Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0612

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006

    /* KUMM/2011/0612 finali - 2011/0274 (COD) */

    52011PC0612

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 /* KUMM/2011/0612 finali - 2011/0274 (COD) */


    {SEC(2011)1138 final}

    {SEC(2011)1139 final}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fid-29 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020: baġit għat-twassil tal-istrateġija Ewropa 2020. Fil-proposta tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' element essenzjali mill-pakkett finanzjarju li jmiss, u saħqet fuq l-irwol ċentrali tagħha sabiex titwassal l-istratepija Ewropa 2020.

    Il-Kummissjoni għaldaqstant ipproponiet numru ta' bidliet importanti dwar kif hija mfassla u implimentata l-politika ta' koeżjoni. L-iffinanzjar iffukat fuq numru iżgħar ta' prijoritajiet marbutin aħjar mal-Istrateġija Ewropa 2020, l-iffukar fuq ir-riżultati, il-monitoraġġ tal-progress lejn objettivi maqbula, iż-żieda fl-użu ta' kundizzjonijiet u s-simplifikazzjoni tat-twassil, huma fost il-karatteristiċi ewlenin tal-proposta.

    Dan ir-Regolament jistipula d-dispożizzjoniiet li jirregolaw il-Fond ta' Koeżjoni, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006. Huwa jibbaża fuq ix-xogħol mwettaq sa mill-publikazzjoni tar-Raba' Rapport ta' Koeżjoni f'Mejju 2007, li fisser l-isfidi prinċipali li se jiffaċċjaw ir-reġjuni fl-għexieren ta' snin li ġejjin, u nieda d-dibattitu fuq il-politika ta' koeżjoni futura. Fid-9 ta' Novembru 2010 l-Kummissjoni adottat il-Ħames Rapport ta' Koeżjoni, li wassal anliżi tat-tendenzi soċjali u ekonomiċi, u fisser l-orjentazzjonijiet għall-politika ta' koeżjoni futura.

    Il-politika ta’ koeżjoni hija espressjoni importanti ta’ solidarjetà mal-ifqar u l-aktar reġjuni dgħajfa tal-UE – iżda hija aktar minn dan. Wieħed mill-akbar suċċessi tal-UE hija l-kapaċità tagħha li tgħolli l-livelli tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha tagħha. Dan tagħmlu mhux biss billi tgħin Stati Membri u reġjuni aktar foqra biex jiżviluppaw u jikbru, iżda wkoll permezz tal-irwol tagħha fl-integrazzjoni tas-Suq Uniku li d-daqs tiegħu jwassal swieq u ekonomiji ta’ skala fil-partijiet kollha tal-UE, lis-sinjuri u l-foqra, lil kbar u liż-żgħar. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ nfiq li sar mill-politika ta' koeżjoni mgħoddija uriet ħafna eżempji tal-valur miżjud u tal-investiment li joħloq it-tkabbir u l-impjiegi li ma setgħux isiru mingħajr l-appoġġ tal-baġit tal-UE. Madankollu, ir-riżultati juru wkoll l-effetti tat-tixrid u nuqqas ta’ prijorizzazzjoni. Fi żmien meta l-flus pubbliċi huma skarsi u meta l-investiment li jtejjeb it-tkabbir huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi bidliet importanti fil-politika ta’ koeżjoni.

    Il-Fond ta' Koeżjoni jgħin lill-Istati Membri li l-ING għal kull abitant tagħhom huwa inqas minn 90% tal-medja tal-UE27, fl-investiment fin-netwerks tat-trasport TEN-T u fl-ambjent. Parti mill-allokazzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni (EUR 10 biljuni) se titwarrab għall-finanzjament ta’ netwerks ewlenin tat-trasport taħt il-Faċilità "Nikkolegaw l-Ewropa". Il-Fond ta' Koeżjoni jista' jappoġġa wkoll proġetti marbutin mal-enerġija, sakemm dawn jippreżentaw b'mod ċar benefiċċju għall-ambjent, pereżempju bil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinovabbli.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    2.1. Konsultazzjoni u parir minn esperti

    Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-5 Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali; ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE[1], il-proposti għall-qafas finanzjarju multiannwali[2], il-Ħames Rapport ta' Koeżjoni[3] u l-konsultazzjonijiet li seħħew wara l-adozzjoni tar-rapport, kollha ġew ikkunsidrati meta saru l-proposti.

    Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Konklużjonijiet tal-Ħames Rapport ta' Koeżjoni seħħet bejn it-12 ta' Novembru 2010 u l-31 ta' Jannar 2011. Ġew irċevuti total ta’ 444 kontribuzzjoni. Taw tweġiba fost l-oħrajn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet li għandhom interess Ewropew, organizzazzjonijiet mhux governattivi, ċittadini u partijiet interessati oħrjan. Il-konsultazzjoni pubblika staqsiet serje ta' mistoqsijiet dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni. Sommarju tar-riżultati kien ippubblikat fit-13 ta' Mejju 2011[4].

    Saret ukoll konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport mill-4 ta' Mejju 2010 sal-15 ta' Settembru2010. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati, speċjalment fuq livell ta' Stati Membri u reġjonali, jappoġġjaw koordinazzjoni aħjar bejn strumenti finanzjarji differenti li jiffinanzjaw lit-TEN-T fuq livell ta' UE, speċjalment il-politika ta' koeżjoni, il-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-programm TEN-T u l-interventi tal-BEI.

    Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet ex-post magħmulin fil-programmi 2000-2006; u firxa wiesgħa ta' studji u pariri minn esperti kienu użati bħala bażi. Il-parir tal-esperti kien ukoll mogħti permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli li ħaseb dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni, kien magħmul minn esperti minn amministrazzjonijiet nazzjonali, b'10 laqgħat li nżammu bejn l-2009 u l-2011.

    2.2. Valutazzjoni tal-impatt

    L-opzjonijiet kienu vvalutati b'mod partikolari dwar il-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni għall-investiment fl-infrastruttura bażika tat-traspoort u l-ambjent. Il-Fond ta' Koeżjoni huwa mmirat biex jgħin proġetti fin-Netwerks ta' Trasport Trans-Ewropew skont l-Artikoli 171 u 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Kienu vvalutati diversi modi biex il-ħlas mill-fondi jkun kondizzjonali fuq qafas makrofiskali, inkluż l-istatus quo, b'kondizzjonalità dgħajfa ex-post li qatt ma ġiet applikata, kondizzjonalità msaħħa ex-post, u kondizzjonalità ex-ante, li tkun teħtieġ it-twettiq tal-prekundizzjonijiet qabel l-adozzjoni tal-programmi.

    Evoluzzjoni tas-sistema attwali tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji dwar pussess, trasparenza u tbassir, waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-effettività tal-investimenti li jtejjbu t-tkabbir ma tkunx mhedda bit-twettiq ta' politiki fiskali mhux f'lokhom. Din il-proċedura timplika s-sospensjoni ta' parti jew tal-impenji kollha fil-każ ta' ksur ripetut, u tippermetti xi flessibilità, però dan huwa limitat għal ċirkustanzi ekonomiċi eċċezzjonali. Tiżgura wkoll allinjament bejn id-dispożizzjonijiet għall-kundizzjonalità makrofiskali tal-Fond ta' Koeżjoni/Fond Strutturali u r-regoli l-ġodda tas-sorveljanza baġitarja tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Il-politika reġjonali Ewropea għandha parti importanti x'tilgħab fiċ-ċaqliq tal-kapital lokali u fl-iżvilupp tal-potenzjal endoġeniku.

    L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistieden lill-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u tippromwovi l-iżvilupp armonjuż billi tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni, u timbotta l-iżvilupp fir-reġjuni l-anqas privileġġati.

    It-TFUE jistipula li l-Fond ta' Koeżjoni għandu jiġi stabbilit bl-għan li jikkontribwixxi għall-proġetti fil-qasam tal-ambjent u tan-netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport. L-Artikolu 192 tat-TFUE jirreferi wkoll għall-użu tal-Fond ta' Koeżjoni għall-ambjent, f'każijiet fejn il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas ma jistax jiġi applikat minħabba l-ispejjeż sproporzjonati għall-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru. Il-Protokoll Nru 28 tat-TFUE jistipula li l-Fond ta' Koeżjoni għandu jipprovdi għajnuna fil-proġetti ta' Stati Membri li għandhom ING minn ras għal ras ta' anqas minn 90% tal-medja tal-Unjoni.

    Hemm ħolqa bejn il-waqt magħżul għall-istħarriġ fuq il-finanzjament tal-UE li jippromwovi l-koeżjoni, u l-proposta għal Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid, kif hemm fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.

    Kif enfasizzat ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, "il-baġit tal-UE għandu jintuża sabiex jiffinanzja beni pubbliċi tal-UE, azzjonijiet li Stati Membri u reġjuni ma jistgħux jiffinanzjaw huma stess, jew meta jista' jġib riżultati aħjar"[5]. Il-proposta legali għandha tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà skont il-kompiti li FEŻR għandu stipulati fit-Trattat u l-politika hija implimentata skont il-prinċipju tal-ġestjoni konġunta u b'rispett lejn il-kompetenzi istituzzjonali tal-Istati Membri u r-reġjuni.

    L-istrument leġislattiv, u t-tip ta' miżura (i.e. il-finanzjament) huma t-tnejn definiti fit-TFUE, li jistipula l-bażi legali għall-Fondi ta' Koeżjoni, u jistabbilixxi li l-kompiti, l-objettivi ta' prijorità u l-organizzazzjoni tal-fond għandhom jiġu definiti fir-regolamenti.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju Multiannwali jinkludi proposta ta' EUR 376 biljun għall-perjodu 2014-2020.

    Baġit propost 2014-2020 || EUR biljun

    Reġjuni ta' konverġenza Reġjuni ta' tranżizzjoni Reġjuni ta' kompetittività Kooperazzjoni territorjali Fond ta' koeżjoni Allokazzjoni addizzjonali għal reġjuni l-aktar imbiegħda b'poplazzjoni baxxa || 162,6 39 53,1 11,7 68,7 0,926

    Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, għat-trasport, l-enerġija u l-ICT || EUR 40 biljun (biż-żieda ta' EUR 10 biljun oħra iżolati mir-riskji fi ħdan il-Fond ta' Koeżjoni)

    *Iċ-Ċifri kollha fi prezzijiet kostanti tal-2011.

    5.           SOMMARJU TAL-KONTENUT TAR-REGOLAMENT PROPOST

    Ir-Regolament propost jiddetermina l-ambitu ta' intervent tal-Fond ta' Koeżjoni. Jinkludi artikolu dwar l-ambitu li jiddefinixxi l-oqsma ġenerali ta' intervent fi ħdan il-qasam tat-trasport u l-ambjent. L-iskop ta' intervent huwa ukoll definit permezz ta' lista negattiva tal-attivitajiet li ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna, u lista bil-prijoritajiet tal-investiment.

    Fil-qasam tal-ambjent, il-Fond ta' Koeżjoni għandu jgħin l-investimment għall-adattament tat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskji, investiment fl-oqsma tal-ilma u l-iskart kif ukoll l-ambjent urban. F'linja mal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, l-investiment fl-enerġija huwa ukoll eliġibbli għal għajnuna, sakemm hemm benefiċċji ambjentali pożittivi. Għaldaqstant l-investiment fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli huma wkoll sostnuti.

    Fil-qasam tat-trasport il-Fond ta' Koeżjoni għandu jikkontribwixxi għal investimenti fin-Netwerk tat-trasport Tran-Ewropew, kif ukoll fis-sistemi ta' trasport b'karbonju baxx u t-trasport urban.

    2011/0274 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 177 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[7],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 174 tat-Trattat jistipula li l-Unjoni għandha tiżviluppa u tkompli bl-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tagħha. Il-Fond ta' Koeżjoni għandu għaldaqstant jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti fil-qasam tal-ambjent u tan-netwerks trans-Ewropej, fil-qasam tat-trasport u tal-infrastruttura.

    (2) Ir-Regolament (UE) Nru […]/2012 ta' […] li jistipula d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd, kopert mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1083/2006[8] [Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni - CPR] jistabbilixxi qafas ġdid għall-azzjoni tal-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-objettivi tal-Fond ta' Koeżjoni dwar il-qafas ġdid għal ħidmietu u dwar l-iskop li għandu mogħti fit-Trattat.

    (3) L-Unjoni tista', permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, tikkontribwixxi għal azzjonijiet li jwettqu l-objettivi ambjentali tal-Unjoni speċifikati fl-Artikoli 11 u 191 tat-Trattat.

    (4) Il-proġetti tan-netwerk Trans-Ewropew tat-trasport iffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom iżommu mal-linji gwida adottati mid-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2010 dwar il-linji gwida tal-Unjoni għall-izvilupp tan-netwerk tran-Ewropew tat-trasport[9]. Sabiex jiġu kkonċentrati l-isforzi, għandha tingħata prijorità lill-proġetti ta' interess komuni kif definit f'din id-Deċiżjoni.

    (5) Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni taħt l-objettivi definiti f'ir-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR]. Fl-istess ħin, l-infiq barra l-ambitu tal-Fond ta' Koeżjoni għandu jkun definit u kkjarifikat, inkluż ir-rigward dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra f'installazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE[10].

    (6) Sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tal-Fond ta' Koeżjoni, u f'linja mal-istrateġija Ewropa 2020 fejn il-politika ta' koeżjoni għandha tappoġġja l-bżonn li jitwassal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[11], huwa neċessarju li jiġu stipulati l-prijoritajiet ta' investiment fl-ambitu tal-objettivi tematiċi stipulati fir-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR].

    (7) Sett komuni ta' indikaturi biex ikejlu l-progress tal-implimentazzjoni tal-programm għandhom jiġu stipulati qabel mal-Istati Membri jfasslu l-programmi operazzjonali tagħhom. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu akkumpanjati b'indikaturi għal programm speċifiku.

    (8) Dan ir-Regolament jieħu post ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94[12]. Fl-interess taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 għandu jiġi mħassar,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1 Suġġett

    Dan ir-Regolament jistipula l-kompiti tal-Fond ta' Koeżjoni u l-ambitu tas-sostenn tiegħu lill-Għan ta' Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, imsemmi fl-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) Nru [ ]/2012 [CPR].

    Artikolu 2 L-ambitu tas-sostenn mill-Fond ta' Koeżjoni.

    1.           Il-Fond ta' Koeżjoni waqt li jiżgura bilanċ xieraq u skont l-investiment u l-bżonnijiet infrastrutturali speċifiċi għal kull Stat Membru, għandu jappoġġja:

    (a) l-investiment fl-ambjent, inklużi l-oqsma relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija li jippreżentaw benefiċċji ambjentali;

    (b) in-netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport f'konformità mal-linji gwida adottati mid-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE;

    (c) assistenza teknika.

    2.           Il-Fond ta' Koeżjoni m'għandux jappoġġja:

    (a) id-diżattivazzjoni ta' impjanti tal-enerġija nukleari;

    (b) it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra f'installazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/87/KE;

    (c) akkomodazzjoni.

    Artikolu 3 Prijoritajiet ta' investiment

    Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR], il-Fond ta' Koeżjoni għandu jappoġġja dawn il-prijoritajiet ta' investiment taħt l-objettivi tematiċi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR]:

    (a) l-appoġġ lil bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju:

    (i)      il-promozzjoni tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

    (ii)     il-promozzjoni tal-użu tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli f'impriżi ta' daqs żgħir u medju;

    (iii)     appoġġ lill-użu tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli f'infrastrutturi pubbliċi;

    (iv)    l-iżvilupp ta' sistemi ta' distribuzzjoni b'livell ta' vultaġġ baxx ;

    (v)     il-promozzjoni ta' strateġiji ta' użu baxx ta' karbonju;

    (b) il-promozzjoni ta' adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju minn:

    (i)      appoġġ lill-investiment iddedikat lill-adattament għat-tibdil fil-klima;

    (ii)     il-promozzjoni ta' investiment li jindirizza riskji speċifiċi, jiżgura reżiljenza kontra d-diżastri u jiżviluppa sistemi ta' ġestjoni tad-diżastri;

    (c) il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi:

    (i)      l-indirizz tal-ħtiġijiet sinifikanti għall-investiment fis-settur tal-iskart biex tilħaq il-ħtiġijiet tal-acquis ambjentali tal-Unjoni;

    (ii)     l-indirizzar tal-bżonn sinifikanti ta' investiment fis-settur tal-ilma biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-acquis ambjentali tal-Unjoni;

    (iii)     il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità anki permezz ta' infrastrutturi ambjentali;

    (iv)    it-titjib tal-ambjent urban, inkluża r-riġenerazzjoni tas-siti industrijali abbandunati (brownfield sites), u t-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja.

    (d) il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni f'netwerks tal-infrastruttura billi:

    (i)      tiġi sostnuta Żona Unika Ewropea tat-Trasport multimodali permezz ta' investiment fin-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport;

    (ii)     jiġu żviluppati sistemi tat-trasport b'kuxjenza ambjentali u b'livell ta' karbonju baxx, kif ukoll il-promozzjoni ta' mobilità urbana sostennibbli;

    (iii)     jiġu żviluppati sistemi ferrovjarji komprensivi, ta' kwalità għolja u interoperabbli;

    (e)          it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali u ta' amministrazzjoni pubblika effiċenti permezz ta' tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-effiċenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi relatati mal-implimentazzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni.

    Artikolu 4 Indikaturi

    1. Indikaturi komuni kif stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jintużaw fejn relevanti u skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru […]/2012 [CPR]. Għall-indikaturi komuni, il-linji ta' bażi għandhom ikunu żero u l-miri kumulattivi għandhom ikunu ffissati għall-2022.

    2. Għall-indikaturi komuni speċifiċi għal programm, il-linji ta' bażi għandhom ikunu żero u l-miri kumulattivi għandhom ikunu ffissati għall-2022.

    3. Għal indikaturi ta' riżultati ta' programmi seċifiċi, il-linji ta' bażi għandhom jużaw l-aħħar dejta disponibbli u l-miri għandhom ikunu ffissati għall-2022, però jistgħu jkunu espressi f'termini kwantitattivi u kwalitattivi.

    Artikolu 5 Dispożizzjonijiet Tranżitorji

    1.           Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006, jew ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil- 31 ta' Diċembru 2013, li għandhom konsegwentement japplikaw minn hemm 'il quddiem għal dik l-għajnuna jew il-proġetti konċernati sakemm jagħlqu.

    2.           L-applikazzjonijiet sabiex tingħata għajnuna skont ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 għandhom jibqgħu validi.

    Artikolu 6 Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 huwa revokat.

    Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 7 Reviżjoni

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2022 skont l-Artikolu 177 tat-Trattat.

    Artikolu 8 Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    ANNESS

    Lista ta' Indikaturi Komuni għall-Fond ta' Koeżjoni

    || UNITÀ || DENOMINAZZJONI

    L-Ambjent || ||

    Skart solidu || tunnellati || Il-kapaċità addizzjonali għar-riċiklaġġ tal-iskart

    Provvista tal-ilma || persuni || Il-popolazzjoni addizzjonali servuta b'forniment aħjar tal-ilma

    || m3 || Stima tat-tnaqqis fit-tnixxija tal-ilma min-netwerk tad-distribuzzjoni

    Trattament tat-drenaġġ || popolazzjoni ekwivalenti || Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi trattament tad-drenaġġ imtejjeb

    || ||

    || ||

    Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju || persuni || Il-popolazzjoni li tibbenefika mill-miżuri li jipproteġu kontra l-għargħar

    persuni || Il-popolazzjoni li tibbenefika mill-protezzjoni ta' kontra n-nirien fil-foresti u miżuri ta' protezzjoni oħra

    Riabilitazzjoni tal-art || ettari || Erja totali ta' wiċċ l-art rijabilitata

    Issiġillar tal-ħamrija || ettari || Tibdil fl-art issiġillata minħabba żvilupp

    Natura u bijodiversità || ettari || L-erja tal-wiċċ ta' ħabitats fi stat ta' konservazzjoni aħjar

    L-Enerġija u l-bidla fil-klima || ||

    L-enerġiji rinnovabbli || MW || Il-kapaċità addizzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli

    Effiċjenza fl-użu tal-enerġija || l-unitajiet domestiċi || Numru ta' unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija

    || kWh/sena || Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja ta' bini pubbliku

    || utenti || Numru addizzjonali ta' utenti li jużw l-enerġija konnessi ma' netwerks intelliġenti (smart grids)

    tnaqqis fil-GHG || f’tunnellati ta’ CO2 eq || It-tnaqqis stmat tal-GHG f'CO2 ekwivalenti

    It-trasport || ||

    Ferrovija || km || Tul totali tal-linja ġdida ferrovjarja

    || km || Tul totali tal-linja ferrovjarja mibnija mill-ġdid jew imtejba

    Toroq || km || Tul totali ta' toroq mibnija ġodda

    || km || Tul totali ta' toroq mibnija mill-ġdid jew imtejba

    It-trasport urban || vjaġġi tal-passiġġieri || Żieda fil-vjaġġi tal-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport urban megħjun

    Passaġġi tal-ilma interni || Tunnellata-km || Żieda fit-tagħbija ttrasportata minn passaġġi tal-ilma mtejba

    [1]               Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, l-Kumitat tar-Reġjuni u l-parlamenti nazzjonali: Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, COM(2010) 700 finali, 19.10.2010.

    [2]               Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500 finali, 29.6.2011.

    [3]               Il-5 Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, Novembru 2010.

    [4]               Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, SEC(2011) 590 finali, 13.5.2011.

    [5]               COM(2010) 700 finali, 19.10.2010.

    [6]               ĠU C , , p. .

    [7]               ĠU C , , p. .

    [8]               ĠU L, , p. .

    [9]               ĠU L 204, 5.8.2010, p. 1.

    [10]             ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    [11]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010.

    [12]             ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79.

    Top