Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0036

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/197/KE rigward it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ għalf diġà eżistenti magħmul minn qamħirrun ġenetikament immodifikat tal-linja 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (It-testi bil-Franċiż, bl-Olandiż u bl-Ingliż biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    /* KUMM/2011/0036 finali - NLE 2011/0016 */

    52011PC0036

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/197/KE rigward it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ għalf diġà eżistenti magħmul minn qamħirrun ġenetikament immodifikat tal-linja 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (It-testi bil-Franċiż, bl-Olandiż u bl-Ingliż biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2011/0036 finali - NLE 2011/0016 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 3.2.2011

    KUMM(2011) 36 finali

    2011/0016 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/197/KE rigward it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ għalf diġà eżistenti magħmul minn qamħirrun ġenetikament immodifikat tal-linja 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (It-testi bil-Franċiż, bl-Olandiż u bl-Ingliż biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill mehmuża tikkonċerna t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni biex jibqa' fis-suq l-għalf magħmul mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament 1507 (DAS-Ø15Ø7-1), li dwaru fit-12 ta' April 2007 flimkien ressqu talba, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, il-Pioneer Overseas Corporation f'isem il-Pioneer Hi-bred International, u d-Dow AgroSciences f'isem il-Mycogen Seeds.

    Din il-proposta temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/197/KE li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel li jkun fih, ikun jikkonsisti fi, jew li jkun prodott minn qamħirrun modifikat ġenetikament tal-linja 1507, billi testendi l-ambitu tagħha biex jinkludi li l-materjali u l-addittivi tal-għalf magħmulin mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament eżistenti tal-linja 1507 jibqa' fis-suq.

    Fil-11 ta' Ġunju 2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tat opinjoni favorevoli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Hija qieset li t-tagħrif il-ġdid mogħti fl-applikazzjoni u r-reviżjoni tal-litteratura xjentifika ppubblikata wara l-opinjonijiet xjentifiċi preċedenti tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM, dwar il-qamħirrun 1507, ma jeħtiġux it-tibdil tal-opinjonijiet xjentifiċi preċedenti dwar il-qamħirrun 1507. Għaldaqstant tenniet il-konklużjoni preċedenti tagħha li mhuwiex probabbli li l-qamħirrun 1507 għandu jkollu effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew fuq l-ambjent fil-kuntest tal-użi proposti għalih.

    Fuq dan l-isfond, fil-15 ta' Novembru 2010 tressaq għall-votazzjoni quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/197/KE rigward it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' għalf eżistenti magħmul mill-qamħirrun 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) immodifikat ġenetikament. Il-Kumitat ma ta l-ebda opinjoni: 13-il Stat Membru (183 vot) ivvotaw favur, seba' Stati Membri (73 vot) ivvotaw kontra, u seba' Stati Membri (89 vot) astjenew.

    Għaldaqstant, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u b'konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, il-Kummissjoni hija mitluba tressaq proposta lill-Kunsill marbuta mal-miżuri li għandhom jittieħdu, u l-Kunsill għandu tliet xhur biex jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata, u jinforma lill-Parlament.

    2011/0016 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/197/KE rigward it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ għalf diġà eżistenti magħmul minn qamħirrun immodifikat ġenetikament tal-linja 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (It-testi bil-Franċiż, bl-Olandiż u bl-Ingliż biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf [im]modifikat ġenetikament[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/197/KE tat-3 ta' Marzu 2006 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel li jkun fih, ikun jikkonsisti fi [minn], jew li jkun prodott [magħmul] minn qamħirrun [im]modifikat ġenetikament tal-linja 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] ma tkoprix it-tqegħid fis-suq tal-għalf magħmul mil-linja ta' qamħirrun 1507 (DAS- Ø15Ø7-1) (minn hawn 'il quddiem "il-linja ta' qamħirrun 1507").

    2. L-għalf magħmul mil-linja ta' qamħirrun 1507 tqiegħed fis-suq qabel id-data tas-seħħ tar-Regolament (KE) 1829/2003 u ġie nnotifikat skont l-Artikolu 20(1)(b) ta' dan ir-Regolament.

    3. Fit-12 ta' April 2007 il-Pioneer Overseas Corporation, f'isem il-Pioneer Hi-bred International, u d-Dow AgroSciences f'isem il-Mycogen Seeds, flimkien ressqu applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni biex jibqa' fis-suq l-għalf eżistenti magħmul mil-linja ta' qamħirrun 1507.

    4. Fil-11 ta' Ġunju 2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-ikel (l-"EFSA") tat opinjoni favorevoli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u kkonkludiet li t-tagħrif il-ġdid mogħti fl-applikazzjoni u r-reviżjoni tal-litteratura xjentifika li ġiet ippubblikata wara l-opinjonijiet xjentifiċi preċedenti tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM dwar il-linja ta' qamħirrun 1507[3] ma jeħtiġux tibdil tal-opinjonijiet xjentifiċi preċedenti dwar il-linja ta' qamħirrun 1507. Barra minn hekk, l-EFSA tenniet il-konklużjoni preċedenti li mhuwiex probabbli li l-qamħirrun 1507 għandu jkollu effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew fuq l-ambjent fil-kuntest tal-użi proposti għalih. Dan jgħodd ukoll għall-użu tal-għalf magħmul mil-linja ta' qamħirrun 1507[4].

    5. Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA qieset il-mistoqsijiet speċifiċi kollha u t-tħassib li tqajjem mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.

    6. L-applikant ikkonferma b'ittra tal-21 ta' Jannar 2010 li huwa konxju li t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-għalf eżistenti magħmul mil-linja ta' qamħirrun 1507 billi jiġi estiż l-ambitu tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/197/KE biex ikun jinkludi dan il-prodott, ikun jimplika li din il-kategorija ta' prodotti għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet legali ta' din id-Deċiżjoni.

    7. Abbażi tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA, ma jidhirx li hu meħtieġ ebda rekwiżit speċifiku dwar it-tikketti għall-għalf magħmul mill-qamħirrun tal-linja 1507 minbarra dawk stipulati fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    8. L-opinjoni tal-EFSA ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u/jew kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għall-użu u l-ġarr, inklużi r-rekwiżiti ta’ superviżjoni tal-użu wara t-tqegħid fis-suq, kif stipulat fil-punt (e) tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    9. Għall-fini tat-trasparenza, l-applikant ġie kkonsultat dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni.

    10. Għal dawn ir-raġunijiet, għandha tiġġedded l-awtorizzazzjoni biex jitqiegħed fis-suq għalf eżistenti magħmul mil-linja ta' qamħirrun 1507.

    11. Minħabba li hija drawwa normali li jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq tal-ikel u tal-għalf fl-istess Deċiżjoni, it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-għalf magħmul mil-linja ta' qamħirrun 1507 għandu jiddaħħal fid-Deċiżjoni 2006/197/KE. Id-Deċiżjoni 2006/197/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

    12. Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1 Emendi

    Id-Deċiżjoni Nru 2006/197/KE hija emendata kif ġej:

    (1) It-titolu jinbidel b'dan li ġej:

    "Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2006 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel li jkun fih, ikun jikkonsisti minn, jew li jkun magħmul minn qamħirrun immodifikat ġenetikament tal-linja 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) u li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' għalf li jkun magħmul minn dan it-tip ta' qamħirrun, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill"

    (2) L-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2006/197/KE huma mibdula b'dan li ġej:

    " Artikolu 1 Prodotti

    Din id-Deċiżjoni tkopri prodotti u ingredjenti tal-ikel li fihom u li jikkonsistu minn, jew li huma magħmulin minn qamħirrun immodifikat ġenetikament ( Zea mays L.) tal-linja 1507 u l-għalf magħmul minn dan il-qamħirrun (il-prodotti).

    Il-qamħirrun immodifikat ġenetikament ( Zea mays L.) tal-linja 1507, kif inhu speċifikat fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni, hu assenjat l-identifikatur uniku DAS-Ø15Ø7-1, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.

    Artikolu 2 It-tqegħid fis-suq

    It-tqegħid fis-suq tal-prodotti, skont il-kundizzjonijiet speċifikati f'din id-Deċiżjoni u fl-Anness tagħha, huwa awtorizzat għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Artikolu 3 It-tikkettar

    Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi dwar it-tikkettar stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-'isem tal-organiżmu' għandu jkun 'qamħirrun'".

    (3) L-Anness huwa emendat kif ġej:

    (a) It-taqsima (b) għandha tinbidel b'dan li ġej:

    "(b) L-isem u l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti:

    (i) Il-prodotti u l-ingredjenti tal-ikel li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma magħmulin mill-qamħirrun DAS-Ø15Ø7-1;

    (ii) L-għalf magħmul mill-qamħirrun DAS-Ø15Ø7-1.

    Il-qamħirrun immodifikat ġenetikament DAS-Ø15Ø7-1, kif jingħad fl-applikazzjoni, huwa reżistenti għas-susa tal-qamħ Ewropea ( Ostrinia nubilalis ) u għal ċerti lepidopteri oħra li huma ta' ħsara, u huwa tolleranti lejn l-erbiċida glufosinat-ammonju. Il-qamħirrun immodifikat ġenetikament DAS-Ø15Ø7-1 fih dawn is-sekwenzi tad-DNA li ġejjin f'żewġ każetts:

    - każett 1:

    Verżjoni sintetika tal-ġene trunkata cry 1F mill- Bacillus thuringiensis subsp. aizawai , li toffri reżistenza għas-susa tal-qamħ Ewropea ( Ostrinia nubilalis ) u għal ċerti lepidopteri oħra ta' ħsara, bir-regolazzjoni tal-promotur ubikwitin ubi ZM1(2) miz- Zea mays L. u t-terminatur l-ORF25PolyA mill- Agrobacterium tumefaciens pTi15955.

    - każett 2:

    Verżjoni sintetika tal-ġene pat miġjuba mill-varjant Tü494 tal-S treptomyces viridochromogenes , li tagħti tolleranza għall-erbiċida ammonju-glufosinat bir-regolazzjoni tas-sekwenzi tat-terminatur u l-promotur 35S mill- Cauliflower Mosaic Virus ."

    (b) It-taqsima (c) għandha tinbidel b'dan li ġej:

    "(c) It-tikkettjar:

    Ma hemm ebda rekwiżiti speċifiċi oħrajn minbarra dawk stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-'isem tal-organiżmu' għandu jkun 'qamħirrun'."

    Artikolu 2 Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil:

    (a) Pioneer Overseas Corporation, Avenue des Arts 44, B-1040 Brussell, il-Belġju u wkoll

    (b) Dow AgroSciences Europe, European Development Centre, 3 Milton Park, Abingdon, Oxon OX14 4RN, ir-Renju Unit

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L 268, 18.10.2003, p.1.

    [2] ĠU L 70, 9.3.2006, p. 82.

    [3] Opinjonijiet tal-EFSA ppubblikati fid-dati li ġejjin:- l-24 ta' Settembru 2004 għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrun 1507 għall-importazzjoni u l-ipproċessar;http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2004-011- id-19 ta' Jannar 2005 għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrun 1507 għall-importazzjoni, għall-għalf u għall-ipproċessar industrijali u l-koltivazzjoni;http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2004-072- id-19 ta' Jannar 2005 għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrun 1507 għall-użu fl-ikel http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2004-087

    [4] http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2007-144

    Top