EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0525

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga

/* KUMM/2011/0525 finali - 2011/0229 (COD) */

52011PC0525

/* KUMM/2011/0525 finali - 2011/0229 (COD) */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga [1] jistipula li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini skont id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament. Qabel dan u fid-dawl tal-kriżi tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE), ir-regoli tal-Unjoni dwar l-identifkazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali bovini diġà kienu ġew introdotti fl-1997. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 stabbilixxa sistema ta' traċċabilità individwali għall-bovini permezz ta' identifikazzjoni individwali tal-annimali b'żewġ tikketti mal-widnejn, reġistru tal-istabbiliment f'kull stabbiliment (eż. razzett, suq, biċċerija), passaport individwali għal kull annimal li jkun fih dejta fuq il-movimenti kollha u rrappurtar tal-movimenti kollha għal bażi ta' dejta kompjuterizzata li tkun tista' tittraċċja l-annimali malajr u tidentifika koorti fil-każ ta' mard. Dawn il-prinċipji nżammu iktar tard fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-għan aħħari kien li tiġi ristabbilita l-kunfidenza tal-konsumatur fiċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga permezz ta' trasparenza u traċċabilità sħiħa tal-annimali bovini u l-prodotti taċ-ċanga kif ukoll li jiġu lokalizzati u rintraċċati annimali għal finijiet veterinarji, li huwa ta' importanza kruċjali għall-kontroll tal-mard infettiv. Fejn jidħlu dawn l-għanijiet, is-sistema llum tista' titqies li kienet suċċess (il-BSE ġie kkontrollat fl-UE u l-fiduċja tal-konsumatur ġiet lura għal li kienet[2]), li juri l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha fl-għoti ta' informazzjoni importanti biex jiġi żgurat il-kontroll ta' mard infettiv (eż il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer u l-Bluetongue) u biex tiġi żgurata t-traċċabilità tal-laħam taċ-ċanga.

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 (li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga - inkluż it-tikkettjar volontarju - u jinkludi l-elementi “tikketta tal-widna doppja”, “reġistru tal-istabbiliment”, “passaport tal-bovini” u “bażi ta' dejta kompjuterizzata”) kien elenkat bħala " obbligi ta' informazzjoni b’importanza speċjali f'termini tal-piżijiet li jimponu fuq in-negozji " skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew (COM (2009)544) dwar “Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE”[3].

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali[4] tipprevedi li l-Kummissjoni tissemplifika l-obbligi ta’ informazzjoni (eż. reġistri tal-istabbilimenti, passaporti) matul l-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika għall-bovini (EID). Hija ppjanata proposta Regolatorja għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fl-Aġenda tal-Ippjanar tal-Kummissjoni għall-ewwel semestru tal-2011.

Madankollu, meta ġew adottati r-regoli attwali għall-identifikazzjoni tal-bovini fl-1997, l-EID ma kienx żviluppat biżżejjed mill-aspett tekniku biex jiġi applikat minn dak il-mument għall-bovini. L-EID bbażat fuq l-identifikazzjoni permezz tal-frekwenza tar-radju (RFID) żviluppa konsiderevolment matul l-aħħar 10 snin u jipprovdi qari aktar malajr u aktar preċiż tal-kodiċijiet tal-annimali individwali direttament għal ġo sistemi għall-ipproċessar tad-dejta u li b'hekk jiffranka l-ispejjeż tax-xogħol għall-qari manwali iżda fl-istess waqt, iżid l-ispejjeż tat-tagħmir. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-identifikazzjoni tal-bovini ma tirriflettix dawn l-aħħar żviluppi teknoloġiċi. L-użu tal-identifikaturi elettroniċi jistgħu jgħinu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u x-xogħol klerikali, għal waqtiet meta r-reġistru tal-istabbiliment jinżamm f'forma kompjuterizzata (li huwa l-każ għal perċentwal dejjem jikber ta' rziezet), bl-użu ta' qari awtomatiku u bl-użu tad-dħul awtomatiku fir-reġistru. Barra minn hekk, sistema aktar veloċi u aktar affidabbli tippermetti, fost l-oħrajn, qari aktar preċiż u aktar veloċi mill-klassiċi tikketti mal-widnejn, li jħaffef il-proċedura biex jiġu rrapportati l-movimenti tal-annimali fil-bażi ta' dejta ċentrali u għalhekk tipprovdi traċċabilità aħjar u aktar veloċi tal-annimali infettati u/jew tal-ikel infettat.

Abbażi tal-avvanzi teknoloġiċi attwali tal-EID, bosta Stati Membri tal-UE ddeċidew, fuq bażi volontarja, li jibdew jimplimentaw l-EID għall-bovini. L-esperjenza barra l-UE turi wkoll li l-użu tal-EID għall-bovini qiegħed jiżdied. Barra minn hekk, l-EID diġà ġiet introdotta fl-UE għal bosta speċji tal-annimali (ħafna minnhom bħala obbligatorji).

Il-qafas ġuridiku attwali ma jżommx lill-Istati Membri milli jużaw l-identifikaturi elettroniċi fuq bażi volontarja, iżda dan irid isir flimkien mat-tikketti viżibbli, konvenzjonali u uffiċjali mal-widnejn. Peress li ma ġie stabbilit l-ebda standard tekniku u armonizzat tal-UE, tipi differenti ta’ identifikaturi u qarrejja elettroniċi bi frekwenzi RFID differenti jistgħu jintużaw f'postijiet differenti. Għalhekk kull Stat Membru jista' jagħżel l-istandards li jkun irid u dan l-approċċ x’aktarx li jwassal għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni li b'hekk jipperikola l-iskambju elettroniku tad-dejta u mbagħad il-benefiċċji li jkollok sistemi EID jintilef.

Fir-rigward tat-tikkettjar volontarju taċ-ċanga, hemm ħtieġa sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv eċċessiv fis-sistema volontarja fis-seħħ bħalissa. Ir-Regolament (KE) Nru 820/97 stabbilixxa sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' annimali bovini u t-tikkettjar ta’ ċanga u prodotti taċ-ċanga, li ssaħħet ulterjorment bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000. Din tikkonċerna l-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini tal-bovini (imwielda/msemmna/maqtula) minn fejn oriġinat iċ-ċanga (din il-proposta ma tinkludi l-ebda dispożizzjonijiet ġodda fir-rigward tar-rekwiżiti obbligatorji għat-tikkettjar taċ-ċanga), ir-referenzi obbligatorji għan-numru tal-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-annimal maqtul, u l-istabbilimenti fejn il-laħam ġie pproċessat (il-biċċerija u l-impjant għat-tqattigħ tal-laħam) kif ukoll proċedura ta' approvazzjoni formali mill-Kummissjoni inkluż rekwiżit ta' notifika għal kwalunkwe tagħrif ta' tikkettjar addizzjonali għajr dawk obbligatorji . Fl-2004, il-Kummissjoni kienet diġà ressqet rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-parti tat-tikkettjar taċ-ċanga tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000[5] fejn indikat nuqqasijiet fl-iskema volontarja ta' tikkettjar taċ-ċanga. Dawn kienu li s-sistema mhix applikata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha ( eż. il-prassi amministrattiva tvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri ) u li l-indikazzjonijiet kollha inklużi fit-tikketta (inklużi dawk li mhumiex relatati mal-oriġini, it-traċċabilità jew il-karatteristiċi tal-kwalità tal-laħam) ikunu soġġetti għal proċedura ta' approvazzjoni formali mill-awtorità kompetenti. Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar is-Semplifikazzjoni tal-PAK[6] jinnota s-suġġeriment mressaq mill-“Grupp ta’ Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi” (Grupp Stoiber). Il-Grupp Stoiber issuġġerixxa li r-rekwiżit tan-notifika jitneħħa fir-rigward tal-użu tal-indikazzjonijiet tat-tikkettar volontarju addizzjonali minbarra dawk li huma obbligatorji għaċ-ċanga[7].

Din il-proposta tqis ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru mal-partijiet interessati u r-riżultat tal-istima tal-impatt. L-istima tal-impatt ikkonkludiet li l-introduzzjoni tal-EID għall-bovini fuq bażi volontarja bħala għodda għall-identifikazzjoni uffiċjali jippermettu lill-atturi biex ikollhom il-ħin jiffamiljarizzaw ruħhom mas-sistema tal-EID u biex jiġi identifikat il-valur miżjud li jġib miegħu f’ċirkostanzi partikolari. Din l-għażla hija preferibbli peress li tħalliha f'idejn l-Istati Membri tal-UE u l-atturi privati kollha involuti biex jorganizzaw ruħhom, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw il-benefiċċji billi jqisu d-differenzi reġjonali, it-tipi differenti ta' produzzjoni u hija flessibbli biżżejjed biex tirċievi l-appoġġ mill-awtoritajiet u l-partijiet interessati u dan jibbenefika l-infurzar tar-regoli. L-introduzzjoni volontarja tal-EID jimplika li l-EID jintgħażel mid-detenturi li x'aktarx ikollhom benefiċċji immedjati għall-ġestjoni tal-irziezet. Din hija deċiżjoni individwali meħuda għal raġunijiet ekonomiċi ( minħabba s-suq ) minn kull operatur. Bis-sistema volontarja, l-annimali bovini jistgħu jkunu identifikati permezz ta' żewġ tikketti konvenzjonali mal-widnejn (is-sistema attwali), jew minn tikketta konvenzjonali viżibbli mal-widna u identifikatur elettroniku (jiġifieri tikketta elettronika mal-widna jew bolus) b'konformità mal-istandards armonizzati tal-UE li ġew approvati uffiċjalment. L-introduzzjoni proposta tal-identifikazzjoni elettronika fuq bażi volontarja tipprovdi wkoll il-possibilità għall-Istati Membri tal-UE biex jagħżlu sistema obbligatorja fit-territorju nazzjonali tagħhom. F'każ li l-Istat Membru jagħżel sistema obbligatorja, kull annimal bovin irid jiġi identifikat permezz ta’ tikketta viżibbli konvenzjonali mal-widna u identifikatur elettroniku. Sistema obbligatorja tal-UE tista' ma tkunx l-aħjar approċċ bħalissa peress li xi partijiet interessati (eż. il-bdiewa ż-żgħar) ikunu ekonomikament żvantaġġati. Madankollu, minbarra l-konsiderazzjonijiet tal-ispejjeż, din hija idealment l-għażla l-aktar effiċjenti f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur (traċċabilità), ta' tnaqqis tal-piż amministrattiv, u sabiex jiġu evitati r-riskji relatati mal-koeżistenza ta' żewġ sistemi ta' identifikazzjoni. Din l-għażla tkun ukoll parzjalment ġustifikabbli f’termini ta’ koerenza aħjar mal-politiki tal-UE dwar l-EID fi speċi oħrajn ta' annimali (eż. in-nagħaġ).

Għalhekk, peress li implimentazzjoni obbligatorja tal-EID tista' taffettwa ekonomikament lil xi operaturi b'mod mhux vantaġġuż, l-għażla preferuta għall-introduzzjoni tal-EID hija sistema volontarja fejn l-EID jitqies bħala mezz legali aċċettabbli u xieraq ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini, bil-possibilità għall-Istati Membri li jintroduċi sistema obbligatorja fil-livell nazzjonali.

Barra minn hekk, hemm bżonn li r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jiġi allinjat għall-konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("TFUE") wassal għal bidliet sinifikanti fil-qafas għall-adozzjoni ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni. Fir-rigward tal-adozzjoni ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni, it-TFUE jiddistingwi b'mod ċar bejn it-tnejn.

- L-Artikolu 290 TFUE dwar l-atti ddelegati jistipula li l-leġiżlatur(i) għandhom jikkontrollaw l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni permezz ta' dritt ta' revoka u/jew dritt ta' oġġezzjoni.

- L-Artikolu 291 TFUE dwar l-atti ta' implimentazzjoni jistipula l-kontroll mill-Istati Membri tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Qafas ġuridiku li jistabbilixxi l-mekkaniżmi ta' kontroll ta' dan it-tip huwa stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[8].

Fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni għamlet l-istqarrija li ġejja:

"Il-Kummissjoni se tipproċedi b'eżami tal-atti leġiżlattivi kollha fis-seħħ li ma ġewx adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, bil-għan li jiġi vvalutat jekk dawk l-istrumenti jeħtiġux jiġu adattati għar-reġim ta' atti ddelegati introdotti mill-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti xierqa kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard mid-dati msemmija fil-kalendarju indikattiv anness ma' din id-dikjarazzjoni[9]."

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 huwa wieħed mill-atti leġiżlattivi li ma kinux ġew adattati fil-passat għall-proċedura regolatorja bi skrutinju u għalhekk għandhom jiġu allinjati għall-qafas ġuridiku l-ġdid ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni.

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandu għalhekk jiġi rivedut u emendat kif xieraq fir-rigward tas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv u jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda relatati mal-identifikazzjoni tal-bovini u t-tikkettjar volontarju taċ-ċanga.

Dan l-abbozz ta’ proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill ma għandu l-ebda implikazzjoni finanzjarja għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

2011/0229 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2) u 168(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[10],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[12],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

1. Fl-1997, ir-regoli tal-Unjoni dwar l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-annimali bovini ssaħħu fid-dawl tal-epidemija tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) u l-bżonn li minħabba f'hekk kiber biex jiġu rintraċċati l-movimenti u l-oriġini tal-annimali bl-użu ta' "tikketti konvenzjonali mal-widnejn".

2. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga[13] jistipula li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini skont id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

3. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini li tinkludi t-tikketti mal-widnejn applikati fuq il-widnejn ta' kull annimal, bażijiet ta' dejta kompjuterizzati, passaporti tal-annimali u reġistri individwali miżmuma f'kull stabbiliment.

4. It-traċċar tal-laħam taċ-ċanga sas-sors permezz ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni huwa prerekwiżit għat-tikkettjar tal-oriġini tul il-katina alimentari kollha u tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa pubblika.

5. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u b'mod aktar partikolari l-identifikazzjoni bovina u t-tikkettjar volontarju taċ-ċanga ġew elenkati bħala "l-obbligi ta’ informazzjoni b’importanza speċjali f'termini tal-piżijiet li jimponu fuq in-negozji" fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar “Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE"[14].

6. L-użu ta’sistemi elettroniċi ta’ identifikazzjoni għandu l-potenzjal li jissemplifika l-proċessi tat-traċċabbiltà permezz ta' qari u reġistrazzjoni awtomatizzati u aktar preċiżi fir-reġistru tal-istabbiliment. Dan jippermetti wkoll rappurtar awtomatizzat tal-movimenti tal-annimali fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata, u b'hekk ikun hemm titjib fil-veloċità, l-affidabilità u l-preċiżjoni tas-sistema.

7. Is-sistemi ta' identifikazzjoni elettronika bbażati fuq l-identifikazzjoni bil-frekwenzi tar-radju għamlu avvanzi konsiderevoli matul l-aħħar għaxar snin. Dik it-teknoloġija tippermetti qari aktar veloċi u aktar preċiż ta' kodiċijiet tal-identità tal-annimali individwali direttament għal ġo sistemi għall-ipproċessar tad-dejta li jirriżulta fi tnaqqis fil-ħin meħtieġ biex jiġu rintraċċati annimali potenzjalment infettati jew ikel infettat, fi frankar ta' spejjeż tax-xogħol iżda fl-istess ħin ukoll iżżid l-ispejjeż tat-tagħmir.

8. Dan ir-Regolament huwa koerenti mal-fatt li l-identifikazzjoni elettronika (EID) diġà ġiet introdotta fl-Unjoni għal speċijiet ta' annimali oħrajn minbarra l-bovini, bħas-sistema obbligatorja użata f'ruminanti żgħar.

9. Minħabba l-avvanzi teknoloġiċi fl-EID, bosta Stati Membri ddeċidew li jibdew jimplimentaw l-EID bovina fuq bażi volontarja. Dawk l-inizjattivi x'aktarx li jwasslu biex jiġu żviluppati sistemi differenti fl-Istati Membri individwali jew mill-partijiet interessati. Żvilupp bħal dan jimpedixxi l-armonizzazzjoni aktar 'il quddiem tal-istandards tekniċi fi ħdan l-Unjoni.

10. Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-possibbilità li tiddaħħal sistema ta’ identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini[15] tikkonkludi li ntwera li l-identifikazzjoni bil-frekwenzi tar-radju ġiet żviluppata sal-punt li tista' tiġi applikata fil-prattika. Ir-rapport ikkonkluda wkoll illi huwa mixtieq sew li s-sitema tinqaleb għall-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini fi ħdan l-Unjoni peress li fost benefiċċji oħra, dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-piż amministrattiv.

11. Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali"[16] il-Kummissjoni għandha tissemplifika l-obbligi ta’ informazzjoni, bħal reġistri tal-istabbilimenti u passaporti matul l-introduzzjoni tal-EID.

12. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”[17], tipproponi li titqies l-EID għall-annimali bovini bħala titjib possibbli għas-sistema eżistenti tal-UE ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni sabiex jiġu ssemplifikati l-obbligi ta’ informazzjoni (eż. reġistri tal-istabbilimenti, passaporti) u tinkludi l-inizjattiva għall-implimentazzjoni ta' skambju ta' passaporti bovini elettroniċi. Dak l-iskambju jkun jinvolvi l-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika b'introduzzjoni tad-dejta f'ħin reali. Skambju bħal dan iwassal għal iffrankar konsiderevoli ta' spejjeż u sforzi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u partijiet interessati oħra u tnaqqas l-ammont tax-xogħol fit-trasferiment tad-dejta tal-passaporti tal-annimali għal ġol-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati. Dan ir-Regolament huwa koerenti ma’ dik l-inizjattiva.

13. Dan ir-Regolament hija għalhekk mistennija tikkontribwixxi għal xi wħud mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġiji maġġuri UE inkluża l-UE 2020 billi ttejjeb it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni u l-kompetittività.

14. Ċerti pajjiżi terzi diġà stabbilew regoli li jippermettu teknoloġiji avvanzati tal-EID. L-Unjoni għandha tistabbilixxi regoli simili biex jiġi ffaċilitat in-negozju u tiżdied il-kompetittività tas-settur.

15. Tipi differenti ta' identifikaturi elettroniċi, bħal kapsoli ruminali, tikketti elettroniċi mal-widnejn, u transponders injettabbli jistgħu jintużaw għall-identifikazzjoni individwali tal-annimali flimkien mat-tikketti konvenzjonali mal-widnejn stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000. Għalhekk huwa xieraq li jitwessa’ l-ambitu tal-mezzi ta' identifikazzjoni stipulati f’dak ir-Regolament sabiex jippermetti l-użu ta' identifikazzjoni elettronika.

16. Li l-EID issir obbligatorja madwar l-Unjoni kollha jista' jħalli effetti ekonomikament ħżiena fuq ċerti operaturi. Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita sistema volontarja għall-introduzzjoni tal-EID. B'din is-sistema, l-EID jintgħażlu mid-detenturi li x'aktarx ikollhom benefiċċji ekonomiċi immedjati.

17. L-Istati Membri għandhom sistemi tat-trobbija, tal-prattiki tal-biedja u tal-organizzazzjonijiet tas-settur differenti ħafna. L-Istati Membri għandhom għalhekk jitħallew jagħmlu l-EID obbligatorja fit-territorju tagħhom biss meta jidhrilhom li jkun xieraq, wara li jikkunsidraw dawk il-fatturi kollha.

18. Annimali li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi għandhom ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti ta’identifikazzjoni li japplikaw għal annimali mwielda fl-Unjoni.

19. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jipprevedi li l-awtorità kompetenti għandha toħroġ passaport għal kull annimal li jrid jiġi identifikat skont dak ir-Regolament. Dan jikkawża piż amministrattiv konsiderevoli għall-Istati Membri. Il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati stabbiliti mill-Istati Membri jiżguraw suffiċjentement it-traċċabilità tal-movimenti domestiċi tal-annimali bovini. Il-passaporti għandhom għalhekk jinħarġu biss għal annimali maħsuba għall-kummerċ intra-Unjoni. Ladarba l-iskambju tad-dejta bejn il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati nazzjonali huwa operattiv, ir-rekwiżit tal-ħruġ ta’ dawn il-passaporti ma għandux jibqa' japplika għal annimali maħsuba għall-kummerċ intra-Unjoni.

20. It-Taqsima II tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jistabbilixxi r-regoli għal sistema volontarja ta’ tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga li jistipula l-approvazzjoni ta' ċerti speċifikazzjonijiet tat-tikkettjar mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru. Il-piż amministrattiv u l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi biex japplikaw din is-sistema mhumiex proporzjonati għall-benefiċċji tas-sistema. Dik it-Taqsima għandha għalhekk titħassar.

21. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat).

22. Sabiex jiġi żgurat li r-regoli meħtieġa għat-tħaddim sew tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali bovini u ċ-ċanga jkunu applikati, is-setgħa li għall-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżiti għal mezzi alternattivi ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini, taċ-ċirkostanzi speċjali li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodi massimi għall-applikazzjoni tal-mezzi ta' identifikazzjoni, tad-dejta li trid tiġi skambjata bejn il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati tal-Istati Membri, tal-perjodu massimu għal ċerti obbligi ta’ rappurtar, tar-rekwiżiti għal mezzi ta' identifikazzjoni, tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża fil-passaporti u fir-reġistri individwali li jridu jinżammu fuq kull stabbiliment, tal-livell minimu ta' kontrolli uffiċjali, tal-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' movimenti ta' annimali bovini meta mħollija jirgħu fis-sajf f'postijiet differenti fil-muntanji, tar-regoli għat-tikkettjar ta' ċerti prodotti li għandhom ikunu ekwivalenti għar-regoli stabbliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, tad-definizzjonijiet ta’ kapuljat taċ-ċanga, fdal taċ-ċanga jew qatgħat taċ-ċanga, tal-indikazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tikketti, tad-dispożizzjonijiet tat-tikkettjar li għandhom x'jaqsmu mas-semplifikazzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini, id-daqs massimu u l-kompożizzjoni ta' ċerti gruppi ta' annimali, tal-proċeduri ta’ approvazzjoni relatati mal-kundizzjonijiet tat-tikkettjar fuq l-ippakkjar tal-qatgħat tal-laħam, huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal dawn l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

23. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti li jagħmlu użu minn mezzi alternattivi ta' identifikazzjoni, karatteristiċi tekniċi u modalitajiet għall-iskambju tad-dejta bejn il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati tal-Istati Membri, il-format u d-disinn tal-mezzi ta’ identifikazzjoni, il-proċeduri u l-istandards tekniċi għall-implimentazzjoni tal-EID, il-format tal-passaporti u tar-reġistru li jrid jinżamm fuq kull stabbiliment, ir-regoli dwar il-modalitajiet għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri fuq id-detenturi skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, il-Kummissjoni għandha tiġi konferita bis-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[18].

24. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 1, it-tieni sentenza tal-paragrafu 2 titħassar.

(2) fl-Artikolu 3, fl-ewwel paragrafu, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a) il-mezzi ta’ identifikazzjoni biex jiġu identifikati l-annimali individwalment;"

(3) L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Obbligu ta' identifikazzjoni tal-annimali

1. L-annimali kollha fi stabbiliment għandhom jiġu identifikati b'tal-inqas żewġ mezzi individwali ta' identifikazzjoni awtorizzata b'konformità mal-Artikoli 10 u 10a u approvati mill-awtorità kompetenti.

Il-mezzi ta’ identifikazzjoni għandhom ikunu allokati lill-istabbiliment, distribwiti u applikati fuq l-annimali b'mod determinat mill-awtorità kompetenti.

Il-mezzi kollha ta' identifikazzjoni applikati għal annimal għandu jkollhom l-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku, li jagħmilha possibbli illi kull annimal ikun identifikat individwalment flimkien mal-istabbiliment fejn twieled.

2. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta' identifikatur elettroniku obbligatorju bħala wieħed miż-żewġ mezzi ta' identifikazzjoni stipulati fil-paragrafu 1.

L-Istati Membri li jużaw din il-possibilità għandhom jipprovdu t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni.

3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-annimali bovini maħsuba għal avvenimenti kulturali u sportivi ħlief fieri u eżibizzjonijiet jistgħu jiġu identifikati b'mezzi alternattivi ta' identifikazzjoni li joffru standards ta’ identifikazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati f 'dak il-paragrafu.

4. Stabbilimenti li jużaw mezzi alternattivi ta' identifikazzjoni għandhom ikunu rreġistrati fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni, tistipula r-regoli neċessarji li jikkonċernaw dik ir-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b li jikkonċernaw ir-rekwiżiti għal mezzi alternattivi ta' identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 3, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija u s-sostituzzjoni tagħhom."

(4) Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 4a sa 4d li ġejjin:

“Artikolu 4a

Perjodu taż-żmien għall-applikazzjoni tal-mezzi ta' identifikazzjoni

1. Il-mezzi ta' identifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(1) għandhom jiġu applikati f'perjodu massimu mit-twelid tal-annimal li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn twieled l-annimal. Dak il-perjodu ma għandux ikun itwal minn.

(a) 20 jum għall-ewwel mezz ta’ identifikazzjoni;

(b) 60 jum għat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni.

L-ebda annimal ma jista' jħalli l-istabbiliment fejn ikun twieled qabel ma ż-żewġ mezzi ta' identifikazzjoni jkunu ġew applikati.

2. Taħt ċirkostanzi speċjali l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodi massimi għall-applikazzjoni tal-mezzi ta' identifikazzjoni għal perjodu itwal milli stipulat fil-paragrafu 1(a) u (b). L-Istati Membri li jużaw din il-possibilità għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b biex jiġu ddeterminati dawk iċ-ċirkostanzi speċjali.

Artikolu 4b

Identifikazzjoni tal-annimali minn pajjiżi terzi

1. Kull annimal suġġett għall-kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz skont id-Direttiva 91/496/KEE u maħsuba għal stabbiliment tad-destinazzjoni fit-territorju tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati fl-istabbiliment tad-destinazzjoni bil-mezzi ta’ identifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(1).

L-identifikazzjoni oriġinali applikata għall-annimal fil-pajjiż terz ta’ oriġini għandhom jiġu rreġistrati fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata stipulata fl-Artikolu 5 flimkien ma' kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tal-mezzi individwali ta' identifikazzjoni allokati lill-annimal mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-annimali destinati direttament għal biċċerija li tinsab fi Stat Membru, sakemm l-annimali jinqatlu fi żmien 20 jum wara dawk il-kontrolli veterinarji.

2. Il-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati f'perjodu massimu li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment tad-destinazzjoni.

Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż l-20 jum minn wara l-kontrolli veterinarji msemmija fil-paragrafu 1. Fi kwalunkwe każ, il-mezzi ta' identifikazzjoni għandhom jiġu applikati lill-annimali qabel ma jitilqu l-istabbiliment tad-destinazzjoni.

3. Meta l-istabbiliment ta' destinazzjoni jkun jinsab fi Stat Membru li jkun introduċa id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta' identifikatur elettroniku obbligatorju kif imsemmi fl-Artikolu 4(2), l-annimali għandhom ikunu identifikati b'dak l-identifikatur elettroniku fl-istabbiliment tad-destinazzjoni fl-Unjoni, f’perjodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż l-20 jum minn wara l-kontrolli veterinarji msemmija fil-paragrafu 1. Fi kwalunkwe każ, l-identifikatur elettroniku għandu jiġu applikati lill-annimali qabel ma jitilqu l-istabbiliment tad-destinazzjoni.

Artikolu 4c

L-identifikazzjoni tal-annimali li jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor

1. Annimali li jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor għandhom iżommu l-mezzi ta' identifikazzjoni applikati lilhom skont l-Artikolu 4.

2. Meta l-istabbiliment tad-destinazzjoni jkun jinsab fi Stat Membru li jkun introduċa dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta' identifikatur elettroniku obbligatorju, l-annimali għandhom jiġu identifikati b'dak l-identifikatur elettroniku:

(a) qabel ma jittieħdu lejn l-istabbiliment tad-destinazzjoni f’dak l-Istat Membru; jew

(b) fl-istabbiliment tad-destinazzjoni f'perjodu massimu li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn jinsab dak l-istabbiliment.

Il-perjodu massimu msemmi fil-punt (b) ma għandux jaqbeż l-20 jum mid-data tal-wasla tal-annimali fl-istabbiliment tad-destinazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-mezzi ta' identifikazzjoni għandhom jiġu applikati lill-annimali qabel ma jitilqu l-istabbiliment tad-destinazzjoni.

Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-annimali destinati direttament għal biċċerija li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru li daħħal dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta' identifikatur elettroniku obbligatorju, sakemm l-annimali jinqatlu fi żmien 20 jum wara dawn il-kontrolli veterinarji.

Artikolu 4d

It-tneħħija jew is-sostituzzjoni tal-mezz ta’ identifikazzjoni

L-ebda mezz ta’ identifikazzjoni ma jista’ jitneħħa jew jiġi sostitwit mingħajr il-permess u l-kontroll tal-awtorità kompetenti. Dan il-permess jista' jingħata biss meta t-tneħħija jew is-sostituzzjoni ma jkunux jikkompromettu t-traċċabilità tal-annimal."

(5) L-Artikolu 5 jiġi emendat kif ġej:

- it-tieni paragrafu jitħassar u jinbidel b'li ġej:

"L-Istati Membri jistgħu jiskambjaw dejta elettronika bejn il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati tagħhom minn dakinhar li l-Kummissjoni tagħraf l-operabilità sħiħa tas-sistema tal-iskambju tad-dejta.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex jiġu stabbiliti r-regoli dwar id-dejta li trid tkun skambjata bejn il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha:

(a) tistipula l-kundizzjonijiet tekniċi u l-modalitajiet għal dan l-iskambju;

(b) tirrikonoxxi l-operabilità sħiħa tas-sistema ta' skambju tad-dejta.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 23(2)."

(6) L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Fejn Stat Membru ma jiskambjax dejta elettronika mal-Istati Membri l-oħra fil-qafas tas-sistema tal-iskambju elettroniku msemmija fl-Artikolu 5:

(a) l-awtorità kompetenti għandha, għal kull annimal li huwa maħsub għall-kummerċ intra-Unjoni, toħroġ passaport bbażat fuq l-informazzjoni miżmuma fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata stabbilita f 'dak l-Istat Membru;

(b) kull annimal li jinħariġlu passaport, għandu jkun akkumpanjat b'dan il-passaport kull meta l-annimal jittieħed minn Stat Membru għal ieħor;

(c) mal-wasla tal-annimal fl-istabbiliment tad-destinazzjoni, il-passaport li jakkumpanja l-annimal għandu jingħata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment tad-destinazzjoni."

(7) L-Artikolu 7 jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) it-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

"– jirrapporta lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-istabbiliment u t-twelid u l-imwiet kollha tal-annimali tal-istabbiliment, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu massimu ffissat mill-Istat Membru; il-perjodu massimu għandu jkun ta' mill-inqas tlett ijiem u mhux aktar minn sebat ijiem wara li jiġri dan l-avveniment; L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex jestendu l-perjodu massimu ta' sebat ijiem."

(ii) għandu jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex tiddetermina ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta' sebat ijiem stipulat fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu, flimkien mat-tul massimu ta' dik l-estensjoni."

(b) għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

"5. B'deroga mill-paragrafu 4, iż-żamma ta' reġistru aġġornat għandha tkun fakultattiva għal kull gwardjan li:

(a) għandu aċċess dirett għall-bażi ta' dejta kompjuterizzata li diġà fiha l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fir-reġistru; u

(b) idaħħal informazzjoni aġġornata direttament ġol-bażi ta' dejta kompjuterizzata fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa minn meta jiġri l-avveniment."

(8) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

“Artikolu 9a

Taħriġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna responsabbli għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali jirċievi istruzzjonijiet u gwida dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament u ta' kwalunkwe atti ddelegati u ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 10 u 10a, u li l-korsijiet ta' taħriġ xierqa jkunu disponibbli."

(9) L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

L-għoti ta' setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti atti ddelegati

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b biex tistabbilixxi r-regoli neċessarji, inklużi l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni tagħhom, dwar:

(a) ir-rekwiżiti għal mezz ta' identifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4;

(b) l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fil-passaport stipulat fl-Artikolu 6;

(c) l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fir-reġistru stipulat fl-Artikolu 7;

(d) il-livell minimu tal-kontrolli uffiċjali li jridu jitwettqu skont l-Artikolu 22;

(e) l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-movimenti ta' annimali bovini meta jitħallew jirgħu fis-sajf f 'postijiet differenti fil-muntanji."

(10) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 10a li ġej:

“Artikolu 10a

L-għoti ta' ċerti poteri ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni, tistipula r-regoli neċessarji, inklużi l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni tagħhom, li jikkonċernaw:

(a) il-format u d-disinn tal-mezz ta' identifikazzjoni stipulat fl-Artikolu 4;

(b) il--proċeduri u l-istandards tekniċi għall-implimentazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini;

(c) il-format tal-passaport stipulat fl-Artikolu 6;

(d) il-format tar-reġistru stipulat fl-Artikolu 7;

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 23(2)."

(11) L-Artikolu 13 jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafi 3 u 4 jitħassru;.

(b) fil-paragrafu 5, il-frażi introduttorja tal-punt (a) tinbidel b'dan li ġej:

“(a) L-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom jindikaw ukoll fuq it-tikketti:"

(12) Fl-Artikolu 14, ir-raba’ paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b biex tistabbilixxi regoli ekwivalenti għal dawk fl-ewwel tliet paragrafi ta' dan l-Artikolu għall-fdal tal-laħam taċ-ċanga jew qatgħat tal-laħam taċ-ċanga."

(13) L-Artikolu 15 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 15

It-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga minn pajjiżi terzi

B'deroga mill-Artikolu 13, il-laħam taċ-ċanga importat fit-territorju tal-Unjoni li l-informazzjoni kollha dwaru prevista fl-Artikolu 13 mhix disponibbli, għandu jiġi ttikkettjat bl-indikazzjoni:

'oriġini: mhux mill-UE' u 'Maqtul fi (isem il-pajjiż terz)'."

(14) L-Artikoli 16, 17 u 18 jitħassru.

(15) L-Artikolu 19 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 19

L-għoti ta' setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti atti ddelegati

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b dwar:

(a) id-definizzonijiet tal-kapuljat taċ-ċanga, fdal tal-laħam taċ-ċanga jew qatgħat tal-laħam taċ-ċanga msemmija fl-Artikolu 14;

(b) l-indikazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tikketti;

(c) Id-dispożizzjonijiet tat-tikkettjar marbuta mas-semplifikazzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini;

(d) id-daqs u l-kompożizzjoni massimi tal-grupp tal-annimali msemmi fl-Artikolu 13(2)(a);

(e) il-proċeduri ta' approvazzjoni relatati mal-kundizzjonijiet tat-tikkettjar fuq il-pakketti tal-qatgħat tal-laħam; "

(16) L-Artikoli 20 u 21 jitħassru.

(17) L-Artikolu 22 jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi r-regoli neċessarji, inklużi l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni tagħhom, dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu."

(b) il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

"4. Meta l-Kummissjoni jidhrilha li r-riżultat tal-kontrolli ikun jiġġustifika dan, hija għandha, permezz ta’ att ta' implimentazzjoni, tfassal il-miżuri meħtieġa biex tiżgura konformità xierqa partikolarment fir-rigward tal-livell ta' kontrolli, sanzjonijiet amministrattivi, u dispożizzjoni relatata mal-perjodi massimi msemmija fl-Artikolu 4, 4a, 4b u 4c. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmi fl-Artikolu 23(2)."

(c) il-paragrafi 5 u 6 jitħassru.

(18) Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 22a u 22b li ġejjin:

“Artikolu 22a

L-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament u kwalunkwe atti adottati mill-Kummissjoni abbażi tagħha.

Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-identità ta' dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 22b

L-eżerċizzju tas-setgħat ddelegati

1. Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(5), u 4a(2) u fl-Artikoli 5, 7, 10, 14 u 19 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat*

[* id-data tad-dħul fis-seħħ ta 'dan ir-Regolament jew minn kwalunkwe data oħra stabbiliti mil-leġiżlatur].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 4(5) u 4a(2) u fl-Artikoli 5, 7, 10, 14 u 19 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iżjed tard speċifikata fiha. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li diġà jkun fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att ddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5. Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 4(5), u 4a(2) u l-Artikoli 5, 7, 10, 14 u 19 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u la mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk ikun qabel ma jagħlaq dak il-perjodu, jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

(19) L-Artikolu 23 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Il-proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna:

(a) għall-atti ta' implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 22(1), mill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli imwaqqaf mill-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005[19];

(b) għall-atti ta' implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikoli 5, 10a u 22, mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali mwaqqaf mill-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20].

Dawk il-kumitati għandhom ikunu kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-Kumitat jiddeċiedi hekk jew meta l-maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat tiddeċiedi hekk."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

[2] COM(2005) 322 Finali - Il-Programm TSE:http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/tse_bse/docs/roadmap_mt.pdf

[3] http://www.cc.cec/sg_vista/cgi-bin/repository/getdoc/COMM_PDF_COM_2009_0544_F_EN_ANNEXE.pdf

[4] Referenza COM (2007) 539 finali.

[5] COM(2004) 316 finali.

[6] SEC (2009)1601 tas-16/11/2009 http://ec.europa.eu/agriculture/simplification/sec2009_1601_en.pdf

[7] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/files/hlg_opinion_agriculture_050309_en.pdf, paġna 7.

[8] ĠU L 55, 28.2.2011 p. 13.

[9] ĠU L 55, 28.2.2011 p. 19.

[10] ĠU L xx, xx.xx.xxxx, p. xx.

[11] ĠU L xx, xx.xx.xxxx, p. xx.

[12] ĠU L xx, xx.xx.xxxx, p. xx.

[13] ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

[14] COM(2009) 544 finali.

[15] COM(2005) 9 finali.

[16] COM(2008) 545 finali.

[17] COM(2007) 539 finali.

[18] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[19] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

[20] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Top