat-trasparenza, b'mod partikolari fir-rigward tad-divulgazzjoni tas-sjieda korporattiva.

(3)   Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu 'L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, Flimkien għal tkabbir ġdid'[26], il-Kummissjoni tidentifika l-ħtieġa li tiġi riveduta d-Direttiva 2004/109/KE sabiex l-obbligi applikabbli għall-impriżi żgħar u medji elenkati jsiru aktar proporzjonali, filwaqt li jiġi garantit l-istess livell ta' protezzjoni tal-investituri.

(4)   Skont ir-rapport tal-Kummissjoni u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, il-piż amministrattiv assoċjat mal-obbligi marbuta mal-ammissjoni għall-kummerċ fi swieq regolati għandu jitnaqqas għall-emittenti żgħar u medji bil-għan li jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-kapital. L-obbligi li jiġu ppubblikati rapporti ta' ġestjoni interim jew rapporti finanzjarji kull tliet xhur jirrappreżentaw piż importanti għall-emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ fi swieq regolati, mingħajr ma huma meħtieġa għall-protezzjoni tal-investituri. Huma jinkoraġġixxu wkoll il-prestazzjoni għal żmien qasir u jiskoraġġixxu l-investiment fit-tul. Sabiex jiġi inkoraġġit il-ħolqien ta' valur sostenibbli u strateġija ta' investiment orjentata fit-tul, huwa essenzjali li titnaqqas il-pressjoni fuq medda qasira ta’ żmien fuq l-emittenti u li l-investituri jingħataw inċentiv sabiex jadottaw viżjoni aktar fit-tul. Ir-rekwiżit li jiġu ppubblikati rapporti ta' ġestjoni interim għalhekk għandu jiġi abolit.

(5)   Sabiex ikun assigurat li l-piż amministrattiv fil-fatt jitnaqqas fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri m'għandhomx jitħallew ikomplu jimponu r-rekwiżit ta' pubblikazzjoni tad-rapporti ta' ġestjoni interim fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

(6)   Sabiex jitnaqqas aktar il-piż amministrattiv għall-emittenti żgħar u medji u sabiex tkun assigurata l-komparabilità tal-informazzjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, minn hawn 'il quddiem 'AETS'), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[27], għandha toħroġ linji gwida, fosthom formoli standards jew mudelli, sabiex tispeċifika liema informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport ta' ġestjoni.

(7)   Sabiex tiġi pprovduta trasparenza akbar tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula lill-gvernijiet, l-emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li għandhom attivitajiet fl-industriji estrattivi jew tal-qtugħ tal-injam primarju għandhom jiddivulgaw f'rapport separat fuq bażi annwali l-pagamenti magħmula lill-gvernijiet fil-pajjiżi fejn joperaw. Ir-rapport għandu jinkludi tipi ta' pagamenti komparabbli għal dawk iddivulgati taħt l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) u jipprovdu lis-soċjetà ċivili b'informazzjoni sabiex iżommu lill-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi, responsabbli għar-riċevuti tagħhom mill-isfruttament tar-riżorsi naturali. L-inzijattiva hija wkoll kumplimentari għall-Pjan ta' Azzjoni tal-UE FLEGT Action Plan (Forest Law Enforcement, Governance and Trade)[28] u r-Regolament dwar l-Injam[29] li jeħtieġ lin-negozjati tal-prodotti tal-injam jeżerċitaw id-diliġenza dovuta sabiex iżommu milli jkun hemm injam illegali dieħel fis-suq tal-UE. Ir-rekwiżiti dettaljati huma definiti fil-Kapitolu 9 tad-Direttiva 2011/../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[30].

(8)   L-innovazzjoni finanzjarja wasslet għall-ħolqien ta' tipi ġodda ta' strumenti finanzjarji li jagħtu lill-investituri skopertura ekonomika għall-kumpaniji, li d-divulgazzjoni tagħhom ma kinitx prevista fid-Direttiva 2004/109/KE. Dawk l-istrumenti jistgħu jintużaw biex jiġu akkwiżiti stokks sigrieti fil-kumpaniji, li jistgħu jirriżultaw f'abbuż tas-suq u jagħtu stampa falza tas-sjieda ekonomika tal-kumpaniji pubbliċi elenkati. Sabiex ikun assigurat li l-emittenti u l-investituri jkollhom għarfien sħiħ tal-istruttura tas-sjieda korporattiva, id-definizzjoni ta' strumenti finanzjarji f'din id-Direttiva għandha tkopri l-istrumenti kollha b'effett ekonomiku simili għaż-żamma ta' ishma u drittijiet għall-akkwiżizzjoni ta' ishma.

(9)   Barra minn hekk, sabiex tkun assigurata t-trasparenza adegwata ta' detenturi importanti, fejn detentur ta' strumenti finanzjarji jeżerċita d-dritt tiegħu li jakkwista ishma u d-detenturi totali ta' ishma fiżiċi jaqbżu l-livell limitu ta' notifika mingħajr ma jiġi affettwat il-perċentwal globali tad-detenturi innotifikati qabel, għandha tkun meħtieġa notifika ġdida sabiex tiġi divulgata l-bidla fin-natura tad-detenturi.

(10)   Reġim armonizzat għan-notifika ta' detenturi importanti ta' drittijiet tal-vot, speċjalment fir-rigward tal-aggregazzjoni ta' detenturi ta' ishma ma' detenturi ta' strumenti finanzjarji, għandu jtejjeb iċ-ċertezza legali, iżid it-trasparenza u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-investituri transkonfinali. L-Istati Membri għalhekk m'għandhomx jitħallew jadottaw regoli aktar stretti jew diverġenti f'dak il-qasam minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/109/KE. Madankollu, minħabba d-differenzi eżistenti fil-konċentrazzjonijiet tas-sjieda fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jitħallew jistabbilixxu livelli limitu aktar baxxi għan-notifika ta' detenturi ta' drittijiet tal-vot.

(11)   L-istandards tekniċi għandhom jassiguraw armonizzazzjoni konsistenti tar-reġim għan-notifika ta' detenturi importanti u livelli adegwati ta' trasparenza. Ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bl-elaborazzjoni ta' abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta' politika, biex jiġu sottomessi lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-AETS biex tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet eżistenti mir-rekwiżiti ta' notifika għal detenturi importanti ta' drittijiet tal-vot. Billi tuża l-kompetenza tagħha, l-AETS għandha b'mod partikolari tiddetermina l-każi ta' eżenzjonijiet meta tikkunsidra l-abbuż possibbli tagħhom sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti ta' notifika.

(12)   Sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex timmodifika l-metodu ta' kalkolutan-numru ta' drittijiet tal-vot relatati mal-istrumenti finanzjarji, sabiex tispeċifika t-tipi ta' strumenti finanzjarji soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika u sabiex tispeċifika l-kontenut tan-notifika ta' detenturi importanti ta' strumenti finanzjarji. Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tassigura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(13)   Sabiex jiġi faċilitat l-investiment transkonfinali, l-investituri għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw faċilment informazzjoni regolata għall-kumpaniji elenkati kollha fl-Unjoni. Madankollu, in-netwerk preżenti ta' mekkaniżmi nazzjonali ta' ħżin maħtura b'mod uffiċjali għall-informazzjoni regolata ma jassigurax tfittxija faċli għal tali informazzjoni madwar l-Unjoni. Sabiex ikun assigurat aċċess transkonfinali għall-informazzjoni u sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex tispeċifika standards minimi għad-disseminazzjoni ta' informazzjoni regolata, l-aċċess għall-informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni u mekkaniżmu ta' ħżin ċentrali tal-informazzjoni regolata. Il-Kummissjoni, bil-għajnuna tal-AETS, għandu jkollha s-setgħa wkoll li tieħu miżuri sabiex ittejjeb il-funzjonament tan-netwerk ta' mekkaniżmi nazzjonali ta' ħżin maħtura b'mod uffiċjali u biex tiżviluppa kriterji tekniċi għall-aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni.

(14)   Sabiex titjieb il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/109/KE u wara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 bit-titlu 'Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji'[31], is-setgħat ta' sanzjonar tal-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżdiedu u għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali. B'mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jissospendu l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot għal detenturi ta' ishma u strumenti finanzjarji li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta' notifika u li jimponu sanzjonijiet pekunarji li jkunu suffiċjentement għolja biex ikunu dissważivi. Sabiex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikollhom effett dissważiv fuq il-pubbliku b'mod ġenerali, is-sanzjonijiet normalment għandhom jiġu ppubblikati, għajr f'ċerti ċirkustanzi definiti sewwa.

(15)   Sabiex jiġi ċċarat it-trattament ta' titoli mhux elenkati rappreżentati permezz ta' rċevuti ta' depożiti ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u sabiex jiġu evitati nuqqasijiet ta' trasparenza, id-definizzjoni ta' 'emittent' għandha tiġi speċifikata aktar sabiex tinkludi l-emittenti ta' titoli mhux elenkati rappreżentati permezz ta' rċevuti ta' depożiti ammessi għall-kummerċ f'suq regolat. Huwa xieraq ukoll li d-definizzjoni ta' 'emittent' tiġi emendata billi jiġi kkunsidrat li f'xi Stati Membri l-emittenti jistgħu jkunu persuni fiżiċi b'titoli ammessi għall-kummerċ fi swieq regolati.

(16)   L-emittenti kollha li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat fi ħdan l-Unjoni għandhom jaqgħu taħt is-superviżjoni ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex ikun assigurat li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Emittenti li, skont id-Direttiva 2004/109/KE, iridu jagħżlu l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom iżda li ma jkunux għamlu dan jistgħu jevitaw li jiġu sorveljati minn xi awtorità kompetenti fl-Unjoni. Għalhekk, id-Direttiva 2004/109/KE għandha tiġi emendata sabiex tinkludi suppożizzjoni ta' għażla ta' Stat Membru tal-oriġini għall-emittenti li ma jkunux ikkomunikaw l-għażla tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien tliet xhur.

(17)   Skont id-Direttiva 2004/109/KE, l-għażla ta' Stat Membru tal-oriġini hija valida għal tliet snin. Madankollu, meta emittent minn pajjiż terz ma jibqax elenkat fis-suq regolat fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu u jibqa' elenkat biss fi Stat Membru ospitanti wieħed, ma jkun hemm l-ebda relazzjoni ta' dak l-emittent mal-Istat Membru tal-oriġini li jkun għażel oriġinarjament. Tali emittent għandu jitħalla jagħżel l-Istat Membru ospitanti tiegħu bħala l-Istat Membru tal-oriġini l-ġdid tiegħu qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet snin.

(18)   Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE tat-8 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat[32] tinkludi b'mod partikolari regoli dwar in-notifika tal-għażla tal-Istat Membru tal-oriġini mill-emittent. Sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-emittent ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu ma jiġux infurmati dwar l-għażla tal-Istat Membru tal-oriġini mill-emittent, l-emittenti kollha għandhom ikunu meħtieġa jikkomunikaw l-għażla tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, jekk dan ikun differenti mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Għalhekk, id-Direttiva 2007/14/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(19)   Ir-rekwiżit tad-Direttiva 2004/109/KE rigward id-divulgazzjoni ta' self ġdid wassal għal bosta problemi ta' implimentazzjoni fil-prattika u l-applikazzjoni tiegħu hija kkunsidrata bħala kumplessa. Barra minn hekk, dak ir-rekwiżit huwa parzjalment simili għar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE[33] u d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq)[34] u ma jipprovdix wisq informazzjoni addizzjonali lis-suq. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv bla bżonn għall-emittenti, dak ir-rekwiżit għalhekk għandu jiġi abolit.

(20)   Ir-rekwiżit sabiex kwalunkwe emenda fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni jew fl-istatuti ta' emittent tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandu elementi komuni mar-rekwiżit simili tad-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta' kumpanniji kkwotati[35] u jista' jwassal għal konfużjoni rigward ir-rwol tal-awtorità kompetenti. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv bla bżonn għall-emittenti, dak ir-rekwiżit għalhekk għandu jiġi abolit.

(21)   Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[36] u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta[37], għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ għall-ipproċessar tad-dejta personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(22)   Id-Direttivi 2004/109/KE u 2007/14/KE għalhekk għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2004/109/KE

Id-Direttiva 2004/109/KE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2(1) huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt (d) huwa mibdul b’dan li ġej:

'(d) 'emittent' tfisser persuna fiżika jew entità ġuridika regolata bid-dritt privat jew pubbliku, inkluż Stat, li t-titoli tagħha huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat.

Fil-każ ta' irċevuti ta' depożiti ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, l-emittent ifisser l-emittent tat-titoli rappreżentati, kemm jekk dawk it-titoli jkunu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat kif ukoll jekk le;';

(b) il-punt (i) huwa emendat kif ġej:

          (i)         fil-punt (ii), huwa miżjud il-paragrafu li ġej:

'Fin-nuqqas ta' għażla mill-emittent fi żmien perjodu ta' tliet xhur, il-punt (i) ta' hawn fuq għandu japplika awtomatikament għal dak l-emittent;';

          (ii)        jiġi miżjud il-punt (iii) li ġej:

'(iii)       b'deroga mill-punti (i) u (ii), emittent inkorporat f'pajjiż terz li t-titoli tiegħu ma jkunux għadhom ammessi għall-kummerċ f'suq regolat fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu iżda minflok ikunu ammessi għall-kummerċ fi Stat Membru wieħed ieħor jew aktar jista' jagħżel l-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minn fost l-Istati Membri fejn it-titoli tiegħu jkunu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat;';

(c) jiġi miżjud il-punt (q) li ġej:

'(q) 'ftehim formali' tfisser ftehim li huwa vinkolanti skont il-liġi applikabbli.'.

(2) L-Artikolu 3(1) huwa mibdul b'dan li ġej:

'1.      L-Istat Membru tal-oriġini jista' jissoġġetta lill-emittent għal rekwiżiti aktar strinġenti minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, ħlief li jitlob lill-emittenti jippubblikaw informazzjoni perjodika għajr ir-rapporti finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 4 u r-rapporti finanzjarji ta' kull sitt xhur imsemmija fl-Artikolu 5.

L-Istat Membru tal-oriġini ma jistax jissoġġetta detentur ta' ishma, jew persuna fiżika jew entità ġuridika msemmija fl-Artikolu 10 jew 13, għal rekwiżiti aktar strinġenti minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, ħlief biex jistabbilixxi livelli limitu ta' notifika aktar baxxi minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(1).'.

(3) Fl-Artikolu 4, huwa miżjud il-paragrafu 7 li ġej:

'7.      L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (minn hawn 'il quddiem 'AETS'), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), għandha toħroġ linji gwida, inklużi formoli standard jew mudelli, biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport ta' ġestjoni.

__________

(*) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.'

(4) Fl-Artikolu 5, huwa miżjud il-paragrafu 7 li ġej:

'7.      L-AETS għandha toħroġ linji gwida, inklużi formoli standard jew mudelli, biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport ta' ġestjoni interim.'.

(5) L-Artikolu 6 huwa mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 6

Rapport dwar pagamenti lill-gvernijiet

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-emittenti attivi fl-industriji estrattivi jew tal-injam primarju, kif definiti fi […] biex iħejju, skont il-Kapitolu 9 tad-Direttiva 2011/../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), rapport dwar il-pagamenti magħmula lill-gvernijiet fuq bażi annwali. Ir-rapport għandu jsir pubbliku mill-anqas sitt xhur wara t-tmiem ta' kull sena finanzjarja u għandu jibqa' disponibbli għall-pubbliku mill-anqas għal ħames snin. Il-pagamenti lill-gvernijiet għandhom jiġu rrappurtati f'livell konsolidat.

________

(*) ĠU L […]'.

(6) L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1.        L-Artikoli 4, 5 u 6 m'għandhomx japplikaw għal emittent li jkun Stat, awtorità reġjonali jew lokali ta' Stat, korp internazzjonali pubbliku li tiegħu mill-anqas Stat Membru wieħed ikun membru, il-BĊE, u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri, kemm jekk joħorġu ishma jew titoli oħra kif ukoll jekk le.';

(b) Jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

'1a.       L-Artikoli 4 u 5 m'għandhomx japplikaw għal emittent li joħroġ biss titoli ta' dejn ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, li d-denominazzjoni għal kull unità tagħhom tkun mill-anqas EUR 100 000 jew, fil-każ ta' titoli ta' dejn denominati f'munita minbarra l-euro, il-valur ta' din id-denominazzjoni għal kull unità jkun, fid-data tal-ħruġ, ekwivalenti għal mill-anqas EUR 100 000.';

(c) Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4.         B'deroga mill-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 4 u 5 m'għandhomx japplikaw għal emittenti li joħorġu biss titoli ta' dejn li d-denominazzjoni għal kull unità tagħhom tkun mill-anqas EUR 50 000 jew, fil-każ ta' titoli ta' dejn denominati f'munita minbarra l-euro, meta l-valur ta' din id-denominazzjoni għal kull unità jkun, fid-data tal-ħruġ, ekwivalenti għal mill-anqas EUR 50 000, li jkunu diġà ġew ammessi għall-kummerċ f'suq regolat fl-Unjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2010, għall-perjodu li dawn it-titoli ta' dejn ikunu pendenti.'.

(7) L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 4, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

'L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-każijiet fejn l-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tapplika għal ishma akkwistati għal perjodu ta' żmien qasir permezz ta' sottoskrizzjoni.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Il-Kummissjoni hija delegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrIfu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.';

(b) Il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'6.         Dan l-Artikolu m'għandux japplika għad-drittijiet tal-vot miżmuma fil-portafoll tan-negozjar, kif definit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), ta' istituzzjoni ta' kreditu jew ta' ditta tal-investiment bil-kundizzjoni li:

(a)        id-drittijiet tal-vot miżmuma fil-portafoll tan-negozjar ma jaqbżux il-5 %, u

(b)        id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma miżmuma fil-portafoll tan-negozjar ma jiġux eżerċitati jew użati mod ieħor għal intervent fl-immaniġġjar tal-emittent.

Il-livell limitu ta' 5 % imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jiġi kkalkulat billi jitqies in-numru aggregat ta' detenturi taħt l-Artikoli 9, 10 u 13.

L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-metodu ta' kalkolu tal-livell limitu ta' 5 % msemmi fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu fil-każ ta' grupp ta' kumpaniji, billi tqis l-Artikolu 12(4) u (5).

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Il-Kummissjoni hija delegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

_______

(*) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.'.      

(8) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1.         Ir-rekwiżiti ta' notifika stabbiliti fl-Artikolu 9 għandhom japplikaw ukoll għal persuna fiżika jew entità ġuridika li jkollha, direttament jew indirettament:

(a)        strumenti finanzjarji li, fil-maturità, jagħtu lid-detentur, taħt ftehim formali, jew id-dritt mhux kondizzjonat ta' akkwist jew id-diskrezzjoni fir-rigward tad-dritt tiegħu li jakkwista, ishma li magħhom ikun hemm marbuta drittijiet tal-vot, diġà maħruġa, ta' emittent li l-ishma tiegħu jkunu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat;

(b)        strumenti finanzjarji b'effetti ekonomiċi simili għal dawk imsemmija fil-punt (a), kemm jekk jagħtu dritt għal saldu fiżiku kif ukoll jekk le.

In-notifika meħtieġa għandha tinkludi l-analiżi skont it-tip ta' strumenti finanzjarji miżmuma skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u l-istrumenti finanzjarji miżmuma skont il-punt (b) ta' dak is-subparagrafu.';

(b) Jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

'1a.       In-numru ta' drittijiet tal-vot għandu jiġi kkalkulat b'referenza għall-ammont konċettwali sħiħ ta' ishma sottostanti għall-istrument finanzjarju. Għal dan il-għan, id-detentur għandu jiġbor flimkien u jinnotifika l-istrumenti finanzjarji kollha relatati mal-istess emittent sottostanti. Sabiex jiġu kkalkulati d-drittijiet tal-vot għandhom jiġu kkunsidrati biss il-pożizzjonijiet twal. Il-pożizzjonijiet twal m'għandhomx jiġu netted ma' pożizzjonijiet bin-nieqes relatati mal-istess emittent sottostanti.

L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-metodu ta' kalkolu tan-numru ta' drittijiet tal-vot imsemmija fl-ewwel subparagrafu fil-każ ta' strumenti finanzjarji referenzjati ma' basket ta' ishma jew ma' indiċi.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Il-Kummissjoni hija delegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

1b.        Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, it-titoli trasferibbli; u l-opzjonijiet, il-futuri, l-iswaps, il-ftehimiet tar-rata bil-quddiem, il-kuntratti għad-differenzi u kwalunkwe kuntratt ieħor tad-derivati li jistgħu jiġu saldati fiżikament jew fi flus, għandhom jitqiesu bħala strumenti finanzjarji, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1.

L-AETS għandha tistabbilixxi u perjodikament taġġorna lista indikattiva ta' strumenti finanzjarji li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika skont il-paragrafu 1, billi tqis l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji.';

(c) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2.         Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 27(2a), (2b) u (2c), u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 27a u 27b, miżuri sabiex:

(a)        timmodifika l-metodu biex jiġi kkalkulat in-numru ta' drittijiet tal-vot relatati mal-istrumenti finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1a;

(b)        tispeċifika t-tipi ta' strumenti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala strumenti finanzjarji skont it-tifsira tal-paragrafu 1b;

(c)        tispeċifika l-kontenuti tan-notifika li għandha ssir, il-perjodu tan-notifika u lil min għandha ssir in-notifika, kif imsemmi fil-paragrafu 1.';

(d) Huwa miżjud il-paragrafu 4 li ġej:

'4.         L-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(5) u (6) u fl-Artikolu 12(3), (4) u (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rekwiżiti ta' notifika skont dan l-Artikolu.

L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-każijiet li fihom l-eżenzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu japplikaw għal strumenti finanzjarji miżmuma minn persuna fiżika jew entità ġuridika li tkun qiegħda twettaq ordnijiet riċevuti minn klijenti jew tirrispondi għat-talbiet ta' klijent għall-kummerċ ħlief fuq bażi proprjetarja, jew pożizzjonijiet ta' hedging li jirriżultaw minn tali negozjar.

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Il-Kummissjoni hija delegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.'.

(9) Jiddaħħal l-Artikolu 13a li ġej:

'Artikolu 13a

Aggregazzjoni

1.       Ir-rekwiżiti ta' notifika stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 13 għandhom japplikaw ukoll għal persuna fiżika jew entità ġuridika meta n-numru ta' drittijiet tal-vot miżmuma direttament jew indirettament minn tali persuna jew entità skont l-Artikolu 9 u 10, aggregat man-numru ta' drittijiet tal-vot relatati ma' strumenti finanzjarji miżmuma direttament jew indirettament skont l-Artikolu 13 jilħaq, jaqbeż jew jinżel taħt il-livelli limitu stabbiliti fl-Artikolu 9(1).

In-notifika meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha tinkludi l-analiżi tan-numru ta' drittijiet tal-vot marbuta ma' ishma miżmuma skont l-Artikoli 9 u 10 u tad-drittijiet tal-vot marbuta ma' strumenti finanzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 13.

2.       Id-drittijiet tal-vot marbuta ma' strumenti finanzjarji li diġà jkun ġew innotifikati skont l-Artikolu 13 għandhom jerġgħu jiġu nnotifikati meta l-persuna fiżika jew l-entità ġuridika tkun akkwistat l-ishma sottostanti u dik l-akkwiżizzjoni twassal biex in-numru totali ta' drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma maħruġa mill-istess emittent jilħaq jew jaqbeż il-livelli limitu tal-Artikolu 9(1).'.

(10) L-Artikolu 16(3) huwa mħassar.

(11) Fl-Artikolu 19(1), jitħassar t-tieni subparagrafu.

(12) L-Artikolu 21(4) huwa mibdul b'dan li ġej:

'4.      Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta, permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 27(2a), (2b) u (2c), u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 27a u 27b, miżuri sabiex tispeċifika l-istandards minimi u r-regoli li ġejjin:

(a)        l-istandards minimi għat-tixrid ta’ informazzjoni regolata, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)        standards minimi għall-mekkaniżmu ta' ħżin ċentrali kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(c)        regoli rigward l-interoperabilità tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni użati mill-mekkaniżmi nazzjonali maħtura b'mod uffiċjali u l-aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni tista' tispeċifika wkoll lista ta' mezzi għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-pubbliku.'.

(13) L-Artikolu 22 huwa mibdul b'dan li ġej:

'Artikolu 22

Aċċess għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni

1. L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jistipulaw rekiwżiti tekniċi fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni sabiex tispeċifika dan li ġej:

(a)        ir-rekwiżiti tekniċi rigward l-interoperabilità tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni użati mill-mekkaniżmi nazzjonali maħtura b'mod uffiċjali;

(b)        ir-rekwiżiti tekniċi għat-tħaddim ta' punt ta' aċċess ċentrali għat-tfittxija ta' informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni;

(c)        ir-rekwiżiti tekniċi rigward l-użu ta' identifikatur uniku għal kull emittent mill-mekkaniżmi nazzjonali maħtura b'mod uffiċjali;

(d)        il-format komuni għall-ħżin ta' informazzjoni regolata mill-mekkaniżmi nazzjonali maħtura b'mod uffiċjali;

(e)        il-klassifikazzjoni komuni ta' informazzjoni regolata mill-mekkaniżmi nazzjonali maħtura b'mod uffiċjali u l-lista komuni ta' tipi ta' informazzjoni regolata.

2.       Fl-iżvilupp tal-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji, l-AETS għandha tassigura li r-rekwiżiti tekniċi speċifikati fl-Artikolu 22(1), ikunu kompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi għan-netwerk elettroniku tar-reġistri nazzjonali tal-kumpaniji stabbilit mid-Direttiva 2011/../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*).

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Il-Kummissjoni hija delegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.'

________

(*) ĠU L […]'.

(14) It-titolu li ġej huwa mdaħħal wara l-Artikolu 27b:

'KAPITOLU VIa

SANZJONIJIET'

(15) L-Artikolu 28 huwa mibdul b'dan li ġej:

'Artikolu 28

Sanzjonijiet

1.       L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jistgħu jieħdu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi xierqa meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma jkunux ġew osservati, u għandhom jassiguraw li jiġu applikati. Dawk is-sanzjonijiet u miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.       L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn l-obbligi japplikaw għal persuni ġuridiċi, fil-każ ta' ksur, is-sanzjonijiet ikunu jistgħu jiġu applikati għall-membri tal-korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew superviżorji tal-persuna ġuridika, u għal kwalunkwe persuna oħra li skont il-liġi nazzjonali tkun responsabbli għall-ksur.

3.       L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat investigattivi kollha neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ sanzjonar u investigattivi tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jassiguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.'.

(16) Huma mdaħħla l-Artikoli 28a, 28b u 28c li ġejjin:

'Artikolu 28a

Dispożizzjonijiet speċifiċi

1.       Dan l-Artikolu għandu jkun applikabbli f'dawn iċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin:

(a)        in-nuqqas min-naħa tal-emittent li jagħmel pubblika l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 4, 5, 6 u 16 fil-limitu taż-żmien meħtieġ;

(b)        in-nuqqas min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinnotifika l-akkwiżizzjoni jew id-disponiment ta' detentur importanti skont l-Artikoli 9, 10, 13 u 13a fil-limitu taż-żmien meħtieġ.

2.       Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 24, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi li jistgħu jiġu applikati jkunu mill-anqas jinkludu dawn li ġejjin:

(a)        dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

(b)        ordni li teħtieġ lill-persuna fiżika jew ġuridika twaqqaf l-imġiba u ma tirrepetix dik l-imġiba;

(c)        is-setgħa li jiġi sospiż l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbuta ma' ishma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat jekk l-awtorità kompetenti tiskopri li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, rigward in-notifika ta' detenturi importanti jkunu nkisru mid-detentur tal-ishma jew strumenti finanzjarji oħra, jew minn persuna jew entità msemmija fl-Artikoli 10 jew 13;

(d)        fil-każ ta' persuna ġuridika, sanzjonijiet pekunarji amministrattivi sa 10 % tal-fatturat annwali totali ta' dik il-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta' qabel;

(e)        fil-każ ta' persuna fiżika, sanzjonijiet pekunarji amministrattivi sa EUR 5 000 000;

(f)         sanzjonijiet amministrattivi pekunarji sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew telf evitat minħabba l-ksur fejn dawn ikun jistgħu jiġu ddeterminati.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-persuna ġuridika tkun sussidjarja ta' impriża prinċipali, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali li jirriżulta mill-ammont konsolidat tal-impriża prinċipali finali fis-sena finanzjarja preċedenti.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, fl-Istati Membri fejn l-Euro mhuwiex il-munita uffiċjali, il-valur li jikkorrispondi għal EUR 5 000 000 fil-munita nazzjonali għandu jiġi kkalkulat billi titqies ir-rata tal-kambju uffiċjali fi [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva – daħħal id-data].

Artikolu 28b

Pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw mingħajr dewmien kull sanzjoni jew miżura imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, fosthom informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għal dan il-ksur, sakemm tali pubblikazzjoni ma tipperikolax serjament l-istabilità tas-swieq finanzjarji. Fejn il-pubblikazzjoni tikkaġuna ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw is-sanzjonijiet fuq bażi anonima.

Artikolu 28c

Applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' sanzjonar mill-awtoritajiet kompetenti

1.       L-Istati Membri għandhom jassiguraw li meta jkunu qegħdin jiddeterminaw it-tip ta' sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi u l-livell tas-sanzjonijiet pekunarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, fosthom:

(a)        il-gravità u d-dewmien tal-ksur;

(b)        il-livell ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(c)        is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, kif indikata mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew id-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(d)        l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, safejn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(e)        it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, safejn ikun jista' jiġi determinat;

(f)         il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(g)        ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

2.       L-AETS għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar it-tipi ta' miżuri u sanzjonijiet amministrattivi u l-livell tas-sanzjonijiet pekunarji amministrattivi.'.

(17) L-Artikolu 29 huwa mibdul b'dan li ġej:

'Artikolu 29

Dritt tal-appell

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-deċiżjonijiet u l-miżuri meħuda skont liġijiet, regolament u dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva jkunu soġġetti għad-dritt tal-appell.'.

(18) L-Artikolu 31(2) huwa mibdul b'dan li ġej:

'2. Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri skont l-Artikoli 3(1), 8(2), 8(3) jew l-Artikolu 30, huma għandhom jikkomunikaw immedjatament dawk il-miżuri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.'.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2007/14/KE

Id-Direttiva 2007/14/KE hija emendata kif ġej:

(19) Fl-Artikolu 2, huwa miżjud il-paragrafu li ġej:

'Barra minn hekk, emittent inkorporat fl-Unjoni, għandu jikkomunika l-għażla tiegħu tal-Istat Membru tal-oriġini lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun inkorporat dak l-emittent, jekk differenti mill-Istat Membru tal-oriġini.'.

(20) fl-Artikolu 11, il-paragrafi 1 u 2 huma mħassra.

(21) L-Artikolu 16 huwa mħassar.

Artikolu 3 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-finijiet tal-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn […]. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

              Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-[għoxrin] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM (2010) 243 finali tas-27 ta’ Mejju 2010. Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni aktar dettaljat (SEC(2010)61)

[2]               Direttiva tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat. ĠU L 69, 9.3.2007, p. 27

[3]               Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2007 dwar in-netwerk elettroniku ta’ mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għall-ħażna ċentrali ta’ informazzjoni regolata msemmija fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 267 12.10.2007), p.16

[4]               Direttiva 2008/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni, ĠU 6, p.50.

[5]               Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120.

[6]               Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, ĠU L 327, p.1.

[7]               Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE, ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

[8]               Id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) ĠU L, 12 ta' April 2003, p 16.

[9]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - "Flimkien għal tkabbir ġdid": COM(2011)206 finali.

[10]             Komunikazzjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 "Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji COM(2010)716 finali

[11]                    Mazars (2009), Transparency Directive Assessment Report, studju estern imwettaq għall-Kummissjoni Ewropea.

[12]             Il-KRET huwa grupp konsultattiv indipendenti għall-Kummissjoni Ewropea magħmul mis-superviżuri nazzjonali tas-swieq tat-titoli tal-UE. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Jannar 2009 li tistabbilixxi l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli 2009/77/KE. ĠU L25, 23.10.2009, p. 18.) Ir-rwol tal-KRET huwa li tittejjeb il-koordinazzjoni fost ir-regulaturi tat-titoli, jaġixxi bħala grupp konsultattiv biex jassisti lill-Kummissjoni tal-UE biex tiġi żgurata implimentazzjoni ordinarja konsistenti u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fl-Istati Membri. Huwa ġie sostitwit mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq: AETS mill-1 ta’ Jannar 2011: ara r-Regolament (KE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 OJ L 331/84 tal-15 ta' Diċmebru 2010.

[13]             L-ESME kien korp konsultattiv għall-Kummissjoni, kompost minn professjonisti u esperti tas-swieq tat-titoli. Huwa ġie stabbilit mill-Kummissjoni f'April 2006 u opera fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/288/KE tat-30 ta’ Marzu 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Esperti dwar is-Swieq tat-Titoli Ewropej sabiex jipprovdi konsulenza legali u ekonomika dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi dwar it-titoli tal-UE (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 14–17).

[14]             Derivati ssaldati fi flus tirreferi għal tranżazzjoijiet konnessi mal-ekwità li jiġu ssaldati bi ħlas kontanti biss mingħajr twassil fiżiku tal-ekwità sottostanti.

[15]             http://www.liberation.fr/monde/01012339133-lutter-contre-l-opacite-des-industries-extractives

[16]             http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/speeches-statements/pdf/deauville-g8-declaration_en.pdf

[17]             Riżoluzzjoni INI/2010/2102

[18]             Qtugħ għad-dritt, qtugħ selettiv jew irmondar, fuq art ikklassifikata bħala li fiha żoni ta' foresti primarji jew disturb ieħor ta' tali foresti jew art ta' foresti kkawżat minn xogħol tal-minjieri, esplorazzjoni jew estrazzjoni ta' minerali, ilma, żejt jew gass jew attivitajiet oħra ta' ħsara.

[19]             Iddefiniti fid-Direttiva 2009/28/KE bħala “Foresta rriġenerata b'mod naturali ta' speċi indiġeni, fejn ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni viżibbli ċara ta' attivitajiet umani u l-proċessi ekoloġiċi ma jkunux imfixkla b'mod sinifikanti”.

[20]             http://www.sec.gov/about/laws/wallstreetreform-cpa.pdf

[21]             Taxxi, drittijiet dovuti għall-użu ta' proprjetà, drittijiet (inklużi drittijiet tal-liċenzja), drittijiet tal-produzzjoni, bonusijiet, u benefiċċji oħra materjali.

[22]               ĠU C , , p. .

[23]               ĠU C , , p. .

[24]               ĠU L 390, 15.1.2003, p. 38.

[25]               COM (2010) 243 finali

[26]               COM(2011) 13.4.2010, 206 finali.

[27]               ĠU L 331, 15.1.2003, p. 84.

[28]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2005:347:0001:0006:EN:PDF

[29]               Ir-Regolament (KE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010. Ikunu eżenti minn dan ir-rekwiżit il-kumpaniji li jimpurtaw prodotti tal-injam skont ftehimiet volontarji tal-UE.

[30]               ĠU L, , p..

[31]             COM(2010)716 finali.

[32]             ĠU L 69, 9.3.2007, p. 27.

[33]             ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

[34]             ĠU L 96, 12.4. 2003, p. 16.

[35]             ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17.

[36]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[37]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

Top