EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0654

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq

/* KUMM/2011/0654 finali - 2011/0297 (COD) */

52011PC0654

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq /* KUMM/2011/0654 finali - 2011/0297 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (Market Abuse Directive - MAD) Nru 2003/6/KE, li ġiet adottata fil-bidu tal-2003, introduċiet qafas komprensiv sabiex jiġu indirizzati prattiki ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata (insider dealing) u ta’ manipulazzjoni tas-suq, imsejħa b’mod konġunt bħala "abbuż tas-suq". Id-Direttiva għandha l-għan li żżid il-fiduċja tal-investituri u l-integrità tas-suq billi tipprojbixxi lil dawk li jkollhom informazzjoni minn ġewwa milli jinnegozjaw fi swieq finanzjarji relatati, u billi tipprojbixxi l-manipulazzjoni tas-swieq permezz ta’ prattiki bħat-tixrid ta’ informazzjoni jew għajdut foloz u t-twettiq ta’ kummerċ bi prezzijiet siguri f’livelli anormali.

Sabiex jiżguraw l-infurzar tad-Direttiva 2003/6/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa li jiżguraw, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi xierqa jew ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunux ġew rispettati d-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali.

Ir-rapport mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE[1] rrakkomanda li "t-tmexxija prudenzjali tajba tal-qafas tan-negozju għas-settur finanzjarju trid tkun ibbażata fuq reġimi b’saħħithom ta’ sorveljanza u sanzjonar". Għal dan il-għan, il-Grupp iħoss li l-awtoritajiet superviżorji jrid ikollhom setgħat suffiċjenti sabiex jaġixxu filwaqt li jkunu jistgħu joqgħodu fuq "sanzjonijiet ugwali, b’saħħithom u ta’ deterrent kontra r-reati kollha finanzjarji, sanzjonijiet li għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv".

L-infurzar effetiv jesiġi li, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva Nru 2003/6/KE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sanzjonijiet li jkunu "effettivi, proporzjonati u dissważivi". Barra minn hekk, l-infurzar effettiv jirrigwarda wkoll ir-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti, is-setgħat tagħhom u r-rieda tagħhom li jsibu u jinvestigaw l-abbużi. Madankollu, il-Grupp ta’ Livell Għoli jħoss li "fil-preżent ma hija fis-seħħ l-ebda waħda minn dawn" u s-sistemi tas-sanzjonar tal-Istati Membri huma kkunsidrati b’mod ġenerali bħala dgħajfa u eteroġenji.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni[2] fir-rigward tas-sistemi tas-sanzjonar fis-settur finanzjarju. Il-Komunikazzjoni targumenta li s-sanzjonijiet kriminali, b’mod partikolari l-priġunerija, huma ġeneralment ikkunsidrati bħala li jibagħtu messaġġ qawwi ta’ diżapprovazzjoni li jista’ jżid id-disswassività tas-sanzjonijiet, bil-kundizzjoni li jiġu applikati b’mod xieraq mis-sistema tal-ġustizzja kriminali. Madankollu, is-sanzjonijiet kriminali jistgħu ma jkunux adatti għal kull tip ta’ vjolazzjoni u fil-każijiet kollha. Il-Komunikazzjoni tikkonkludi li l-Kummissjoni se tivvaluta jekk u f’liema oqsma l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, u l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet kriminali tista’ tirriżulta bħala essenzjali sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji.

Il-proposta ssegwi l-approċċ stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-20 ta' Settembru 2011 "Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali"[3]. Din tinkludi valutazzjoni, imsejsa fuq evidenza fattwali ċara, valutazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta' nfurzar fis-seħħ u l-valur miżjud ta' standards minimi komuni tal-UE dwar il-liġi kriminali, billi jitqiesu wkoll il-prinċipji ta' neċessità, proporzjonalità u sussidjarjetà.

Bi qbil mal-Programm ta’ Stokkolma u l-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tat-22 ta’ April 2010 dwar il-prevenzjoni tal-kriżijiet ekonomiċi u l-appoġġ għall-attività ekonomika[4], il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw il-MAD u identifikat għadd ta’ problemi li għandhom impatti negattivi f’termini tal-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Waħda mill-problemi identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt hija l-fatt li s-sanzjonijiet attwalment fis-seħħ sabiex jiġu miġġielda r-reati ta’ abbuż tas-suq huma neqsin mill-impatt u mhumiex dissważivi biżżejjed, li jwassal għal infurzar ineffetiv tad-Direttiva. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ liema reati ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata jew ta’ manipulazzjoni tas-suq jikkostitwixxu reati kriminali tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor. Pereżempju, f'ħames Stati Membri mhumiex previsti sanzjonijiet kriminali għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni minn ġewwa minn persuni interni primarji u tmien Stati Membri ma jagħmlux dan għal persuni interni sekondarji. Barra minn hekk, Stat Membru wieħed fil-preżent ma jimponix sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata minn persuni interni primarji u erbgħa ma jagħmlux dan għall-manipulazzjoni tas-suq. Billi l-abbuż tas-suq jista’ jitwettaq bejn il-fruntieri, din id-diverġenza timmina s-suq intern u tħalli ċertu lok għall-awturi ta’ abbuż tas-suq sabiex iwettqu tali abbuż f’ġurisdizzjonijiet fejn mhumiex sanzjonijiet kriminali għal reat partikolari.

Regoli minimi dwar reati kriminali u dwar sanzjonijiet kriminali għall-abbuż tas-suq, li jiġu trasposti fil-liġi kriminali nazzjonali u applikati mis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, jistgħu jikkontribwixxu biex tkun żgurata l-effikaċja ta’ din il-politika tal-Unjoni billi juru diżapprovazzjoni ta’ natura kwalitattiva differenti meta mqabbla mas-sanzjonijiet amministrattivi jew il-mekkaniżmi ta’ kumpens taħt il-liġi ċivili. Il-kundanni kriminali għal offiżi ta’ abbuż tas-suq, li ħafna drabi jirriżultaw f’kopertura estensiva fil-midja, jgħinu sabiex itejbu d-deterrent billi juru lit-trasgressuri potenzjali li l-awtoritajiet jieħdu azzjoni serja ta’ infurzar li tista’ twassal għal priġunerija jew sanzjonijiet kriminali oħra u rekord kriminali. Regoli minimi komuni dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali għall-iżjed reati serji ta’ abbuż tas-suq jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni, speċjalment meta jitqies li f’ħafna każijiet ir-reati jitwettqu bejn il-fruntieri.

Għalkemm ir-regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq ilhom fis-seħħ, fuq livell tal-UE, mill-2003, l-esperjenza turi li l-effett mixtieq, jiġifieri li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-protezzjoni tas-swieq finanzjarji, ma ntlaħaqx mis-sistema preżenti. Filwaqt li proposti sabiex tissaħħaħ u tiġi żgurata l-koerenza tas-sanzjonijiet amministrattivi huma inklużi fil-proposta għal Regolament (UE) Nru...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar abbuż minn informazzjoni privileġġata u abbuż tas-suq li għandu l-għan ukoll li jirrimedja problemi importanti oħra fis-sistema eżistenti, din il-proposta tistabbilixxi rekwiżit għall-Istati Membri sabiex jipprovdu regoli minimi dwar id-definizzjoni tal-iżjed reati serji ta’ abbuż tas-suq u dwar il-livelli minimi ta’ sanzjonijiet kriminali marbuta magħhom.

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-inizjattiva hija r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati prinċipali kollha, fosthom l-awtoritajiet pubbliċi (gvernijiet u regolaturi tat-titoli), l-emittenti, l-intermedjarji u l-investituri.

Hija tqis ir-rapport ippubblikat mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR) dwar il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll is-sanzjonijiet kriminali disponibbli fl-Istati Membri taħt id-direttiva dwar l-abbuż tas-suq (MAD)[5]. Hija tqis wkoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni varata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tisħiħ tas-sistemi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Fit-12 ta’ Novembru 2008 il-Kummissjoni Ewropea organizzat konferenza pubblika dwar ir-reviżjoni tas-sistema kontra l-abbuż tas-suq[6]. Fl-20 ta’ April 2009, il-Kummissjoni Ewropea varat sejħa għall-evidenza dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew 85 kontribut. Il-kontributi mhux kunfidenzjali jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni[7].

Fit-28 ta’ Ġunju 2010 il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva li għalqet fit-23 ta’ Lulju 2010[8]. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew 96 kontribut. Il-kontributi mhux kunfidenzjali jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni[9]. Wieħed jista’ jsib sommarju fl-Anness 2 tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt[10]. Fit-2 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni organizzat konferenza pubblika oħra dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva[11].

Bi qbil mal-politika tagħha għal "Regolamentazzjoni Aħjar", il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt ta’ alternattivi ta’ politika. L-opzjonijiet ta' politika relatati mas-sanzjonijiet kriminali ġew ikkunsidrati bħala parti minn dan ix-xogħol preparatorju. Dwar dan il-punt il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li r-rekwiżit li l-Istati Membri jintroduċu sanzjonijiet kriminali għall-aktar reati serji ta’ abbuż tas-suq kien essenzjali sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-Unjoni dwar l-abbuż tas-suq. Flimkien mal-opzjonijiet politiċi preferuti indirizzati fil-proposta għal Regolament (UE) Nru...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar abbuż minn informazzjoni privileġġata u abbuż tas-suq, dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-fiduċja tal-investituri u se jikkontribwixxi aktar għall-istabilità finanzjarja tas-swieq finanzjarji.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 83.2 tat-TFUE.

3.2. Sussidjaretà u proporzjonalità

Skont il-prinċipju tas-sussidjaretà (Artikolu 5.3 tat-TUE), azzjoni fil-livell tal-UE għandha tittieħed biss meta l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jintlaħqu aħjar mill-UE.

L-abbuż tas-suq jista’ jseħħ bejn il-fruntieri u jagħmel ħsara lill-integrità tas-swieq finanzjarji li huma dejjem iżjed integrati fl-Unjoni. L-approċċi diverġenti għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għar-reati ta’ abbuż tas-suq mill-Istati Membri jħallu ċerta possibbiltà għall-awturi li sikwit jistgħu jagħmlu użu mill-iżjed sistemi klementi ta’ sanzjonijiet. Dan jimmina kemm l-effett deterrenti ta’ kull sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet kif ukoll l-effikaċja tal-infurzar tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar l-abbuż tas-suq. Regoli minimi għall-UE kollha dwar il-forom ta’ abbuż tas-suq li huma kkunsidrati bħala mġiba kriminali jikkontribwixxu sabiex tiġi indirizzata din il-problema.

F’dan l-isfond, l-azzjoni tal-UE tidher xierqa f’termini tal-prinċipju tas-sussidjaretà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità jesiġi li kwalunkwe intervent ikun immirat u ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan il-prinċipju mexxa l-proċess mill-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-opzjonijiet alternattivi ta’ politika sat-tfassil ta’ din il-proposta.

3.3. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta 3.3.1. Reati kriminali

L-Artikolu 3 flimkien mal-Artikolu 2 tal-proposta jiddefinixxi r-reati ta’ abbuż tas-suq li għandhom jitqiesu bħala reati kriminali mill-Istati Membri u għalhekk ikunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali.

Żewġ forom ta’ kondotta ta’ abbuż tas-suq, jiġifieri l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, għandhom jitqiesu bħala reati kriminali jekk jitwettqu intenzjonalment. It-tentattiv li jitwettaq abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq għandu jkun punibbli wkoll bħala reat kriminali.

Ir-reat relatat mal-informazzjoni minn ġewwa għandu japplika għal persuni li jkollhom informazzjoni minn ġewwa li jkunu jafu li hija informazzjoni minn ġewwa. Ir-reat relatat mal-manipulazzjoni tas-suq huwa applikabbli għal kulħadd.

3.3.2. Inċitament, għajnuna u kompliċità u tentattiv

L-Artikolu 4 jiżgura li l-inċitament kif ukoll l-għajnuna u l-kompliċità biex jitwettqu r-reati kriminali ddefiniti jkunu punibbli wkoll fl-Istati Membri. It-tentattiv li jitwettaq wieħed mir-reati ddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 huwa wkoll kopert mid-Direttiva għajr id-divulgazzjoni skorretta ta’ informazzjoni minn ġewwa u t-tixrid ta’ informazzjoni li tagħti sinjali foloz jew qarrieqa, billi ma jidhirx xieraq li t-tentattiv li jitwettqu dawn ir-reati jiġu definiti bħala reati kriminali.

3.3.3. Sanzjonijiet kriminali

L-Artikolu 5 jesiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-reati kriminali identifikati fl-Artikoli 3 u 4 jkunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.3.4. Responsabbiltà tal-persuni legali

L-Artikolu 6 jesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni legali jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati kriminali definiti fl-Artikoli 3 u 4.

4. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

2011/0297 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12],

,

Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Suq finanzjarju integrat u effiċjenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli u l-fiduċja tal-pubbliku fis-swieq huma prerekwiżiti għat-tkabbir u l-ġid ekonomiku. L-abbuż tas-suq jagħmel ħsara lill-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-pubbliku fit-titoli u d-derivati.

(2) Id-Direttiva 2003/6/KE[13] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) kienet tesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jikxfu u jinvestigaw abbuż tas-suq. Mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, id-Direttiva 2003/6/KE kienet tesiġi ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri amministrattivi xierqa jew li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli għal ksur tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik id-Direttiva.

(3) Ir-rapport mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE rrakkomanda li tmexxija prudenzjali tajba tal-qafas tan-negozju għas-settur finanzjarju trid tkun ibbażata fuq sistemi b’saħħithom ta’ sorveljanza u sanzjonar. Għal dan il-għan, il-Grupp ħass li l-awtoritajiet superviżorji jrid ikollhom setgħat suffiċjenti sabiex jaġixxu u għandu jkun hemm ukoll sanzjonijiet ugwali, b’saħħithom u ta’ deterrent kontra r-reati kollha finanzjarji, sanzjonijiet li għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv. Il-Grupp ikkonkluda li s-sistemi tas-sanzjonar tal-Istati Membri huma b’mod ġenerali dgħajfa u eteroġenji.

(4) Qafas leġiżlattiv li jiffunzjona sewwa dwar l-abbuż tas-suq jeħtieġ infurzar effettiv. Evalwazzjoni tas-sistemi nazzjonali għas-sanzjonijiet amministrattivi skont id-Direttiva 2003/6/KE wriet li mhux l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha kellhom sett sħiħ ta’ setgħat għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li jistgħu jirrispondu għall-abbużi tas-suq bis-sanzjoni xierqa. B’mod partikolari, mhux l-Istati Membri kollha kellhom sanzjonijiet pekunarji disponibbli għall-abbuż minn informazzjoni privileġġata u għall-manipulazzjoni tas-suq, u l-livell ta’ dawn is-sanzjonijiet kien ivarja b’mod estensiv bejn l-Istati Membri.

(5) L-adozzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi mill-Istati Membri rriżultat bħala insuffiċjenti sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq.

(6) Huwa importanti li l-konformità tiġi msaħħa bid-disponibbiltà ta’ sanzjonijiet kriminali li juru diżapprovazzjoni soċjali ta’ natura kwalitattiva differenti meta mqabbla mal-penali amministrattivi. L-istabbiliment ta’ reati kriminali għall-iżjed forom serji ta’ abbuż tas-suq jistabbilixxi limiti ċari fil-liġi fejn tali komportamenti mhumiex aċċettabbli u jibgħat messaġġ lit-trasgressuri pubbliċi u potenzjali li dawn jittieħdu b’mod serju ħafna mill-awtoritajiet kompetenti.

(7) Mhux l-Istati Membri kollha pprovdew għal sanzjonijiet kriminali għal xi forom ta’ ksur serju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE. Dawn l-approċċi differenti jimminaw l-uniformità tal-kundizzjonijiet tal-operat fis-suq intern u jistgħu jipprovdu inċentiv għall-persuni biex iwettqu abbuż tas-suq fi Stati Membri li ma jipprovdux għal sanzjonijiet kriminali għal dawn ir-reati. Barra minn hekk, sa issa ma kien hemm l-ebda ftehim madwar l-Unjoni kollha dwar liema kondotta hija kkunsidrata bħala ksur daqshekk serju. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli minimi rigward id-definizzjoni tar-reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi u ġuridiċi u tas-sanzjonijiet. Regoli minimi komuni jagħmluha wkoll possibbli li jintużaw metodi iżjed effettivi ta’ investigazzjoni u kooperazzjoni effettiva fi ħdan u bejn l-Istati Membri. Il-kundanni għar-reati ta’ abbuż tas-suq taħt il-liġi kriminali sikwit iwasslu għal kopertura estensiva fil-midja, li tgħin sabiex tiskoraġġixxi lit-trasgressuri potenzjali, billi tiġbed l-attenzjoni pubblika għall-impenn tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jindirizzaw l-abbuż tas-suq.

(8) L-introduzzjoni, mill-Istati Membri kollha, ta’ sanzjonijiet kriminali għall-iżjed reati serji ta’ abbuż tas-suq, għalhekk hija essenzjali sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq, b'konformità mar-rekwiżiti deskritti fil-Komunikazzjoni "Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali"[14].

(9) Sabiex il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jkun allinjat ma' dak tar-Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, in-negozjar f'ishma proprji għall-istabbilizzazzjoni u programmi ta' riakkwisti, kif ukoll tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba mwettqa għall-finijiet ta' attivitajiet ta' politika monetarja jew ta' ġestjoni tad-dejn pubbliku u attivitajiet li jikkonċernaw il-kwoti ta' emissjonijiet sabiex titwettaq il-politika tal-Unjoni dwar il-klima, għandu jkun eżentat minn din id-Direttiva.

(10) L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jissottoponu r-reati ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq għal sanzjonijiet kriminali skont din id-Direttiva biss meta jitwettqu b’mod intenzjonali.

(11) Minħabba l-effetti avversi li t-tentattiv ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u t-tentattiv ta’ manipulazzjoni tas-suq għandhom fuq l-integrità tas-swieq finanzjarji u fuq il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq, dawn il-forom ta’ mġiba għandhom ikunu punibbli wkoll bħala reat kriminali.

(12) Din id-Direttiva għandha tesiġi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-inċitament kif ukoll l-għajnuna u l-kompliċità sabiex jitwettqu r-reati kriminali jkunu wkoll punibbli. F’dan il-kuntest, l-ikkawżar ta’ persuna oħra, abbażi ta’ informazzjoni minn ġewwa, biex tikseb jew tiddisponi minn strumenti finanzjarji li għalihom tirrelata dik l-informazzjoni, għandu jitqies bħala inċitament għall-abbuż minn informazzjoni privileġġata.

(13) Din id-Direttiva għandha tiġi applikata billi jitqies il-qafas legali stabbilit mir-Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha.

(14) Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva tal-politika Ewropea għall-iżgurar tal-integrità tas-swieq finanzjarji stabbilita Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, l-Istati Membri għandhom jestendu wkoll ir-responsabbiltà għall-persuni ġuridiċi, inkluż, kull fejn ikun possibbli, ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi.

(15) Billi din id-Direttiva tipprovdi għal regoli minimi, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu regoli aktar strinġenti tal-liġi kriminali għall-abbuż tas-suq.

(16) Kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali li jitwettaq fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jkun konformi mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta][15].

(17) Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura d-disponibbiltà ta’ sanzjonijiet kriminali għall-iżjed reati serji ta’ abbuż tas-suq madwar l-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jista’ jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjaretà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dik id-Direttiva, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(18) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fit-Trattat. B’mod speċifiku, hija għandha tiġi applikata bir-rispett dovut għal-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16), id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (Artikolu 47), il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża (Artikolu 48), il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati u l-pieni (Artikolu 49), u d-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat (Artikolu 50).

(19) Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, anki bil-għan li tivvaluta l-ħtieġa futura possibbli għall-introduzzjoni ta’ armonizzazzjoni minima tat-tipi u l-livelli tas-sanzjonijiet kriminali.

(20) [Skont l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva] JEW [Mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat, ir-Renju Unit mhux se jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhuwiex marbut bl-applikazzjoni tagħha jew soġġett għaliha.

(21) [Skont l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva] JEW [Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat, l-Irlanda mhix se tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta bl-applikazzjoni tagħha jew soġġett għaliha.

(22) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat, id-Danimarka mhix tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta bl-applikazzjoni tagħha jew soġġett għaliha.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi għal sanzjonijiet kriminali għall-iżjed reati serji ta’ abbuż tas-suq, jiġifieri abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għan-negozjar f’ishma proprji fi programmi ta’ riakkwist jew għall-istabbilizzazzjoni ta’ strument finanzjarju, meta tali negozjar jitwettaq skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, jew għal tranżazzjonijiet, ordnijiet jew komportamenti mwettqa għall-finijiet ta’ attivitajiet ta' politika monetarja u ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku u attivitajiet li jikkonċernaw il-kwoti tal-emissjonijiet sabiex titwettaq il-politika tal-Unjoni dwar il-klima, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq.

3. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal imġiba jew tranżazzjonijiet, inklużi offerti, relatati mal-irkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet jew prodotti oħra rkantati bbażati fuqhom skont ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1031/2010. Kwalunkwe dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva li jirreferu għal ordinijiet ta' negozjar għandhom japplikaw għal offerti ppreżentati fil-kuntest ta' rkant[16].

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1. "Strument finanzjarju" tfisser kwalunkwe strument skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(8) tar-Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.

2. "Informazzjoni minn ġewwa" tfisser informazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq.

Artikolu 3 Abbuż minn informazzjoni privileġġata

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-kondotta li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali, meta titwettaq b’mod intenzjonali:

(a) meta fil-pussess ta’ informazzjoni minn ġewwa, tintuża tali informazzjoni biex jinkisbu jew jiġu ċeduti strumenti finanzjarji, li għalihom tirrelata dik l-informazzjoni, fuq bażi personali jew f'isem parti terza. Dan jinkludi wkoll l-użu ta’ informazzjoni minn ġewwa sabiex titħassar jew tiġi emendata ordni fir-rigward ta’ strument finanzjarju li għalih tirrelata dik l-informazzjoni meta dik l-ordni tkun saret qabel id-dħul fil-pussess ta’ dik l-informazzjoni minn ġewwa; jew

(b) id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni minn ġewwa lil kwalunkwe persuna oħra, sakemm tali divulgazzjoni ma ssirx matul l-ambitu legali tal-eżerċitar tal-kompiti li jirriżultaw minn impjieg jew professjoni.

Artikolu 4 Manipulazzjoni tas-suq

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-kondotta li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali, meta titwettaq b’mod intenzjonali:

(a) l-għoti ta’ sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’, strument finanzjarju jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet ;

(b) l-assigurazzjoni tal-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew diversi jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet f’livell anormali jew artifiċjali;

(c) id-dħul fi tranżazzjoni, it-tqegħid ta’ ordni għan-negozjar, jew kwalunkwe attività oħra fis-swieq finanzjarji li taffettwa l-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew diversi jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet, li tinvolvi mezzi fittizji jew kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew strateġemma;

(d) it-tixrid ta’ informazzjoni li tagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar strumenti finanzjarji jew kuntratti spot relatati dwar komoditajiet, fejn dawk il-persuni jiksbu, għalihom infushom jew għal persuna oħra, vantaġġ jew profitt mit-tixrid tal-informazzjoni inkwistjoni.

Artikolu 5 Inċitament, għajnuna u kompliċità, u tentattiv

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità biex jitwettqu r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ikunu punibbli bħala reati kriminali.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li t-tentattiv biex jitwettaq xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3(a) u 4(a), (b) u (c) ikun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 6 Sanzjonijiet kriminali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 5 ikunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 7 Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 5 meta dawk ir-reati jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn xi persuna li jkollha pożizzjoni ewlenija fi ħdan il-persuna ġuridika, billi taġixxi jew b’mod individwali jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, abbażi ta’:

(e) setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(f) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

(g) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, ikun għamel possibbli t-twettiq ta’ reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 5 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3. Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu involuti bħala awturi, inċitaturi jew aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 5.

Artikolu 8 Sanzjonijiet għall-persuni legali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 7 ikunu punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 9 Rapport

Sa [4 snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u, jekk meħtieġ, dwar il-ħtieġa li tiġi riveduta, b'mod partikolari, dwar kemm ikun xieraq li jiġu introdotti regoli minimi komuni dwar it-tipi u livelli ta' sanzjonijiet kriminali.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport tagħha akkumpanjata, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 10 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u soġġett għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u fid-data inkwistjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva u tabella li tindika l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Artikolu 12 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE, Brussell, 25.2.2009, p. 23.

[2]               Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji, COM (2010) 716, 8 ta’ Diċembru 2010.

[3]               COM (2011) 573 finali.

[4]               F’"Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini" tat-2.12.2009, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jiġu regolati s-swieq finanzjarji u li jiġi prevenut l-abbuż u stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex itejbu l-kxif ta’ abbużi tas-suq u l-misapproprjazzjoni ta’ fondi. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ĠAI dwar il-prevenzjoni ta’ kriżijiet ekonomiċi u l-appoġġ għall-attività ekonomika, saħqu li għandu jiġi kkunsidrat jekk huwiex possibbli jew, skont kif ikun il-każ, xieraq li jiġu armonizzati l-liġijiet kriminali fir-rigward tal-immaniġġar ta’ manipulazzjonijiet serji tal-prezzijiet tal-borża u kondotta ħażina oħra relatata mas-swieq tat-titoli. Ara d-Dok. 8920/10 tat-22.4.2010 u 7881/10 tad-29.3.2010

[5]               CESR/08-099, Frar 2008.

[6]               Ara http://ec.europa.eu/internal_market/securities/abuse/12112008_conference_en.htm.

[7]               Ara http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2009/market_abuse_en.htm

[8]               Ara http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2010/mad/consultation_paper.pdf

[9]               Ara http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/mad_en.htm

[10]             Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt jista’ jinstab fuq

                http://ec.europa.eu/internal_market/securities/abuse/index_en.htm.

[11]             Ara l-Anness 3 tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt għal sommarju tad-diskussjonijiet.

[12]             ĠU C , , p. .

[13]             ĠU L 16, 12.4.2003, p.16.

[14]             COM (2011) 573 finali.

[15]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[16]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1.

Top