Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0061

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)

    /* KUMM/2011/0061 finali */

    52011PC0061

    /* KUMM/2011/0061 finali */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 15.2.2011

    KUMM(2011) 61 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

    Fl-24 ta' Marzu 2010, ir-Repubblika Ċeka ressqet applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara li ngħataw is-sensji f'Unilever ČR spol.s r.o. f'Nelahozeves fir-Repubblika Ċeka (minn hawn 'il quddiem 'Unilever').

    Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

    SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

    Dejta prinċipali: |

    Nru ta’ Referenza tal-EGF | EGF/2010/010 |

    Stat Membru | Ir-Repubblika Ċeka |

    Artikolu 2 | (a) |

    Intrapriża primarja | Unilever ČR spol.s r.o. |

    Fornituri u produtturi iktar l-isfel fil-katina tal-produzzjoni | 0 |

    Perjodu ta’ referenza | 16.9.2009 – 16.1.2010 |

    Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati | 16.10.2009 |

    Data tal-applikazzjoni | 24.3.2010 |

    Sensji matul il-perjodu ta’ referenza | 634 |

    Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza | 0 |

    Sensji totali eliġibbli | 634 |

    Ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma identifikati għall-għajnuna | 460 |

    Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) | 474 463 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[3] (EUR) | 23 723 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) | 4,8 |

    Baġit totali (EUR) | 498 186 |

    Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) | 323 820 |

    1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2010 u kienet supplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-20 ta’ Settembru 2010.

    2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-użu tal-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u ġiet sottomessa fi żmien il-perjodu speċifikat ta’ 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

    Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fl-andamenti tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

    3. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-konsum u l-bejgħ ta' prodotti tal-ikel bħal ma huma dawk prodotti minn Unilever fir-Repubblika Ċeka naqsu serjament minħabba din il-kriżi. Hi kkwotat statistika tal-Eurostat li turi li f'perjodu ta' tnax-il xahar minn Settembru 2008 sa Awwissu 2009, il-fatturat tal-bejgħ fl-UE 27 naqas bi 3,32 % fiż-żona tal-Euro b'4,52 %, u fir-Repubblika Ċeka b'5,88 %.

    L-impjant ta' produzzjoni ta' Unilever f'Nelahozeves forna prodotti lis-suq kollu tal-UE, u t-tnaqqis fid-domanda għall-prodotti tiegħu wassal biex dan ma jkunx sostenibbli. Madwar 45 % tal-produzzjoni tiegħu, madankollu, forna s-suq 'lokali' - ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka - u ċifri mill-Uffiċċju Ċek tal-Istatistika, ikkwotati fl-applikazzjoni, jikkonfermaw li s-settur tan-negozju bl-imnut fir-Repubblika Ċeka naqas b'5,88 % fis-sena sa Settembru 2009.

    Ir-Repubblika Ċeka ssostni li ħafna konsumaturi bidlu l-andamenti ta' xiri tagħhom b'reazzjoni għall-inċertezzi li nħolqu minħabba l-kriżi ekonomika globali. Xi konsumaturi rażżnu l-infiq tagħhom, u oħrajn bdew jixtru prodotti ta' kwalità aktar baxxa. Iż-żewġ fatturi kellhom impatt gravi ħafna fuq id-domanda għal prodotti bil-marka bħal ma huma dawk prodotti mill-Unilever. L-applikazzjoni tikkwota ċifri tal-Eurostat dwar il-Fiduċja tal-Konsumatur, li juru tnaqqis kbir fl-UE-27 u fir-Repubblika Ċeka matul l-2009.

    It-tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumatur u t-tnaqqis fil-bejgħ wasslu ineżoribbilment għal tnaqqis fil-produzzjoni f'Nelahozeves, u riorganizzazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni mill-Unilever. L-impriża ddeċidiet li tagħlaq il-fabbrika tagħha f'Nelahozeves u li tforni lis-swieq lokali u dawk tal-UE minn siti ta' produzzjoni oħra, inklużi dawk ibbażati fi bnadi oħra tal-UE.

    Turija tal-għadd tas-sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

    4. Ir-Repubblika Ċeka ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' invervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja matul perjodu ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-fornituri tagħhom jew fil-produtturi iktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni.

    5. L-applikazzjoni tikkwota 634 sensja f'Unilever matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mis-16 ta' Settembru 2009 sas-16 ta' Jannar 2010. Is-sensji kollha ġew ikkalkulati b'konformità mat-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. B'konformità mar-rekwiżiti ta' dan l-inċiż, ir-Repubblika Ċeka pprovdiet lill-Kummissjoni b'informazzjoni supplementari dwar l-għadd attwali ta' sensji effettwati.

    Spjegazzjoni tan-natura mhix prevista ta' dawk is-sensji

    6. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali ma kinetx prevista, u li s-severità tagħha ma setgħetx tiġi prevista.

    Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li se jingħataw l-għajnuna

    7. L-applikazzjoni tikkwota total ta' 634 sensja fl-intrapriża Unilever ČR, spol.s r.o. f'Nelahozeves fir-reġjun NUTS II ta' Střední Čechy. Il-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja ġew offruti biex jipparteċipaw fi programm għall-klassifikazzjoni mill-ġdid, 460 minnhom aċċettaw l-offerta.

    8. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

    Kategorija | Għadd | Perċentwali |

    Irġiel | 219 | 47,6 |

    Nisa | 241 | 52,4 |

    Ċittadini tal-UE | 460 | 100,0 |

    Ċittadini mhux tal-UE | 0 | 0,0 |

    minn 15 sa 24 sena | 42 | 9,1 |

    minn 25 sa 54 sena | 358 | 77,8 |

    Età ’l fuq minn 54 sena | 60 | 13,1 |

    9. Fit-termini ta' kategoriji professjonali jitqassmu kif ġej:

    Kategorija | Għadd | Perċentwali |

    Ħaddiema tal-produzzjoni | 235 | 51,1 |

    Operaturi tal-magni | 117 | 25,4 |

    Maniġers tal-produzzjoni | 40 | 8,7 |

    Kontroll tal-kwalità | 21 | 4,6 |

    Sewwieqa tal-krejnijiet u tal-forklifters | 18 | 3,9 |

    Elektrixins | 14 | 3,1 |

    Professjonisti amministrattivi | 4 | 0,9 |

    Maniġers ta' livell għoli | 5 | 1,1 |

    Professjonisti finanzjarji | 3 | 0,6 |

    Professjonisti fil-qasam tal-IT | 3 | 0,6 |

    10. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, ir-Repubblika Ċeka kkonfermat li ġiet applikata, u se tkompli tiġi applikata, politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fl-aċċess għall-EGF.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

    11. Nelahozeves, fejn kienet tinsab il-fabbrika ta' Unilever, jinsab f'Bohemia Ċentrali, fit-tramuntana ta' Praga, fid-distrett ta' Mělník. Id-distrett għandu popolazzjoni ta' madwar 100 000, u l-ekonomija tiegħu hija fil-maġġoranza tagħha dipendenti fuq l-ipproċessar tal-ikel, u l-industriji tal-kimika u tal-enerġija. Id-distrett huwa kkaratterizzat minn sehem għoli ta' impriżi żgħar u medji li huma attivi fl-ekonomija tiegħu.

    12. Il-partijiet interessati prinċipali jinkludu l-Ministeru tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (MOLSA), Unilever ČZ spol.s r.o., l-Uffiċċju tal-Impjiegi f'Mělník, u t-Trejdjunjin Indipendenti għall-ħaddiema fl-industrija tal-ikel fir-reġjuni ta' Bohemia u Moravia (NOSPP).

    L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    13. L-awtoritajiet Ċeki jsostnu li l-kriżi wasslet għal żieda sinifikanti fil-qgħad fir-Repubblika Ċeka. Fil-Bohemia Ċentrali, fejn kienet tinsab il-fabbrika ta' Unilever, ir-rata ta' qgħad żdiedet minn 3,6 % għas-sena 2008 għal 6,4 % f'Ottubru 2009. Fid-distrett ta' Nelahozeves ir-rata f'Ottubru 2009 kienet ta' 7,5 %. Għalkemm relattivament baxxa, u aktar baxxa mill-medja nazzjonali Ċeka (8,5 % f'Ottubru 2009), l-istruttura tal-qgħad fil-pajjiż tagħti lok għal tħassib. Il-qgħad fost in-nies b'edukazzjoni iktar avvanzata huwa baxx, imma fost in-nies li għandhom biss edukazzjoni bażika, ir-rata tal-qgħad hija aktar minn 25 %, u l-maġġoranza tan-nies li ngħataw is-sensja f'Unilever jaqgħu f'din il-kategorija. Għaldaqstant, il-possibbiltà ta' assorbiment mill-ġdid rapidu fis-suq tax-xogħol tonqos b'mod konsiderevoli, u mingħajr għajnuna supplementari l-ħaddiema qegħdin fir-riskju li jiġu qiegħda għal medda twila ta' żmien.

    Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

    14. Il-miżuri kollha li ġejjin flimkien jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati maħsuba biex jerġgħu jintegraw lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Il-miżuri se jkunu kofinanzjati minn Unilever u pprovduti mill-kumpanija jew kuntratturi li jaħdmu f'isimha.

    15. Bħala l-ewwel pass, se tiġi pprovduta għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid f'forma ta' parir dwar telfien ta' xogħol, tfittix ta' xogħol u transizzjoni fil-karriera. Speċjalist fi kwistjonijiet tal-liġi tax-xogħol, kif ukoll psikologu u konsulent f'livell għoli dwar it-transizzjoni fil-karriera se jkunu disponibbli biex iwieġbu għall-mistoqsijiet kif meħtieġ. B'żieda ma' dan, se jiġi prodott fuljett u se jkun disponibbli għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, li se jipprovdihom b'informazzjoni fuq, fost oħrajn, il-benefiċċji li huma mistennija li jkollhom mis-servizzi ta' klassifikazzjoni, pariri fuq kif għandhom jindirizzaw l-emozzjonijiet tagħhom, u affarijiet li għandhom jagħmlu u ma għandhomx jagħmlu fil-bidu tal-programm.

    16. Għoti ta' pariri fuq bażi individwali u għajnuna għal tfittix ta' xogħol se jinkludi risposti għal mistoqsijiet speċifiċi dwar it-tfittix ta' xogħol; evalwazzjoni tal-attivitajiet attwali; preparazzjoni għal attivitajiet fil-futur; valutazzjoni ta' offerti; strateġiji li jikkummerċjalizzaw il-karrieri; analiżi tar-riżultati tal-intervisti; tfittix għax-xogħol bl-użu tal-internet u sorsi ta' informazzjoni oħra; identifikazzjoni ta' swieq identifikati (kumpaniji li jistgħu jkollhom offerti tax-xogħol xierqa); għajnuna biex jiġu indirizzati l-kumpaniji identifikati; netwerking; preparazzjoni ta' CVs u ittri ta' motivazzjoni; kuntatt ma' aġenziji governattivi; informazzjoni, kuntatt, għajnuna, u kwalifikazzjoni mill-ġdid professjonali b'konnessjoni mal-ħolqien tan-negozju; għajnuna psikoloġika jekk meħtieġa; u testijiet psikodijanjostiċi u rispons.

    17. Allokazzjonijiet għat-tfittix ta' xogħol huma pprovduti lill-ħaddiema meta jibdew it-taħriġ u l-attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg tagħhom.

    18. Seminars u laqgħat ta' ħidma speċjali għal transizzjoni fil-karriera se jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' ħiliet meħtieġa għat-tfittix ta' xogħol kif ukoll għall-ġestjoni ta' karriera li tkun għadha għaddejja. Se jkun hemm seminars separati għall-maniġers u l-ħaddiema, b'rikonoxximent għall-bżonnijiet differenti tagħhom u s-sitwazzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Huwa mfassal seminar ta' jumejn biex jipprepara lill-maniġers li ngħataw is-sensja għal tfittix effettiv ta' impjieg ġdid. Il-partiċipanti se jitgħallmu approċċ ta' ġestjoni tal-proġetti għall-proċess tat-tfittix tax-xogħol li jipprovdi pjanijiet, miżuri u standards ta' referenza għal transizzjoni b'suċċess. Għall-ħaddiema se jkun hemm programm ta' ġurnata li se jitwassal f'żewġ sezzjonijiet ta' nofstanhar il-wieħed biex jgħin lill-ħaddiema tal-fabbrika, ħaddiema tal-manutenzjoni, ħaddiema operattivi, ħaddiema li jagħtu servizz, u ħaddiema oħra li jitħallsu bis-siegħa biex jidentifikaw ħiliet u kisbiet; jistabbilixxu għan ta' xogħol; jiżviluppaw lista ta' miri; ilestu applikazzjoni għax-xogħol, CV, jew skeda informattiva; u jitgħallmu ħiliet importanti għat-tfittix ta' xogħol. B'żieda ma' dan, għadd ta' laqgħat ta' ħidma speċifiċi se jiġu organizzati, inklużi 'CVs u ittri li jwasslu għal riżultat' ('CVs and letters that get results') u 'Intervisti Dinamiċi' ('Dynamic Interviewing').

    19. Allokazzjonijiet għat-taħriġ u għall-mobilità huma pprovduti lill-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja waqt li jkunu qegħdin jieħdu sehem f'attivitajiet ta' klassifikazzjoni mill-ġdid.

    20. Servizzi individwali għat-transizzjoni fil-karriera għall-maniġers f'livell għoli huma ppjanati għall-impjegati f'livell għoli. Dawn is-servizzi huma mfassla biex jgħinu maniġers f'livell għoli biex ikollhom suċċess fit-transizzjoni fil-karriera, u huma mfassla biex jinkludu kull element ta' għajnuna li individwu jista' jeħtieġ, u huma magħmula apposta biex jissodisfaw ċirkustanzi li jitbiddlu. Is-sezzjonijiet individwali ta' konsultazzjoni jkopru s-suġġetti li ġejjin: kif tindirizza l-emozzjonijiet marbuta mal-proċess ta' transizzjoni; awtoevalwazzjoni bl-użu tal-għodda xierqa; valutazzjoni komprensiva tal-ħiliet, il-qawwiet, il-valuri u l-kisbiet; esplorazzjoni fil-fond tal-karriera u ta' alternattivi għax-xogħol; analiżi oġġettiva komprensiva u strateġija tas-suq; pjanijiet għall-kummerċjalizzazzjoni; preparazzjoni ta' CV, ittri ta' akkumpanjament u materjal miktub ieħor; intervista fil-fond u taħriġ għal netwerking; gwida għal valutazzjoni u negozjar ta' offerti ta' xogħol; tfittix imfassal apposta ta' impriżi u gwida għal kif wieħed jista' jaħdem magħhom; aċċess għall-faċilitajiet ta' uffiċċju, inkluż post ta' xogħol b'kompjuter, faks, imejl u internet; għajnuna fir-riċerka u fit-tfittix ta' postijiet vakanti fl-istampa; u sezzjonijiet ta' konsultazzjoni ma' esperti konsulenti f'livell għoli fit-Tfittix Eżekuttiv.

    21. Se jkun hemm miżuri biex jistimulaw ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien . Dawn se jinkludu laqgħat ta' ħidma li jsiru kull ġimgħa u taħriġ kif ukoll segwitu ta' konsultazzjonijiet individwali b'attenzjoni speċjali fuq awtopromozzjoni assertiva u ħiliet fil-qasam tal-IT.

    22. Għajnuna għal min irid jaħdem għal rasu se tinkludi informazzjoni dwar kif wieħed jaħdem għal rasu, b'mod partikolari dwar ir-rekwiżiti legali meħtieġa biex wieħed jibda jaħdem għal rasu. Dan huwa inkluż fil-laqgħat ta' ħidma dwar klassifikazzjoni mill-ġdid, flimkien ma' konsultazzjoni individwali dwar opportunitajiet fis-suq li qegħdin jinħolqu f'reġjun speċifiku.

    23. Promozzjoni tal-intraprenditorjat tinkludi laqgħa ta' ħidma dwar ir-rekwiżiti meħtieġa biex wieħed jibda l-kumpanija tiegħu stess.

    24. Spejjeż relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett (tim tal-proġett) ikopru l-ispejjeż tat-tim tal-proġett u huma marbuta direttament mal-miżuri l-oħra kollha. Għal raġunijiet ta' trasparenza l-awtoritajiet Ċeki għażlu li jibbaġittjaw u jippreżentaw dawn l-ispejjeż separatament.

    25. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ preparazzjoni, ta' ġestjoni u ta' kontroll kif ukoll informazzjoni u pubbliċità.

    26. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Ċeki huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Ċeki jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 474 463 u l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 23 723 (4,8 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 323 820 (65 % tal-ispejjeż totali).

    Azzjonijiet | Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati | Spiża stmata għal kull ħaddiem identifikat (EUR) | Spejjeż totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR) |

    Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid | 460 | 44 | *20 423 |

    Għoti ta' pariri u għajnuna għat-tfittix ta' xogħol | 460 | 174 | 80 040 |

    Allokazzjoni għal tfittix ta' xogħol | 460 | 100 | 46 000 |

    Seminars u laqgħat ta' ħidma speċjali dwar it-transizzjoni fil-karriera | 460 | 340 | 156 400 |

    Allokazzjoni għal taħriġ u għal mobbiltà | 460 | 164 | *75 292 |

    Servizzi individwali għal transizzjoni fil-karriera għall-maniġers f'livell għoli | 5 | 4 775 | 28 875 |

    Miżuri biex jistimulaw ħaddiema mdaħħla fiż-żmien | 83 | 100 | 8 300 |

    Għajnuna għal min jaħdem għal rasu | 10 | 950 | 9 500 |

    Promozzjoni tal-intraprenditorjat | 10 | 1 150 | 11 500 |

    Spejjeż relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett (tim tal-proġett) | 460 | 94 | 43 133 |

    Sottototal tas-servizzi personalizzati | 474 463 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Attivitajiet ta' tħejjija | 4 745 |

    Ġestjoni | 2 372 |

    Informazzjoni u pubbliċità | 1 186 |

    Informazzjoni u pubbliċità | 15 420 |

    Sottototal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF | 23 723 |

    Total tal-ispejjez stmati | 498 186 |

    Kontribut tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 323 820 |

    * It-totali ma jaqblux minħabba t-tqarrib tal-ispejjeż tal-unità għal kull ħaddiem

    27. Ir-Repubblika Ċeka tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali.

    Id-data/dati meta bdew jew meta huwa maħsub li jibdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati

    28. Ir-Repubblika Ċeka bdiet toffri s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost għall-kofinanzjament lill-EGF fis-16 ta' Ottubru 2009. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

    Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

    29. L-awtoritajiet Ċeki rrappurtaw li l-miżuri li jakkumpanjaw ir-riorganizzazzjoni ta' Unilever ġew diskussi mal-imsieħba soċjali u l-uffiċċju tal-impjiegi. Intlaħaq ftehim dwar il-miżuri ta' akkumpanjament fis-16 ta' Settembru 2009.

    30. L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

    Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

    31. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Ċeki fl-applikazzjoni tagħhom:

    32. ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    33. taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lil ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

    34. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    35. L-awtoritajiet Ċeki nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jmexxu u jikkontrollaw il-finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fir-Repubblika Ċeka.

    Finanzjament

    36. Abbażi tal-applikazzjoni mir-Repubblika Ċeka, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati huwa ta' EUR 323 820, li jirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mir-Repubblika Ċeka.

    37. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    38. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    39. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

    40. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet ta' impenn speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    Sors tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas

    41. Il-baġit tal-2011 juri approprjazzjonijiet tal-ħlas ta' EUR 47 608 950 fuq il-linja baġitarja 04.0501 "Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF)", din il-linja baġitarja se tintuża biex tkopri l-ammont ta' EUR 323 820 meħtieġ għall-applikazzjoni preżenti.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[4], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[6],

    Billi:

    (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba tibdiliet strutturali ewlenin fl-andamenti kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4) Ir-Repubblika Ċeka ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji f'Unilever ČR spol.s r.o. fl-24 ta' Marzu 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-20 ta' Settembru 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 323 820.

    (5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mir-Repubblika Ċeka.

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 323 820 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f ’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [3] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    [4] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [5] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [6] ĠU C […], […], p. […].

    Top