Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IR0187

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli 2012 (RIO+20)”

ĠU C 54, 23.2.2012, p. 34–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli 2012 (RIO+20)”

2012/C 54/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jappella biex is-Summit Rio+20 jirrikonoxxi b’mod espliċitu l-urbanizzazzjoni bħala sfida ewlenija emerġenti li d-dinja trid tindirizza, u jsejjaħ ukoll għal appoġġ akbar biex isir skambju ta’ esperjenza u trasferiment tal-għarfien bejn il-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali fuq skala globali;

jappella biex is-Summit Rio+20 jadotta pjan direzzjonali tal-ekonomija ekoloġika, li madankollu għandu jinkludi sezzjoni speċifika dwar l-ekonomija ekoloġika lokali li tirrikonoxxi r-rwol prinċipali li jaqdu l-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali, u b’mod partikolari tippromovi Patt tas-Sindki u tar-Reġjuni internazzjonali u tappoġġja kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp; skema possibbli ta’ żvilupp ta’ kapaċità għandha tobbliga lill-pajjiżi benefiċjarji biex jinvolvu mill-qrib il-livelli sottonazzjonali ta’ governanza tagħhom fil-proċess;

jitlob li l-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali jkollhom post fil-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u l-entitajiet tan-NU bħala atturi governattivi importanti u rikonoxxuti bis-sħiħ. Is-Summit Rio+20 għandu jieħu l-opportunità biex jadatta l-istrutturi eżistenti tal-hekk imsejħa “Gruppi Ewlenin”, pereżempju billi joħloq kategorija ġdida u inklużiva ta’ “atturi governattivi”, u jinkariga lill-UNEP (jew l-Organizzazzjoni Ambjentali Dinjija futura) jew il-Kunsill tal-Iżvilupp Sostenibbli biex joħolqu kumitat permanenti għall-gvernijiet sottonazzjonali u lokali;

jitlob li Rio+20 jiddefinixxi l-oqfsa governattivi futuri meħtieġa biex tiġi żviluppata aktar l-Aġenda 21 Lokali u jappoġġja l-promozzjoni tad-demokrazija ambjentali globalment, pereżempju billi tiġi appoġġjata l-introduzzjoni ta’ konvenzjonijiet reġjonali oħra bħal dik ta’ Aarhus, jew billi jitnedew negozjati dwar Patt globali dwar il-Prinċipju Nru 10 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio.

Relatur

Is-Sur REEPALU (SE/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Malmö

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar

COM(2011) 363 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tlaqqa’ Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-ogħla livell possibbli f’Ġunju 2012 f’Rio de Janeiro (UNCSD jew Summit “Rio+20”), bl-objettiv li jiġi żgurat impenn politiku mġedded għall-iżvilupp sostenibbli, u jiġi vvalutat il-progress li sar sal-lum u n-nuqqasijiet li fadal fl-implimentazzjoni tar-riżultati ta’ summits ewlenin preċedenti dwar l-iżvilupp sostenibbli, u jiġu indirizzati sfidi ġodda u emerġenti. Se tagħmel dan fil-kuntest ta’ żewġ temi speċifiċi: “ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli” u “il-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli”;

2.

jappella lill-parteċipanti kollha fil-konferenza Rio+20 u s-segwitu tagħha biex jiżguraw is-suċċess tal-konferenza u jaslu għal/jiksbu progress ġenwin favur l-iżvilupp sostenibbli;

3.

enfasizza f’diversi okkażjonijiet l-importanza ta’ miżuri u bidliet biex tiġi appoġġjata u żviluppata l-ħidma fuq l-iżvilupp sostenibbli. Il-KtR huwa tal-fehma li l-atturi kollha – globali, dawk fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk nazzjonali, sottonazzjonali u l-gvernijiet lokali – għandhom responsabbiltà kondiviża biex joħolqu soċjetà sostenibbli, li tirrispetta r-riżorsi naturali disponibbli. Il-membri tal-KtR, il-bliet u l-gvernijiet sottonazzjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan ir-rigward u fil-biċċa l-kbira tagħhom huma l-ixpruni fil-ħidma favur żvilupp sostenibbli, fost l-oħrajn minħabba l-prossimità tagħhom maċ-ċittadini tal-UE;

4.

għaldaqstant jappella biex issir referenza espliċita għall-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali  (1) u li jkollhom is-setgħa fid-deliberazzjonijiet kollha ta’ Rio+20. Il-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali jridu jkunu involuti b’mod attiv kemm fil-preparazzjoni tas-Summit kif ukoll fis-segwitu u l-implimentazzjoni tiegħu. L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu forums mal-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali bħala preparazzjoni għal Rio+20;

5.

jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea biex iħejju pożizzjoni tal-UE għall-konferenza tan-NU li tkun ċara u magħquda, u biex jiżguraw li l-ftehimiet politiċi li jintlaħqu f’Rio de Janeiro jiġu segwiti b’azzjoni konkreta; f’dan ir-rigward huwa jenfasizza wkoll li l-involviment, il-kompetenza u s-setgħa tal-pubbliku fil-livell sottonazzjonali u lokali huma prekundizzjoni bażika għal soċjetà sostenibbli. Bil-għan li dan jiġi appoġġjat, il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità għandhom jiġu rrispettati u żviluppati fil-livelli kollha ta’ governanza, mil-livell globali, permezz tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u tal-ippjanar tal-Unjoni Ewropea, sal-livelli nazzjonali u sottonazzjonali. Il-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali għandhom jiġu rikonoxxuti bħala msieħba kompletament ugwali u fl-aktar livell ta’ governanza adegwat fl-isforzi favur żvilupp sostenibbli, kemm fit-tħejjija għall-konferenza tan-NU kif ukoll fl-implimentazzjoni tar-riżultati tagħha;

6.

jappella biex is-Summit Rio+20 jirrikonoxxi b’mod espliċitu l-urbanizzazzjoni bħala sfida ewlenija emerġenti li d-dinja trid tindirizza. L-urbanizzazzjoni hija ta’ rilevanza partikolari għall-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali, billi huma minn ta’ quddiem fl-indirizzar tal-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha. Mill-bidu ta’ dan is-seklu ’l hawn il-maġġoranza tas-7 biljun individwu tad-dinja jgħixu fil-bliet. Il-popolazzjoni tad-dinja tista’ tiżdied minn 7 għal 9 biljun ruħ sal-2050 u xi xenarji jbassru li 60 % ta’ din il-popolazzjoni ser jgħixu fil-bliet sal-2030. Din it-tendenza hija partikolarment evidenti fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jew fil-pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjoni rapida. L-iżvilupp urban sostenibbli jirrikjedi approċċ olistiku u integrat għall-ġestjoni tad-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjokulturali tal-iżvilupp fi ħdan qafas spazjali u fiżiku. Il-KtR jirrakkomanda sforzi aktar b’saħħithom biex jiġi żviluppat u appoġġjat l-iżvilupp urban sostenibbli;

7.

jenfasizza li “l-iżvilupp sostenibbli” jiddependi mill-armonija bejn il-fatturi soċjali, ekoloġiċi u ekonomiċi u b’hekk anke l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandha tkun it-tema prinċipali tas-Summit Rio+20, l-istess bħall-protezzjoni tar-riżorsi, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għanijiet ta’ politika ambjentali oħra;

8.

jixtieq jara aktar sforzi biex jinħolqu, jiġu valutati, jiġu preżentati u jixxerdu eżempji tajbin ta’ żvilupp urban sostenibbli. Hemm domanda sostanzjali għall-iskambju ta’ esperjenza u għal trasferiment tal-għarfien, fir-rigward kemm ta’ fatturi istituzzjonali kif ukoll ta’ approċċ sistematiku olisitiku u integrat fil-proċessi tal-ippjanar u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-governanza urbana tajba, il-ġestjoni tat-territorju, is-sistemi għall-ġestjoni tal-art, il-leġislazzjoni u l-politiki, il-finanzjament, il-kooperazzjoni pubblika u privata, il-parteċipazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni lkoll huma oqsma fejn hemm bżonn kbir ta’ skambju ta’ esperjenza u trasferiment tal-għarfien bejn il-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali fuq skala globali;

9.

jixtieq jenfasizza kemm huwa importanti li ssir enfasi fuq il-forom diversi ta’ sħubijiet u l-interazzjonijiet bejn il-bliet u l-inħawi tagħhom u li dawn jiġu żviluppati. Popolazzjoni li qed tikber fil-bliet tista’ tirriżulta f’domanda qawwija fuq il-produzzjoni u l-provvista tal-prodotti, pereżempju l-prodotti tal-ikel, kif ukoll il-ġestjoni tal-prodotti tal-iskart u l-iskart. Eżempju konkret tal-bżonn ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-bliet u l-inħawi tagħhom huwa l-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku, fejn hemm bżonn ta’ sistemi operattivi biex in-nutrijenti tal-pjanti jerġgħu lura fl-art agrikola biex l-ekoċiklu bijoloġiku jaħdem f’ċirkwit magħluq (closed loop);

10.

jemmen li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tixrid tal-informazzjoni huma ta’ importanza kruċjali biex ikun hemm aktar sensibilizzazzjoni tal-pubbliku. L-iżvilupp ta’ programmi tat-tagħlim huwa partikolarment importanti għat-tranżizzjoni li hija meħtieġa, mhux biss dwar l-għarfien tekniku dwar aspetti speċifiċi iżda wkoll dwar approċċ sistematiku olisitiku u integrat;

11.

jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-isfidi u miżuri konkreti li qed tiffaċċja l-komunità internazzjonali fil-ħidma tagħha favur l-iżvilupp sostenibbli ma jistgħux jiġu solvuti biss permezz ta’ teknoloġija ġdida u żieda fl-investiment finanzjarju. Hemm bżonn ukoll ta’ miżuri biex jiġi żviluppat l-għarfien bil-għan li jiġu adatti u jinbidlu l-imġiba tan-nies, ix-xejriet tal-konsum, eċċ.;

12.

jenfasizza li kemm il-midja soċjali kif ukoll dik tradizzjonali huma partikolarment importanti f’dan ir-rigward. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ dawn il-midja bħala għodod għall-iskambju tal-informazzjoni, għall-mobilizzazzjoni tan-nies, għall-ħolqien ta’ rabta bejn l-inizjattivi u ta’ opinjoni pubblika kritika u b’hekk tiġi promossa soċjetà sostenibbli;

13.

jenfasizza li waħda mill-għodod li jintużaw fl-isforzi biex tinkiseb soċjetà sostenibbli hija l-ġemellaġġi tal-irħula. Ħafna proġetti ta’ ġemellaġġ diġà qed jiġu implimentati jew qed jiġu stabbiliti fuq bażi tematika bilaterali jew multilaterali fil-livelli lokali u sottonazzjonali. Għadd ta’ atturi huma involuti f’dan il-proċess kemm fuq skala nazzjonali, sottonazzjonali u lokali, fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll internazzjonalment. Il-ġemellaġġi huma għodda partikolarment effettiva meta jkollhom kontenut tematiku ffokat, ikunu diretti lejn objettivi sostenibbli u jinvolvu mhux biss lill-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali iżda wkoll – u dan huwa iktar importanti għal riżultat ta’ suċċess – lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

14.

il-KtR jenfasizza li l-assoċjazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali tal-livelli ta’ governanza sottonazzjonali għandhom ukoll rwol importanti biex jiffaċilitaw l-iskambji u jagħtu lill-gvernijiet sottonazzjonali u lill-awtoritajiet lokali leħen fil-livell internazzjonali. Il-KtR innifsu jaġixxi bħala attur istituzzjonali importanti fil-kuntest tal-UE f’dan ir-rigward u jemmen li hemm bżonn aktar impenji biex jiġu kkoordinati l-istrutturi u n-netwerks eżistenti u biex jitjiebu l-valutazzjoni tal-proġetti innovattivi u t-tixrid tal-aħjar prattika;

B.   Nagħmlu possibbli t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika

15.

jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp sostenibbli, flimkien mat-tliet dimensjonijiet ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali jikkostitwixxi l-bażi għat-tkabbir, aktar opportunitajiet ta’ impjieg, ekonomija ekoloġika, prosperità akbar u ambjent aktar nadif u b’saħħtu;

16.

jinnota li s-sistema ekonomika attwali teċċedi l-kapaċitajiet tal-pjaneta mil-lat tal-użu sostenibbli tar-riżorsi u li, barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea qed timporta aktar u aktar karburanti fossili u materja prima, li wħud minnhom, li huma strateġiċi għall-preżent u l-futur tal-Unjoni, jistgħu jsiru skarsi fis-snin li ġejjin. Dan kollu jesiġi tranżizzjoni ekonomika b’mod imperattiv lejn mod ta’ żvilupp aktar sostenibbli li jirrispetta aktar dawn ir-riżorsi;

17.

jenfasizza bil-qawwa li t-tranżizzjoni lejn tendenza aktar sostenibbli tal-iżvilupp mhijiex biss problema iżda għall-kuntrarju fiha nnifisha tippreżenta sensiela ta’ opportunitajiet, b’mod partikolari meta t-titjib tal-ambjent u l-ħolqien tal-valur miżjud ekonomiku u soċjali huma meqjusa mil-lat ta’ sinerġija potenzjali. L-opportunitajiet għandhom isiru disponibbli permezz ta’ miżuri adegwati fl-oqsma tal-politika ekonomika, tal-edukazzjoni u tal-bidliet soċjali;

18.

jikkonkludi li fid-dawl tal-kundizzjonijiet finanzjarji attwali fl-Unjoni Ewropea u fil-livell internazzjonali, għandna naħdmu għall-kisba ta’ ekonomija sostenibbli u għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet iktar sostenibbli tal-impjiegi;

19.

itenni l-importanza tal-impjieg ekoloġiku u l-isforz fil-promozzjoni ta’ dan it-tip ta’ impjieg, definit bħala impjieg deċenti fis-setturi ekonomiċi kollha li jinvolvu s-sostenibbiltà (kemm dawk emerġenti kif ukoll dawk tradizzjonali) minħabba l-possibbiltà li joffri biex isir progress fil-koeżjoni soċjali. Għaldaqstant, l-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tas-sostenibbiltà fil-livelli kollha għandhom jitqiesu bħala aspetti ċentrali biex jiffaċilitaw l-iżvilupp sħiħ ta’ dawn is-setturi essenzjali;

20.

jirrakkomanda li s-Summit Rio+20 jipprovdi mudell alternattiv ġdid għall-kejl tat-tkabbir u l-benesseri lil hinn mill-PDG. Dan huwa neċessarju bil-għan li d-dibattiti jiffokaw mill-ġdid fuq il-politiki u biex ikun hemm bidla fundamentali fil-mod kif jiġi mifhum il-“progress”. Hemm bżonn ta’ indikaturi li jqisu t-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-inklużjoni soċjali;

21.

jinsab konvint li l-UE b’mod partikolari tista’ taqdi rwol importanti fil-konferenza tan-NU, jekk tkun tista’ tagħti hija stess eżempju tajjeb: il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati tissaħħaħ jekk tistabbilixxi għanijiet ambizzjużi fit-triq lejn “ekonomija ekoloġika”, pereżempju fl-oqsma koperti mill-Inizjattiva Ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 “Ewropa b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”;

22.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li s-Summit Rio+20 għandu jadotta pjan direzzjonali tal-ekonomija ekoloġika li jistabbilixxi miri u indikaturi adatti, ifassal kemm azzjoni internazzjonali diretta kif ukoll qafas għal inizjattivi globali, reġjonali (inkluż fil-livell tal-UE), nazzjonali u sottonazzjonali u jinkludi skeda għall-implimentazzjoni;

23.

f’dan il-kuntest jappoġġja t-talba tal-UE biex is-Summit Rio+20 jistabbilixxi skema ta’ żvilupp ta’ kapaċità maħsuba biex tagħti parir speċifiku skont il-pajjiż lill-pajjiżi kollha interessati dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u dwar kif jistgħu jaċċessaw il-fondi disponibbli. Il-KtR jisħaq li t-tali skema għandha tobbliga lill-pajjiżi biex jinvolvu mill-qrib il-livelli sottonazzjonali ta’ governanza tagħhom fil-proċess;

24.

jemmen li l-pjan direzzjonali għandu jinkludi sezzjoni speċifika dwar l-ekonomija ekoloġika lokali, li tirrikonoxxi r-rwol prinċipali li jaqdu l-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. Din is-sezzjoni għandha tindirizza b’mod partikolari l-isfidi maġġuri tal-urbanizzazzjoni u tal-ekonomija ekoloġika urbana, tippromovi Patt tas-Sindki u tar-Reġjuni internazzjonali u tappoġġja kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp mill-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali;

25.

jitlob li l-ħafna każijiet ta’ suċċess ta’ gvernijiet sottonazzjonali u gvernijiet lokali li jippromovu ekonomija ekoloġika jiġu inklużi fis-sett ta’ għodod tal-ekonomija ekoloġika ta’ Rio+20 li ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea;

26.

ifakkar fir-rwol importanti u l-ħafna attivitajiet tal-livelli lokali u sottonazzjonali fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni deċentralizzata b’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-KtR, il-membri tiegħu u l-Kummissjoni Ewropea, pereżemju l-“Atlas” tal-KtR, il-portal tal-internet u l-hekk imsejħa “Konferenza tal-Kooperazzjoni Deċentralizzata”;

27.

jixtieq jara miżuri fil-livell globali biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ settur kummerċjali mmexxi mill-ambjent, li jista’ jinkiseb billi:

jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ teknoloġija ekoloġika u ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi, fost l-oħrajn permezz ta’ żieda fl-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, inkluż investiment li, filwaqt li jibbaża fuq l-approċċ tas-servizzi tal-ekosistemi, ikollu l-għan li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità u għall-iżvilupp (mill-ġdid) tal-ekosistemi, u fl-istess waqt joħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda,

jiġu implimentati miżuri biex jiffaċilitaw l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti u servizzi ekoloġiċi fuq livell globali u l-promozzjoni tax-xogħol intelliġenti,

jiġu imposti talbiet ambjentali, klimatiċi u etiċi b’rabta mal-akkwist pubbliku u tipi oħra ta’ akkwist,

jtħeġġeġ l-iżvilupp tal-ekoloġija industrijali u l-ekonomija ċirkolari (minn nieqa sa nieqa), maħsuba biex jagħlqu ċ-ċikli ta’ produzzjoni u ta’ konsum, b’mod li jiġu inklużi l-materjali neċessarji għal dawn il-proċessi f’ċirkwit magħluq (closed loop), sabiex titnaqqas kemm jista’ jkun l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali mhux rinnovabbli,

jiġu żviluppati u implimentati metodi għall-akkwist funzjonali,

jiġu kkoordinati u żviluppati mudelli għaċ-ċertifikazzjoni ambjentali tal-prodotti u s-servizzi mill-kumpaniji, permezz ta’ analiżi komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u s-servizzi, eċċ.,

jiġu kkoordinati u żviluppati mudelli għal sistemi ta’ ġestjoni ambjentali għall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet, pereżempju permezz ta’ kompatibbiltà ambjentali, u

jinħolqu mudelli għall-finanzjament ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi u kumpaniji ekoloġiċi;

28.

jirrikonoxxi l-ħtieġa li jsir progress fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi u strumenti ġodda għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat (atturi soċjali u ekonomiċi) bil-għan li jiġu żviluppati u implimentati politiki tal-ekonomija ekoloġika, filwaqt li ssir enfasi fuq il-promozzjoni u l-konsolidazzjoni tas-sħubijiet bejn diversi atturi interessati;

29.

itenni mill-ġdid li waħda mill-isfidi ewlenin illum hija li nnaqqsu b’mod radikali l-impatt tagħna fuq il-klima, kemm fil-livell globali kif ukoll lokali, filwaqt li niżguraw provvisti tal-enerġija u prosperità. Il-muniċipalitajiet u l-gvernijiet sottonazzjonali għandhom rwol kbir x’jaqdu f’dan il-proċess. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, huma qed jassumu responsabbiltà għal firxa wiesgħa ta’ inizjattivi intiżi biex inaqqsu l-impatt fuq il-klima, jiżguraw il-provvisti tal-enerġija u jadattaw għat-tibdil fil-klima. Il-ftehimiet ta’ Cancun, adottati f’Diċembru 2010, jirrikonoxxu l-gvernijiet lokali bħala atturi governattivi u jagħtu aċċess lill-bliet għall-mekkaniżmi internazzjonali ta’ finanzjament. Il-gvernijiet sottonazzjonali u lokali għandhom jiġu involuti b’mod aktar attiv fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-klima u għandu jkollhom aċċess għal appoġġ finanzjarju;

30.

jenfasizza li għandhom jittieħdu miżuri biex jipproteġu, jiżguraw u jiżviluppaw mill-ġdid riżorsi, materjali u kapital naturali ewlenin. B’mod partikolari, il-KtR jixtieq li s-Summit Rio+20 jagħti attenzjoni partikolari lill-ilma. L-aċċess għall-ilma huwa problema li qed tikber b’rata mgħaġġla u sfida prinċipali, speċjalment għall-bliet il-kbar. Għaldaqstant, il-KtR jappoġġja l-istabbiliment ta’ sħubija internazzjonali dwar l-ilma biex tiġi indirizzata din il-problema u b’rabta ma’ dan jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar ir-rwol tal-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma (CdR 5/2011 fin);

31.

jenfasizza l-bżonn li jitjiebu l-governanza u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu u tal-oċeani u li jiġi kkunsidrat li jsiru wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Qafas ta’ Rio, barra mill-klima u l-bijodiversità;

32.

jenfasizza l-kumment tal-Kummissjoni li “l-użu sostenibbli tal-art u l-agrikoltura huwa pedament tal-ekonomija ekoloġika”, u għalhekk, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-iżvilupp urban u l-ġestjoni tat-territorju sostenibbli jfissru li titnaqqas il-frekwenza li biha l-art agrikola produttiva tintuża għall-bini tant li ma tkunx tista’ tiġi kkultivata fil-ġejjieni;

33.

jemmen li biex it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika globali tkun possibbli, għandhom jiġu mobilizzati riżorsi finanzjarji fuq skala kbira. It-tassazzjoni u l-prezzijiet għandhom jirriflettu aħjar l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali. Il-KtR itenni t-talbiet tiegħu biex jiġu integrati l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u r-responsabbiltà estiża tal-produttur, kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ rkupru tal-ispiża għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali. Il-pjan direzzjonali tal-ekonomija ekoloġika għandu jniedi inizjattivi ta’ finanzjament u sħubijiet pubbliċi u privati ġodda;

34.

jipproponi li l-pjan direzzjonalijipprevedi wkoll sensiela ta’ miżuri konkreti u limitati mil-lat ta’ żmien biex, sal-2020, jitneħħew is-sussidji kollha li jikkontribwixxu għall-ħsara ambjentali. Dan ifisser li r-riżorsi finanzjari jkunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet oħra. Barra minn hekk, l-għanijiet tal-iffrankar u l-istandards tal-effiċjenza, bħal dawk li l-UE żviluppat għal sensiela ta’ prodotti u proċessi, għandhom jiġu applikati fil-livell internazzjonali;

C.   Il-qafas istituzzjonali – lejn governanza aħjar

35.

jirrakkomanda trasformazzjoni tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP) f’Organizzazzjoni Ambjentali Dinjija. It-trasformazzjoni tal-UNEP f’Aġenzija Speċjalizzata tan-Nazzjonijet Uniti toħloq organizzazzjoni ambjentali globali multilaterali bħala l-aħjar mod biex titjieb il-governanza ambjentali internazzjonali. Għandu jkollha mandat rivedut u msaħħaħ u topera b’mod ugwali ma’ aġenziji speċjalizzati oħra tan-Nazzjonijiet Uniti. Barra minn hekk, għandha tinkludi fergħa ta’ implimentazzjoni, deċentralizzata fil-livell reġjonali u nazzjonali, bil-għan li tipprovdi lill-pajjiżi, lill-gvernijiet sottonazzjonali u lill-awtoritajiet lokali b’appoġġ aktar dirett fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, bħal dwar it-tibdil fil-klima jew il-bijodiversità;

36.

jirrakkomanda wkoll il-ħolqien ta’ Kunsill tal-Iżvilupp Sostenibbli minflok il-Kummissjoni eżistenti għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-għan ta’ din il-proposta huwa li tinkiseb governanza aħjar, fehma komuni u koordinazzjoni fil-ħidma dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-livelli kollha;

37.

jappoġġja l-iżvilupp tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod speċjali dawk b’perspettiva fit-tul, fuq l-eżempju tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Imbagħad impenn politiku wiesa’ bbażat fuq għanijiet komuni għandu jinqasam f’sensiela ta’ miri speċifiċi u konkreti u mezzi kif jiġu kkalkolati;

38.

jinsisti li s-Summit Rio+20 jirrikonoxxi l-fatt li l-governanza għandha tinkludi l-livelli kollha tal-gvern, mil-lokal sas-sottonazzjonali, in-nazzjonali u r-reġjonali sal-globali. Rio+20 għandu jissieħeb f’approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, abbażi ta’ interazzjoni, sinerġija u komplementarjetajiet bejn il-livelli kollha ta’ governanza;

39.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-Konvenzjonijiet ta’ Rio, il-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali reċentement ingħataw iktar rikonoxximent tal-istatus speċjali tagħhom bħala istituzzjonijiet governattivi, inkluż pereżempju r-rikonoxximent tagħhom bħala “atturi governattivi” fil-Ftehim ta’ Cancun, u d-Deċiżjoni X/22 tal-COP 10 CBD “Pjan ta’ Azzjoni għall-Gvernijiet Sottonazzjonali, il-Bliet u Awtoritajiet Lokali Oħrajn”. Il-KtR ta l-appoġġ attiv tiegħu għal dawn l-iżviluppi;

40.

jitlob li l-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali jkollhom post fil-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u l-entitajiet tan-NU bħala atturi governattivi importanti u rikonoxxuti bis-sħiħ. Is-Summit Rio+20 għandu jieħu l-opportunità biex jadatta l-istrutturi eżistenti tal-hekk imsejħa “Gruppi Ewlenin” sabiex jirrifletti l-evoluzzjonijiet li saru mill-1992 ’l hawn, l-iktar fir-rwol tal-governanza lokali u sottonazzjonali, pereżempju billi joħloq kategorija ġdida u inklużiva ta’ “atturi governattivi”. Il-KtR jikkundanna l-fatt li fl-istruttura attwali ta’ governanza internazzjonali, minkejja r-rwol speċifiku u dejjem jikber tagħhom fil-governanza, ir-rappreżentazzjoni tal-livelli sottonazzjonali ta’ governanza fil-korpi tan-NU tqegħidhom fuq l-istess livell mas-soċjetà ċivili, in-negozju jew gruppi oħrajn li huma definiti skont kriterji soċjoekonomiċi u mhux skont ir-rwol tagħhom fis-sistema tal-governanza;

41.

jissuġġerixxi f’dan ir-rigward li s-Summit Rio+20 jinkariga lill-UNEP (jew l-Organizzazzjoni Ambjentali Dinjija futura) jew il-Kunsill tal-Iżvilupp Sostenibbli biex joħolqu kumitat permanenti għall-gvernijiet sottonazzjonali u lokali bħala struttura ġdida li tirrifletti b’mod adegwat il-governanza f’diversi livelli u toffri mekkaniżmu permanenti ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni mal-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali madwar id-dinja. Il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jservi ta’ mudell f’dan ir-rigward;

42.

jirrikonoxxi l-fatt li r-responsabbiltajiet u r-rwoli tal-livelli sottonazzjonali u lokali jvarjaw ħafna kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll globalment u l-awtonomija sottonazzjonali u lokali qed tiżviluppa kontinwament. Għalhekk, jeħtieġ li dawn id-differenzi jiġu kkunsidrati meta jkunu qed isiru tentattivi biex il-gvernijiet sottonazzjonali u lokali jiġu involuti kemm jista’ jkun mill-qrib fil-proċessi tal-iżvilupp ta’ soċjetajiet sostenibbli;

43.

jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ fehmiet komuni u ta’ koordinazzjoni li għandhom jiġu żviluppati fil-ħidma għall-iżvilupp sostenibbli fil-livell globali. F’dan il-proċess, il-bliet u l-gvernijiet sottonazzjonali huma atturi prinċipali. Il-Patt tas-Sindki, l-Aġenda 21 u l-Istrateġiji għal Żvilupp Sostenibbli huma pjattaformi importanti għall-koordinazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza;

44.

jenfasizza li l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fuq is-settur privat m’għandhiex tnaqqas l-attenzjoni mill-ħtieġa li s-Summit Rio+20, l-UE u l-Istati Membri jippromovu governanza għall-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-awtoritajiet sottonazzjonali u dawk pubbliċi lokali, inkluża l-awtonomija taċ-ċittadini;

45.

jixtieq jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini jsiru l-punt fokali fil-ħidma lejn soċjetà sostenibbli. Għaldaqstant, l-għanijiet u l-miżuri ta’ dan il-proċess għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet lokali differenti. Id-djalogu dwar il-miżuri fiżiċi u finanzjarji kif ukoll bidliet fil-konsum u l-imġiba għandhom ikunu bbażati fuq kundizzjonijiet eżistenti fil-livell sottonazzjonali u lokali. Hemm bżonn ta’ azzjoni biex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fil-ħidma lejn soċjetà sostenibbli, pereżempju billi:

jiġi żviluppat proċess konsultattiv u jinħolqu postijiet tal-laqgħat għad-djalogu u l-iskambju tal-esperjenza;

jiġu appoġġjati l-proġetti ta’ żvilupp sottonazzjonali u lokali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali; u

jiżdied il-livell tal-għarfien u titwessa’ l-perspettiva dwar il-bżonn ta’ sforzi konġunti biex tinkiseb soċjetà sostenibbli;

46.

jixtieq li s-Summit Rio+20 jappoġġja l-promozzjoni tad-demokrazija ambjentali globalment. Dan jista’ jsir billi, f’Rio+20, il-partijiet ta’ Aarhus itennu mill-ġdid ir-rieda tagħhom li jiftħu l-Konvenzjoni għad-dinja kollha, iżda jista’ jsir ukoll b’modi oħra – pereżempju billi tiġi appoġġjata l-introduzzjoni ta’ konvenzjonijiet reġjonali oħra bħal dik ta’ Aarhus, jew billi jitnedew negozjati dwar Patt globali dwar il-Prinċipju Nru 10 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio (2);

47.

jixtieq li tiġi żviluppata u tingħata spinta mill-ġdid lill-ħidma fuq l-Aġenda 21. Rio+20 għandu jiddefinixxi l-oqfsa governattivi futuri meħtieġa għal aktar żvilupp tal-Aġenda 21 Lokali f’dan ir-rigward. L-Aġenda 21 Lokali, li tnediet wara s-Summit ta’ Rio fl-1992, hija eżempju tajjeb ta’ proċess fil-livell lokali li ta riżultati tajbin u dejjiema f’forma kemm ta’ miżuri konkreti kif ukoll ta’ perspettiva usa’, u aktar involviment, fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar is-sostenibbiltà fost l-atturi tas-soċjetà. Il-perspettiva u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huma l-bażi tal-Aġenda 21 Lokali. F’ħafna każijiet, il-ħidma tal-Aġenda 21 Lokali wasslet għal impjiegi ekoloġiċi ġodda;

48.

jixtieq b’mod partikolari li l-għarfien jiġi appoġġjat b’mod aħjar fil-livelli sottonazzjonali u lokali. Sabiex il-ħidma għal soċjetà sostenibbli tkun effettiva, l-atturi kollha għandhom bżonn bażi aċċessibbli għall-ippjanar u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan huwa importanti wkoll b’rabta mas-segwitu, il-valutazzjoni u l-għoti ta’ feedback dwar ir-riżultati u l-esperjenza miksuba mill-ħidma favur soċjetà sostenibbli;

49.

jistenna li l-Kummissjoni, fil-ħidma kontinwa tagħha għat-tħejjija tas-Summit Rio+20, tiżviluppa u ssaħħaħ id-djalogu mal-KtR u l-membri tiegħu. Il-KtR jittama li d-delegazzjoni tal-UE għas-Summit Rio+20 tinkludi għadd adegwat ta’ delegati mill-KtR.

Brussell, 15 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Fl-opinjoni jintuża t-terminu “gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali” hekk kif jintuża fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti (fejn ir-reġjuni huma pjuttost reġjuni dinjija). Fil-kuntest tal-UE, dan it-terminu jfisser “awtoritajiet lokali u reġjonali”.

(2)  Prinċipju Nru 10 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp 1992 - ara http://www.un.org/documents/ga/conf151/aconf15126-1annex1.htm


Top