EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0108

Proposta konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL rigward miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

/* KUMM/2011/0108 finali - NLE 2011/0048 */

52011PC0108

/* KUMM/2011/0108 finali - NLE 2011/0048 */ Proposta konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL rigward miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TAS-SIGURTÀ |

Brussel 28.2.2011

KUMM(2011) 108 finali

2011/0048 (NLE)

Proposta konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

rigward miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/[…]/PESK ta' […] tipprovdi għall-adozzjoni ta' miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja sabiex tikkonforma mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1970 (2011) u tipprovdi għal miżuri ta' akkumpanjament awtonomi min-naħa tal-UE b'kunsiderazzjoni għall-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja.

2. Dawn il-miżuri jikkonsistu f'embargo fuq l-armi, projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' tagħmir ta' repressjoni interna, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' persuni u entitajiet involuti f'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż l-involviment f'attakki li jiksru d-dritt internazzjonali, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili.

3. Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni qed jipproponu li dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ permezz ta' Regolament ibbażat fuq l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2011/0048 (NLE)

Proposta konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

rigward miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/[…]/PESK ta' […] rigward miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

4. Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1970 (2011) tas-26 ta' Frar 2011, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/[…]/PESK ta' […] tipprovdi għal embargo fuq l-armi, projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' tagħmir ta' repressjoni interna, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni u entitajiet involuti f'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż l-involviment f'attakki li jiksru d-dritt internazzjonali, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili. Dawn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi huma elenkati fl-Annessi għad-Deċiżjoni.

5. Uħud minn dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, notevolment bl-għan li jiġi żgurat li jiġu applikati b'mod uniformi mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati.

6. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notevolment id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

7. L-Artikolu 291(2) tat-TFUE jipprovdi li, fejn ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' atti tal-Unjoni li jkunu legalment vinkolanti bħal pereżempju Regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 tat-TFUE, dawk l-atti għandhom jikkonferixxu lill-Kummissjoni b'setgħat ta' implimentazzjoni.

8. Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fi ħdan l-Unjoni, l-ismijiet u dejta oħra rilevanti li tikkonċerna persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom jeħtieġ li jiġu ffriżati skont dan ir-Regolament, iridu jiġu ppubblikati. Kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta[1] u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[2].

9. Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "fondi" tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull tip, li jinkludi iżda li mhumiex limitati għal:

(i) flus, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' pagament;

(ii) depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii) titoli nnegozjati pubblikament u privatament u strumenti ta' dejn, inklużi ishma u azzjonijiet, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, nota, garanziji, ċedoli ta’ obbligazzjoni u kuntratti tad-derivati;

(iv) imgħax, dividends jew introjtu ieħor fuq jew valur dovut minn jew iġġenerat minn assi;

(v) kreditu, dritt għal kalkolazzjoni tal-valur nett, garanziji, garanziji fuq xogħol b'kuntratt jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ;

(vii) dokumenti ta' prova ta' interess f'fondi jew riżorsi finanzjarji;

(b) "iffriżar ta' fondi" tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', jew negozjar ta' fondi fi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura, id-destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġjar ta' portafolli;

(c) "riżorsi ekonomiċi" tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm dawk tanġibbli kemm dawk intanġibbli, mobbli u immobbli, li mhumiex fondi iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti u servizzi;

(d) "iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi" tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, li jinkludi, iżda li mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar;

(e) "għajnuna teknika" tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista’ tkun f'forma ta' struzzjoni, parir, taħriġ, trażmissjoni ta’ għarfien operazzjonali jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom verbali ta’ għajnuna;

(f) "Kumitat tas-Sanzjonijiet" tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ġie stabbilit skont il-paragrafu 24 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ('RKSNU') 1970 (2011);

(g) "territorju tal-Unjoni" tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1. Għandu jiġi pprojbit:

(a) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b'mod dirett jew indirett, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja, jew (lil kwalunkwe entità jew korp) għal użu fil-Libja;

(b) il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a).

2. Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta' tagħmir mil-Libja li jista' jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk it-tagħmir joriġina mil-Libja kemm jekk le.

3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-ħwejjeġ protettivi, inklużi sdieri rinfurzati bil-metall u elmi, esportati b'mod temporanju fil-Libja mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u ta' żvilupp u persunal assoċjat għall-użu tagħhom personali biss.

4. B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif elenkati fl-Anness IV jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna, taħt tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

Artikolu 3

1. Għandu jiġi pprojbit:

(a) il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (Lista Militari Komuni)[3], jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(b) il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(c) il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatat(a) mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew fl-Anness I, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe provvediment ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(d) il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

2. B'deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għall-provvediment ta' għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati ma' tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal finijiet umanitarji jew użu protettiv, jew għal bejgħ jew forniment ieħor ta' armi u materjal relatat, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

3. B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif elenkati fl-Anness IV jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta' għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finazjarja relatati mat-tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna, taħt tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

Artikolu 4

Sabiex jiġi evitat it-trasferiment ta' oġġetti u teknoloġija li huma koperti mil-Lista Militari Komuni jew il-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni tagħhom li huwa pprojbit b'dan ir-Regolament, għall-oġġetti kollha li jiddaħħlu jew joħorġu mit-territorju doganali tal-Unjoni mil-Libja jew lejha minbarra r-regoli li jirregolaw l-obbligu li jiġi pprovdut tagħrif ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq kif iddeterminati fid-dispożizzjonijiet rilevanti rigward id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ kif ukoll id-dikjarazzjonijiet doganali fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992[4] u fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93[5], il-persuna li tipprovdi dak it-tagħrif għandha tiddikjara jekk l-oġġetti humiex koperti mil-Lista Militari Komuni jew minn dan ir-Regolament u, fejn l-esportazzjoni tagħhom hija soġġetta għal awtorizzazzjoni, tispeċifika l-partikolaritajiet tal-liċenzja ta' esportazzjoni mogħtija. Dawn l-elementi addizzjonali għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew bil-miktub jew bl-użu ta' dikjarazzjoni doganali skont kif ikun xieraq.

Artikolu 5

1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, li huma miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness II u III għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandu jsir/ma għandha ssir disponibbli għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II u III.

3. Il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun, b’mod dirett jew indirett, li jaħarbu mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprojbita.

Artikolu 6

1. L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 22 tal-RKSNU 1970 (2011).

2. L-Anness III għandu jikkonsisti f'persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi mhux koperti mill-Anness II li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/[…]/PESK ta’ […], ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni u entitajiet involuti jew kompliċi fl-għoti ta’ ordnijiet, kontroll, jew direzzjoni, it-twettiq ta’ abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż billi jkunu involuti jew kompliċi fl-ippjanar, ikkmandar, l-għoti ta’ ordnijiet, u t-twettiq ta’ attakki, bi ksur tad-dritt internazzjonali, inkluż bumbardamenti mill-ajru, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili, jew individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet proprejtà jew ikkontrollati minnhom.

2. L-Anness II u III għandhom jinkludu biss it-tagħrif li ġej dwar il-persuni fiżiċi elenkati:

(a) għal finijiet ta' identifikazzjoni: kunjom u ismijiet mogħtija (inkluż ismijiet u titli alternattivi, jekk ikun hemm); data u post tat-twelid; nazzjonalità; numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali; sess; indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn wieħed ikun jinsab; kariga jew professjoni;

(b) id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikun/tkun iddaħħal/iddaħħlet fl-Anness;

(c) ir-raġunijiet għalfejn ikun ġie/tkun ġiet elenkat(a).

3. L-Anness II u III jistgħu jinkludu wkoll tagħrif dwar membri tal-familja tal-persuni elenkati, bil-kundizzjoni li l-inklużjoni ta' dan it-tagħrif titqies li tkun meħtieġa f'każ speċifiku għall-uniku għan li tiġi vverifikata l-identità tal-persuna fiżika elenkata inkwistjoni.

Artikolu 7

1. B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt il-kundizzjonijiet li jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni elenkati fl-Anness II jew III, u l-membri tal-familja dipendenti tagħhom, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta’ servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklussivament għall-pagament ta' imposti professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li huma assoċjati mal-provvediment ta' servizzi legali;

(c) maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

bil-kundizzjoni li, fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati

fl-Anness II, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'dik

id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet

ma jkunx oġġezzjona għal dak il-perkors ta’ azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol

min-notifika.

2. B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ffriżati jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat dwar dik id-determinazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat; u

(b) fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness III, l-awtorità kompetenti nnotifikat ir-raġunijiet għala tikkunsidra li awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 8

B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif elenkati fl-Anness IV jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekkjiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmi(ja) fl-Artikolu 5 jkun/tkun ġie/ġiet inkluż(a) fl-Anness II jew III, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw it-talbiet assigurati b’tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fi żmien il-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) il-garanzija jew is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp elenkat(a) fl-Anness II jew III;

(d) ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat;

(e) fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru dwar il-garanzija jew is-sentenza, u

(f) fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkat fl-Anness III, l-Istat Membru rilevanti għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 9

1. L-Artikolu 5(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b) pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li okkorrew qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi(ja) fl-Artikolu 5 jkun/tkun ġie/ġiet innominat(a) mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kunsill,

bil-kundizzjoni li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħra jkunu ffriżati skont l-Artikolu 5(1).

2. L-Artikolu 5(2) ma għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn jirċievu fondi ttrasferiti fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat(a), bil-kundizzjoni li kwalunkwe żieda għal tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar kwalunkwe tali tranżazzjoni mingħajr dewmien.

Artikolu 10

B’deroga mill-Artikolu 5 u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna, entità jew korp elenkat(a) fl-Anness II jew III jkun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li okkorra għall-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat(a), qabel id-data li fiha dik il-persuna, l-entità jew il-korp kien/kienet innominat/innominata, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li:

(i) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal pagament minn persuna, entità jew korp elenkat(a) fl-Anness II jew III;

(ii) il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 5(2);

(b) fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni għaxart ijiem qabel,

(c) fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkat fl-Anness III, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mill-anqas ġimgħatejn qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.

Artikolu 11

1. L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq bona fede abbażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkun/tkun qed jimplimentah/timplimentah, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta’ negliġenza.

2. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) ma għandhiex tagħti lok għal responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi li għamlu disponibbli fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru l-projbizzjoni inkwistjoni.

Artikolu 12

1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) jipprovdu minnufih kwalunkwe tagħrif li jista’ jiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 4, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, kif indikat fuq il-websajts elenkati fl-Anness II, u għandhom jittrażmettu dan it-tagħrif, b'mod dirett jew permezz tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni; u

(b) jikkooperaw ma’ dik l-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta’ dan it-tagħrif.

2. Kwalunkwe tagħrif li jingħata jew li jiġi riċevut skont dan l-Artikolu għandu jintuża biss għall-finijiet li għalihom ikun ġie pprovdut jew riċevut.

Artikolu 13

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin minnufih dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe tagħrif ieħor rilevanti, b'rabta ma’ dan ir-Regolament, li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari tagħrif dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

Artikolu 14

1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li:

(a) temenda l-Anness II abbażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(b) temenda l-Anness III abbażi tad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-Anness IV għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/XXX/PESK; u

(b) temenda l-Anness IV abbażi ta' tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

2. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-elenkarfid-deċiżjonijiet tagħha meħuda skont il-paragrafu 1(a) u (b), u għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp inkluż(a) fl-Anness III permezz ta' notifika individwali jew, jekk l-indirizz ma jkunx magħruf, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, sabiex tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità jippreżentaw osservazzjonijiet.

3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-Anness II u l-Anness III u tgħarraf lill-persuna, lill-entità jew lill-korp skont dan.

4. Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-dejta personali sabiex twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament. Dawn id-dmirijiet jinkludu:

(a) li tħejji u temenda l-Anness II jew III għal dan ir-Regolament;

(b) li tinkludi l-kontenut ta' dawn l-annessi fil-lista elettronika, ikkonsolidata tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għas-sanzjonijiet finanzjarji tal-UE disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni[6];

(c) li tipproċessa informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u tagħrif dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

5. Il-Kummissjoni tista' tipproċessa dejta rilevanti b'rabta ma' reati kriminali mwettqa mill-persuni fiżiċi elenkati, u ma' kundanni penali jew miżuri ta' sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, sal-punt li tali proċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness II għal dan ir-Regolament. Tali dejta ma għandhiex tiġi ppubblikata jew skambjata.

6. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-unità tal-Kummissjoni elenkata fl-Anness IV hija nnominata bħala l-"kontrollur" għall-Kummissjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet ipprovduti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 16

F’dan ir-Regolament, fejn ikun hemm rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata jew li jsir xi tip ieħor ta' komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra ta' kuntatt li għandhom jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness IV.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c) għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju mwettaq, b’mod sħiħ jew parzjali, fi ħdan l-Unjoni.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNESS I

Lista ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna kif imsemmi fl-Artikoli 2, 3 u 4

1. Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

1.1 Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea ("il-Lista Militari Komuni")[7];

1.2 Munizzjon iddisinjat speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti ddisinjati apposta għalihom;

1.3 Miri tal-armi mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

2. Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

3. Vejikoli kif ġej:

3.1 Vejikoli mgħammra b’kanun tal-ilma, speċifikament iddisinjati jew immodifikati għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet;

3.2 Vejikoli ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lill-attakkanti;

3.3 Vejikoli ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir ta' kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;

3.4 Vejikoli ddisinjati speċifikament għat-trasport jew it-trasferiment ta’ priġunieri u/jew detenuti;

3.5 Vejikoli ddisinjati speċifikament għall-iskjerament tal-barrikati mobbli;

3.6 Komponenti għall-vejikoli speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 ddisinjati speċifikament għall-finijiet ta' kontroll tal-irvellijiet.

Nota 1 Dan l-oġġett ma jikkontrollax il-vejikoli speċifikament iddisinjati għall-finijiet ta’ tifi tan-nar.

Nota 2 Għall-finijiet tal-oġġett 3.5 t-terminu "vejikoli" jinkludi l-karrijiet.

4. Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej:

4.1 Tagħmir u apparat iddisinjat speċifikament biex iqabbad splużjonijiet b'mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inklużi settijiet tat-tqabbid, detonaturi, apparati li jqabbdu, busters u fil detonatur, u komponenti ddisinjati speċifikament għalihom; minbarra dawk iddisinjati speċifikament għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operar b'mezzi splussivi ta' tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta' splużjonijiet (pereżempju, neffieħa tal-airbags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f'daqqa tal-elettriku ta' attwaturi ta' bexxiexa għat-tifi tan-nar);

4.2 Kargi splussivi ta' qtugħ lineari mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni;

4.3 Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

a. amatol;

b. nitroċelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);

c. nitroglikol;

d. tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN);

e. klorur tal-pikril;

f. 2,4,6-trinitrotoluwen (TNT).

5. Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mill-ML 13 tal-Lista Militari Komuni kif ġej:

5.1 Korazzi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti b'arma bil-ponta jew sikkina;

5.2 Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew mill-frammenti, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi.

Nota: Dan il-punt ma jikkontrollax:

- tagħmir iddisinjat speċifikament għal attivitajiet sportivi;

- tagħmir iddisinjat speċifikament sabiex jissodisfa rekwiżiti ta' sikurezza okkupazzjonali.

6. Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mill-ML 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta' armi tan-nar, u softwer imfassal speċifikament għalihom.

7. Tagħmir ta' viżjoni fid-dlam, termografiku u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

8. Fildiferru mxewwek (barbed wire) li jaqta'.

9. Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b'xafra itwal minn 10 cm.

10. Tagħmir ta' produzzjoni ddisinjat speċifikament għall-oġġetti speċifikati f'din il-lista.

11. Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f'din il-lista.

ANNESS II

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6 (1).

1. QADHAFI, Aisha Muammar Data tat-twelid : 1978. Post tat-twelid : Tripli, il-Libja.Bint Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

2. QADHAFI, Hannibal Muammar Numru tal-passaport: B/002210. Data tat-twelid : 20/09/1975. Post tat-twelid : Tripli, il-Libja.Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

3. QADHAFI, Khamis Muammar Data tat-twelid : 1978. Post tat-twelid : Tripli, il-Libja.Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim. Kmand tal-unitajiet militari involuti fir-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

4. QADHAFI, Muammar Mohammed Abu Minyar Data tat-twelid : 1942. Post tat-twelid : Sirte, il-Libja.Mexxej tar-Rivoluzzjoni, Kmandant Suprem tal-Forzi Armati. Responsabbilità għall-ordni tar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

5. QADHAFI, Mutassim Data tat-twelid : 1976. Post tat-twelid : Tripli, il-Libja.Konsulent għas-Sigurtà Nazzjonali. Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

6. QADHAFI, Saif al-Islam Direttur, Fondazzjoni Qadhafi. B014995. 25/06/1972. Tripli, il-Libja. Iben Muammar QADHAFI. Qrubija ta' assoċjazzjoni mar-reġim. Dikjarazzjonijiet pubbliċi xewwiexa li jinkoraġġixxu l-vjolenza kontra d-dimostranti.

Data tan-nomina min-NU: 26.2.2011.

ANNESS III

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6(2).

(Biex timtela mill-Kunsill)

ANNESS IV

Lista ta’ awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 7(1), 8(1), 10 u 12(1) u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea.

(Biex timtela mill-Istati Membri)

A. Awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru:

IL-BELĠJU

IL-BULGARIJA

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

ID-DANIMARKA

IL-ĠERMANJA

L-ESTONJA

L-IRLANDA

IL-GREĊJA

SPANJA

FRANZA

L-ITALJA

ĊIPRU

IL-LATVJA

IL-LITWANJA

IL-LUSSEMBURGU

L-UNGERIJA

MALTA

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

L-AWSTRIJA

IL-POLONJA

IL-PORTUGALL

IR-RUMANIJA

IS-SLOVENJA

IS-SLOVAKKJA

IL-FINLANDJA

L-ISVEZJA

IR-RENJU UNIT

B. Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew għal xi komunikazzjoni oħra magħha:

European Commission

Foreign Policy Instruments Service

CHAR 12/106

B-1049 Bruxelles/Brussel

Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel.: (32 2) 295 55 85

Feks: (32 2) 299 08 73

[1] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[2] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[3] ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.

[4] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

[5] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

[6] http://ec.europa.eu/external_relations/cfsp/sanctions/consol-list_en.htm

[7] ĠU L 88, 29.3.2007, p. 58.

Top