Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0614

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (EC) No 1080/2006

    /* KUMM/2011/0614 finali - 2011/0275 (COD) */

    52011PC0614

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (EC) No 1080/2006 /* KUMM/2011/0614 finali - 2011/0275 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fid-29 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020: Baġit għall-Ewropa 2020[1]. Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' element essenzjali mill-pakkett finanzjarju li jmiss, u enfasizzat l-irwol ċentrali li għandha sabiex titwassal l-istrateġija Ewropa 2020[2].

    Il-Kummissjoni għaldaqstant ipproponiet numru ta' bidliet importanti għal kif tiġi mfassla u implimentata l-politika ta' koeżjoni. Fost l-elementi prinċipali tal-proposta hemm il-konċentrazzjoni ta' fondi fuq numru iżgħar ta' prijoritajiet assoċjati aħjar mal-Istrateġija Ewropa 2020, l-iffukar fuq ir-riżultati, il-monitoraġġ tal-progress lejn objettivi maqbula, iż-żieda ta' kundizzjonijiet u s-simplifikazzjoni fit-twettiq.

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet rigward il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u jħassar ir-regolament (KE) Nru 1083/2006. Jibbaża fuq ix-xogħol mwettaq sa mill-pubblikazzjoni tar-Raba' Rapport ta' Koeżjoni f'Mejju 2007 li stipula l-isfidi prinċipali li jiffaċċjaw ir-reġjuni fl-għexieren ta' snin li ġejjin, u li nieda d-dibattitu fuq il-politika ta' koeżjoni futura. Fid-9 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat il-Ħames Rapport ta' Koeżjoni li pprovda analiżi tat-tendenzi soċjali u ekonomiċi, u ħareġ l-orjentazzjonijiet għall-politika ta' koeżjoni futura.

    Il-politika ta’ koeżjoni hija l-istrument ta' investiment prinċipali biex jiġu megħjuna l-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni kif hemm miġbur fl-Istrateġija Ewropa 2020. Tagħmel dan permezz ta' ffukar fuq il-pajjiżi u r-reġjuni fejn il-bżonnijiet huma l-akbar. Wieħed mill-akbar suċċessi tal-UE hija l-kapaċità tagħha li tgħolli l-livelli tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha tagħha. Dan tagħmlu mhux biss billi tgħin Stati Membri u reġjuni aktar foqra biex jiżviluppaw u jikbru, iżda wkoll permezz tal-irwol tagħha fl-integrazzjoni tas-Suq Uniku li d-daqs tiegħu jwassal swieq u ekonomiji ta’ skala fil-partijiet kollha tal-UE, kemm sinjuri u foqra, kbar u żgħar. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-nfiq tal-politika ta' koeżjoni li sar fil-passat uriet ħafna eżempji ta' valur miżjud u ta' investiment li joħloq it-tkabbir u l-impjiegi, li ma setgħux iseħħu mingħajr l-appoġġ tal-baġit tal-UE. Madankollu, ir-riżultati juru wkoll l-effetti tat-tixrid u n-nuqqas ta’ prijoritizzazzjoni. Fi żmien meta l-flus pubbliċi huma skarsi u meta l-investiment li jtejjeb it-tkabbir huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi bidliet importanti fil-politika ta’ koeżjoni.

    Il-FEŻR jimmira sabiex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea billi jikkorreġi l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni tagħha. Il-FEŻR jappoġġa l-iżvilupp reġjonali u lokali billi jikkofinanzja investimenti fir-R&Ż u fl-innovazzjoni; tibdil fil-klima u ambjent; appoġġ lin-negozju tal-SMEs; servizzi ta' interessi ekonomiċi komuni; telekomunikazzjoni, enerġija u infrastruttura tat-trasport; saħħa, edukazzjoni u infrastrutturi soċjali; u żvilupp urban sostenibbli.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    2.1.      Konsultazzjoni u parir minn esperti

    Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-Ħames Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE[3], il-proposti għall-qafas finanzjarju multiannwali[4], il-Ħames Rapport ta' Koeżjoni[5], u l-konsultazzjonijiet wara l-adozzjoni tar-rapport, kollha ġew ikkunsidrati meta saru l-proposti.

    Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Konklużjonjiet tal-Ħames Rapport ta' Koeżjoni saret bejn it-12 ta' Novembru 2010 u l-31 ta' Jannar 2011. Ġew irċevuti total ta’ 444 kontribut. Fost dawk li wieġbu kien hemm Stati Membri, awtoritajiet reġjonali u lokali, imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet b'interessi Ewropej, organizazzjonijiet mhux governattivi, ċittadini u partijiet interessati oħra. Il-konsultazzjoni pubblika staqsiet serje ta' mistoqsijiet dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni. Sommarju tar-riżultati kien ippubblikat fit 13 ta' Mejju 2011[6].

    Ir-riżulati tal-evalwazjonijiet ex-post li saru fil-programmi 2000-2006, u firxa wiesgħa ta' studji u ta' pariri minn esperti ntużaw bħala kontribut. Il-parir tal-esperti kien ukoll mogħti mill-Grupp ta' Livell Għoli magħmul minn esperti ta' amministrazzjonijiet nazzjonali, meta ħaseb dwar il-Politika ta' Koeżjoni futura, f'10 laqgħat li seħħew bejn 2009 u l-2011.

    Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Ħames rapport ta' Koeżjoni juru li hemm qbil ġenerali dwar l-idea li jkun hemm konċentrazzjoni fil-finanzjament. Madankollu hemm tħassib dwar deċiżjonijiet li mhumiex qed jittieħdu fil-livell korrett rigward il-konċentrazzjoni. B'mod partikolari, ħafna kontribuzzjonijet jenfasizzaw il-ħtieġa ta' flessibilità u l-ħtieġa li ma jiġux injorati teritorji b'kundizzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, diversi esprimew il-ħsieb li wisq limitazzjoni fil-prijoritajiet fuq livell ta' UE ma jħallux il-flessibilità neċessarja sabiex jiġu definiti strateġiji reġjonali ta' żvilupp xierqa.

    2.2.      Valutazzjoni tal-impatt

    L-opzjonijiet kienu vvalutati, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR lil żewġ prodotti pubbliċi:

    – il-kontribut għall-impjiegi, ir-R&Ż u l-innovazzjoni bl-appoġġ tal-impriżi.

    – l-investiment fl-infrastruttura bażika (eż: it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, l-infrastruttura soċjali u tas-saħħa).

    Ma kinux indirizzati oqsma oħra fejn il-FEŻR għandu jagħti kontribut importanti għad-dispożizzjoni ta' prodotti pubbliċi tal-UE, għax valutazzjonijiet suċċessivi u riċerka akkademika ma identifikawx problemi partikolari f'oqsma fejn seta' hemm skop ta' intervent min-naħa tal-FEŻR.

    Dwar għajnuna lill-impriżi jista' jiġi argumentat li din l-għajnuna, b'mod partikolari f'forma ta' għotjiet, hija meħtieġa l-aktar għall-impriżi żgħar, għall-attivitajiet innovattivi, u f'żoni li għaddejjin minn tnaqqis industrijali li qed iġġarrabu tibdil strutturali. L-argument tal-investiment f'impriżi kbar, f'oqsma anqas innovattivi, u reġjuni li huma attraenti għall-investituri mingħajr għajnuna huwa aktar dgħajjef. L-argument biex tiġi ffinanzjata l-infrastruttura huwa l-aktar qawwi fir-reġjuni l-anqas żviluppati fejn l-awtoritajiet pubbliċi m'għandhomx fondi biżżejjed għall-investiment, u fejn l-ispejjeż tal-investiment ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba li l-popolazzjoni għandha dħul baxx. L-argument dwar investiment fl-infrastruttura bażika huwa aktar dgħajjef fejn jidħlu reġjuni aktar żviluppati.

    Fost l-opzjonijiet eżaminati hemm inkluż l-istatus quo, tibdil sabiex il-finanzjament ikun aktar immirat, u opzjoni li għandha tkun aktar restrittiva b'mod sinifikattiv fl-iskop tagħha meta kkumparata mal-opzjonijiet ta' ffinanzjar attwali. L-opzjoni magħżula kienet dik tal-finanzjament aktar immirat, li żżid l-effiċjenza, l-effettività u l-valur miżjud tal-UE fil-finanzjament, filwaqt li fl-istess ħin tħalli lir-reġjuni flessibilità suffiċjenti dwar l-investiment, u tnaqqas ir-riskju li attivitajiet li jeħtieġu finanzjament jaqgħu barra l-ambitu tal-intervent.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Il-politika reġjonali Ewropea għandha parti importanti x'tilgħab fl-immobilizzar tal-kapital lokali u fl-iżvilupp tal-potenzjal endoġeniku.

    L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (TFUE) jistieden lill-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u tippromwovi l-iżvilupp armonjuż billi tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni, u timbotta l-iżvilupp fir-reġjuni l-anqas privileġġjati.

    L-għan tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali huwa misjuq permezz ta' tliet fondi tal-UE. Kif stipulat fl-Artikolu 176 tat-TFUE, l-objettiv tal-FEŻR huwa li jinsaq l-iżvilupp u l-aġġustament strutturali f'reġjuni inqas żviluppati u reġjuni bi tnaqqis industrijali.

    L-Artikolu 174 tat-TFUE jistipula li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal pereżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, kif ukoll gżejjer, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.

    L-Artikolu 349 tat-TFUE jistipula li miżuri speċifiċi jiġu adottati b'mod li jieħu kont tas-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika tar-reġjuni l-aktar 'l barra, li hija magħġuna ma' ċerti fatturi speċifiċi li jrażżnu gravement l-iżvilupp tagħhom. Il-miżuri speċifiċi għandhom jinkludu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-Fondi Strutturali.

    Hemm ħolqa bejn il-waqt magħżul għall-istħarriġ fuq il-finanzjament tal-UE li jippromwovi l-koeżjoni, u l-proposta għal Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid, kif hemm fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.

    Kif enfasizzat ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, "il-baġit tal-UE għandu jintuża biex jiffinanzja l-prodotti pubbliċi tal-UE, azzjonijiet li Stati Membri u reġjuni ma jistgħux jiffinanzjaw huma stess, jew fejn jista' jħalli riżultati aħjar"[7]. Il-proposta legali għandha tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà dwar kif inhuma stipulati l-kompiti tal-FEŻR fit-Trattat, u l-politika hija implimentata skont il-prinċipju ta' ġestjoni konġunta u għandha tirrispetta l-kompetenzi istituzzjonali tal-Istati Membri u r-reġjuni.

    L-istrument leġislattiv, u t-tip ta' miżura (ie. il-finanzjament) huma t-tnejn definiti fit-TFUE, li pprovda l-bażi legali għall-Fondi Strutturali, u jistipula li l-kompiti, l-objettivi ta' prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali għandhom jiġu definiti fir-regolamenti.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju Multiannwali tipprevedi ammont ta' EUR 376 biljun għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għall-perjodu 2014-2020.

    Baġit propost 2014-2020 || EUR biljun

    Reġjuni ta' Konverġenza Reġjuni ta' Tranżizzjoni Reġjuni ta' Kompetittività Kooperazzjoni territorjali Fond ta' Koeżjoni Allokazzjoni addizzjonali għal reġjuni l-aktar imbiegħda b'poplazzjoni baxxa || 162,6 39 53,1 11,7 68,7 0,926

    Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, għat-trasport, l-enerġija u teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) || 40 (biż-żieda ta' EUR 10 biljun oħra iżolati mir-riskji fi ħdan il-Fond ta' Koeżjoni)

    *Iċ-Ċifri kollha fi prezzijiet kostanti tal-2011.

    Il-proposta tal-Kummissjoni stabbilixxiet, bl-għan li ssaħħaħ il-kontribut tal-fondi fit-twettiq tal-miri primarji tal-istrateġija Ewropa 2020, ishma minimi għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għal kull kategorija ta' reġjuni. L-applikazzjoni ta’ dawn l-ishma tirriżulta f’sehem globali miniminu għall-FSE ta' 25% tal-baġit allokat għall-politika ta' koeżjoni, jiġifieri EUR 84 biljun. Dan jimplika li l-massimu ta' EUR 183,3 biljun jibqa' disponibbli għall-FEŻR għall-perjodu 2014-2020.

    5.           SOMMARJU TAL-KONTENUT TAR-REGOLAMENT PROPOST

    Ir-Regolament propost jiddetermina l-ambitu ta' intervent tal-FEŻR, u jiddefinixxi ukoll lista negattiva ta' attivitajiet li ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna. Jiddetermina l-prijoritajiet ta' investiment għal kull wieħed mill-objettivi taħt tema.

    Reġjuni ta' tranżizzjoni u reġjuni aktar żviluppati se jkunu mitluba li jiffokaw l-akbar parti tal-allokazzjoni tagħhom (ħlief għall-FSE) fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, il-kompetittività tal-SME u l-innovazzjoni. Reġjuni anqas żviluppati se jkunu jistgħu jiddedikaw l-allokazzjoni tagħhom għal firxa usa' ta' għanijiet li jirriflettu l-firxa usa' ta' ħtiġijiet għall-żvilupp tagħhom. Il-mekkaniżmu propost jistipula li:

    – mill-inqas 80% tar-riżorsi jkunu ffukati fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, ir-riċerka u l-innovazjoni u għajnuna lill-SME f'reġjuni aktar żviluppati u ta' tranżizzjoni, b'20% minnhom għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Minħabba l-bżonnijiet kontinwi ta' ristrutturar f'dawn ir-reġjuni li qed joħorġu mill-objettiv ta Konverġenza, il-persentaġġ minimu għandu jitnaqqas għal 60%.

    – mill-inqas 50% tar-riżorsi huma ffukati fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll għajnuna lil SME f'reġjuni anqas żviluppati, li minnhom 6% huma għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli.

    Ir-Regolament propost jistipula aktar attenzjoni fuq l-iżvilupp urban sostenibbli. Din iż-żieda fil-konċentrazzjoni għandha tintleħaq bl-allokazzjoni ta' mill-inqas 5% tar-riżorsi tal-FEŻR għall-iżvilupp urban sostenibbli, għat-twaqqif ta' pjattaforma għall-iżvilupp urban biex tippromwovi l-bini ta' kapaċità u l-qsim tal-esperjenzi, għall-adozzjoni ta' elenku ta' bliet fejn azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli jkunu implimentati.

    Ir-Regolament propost għandu l-għan li jżid l-orjentament fuq ir-riżultati tal-iffinanzjar billi jiddefinixxi indikaturi komuni relatati mar-riżultati fiżiċi kif ukoll relatati mal-objettiv aħħari tal-finanzjament.

    Ir-regolament propost jitkellem dwar il-bżonn li fil-programmi operazzjonali tingħata attenzjoni lid-diffikultajiet speċifiċi ta' reġjuni bi żvantaġġi gravi u permanenti, naturali jew demografiċi.

    Fl-aħħar nett, ir-Regolament propost jħaddan dispożizzjonijiet speċifiċi għall-użu ta' allokazzjonijiet addizzjonali għar-reġjuni l-aktar mbiegħda.

    2011/0275 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (EC) No 1080/2006

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 178 u 349 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[9],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 176 tat-Trattat jipprovdi li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa maħsub sabiex jgħin fil-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fl-Unjoni. Il-FEŻR għalhekk jikkontribwixxi sabiex inaqqas id-distakk bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u li fiha waslu li jaqgħu lura daqshekk ir-reġjuni l-anqas privileġġati, inklużi żoni rurali u urbani, reġjuni industrijali fi stat ta' deklin, żoni bi żvantaġġi gravi u permanenti, naturali jew demografiċi, bħal gżejjer, żoni muntanjużi, żoni b'popolazzjoni baxxa u reġjuni fil-fruntieri.

    (2) Id-dispożizzjonijiet komuni għall-FEŻR, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (minn hawn 'l quddiem riferut bħala 'l-Fondi Strutturali') u l-Fond ta' Koeżjoni huma stipulati f'Regolament (UE) Nru […]/2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd koperti permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u jħassar ir-Regolament (EC) No 1083/2006[10] [Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni - CPR]

    (3) Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FEŻR taħt l-objettivi tematiċi definiti fir-Regolament(UE) Nru […]/2012 [CPR]. Fl-istess waqt, infiq barra l-ambitu tal-FEŻR għandu jiġi definit u ċċarat, inkluż fir-rigward it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra f'installazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunita', u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE[11].

    (4) Sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tal-FEŻR, u f'linja mal-istrateġija Ewropa 2020[12] fejn il-politika ta' koeżjoni għandha tappoġġja t-twassil meħtieġ għal tkabbir intelliġent, sostenibbli u inklussiv, huwa neċessarju li jiġi stipulat fl-ambitu ta' kull objettiv tematiku, kif stabbilit f'Artikolu 9 fir-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] l-azzjonijiet speċifiċi tal-FEŻR bħala 'prijoritajiet ta' investiment'.

    (5) L-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020, biex mill-għajnuna tal-FEŻR tiġi żgurata konċentrazzjoni akbar fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni. Skont il-kategorija ta' reġjuni megħjuna, l-appoġġ mill-FEŻR għandu jikkonċentra fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-impriżi ta' daqs żgħir u medju u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. L-ammont ta' konċentrazzjoni għandha tqis il-livell ta' żvilupp tar-reġjun kif ukoll il-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni li l-PGD per capita għall-perjodu 2007-2013 kien ta' anqas minn 75% tal-PGD medju tal-UE-25 fil-perjodu ta' referenza.

    (6) Set komuni ta' indikaturi sabiex jitkejjel il-progress tal-programm ta' implimentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti qabel mal-Istati Membri jagħmlu l-abbozz tal-programmi operazzjonali tagħhom. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu kkumplimentati b'indikaturi għal programm speċifiku.

    (7) Fi ħdan il-qafas tal-iżvilupp urban sostenibbli, huwa kkunsidtrat neċessarju li jiġu megħjuna azzjonijiet integrati sabiex jingħelbu l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi u soċjali li jaffettwaw iż-żoni urbani, u li tiġi definita proċedura li tistabbilixxi elenku ta' bliet koperti b'dawn l-azzjonijiet u l-allokazzjoni ta' flus imwarrba għal dawn l-azzjonijiet.

    (8) Filwaqt li tibbaża fuq l-esperjenza u l-vantaġġi tal-integrazzjoni tal-miżuri fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli fil-programmi operazzjonali appoġġjati mill-FEŻR waqt il-perjodu 2007-2013, għandu jittieħed pass 'il quddiem fuq livell ta' Unjoni billi tiġi stabbilita pjattaforma għall-iżvilupp urban.

    (9) Sabiex jiġu identifikati jew ivvalutati soluzjonijiet ġodda relatati mal-iżvilupp urban sostenibbli li huma ta' rilevanza fuq livell ta' Unjoni, il-FEŻR għandu jappoġġja azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli urban.

    (10) Il-FEŻR għandu jindirizza l-problemi ta' aċċessibbiltà u tad-distanza kbira minn swieq kbar, li qed jiffaċċaw dawk l-inħawi li għandhom densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, kif imsemmi fil-Protokoll Nru 6 dwar dispożizzjonjiet speċjali għall-Objettiv 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u fl-Isvezja mal-Att tal-Adeżjoni tal-1994. Il-FEŻR għandu jindirizza wkoll id-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw ċerti gżejjer, żoni muntanjużi, reġjuni fil-fruntieri u żoni b'popolazzjoni baxxa li s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom tnaqqas il-pass tal-iżvilupp tagħhom bil-ħsieb li jiġi mwieżen l-iżvilupp sostenibbli tagħhom.

    (11) Għandha tingħata attenzjoni speċifika lir-reġjuni l-aktar mbiegħda, bl-estensjoni, fuq bażi eċċezzjonali, tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FEŻR għall-finanzjament tal-għajnuna operattiva marbuta mal-kumpens ta' spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika tagħhom, milquta minn żvantaġġi li jirriżultaw minn fatturi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 349 tat-Trattat, fosthom in-natura remota, insulari, ċkejkna, topografika u klimatika diffiċli tagħhom u mid-dipendenza ekonomika tagħhom fuq ftit prodotti, fatturi li l-permanenza u l-kombinazzjoni tagħhom jostakolaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni. Sabiex jappoġġja l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi eżistenti u ġodda, mill-inqas 50% tal-allokazzjoni speċifika addizzjonali għandjha tkun allokata għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

    (12) Sabiex jiġu definiti l-proċeduri għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet innovattivi, il-poter sabiex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandu jiġi delegat lill-Kummissjoni skont il-kontenut u l-ambitu stipulat f'Artikolu 9. Hija ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, anki fil-livell espert. Il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill waqt il-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati.

    (13) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-elenku ta' bliet li għandhom jipparteċipaw fil-pjattaforma tal-iżvilupp urban. Dawn il-poteri għandhom ikun eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[13].

    (14) Dan ir-Regolament ibiddel Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999[14]. Fl-interess taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandu jitħassar.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I Dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 1 Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ħidmiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-ambitu li fih se jgħin rigward l-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u l-miri għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea, u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna mill-FEŻR li għandu fil-mira l-Investiment għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi.

    Artikolu 2 Xogħlijiet tal-FEŻR

    Il-FEŻR għandu jikkontribwixxi billi jiffinanzja l-għajnuna bl-iskop li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, billi twitti l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tal-ekonomiji reġjonali, inklużi l-bidla tan-nuqqas ta' żoni industrijali u reġjuni li qegħdin lura.

    Artikolu 3 L-ambitu tal-għajuna mill-FEŻR

    1. Il-FEŻR għandu jgħin:

    (a) l-investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' impjiegi sostenibbli, permezz ta' għajnuna diretta għall-investiment f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

    (b) investimenti fl-infrastruttura li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent, it-trasport u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);

    (c) l-investimenti fl-infrastruttura soċjali tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

    (d) l-iżvilupp tal-potenzjal endoġenu billi jkun megħjun l-iżvilupp reġjonali u lokali, u r-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:

    (i)      investiment fiss f'tagħmir u infrastruttura fuq skala żgħira;

    (ii)      għajnuna u servizzi lill-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs;

    (iii)     għajnuna lir-riċerka pubblika u entitajiet innovattivi, u investiment fit-teknoloġija u r-riċerka applikata fl-impriżi;

    (iv)     netwerking, kooperazzjoni u qsim ta' esperjenzi bejn reġjuni, bliet, u l-protagonisti soċjali, ekonomiċi u ambjentali relevanti;

    (e) assistenza teknika.

    F'reġjuni aktar żviluppati l-FEŻR m'għandux jgħin investimenti f'infrastruttura li tipprovdi servizzi bażiċi liċ-ċittadini fl-oqsma tal-ambjent, it-trasport u l-ICT.

    2. Il-FEŻR m'għandux jgħin:

    (a) id-diżattivazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari;

    (b) it-tnaqqis ta' emissjoni ta' gass b'effett ta' serra f'installazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/87/KE;

    (c) il-manifattura, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' tabakk u prodotti tat-tabakk;

    (d) Impriżi f'diffikultajiet kif definiti taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat.

    Artikolu 4 Konċentrazzjoni tematika

    L-objettivi tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] u prijoritajiet korrispondenti għall-investiment stipulati fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, għal-liema l-FEŻR jista' jikkontribwixxi għandhom ikunu miġbura hekk:

    (a) f'reġjuni aktar żviluppati u reġjuni ta' tranżizzjoni:

    (i)      mill-inqas 80% mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għall-objettivi tematiċi stabbiliti f'punti 1, 3 u 4 tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] ; kif ukoll

    (ii)     mill-inqas 20% mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għall-objettiv tematiku stabbilit f'punt 4 tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] ;

    (b) f'reġjuni anqas żviluppati:

    (i)      mill-inqas 50% mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għall-objettivi tematiċi stabbilit f'punti 1, 3 u 4 tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] .

    (ii)     mill-inqas 6% mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom jiġu allokati għall-objettiv tematiku stabbilit f'punt 4 tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR].

    B'deroga minn punt (a) (i), f'dawk ir-reġjuni li l-PGD per capita tagħhom għall-perjodu 2007-13 kien ta' anqas minn 75% tal-PGD medju tal-UE-25 fil-perjodu ta' referenza, imma li huma eliġibbli taħt il-kategorija ta' tranżizzjoni jew reġjuni aktar żviluppati kif definit fl-Artikolu 82(2)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] fil-perjodu 2014-2020, mill-inqas 60% mit-total tar-riżorsi tal-FEŻR fuq livell nazzjonali għandhom ikunu allokati għal kull objettiv tematiku stabbilit f'punti 1, 3 u 4 tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR].

    Artikolu 5 Prijoritajiet ta' investiment

    Il-FEŻR għandu jappoġġja dawn il-prijoritajiet ta' investiment fi ħdan l-objettivi tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR]:

    (1) it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni:

    (a) it-titjib tal-infrastruttura tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), u l-kapaċità li tiġi żviluppata eċċellenza fir-R&I, u l-promozzjoni ta' ċentri ta' kompetenza, b'mod partikolari dawk li huma ta' interess Ewropew;

    (b) il-promozzjoni ta' investiment kummerċjali fir-R&I, l-iżvilupp tal-prodott u s-servizz, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-innovazzjoni soċjali u l-applikazzjonijiet ta' servizzi pubbliċi, simulazzjoni tal-esiġenzi, netwerking, ċentri ta' teknoloġija għolja, u l-innovazzjoni miftuħa permezz ta' speċjalizzazzjonijiet intelliġenti;

    (c) l-għajnuna għar-riċerka teknoloġika u applikata, il-linji pilota, l-azzjonijiet li jivvalidaw prodott bikri, il-kapaċità fil-manifattura avvanzata u l-ewwel produzzjoni ta' Teknoloġiji li Jiftħu l-Possibbilitajiet, u t-tixrid ta' teknoloġiji għal għanijiet ġenerali;

    (2) it-titjib tal-aċċess għal, u l-użu u l-kwalità tal-ICT:

    (a) l-estensjoni fil-firxa tal-broadband u l-provvediment ta' netwerks veloċi ;

    (b) l-iżvilupp ta' podotti u servizzi tal-ICT, il-kummerċ eletroniku u t-titjib fir-rikjesta tal-ICT;

    (c) it-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-ICT għal gvern elettroniku (e-government), tagħlim elettroniku (e-learning), inklużjoni elettronika (e-inclusion) u struttura tas-saħħa elettronika (e-health);

    (3) it-titjib tal-kompetittività tal-SMEs:

    (a) il-promozzjoni tal-intraprenditorija, b'mod partikolari billi jiġi aġevolat l-isfruttar ekonomiku ta' ideat ġodda u trawwim fil-ħolqien ta' ditti ġodda;

    (b) l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju għall-SMEs b'mod partikolari l-internazzjonalizzazzjoni.

    (4) l-appoġġ lil ekonomija li għandha emissjonijiet ta' karbonju baxxi fis-setturi kollha:

    (a) il-promozzjoni tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

    (b) il-promozzjoni tal-użu tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fl-SMEs;

    (c) is-sostenn tal-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli f'infrastrutturi pubbliċi u s-settur tad-djar;

    (d) l-izvilupp ta' sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti fuq livelli ta' vultaġġ baxxi;

    (e) il-promozzjoni ta' strateġiji b'livell baxx ta' karbonju għal żoni urbani;

    (5) il-promozzjoni ta' adattament quddiem it-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tar-riskju u l-maniġment:

    (a) is-sostenn lill-investiment immirat għall-adattament quddiem it-tibdil fil-klima;

    (b) il-promozzjoni tal-investiment li jindirizza riskji speċifiċi, jiżgura reżiljenza għal diżastri u jiżviluppa sistemi ta' ġestjoni tad-diżastri;

    (6) il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi:

    (a) l-indirizzar tal-bżonn sinifikanti ta' investiment fil-qasam tal-iskart, sabiex jiġu milħuqa r-rekwiżiti tal-acquis dwar l-ambjent;

    (b) l-indirizzar tal-bżonn sinifikanti għall-investiment fil-qasam tal-ilma, sabiex jiġu milħuqa r-rekwiżiti tal-acquis;

    (c) il-protezzjoni, promozzjoni, u l-iżvilupp tal-wirt kulturali;

    (d) Il-protezzjoni tal-bijodiversità, il-protezzjoni tal-ħamrija u l-promozzjoni ta' servizzi għall-ekosistema inkluża NATURA 2000[15] u infrastrutturi ambjentali;

    (e) azzjoni biex jitjieb l-ambjent urban, inkluża r-riġenerazzjoni tas-siti industrijali żdingati (brownfield sites) u t-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja;

    (7) il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' toroq li jagħlqu f'netwerks infrastrutturali kruċjali:

    (a) l-appoġġ għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport multimodali permezz ta' investiment fin-Netwerk tat-Trasport Tranżewropew (TEN-T).

    (b) it-titjib fil-mobbiltà reġjonali permezz ta' konnessjonijiet bejn ċentri sekondarji u terzjarji mal-infrastruttura TEN-T;

    (c) l-iżvilupp ta' sistemi tat-trasport favur l-ambjent u b'karbonju baxx, u l-promozzjoni tal-mobilità urbana

    (d) l-iżvilupp ta' sistema ferrovjarja komprensiva, ta' kwalità għolja u interoperabbli;

    (8) il-promozzjoni tal-impjiegi u s-sostenn lill-mobiltà tax-xogħol:

    (a) l-iżvilupp ta' inkubaturi tan-negozju u għajnuna b'investiment għal dawk li jaħdmu għal rashom u l-ħolqien ta' negozju;

    (b) inizjattivi ta' żvilupp lokali u għajnuna għal strutturi li jipprovdu servizzi ta' viċinat sabiex jinħolqu impjiegi ġodda, fejn tali azzjonijiet ikunu barra l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [FSE];

    (c) investiment fl-infrastruttura għas-servizzi tal-impjieg pubbliku;

    (9) il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar:

    (a) l-investiment fl-infrastruttura tas-saħħa u soċjali, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp nazzjonali, reġjonali u lokali, għat-tnaqqis ta' inugwaljanzi f'termini ta' stat ta' saħħa, u għat-tranżizzjoni minn servizzi istituzjonali għal dawk li huma tal-komunità;

    (b) appoġġ għar-riġenerazzjoni fiżika u ekonomika ta' komunitajiet urbani u rurali depravati;

    (c) għajnuna lill-impriżi soċjali;

    (10) investiment fl-edukazzjoni, il-ħiliet u l-edukazzjoni tul il-ħajja bl-iżvilupp ta' infrastrutturi għall-edukazzjoni u għat-taħriġ;

    (11) it-titjib fil-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika effiċjenti, permezz ta' tisħiħ fil-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll tas-servizzi pubbliċi relatati mal-implimentazzjoni tal-FEŻR, u l-appoġġ tal-azzjonijiet f'kapaċità istituzzjonali, kif ukoll l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika appoġġjata mill FSE.

    Kapitolu II Indikaturi għas-sostenn tal-FEŻR għal Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

    Artikolu 6 Indikaturi għal Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

    Indikaturi komuni kif stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jintużaw fejn relevanti u skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR]. Għall-indikaturi komuni, il-linji ta' bażi għandhom jibdew minn żero u l-miri kumulattivi għandhom jintlaħqu fl-2022.

    Għall-indikaturi ta' produzzjoni ta' programmi speċifiċi, il-linji ta' bażi għandhom jibdew minn żero u l-miri kumulattivi għandhom jintlaħqu fl-2022.

    Għall-indikaturi tar-riżultati speċifiċi, il-linji ta' bażi għandhom jinqdew bl-aħħar dejta disponibbli u l-miri għandhom jintlaħqu fl-2022, pero' jistgħu jitħabbru f'termini kwantitattivi jew kwalitattivi.

    Kapitolu III

    Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament ta' karatteristiċi territorjali partikolari

    Artikolu 7

    Żvilupp urban sostenibbli

    1. Il-FEŻR għandu jappoġġja fi ħdan il-programmi operazzjonali l-żvilupp urban sostenibbli permezz ta' strateġiji li jistipulaw azzjonijiet integrati li jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali klimatiċi u soċjali li jaffettwaw liż-żoni urbani.

    2. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi fil-Kuntratt ta' Sħubija lista ta' bliet fejn għandhom ikunu implimentati azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli, u l-allokazzjoni annwali indikattiva għal dawn l-azzjonijiet fuq livell nazzjonalli.

    Mill-inqas 5% tar-riżorsi tal-FEŻR allokati fuq livell nazzjonali għandhom ikunu attribwiti għal azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli, delegati lill-bliet biex ikunu ġestiti permezz ta' Investimenti Territorjali Integrati, kif imsemmi fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR].

    Artikolu 8

    Pjattaforma għall-iżvilupp urban

    1. Il-Kummissjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] għandha tistabbilixxi pjattaforma għall-iżvilupp urban sabiex tippromwovi l-bini ta' kapaċità u netwerking bejn l-ibliet, kif ukoll il-qsim tal-esperjenza dwar il-politika urbana fuq livell ta' Unjoni f'żoni relatati mal-prijoritajiet ta' investiment tal-FEŻR, u għall-izvilupp urban sostenibbli.

    2. Il-Kummissjoni, għandha tadotta lista ta' bliet li għandhom jipparteċipaw fil-pjattaforma fuq il-bażi ta' listi stabbiliti fil-Kuntratti ta' Sħubija permezz tal-atti ta' implimentazzjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni referita fl-Artikolu 14(2).

    Il-lista għandu jkollha numru massimu ta' 300 belt, bin-numru massimu ta' 20 għal kull Stat Membru. Il-bliet għandhom ikunu magħżula fuq dawn il-kriterji:

    (a) il-popolazzjoni, għandha tittieħed inkonsiderazzjoni l-ispeċifiċità tas-sistemi urbani nazzjonali;

    (b) l-eżistenza ta' strateġija għal azzjonijiet integrati li jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi u soċjali li jaffettwaw iż-żoni urbani.

    3. Il-pjattaforma għandha ukoll issostni netwerking bejn il-bliet kollha li jieħdu azzjonijiet innovattivi fuq inizzjattiva tal-Kummissjoni.

    Artikolu 9 Azzjonijiet Innovattivi fil-qasam tal-Iżvilupp Urban Sostenibbli

    1.           Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni l-FEŻR jista' jappoġġja azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli, suġġetti għall-massimu ta' 0,2% mit-total annwali tal-allokazzjoni tal-FEŻR. Dawn jistgħu jinkludu studji u proġetti pilota sabiex jidentifikaw jew jittestjaw soluzzjonijiet ġodda li għandhom x'jaqsmu mal-iżvilupp urban sostenibbli, li huma ta' relevanza fuq livell ta' Unjoni.

    2.           B'deroga għall-Artikolu 4 msemmi, azzjonijiet innovattivi jistgħu jappoġġjaw l-attivitajiet kollha neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tematiċi stipulati f'Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR], u li jikkorispondi mal-prijoritajiet ta' investiment.

    3.           Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13 dwar proċeduri għall-għażla u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet innovattivi.

    Artikolu 10 Żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi

    Il-programmi operazzjonali kkofinanzjati mill-FEŻR li jkopru nħawi bi żvantaġġi ħorox u permanenti, naturali jew demografiċi, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 111(4) b) tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR] għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex ikunu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta’ dawn l-inħawi.

    Artikolu 11 Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda

    1. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda għandha tintuża sabiex tagħmel tajjeb għal spejjez adizzjonali, li għandhom x'jaqsmu mal-iżvantaġġi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat, li jġarrbu r-reġjuni l-aktar mbiegħda biex isostnu:

    (a) l-objettivi tematiċi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR];

    (b) is-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija u l-għajnuna sabiex jinbdew servizzi tat-trasport;

    (c) l-operazzjonijiet marbutin ma' restrizzjonijiet ta' ħażna, ta' daqs eċċessiv u tal-manutenzjoni ta' għodod tal-produzzjoni, u man-nuqqas ta' kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali.

    Mill-inqas 50% tal-allokazzjoni addizjonali speifika għandha tiġi allokkata għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni u l-immodernizzar tal-ekonomiji tar-reġjuni l-aktar mbiegħda, b'aċċenn partikolari fuq l-objettivi tematiċi stipulati fil-punti 1, 2 u 3 tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nr […]/2012.

    2. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika tista' tintuża ukoll sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar mbiegħda.

    3. L-ammont li għalih tapplika r-rata ta' kofinanzjament għandha tkun proporzjonali għall-ispejjeż addizzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1 magħmula mill-benefiċjarju fil-każ tal-għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kuntratti biss, u tista' tkopri l-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta' infiq għall-investiment.

    4. Il-finanzjament taħt dan l-Artikolu m'għandux jintuża sabiex isostni:

    (a) operazzjonijiet li jinvolvu prodotti li jaqgħu fl-Anness I mat-Trattat;

    (b) għajnuniet għat-trasport ta' persuni awtorizzati taħt l-Artikolu 107(2)(a) tat-Trattat;

    (c) eżenzjonijiet mit-taxxa u eżenzjonijiet minn ħlasijiet soċjali.

    Kapitolu IV Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 12 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.           Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006, jew ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2013, li għandhom konsegwentement japplikaw minn hemm 'il quddiem għal din l-għajnuna jew il-proġetti konċernati sakemm jagħlqu.

    2.           L-applikazzjonijiet magħmulin taħt ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għall-għajnuna għandhom jibqgħu validi.

    Artikolu 13 Eżerċitar tad-delega

    1. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mill-1 ta' Jannar 2014.

    3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Europew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni sabiex tirrevoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva mill-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

    4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 9(3)għandu jidħol biss fis-seħħ jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġġedded b'xahrejn oħra fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 14 Proċedura ta' kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-Fondi. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Fejn ħa ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika.

    Artikolu 15 Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa revokat.

    Ir-referenzi għar-Regolament mħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 16 Reviżjoni

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2022 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 177 tat-Trattat.

    Artikolu 17

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    ANNESS

    Indikaturi komuni għal sostenn mill-FEŻR għal Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi(Artikolu 6)

    || UNITÀ || DENOMINAZZJONI

    Investiment Produttiv || ||

    || impriżi || Numru ta' impriżi li qed jirċievu għotjiet

    || impriżi || Numru ta' impriżi li qed jirċievu appoġġ finanzjarju imma mhux għotjiet

    || impriżi || Numru ta' impriżi li qed jirċievu apoġġ li mhux finanzjarju

    || impriżi || Numru ta’ impriżi ġodda appoġġjati

    || EUR || Investiment privat ugwali għall-appoġġ pubbliku lil SMEs (għotjiet)

    || EUR || Investiment privat ugwali għall-appoġġ pubbliku lil SMEs (mhux għotjiet)

    || ekwivalenti full-time || Numru ta' impjiegi maħluqa minn SMEs assistiti

    Turiżmu || żjarat || Numru ta' żjarat lil attrazzjonijiet appoġġjati

    Infrastruttura tal-ICT || persuni || Il-popolazzjoni milħuqa permezz tal-aċċess broadband ta' mill-inqas 30 Mbps

    Trasport || ||

    Ferrovija || km || Tul totali tal-linja ġdida ferrovjarja

    ||  li minnha: TEN-T

    km || Tul totali tal-linja ferrovjarja mibnija mill-ġdid jew mtejba

    ||  li minnha: TEN-T

    Toroq || km || Tul totali ta' toroq mibnijin ġodda

    || li minnha: TEN-T

    km || Tul totali toroq mibnija mill-ġdid jew mtejba

    || li minnha: TEN-T

    Trasport urban || vjaġġi tal-passipġġieri || Iż-żieda fil-vjaġġi tal-passiġġeiri permezz tas-servizz appoġġjat tat-trasport urban

    Passaġġi tal-ilma interni || tunnellati-km || Żieda tal-merkanzija ttrasportata fuq passaġġi tal-ilma mtejba

    L-Ambjent || ||

    Skart solidu || tunnellati || Il-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-iskart addizzjonali

    Provvista tal-ilma || persuni || Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi provvista ta' ilma ahjar

    || m3 || It-tnaqqis fit-tnixxija stmat min-netwerk ta' distribuzzjoni tal-ilma

    Trattament tad-dranaġġ || ekwivalenti għall-popolazzjoni || Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi trattament ta' dranaġġ aħjar

    Il-prevenzjoni tar-riskju u l-maniġment || persuni || Il-popolazzjoni li qed tgawdi minn miżuri ta' protezzjoni kontra l-għargħar

    Persuni || Il-popolazzjoni li qed tgawdi minn protezzjoni kontra nirien f'foresti u miżuri ta' protezzjoni oħrajn

    Riabilitazzjoni tal-art || Ettari || Erja totali ta' wiċċ l-art riabilitata

    Issiġillar tal-ħamrija || ettari || Tibdil fl-art issiġillata minħabba żvilupp

    In-natura u l-bijodiversità || ettari || L-erja ta' wiċċ l-art ta' ħabitats fi status aħjar ta' konservazzjoni

    Riċerka, Innovazzjoni: || ||

    || Persuni || Numru ta' persunal/riċerkaturi għar-R&Ż li jaħdmu f'infrastrutturi ta' riċerka li għadhom kif inbnew jew ġew mgħammra

    || Impriżi || Numru ta' impriżi li qed jikkooperaw ma' istituti tar-riċerka assistita

    || Ekwivalenti full-time || Numru ta' postijiet għall-persunal/riċerkaturi għar-R&Ż maħluqa f'korpi assistiti

    || EUR || Investiment privat li pariġġ l-għajnuna pubblika fl-innovazzjoni jew proġetti tar-R&Ż

    || Impriżi || Numru ta' impriżi li introduċew prodotti li huma ġodda jew bil-bosta mtejba, ġodda għas-suq, riżultat tal–għajnuna fl-innovazzjoni jew il-proġetti ta' R&Ż

    || Impriżi || Numru ta' impriżi li introduċew prodotti li huma ġodda jew bil-bosta mtejba, ġodda għas-ditta, riżultat tal–għajnuna fl-innovazzjoni jew il-proġetti ta' R&Ż

    Enerġija u Tibdil fil-Klima || ||

    L-enerġija rinnovabbli || MW || Kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli

    Effiċjenza fl-użu tal-enerġija || Djar || Numru ta' djar bil-klassifikazzjoni tal-konsum tal-enerġija mtejba

    || kWh/sena || Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja fil-bini pubbliku

    || Utenti || Numru addizzjonali ta' utenti tal-enerġija konnessi ma' netwerks intelliġenti (smart grids)

    Tnaqqis fil-GHG || tunnellati ta’ CO2eq || It-tnaqqis stmat ta' GHG ekwivalenti f'CO2

    Infrastruttura soċjali || ||

    L-indukrar tat-tfal u l-edukazzjoni || Persuni || Il-kapaċità tas-servizz tal-indukrar tat-tfal jew tal-infrastruttura tal-edukazzjoni appoġġjati

    Is-Saħħa || Persuni || Il-kapaċità tas-servizzi tas-saħħa appoġġjati

    Settur tad-djar || Djar || Numru ta' djar li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet mtejba fis-settur tad-djar

    Wirt kulturali || Żjarat || Numru ta' żjarat lil attrazzjonijiet appoġġjati

    Żvilupp urban || ||

    || Persuni || Il-popolazzjoni li tgħix f'żoni bi strateġiji ta' żvilupp urban integrat

    || metri kwadri || Spazji miftuħin ġodda f'żoni urbani

    || metri kwadri || Bini ġdid pubbliku jew kummerċjali f'żoni urbani

    || metri kwadri || Djar ġodda f'żoni urbani

    [1]               COM(2011)500 finali.

    [2]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti sostenibbli u inklussiv, COM(2010)2020 finali, 3.3.2010.

    [3]               Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni u l-parlamenti nazzjonali: Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, COM(2010) 700 finali, 19.10.2010.

    [4]               Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500 finali, 29.6.2011.

    [5]               Il-5 Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika Soċjali u Territorjali, Novembru 2010.

    [6]               Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, SEC(2011) 590 finali, 13.5.2011.

    [7]               COM(2010) 700 finali, 19.10.2010.

    [8]               ĠU C , , p. .

    [9]               ĠU C , , p. .

    [10]             ĠU L , , p. .

    [11]             ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    [12]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010.

    [13]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    [14]             ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

    [15]             Imwaqqfin bħala netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta' żoni speċjali għall-konservazzjoni skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

    Top