Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0412

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

/* KUMM/2011/0412 finali - 2011/0181 (NLE) */

52011PC0412

/* KUMM/2011/0412 finali - 2011/0181 (NLE) */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

2. Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku") fil-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti Drappijiet b'Malja Miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ("RPĊ").

- Kuntest ġenerali

Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 138/2011 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9).

- Il-konsistenza ma’ politiki oħra u ma' għanijiet tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

3. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

4. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċedura kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

- Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ esperti esterni.

- Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament bażiku ma fihx dispożizzjonijiet għal valutazzjoni tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu vvalutati.

5. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

6. Taqsira tal-azzjoni proposta

Fl-20 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni nediet proċediment ta’ anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b' malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ. Il-proċediment tnieda wara lment minn erba' produtturi tal-Unjoni ("l-ilmentaturi") li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

Bir-Regolament (UE) Nru 138/2011 il-Kummissjoni imponiet dazji provviżorji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ.

Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Kunsill hija bbażata fuq is-sejbiet definittivi dwar id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni li kkonfermaw is-sejbiet provviżorji dwar l-importazzjonijiet mir-RPĊ. Barra dan, grupp wieħed addizzjonali ta' produtturi esportaturi relatati fir-RPĊ li kienu talbu eżami individwali ġew investigati u rċevew marġni individwali ta' dumping. Imsejsa fuq il-kummenti ta' partijiet interessati għall-isvelar tas-sejbiet provviżorji, saru wkoll xi reviżjonijiet tal-marġnijiet ta' dumping u ta' ħsara.

Għalhekk, ġie propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament biex jiġu imposti miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ.

- Bażi legali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

- Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħallix lok għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mminimizzat u pproporzjonat mal-għan tal-proposta, mhijiex applikabbli.

- L-għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: regolament.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja:

Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi.

7. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2011/0181 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ("ir-Regolament bażiku"), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

8. Miżuri provviżorji

9. Il-Kummissjoni, bir-Regulation (UE) Nru 138/2011[2] ("ir-Regolament provviżorju"), imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ).

10. Il-proċediment inbeda wara li tressaq ilment fis-6 ta' April 2010 minn St-Gobain Vertex s.r.o., Tolnatex Fonalfeldolgozo es Muszakiszovetgyarto, Valmieras “Stikla Skiedra” AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH ("l-ilmentaturi"), li jirrapreżentaw proporzjon ewlieni, f'dan il-każ ta' aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

11. Kif stabbilit fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 ("il-perjodu tal-investigazzjoni" jew "PI"). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (il-"perjodu kkunsidrat").

12. Proċedura sussegwenti

13. Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbazi tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji tal-anti-dumping ("żvelar provviżorju"), għadd ta' partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li bihom urew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

14. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Flimkien mal-verifiki msemmija fil-premessa (11) tar-Regolament provviżorju, twettqu aktar żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Il-produttur esportatur li kien talab eżami individwali:

- Yuyao Feitian Fiberglass Co. Ltd

u n-negozjant relatat tiegħu:

- Yuyao Winter International Trade Co. Ltd

Importatur mhux relatat fl-Unjoni:

- Vimaplas Tecnicos Lda., Portugal

- Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju ('żvelar finali'). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar finali.

- Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq.

B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

15. Il-prodott ikkonċernat

16. Il-prodott ikkonċernat huwa, kif stipulat fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju, drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta' daqs ta' ċellola ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2 li jorġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa jaqa' fil-kodiċi NM ex 7019 40 00, ex 7019 51 00, ex 7019 59 00, ex 7019 90 91 u 7019 90 99.

17. Wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, analiżi ulterjuri wriet li l-prodott ikkonċernat ma jistax jiġi kklassifikat taħt tlieta mill-ħames kodiċijiet tan-NM msemmija fil-premessa (8). Għalhekk il-kodiċijiet tan-NM ex 7019 90 91, ex 7019 90 99 u ex 7019 40 00 għandhom jitneħħew mid-deskriżżjoni tal-prodott ikkonċernat.

18. Qed tinġibed l-attenzjoni wkoll lejn il-fatt li, kif spjegat fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, produttur esportatur Ċiniż wieħed talab kjarifika dwar jekk diski tal-fibreglass humiex inklużi fid-definizzjoni tal-prodott. L-industrija tal-Unjoni kienet tal-fehma li d-diski tal-fibreglass huma prodott fl-istadju aħħari tiegħu (downstream product) b'karatteristiċi differenti minn dawk tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, ġie deċiż li jinġabar aktar tagħrif mill-partijiet interessati qabel tittieħed konklużjoni definittiva dwar din il-kwistjoni.

19. Barra l-iżvelar provviżorju, tressqet evidenza mill-industrija tal-Unjoni u mill-Federazzjoni tal-Produtturi Ewropej tal-Abrażivi (sustanzi li joborxu) ("FEPA") li tirrappreżenta l-utenti tad-diski tal-fibreglass li turi li hemm għadd ta' stadji fil-proċess ta' produzzjoni li jridu jitwettqu biex id-drapp b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ jitbiddel f'diski tal-fibreglass. Il-forma fiżika tad-diska hija wkoll differenti mill-prodott ikkonċernat li huwa normalment fornut f'rollijiet (dojoq jew wiesa') u huwa normalment maħsub għal użu aħħari differenti (ir-rinfurzar tar-roti tat-titħin). Dawn l-argumenti kienu kondiviżi mill-produttur esportatur Ċiniż.

20. Ġie nnutat ukoll li d-diski tal-fibreglass ma kienu prodotti jew mibjugħa minn l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun fir-RPĊ jew mill-produtturi tal-Unjoni.

21. Produttur wieħed tal-Unjoni tad-diski tal-fibreglass li tfaċċa wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji sostna li d-diski tal-fibreglass ma għandhomx ikunu esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Huwa stqarr li d-diski tal-fibreglass mhumiex prodott fl-istadju aħħari u wkoll li għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-prodott ikkonċernat u prodott fl-istadju aħħari, fl-istadju ta' kisi tar-rollijiet b'malja miftuħa. Skont il-kumpanija, il-kisi tar-rollijiet b'malja miftuħa li jintużaw fis-settur tal-kostruzzjoni huwa differenti minn dak ta' rollijiet b'malja miftuħa li aktar tard jintużaw għall-produzzjoni tad-diski tal-fibreglass. F'dan l-aħħar każ ir-rollijiet huma miksija bir-reżina tal-fenol. Fi kliem ieħor, il-karatteristiċi kimiċi tar-rollijiet b'malja miftuħa maħsuba għall-produzzjoni tad-diski tal-fibreglass huma allegatament identiċi ma' dawk tad-diski tal-fibreglass. Skont il-kumpanija dawn it-tipi ta' rollijiet b'malja miftuħa ma jistgħux jintużaw fir-rinfurzar tal-kostruzzjoni, li hija l-applikazzjoni ewlenija tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk il-kumpanija sostniet li jekk id-diski tal-fibreglass kellhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti, ir-rollijiet b'malja miftuħa miksija bir-reżina tal-fenol għandhom ukoll ikunu esklużi.

22. Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (13) il-kumpanija tfaċċat biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji u għalhekk ma provvdietx dejta verifikabbli li tiġġustifika l-pretensjonijiet tagħha. Billi ma kien hemm l-ebda dejta disponibbli mill-investigazzjoni fir-rigward tat-tipi differenti ta' kisi użat, il-pretensjoni tal-kumpanija ma setgħetx tiġi evalwata fid-dawl tad-dejta miksuba mill-investigazzjoni. Barra min hekk, irrespettivament mill-kisi, tipi differenti ta' rollijiet b'malja miftuħa għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi ta' bażi u għalhekk ir-rollijiet b'malja miftuħa miksija bir-reżina tal-fenol ma għandhomx ikunu esklużi. Din il-pretensjoni għalhekk ma ntlaqgħetx.

23. Imsejsa fuq id-dejta miġbura matul l-investigazzjoni u l-evidenza mressqa mill-produttur esportatur imsemmi fil-premessa (10), mill-industrija tal-Unjoni u mill-FEPA fil-kummenti tagħhom dwar l-iżvelar provviżorju, il-pretensjoni biex id-diski tal-fibreglass jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti hija b'dan aċettata. Qed jiġi għalhekk konkluż li d-diski tal-fibreglass bħala prodott fl-istadju aħħari ma jgawdux l-istess karatteristiċi fiżiċi u għandhom użi differenti meta mqabbla mad-drappijiet b'malja miftuħa u għalhekk għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif definit fir-Regolament provviżorju. Id-diski tal-fibreglass huma għalhekk esklużi definittivament mill-proċediment.

24. Il-prodott simili

25. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-prodott simili, il-premessa (17) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

C. DUMPING

26. Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (TES)

27. Kif stipulat fil-premessi (18) sa (32) tar-Regolament provviżorju, ġie propost inizjalment li jingħata TES lil żewġ kumpaniji iżda fi stadju aktar tard tal-proċediment billi ġie deċiż li din il-proposta titreġġa' lura wara allegazzjonijiet ta' investigazzjoni li waslu dwar l-istatus ta' TES tal-kumpaniji kkonċernati li nstabu li kienu korretti.

28. Produttur esportatur wieħed, li għalih ġie applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, irrepeta l-argumenti li tressqu diġà meta ġie mgħarraf li l-Kummissjoni kienet beħsiebha tirrifjuta t-TES. Huwa reġa' sostna li l-Artikoli ta' Assoċjazzjoni u l-Kuntratt Konġunt tal-Proġett li waslu għand il-Kummissjoni kienu verżjoni antika li qatt ma kienu daħlu fis-seħħ u li għalhekk ma kellhom l-ebda impatt fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni tat-TES tal-kumpanija.

29. Kif stipulat fil-premessa (28) tar-Regolament provviżorju, dawn l-argumenti ma setgħux ineħħu d-dubji dwar l-awtentiċità tad-dokumenti inizjali u t-tagħrif ipprovdut mill-produttur esportatur meta ressaq il-formola ta' Talba għal TES.

30. Rigward l-argument li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku huwa sproporzjonat f'dan il-każ, il-Kummissjoni tapplika d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu fuq bażi ta' każ b'każ skont il-meriti ta' kull każ. Fil-proċediment preżenti, l-użu ta' dan l-Artikolu kien qed jitqies bħala xieraq kif diġà indikat fil-premessi (26), (27) u (31) tar-Regolament provviżorju, billi l-forniment tad-dokumenti ffalsifikati titfa' dubji fuq id-dokumenti kollha pprovduti mill-kumpanija.

31. It-tieni produttur esportatur li ġie rrifjutat it-TES iżda li ġie mogħti TI minflok, ma qabilx mar-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni reġġgħet lura d-deċiżjoni tagħha. Huma qiesu li ma kien hemm l-ebda evidenza konvinċenti ġdida li kienet se tnaqqas b'mod sinifikanti s-sejbiet oriġinali biex tiġġustifika t-tħassir tad-deċiżjoni inizjali għall-għoti tat-TES. Sostnew li l-ineżattezzi u l-inkompletezza li nstabu fir-rendikonti finanzjarji tagħhom u li ma kinux rappurtati mill-awditur ma kellhom l-ebda impatt materjali fuq il-kredibbiltà ta' dawn il-kontijiet.

32. Kif stipulat fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju, dawn l-argumenti ma setgħux ineħħu d-dubbji dwar l-eżattezza u l-kompletezza taċ-ċifri preżenti fir-rendikonti finanzjarji.

33. Huma jqisu wkoll li l-eżitu tal-investigazzjoni u r-rata ta' dazju individwali tagħhom hija inġusta u sproporzjonata billi l-kumpanija kkooperat matul il-proċediment u hija soġġetta għall-ogħla rata ta' dazju bħall-kumpaniji li ma kooperawx u l-kumpanija soġġetta għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward qed jiġi nnotat li l-kumpanija hija soġġetta għal dazju li huwa r-riżultat tal-metodoloġija tas-soltu applikata għall-kumpaniji mogħtija t-TI.

34. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar it-TES, il-premessi (18) sa (32) huma b'dan ikkonfermati.

35. L-eżami individwali (EI)

36. Kif stipulat fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju, grupp ta' kumpaniji relatati li mhuwiex fil-kampjun talab eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u wieġeb għall-formola ta' talba għal TES fil-limitu ta' żmien stipulat.

37. Kif imsemmi fil-premessa (5) hawn fuq, twettqet żjara ta' verifika fil-bini tal-grupp ta' kumpaniji relatati u nstab li l-kumpaniji ma ssodisfawx il-kriterji 1, 2, u 3 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

38. Rigward l-ewwel kriterju, iż-żewġ kumpaniji relatati naqqsu milli jipprovdu biżżejjed evidenza li tikkonċerna l-kontribuzzjoni tas-sidien tal-ishma għall-kapital tal-kumpaniji. Is-sidien tal-ishma ħadu f'idejhom il-kumpaniji inizjalment stabbiliti b'fondi tal-Istat mingħajr ma ħallsu l-ebda kontribuzzjoni huma stess. Flimkien ma' dan, kuntrarju għar-rekwiżiti tal-Artikoli ta' Assoċjazzjoni, ma saru l-ebda laqgħat għas-sidien tal-ishma, ma ġew ipprovduti l-ebda minuti ta' dawn il-laqgħat li jnisslu dubji dwar jekk ittieħdux deċiżjonijiet kummerċjali mis-sidien tal-ishma mingħajr indħil mill-Istat. Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, qed jitqies li l-kumpaniji ma setgħux juru li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom ma sarux mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat.

39. Fir-rigward tat-tieni kriterju, l-investigazzjoni wriet li l-kotba tal-kontijiet taż-żewġ kumpaniji relatati ma ġewx verifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontijiet, billi kien fihom għadd ta' nuqqasijiet u żbalji ta' kontabilità bħal taxxi bbukkjati/mħallsa; żbalji kontinwi fuq kontijiet ta' interessi li jridu jitħallsu; instab deprezzament nieqes li ma ssemmiex fir-rapporti ta' verifika.

40. Rigward it-tielet kriterju, kumpanija waħda relatata naqqset milli tipprovdi l-Ftehim dwar id-Dritt għall-Użu tal-Art, ma nstab l-ebda buking fil-kontijiet tagħhom u ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ta' ħlas. It-tieni kumpanija kisbet dritt tal-użu tal-art mill-kumpanija relatata tagħha mingħajr ħlas, li ma kienx jidher fir-rekords tagħha u għalhekk ma kienx imnaqqas.

41. Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, ġie propost li t-TES jiġi rrifjutat lill-grupp ta' kumpaniji li talbu eżami individwali.

42. Il-Kummissjoni żvelat uffiċjalment ir-riżultati tas-sejbiet tat-TES lill-grupp ta' kumpaniji relatati ikkonċernati fir-RPĊ u lill-ilmentaturi. Huma kienu mogħtija opportunità wkoll biex iressqu fehmiethom bil-miktub u biex jitolbu seduta jekk kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn kellhom jinstemgħu. Ma waslu l-ebda kumenti wara l-iżvelar tas-sejbiet tat-TES.

43. Trattament Individwali (TI)

44. Ġie stabbilit b’mod provviżorju li wieħed mill-grupp ta' produtturi esportaturi ta' kumpaniji fil-kampjun fir-RPĊ li ma ngħatawx it-TES, kienu jissodisfa r-rekwiżiti kollha għal TI.

45. Barra dan, kif stipulat fil-premessa (35) tar-Regolament provviżorju, il-produttur esportatur li lilu treġġgħelu lura t-TES, kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex minflok, jingħata TI.

46. L-industrija tal-Unjoni ikkontestat id-deċiżjoni li jingħata TI lill-kumpanija li lilha treġġgħelha lura t-TES, waqt li stqarret li l-kontijiet mhux kompluti u d-diskrepanzi jiddiskreditaw id-dejtaset kollu tal-kumpanija. Madankollu, sar magħruf li l-irregolaritajiet li nstabu fil-kontijiet ma kellhom l-ebda impatt fuq il-kredibbiltà tal-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-kumpanija. Il-pretensjoni tal-industrija tal-Unjoni għalhekk ma ntlaqgħetx.

47. Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni inizjali li tnejn mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għal TI hija għalhekk ikkonfermata. Il-premessi (33) sa' (36) tar-Regolament provviżorju riward it-trattament individwali huma b'dan ikkonfermati.

48. Flimkien ma' dan, il-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati li talbu eżami individwali, talbu wkoll TI, fil-każ li l-investigazzjoni tistabbilixxi li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal TES. Instab li dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex jingħataw TI.

49. L-industrija tal-Unjoni qajmet dubju dwar id-deċiżjoni li jingħata TI lill-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati waqt li stqarret li billi d-dejta tal-kumpaniji nstabet li ma kinetx kredibbli għall-evalwazzjoni tat-TES, din id-dejta ma setgħetx titqies biżżejjed għall-għoti ta' TI. Il-pretensjoi tal-industrija tal-Unjoni ma ntlaqgħetx billi nstab li dawn l-irregolaritajiet identifikati fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-TES ma kellhom l-ebda impatt fuq l-eliġibbiltà għal rata' ta' dazju individwali u għalhekk seta' jingħata TI.

50. Valur normali

(a) L-għażla tal-pajjiż analogu

51. Ma waslu l-ebda kummenti dwar l-għażla tal-pajjiż analogu. Għalhekk, huwa kkonfermat li l-Kanada huwa pajjiż analogu xieraq u raġonevoli skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Il-premessi (39) sa (45) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(b) Id-determinazzjoni tal-valur normali

52. Qed jitfakkar li kien jitqies aktar xieraq li jinbena valur normali biex jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-kwalità bejn il-prodott simili prodott u mibjugħ fil-Kanada u l-prodott mir-RPĊ kkonċernat. Għalhekk inbena valur normali bl-użu tal-kost tal-manifattura tal-produttur Kanadiż flimkien ma' ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta' bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi ("BĠ&A") u għall-profitt fis-suq domestiku.

53. Il-kumpaniji li ngħataw TI ma qablux mal-kalkolu tal-valur normali kostruwit ("VN"), u waħda minnhom qajmet dubju partikolarment dwar jekk dan kienx kostruwit skont it-tip ta' prodott. Ġie kkonfermat li l-VN kien kostruwit skont it-tip ta' prodott fuq il-bażi tad-dejta miksuba mill-produttur uniku tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż analogu. Minħabba l-ħtieġa ta' kunfidenzjalità, il-VN ġie żvelat fil-forma ta' firxa ta' prezzijiet.

54. Tliet partijiet sostnew li l-VN żvelat ma kienx jipprovdi fehma raġjonevoli tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom tfassal il-marġni ta' dumping. Il-kumpaniji kollha talbu aktar dettalji dwar il-kostruzzjoni tal-VN inkluż l-ammont tal-aġġustamenti varji li saru lill-VN biex jitqiesu d-differenzi fil-kwalità. Madankollu, wara li ġie kkunsidrat l-obbligu li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità tad-dejta, tqies li l-kumpaniji ġew ipprovduti bit-tagħrif kollu li seta' jiġi żvelat.

55. Għalhekk din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-premessi (46) sa (49) tar-Regolament provviżorju rigward id-determinazzjoni tal-valur normali huma b'dan ikkonfermati.

(c) Il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-produtturi esportaturi li ngħataw it-TI

56. Waħda mill-kumpaniji li ngħatat it-TI fl-istadju provviżorju, talbet spjega dwar il-kalkolu tal-ipejjeż ta' ppakkjar billi dawn qiesu li d-dejta żvelata dwar l-ippakkjar ma kinetx turi korrelazzjoni konsistenti la mal-volum u lanqas mal-valur tat-trażazzjonijiet. Billi din il-kumpanija ma kinetx talbet għall-ispejjeż ta' ppakkjar fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping, il-kost tal-ippakkjar ġie għalhekk ikkalkolat fuq il-bażi tat-tagħrif miksub miż-żewġ produtturi esportaturi l-oħra fil-kampjun.

57. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa 50 tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

58. Wara żvelar tas-sejbiet definittivi, il-grupp ta' kumpaniji relatati li għandu jingħata TI stqarr li l-ispejjeż ta' kummissjoni ma kellhomx jitqiesu waqt li ġew ikkalkulati l-bosta benefiċċji mnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni. Il-pretensjoni ġiet aċċettata u l-prezz ta' esportazzjoni aġġustat kif xieraq filwaqt li l-marġni ta' dumping tal-grupp ġie revedut b'riżultat ta' dan.

(d) Tqabbil

59. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni fuq il-livell tal-prezz tal-fabbrika, il-premessi (51) u (52) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

60. Marġnijiet ta' dumping

(a) Gћall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ngћataw it-TI

61. Importatur wieħed tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni laqa' tajjeb l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji billi dawn kellhom jirrestawraw il-prezz ta' importazzjoni għal livelli mhux dannużi. Madankollu, huwa qies li differenza ta' aktar minn 10 % bejn id-dazji varji imposti setgħet tfixkel is-suq. Għalhekk, huwa talab li l-miżuri jiġu rreveduti biex il-kumpanija li ngħatat TI soġġett għar-rata ta' dazju individwali aktar baxxa ma tkunx tista' tibbenefika minnu. L-importatur stqarr li r-riskju ta' evażjoni mill-produttur esportatur bir-rata ta' dazju individwali aktar baxxa kien żdied. Madankollu, l-ebda tagħrif ieħor addizzjonali jew evidenza ma ngħataw biex jiġġustifikaw din il-pretensjoni, u għalhekk ma tqisitx.

62. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija | Il-marġni definittiv tad-dumping |

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd | 62,9 % |

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd | 48,4 % |

Yuyao Feitian Fiberglass Co., Ltd | 60,7 % |

(b) Gћall-produtturi esportaturi l-oћra kollha

63. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-marġni tad-dumping, il-premessi (53) sa (57) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

64. Fuq din il-bażi, il-livell ta' dumping mal-pajjiż kollu qed jiġi stabbilit definittivament għal 62,9 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, dazju mhux imħallas, u l-premessa (58) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

D. ĦSARA

65. Il-produzzjoni tal-Unjoni

66. Qed jiġi ċċarat li fil-premessa (59) tar-Regolament provviżorju, it-terminu "industrija tal-Unjoni" jirreferi għall-produtturi kollha tal-Unjoni. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor li jikkonferma l-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessa (60) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

67. Il-konsum tal-Unjoni

68. Kif spjegat fil-premessa (9), il-kodiċijiet tan-NM ex 7019 90 91, ex 7019 90 99 u ex 7019 40 00 għandhom jitneħħew mid-deskriżżjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esklużjoni ta' dawn il-kodiċijiet ma biddlitx is-sejbiet fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, inklużi l-importazzjonijiet, li kienu msejsa fuq ċifri li jinsabu fl-ilment, supplementati b'ċifri verifikati miksuba minn kumpaniji li kkooperaw u miċ-ċifri tal-Eurostat.

69. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi (61) sa (63) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

70. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

71. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar il-volum, il-prezz u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li humma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat, is-sejbiet imniżżla fil-premessi (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

72. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor li jikkonċerna t-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-metodoloġija deskritta fil-premessi (67) u (68) tar-Regolament provviżorju biex jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezzijiet, inkluż il-kwalità, hija kkonfermata. Madankollu, wara l-eżami individwali mogħti wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji lil grupp wieħed ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, it-tqabbil tal-prezz ta’ tipi ta’ prodotti simili reġa’ gie evalwat. Din ir-rivalutazzjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ kienu qegħdin iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 30-35 % matul il-PI.

73. Il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

74. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (69) sa (84) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

75. Il-konklużjoni dwar il-ħsara

76. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-konklużjoni dwar il-ħsara, il-premessi (85) sa (87) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

E. KAWŻALITÀ

77. Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

78. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, il-premessi (89) sa (91) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

79. Effetti ta’ fatturi oħra

80. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar l-effetti ta' fatturi oħra, il-premessi (92) sa (96) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

81. Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

82. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-konklużjoni dwar il-kawżalità, il-premessi (97) sa (99) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

F. L-INTERESS TAL-UNJONI

83. L-interess tal-industrija tal-Unjoni

84. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (101) sa (103) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

85. L-interess tal-importaturi

86. Billi ma kienx hemm kummenti dwar l-interess tal-importaturi, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma tmurx kontra l-interess tal-importaturi.

87. L-interess tal-utenti u tal-konsumaturi

88. Qed jitfakkar li fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni ma waslet l-ebda kooperazzjoni tal-utenti jew tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, assoċjazzjoni waħda tal-utenti ressqet xi kummenti. Madankollu, il-kummenti kienu jindirizzaw biss l-impatt negattiv potenzjali tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq id-diski tal-fibreglass, kemm-il darba dawn ma jiġux esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Kif deskritt fil-premessa (15) qed jitqies li d-diski tal-fibreglass għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Għalhekk, l-impożizzjoni ta' miżuri anti-dumping definittivi mhux se jkollha impatt negattiv fuq l-utenti tad-diski tal-fibreglass.

89. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar l-interess tal-utenti u tal-konsumaturi, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma tmurx kontra l-interess tagħhom.

90. Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

91. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li ma hemm l-ebda raġuni valida kontra l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ.

G. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

92. Il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

93. Barra l-iżvelar provviżorju, produttur esportatur Ċiniż wieħed stqarr li ma kienx ipprovdut b'dejta dettaljata biżżejjed dwar il-kalkoli ta' marġni ta' ħsara tiegħu billi d-dejta dwar il-volumi, il-valuri u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għal kull tip ta' prodott ma kinetx żvelata. Il-kumpanija stqarret li billi l-kampjun kien jikkonsisti minn erba' produtturi tal-Unjoni dan it-tagħrif ma setax jitqies bħala kunfidenzjali. Madankollu, għandu jiġi nnotat li xi tipi ta' prodotti nbigħu fil-PI minn għadd limitat ħafna ta' produtturi tal-Unjoni. Għalhekk kien qed jitqies prudenti li ma jigux żvelati prezzijiet, volumi u valuri ta' dawn it-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, l-iżvelar taċ-ċifri ddettaljati għall kull tip ta' prodott mhuwiex meqjus meħtieġ biex il-partijiet ikunu jistgħu jifhmu biżżejjed il-metodoloġija ta' kalkolu u r-riżultat tal-kalkolu.

94. L-istess produttur esportatur Ċiniż kellu dubji dwar il-profitt fil-mira użat fil-kalkolu tal-marġni ta' ħsara, b'mod partikolari l-fatt li l-profitt fil-mira kien identiku għall-marġni ta' profitt medju ppeżat tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Huwa kellu dubji wkoll dwar l-użu tad-dejta mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fl-istabbiliment tal-profitt fil-mira kuntrarju għal dejta li tirreferi għall-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali. Fl-aħħar, huwa wera dubbji dwar il-livell tal-profitt fil-mira użat meta mqabbel ma' dak użat f'investigazzjoni oħra reċenti li tikkonċerna settur ta' prodott relatat mill-qrib.

95. Kif spjegat fil-premessa (112) tar-Regolament provviżorju il-profitt fil-mira jirrifletti l-profitt medju miksub mill-industrija tal-Unjoni fis-snin 2006-2007 waqt li l-profitt medju ppeżat fil-PI ġie kkalkolat fuq id-dejta tal-erba' kumpaniji fil-kampjun. Barra dan, kif spjegat fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju dan il-profitt ma kkunsidrax l-ispejjeż straordinarji ta' ristruzzjoni li ġew irrappurtati minn xi wħud mill-produtturi fil-kampjun. Huwa għalhekk b'kumbinazzjoni li dawn iż-żewġ ċifri ta' profitt huma identiċi.

96. Rigward il-kwistjoni ta' liema dejta għandha tintuża biex jiġi ddeterminat il-profitt fil-mira, wieħed għandu jinnota li meta jittieħdu l-kampjuni, il-livell ta' profitt huwa wieħed mill-indikaturi mikro tal-analiżi tal-ħsara. Konsegwentement, iċ-ċifra stabbilita għall-kampjun titqies bħala rappreżentattiva għall-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali. F'investigazzjoni fejn jittieħdu l-kampjuni, il-profitt fil-mira użat għall-kalkolu tal-marġni ta' ħsara huwa dejjem imsejjes fuq dejta miġbura minn kumpaniji fil-kampjun.

97. Fl-aħħar, rigward ir-referenza li saret għall-profitt ta' mira użat f'investigazzjoni oħra ta' anti-dumping, għandu jkun enfasizzat li s-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' kull investigazzjoni huma msejsa fuq id-dejta miġbura mill-kumpaniji ta' kull investigazzjoni li jkunu kkooperaw, għal deskrizzjoni speċifika ta' prodott u għal perjodu ta' żmien. Għalhekk huwa impossibbli li wieħed jorbot b'mod dirett is-sejbiet ta' dawn iż-żewġ investigazzjonijiet separati ma' żewġ PI differenti.

98. Rigward il-livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara, minħabba fil-korrezzjoni ta' żball tal-pinna fil-kalkolu tal-marġni ta' ħsara provviżorju li jikkonċerna produttur esportatur wieħed, il-marġni tiegħu ġie aġġustat aktar 'il fuq. Dan il-fatt madankollu ma jaffettwax il-livell ta' dazju anti-dumping ta' din il-kumpanija billi d-dazju huwa msejjes fuq il-marġni ta' dumping.

99. Għandha wkoll tinġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li minħabba li ngħata TI lil grupp ieħor ta' produtturi esportaturi Ċiniżi kif spjegat fil-premessa (32), ġie kkalkolat marġni ta' ħsara individwali għalihom.

100. B'konsegwenza tar-reviżjonijiet imsemmija fil-premessa (71) ġie rrevedut il-marġni ta' ħsara medju ppeżat għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun kif ukoll il-marġni residwali ta' ħsara għall-produtturi li ma kkooperawx.

101. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' ħsara definittiva espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija | Il-marġni ta’ ħsara definittiv |

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd | 69,1 % |

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd | 77,4 % |

Yuayo Feitian Fiberglass Co., Ltd | 87,6 % |

Il-medja ppeżata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun | 72,1 % |

Il-marġni residwali għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx u għal Ningbo Weishan Duo Bao Building Materials Co., Ltd. | 87,6 % |

102. Miżuri definittivi

103. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jitqies li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri ta' anti-dumping definittivi fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell aktar baxx tal-marġnijiet ta' dumping u ta' ħsara, skont ir-regola dwar id-dazju iżjed baxx. B’konformità ma’ dan, ir-rati kollha tad-dazju għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu.

104. Id-dazji tal-anti-dumping proposti huma dawn li ġejjin:

Kumpanija | Marġni tal-eliminazzjoni tal-ħsara | Marġni ta’ dumping | Rata tad-dazju tal-anti-dumping |

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd | 69,1 % | 62,9 % | 62,9 % |

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd | 77,4 % | 48,4 % | 48,4 % |

Yuayo Feitian Fiberglass Co., Ltd | 87,6 % | 60,7 % | 60,7 % |

Il-medja ppeżata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun | 72,1 % | 57,7 % | 57,7 % |

Il-marġni residwali għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx u għal Ningbo Weishan Duo Bao Building Materials Co., Ltd | 87,6 % | 62,9 % | 62,9 % |

105. Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta’ kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu kif kienet il-qagħda matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (għall-kuntrarju tad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-"kumpaniji l-oħrajn kollha") huma għalhekk applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jiġu prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti impurtati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b’isimha u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-"kumpaniji l-oħrajn kollha".

106. Kwalunkwe talba għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju ta’ anti-dumping għal kumpanija individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta' bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni[3] minnufih flimkien mat-tagħrif rilevanti kollu, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u b’esportazzjoni assoċjat ma’, pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni u ta' bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

107. Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping definittivi. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar finali. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet kienu kkunsidrati sew, u, fejn kien xieraq, is-sejbiet kienu modifikati skont dan.

108. Il-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati li talbu eżami individwali u li ngħata TI esprima l-intenzjoni tiegħu li joffri garanzija. Madankollu, il-grupp ma bagħat l-ebda offerta għal garanzija fil-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku u għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat.

109. Sabiex jiġi żgurat l-istess trattament bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-dazju medju ppeżat impost fuq dawn il-kumpaniji tal-aħħar għandu jiġi previst sabiex jiġi applikat għal kwalunkwe esportatur ġdid li nkella jkollu dritt għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku billi dan l-artikolu ma japplikax fejn ikun sar it-teħid tal-kampjuni.

110. Il-ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji

111. Fid-dawl tal-kobor tal-marġnijiet tad-dumping misjuba u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, huwa kkunsidrat neċessarju li l-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju tal-anti-dumping, imposti bir-Regolament provviżorju, jinġabru b’mod definittiv sakemm jintlaħaq l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Peress li d-diski tal-fibreglass issa huma esklużi mill-ambitu tal-prodott (ara l-premessa 14), l-ammonti garantitit b’mod provviżorju fuq importazzjonijiet tal-fibreglass għandhom jiġu rilaxxati. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti garantiti b’mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

112. B'dan, qed jiġi impost dazju ta' anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tad-drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta' daqs ta' ċellola ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibreglass, li bħalissa jinsabu fil-kodiċijiet tan-NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet tat-TARIC 7019 51 00 10 u 7019 59 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

113. Ir-rata tad-dazju ta' anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija | Dazju (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd | 62,9 | B006 |

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd | 48,4 | B007 |

Yuyao Feitian Fiberglass Co., Ltd | 60,7 | B122 |

Kumpaniji elenkati fl-Anness I | 57,7 | B008 |

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha | 62,9 | B999 |

114. L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Jekk l-ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

115. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

116. L-ammonti garantiti bħala dazju ta' anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 fuq l-importazzjoni ta' diski tal-fibreglass li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jiġu rilaxxati.

117. L-ammonti garantiti bħala dazju ta' anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 fuq l-importazzjoni ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru definittivament sakemm dan jikkonċerna prodotti li attwalment jinsabu fil-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00. L-ammonti garantiti b'eċċess tar-rati ta' dazju anti-dumping definittivi għandhom jiġu rilaxxati, inklużi l-ammonti li kienu jkunu garantiti għal prodotti li attwalment jinsabu fil-kodiċijiet NM ex 7019 40 00, ex 7019 90 91 u ex 7019 90 99.

Artikolu 3

Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li:

- ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta' investigazzjoni (mill-1 ta’ April 2009 sat-30 ta’ Marzu 2010),

- ma jkun relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament,

- li effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi dwar proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li jkun ikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja ppeżata ta’ 57,7 %.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

ANNESS I

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, mhux inklużi fil-kampjun (il-kodiċi addizzjonali TARIC B008) |

Jiangxi Dahua Fiberglass Group Co., Ltd |

Lanxi Jialu Fiberglass Net Industry Co., Ltd |

Cixi Oulong Fiberglass Co., Ltd |

Jiangsu Tianyu Fibre Co., Ltd |

Jia Xin Jinwei Fiber Glass Products Co., Ltd |

Jiangsu Jiuding New Material Co., Ltd |

Changshu Jiangnan Glass Fiber Co., Ltd. |

Shandong Shenghao Fiber Glass Co., Ltd |

Yuyao Yuanda Fiberglass Mesh Co., Ltd |

Ningbo Kingsun Imp & Exp Co., Ltd |

Ningbo Integrated Plasticizing Co., Ltd |

Nankang Luobian Glass Fibre Co., Ltd |

Changshu Dongyu Insulated Compound Materials Co., Ltd |

ANNESS II

Fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3), għandu jkun hemm dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

1. L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.

2. Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taћt iffirmat, niċċertifika li (l-volum) ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li nbiegћ gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea u li huwa kopert b’din il-fattura ġie manifatturat minn (l-isem u s-sede reġistrata tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma"

[1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2] ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9.

[3] European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office N105 04/090, 1049 Brussels, Belgium.

Top