This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0295
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the issuance of euro coins
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro
/* KUMM/2011/0295 finali - COD 2011/0131 */
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro /* KUMM/2011/0295 finali - COD 2011/0131 */
2011/0131 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133
tiegħu, Wara li
kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li
kkunsidraw l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li
jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi: (1)
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill
tat-23 ta' Novembru 1998 u
tal-5 ta' Novembru 2002 dwar il-muniti tal-euro maħsuba
għall-kollezzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2009/23/KE
tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni
għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro
maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni[1], approvata
mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2009, u
r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2010/191/UE
tat-22 ta' Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta
legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro[2], jipprovdu
għal prattiki rakkomandati fir-rigward tal-muniti tal-euro
għall-kollezzjoni, inkluż il-muniti kommemorattivi
fiċ-ċirkolazzjoni u l-konsultazzjoni qabel ma jinqerdu l-muniti
tal-euro li huma tajbin għaċ-ċirkolazzjoni. (2)
In-nuqqas tad-dispożizzjonijiet mandatorji
għall-ħruġ tal-muniti tal-euro jista' jirriżulta fi
prattiki differenti fost l-Istati Membri u ma jwassalx għal qafas integrat
biżżejjed għall-munita waħdanija. Fl-interess tat-trasparenza
u ċ-ċertezza legali, hu għalhekk neċessarju li jiġu
introdotti regoli obbligatorji għall-ħruġ tal-muniti tal-euro. (3)
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni
tal-euro[3], il-muniti denominati
fl-euro u ċ-ċenteżmi u li jikkonformaw mad-denominazzjonijiet u
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati mill-Kunsill għandhom
l-istatus ta' munita legali fl-Istati Membri parteċipanti kollha kif
definit f'dak ir-Regolament. Id-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet
tekniċi tagħhom huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u
speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba
għaċ-ċirkolazzjoni[4]. (4)
Barra l-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni
regolari, l-Istati Membri jistgħu joħorġu wkoll muniti tal-euro
kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni sabiex jiċċelebraw
avvenimenti speċifiċi skont il-limiti ffissati kull sena u li jkunu
applikabbli għall-Istati Membri li joħorġu l-muniti
għall-għadd ta' muniti li jinħarġu minnhom. Huwa
neċessarju li jiġu stabbiliti ċerti limiti fuq il-volumi
għall-muniti kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni biex ikun
żgurat li dawn il-muniti jibqgħu perċentwal żgħir mill-għadd
totali tal-muniti taż-żewġ euro fiċ-ċirkolazzjoni.
Fl-istess ħin, dawn il-limiti fuq il-volumi għandhom jippermettu
l-ħruġ ta’ volum ta’ muniti biżżejjed li jiżgura li
l-muniti kommemorattivi jistgħu jiċċirkolaw b’mod effettiv. (5)
L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu
joħorġu muniti tal-euro għall-kolletturi, li ma jkunux
maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u li għandhom ikunu
jistgħu jintgħarfu mingħajr diffikultà mill-muniti tal-euro
fiċ-ċirkolazzjoni. Il-muniti tal-euro għall-kolletturi
għandu jkollhom status legali biss fl-Istat Membru li joħroġhom
u ma għandhomx jinħarġu bil-ħsieb li jidħlu
fiċ-ċirkolazzjoni. (6)
Sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tfixkil
bejn il-muniti tal-euro għall-kolletturi u l-muniti tal-euro
fiċ-ċirkolazzjoni, dawn tal-aħħar għandhom
jintgħarfu mingħajr diffikultà. Barra minn hekk, hu xieraq li
l-ħruġ tal-muniti tal-euro għall-kolletturi jitqiesu fil-volum
ta' muniti li jiġu approvati mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),
imma dan għandu jsir għall-muniti kollha f'daqqa milli għal kull
ħarġa individwali. (7)
Hu xieraq u skont il-prattika komuni fost l-Istati
Membri parteċipanti li l-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni,
inkluż il-muniti tal-euro kommemorattivi fiċ-ċirkolazzjoni,
għandhom jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni fil-valur nominali
tagħhom, għalkemm proporzjon żgħir tagħhom jista'
jinbiegħ għal prezz ogħla jekk ikunu ta' kwalità speċjali
jew preżentati f'pakkett speċjali. (8)
Sabiex ikun evitat li l-muniti tal-euro li huma
tajbin għaċ-ċirkolazzjoni jinqerdu minn Stat Membru wieħed
filwaqt li jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' dawn il-muniti fi Stat
Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel
jinqerdu dawn il-muniti. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Suġġett Dan ir-Regolament jistipula regoli dwar
il-ħruġ tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni,
inkluż il-muniti kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni, dwar
il-ħruġ tal-muniti tal-euro għall-kolletturi, u dwar
il-konsultazzjoni qabel il-qerda tal-muniti tal-euro li huma tajbin
għaċ-ċirkolazzjoni. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament,
id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: 1. "Muniti tal-euro
għaċ-ċirkolazzjoni" tfisser muniti tal-euro maħsuba
għaċ-ċirkolazzjoni, li d-denominazzjonijiet u
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom huma stipulati
fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98
tat-3 ta' Mejju 1998. 2. "Muniti tal-euro kommemorattivi
fiċ-ċirkolazzjoni" tfisser muniti tal-euro
fiċ-ċirkolazzkoni, li huma maħsuba biex jikkommemoraw avveniment
speċjali, kif speċifikat fl-Artikolu 1f tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 975/98. 3. "Muniti tal-euro għall-kolletturi"
tfisser muniti tal-euro maħsuba għall-kollezzjoni li mhumiex
maħsuba li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni. Artikolu 3 Tip
ta' muniti tal-euro L-Istati Membri
jistgħu joħorġu żewġ tipi ta' muniti tal-euro: muniti
tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni, li jinkludu muniti tal-euro
kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni, u muniti tal-euro
għall-kolletturi. Artikolu 4 Ħruġ
tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni 1.
Iċ-ċirkolazzjoni tal-muniti tal-euro għandhom jinħarġu
fil-valur nominali tagħhom. 2. B'deroga
mill-paragrafu 1, jista' jinħareġ proporzjon żgħir, li
ma jaqbiżx il-5% tal-valur totali u tal-volum tal-muniti tal-euro
maħruġa, b'valur nominali ogħla jekk ikun ġustifikat li
jkunu ta' kwalità speċjali jew li jkunu preżentati f'pakkett
speċjali. Artikolu 5 Ħruġ
tal-muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni 1. Kull Stat Membru parteċipanti jista'
joħroġ biss munita tal-euro kommemorattiva
għaċ-ċirkolazzjoni kull sena, minbarra fil-każijiet li
fihom: (a) il-muniti kommemorattivi tal-euro
għaċ-ċirkolazzjoni jinħarġu b'mod kollettiv
mill-Istati Membri parteċipanti kollha; (b) il-munita kommemorattiva possibbli
tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni tinħareġ fil-każ ta'
post temporanju vakanti jew ta' kariga provviżorja tal-funzjoni ta' Kap
tal-Istat. 2. L-għadd totali ta’ muniti fiċ-ċirkolazzjoni
għal kull ħarġa individwali ma għandux jaqbeż
l-ogħla limitu mit-tnejn li ġejjin: a) 0,1 % tal-għadd totali tal-muniti
taż-żewġ euro mdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni
mill-Istati Membri parteċipanti kollha sal-bidu tas-sena qabel is-sena ta’
ħruġ tal-munita kommemorattiva; dan il-limitu jista' jogħla
għal 2,0 % taċ-ċirkolazzjoni totali tal-muniti
taż-żewġ euro tal-Istati Membri parteċipanti kollha jekk
ikun ġie kkommemorat suġġett magħruf u ta’ ċertu
simbolu sinifikanti. F’każ bħal dan, l-Istat Membru li
joħroġ għandu joqgħod lura milli jniedi ħarġa
oħra ta’ munita kommemorattiva għaċ-ċirkolazzjoni li
tuża l-limitu miżjud matul l-erba’ snin sussegwenti u għandu
jagħti r-raġuni għalfejn għażel il-limitu miżjud. b) 5,0 % tal-għadd totali tal-muniti taż-żewġ
euro maħruġa għaċ-ċirkolazzjoni mill-Istat Membru ta'
ħruġ ikkonċernat sal-bidu tas-sena qabel is-sena ta'
ħruġ tal-munita kommemorattiva. 3. Il-ħruġ tal-muniti tal-euro
kommemorattiva għaċ-ċirkolazzjoni maħruġa b'mod
kollettiv mill-Istati Membri parteċipanti kollha għandu jiġi
approvat mill-Grupp tal-Euro. Artikolu 6 Ħruġ
tal-muniti tal-euro għall-kolletturi 1. Il-muniti tal-euro
għall-kolletturi għandu jkollhom status legali biss fl-Istat Membru
li joħroġhom. L-identità tal-Istat
Membru li joħroġhom għandha tkun ċara u li tingħaraf
faċilment fuq il-munita. 2. Sabiex tkun
differenzjata faċilment mill-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni,
il-muniti tal-euro għall-kollezzjoni għandhom jissodisfaw il-kriterji
li ġejjin: a) il-valur nominali
tagħhom għandu jkun differenti mill-valuri nominali tal-muniti
tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni; b) ma għandhomx
jużaw immaġni li jkunu simili għan-naħat komuni tal-muniti
tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jew għal xi naħa nazzjonali
tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. c) il-lewn,
id-dijametru u l-piż tagħhom għandhom ivarjaw b'mod sinifikanti
mill-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni mill-anqas f'żewġ
karatterstiċi minn dawn; id-differenza għandha titqies bħala
sinifikanti jekk il-valuri li jinkludu t-tolleranzi jkunu lil hinn mill-firxiet
ta' tolleranzi għall-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni; d) it-tarf
tagħhom ma għandux ikollu forma ta' arzell jew forma ta' 'fjura
Spanjola'; 3. Il-muniti tal-euro
għall-kolletturi jistgħu jinħarġu fil-valur nominali
tagħhom jew f'valur ogħla. 4. Il-ħarġiet tal-muniti tal-euro għall-kolletturi
għandhom jitqiesu għall-muniti kollha f'daqqa fil-volum
tal-ħruġ tal-muniti li għandu jiġi approvat mill-BĊE. 5.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex
jevitaw l-użu tal-muniti tal-euro għall-kolletturi bħala mezz
ta' ħlas, pereżempju billi joħorġuhom f'pakkett
speċjali, b'ċertifikat ta' awtentikazzjoni, jew joħorġu
avviż minn qabel mill-awtorità tal-ħruġ jew il-muniti jinħarġu
b'valur li jkun ogħla mill-valur nominali. Artikolu 7 Konsultazzjoni qabel il-qerda tal-muniti tal-euro
fiċ-ċirkolazzjoni Qabel jinqerdu l-muniti tal-euro
fiċ-ċirkolazzjoni li ma jkunux muniti tal-euro tajbin
għaċ-ċirkolazzjoni skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament
(UE) Nru 1210/2010[5], l-Istati Membri
għandhom jikkonsultaw lil xulxin permezz ta' sottokumitat rilevanti
tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u jinformaw lid-Diretturi taz-zekek
tal-Istati Membri parteċipanti kif imfisser fir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 974/98[6]. Artikolu 8 Dħul
fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skont
it-Trattati. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52. [2] ĠU L 83, 30.3.2010, p. 70. [3] ĠU L 139, 11.5.1998,
p. 1. [4] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6. [5] ĠU L 339, 22.12.2010, p.1. [6] ĠU L 139, 11.5.1998,
p. 1.