Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0162

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    /* KUMM/2011/0162 finali - APP 2011/0070 */

    52011PC0162

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea /* KUMM(2011) 162 finali - APP 2011/0070 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 4.4.2011

    KUMM(2011) 162 finali

    2011/0070 (APP)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-kuntest ġenerali

    Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jiżgura l-pubblikazzjoni uffiċjali tal-leġiżlazzjoni u l-atti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Ġie ppubblikat fuq il-karta sa mill-1958 u, sa mill-1998, kien disponibbli wkoll fuq l-Internet. Fis-snin riċenti, għadd dejjem jiżdied ta’ nies kienu qed jikkonsultaw Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fuq l-Internet peress li huwa konvenjenti u malajr, filwaqt li l-għadd tal-abbonamenti għall-edizzjoni stampata kien qed jonqos. Madankollu, billi l-edizzjoni stampata hija attwalment ikkunsidrata bħala l-uniku pubblikazzjoni valida u li torbot legalment, għalissa d-drittijiet legali ma jistgħux jintalbu u l-obbligi ma jistgħux jiġu infurzati fuq il-bażi tal-verżjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan iddikjaratu b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża Skoma-Lux[1]. Skont il-Qorti, ‘ ... billi tagħmel il-leġiżlazzjoni disponibbli b’dawn il-mezzi (jiġifieri fuq l-Internet) mhuwiex ugwali għal pubblikazzjoni valida f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fin-nuqqas tar-regoli f’dak ir-rigward fil-liġi tal-Komunità ’.

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    L-Artikolu 297 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-atti leġiżlattivi u l-atti mhux leġiżlattivi adottati fil-forma ta’ regolamenti jew direttivi, li huma indirizzati lill-Istati Membri kollha, jew fil-forma ta’ deċiżjonijiet, li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati, għandhom jiġu ppubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . L-atti leġiżlattivi adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandhom jiġu ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill, filwaqt li l-atti l-oħra għandhom jiġu ffirmati mill-President(i) tal-istituzzjoni(jiet) li adottathom. Dawn l-atti jidħlu fis-seħħ fil-jum stipulat fit-test tagħhom jew fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.

    Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom [2] tistabbilixxi f’aktar dettall il-mod kif l-istituzzjonijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jippubblikaw it-testi leġiżlattivi. L-uffiċċju interistituzzjonali – l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet – huwa responsabbli mill-pubblikazzjoni ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jiggarantixxi l-awtentiċità tiegħu.

    L-għanijiet tal-proposta

    Il-proposta għandha l-għan li twessa’ l-aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea u tippermetti li kulħadd (kemm jekk huma professjonali fil-liġi kif ukoll jekk huma membri tal-pubbliku ġenerali) joqgħod fuq l-edizzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bħala dik uffiċjali u awtentika. Jekk il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tiġi rikonoxxuta bħala pubblikazzjoni valida, l-aċċess għal-liġi tal-Unjoni jista’ jiġi żgurat liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea jisgħu jkollhom aċċess virtwalment simultanju għal-Liġi tal-Unjoni Ewropea, immedjatament wara l-pubblikazzjoni u b’mod aktar ekonomiku peress li l-konsultazzjoni tal-pubblikazzjoni elettronika tkun bla ħlas. Barra minn hekk, l-aċċess għan-nies li jgħixu f’reġjuni ġeografikament anqas aċċessibbli fl-Ewropa jiġi ffaċilitat ukoll. Barra minn hekk, l-aċċess imtejjeb huwa appoġġjat mill-għanijiet tal- ‘ EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’[3] li għandha l-għan li jiżgura l-aċċess ‘broadband’ għal kulħadd sal-2013.

    Il-proposta għandha l-għan ukoll li ttejjeb iċ-ċertezza legali meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali fejn il-pubblikazzjoni online isservi biss għal skopijiet ta' informazzjoni, peress li d-drittijiet ikunu jistgħu jitgawdew u l-obbligi jiġu infurzati fuq il-bażi tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-verżjoni elettronika awtentika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Konsistenza mal-politiki l-oħra u mal-għanijiet tal-Unjoni

    Il-proposta hija kompletament konformi mal-politiki tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-inizjattiva ewlenija ‘L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa’[4] ippreżentata fil-kuntest tal-istrateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv EWROPA 2020. L-Aġenda Diġitali għandha l-għan li timmassimizza l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fil-promozzjoni tas-suq diġitali. F’dan il-kuntest, l-aċċess għall-kontenut legali online jistimula l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali peress li l-informazzjoni tas-settur pubbliku li b’hekk tkun disponibbli twassal għall-istabbiliment ta’ servizzi online innovattivi.

    Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew tal-Gvern Elettroniku 2011-2015[5] li skontu l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu aċċess online għall-informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti tal-gvern, il-politiki u l-finanzi.

    RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET INFORMALI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    L-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej huma rappreżentati fil-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, li huwa responsabbli mis-superviżjoni tal-iżvilupp strateġiku tal-attività tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. F’dan il-forum, l-istituzzjonijiet u l-korpi interessati kkunsidraw il-kwistjoni u esprimew l-appoġġ tagħhom għall-istabbiliment ta’ edizzjoni elettronika awtentika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    L-Istati Membri ġew ikkonsultati wkoll dwar il-kwistjoni tal-pubblikazzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tkun legalment valida permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġiżlazzjoni Elettronika tal-Kunsill . Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni ttrażmetta dokument informali lill-Kunsill fit-30 ta’ Lulju 2010 li ġie diskuss f’żewġ laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġiżlazzjoni Elettronika fil-21 ta’ Settembru u s-26 ta’ Ottubru 2010. Il-kummenti tal-Istati Membri wrew appoġġ qawwi għal pubblikazzjoni elettronika legalment valida[6], iżda kienu aktar maqsuma fir-rigward tat-tkomplija tal-valur legali tal-verżjoni fuq il-karta; saru osservazzjonijiet fir-rigward ta’:

    - L-għażla esklussiva tal-pubblikazzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , possibbilment preċeduta minn perjodu tranżitorju ta' ppubblikar paralleli fuq il-karta u fil-forma elettronika;

    - L-ispiża tal-istampar ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , fil-każ tal-għażla tat-tixrid paralleli permezz tal-edizzjonijiet stampati u elettroniċi;

    - Ir-riskju ta’ diskrepanzi bejn l-edizzjonijiet stampati u elettroniċi u l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli ċari dwar it-trattament tal-inkonsistenzi jew fuq il-verżjoni prevalenti;

    - Ir-rwol limitat li l-edizzjoni stampata jista’ jkollha fit-tixrid tal-leġiżlazzjoni tal-UE lil nies li ma jkollhomx il-mezzi biex jaċċessaw l-edizzjoni elettronika.

    Fit-tħejjija ta’ din il-proposta l-Kummissjoni qieset il-kummenti kollha li ġew espressi. Inizjalment, il-pubblikazzjoni parallela fuq il-karta u fil-forma elettronika, li jkollhom saħħa legali ugwali, kienet preferuta, peress li kienet ikkunsidrata li tiżgura l-aktar aċċess mifrux possibbli għal-liġi tal-UE għaċ-ċittadini Ewropej. Madankollu, l-esperjenza prattika tal-Istati Membri ssuġġeriet li l-benefiċċji jkunu marġinali u ma jegħlbux iż-żieda fil-kumplessità. Ġie rrimarkat ukoll li n-nies li jgħixu f’żoni ġeografikament anqas aċċessibbli jesperjenzaw diffikultajiet jew dewmien biex jirċievu l-edizzjoni stampata u li l-aċċess tagħhom għal-liġi tal-UE jkun iffaċilitat bl-edizzjoni elettronika awtentika.

    Il-proposta għal Regolament tipprovdi li Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi ppubblikat fil-forma elettronika li tħalli effetti legali . Il-pubblikazzjoni elettronika hija konsistenti mal-mira stabbilita mill-Istrateġija tal-Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li skonthom l-aċċess ‘broadband’ għandu jiġi żgurat għal kulħadd sal-2013. Is-sistema proposta tibbilanċja t-tħassib kemm dwar l-aċċessibilità kif ukoll dwar is-sempliċità:

    - Minn naħa waħda, il-pubblikazzjoni elettronika valida tippermetti t-tixrid aktar mifrux mill-edizzjoni stampata. Matul l-aħħar ftit snin, kien hemm tnaqqis osservabbli fl-għadd ta’ abbonamenti f' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea filwaqt li l-użu tal- Internet fl-Unjoni Ewropea qiegħed jespandi – skont il- Eurostat, 70% tad-djar fl-2010 u 94% tal-intrapriżi fl-2009 kellhom aċċess għall-Internet. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni tal-edizzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tkun bla ħlas u tikkompara b'mod favorevoli mal-pubblikazzjoni stampata li għaliha l-ispejjeż li jintefqu għall-istampar u għat-trasport bil-baħar kien ikollhom jiġu ċċarġjati lill-pubbliku. Minkejja dan, qed tiġi pprovduta salvagwardja għall-persuni b'diżabilità li jistgħu jaċċessaw Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’format elettroniku speċifiku u għall-persuni li ma jistgħux, għal kwalunkwe raġuni oħra, jaċċessaw il-pubblikazzjoni elettronika, peress li dejjem se jkun possibbli li tinkiseb il-verżjoni fuq il-karta ‘meta mitluba’ iżda mingħajr valur legali (jiġifieri għall-finijiet ta’ informazzjoni biss) jew mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jew bħala verżjoni stampata mill-Internet.

    - Minn naħa l-oħra, is-sistema hija aktar sempliċi peress li r-regoli potenzjalment kumplessi dwar it-trattament tad-diskrepanzi bejn l-edizzjonijiet stampati u elettroniċi ugwalment awtentiċi mhumiex aktar meħtieġa.

    Valutazzjoni tal-impatt li l-proposta aktarx ikollha

    Saret analiżi mill-Kummissjoni biex tivvaluta tliet għażliet fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea :

    - Għażla 1: Iż-żamma tal-istatus quo, fejn il-verżjoni fuq il-karta biss tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni valida u l-verżjoni online ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sservi biss għall-finijiet tal-informazzjoni ;

    - Għażla 2: il-pubblikazzjoni online esklussiva ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ;

    - Għażla 3: il-pubblikazzjoni simultanja fuq il-karta u online li jkollhom valur legali u effettività ugwali.

    Il-provvediment tal-valur legali għall-edizzjoni elettronika għandu jkollu benefiċċji sinifikanti, peress li:

    - l-aċċess għal-leġiżlazzjoni tal-UE jitwessa’, isir aktar faċli u immedjat;

    - l-aċċess għall-edizzjoni elettronika huwa bla ħlas u possibbli f’kull ħin;

    - din il-pubblikazzjoni elettronika tkun konformi mal-prijoritajiet tal-Aġenda Diġitali maqbula bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u tistimula żieda fl-użu tas-servizzi online.

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Dispożizzjonijiet ewlenin tal-proposta

    Il-proposta tipprovdi li l-pubblikazzjoni elettronika tkun ugwali għall-pubblikazzjoni valida ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Madankollu, l-edizzjoni stampata tkun biżżejjed biex tiżgura l-effetti legali tal-pubblikazzjoni f’każijiet eċċezzjonali u temporanji ta’ interruzzjoni mhux prevista fil-pubblikazzjoni elettronika minħabba raġunijiet tekniċi (eż. attakki ċibernetiċi, ħsarat mhux previsti fit-tagħmir) li jdumu għal aktar minn jum wieħed. L-edizzjoni ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea stampata f’dawn iċ-ċirkostanzi għandha tiġi ppubblikata fil-forma elettronika kemm jista’ jkun malajr wara li s-sistema teknika tiġi restawrata. L-edizzjoni stampata għandha tipprovdi d-data tal-pubblikazzjoni iżda l-edizzjoni elettronika sussegwenti tkun tipprevala fil-każ ta’ differenzi.

    Il-proposta titratta wkoll ir-rekwiżiti tekniċi li bihom il-pubblikazzjoni elettronika tkun ugwali għal pubblikazzjoni valida u tistabbilixxi l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet f’dan il-qasam.

    Bażi legali

    L-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Prinċipju tal-proporzjonalità

    L-ambitu tal-proposta huwa limitat għall-pubblikazzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-kundizzjonijiet tekniċi li bihom tista’ tkun ugwali għal pubblikazzjoni valida.

    Għażla tal-istrumenti

    Ir-Regolament huwa l-uniku strument xieraq peress li huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Iċ-ċittadini Ewropej għandu jkollhom aċċess ugwali għal-liġi tal-UE u għalhekk l-aċċess għall-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi żgurat bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet għaċ-ċittadini Ewropej kollha .

    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-provvediment għall-pubblikazzjoni legalment valida ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-forma elettronika m’għandu l-ebda implikazzjoni baġitarja .

    Madankollu, l-infrastruttura teknika li tappoġġja l-pubblikazzjoni elettronika teħtieġ investimenti relatati mal-IT. Abbażi tal-awtonomija amministrattiva, fl-2009 saret in-nefqa ta’ EUR 38 000 għall-istabbiliment u l-ittestjar tas-sistema teknika qabel il-pubblikazzjoni ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-forma elettronika bħala awtentika. Aktar investimenti għall-iżvilupp u l-ispejjeż tal-manutenzjoni u tat-tħaddim tas-sistema għandhom jinġarru mill-istituzzjonijiet kollha peress li l-obbligu li jiġu ppubblikati t-testi leġiżlattivi hija tagħhom. Il-metodu tal-kalkolu tal-allokazzjoni tat-tqassim huwa bbażat fuq l-għadd ta’ paġni ĠU L u C prodotti għal kull istituzzjoni fis-sena n-2. L-allokazzjoni għall-2011 ġiet stabbilita fuq il-bażi taċ-ċifri tal-2009:

    - Il-Kummissjoni Ewropea: 47.64%;

    - Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea: 21.96%;

    - Il-Parlament Ewropew: 21.94%;

    - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali: 3.29%;

    - Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea: 3.17%;

    - Il-Qorti tal-Awdituri: 1.25%;

    - Il-Kumitat tar-Reġjuni: 0.75%.

    Id-dispożizzjonijiet baġitarji għandhom isiru f’konformità ma’ din l-allokazzjoni tat-tqassim.

    2011/0070 (APP)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[7],

    Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    1. L-Artikolu 297 tat-Trattat jitratta l-pubblikazzjoni f' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u d-dħul fis-seħħ tal-atti legali tal-Unjoni.

    2. L-edizzjoni stampata ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, hija attwalment l-uniku pubblikazzjoni li torbot legalment, għalkemm hija disponibbli wkoll online.

    3. Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea[8] tiżgura li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jippermetti li l-istituzzjonijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jippubblikaw it-testi leġiżlattivi.

    4. Isegwi mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-161/06 Skoma-Lux sro v Celni eċċ [9] , li l-atti legali tal-Unjoni mhumiex infurzabbli kontra l-individwi jekk ma jkunux ġew ippubblikati kif xieraq f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li l-fatt li dawn l-atti jkunu disponibbli fuq l-Internet mhuwiex ugwali għal pubblikazzjoni valida f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regoli f’dak ir-rigward fil-liġi tal-Unjoni.

    5. Jekk il-pubblikazzjoni f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-forma elettronika kellha tikkostitwixxi pubblikazzjoni valida, ikun possibbli l-aċċess aktar malajr u aktar ekonomiku għal-liġi tal-Unjoni.

    6. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[10] tenfasizza li l-aċċess għall-kontenut legali online jiffavorixxi l-iżvilupp tas-suq intern diġitali, li jwassal għal benefiċċji ekonomiċi u soċjali.

    7. Ir-regoli li jiżguraw l-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabilità tal-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom għalhekk jiġu stabbiliti.

    8. Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar qafas Komunitarju għall-firem elettroniċi[11] tistabbilixxi l-effetti legali tal-firem elettroniċi bħala mezz ta’ awtentikazzjoni. Għall-finijiet tal-iżgurar tal-integrità, l-awtentiċità u l-inalterabilità tal-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , il-firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat u maħluqa b’tagħmir li joħloq firem siguri skont dik id-Direttiva tipprovdi garanziji biżżejjed għall-pubbliku.

    9. L-aċċess għall-websajt EUR-Lex għandu jiġi żgurat fir-rigward tal-impenji għall-protezzjoni ta’ persuni b’diżabbiltajiet skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 li tikkonċerna l-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltajiet[12].

    10. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan li jippermetti liċ-ċittadini kollha Ewropej li joqogħdu fuq il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , peress li l-ambitu tiegħu huwa limitat biex jagħmel din il-pubblikazzjoni awtentika, bl-istess mod bħalma hija illum il-pubblikazzjoni stampata.

    11. Għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, it-Trattat ma jipprevedix poteri għajr dawk taħt l-Artikolu 352,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    12. Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi ppubblikat fil-forma elettronika, fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, skont dan ir-Regolament.

    13. Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ppubblikat fil-forma elettronika , minn hawn ’il quddiem l-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali , għandu jkun awtentiku u għandu jipproduċi effetti legali.

    Artikolu 2

    14. L-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali għandu jkollha firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat u maħluqa b’tagħmir li joħloq firem siguri, skont id-Direttiva 1999/93/KE. Iċ-ċertifikat kwalifikat u t-tiġdid tiegħu għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt EUR-Lex sabiex ikun possibbli għall-pubbliku li jivverifika l-firma elettronika avvanzata u l-karattru awtentiku tal-edizzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali .

    15. L-edizzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali għandha turi l-informazzjoni rigward id-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

    16. L-edizzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq il-websajt EUR-Lex għal żmien illimitat. L-ebda ħlas m’għandu jintalab għall-konsultazzjoni tagħha.

    17. Is-sit elettroniku EUR-Lex għandu jkun aċċessibbli għall-utenti kollha. Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun aċċessibbli wkoll għall-persuni b’diżabbiltajiet f’format elettroniku alternattiv li m’għandux jipproduċi effetti legali. Il-verżjoni alternattiva għandha tkun disponibbli wkoll fl-arkivji.

    Artikolu 3

    18. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jista’ jkompli jistampa Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Il-kopji stampati m’għandhomx ikunu awtentiċi u m’għandhomx jipproduċu effetti legali, bla ħsara għall-Artikolu 4(2).

    19. Għandu jiġi ċċarġjat ħlas li jammonta għall-ispejjeż tal-istampar u tat-trasport bil-baħar għall-kopji stampati ta' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 4

    20. Fejn l-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali hija inaċċessibbli minħabba interruzzjoni mhux prevista u eċċezzjonali fis-sistema tal-informazzjoni fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, l-aċċess għaliha għandu jiġi restawrat kemm jista’ jkun malajr.

    21. Jekk l-aċċess ma jkunx jista’ jiġi restawrat fi żmien jum tax-xogħol wieħed, Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi ppubblikat fl-edizzjoni stampata li għandha tipproduċi effetti legali . L-edizzjoni elettronika korrispondenti ta' Il- Ġurnal Uffiċjali għandha tiġi ppubblikata malli s-sistema tal-informazzjoni tiġi restawrata.

    22. Id-data tal-pubblikazzjoni tal-atti legali ppubblikati skont il-paragrafu 2 għandha tkun id-data tal-pubblikazzjoni tal-edizzjoni stampata. Fil-każ ta’ diskrepanzi bejn l-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali u l-edizzjoni stampata ppubblikata skont il- paragrafu 2, dik tal-ewwel għandha tipprevala.

    Artikolu 5

    23. Fir-rigward tal-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali , l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jkun kompetenti biex:

    24. jippubblika l-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali u jiggarantixxi l-awtentiċità tagħha;

    25. jimplimenta, iħaddem u jmantni s-sistema tal-informazzjoni li tipproduċi l-edizzjoni elettronika, u jtejjeb dik is-sistema f’konformità mal-iżviluppi tekniċi tal-ġejjieni;

    26. jimplimenta u jestendi l-faċilitajiet tekniċi biex jiżgura l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha tal-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali ;

    27. jistabbilixxi s-sigurtà interna u r-regoli tal-aċċess fir-rigward tas-sistema tal-informazzjoni li tipproduċi l-edizzjoni elettronika ta' Il- Ġurnal Uffiċjali ;

    28. jippreserva u jarkivja l-fajls elettroniċi u jużahom f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni.

    29. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jeżerċità l-kompetenzi stabbiliti fil-paragrafu 1 skont id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi […],

    Għall-Kunsill

    Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦALL-PROPOSTI

    1. QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

    1.1. It-titolu tal-proposta/inizjattiva

    1.2. Il-qasam(l-oqsma) tal-politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB

    1.3. In-natura tal-proposta/inizjattiva

    1.4. L-għan(ijiet)

    1.5. Ir-raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

    1.6. Id-dewmien u l-impatt finanzjarju

    1.7. Il-metodu(i) tal-ġestjoni previst(i)

    2. MIŻURI TAL-ĠESTJONI

    2.1. Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar

    2.2. Sistema tal-ġestjoni u tal-kontroll

    2.3. Miżuri ta' prevenzjoni għall-frodi u l-irregolaritajiet

    3. IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

    3.1. L-intestatura(i) tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-linja(i) tal-baġit tan-nefqa effettwata

    3.2. L-impatt stmat fuq in-nefqa

    3.2.1. Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

    3.2.2. L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operattivi

    3.2.3. L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

    3.2.4. Il-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali

    3.2.5. Il-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi fl-iffinanzjar

    3.3. L-impatt stmat fuq id-dħul

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦALL-PROPOSTI

    QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

    Titolu tal-proposta/inizjattiva

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-qasam(l-oqsma) tal-politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB

    Mhux applikabbli, minħabba li l-proposta tikkonċerna n-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni u tal-istituzzjonijiet l-oħra li għandhom bżonn jippubblikaw l-atti adottati tagħhom f' Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Natura tal-proposta/inizjattiva

    Mhux applikabbli.

    Għanijiet

    L-għan(ijiet) strateġiku/strateġiċi multiannwali tal-Unjoni Ewropea fil-mira tal-proposta/inizjattiva

    Il-proposta tikkontribwixxi għall-għan tal-iżvilupp tas-suq uniku għall-kontenut onlajn kif tipprevedi l-inizjattiva ewlenija ‘L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa’, ippreżentata fil-kuntest tal-Istrateġija EWROPA 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

    L-għan(ijiet) speċifiku/speċifiċi u l-attività(jiet) ABM/ABB ikkonċernati

    L-għan speċifiku

    Il-promozzjoni tal-pubblikazzjonijiet u s-servizzi tal-informazzjoni onlajn liċ-ċittadini, in-negozji u l-udjenzi fil-mira (il-professjonijiet legali).

    L-attività(ijiet) ABM/ABB ikkonċernata

    Mhux applikabbli.

    Ir-riżultat(i) mistenni u l-impatt

    Speċifika l-effetti li l-proposta/inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/gruppi fil-mira.

    Il-proposta għandha fil-mira ċ-ċittadini u n-negozji tal-UE li għandhom jibbenefikaw billi jkollhom aċċess bla ħlas, immedjat u ssimplifikat għall-pubblikazzjoni awtentika ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    Indikaturi tar-riżultati u l-impatt

    Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proposta/inizjattiva.

    L-indikaturi tar-riżultat li għandu jsir monitoraġġ tagħhom matul l-implimentazzjoni tal-proposta huma:

    - l-għadd ta’ 'hits' fuq l-edizzjoni elettronika legalment valida ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ;

    - l-għadd ta’ ordnijiet għall-edizzjonijiet stampati meta mqabbel mal-għadd ta’ abbonamenti meta l-pubblikazzjoni elettronika ma kellha l-ebda valur legali;

    - l-għadd ta’ lmenti mressqa quddiem l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet relatati mad-diffikultajiet fl-aċċess għall-edizzjoni elettronika legalment valida ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal raġunijiet relatati mas-sistema ta' informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet .

    Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

    Ir-rekwiżit(i) li għandu jintlaħaq fuq perjodu ta’ żmien qasir jew fit-tul

    Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb iċ-ċertezza legali billi tagħmilha possibbli li d-drittijiet u l-obbligi skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea jintalbu jew jiġu infurzati fuq il-bażi tal-pubblikazzjoni fl-edizzjoni elettronika awtentika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . L-aċċess għall-pubblikazzjoni elettronika legalment valida għandu jiġi assigurat fil-ħin tad-dħul fis-seħħ tal-proposta.

    Il-valur miżjud bl-involviment tal-UE

    Billi l-proposta tikkonċerna l-forma tal-pubblikazzjoni ta' liġi tal-Unjoni Ewropea, huwa biss fil-livell tal-Unjoni Ewropea li tista’ tittieħed l-azzjoni xierqa. Barra minn hekk, l-għażla tal-istrument tirrifletti l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-aċċess miċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.

    Il-lezzjonijiet meħuda mill-esperjenzi simili tal-passat

    Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kien preċedentement jiġi ppubblikat fil-forma elettronika għall-finijiet ta' informazzjoni biss . Xejra sussegwenti li qed tiżdied favur konsultazzjonijiet tal-edizzjoni elettronika tiegħu hija konformi mad-direzzjoni ewlenija tal-proposta.

    Il-koerenza u s-sinerġija possibbli ma’ strumenti rilevanti oħra

    Mhux applikabbli.

    Tul ta' żmien u impatt finanzjarju

    ( Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien limitat

    x Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien illimitat

    - Implimentazzjoni b’perjodu inizjali minn YYYY sa YYYY,

    - segwit minn operazzjoni fuq skala sħiħa.

    Mod(i) ta’ ġestjoni previst (i)

    x Ġestjoni diretta ċentralizzata mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet f’isem l-Istituzzjonijiet rappreżentati fil-kumitat tal-ġestjoni tal-UP, ara §2.1.

    ( Ġestjoni indiretta ċentralizzata bid-delegazzjoni tal-kompiti tal-implimentazzjoni

    ( Ġestjoni bi sħab mal-Istati Membri

    ( Ġestjoni deċentralizzata mal-pajjiżi terzi

    ( Ġestjoni konġunta mal-organizzazzjonijiet internazzjonali

    Kummenti

    Mhux applikabbli.

    MIŻURI TAL-ĠESTJONI

    Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar

    Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

    Huwa propost li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id- Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom , u, konsegwentement, fir-rigward tar-regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ipprovduti b’dik id-Deċiżjoni.

    Sistema tal-ġestjoni u tal-kontroll

    Riskju(i) identifikat(i)

    Hemm riskju li jseħħu interruzzjonijiet tekniċi fis-sistema ta' informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Dan l-impatt jista' jrendi l-edizzjoni elettronika inaċċessibbli. F’dawn il-każijiet, jekk l-aċċess ma jistax jiġi restawrat f’jum ta’ ħidma wieħed, l-edizzjoni fuq il-karta tkun ugwali għal pubblikazzjoni valida.

    Riskju ieħor identifikat huwa relatat mas-sigurtà u, biex jissupera dan, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet huwa meħtieġ jistabbilixxi, skont id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom , regoli dwar is-sigurtà interna u l-aċċess għas-sistema ta' informazzjoni.

    Il-metodu(i) tal-kontroll previst(i)

    Mhux applikabbli.

    Miżuri li jipprevjenu l-frodi u l-irregolaritajiet

    Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni eżistenti jew previsti.

    Mhux applikabbli.

    IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

    L-intestatura(i) tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-linja(i) tal-baġit tal-infiq effettwata

    - Il-linji tal-baġit tal-infiq eżistenti

    Intestatura tal-qafas finanzjarju multiannwali | Linja tal-baġit | Tip ta’ nefqa | Kontribuzzjoni |

    Numru [Deskrizzjoni………………………...……….] | AD/AMD ([13]) | minn pajjiżi tal-EFTA[14] | minn pajjiżi kandidati[15] | minn pajjiżi terzi | fit-tifsira tal-Artikolu 18(1)(aa) tar-Regolament Finanzjarju |

    5 | Il-Kummissjoni: 26011101 [Il-Ġurnal Uffiċjali (L u C)] Il-Parlament Ewropew: 3240 [Il-Ġurnal Uffiċjali] Il-Kunsill: 2211 [Il-Ġurnal Uffiċjali] Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2740 [Il-Ġurnal Uffiċjali] Il-Qorti tal-Awdituri: 2740 [Il-Ġurnal Uffiċjali] Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali KES: 2604 [Il-Ġurnal Uffiċjali] Il-Kumitat tar-Reġjuni: 2604 [Il-Ġurnal Uffiċjali] | NDA | LE | LE | LE | LE |

    L-impatt stmat fuq in-nefqa

    Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

    EUR miljuni (sa tliet postijiet deċimali)

    Intestatura tal-qafas finanzjarju multiannwali: | 5 | " Nefqa amministrattiva " |

    EUR miljuni (sa tliet postijiet deċimali)

    Sena 2011 | Sena 2012 | Sena 2013 | Sena 2014 | … daħħal kemm meħtieġ biex tirrifletti t-tul taż-żmien tal-impatt (ara l-punt 1.6) |

    - Artikolu 502 | p.m. | p.m. |p.m. |p.m. |p.m. | | | | |Għad-dħul mixxellanju assenjat, speċifika l-linja(i) tan-nefqa tal-baġit effettwata.

    26011101

    Speċifika l-metodu tal-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul.

    Attwalment, is-sors tad-dħul jingħata permezz tal-abbonamenti u l-ordnijiet għall-edizzjoni stampata ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Ġaladarba l-edizzjoni elettronika tkun l-uniku pubblikazzjoni b’valur legali, l-għadd ta’ abbonamenti huwa mistenni li jonqos u joqrob lejn iż-żero.

    [1] Is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007 fil-Kawża C-161/06, Skoma-Lux sro v Celní ředitelství Olomouc ( Ġabra 2007, p. I-10841).

    [2] Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 41).

    [3] KUMM(2010) 2020 finali; 3.3.2010.

    [4] KUMM(2010) 245 finali/2; 26.8.2010.

    [5] KUMM(2010) 743; 15.12. 2010.

    [6] Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Leġiżlazzjoni Elettronika tas-26 ta’ Ottubru 2010.

    [7] ĠU C […], […], p. […].

    [8] ĠU L 168, 30.06.2009, p. 41.

    [9] Ġabra 2007, p. I-10841.

    [10] KUMM/2010/245 finali/2.

    [11] ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

    [12] ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

    [13] AD= Approprjazzjonijiet differenzjati / AMD= Approprjazzjonijiet mhux differenzjati

    [14] EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

    [15] Pajjiżi kandidati u, fejn applikabbli, pajjiżi kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.

    [16] Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati għandhom ikunu ammonti netti, jiġifieri l-ammonti gross wara t-tnaqqis ta’ 25% għall-ispejjeż tal-ġbir.

    Top