Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0276

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili

/* KUMM/2011/0276 finali */

52011PC0276

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili /* KUMM/2011/0276 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Dil-proposta hija parti minn pakkett leġiżlattiv li għandu l-għan li jsaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi fl-UE u li jinkludi wkoll l-elementi l-oħrajn li ġejjin: komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE u direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ kriminalità. Din il-proposta, li tindirizza l-ordnijiet ta’ protezzjoni li jiġu adottati fi kwistjonijiet ċivili, għandha l-għan li tikkomplementa l-inizjattiva tal-Istati Membri ta’ Settembru tal-2009 għal Direttiva dwar Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni[1], li se tiżgura li jkun hemm rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni adottati fi kwistjonijiet kriminali.

L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li jkollha bħala l-pedament tagħha l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta’ deċiżjonijiet oħrajn tal-awtoritajiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni.

Il-Programm ta' Stokkolma (2010-2014)[2] u l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni biex timplimentah jirrikonoxxu l-ħtieġa għal aktar azzjoni biex il-ħtiġijiet tal-vitmmi ta’ kriminalità jitpoġġew fil-qalba tas-sistemi tal-ġustizzja tagħna. Huma jagħtu lill-vittmi post ’il fuq fl-aġenda tal-UE u jistabbilixxu deċiżivament il-bżonn u l-intenzjoni li jinħoloq approċċ integrat u koordinat fil-konfront tal-vittmi, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI ta' Ottubru 2009[3].

L-Unjoni Ewropea diġà ħadet azzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali permezz tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali. Għalkemm sar xi titjib fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi, l-għanijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill għadhom ma twettqux kompletament.

Il-Parlament Ewropew appella wkoll lill-Kunsill biex jadotta qafas legali sħiħ li joffri lill-vittmi ta’ kriminalità l-aktar protezzjoni wiesgħa[4]. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009[5] dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-Parlament Ewropew jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom biex jiġġieldu kull forma ta’ vjolenza kontra n-nsa u biex jieħdu azzjoni sabiex jindirizzaw il-kawżi tal-vjolenza kontra n-nisa, mhux l-anqas billi jadottaw miżuri preventivi, u jappella lill-Unjoni biex tiggarantixxi d-dritt ta’ assistenza, protezzjoni u appoġġ għall-vittmi kollha tal-vjolenza.

F’żona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-vittmi tal-vjolenza (pereżempju, il-vjolenza domestika) jew il-persuni li hemm riskji għall-integrità fiżika u/jew psikoloġika jew għal-libertà tagħhom u li jgawdu minn miżura ta' protezzjoni li tkun ittieħdet fi Stat Membru, għandhom igawdu mill-istess livell ta' protezzjoni fi Stati Membri oħrajn jekk jiċċaqilqu jew jivvjaġġaw, mingħajr ma jkollhom jgħaddu minn proċeduri għaljin jew li jieħdu ħafna ħin. Azzjoni bħal din hija wkoll risposta għall-appell tal-Kummissjoni biex ikomplu jitneħħew l-ostakoli għad-drittijiet tal-vittmi li ġew esposti fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tas-27 ta’ Ottubru 2010[6].

F’Settembru tal-2009, 12-il Stat Membru ressqu proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni[7]. Matul in-negozjati deher li l-mekkaniżmi użati f’dan l-istrument, li kien ibbażat fuq l-Artikolu 82 TFUE li jittratta dwar ir-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali, ma humiex kompatibbli mal-istandard ambizzjuż tar-rikonoxximent reċiproku li diġà intlaħaq fi kwistjonijiet ċivili koperti mill-Artikolu 81 TFUE. Din il-proposta għaldaqstant għandha l-għan li twassal għal strument legali dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni li jittieħdu fi kwistjonijiet kriminali biex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ protezzjoni kollha li jittieħdu fi Stat Membru jgawdu minn mekkaniżmu effiċjenti biex jiġi żgurat li dawn jiċċirkolaw liberament fl-UE kollha.

2. KONSULTAZZJONI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Il-ħtieġa li din il-proposta tapplika esklussivament għal ordnijiet ta’ protezzjoni li jittieħdu fi proċedimenti kriminali dehret matul in-negozjati dwar l-inizjattiva tal-Istati Membri għal Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni, li kienet akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt. Il-Kummissjoni nediet konsultazzjonijiet addizzjonali mal-Istati Membri, ma' istituzzjonijiet oħrajn u ma' esperti minn sfondi differenti sabiex tikkonsulta b'mod aktar speċifiku dwar il-ħtieġa għall-proposta u l-modalitajiet tagħha.

Il-Kummissjoni l-ewwel ospitat laqgħa tal-esperti fil-25 ta’ Mejju 2010 li kkonfermat li bosta Stati Membri stabbilixxew miżuri ta’ protezzjoni li jaqgħu taħt id-dritt ċivili u li r-rikonoxximent reċiproku tagħhom għandu jsegwi l-istandards komuni użati fi kwistjonijiet ċivili pjuttost mill-proċeduri aktar onerużi li huma l-istandard komuni fi kwistjonijiet kriminali.

Il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat studju estern biex jgħinha fil-valutazzjoni tal-impatt billi jidentifika l-bżonnijiet tal-vittmi ta’ kriminalità, liema miżuri jistgħu jiġu stabbiliti biex dawn il-bżonnijiet jiġu sodisfatti u biex jeżamina l-impatt ta' kwalunkwe alternattiva possibbli[8]. Bħala parti mill-proċess ta’ tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika mill-15 ta’ Lulju 2010 sat-30 ta’ Settembru 2010, li kienet miftuħa għall-membri kollha tal-pubbliku kif ukoll għal organizzazzjonijiet mhux governattivi u governattivi, li fiha hija talbet l-opinjonijiet tagħhom dwar liema azzjoni għandha tittieħed mill-UE biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-vittmi ta’ kriminalità, inkluż fil-qasam tal-ordnijiet ta’ protezzjoni.

Ġie kkummissjonat studju ulterjuri biex jiġu ezaminati l-alternattivi dwar l-għan speċifiku li jiġi żgurat li l-protezzjoni li tinkiseb permezz ta' ordni ta' protezzjoni ma tintilifx meta l-persuna protetta tivvjaġġa jew tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor[9].

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 81 (2) (a), (e) u (f) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 81, l-Unjoni għandha tiżviluppa koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u ta' deċiżjonijiet f'każijiet extraġudizzjarji. Din il-koperazzjoni tista' tinkludi l-adozzjoni ta' miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri.

Għal dawn l-iskopijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri, b’mod partikolari fejn ikun neċessarju għat-tħaddim xieraq tas-suq intern, bl-għan li jiżguraw, fost affarijiet oħrajn, ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni fost l-Istati Membri ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet f’każijiet extraġudizzjarji.

3.2. Sommarju tar-regolament propost

Biex jitħarsu l-vittmi tal-vjolenza, b’mod partikolari l-vjolenza domestika, l-insegwiment malizzjuż (stalking) jew il-vjolenza kontra t-tfal, il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà li jiġu adottati miżuri temporanji u ta' prevenzjoni bl-iskop li tiġi protetta persuna meta jkun hemm riskju serju għall-integrità fiżika u/jew psikoloġika jew għal-libertà tagħha. Il-miżuri ta’ protezzjoni jinħarġu minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità oħra fuq it-talba tal-persuna li tkun f’riskju. Bosta minnhom jiġu ddekretati mingħajr ma l-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju tiġi mħarrka sabiex tidher, b’mod partikolari f’każijiet ta’ urġenza (proċeduri “ex parte”). Il-miżuri ta' protezzjoni jikkonsistu, pereżempju, fl-obbligu li l-persuna li tagħti lok għar-riskju dejjem iżżomm ċertu distanza 'l bogħod mill-persuna protetta jew l-obbligu li ma żżurx ċerti lokalitajiet fejn il-persuna protetta tirrisjedi jew li din iżżur. Aspett partikolari ta’ bosta miżuri ta’ protezzjoni huwa li l-awtoritajiet pubbliċi ma jintervjenux attivament biex jiżguraw li dawn jiġu eżegwiti: fil-każ li l-persuna li tagħti lok għar-riskju ma tirrispettax l-obbligu tagħha, din hija suġġetta direttament għal sanzjoni, ta’ spiss sanzjoni kriminali.

Minħabba ż-żieda fil-moviment liberu, aktar nies qed jiċċaqilqu jew jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom. Konsegwentement, huwa ferm importanti li jiġi żgurat li protezzjoni temporanja bħal din ipprovduta fi Stat Membru wieħed, tinżamm meta persuna tivvjaġġa jew tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkollha tgħaddi minn proċeduri li jieħdu ħafna ħin. Il-koperazzjoni ġudizzjarja ċivili żviluppat fil-kuntest tal-ħolqien ta’ suq intern fl-Ewropa bbażat fuq il-premessa ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. Dan ir-rikonoxximent reċiproku ġie gradwalment mtejjeb billi fl-Unjoni tnaqqsu l-kontrolli fir-rigward ta' deċiżjonijiet barranin. Din il-proposta tipprevedi mekkaniżmu ħafif u effiċjenti biex jiġi żgurat li l-Istat Membru li jilqa’ l-persuna li tkun f'riskju, jirrikonoxxi l-miżura ta' protezzjoni maħruġa mill-ewwel Stat Membru mingħajr formalitajiet intermedji. Għal dak li jirrigwarda strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet ċivili, dil-proposta tintroduċi ċertifikat standardizzat li fih l-informazzjoni kollha relevanti għar-rikonoxximent, u fejn ikun applikabbli, għall-eżekuzzjoni. B'hekk se jinħareġ ċertifikat mill-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru, jew ex officio jew fuq it-talba tal-persuna protetta, li mbagħad tikkuntattja l-awtoritajiet kompetenti fit-tieni Stat Membru u tipprovdilhom iċ-ċertifikat. L-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru jinnotifikaw lill-persuna li tagħti lok għar-riskju bl-estensjoni ġeografika tal-miżura ta' protezzjoni barranija, bis-sanzjonijiet applikabbli jekk din ma tiġix rispettata u, fejn ikun applikabbli, għandhom jiżguraw li tali miżura tiġi eżegwita.

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmu ħafif, irħis u effiċjenti għaċ-ċirkolazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni fl-Unjoni Ewropea, ġie segwit ir-raġunament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (“Brussell II-bis”)[10] u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 41 u 42 tiegħu. Il-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (‘Brussell I’)[11] kienet ukoll ta’ ispirazzjoni. Il-proposta tipprovdi għall-abolizzjoni ta’ proċeduri intermedji u ma ġew proposti ebda raġunijiet għal rifjut, ħlief jekk tkun teżisti deċiżjoni irrikonċiljabbli fl-Istat Membru ta’ rikonoxximent.

Ir-rikonoxximent awtomatiku japplika wkoll meta l-Istat Membru li jirrikonoxxi u/jew li jeżegwixxi ma jkollux miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili. Dan hu tabilħaqq prinċipju fundamentali tar-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet ċivili:il-fatt li l-Istat Membru fejn ikunu qed jintalbu r-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni ma jkunx jipprevedi miżura fil-liġi interna tiegħu, ma jistax ikollu effett fuq l-obbligu tiegħu li jirrikonoxxi u, metajkun applikabbli, jeżegwixxi l-miżura meħuda minn Stat Membru ieħor. In-natura tal-awtorità li tkun adottat il-miżuri ta’ protezzjoni (qorti ċivili, sindku, qorti kriminali) mhijiex determinanti f’dan ir-rigward.

L-abolizzjoni tal-proċeduri intermedji se tkun akkumpanjata minn salvagwardji tad-drittijiet fundamentali:

– L-awtorità tal-ewwel Stat Membru li tintalab toħroġ iċ-ċertifikat ikollha tivverifika li d-dritt għal proċess ġust, b’mod partikolari id-dritt għal difiża, tal-persuna li tagħti lok għar-riskju jkun ġie rispettat. Fil-każ li drittijiet bħal dawn ma jkunux ġew garantiti, iċ-ċertifikat ma jistax jinħareġ.

– Fil-każ li l-irtirar tal-miżura ta’ protezzjoni jiġi sospiż mill-ewwel Stat Membru, l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru għandha, fuq it-talba tal-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju, tissospendi jew tirtira r-rikonixximent u, fejn il-miżura tkun ġiet applikata, tissospendi l-eżekuzzjoni, tagħha.

– L-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati Membri jridu jinnotifikaw il-persuna li tagħti lok għar-riskju u l-persuna protetta b’kull informazzjoni relatata mal-ħruġ, ir-rikonoxximent, il-possibilità ta’ eżekuzzjoni u sanzjonijiet, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-miżura ta’ protezzjoni.

Dawn is-salvagwardji kollha jiżguraw li d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiġu ggarantiti, filwaqt li jiġu ffrankati l-ħin u l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-exequatur.

Din il-proposta ma tindirizzax is-sanzjonijiet kriminali stabbiliti mill-Istati Membri fil-każ li l-miżura ta’ protezzjoni ma tiġix irrispettata. Din il-kwistjoni se tkompli tiġi indirizzata mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

3.3. Analiżi tal-aktar Artikoli importanti

Din il-proposta hija strument ta’ rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet ċivili u, bħala tali, hija ssegwi r-raġunament tal-istrumenti eżistenti tal-UE dwar il-koperazzjoni ġudizzjaja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u hija estensivament ispirata minnhom. Bosta artikoli huma simili jew ekwivalenti għall-artikoli korrispondenti tal-leġiżlazzjoni msemmija.

Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni

Xi miżuri ta' protezzjoni diġà huma koperti mir-Regolamenti Brussell I[12] u Brussell II-bis u għaldaqstant huwa importanti li r-relazzjoni ta’ din il-proposta ma’ dawn ir-regolamenti tiġi ċċarata.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċjali dwar miżuri ta’ protezzjoni. Fuq il-bażi ta’ prinċipju ġenerali tal-liġi, huwa għandu għaldaqstant jipprevali fuq ir-regoli ġenerali stabbiliti minn Brussell I.

Is-sitwazzjoni hija differenti f’dak li għandu x’jaqsam mar-Regolament Brussell II-bis, li għandu l-għan li jiċċentralizza l-proċedimenti kollha relatati ma’ divorzju jew separazzjoni legali partikolari. Din il-proposta ma għandhiex tipperikola r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent tas-sentenzi li jinsabu f'dak l-istrument speċifiku billi toffri l-possibbiltà li tittieħed il-ġuriżdizzjoni minn Stat Membru ieħor f’dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri ta' protezzjoni li jkunu ttieħdu fil-kuntest ta' proċedimenti li jkunu għadhom għaddejjin. Għal dawn ir-raġunijiet, il-miżuri kollha ta’ protezzjoni li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament Brussell II-bis għandhom jiġu rregolati b’dan l-istrument. Madankollu, il-miżuri ta’ protezzjoni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell II-bis, eż. il-miżuri ta’ protezzjoni li jikkonċernaw koppja li ma tkunx iżżewġet, sħab tal-istess sess jew ġirien għandhom ikunu koperti minn din il-proposta.

Artikolu 2 - Definizzjonijiet

Miżuri ta’ protezzjoni – Id-definizzjoni tat-terminu “miżura ta’ protezzjoni” tenfasizza n-natura preventiva u temporanja ta’ dawn il-miżuri, li jiġu adottati fi Stat Membru bl-iskop li titħares persuna fil-każ li jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li hemm riskju għall-integrità fiżika u/jew psikoloġika tagħha jew għal-libertà tal-persuna. “Miżura ta’ protezzjoni” tista’ tiġi adottata fi proċedimenti ex parte (mingħajr ma l-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju ma tiġi mħarrka sabiex tidher) jew fi proċedimenti li jiġu notifikati liż-żewġ partijiet.

Awtorità – Id-definizzjoni tat-terminu “awtorità” hija wiesgħa sabiex tinkludi kull awtorità nnominata minn Stat Membru bħala awtorità b'kompetenza fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, it-terminu jinkludi mhux biss qrati u tribunali iżda wkoll awtoritajiet amministrattivi u awtoritajiet oħrajn li, skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, għandhom il-kompetenza fil-każ ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3 - Ġuriżdizzjoni

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna. Għaldaqstant huma bbażati fuq il-prinċipju li l-ġuriżdizzjoni hija tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn hemm riskju għall-integrità fiżika u/jew psikoloġika tal-persuna u fejn il-persuna tkun teħtieġ protezzjoni. Għalkemm dan ġeneralment jikkorrispondi mar-residenza abitwali tal-persuna li tkun teħtieġ protezzjoni, dan jista’ ma jkunx il-każ, ngħidu aħna meta l-persuna tmur toqgħod barra għal perjodu determinat u relattivament qasir, pereżempju, għal raġunijiet ta' studju.

Artikolu 4 - Rikonoxximent

Dan l-Artikolu huwa ispirat minn strumenti oħra ta' rikonoxximent reċiproku tad-dritt ċivili, jiġifieri l-proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolamenti Brussell I u Brussell II-bis dwar id-dritt ta’ aċċess jew ir-ritorn tal-wild. Ma huma meħtieġa l-ebda proċeduri intermedji: ir-rikonoxximent huwa awtomatiku.

Artikolu 5 - Ċertifikat

Iċ-ċertifikat huwa neċessarju għall-persuna li tkun f’riskju biex tinvoka l-miżura ta’ protezzjoni fi Stat Membru ieħor. Ġie segwit ir-raġunament tal-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Brussell II-bis, li jindirizzaw id-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess jew ir-ritorn tal-wild.

Iċ-ċertifikat se jinħareġ ex officio jew fuq it-talba tal-persuna protetta, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, skont il-formola standard li tinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament. Imbagħad il-parti li tkun tixtieq tinvoka l-miżura fi Stat Membru ieħor tkun responsabbli biex tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru biċ-ċertifikat li jkun inħareġ. Iċ-ċertifikat fih l-informazzjoni kollha relevanti għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni barranija, b’mod partikolari deskrizzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni li tkun ifformulata b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru jkunu jistgħu jirrikonoxxuha u, fejn ikun applikabbli, jeżegwuha skont il-liġi nazzjonali tagħhom. Għalhekk, fiċ-ċertifikat, la għandhom jiġu inklużi referenzi speċifiċi għal-liġi nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu X tal-Kodiċi Y flok spjega tal-miżura, u lanqas għal postijiet lokali, jiġifieri indirizz speċifiku minflok riferiment ġenerali għall-post tax-xogħol jew għad-domiċilju.

L-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru jistgħu jitolbu transliterazzjoni jew traduzzjoni tal-kontenut taċ-ċertifikat, jiġifieri, tad-deskrizzjoni tal-miżura.

Artikolu 8 - Adattament

Dan l-Artikolu jirrigwarda l-każ meta l-miżura ta’ protezzjoni barranija ma tkunx teżisti fil-liġi nazzjonali tat-tieni Stat Membru. L-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għaldaqstant se jkollha tadatta, sa fejn ikun possibbli, il-miżura ta’ protezzjoni għal waħda li tkun tinsab fil-liġi tagħha u li jkollha effetti simili marbuta magħha u li jkollha l-istess skopijiet u interessi. L-adattament huwa tabilħaqq regola rikorrenti fi strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet ċivili.

Artikolu 9 – Eżekuzzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ protezzjoni

Fil-liġi nazzjonali hemm tassew ftit miżuri ta' protezzjoni li jeħtieġu l-intervent attiv tal-awtoritajiet kompetenti biex jingħatawlhom effett.

F’dawn il-każijiet, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollha tapplika r-regoli li jinsabu fil-liġi nazzjonali tagħha għal miżuri simili ta’ protezzjoni, mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali.

Artikolu 10 – Salvagwardji tad-drittijiet fundamentali

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu issa saret prijorità saħansitra aktar importanti għall-UE. il-Karta tal-UE issa torbot legalment lill-Unjoni u l-UE waslet biex tissieħeb fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Meta wieħed ikun qed jiddiskuti dwar il-vittmi, hemm sensiela ta’ drittijiet fundamentali li huma relevanti: id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għall-proprjetà, il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, l-integrazzjoni ta’ persuni diżabbli, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u, finalment, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża.

Kif inhu spjegat fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt li tinsab ma' din il-proposta u skont l-Istrateġija tal-Unjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea[13], l-elementi kollha tar-Regolament jirrispettaw id-drittijiet li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem u, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess imparzjali garantiti fl-Artikolu 47 tagħha.

It-tneħħija ta’ kwalunkwe formalitajiet intermedji għar-rikonoxximent u, fejn ikun applikabbli, għall-eżekuzzjoni fit-tieni Stat Membru ta' miżura ta' protezzjoni adottata fl-ewwel Stat Membru trid tkun akkumpanjata minn salvagwardji tad-drittijiet fundamentali. Dan l-Artikolu jipprovdi salvagwardja soda, minħabba li ċ-ċertifikat ma jistax jinħareġ meta d-dritt għal proċess ġust tal-persuna li tagħti lok għar-riskju ma jkunx ġie garantit.

Artikolu 12 – Iċ-ċaħda, is-sospensjoni jew l-irtirar tar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni

Ir-rikonoxximent u, fejn ikun applikabbli, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni meħuda fi Stat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka u r-raġunijiet għal nuqqas ta' rikonoxximent għandhom jinżammu għall-minimu meħtieġ. Skont dan il-prinċipju qed tiġi proposta raġuni waħda biss għal rifjut. Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja, huwa neċessarju li l-possibbiltà ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli tiġi minimizzata. Għalhekk l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ rikonoxximent tista’, fuq applikazzjoni mill-persuna li tagħti lok għar-riskju, tirrifjuta li tirrikonoxxi l-miżura ta’ protezzjoni meħuda mill-qorti ta’ oriġini jekk din ma tkunx tista’ tiġi konċiljata ma' deċiżjoni meħuda fl-Istat Membru ta' rikonoxximent.

Huwa importanti li jiġi żgurat li meta miżura ta’ protezzjoni tiġi sospiża jew irtirata fl-Istat Membru ta' oriġini, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' rikonoxximent tissospendi jew tirtira r-rikonoxximent u, fejn dan ikun ġie applikat, tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura ta' protezzjoni. Il-persuna li tagħti lok għar-riskju hija responsabbli li tapplika biex dan isir. Għal dan il-għan, qed tiġi annessa formola ta’ applikazzjoni standard mal-proposta.

Artikolu 13 - Notifika

Bħal fil-każ ta’ strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet ċivili, dan l-Artikolu jipprovdi għal armonizzazzjoni bażika tal-istandards minimi għal dak li jirrigwarda l-ħtieġa li kull informazzjoni relatata mal-ħruġ, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u s-sanzjonijiet possibbli, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-miżura ta’ protezzjoni fl-ewwel Stat Membru tiġi notifikata lill-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju u lill-persuna protetta. Fil-paragrafu 2 l-istess obbligu jiġi wkoll introdott għat-tieni Stat Membru. Dan se jiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4. Sussidjarjetà u Proporzjonalità

L-għan ta’ din il-proposta ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-aspetti transnazzjonali tal-kwistjoni. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-protezzjoni li tkun ingħatat lill-persuni ma tintilifx meta huma jivvjaġġaw jew imorru jgħixu barra. Il-mekkaniżmu previst f’dan ir-Regolament, li jikkonsisti fl-eliminazzjoni ta’ kull formalità intermedja, bl-użu ta’ ċertifikat standardizzat u multilingwi, ma jistax jitwettaq mill-Istati Membri waħidhom. Hija biss leġiżlazzjoni fil-livell Ewropew li tista’ toħloq kundizzjonijiet indaqs. Il-proposta għaldaqstant tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-proposta tikkonforma wkoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tikseb l-għan dikjarat fil-livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak il-għan.

2011/0130 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2)(a), (e) u (f) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[15],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili . Sabiex din iż-żona tiġi progressivament stabbilita, l-Unjoni għandha tadotta, fost affarijiet oħrajn, il-miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, b’mod partikolari meta jkunu meħtieġa għat-tħaddim xieraq tas-suq intern.

(2) Dan il-qasam jagħmel parti mill-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea .

(3) Id-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-miżuri ta’ protezzjoni jfixklu t-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Huwa essenzjali li jkun hemm dispożizzjonijiet li jiżguraw ir-rikonoxximent u fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni rapida u sempliċi ta’ miżuri ta’ protezzjoni mill-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li l-protezzjoni mogħtija ma tintilifx meta persuna tivvjaġġa jew tmur toqgħod fi Stat Membru ieħor.

(4) Sabiex jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu tal-miżuri ta’ protezzjoni, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u, fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni ta' miżuri ta’ protezzjoni jkunu rregolati minn strument legali tal-Unjoni li jkun vinkolanti u direttament applikabbli.

(5) Dan ir-Regolament japplika għal miżuri ta’ protezzjoni li jittieħdu fi proċedimenti ċivili irrispettivament min-natura tal-awtorità, kemm jekk tkun qorti, tribunal, awtorità amministrattiva jew kwalunkwe awtorità oħra.

(6) Dan ir-Regolament japplika għall-miżuri ta’ protezzjoni kollha kif inhuma definiti fih. Iżda ma japplikax għal miżuri ta’ protezzjoni koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000. Fil-każ ta’ miżuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, dan ir-Regolament għandu jipprevali fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali.

(7) Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni għandhom ikunu estremament prevedibbli u għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju li l-ġuriżdizzjoni hija dik tal-Istat Membru fejn ikunu pperikolati l-integrità jew il-libertà fiżika u/jew psikoloġika tal-persuna. Il-ġuriżdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq din il-bażi.

(8) Biex ikun hemm funzjonament tajjeb tal-ġustizzja jeħtieġ li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f'żewġ Stati Membri. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament għandu jipprovdi raġuni ta' rifjut ta' rikonoxximent u/jew ta' eżekuzzjoni permezz ta' applikazzjoni mill-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju fil-każ ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli.

(9) Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni u l-għan li jiġi żgurat li jkun hemm ċirkolazzjoni mħaffa u b'anqas spejjeż tal-miżuri ta' protezzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiġġustifikaw li jkun hemm proċeduri għar-rikonoxximent u/jew għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri bħal dawn mingħajr formalitajiet intermedji. B’hekk, miżura ta’ protezzjoni li tiġi adottata fi Stat Membru għandha, għall-finijiet tar-rikonoxximent u, fejn ikun applikabbli, tal-eżekuzzjoni, tiġi ttrattata bħallikieku tkun ġiet adottata fl-Istat Membru fejn ikunu qed jintalbu r-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni.

(10) Meta, skont il-liġi tat-tieni Stat Membru, ikun meħtieġ intervent mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru sabiex il-miżura ta' protezzjoni tiġi implimentata, il-proċedura għal tali eżekuzzjoni tal-miżura ta' protezzjoni għandha tkun irregolata mil-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(11) Dan ir-Regolament ma jindirizzax is-sanzjonijiet kriminali stabbiliti mill-Istati Membri fil-każ tal-ksur ta’ miżura ta’ protezzjoni, li se jibqgħu jiġu indirizzati mil-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

(12) Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-miżuri ta’ protezzjoni fl-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li dan ir-Regolament jintroduċi mudell uniformi ta' ċertifikat u jinnomina l-awtorità kompetenti biex toħorġu. Sabiex jiġi mħares il-prinċipju ta' sussidjarjetà, dan iċ-ċertifikat ma għandux jissostitwixxi l-proċedura interna tal-Istati Membri.

(13) Dan iċ-ċertifikat ma għandux ikun appellabbli. Madankollu, jekk il-miżura ta’ protezzjoni tiġi sospiża jew irtirata fl-ewwel Stat Membru, l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru għandha, wara li ssir applikazzjoni mill-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju, tissospendi jew tirtira r-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni.

(14) Sabiex ikun żgurat li jkun hemm tħaddim ta’ malajr u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegatha lill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna kull emenda għall-formoli li jinsabu fl-Annessi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tipprepara atti ddelegati, għandha tiżgura li jkun hemm trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(15) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, huwa jipprova jiżgura d-drittijiet tad-difiża u għal proċess imparzjali, kif stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-istess Karta. Dan ir-Regolament irid jiġi applikat skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(16) Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(17) [F'konformità mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament] / [bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhux se jkunu marbutin minnu jew suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu].

(18) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

KAPITOLU I

Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u ġuriżdizzjoni

Artikolu 1 – Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-miżuri ta’ protezzjoni meħuda fi kwistjonijiet ċivili irrispettivament min-natura tal-awtorità li teħodhom. Ma japplikax għal miżuri ta’ protezzjoni koperti mir-Regolament (KE) Nru 2201/2003.

Artikolu 2 – Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)     “miżura ta’ protezzjoni” tfisser kull deċiżjoni, irrispettivament minn kif tissejjaħ, ta' natura preventiva u temporanja meħuda minn awtorità fi Stat Membru skont il-liġi nazzjonali tiegħu bl-għan li tiġi protetta persuna meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li hemm riskju għall-integrità fiżika u/jew psikoloġika jew għal-libertà tal-persuna. Din għandha tinkludi miżuri li jistgħu jiġu dekretati mingħajr ma l-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju titħarrek biex tidher.

Dawn li ġejjin huma, b’mod partikolari, miżuri ta’ protezzjoni:

(i)      obbligu li persuna ma tidħolx f’ċerti lokalitajiet, postijiet jew żoni definiti fejn il-persuna protetta tirrisjedi jew taħdem jew li hija żżur; jew

(ii)      obbligu li ma jkunx hemm kuntatt, ta’ kwalunkwe tip, mal-persuna protetta, inkluż kuntatt bit-telefown, permezz tal-posta elettronika jew ordinarja, bil-faks jew permezz ta’ kwalunkwe metodu ieħor; jew

(iii)     obbligu li l-persuna protetta ma tiġix avviċinata iktar qrib minn distanza stabbilita; jew

(iv)     deċiżjoni li tagħti l-użu esklussiv ta’ akkomodazzjoni komuni ta’ żewġ persuni lill-persuna protetta.

(b)     “awtorità” għandha tinkludi kull awtorità indikata minn Stat Membru bħala li għandha ġuriżdizzjoni fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(c)     “Stat Membru” ta' oriġini jfisser l-Istat Membru li fih tittieħed il-miżura ta’ protezzjoni;

(d)     “Stat Membru ta’ rikonoxximent” tfisser l-Istat Membru li fih jintalbu r-rikonoxximent u, jekk ikun relevanti, l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni;

Artikolu 3 – Ġuriżdizzjoni

L-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn hemm riskju għall-integrità fiżika u/jew psikoloġika jew għal-libertà tal-persuna għandu jkollhom ġuriżdizzjoni.

KAPITOLU II

Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni

Artikolu 4 – Rikonoxximent

Miżura ta’ protezzjoni meħuda fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali u mingħajr il-possibbiltà li jkun hemm oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħha jekk id-deċiżjoni tkun ġiet ċertifikata fl-Istat Membru ta’ oriġini skont l-Artikolu 5.

Artikolu 5 – Ċertifikat

1.           Il-parti li tkun tixtieq tinvoka ordni ta’ protezzjoni rikonoxxut skont dan l-Artikolu fi Stat Membru ieħor għandha tipprovdi ċ-ċertifikat maħruġ skont dan l-Artikolu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ rikonoxximent.

2.           L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom joħorġu ċertifikat bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness, li jkun fih, fost affarijiet oħrajn, deskrizzjoni tal-miżura li għandha tkun formolata b’tali mod li tiffaċilita r-rikonoxximent u, fejn ikun applikabbli, l-eżekuzzjoni fit-tieni Stat Membru.

3.           Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ:

(i)      ex officio fil-każ li jkun hemm involuti sitwazzjonijiet transkonfinali meta tiġi adottata l-miżura ta’ protezzjoni; għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, kwistjoni għandha implikazzjonijiet transkonfinali ħlief fil-każ li fih ir-riskju għall-integrità fiżika u/jew psikoloġika jew għal-libertà tal-persuna jkun esklussivament fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(ii)     f’kull każ ieħor, fuq it-talba tal-persuna protetta; meta tkun qed tadotta miżura ta’ protezzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tinforma lill-persuna protetta bil-possibbiltà li titlob ċertifikat kif stabbilit b'dan ir-Regolament.

4.           L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ rikonoxximent jistgħu, fejn ikun neċessarju, jitolbu transliterazzjoni jew traduzzjoni tal-kontenut taċ-ċertifikat, skont l-Artikolu 15.

Artikolu 6 – Effetti taċ-ċertifikat

Iċ-ċertifikat għandu japplika biss fil-limiti tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

Artikolu 7 – Rettifika taċ-ċertifikat

1.           Il-liġi tal-Istat Membru ta' oriġini għandha tapplika għal kull rettifika taċ-ċertifikat.

2.           Ma għandu jkun hemm l-ebda appell mill-ħruġ ta’ ċertifikat.

Artikolu 8 – Adattament tal-miżura ta’ protezzjoni barranija

Jekk miżura ta’ protezzjoni ma tkunx teżisti fl-Istat Membru ta’ rikonoxximent, l-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru għandha, sa fejn ikun possibbli, tadatta l-miżura ta’ protezzjoni għal waħda li tkun teżisti fil-liġi tagħha li jkollha l-effetti ekwivalenti marbutin magħha u li jkollha skopijiet u interessi simili.

Artikolu 9 – Eżekuzzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ protezzjoni

1. Safejn miżura ta’ protezzjoni meħuda fi Stat Membru tkun teħtieġ, skont il-liġi ta’ Stat Membru ieħor, intervent mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru biex jingħata effett lill-miżura ta’ protezzjoni, din għandha tiġi eżegwita f’dak l-Istat Membru l-ieħor mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta ' eżegwibbiltà.

2. Il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni meħuda fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru ta' rikonoxximent, inkluża l-proċedura tal-appell kontra l-adattament tal-miżura ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 8.

Artikolu 10 – Salvagwardja tad-drittijiet fundamentali

1.           L-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom joħorġu ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5 biss fil-każ li s-salvagwardji dwar id-drittijiet fundamentali li jinsabu f’dan l-Arikolu jkunu ġew rispettati.

2.           Persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju u li ma tkunx dehret fl-Istat Membru ta’ oriġini għandu jkollha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni tal-miżura ta’ protezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru meta

(a) ma kinitx ġiet notifikata bl-att promotur jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali mod li setgħet tħejji għad-difiża tagħha, jew

(b)     hija kienet impedita milli tikkontesta l-miżura ta’ protezzjoni minħabba forza maġġuri jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda ħtija min-naħa tagħha;

sakemm ma kinitx naqset milli tikkontesta l-miżura ta’ protezzjoni meta setgħet tagħmel dan.

2.           Meta l-miżura ta’ protezzjoni tittieħed mingħajr ma l-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju tkun ġiet mħarrka biex tidher u tkun intiża biex tiġi rikonoxxuta u/jew eżegwita mingħajr notifika minn qabel lil dik il-persuna, dik il-persuna għandha d-dritt li tikkontesta l-miżura taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini;

Artikolu 11 – L-ebda reviżjoni rigward is-sustanza

Taħt l-ebda ċirkostanzi ma tista' tiġi riveduta miżura ta’ protezzjoni meħuda fi Stat Membru fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru li fih jintalbu r-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tagħha.

Artikolu 12 – Iċ-ċaħda, is-sospensjoni jew l-irtirar tar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni

1.           L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ rikonoxximent tista’, fuq applikazzjoni mill-persuna li tagħti lok għar-riskju, tirrifjuta li tirrikonoxxi l-miżura ta’ protezzjoni meħuda mill-qorti ta’ oriġini jekk din ma tkunx tista’ tiġi konċiljata ma' deċiżjoni meħuda fl-Istat Membru ta' rikonoxximent.

2.           Jekk il-miżura ta’ protezzjoni tiġi sospiża jew irtirata fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ rikonoxximent għandha, wara li ssir applikazzjoni mill-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju, tissospendi jew tirtira r-rikonoxximent u, fejn tkun ġiet applikata, tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II.

4.           Ir-rikonoxximent ta’ miżura ta’ protezzjoni ma jistax jinċaħad għar-raġuni li l-liġi tal-Istat Membru ta' rikonoxximent ma tkunx tippermetti miżura bħal din fuq il-bażi tal-istess fatti.

Artikolu 13 – Notifika

1.           L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom, mingħajr dewmien u skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, jgħarrfu lill-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju u lill-persuna protetta:

(i)      bil-ħruġ ta’ miżura ta’ protezzjoni;

(ii)      jekk ikun applikabbli, bil-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jikkorrispondu ;

(iii)     jekk ikun applikabbli, bis-sanzjonijiet fil-każ tal-ksur tal-miżura ta’ protezzjoni

(iv)     b’kull sospensjoni jew irtirar tal-miżura ta’ protezzjoni.

2.           Malli jirċievu ċ-ċertifikat skont l-Artikolu 5 mingħand il-persuna protetta, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ rikonoxximent għandhom, mingħajr dewmien u, fejn ikun meħtieġ, skont ir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007[16], jgħarrfu lill-persuna li tkun qed tagħti lok għar-riskju u lill-persuna protetta:

(i)      bir-rikonoxximent tal-miżura ta’ protezzjoni;

(ii)      jekk ikun applikabbli, bil-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jikkorrispondu ;

(iii)     jekk ikun applikabbli, bis-sanzjonijiet fil-każ tal-ksur tal-miżura ta’ protezzjoni

(iv)     b’kull sospensjoni jew irtirar tal-miżura ta’ protezzjoni.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet oħrajn

Artikolu 14 – Legalizzazzjoni u formalitajiet simili oħrajn

Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

Artkolu 15 – Transliterazzjoni jew traduzzjoni

Meta tkun meħtieġa transliterazzjoni jew traduzzjoni skont dan ir-Regolament, din it-transliterazzjoni jew traduzzjoni għandha tkun għal-lingwa uffiċjali jew għal waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ta' rikonoxximent jew għal kwalunkwe lingwa oħra li l-Istat Membru ta' rikonoxximent ikun indika li jista' jaċċetta. Kwalunkwe traduzzjoni magħmula skont dan ir-Regolament għandha ssir minn persuna kkwalifikata biex tittraduċi f’wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 16 – Dritt għall-benefiċċju tal-għajnuna legali

Applikant li, fl-Istat Membru ta’ oriġini, ikun gawda minn għajnuna legali sħiħa jew parzjali jew minn eżenzjoni mill-kostijiet jew mill-ispejjeż għandu jkun intitolat, f’kull proċediment marbut mal-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni, għall-benefiċċju tal-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew għall-eżenzjoni l-aktar estensiva mill-kostijiet u l-ispejjeż li hemm dispożizzjoni dwarha fil-liġi tal-Istat Membru ta’ rikonoxximent.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Artikolu 17 – Dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-miżuri ta’ protezzjoni li jiġu adottati mill-jum li fih jidħol f'applikazzjoni, anki jekk it-talba għal dawn il-miżuri ta' protezzjoni tkun ġiet ippreżentata qabel dik id-data.

Artikolu 18 – Emendi għall-formola

Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 19 li jkunu jirrigwardaw kwalunkwe emenda għall-formoli li jinsabu fl-Annessi.

Artikolu 19 – Eżerċiżżju tad-delega

1.           Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati qed tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 18 se tingħata għal perjodu indeterminat mill-[Data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.           Id-delega tas-setgħat msemmija fl-Artikolu 18 tista’ tiġi rrevokata f’kull waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li jsegwi l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Hija ma għandhiex ikollha effett fuq il-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikolu 18 għandu jidħol biss fis-seħħ jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se jqajmu oġġezzjoni. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perjodu jista' jiġi estiż b’[xahrejn].

Artikolu 20 - Klawżola ta’ reviżjoni

Mhux aktar tard minn [ħames snin mid-data tal-applikazzjoni fl-Artikolu 23], il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għal adattament.

Artikolu 21 - Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku

L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fi ħdan il-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/470/KE[17], deskrizzjoni tar-regoli u proċeduri nazzjonali li jikkonċernaw il-miżuri ta' protezzjoni, inklużi l-awtoritajiet kompetenti għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni, bil-ħsieb li din titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom iżommu dik l-informazzjoni kontinwament aġġornata.

Artikolu 22 – Komunikazzjoni mill-Istati Membri

Sa [sena qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni

(a)     l-awtoritajiet li għandhom il-kompetenza fil-każ ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)     il-lingwi li huma aċċettati għat-traduzzjonijiet taċ-ċertifikat, hekk kif inhu imsemmi fl-Artikolu 15.

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/470.

Artikolu 23 – Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi […],

ANNESS I

ĊERTIFIKAT IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5

1.           STAT MEMBRU TA’ ORIĠINI

AT □ BE □ BG □ CY □ CZ □ DE □ EE □ EL □ ES □ FI □ FR □ HU □ IE □ IT □ LT □ LU □ LV □ MT □ NL □ PL □ PT □ RO □ SE □ SI □ SK □ UK □

2.           AWTORITÀ KOMPETENTI LI TOĦROĠ IĊ-ĊERTIFIKAT

2.1         Isem:

2.2         Indirizz:

2.3         Telefown/Fax/E-mail:

3.           PERSUNA PROTETTA

3.1         Isem Sħiħ (kunjom, isem):

3.2         Indirizz li għandu jintuża għall-finijiet ta’ notifika kif inhu previst mill-Artikolu 13

3.3         Data u post tat-twelid (meta jkunu disponibbli)

4.           PERSUNA LI TAGĦTI LOK GĦAR-RISKJU

4.1         Isem Sħiħ (kunjom, isem):

4.2         Indirizz li għandu jintuża għall-finijiet ta’ notifika kif inhu previst mill-Artikolu 13

4.3         Data u post tat-twelid (meta jkunu disponibbli)

5.           MIŻURA TA' PROTEZZJONI

5.1         Data u numru ta’ referenza:

6.           Deskrizzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni[18]

Jien, hawn taħt iffirmat(a), niċċertifika bil-preżenti li l-miżura ta’ protezzjoni ttieħdet fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra l-persuna li qed tikkawża r-riskju ddikjarata fil-punt 4 u li s-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali li jinsabu fl-Artikolu 10 ġew irrispettati.

F’każ li jiġu mehmuża paġni supplimentari, iddikjara n-numru ta' paġni: …

Magħmul fi: …

Firma u/jew timbru tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini:

ANNESS II

APPLIKAZZJONI GĦAS-SOSPENSJONI JEW GĦALL-IRTIRAR TAR-RIKONOXXIMENT JEW TAL-EŻEKUŻŻJONI TAĦT L-ARTIKOLU 12

1.           L-APPLIKANT (IL-PERSUNA LI TAGĦTI LOK GĦAR-RISKJU)

1.1         Isem Sħiħ (kunjom, isem):

1.2         Indirizz li għandu jintuża għall-finijiet ta’ notifika kif inhu previst mill-Artikolu 13

1.3         Data u post tat-twelid (meta jkunu disponibbli)

2.           AWTORITÀ KOMPETENTI FL-ISTAT MEMBRU TA’ ORIĠINI

2.1         Isem

2.2         Indirizz

2.3         Stat Membru

AT □ BE □ BG □ CY □ CZ □ DE □ EE □ EL □ ES □ FI □ FR □ HU □ IE □ IT □ LT □ LU □ LV □ MT □ NL □ PL □ PT □ RO □ SE □ SI □ SK □ UK □

2.4. Telefown/Fax/E-mail:

3.           DEĊIŻJONI LI TISSOSPENDI JEW LI TIRTIRA MIŻURA TA’ PROTEZZJONI

3.1         Data u numru ta’ referenza

3.2         Sommarju tad-deċiżjoni li tissospendi jew tirtira miżura ta’ protezzjoni

4.           PERSUNA PROTETTA

4.1         Isem Sħiħ (kunjom, isem):

4.2         Indirizz li għandu jintuża għall-finijiet ta’ notifika kif inhu previst mill-Artikolu 13

4.3         Data u post tat-twelid (meta jkunu disponibbli)

F’każ li jiġu mehmuża paġni supplimentari, iddikjara n-numru ta' paġni: …

Magħmul fi: …

Firma:

[1]               ĠU C 69, 18.3.2010, p. 5-18, 13577/09 COPEN 176 tat-23 ta’ Settembru 2009.

[2]               Programm multiannwali li jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà għall-perjodu 2010-2014: “Il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”, [ĠU C 115, 4.5.2010, p.1].

[3]               L-2969 laqgħa tal-Kunsill ĠAI tat-23/10/2009, [14936/09 (Presse 306)].

[4]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-iżvilupp ta' żona ta' ġustizzja kriminali tal-Unjoni Ewropea [P6_TA(2009)0386].

[5]               Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, [P7_TA(2009)0098].

[6]               Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010, “It-tneħħija tal-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” - COM(2010) 603.

[7]               13577/09 COPEN 176 tat-23 ta’ Settembru 2009.

[8]               Matrix Insight/Andersson Elfers Felix, "A Study for an Impact Assessment on Ways of Improving the Support, Protection and Rights of Victims across Europe" (Studju għal Valutazzjoni tal-Impatt dwar Metodi kif jistgħu jitjiebu l-Appoġġ, il-Protezzjoni u d-Drittijiet tal-Vittmi madwar l-Ewropa kollha), Rapport Finali, 3 ta' Novembru 2010.

[9]               Burkhard Hess: "Feasibility Study: The European Protection Order and the European Law of Civil Procedure" (Studju ta’ Fattibbiltà: L-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni u l-Liġi Ewropea dwar il-Proċedura Ċivili), li dalwaqt se jkun disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/index_en.htm.

[10]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).

[11]             Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Riformulazzjoni) - COM(2010) 748, 14.12.2010.

[12]             Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien tal-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).

[13]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, "Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea" " - COM(2010) 573, 19.10.2010.

[14]             ĠU C […], […], p. […].

[15]             ĠU C […], […], p. […].

[16]             ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.

[17]             ĠU L 174, 27.06.2001, p. 25.

[18]             Id-deskrizzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni trid tkun ifformulata b’tali mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru jirrikonoxxuha u, fejn ikun applikabbli, jeżegwuha taħt id-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Għalhekk la għandhom jiġu inklużi referenzi speċifiċi għad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu X tal-Kodiċi Y flok spjega tal-miżura, u lanqas għal lokalitajiet, jiġifieri indirizz speċifiku minflok riferiment ġenerali għall-post tax-xogħol jew għad-domiċilju. Għaldaqstant, għandha tiġi pprovduta deskrizzjoni ġenerali tal-miżura, eż. l-obbligu li wieħed ma jidħolx fil-post fejn il-persuna protetta taħdem minflok l-obbligu ma jmurx viċin it-Triq X, jew tal-miżura ta’ protezzjoni adottata skont l-Art. X tal-Liġi Y. F'każ li l-miżura ta’ protezzjoni ma tkunx għadha magħrufa jew li tkun regolata b’mod kemxejn differenti fit-tieni Stat Membru, l-awtorità ta' dak l-Istat Membru għandha, safejn ikun possibbli, tadatta l-miżura għal waħda li tinsab fil-liġi tagħha u li jkollha effetti u għanijiet simili.

Top