EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0617

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/019 IE/Kostruzzjoni 41, mill-Irlanda)

/* KUMM/2011/0617 finali */

52011PC0617

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/019 IE/Kostruzzjoni 41, mill-Irlanda) /* KUMM/2011/0617 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun aktar mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fid-9 ta' Ġunju 2010, l-Irlanda ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/019 IE/Kostruzzjoni 41 għal kontribut finanzjarju mill-EGF, wara s-sensji f'1 482 intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Kostruzzjoni ta' binjiet")[3] fir-reġjuni tan-NUTS II ta' Border, Midlands and Western (IE01) u Southern and Eastern (IE02) fl-Irlanda. Dawn iż-żewġ reġjuni li jmissu ma' xulxin jikkonsistu fl-Istat kollu tal-Irlanda.

Din l-applikazzjoni hija parti minn sensiela ta' tlieta, li lkoll jolqtu s-settur tal-kostruzzjoni fl-Irlanda. Iż-żewġ applikazzjonijiet l-oħra huma għal appoġġ tal-ħaddiema ssensjati fin-NACE Reviżjoni 2 Diviżjonijiet 43 ("Attivitajiet ta' kostruzzjoni speċjalizzati") u 71 ("Attivitajiet ta' arkittettura u inġinerija; analiżi u ttestjar tekniċi").

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta' Referenza tal-EGF || EGF/2010/019

Stat Membru || Irlanda

Artikolu 2 || (b)

Intrapriżi kkonċernati || 1 482

Reġjuni NUTS II || Border, Midlands and Western (IE01) Southern and Eastern (IE02)

Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 || 41 ("Kostruzzjoni ta' binjiet")

Perjodu ta’ referenza || 1.7.2009 – 31.3.2010

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 1.7.2009

Data tal-applikazzjoni || 9.6.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 4 866

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma identifikati għall-għajnuna || 3 205

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 18 245 633,73

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4] (EUR) || 1 277 195,15

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) || 6,5

Baġit totali (EUR) || 19 522 828,88

Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) || 12 689 838

1. L-applikazzjoni kienet ippreżentata quddiem il-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2010 u ntbagħat tagħrif addizzjonali sas-17 ta’ Ġunju 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet biex jintuża l-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali prinċipali fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Biex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-Irlanda targumenta li l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali bdiet bi kriżi tal-ipoteki fuq is-self għall-proprjetà subprimi fl-Istati Uniti f'nofs l-2007, bl-effett negattiv li mbagħad infirex malajr fis-swieq finanzjarji. L-Irlanda, li hija pajjiż żgħir b'ekonomija orjentata għall-esportazjoni, batiet bl-effetti tan-nuqqas fid-disponibbiltà tal-kreditu fuq l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha, fi żmien meta l-ekonomija dinjija kienet qed iġġarrab l-agħar kontrazzjoni minn tmiem il-gwerra 'l hawn. In-nuqqas fid-disponibbiltà tal-kreditu laqat severament lill-banek fl-Irlanda, b'effetti ulterjuri fuq is-self b'ipoteka u l-attività tal-bini fil-pajjiż.

4. L-impjiegi fis-settur tal-bini li qabel kien qed jikber qatigħ naqsu f'daqqa. L-Irlanda kienet qed tgawdi minn perjodu tajjeb ħafna fis-settur tal-bini, bi proporzjoni ta' investiment fid-djar mal-PGD jilħaq il-11 % tal-PGD fl-2006 mqabbel mal-medja fit-tul tal-UE tal-investiment fid-djar viżavì l-PGD ta' madwar 6% tal-PGD. Meta feġġet il-kriżi, sehem dawk impjegati fil-kostruzzjoni fl-Irlanda waqa' minn 12,25 % fil-K4 / 2007 għal 9,2 % fil-K1 / 2009 u 6,25 % sal-K3 / 2010. Bosta mis-sensji fis-settur ikkawżahom l-għeluq effettiv tal-intrapriża tal-impjiegi minħabba raġunijiet bħal likwidazzjoni, sekwestru ġudizzjarju, għeluq, insolvenza, tmiem ta' kuntratt u falliment.

5. Wara diċennju ta' qgħad baxx 4 % - 6 %) ir-rata tal-qgħad fil-qasam tal-kostruzzjoni żdiedet b'sitt darbiet bejn il-K2 / 2007 u l-K2 / 2009. F'nofs l-2009, wieħed minn kull tliet ħaddiema fil-kostruzzjoni kien qiegħed. Dan huwa paragunabbli mar-rata tal-qgħad kumplessiva nazzjonali ta' dak iż-żmien ta' 12,4 %. F'dawk li huma sottosetturi tal-kostruzzjoni, fil-K4 / 2009, l-ogħla livelli ta' qgħad assoluti ġew osservati fis-setturi tal-kostruzzjoni tal-bini (id-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2) u fil-kostruzzjoni speċjalizzata (id-Diviżjoni 43 tan-NACE Reviżjoni 2). Fil-K2 / 2009, ir-rati tal-qgħad f'dawn is-subsetturi kienu ta' kważi 40 %.

Turija tal-għadd ta’ sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

6. L-Irlanda ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

7. L-applikazzjoni tindika 4,866 sensja f’1,482 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2 (“Kostruzzjoni ta' binjiet")[5] fir-reġjuni NUTS II ta’ Border, Midlands u Western (IE01) u Southern u Eastern (IE02) matul il-perjodu ta' referenza ta' disa’ xhur mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

8. L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali ma kinetx prevista mill-gvernijiet, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kummentaturi dinjin u l-bosta intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fil-qasam tal-kostruzzjoni fl-Irlanda ma setgħux ibassru sa liema punt il-kriżi kienet se tolqot in-negozji tagħhom.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li huma identifikati għall-għajnuna

9. L-applikazzjoni hija marbuta ma' 4,866 sensja f'1,482 intrapriżi mifruxa tul iż-żewġ reġjuni li jmissu ma' xulxin, li flimkien jiffurmaw l-Istat kollu tal-Irlanda. Kważi 80 % tal-intrapriżi jinsabu fir-reġjun Southern and Eastern (IE02) filwaqt li l-20 % li jifdal jinsabu fir-reġjun Border, Midlands and Western region (IE01). Mill-4 866 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 3 205 huma fil-mira tal-miżuri msemmija hawn taħt.

Reġjun || In-numru ta' intrapriżi || In-numru ta' tkeċċijiet

Border, Midlands and Western (IE01) || 409 || 1 008

Southern and Eastern (IE02) || 1 072 || 3 857

Mhux applikabbli || 1 || 1

Total || 1 482 || 4 866

Il-lista sħiħa tal-intrapriżi msemmija fl-applikazzjoni EGF/2010/019 IE/Kostruzzjoni 41 mill-Irlanda hija mehmuża mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Proposta.

10. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 2 945 || 91,89

Nisa || 260 || 8,11

Ċittadini tal-UE || 3 205 || 100,00

Ċittadini mhux tal-UE || 0 || 0,00

Ta' età bejn il-15 u l-24 sena || 389 || 12,14

minn 25 sa 54 sena || 2 345 || 73,17

Ta' età bejn il-55 u l-64 sena || 391 || 12,20

Ta' aktar minn 64 sena || 80 || 2,50

11. F'dan il-grupp ma hemmx ħaddiema li għandhom problemi ta’ saħħa fit-tul jew diżabilitajiet.

12. Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Leġiżlaturi, uffiċjali għolja u maniġers || 225 || 7,02

Professjonisti || 253 || 7,89

Teknixins u professjonisti assoċjati || 301 || 9,39

Skrivani || 76 || 2,37

Ħaddiema fis-servizzi u ħaddiema fil-bejgħ fil-ħwienet u s-swieq || 8 || 0,25

Ħaddiema tas-sengħa fil-qasam agrikolu u tas-sajd || 1 || 0,03

Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati || 889 || 27,74

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw il-magni || 255 || 7,96

Okkupazzjonijiet elementari || 1 052 || 32,82

Mhux applikabbli || 145 || 4,52

13. L-għadd ta' ħaddiema fil-mira fi ħdan l-għadd kumplessiv ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja jaf jinbidel, b'dan jiddependi fuq l-eżitu tal-kuntatti ma' ħaddiema individwali li ngħataw is-sensja. Fi ħdan il-ħaddiema fil-mira hemm 669 apprentist li ngaħataw is-sensja, l-aktar fosthom irġiel żgħażagħ sal-età ta' 25 sena, li huma f'riskju partikolari li jisfaw f'qgħad fuq medda ta' żmien medja jew anki twila.

14. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Irlanda kkonfermat li ġiet applikata politika ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, u għandha tkompli tapplika, matul l-istadji differenti tal-implimentazzjoni tal-politika u, b'mod partikolari, b’aċċess għall-EGF.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

15. L-applikazzjoni tkopri l-Istat kollu tal-Irlanda, li huwa organizzat f'żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II. Madwar 80 % tal-impjegaturi preċedenti tal-popolazzjoni milquta kienu bbażati fir-reġjun Southern and Eastern, li fih jinsabu l-akbar żewġt ibliet ta' Dublin u Cork. Filwaqt li dan jaf jagħti lil wieħed x'jifhem li r-reġjun ta' NUTS II l-ieħor (Border, Midlands and Western) intlaqat anqas, minħabba l-ħinijiet u distanzi qosra biex wieħed imur ix-xogħol u lura d-dar, id-disponibbiltà tal-ħaddiema li jivvjaġġaw, u l-preponderanza akbar tal-proġetti tal-kostruzzjoni fiċ-ċentri urbani, aktarx li bosta ħaddiema jgħixu fir-reġjun Border, Midlands and Western u jimmigraw jew jivvjaġġaw ta' kuljum biex jaħdmu għand l-impjegaturi tagħhom ibbażati fir-reġjun Southern and Eastern.

16. L-Irlanda kellha waħda mill-aktar ekonomiji globalizzati u dinamiċi fid-dinja, b'rabtiet kummerċjali u ta' investiment barrani b'saħħithom ħafna sa madwar l-2008. Madankollu, mill-aħħar kwart tal-2008 u l-ewwel kwart tal-2009, ir-rata tat-tkabbir ekonomiku naqqset il-pass konsiderevolment, u dan għadu qed iseħħ anki issa. B'waqgħa fil-PGD ta' 3 % fl-2008, l-Irlanda ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija. Il-forza tax-xogħol kollha Irlandiża tinsab għaddejja minn bidliet strutturali li primarjament irriżultaw mill-waqgħa tas-setturi tal-kostruzzjoni u l-banek.

17. L-impjiegi, madankollu, żdiedu fl-2009 fis-settur tal-ICT, b'żidiet modesti rreġistrati wkoll fis-setturi tat-trasport, l-ikel u s-saħħa. Barra minn hekk, minħabba d-deregolazzjoni u t-tkabbir tas-setturi tal-enerġija rinovabbli, żdiedu l-impjiegi fis-settur tal-enerġija (gass u elettriku).

18. Filwaqt li b'mod ġenerali l-provvista tal-ħaddiema hija ikbar mid-domanda, jeżisti nuqqas ta' ħiliet f'xi oqsma f'għadd żgħir ta' postijiet tax-xogħol li iżda huma ristretti għall-ispeċjalisti (eż. inġiniera elettriċi b'ħiliet fil-grids tal-vultaġġ għoli, persunal b'karigi avvanzati bħal maniġers ta' proġetti fl-ICT, oqsma niċeċ (eż. telebejgħ b'kompetenzi fil-lingwi barranin) u taħlitiet ta' ħiliet speċifiċi (eż. professjonisti tal-ICT b'ħiliet fl-iżvilupp tan-negozju).

19. Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet huwa responsabbli mit-tfassil tal-politika nazzjonali dwar l-impjiegi u t-taħriġ u mill-finanzjament nazzjonali. Ir-responsabbiltà fil-livell operattiv hija f'idejn l-awtorità nazzjonali għat-taħriġ u l-impjiegi, Foras Áiseanna Saothair (FÁS). Permezz ta' netwerk ta' 66 uffiċċju u 20 ċentru tat-taħriġ, il-FÁS topera programmi ta' taħriġ u impjiegi, inklużi apprentistati, li jipprovdu servizz ta' reklutaġġ lil dawk li qed ifittxu x-xogħol u lill-impjegaturi, u servizz konsultattiv għall-industrija, u tappoġġja wkoll l-intrapriżi bbażati fil-komunità.

Barra minn hekk, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet huwa responsabbli mit-tfassil tal-politika u l-finanzjament tas-sistema pubblika tal-edukazzjoni avvanzata u għolja fl-Irlanda. Ir-responsabbiltà operattiva rigward l-edukazzjoni avvanzata (fil-livell ta' kwalifiki edukattivi aktar baxxi) hija f'idejn il-Kumitati tal-Edukazzjoni Vokazzjonali (VECs) f'dak li huwa provvediment tat-tagħlim għall-adulti. Is-sistema tal-edukazzjoni għolja ffinanzjata b'mod pubbliku tinkludi seba' (7) universitajiet u 13-il istitut tat-teknoloġija. L-Awtorità tal-Edukazzjoni Għolja (HEA), li taqa' taħt il-mandat tad-Dipartiment, hija l-entità li tiffinanzja lil dawn l-istituzzjonijiet. L-istituti tat-teknoloġija jaħdmu mill-qrib mal-FÁS fil-provvediment tat-taħriġ għall-apprentisti.

20. Il-35 City and County Enterprise Boards (CEBs), li jaqgħu taħt il-mandat tad-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Innovazzjoni, jipprovdu appoġġ għall-mikrointrapriżi b'10 impjegati jew anqas fil-livell lokali.

21. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali jfassal il-politiki xierqa dwar il-protezzjoni soċjali u jamministra u jimmaniġġja l-provvediment ta' servizzi u skemi statutorji u mhux statutorji. Għandu wkoll funzjoni ta' appoġġ fit-tiftix għax-xogħol u l-impjiegi, inkluż appoġġ għal dawk li jridu jniedu l-intrapriża jew in-negozju tagħhom.

22. Fl-aħħar nett, hemm għadd ta' fornituri tal-edukazzjoni għolja privata f'pożizzjoni li jipprovdu opportunitajiet edukattivi għal dawk li qabel kienu impjegati fis-settur tal-kostruzzjoni, u li jistgħu jiġi finanzjati mill-FÁS permezz tas-sistemi rilevanti tal-għotjiet.

23. It-trejdjunjins, l-entitajiet settorjali, ir-rappreżentanti politiċi lokali, l-entitajiet tal-iżvilupp lokali u reġjonali, Sħubiji taż-żona lokali u l-Bordijiet tal-Intrapriżi lokali huma fost il-bosta partijiet interessati l-oħrajn.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

24. Wara tnaqqis qawwi fl-attività tal-kostruzzjoni fl-Irlanda fl-2008, l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni komplew jonqsu fl-2009 u l-2010. L-Istatistika dwar il-Forza tax-Xogħol (MEI) tal-OECD turi li l-Irlanda sofriet minn nuqqas fl-impjiegi fl-industrija tal-kostruzzjoni ta' 19 % fil-perjodu mill-K3 / 2009 sal-K1 / 2010, li huwa l-akbar tnaqqis fl-impjiegi f'dak is-settur fil-pajjiżi kollha tal-OECD[6].

25. L-impjiegi kumplessivi fl-industrija tal-kostruzzjoni (id-Diviżjonijiet kollha ta' NACE Reviżjoni 2) bħala sehem mill-impjiegi nazzjonali kollha waqgħu minn 12,8 % fi tmiem K2 / 2007 għal 6,9 % fi tmiem K1 / 2010. L-impjiegi tad-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2 waqgħu bi 11,900 (16.6 %) bejn tmiem K2 /2009 u tmiem K1 / 2010. Fi tmiem K1 / 2010, ir-rata tal-impjiegi għall-ħaddiema kollha tad-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2 kienet ta' 39,9 %, jiġifieri aktar mit-tripplu tar-rata nazzjonali tal-qgħad ta' 12,9 %.

26. F'dawn l-aħħar snin, l-industrija tal-kostruzzjoni ġġenerat aktar minn 8 % tal-PGD, jiġifieri ferm aktar mill-medja ta' bejn 4 sa 6 % tal-pajjiżi tal-OECD. It-tnaqqis fid-domanda għas-servizzi tal-kostruzzjoni u s-sensji minħabba fih għandhom impatt negattiv ovvju f'dak li hu telf fl-introjtu dirett mill-pagi, telf għall-gvern permezz ta' taxxi fuq id-dħul u fuq il-korporazzjonijiet, żieda fin-nefqa fis-servizzi soċjali mogħtija lil dawk li sfaw qiegħda, tnaqqis fid-domanda għal oġġetti u servizzi mingħand il-fornituri tal-industrija inkluż il-qasam importanti tal-awtokuntratturi, inqas investiment u / jew kiri ta' makkinarju u tagħmir ġdid. Barra minn hekk, it-telf ta' nfiq sekondarju marbut mal-konsum ta' dawk li qabel kienu jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni għad ikollu impatt fuq is-setturi kollha tal-ekonomija.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

27. L-Irlanda qed tipproponi pakkett ta’ miżuri favur il-ħaddiema li tilfu x-xogħol li hu mibni fuq sitt pilastri: Pariri dwar ix-Xogħol, Programmi ta' Taħriġ u benefiċċji għat-taħriġ assoċjati, taħriġ u appoġġ fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu għall-Apprentisti li ngħataw is-sensja, edukazzjoni Vokazzjonali / tat-Tieni Livell u programmi edukattivi u appoġġi ta' introjtu, appoġġi lill-Intrapriżi u lil dawk li Jaħdmu għal Rashom, u appoġġi edukattivi u ta' introjtu tat-Tielet Livell:

– Pariri dwar ix-xogħol: Dan jikkonsisti f'pariri dwar ix-xogħol fuq bażi individwali għall-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, li twassal għal firxa ta' passi maqbula li għandhom jittieħdu sabiex dak li jkun jirritorna fid-dinja tax-xogħol. Il-passi ma jinkludux biss taħriġ, izda wkoll appoġġ permezz ta' gwida fi gruppi, klabbs tal-impjiegi u għażliet edukattivi.

– Programmi ta' Taħriġ u benefiċċji għat-taħriġ assoċjati: Il-korsijiet tal-FÁS ikopru firxa wiesgħa ta' suġġetti rilevanti, inklużi l-konservazzjoni tal-enerġija, strutturi u teknoloġija tal-enerġija sostenibbli u kompatibbli mal-ambjent, u l-immaniġġjar tal-ambjent. Qed tiġi segwita strateġija mfassla biex iżżid il-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni qiegħda biex dawn ikunu jistgħu jiksbu impjieg f'dawk l-oqsma li qed jespandu. Dawk li jattendu korsijiet fulltime tal-FÁS jikkwalifikaw għal benefiċċju tat-taħriġ flok ħlas ta' benefiċċju soċjali. Skont kif ikun xieraq, tingħata wkoll għajnuna għal assistenza biex wieħed jattendi taħriġ jew korsijiet edukattivi pprovduti privatament li mhumiex organizzati minn jew permezz tal-aġenziji nazzjonali tat-taħriġ. It-tfassil ta' internships speċifiċi, skjeramenti fuq il-postijiet tax-xogħol u programmi ta' taħriġ orjentati għall-komunità se jkunu inklużi wkoll fl-interventi ta' taħriġ skont kif jitlob il-każ.

– Taħriġ u appoġġ fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu għall-Apprentisti li ngħataw is-sensja: Dan tfassal biex jippermetti lil 669 apprentist eżistenti jkomplu l-apprentistati tagħhom. Is-Sistema tal-Apprendistat Ibbażata fuq Standards hija abbażi ta’ seba’ fażijiet li jalternaw ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol (fażijiet b'numri bil-fard) u mhux fuq il-post tax-xogħol (fażjiet b'numri biż-żewġ). Din il-miżura se tissussidja l-impjieg ta' apprentisti ssensjati tul il-fażijiet meħtieġa ta' xogħol 3,5 u 7 tal-apprentistati, se tipprovdi taħriġ u manteniment finanzjarju lil dawk l-apprentisti tul il-fażijiet 2, 4 u 6, u se tipprovdi taħriġ fiċ-ċentru, valutazzjoni u manteniment finanzjarju bħala sostizzjoni parzjali għall-fażi finali fuq ix-xogħol 7 tal-apprentistat.

– Edukazzjoni Vokazzjonali / tat-Tieni Livell u programmi edukattivi u appoġġi ta' introjtu: Qed jikber l-għarfien tal-fatt li jekk wieħed jgħolli l-livell ta' ħilietu jassigura ruħu minn impjieg fis-snin ta' wara. Għaldaqstant, il-ħaddiema tal-kostruzzjoni qiegħda li, xi ftit snin ilu biss, lanqas biss kien jgħaddilhom minn rashom li jirritornaw għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kull ma jmur qegħdin jintebħu li jeħtieġilhom itejbu ħiliethom biex iżidu ċ-ċansijiet li jsibu impjieg. Ġie stabbilit li l-ħaddiema ssensjati fil-qasam tal-kostruzzjoni, li bosta minnhom għandhom ħiliet tekniċi avvanzati, huma realistiċi dwar il-qagħda tagħhom u huma lesti jqisu karrieri alternattivi lil hinn mis-settur tal-kostruzzjoni. Meta jagħmlu dan, dawn huma konxji tan-nuqqasijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u jilqgħu bi pjaċir il-pariri dwar kif dawn in-nuqqasijiet jistgħu jiġu eliminati. F'dan l-isfond, qed jiġu proposti għadd ta' opzjonijiet, li jinvolvu l-Kumitati dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonlai, korsijiet ta' Ċertifikazzjoni ta' Wara t-Tluq, Skemi ta' Opportunitajiet ta' Taħriġ Vokazzjonali, Lezzjonijiet Intensivi fl-Edukazzjoni Bażika għall-Adulti, u Inizjattivi ta' Lura għall-Edukazzjoni. Bosta minn dawn il-programmi jservu biex jingħataw ċertifikati rikonoxxuti fil-livelli nazzjonali u internazzjonali.

– Apoġġi lill-Intrapriżi u lil dawk li Jaħdmu għal Rashom: L-entitajiet ta' appoġġ għall-intrapriżi bħas-City and County Enterprise Boards (CEBs) se jippromwovu firxa ta' appoġġi disponibbli għall-ħaddiema ssensjati li qed jikkontemplaw li jibdew negozju għal rashom permezz, pereżempju, tal-organizzazzjonijiet ta' sessjonijiet ta' ħidma, fieri u wirjiet fil-bliet u l-irħula u attivitajiet oħrajn ta' promozzjoni relatati. L-assistenza permezz ta' għotjiet se tiġi offruta f'każijiet fejn il-proposti ta' negozji jkunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà. Din it-tip ta' assistenza tinkludi għotjiet ta' pprimar u impjiegi pagabbli mis-CEBs lil persuni ġodda li sfaw qiegħda jew kumpaniji ġodda żgħar b'assistenza għall-ispejjeż biex wieħed jiftaħ kumpanija u jimpjega l-ħaddiema. Il-benefiċjarji ġeneralment ikunu kummerċjanti waħdanin u mikrointrapriżi b'fokus fuq il-manifattura jew fuq servizzi kkummerċjati internazzjonalment. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali jopera għadd ta' skemi mfassla biex jipprovdu appoġġ finanzjarju għar-reċipjenti tal-benefiċċji soċjali biex dawn jidħlu għal xogħol għal rashom. Dawn jinkludu l-benefiċċji msejħa Back to Work Enterprise Allowance u Short Term Enterprise Allowance li permezz tagħhom persuna qiegħda tista' tibda taħdem għal rasha f'negozju li jkun ġie approvat minn faċilitatur tal-impjiegi tad-Dipartiment jew f'kumpanija tal-iżvilupp integrat lokali. Ma hemm l-ebda ristrezzjoni fuq in-natura tan-negozju ta' dawk li jaħdmu għal rashom, iżda dan għandu jitqies bħala vijabbli u sostenibbli mill-faċilitatur tal-impjiegi.

– Programmi Edukattivi u appoġġi ta' introjtu tat-Tielet Livell: Eluf ta' moduli u programmi li huma disponibbli fis-settur tal-edukazzjoni għolja huma rilevanti għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni ssensjati, skont xi jkunu l-isfond edukattiv u l-livelli tal-ħiliet tagħhom. Xi wħud minn dawn il-programmi huma fil-qasam tat-teknoloġija ambjentali, li taf tkun partikolarment rilevanti għal dawn bi sfond fil-kostruzzjoni. Fil-bidu se tingħata enfasi konsiderevoli lill-valutazzjoni ta' dawk li jqisu mogħdijiet ta' edukazzjoni għolja, tal-ġabriet ta' ħiliet u l-adattabilità tagħhom biex jattendu korsijiet partikolari jew jekk korsijiet preparatorji jew għażliet alternattivi f'oqsma oħra ta' appoġġ jafux ikunu aktar xierqa. Il-qasam tal-edukazzjoni għolja huwa f'pożizzjoni li jipprovdi programmi tranżitorji, programmi full-time qosra jew medji u programmi part-time. Il-kulleġġi kollha tat-tiliet livell jipprovdu opportunitajiet għal dħul dirett u dħul avvanzat fil-programmi msejsa fuq il-ħiliet individwali preċedenti u l-esperjenza tax-xogħol. Fil-kuntest ta' aktar flessibbiltà fil-modi ta' twassil, huwa possibbli li l-istudenti jingħataw moduli jew krediti minuri ta' tul ta' żmien aktar limitat, bl-għażla li mal-milja taż-żmien dawn jissawru fi kwalifika maġġuri. Hemm ukoll opportunitajiet għal dawk li jipposjedu ċertifikati artiġjanali biex jiksbu dħul avvanzat għal għadd ta' programmi speċifiċi fil-livell ta' lawrja fl-Istituti tat-Teknoloġija. Madankollu, it-tul ta' żmien finit tal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-EGF ġeneralment ma jiffaċilitax l-appoġġ għal kors sħiħ ta' lawrja. Għadd ta' appoġġi finanzarji huma disponibbli biex il-ħaddiema tal-kostruzzjoni ssensjati jiġu assistiti ħalli jkollhom aċċess u jipparteċipaw fi programmi tat-tielet livell.

28. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll ta' informazzjoni u pubbliċità. Billi l-każ ikopri l-Istat tal-Irlanda kollu, l-awtoritajiet Irlandiżi ddedikaw l-aktar parti sinifikanti tan-nefqa lill-maniġment u s-superviżjoni , kif ukoll il-kontroll, inklużi l-verifiki tal-awdituri. Fir-rigward tal-informazzjoni u l-pubbliċità, il-miżuri kollha pprovduti mill-assistenza tal-EGF se jiġu enfasizzati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiġi żgurat li l-EGF jiġi attribwit mat-tali assistenza. Dan se jinkludi materjal ta' pubbliċità, logos, letterheads, powsters, browxers u reklami fuq il-midja, eċċ. Il-Gvern, l-aktar permezz tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet, u l-aġenziji Statali rilevanti u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha, se jkomplu jenfasizzaw l-assistenza tal-Komunità f'kull okkażjoni xierqa, bħal briefings mal-istampa, mistoqsijiet parlamentari, dibattiti, avvenimenti fil-midja, eċċ.

29. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Irlandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli kif iddefiniti bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Irlandiżi jikkalkulaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 18,245,633.73 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 1,277,195.15 (6,5 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 12,689,838 (65 % tal-kosti totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Kost stmat għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Kosti totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Pariri dwar ix-xogħol || 2 142 || 104,67 || 224 203,14

Programmi ta' taħriġ. || 927 || 1 024,52 || 949 730,04

Allokazzjonijiet għat-taħriġ || 305 || 5 192,98 || 1 583 858,90

Programmi ta' taħriġ u appoġġ għall-apprentisti ssensjati || 1 324 || 7 719,86 || 10 221 094,64

Edukazzjoni u programmi ta' taħriġ vokazzjonali / tat-Tieni livell || 757 || 2 922,69 || 2 212 476,33

Appoġġi għall-edukazzjoni u t-taħriġ Vokazzjonali / tat-Tieni livell || 89 || 10 941,26 || 973 772,14

Ħolqien ta' intrapriżi u ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom || 779 || 1 542,63 || 1 201 708,77

Programmi edukattivi tat-tielet livell || 45 || 12 172,04 || 547 741,80

Appoġġi edukattivi tat-tielet livell || 23 || 14 393,39 || 331 047,97

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 18 245 633,73

Nefqa fuq l-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 116 097,04

Maniġment || || 667 589,90

Informazzjoni u pubbliċità || || 232 194,08

Attivitajiet ta’ kontroll || || 261 314,13

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF || || 1 277 195,15

Total tal-ispejjeż stmati || || 19 522 828,88

Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) || || 12 689 838

30. L-Irlanda tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. L-awtoritajiet Irlandiżi stabbilew Kumitat ta' Monitoraġġ għall-Koordinament tal-Fondi tal-UE skont il-Qafas ta' Referenza Strateġika Nazzjonali. Id-Dipartiment tal-Finanzi jippresjedi l-Kumitat li jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni ta' rilevanza inkluża d-demarkazzjoni tal-fondi fi programmi operattivi u kwalunkwe kwistjonijiet ta' implimentazzjoni li jafu jqumu u kwalunkwe pjanijiet għal programmi ġodda li jiżguraw li l-Fondi ma jirfsux fuq xulxin. Barra minn hekk, bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni għall-ESF u l-ERDG, twaqqaf grupp li huwa presedut u koordinat mid-Dipartiment tal-Finanzi, biex jittratta kwalunkwe kwistjoni konnessa mal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013. Mill-2010 'l hawn, l-EGF iddaħħal f'dan il-proċess.

Id-data/dati meta bdew jew meta huwa maħsub li jibdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati

31. L-Irlanda bdiet is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inkluż il-pakkett koordinat propost għall-kofinanzjament lill-EGF fil-1 ta' Lulju 2009. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

32. Malli tasal notifikazzjoni mid-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Innovazzjoni dwar sensji kollettivi imminenti, il-FÁS jikkuntattja lill-maniġment tal-kumpanija kkonċernata biex jiddiskuti s-servizzi disponibbli u l-ħtiġijiet potenzjali tal-impjegati. It-Trejdjunjins ukoll jiġu kkonsultati kif jixraq.

33. L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi

34. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Irlandiżi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tieħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

35. L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarji għandhom jiġu ġestiti u kkontrollati mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-Irlanda.

Il-finanzjament

36. Fuq il-bażi tal-applikazzjoni mill-Irlanda, il-kontribut propost mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat il-EGF) huwa ta' EUR 12,689,838, li jirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Irlanda.

37. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll tal-kamp ta' applikazzkjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

38. L-ammont propost ta' kontribut finanzjarju jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

39. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, se tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

40. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2011 approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

41. L-ammont tal-approprjazzjonijeit tal-pagamenti li inizjalment iddaħħal fil-linja baġitarja 04.0501 se jiġi kkonsmat kollu wara l-adozzjoni miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-proposti sottomessi sa issa għall-mobilizzar tal-EGF.

42. L-emendi għall-baġit 3/2011 żiedu l-linja baġitarja 04.0501 tal-EGF b'EUR 50 000 000 f'approprazzjonijiet tal-pagamenti. L-approprjazzjonijiet minn din il-linja baġitarja se jiġu użati biex ikopru EUR 6 091 460 tal-ammont meħtieġ għall-applikazzjoni attwali. Billi l-appropjazzjonijiet tal-pagamenti huma disponibbli fl-2011 skont il-linja baġitarja 04.0201 "Kompletezza tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) – Objettiv 1 (minn 2000 sa 2006)", l-ammont addizzjonali ta' EUR 6 598 378 meħtieġ għall-applikazzjoni attwali jista' għalhekk isir disponibbli għat-trasferiment.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/019 IE/Kostruzzjoni 41, mill-Irlanda)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[7], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[9],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       L-Irlanda bagħtet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF, fir-rigward tas-sensji f'1 482 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Kostruzzjoni ta' binjiet") fir-reġjuni NUTS II ta' Border, Midlands and Western (IE01) u Southern and Eastern (IE02), fid-9 ta' Ġunju 2010 u ntbagħat tagħrif addizzjonali sas-17 ta' Ġunju 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribut finanzjarju kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 12,689,838.

(5)       L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Irlanda.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 12 689 838 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew,                          Għall-Kunsill,

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[4]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[6]               OECD Labour Force Statistics (MEI), Q1/2010.

[7]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[8]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[9]               ĠU C […], […], p. […].

Top