EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0588

L-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali (2011/2008(INI))

ĠU C 168E, 14.6.2013, p. 91–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 168/91


Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2011
L-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali

P7_TA(2011)0588

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali (2011/2008(INI))

2013/C 168 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCAs) konklużi bejn l-UE u l-Uzbekistan, ir-Repubblika Kirgiża, il-Kazakstan u t-Taġikistan, il-Ftehim Interim fuq il-Kummerċ u Affarijiet relatati mal-Kummerċ bejn il-Komunitajiet Ewropej u t-Turkmenistan, u l-PCA bejn l-UE u t-Turkmenistan, iffirmat nhar il-25 ta’ Mejju 1998, li għadu ma ġiex ratifikat,

wara li kkunsidra l-strateġija tal-UE għal Sħubija ġdida mal-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta’ Ġunju 2007 (1) u r-rapporti konġunti ta' progress magħmulin mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-24 ta' Ġunju 2008 (2) u tal-28 ta' Ġunju 2010 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażja Ċentrali, b’mod partikolari dawk tal-20 ta’ Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali (4), tas-6 ta’ Mejju 2010 (5) u tat-8 ta' Lulju 2010 (6) dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżstan, tal-11 ta’ Novembru 2010 wdar it-tisħiħ tal-OSCE – rwol għall-UE (7), tal-25 ta’ Novembru 2010 jismu ‘Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020’ (8), tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE dwar il-kwestjoni (9) u tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni (10),

wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem imnedija fl-2003 bl-iskop li jkunu promossi l-jeddijiet tal-bniedem u jingħata appoġġ għar-riforma penali, id-demokrazija, il-governanza t-tajba, il-libertà tal-istampa, l-istat tad-dritt, l-istrutturi ta’ sigurtà (pulizija, forzi armati) u l-prevenzjoni tal-kunflitti, u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (Regolament (KE) Nru 1889/2006) (11),

wara li kkunsidra l-laqgħat ministerjali biennali UE-Ażja Ċentrali li saru sa mill-2007 u l-Konferenzi Ministerjali UE-Ażja Ċentrali dwar il-kwestjonijiet tas-sigurtà li saru fl-2008 u fl-2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0338/2011),

A.

billi l-iżvilupp sostenibbli ta’ kull pajjiż jippresupponi l-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem, it-twaqqif u l-implementazzjoni tal-valuri u istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat ta' dritt u l-libertajiet fundamentali, flimkien ma' governanza tajba u soċjetà ċivili f'saħħitha,

B.

billi hemm nuqqasijiet serji f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, il-jeddijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali fl-istati tal-Ażja Ċentrali,

C.

billi kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-ħames pajjiżi tal-Ażja Ċentrali hija ta' interess strateġiku reċiproku għad-diversifikazzjoni u l-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi u għal użu sħiħ tal-potenzjal li l-ftehimiet ta’ sħubija joffru,

D.

billi l-Ażja Ċentrali għandha importanza sinifikanti għall-Unjoni Ewropea rigward il-potenzjal kummerċjali u s-sigurtà tal-enerġija u billi r-reġjun ġie milqut mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali riċenti,

E.

billi xi Stati Membri għandhom relazzjonijiet bilaterali b'saħħithom mal-Istati tal-Ażja Ċentrali, peress li huma sorsi ewlenin ta' investiment u kummerċ u billi l-UE teħtieġ approċċ konċertat u koerenti lejn ir-reġjun sabiex tevita nuqqas ta' fehim, irduppjar ta' kompiti u l-aktar importanti, il-bgħit ta' messaġġi kontradittorji,

F.

billi xi Stati tal-Ażja Ċentrali ħadu l-ewwel passi fi proċess twil ta’ demokratizzazzjoni li fih l-isforzi kontinwi u serji fil-governanza u l-kooperazzjoni reġjonali huma prerekwiżiti neċessarji għat-tegħlib tan-nuqqas persistenti li s’issa ma ħallewhom jirrealizzaw il-potenzjal politiku, soċjali u ekonomiku sħiħ tagħhom,

G.

billi l-SMEs huma r-rappreżentazzjoni tal-intraprenditorija u l-ispirtu ta' suq ħieles, u huma forza qawwija fl-istabbiliment tad-demokraziji,

H.

billi n-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka jagħmel agħar it-tensjonijiet marbutin mal-kondiviżjoni tar-riżorsi naturali, jimmina l-kooperazzjoni reġjonali u jkattar ir-riskji tal-konfronti; billi, b’danakollu, il-problemi tad-disponibilità tal-ilma ġejjin aktar mill-ġestjoni ħażina u l-ħala tar-riżorsi tal-ilma milli minn defiċit kwantitattiv,

I.

billi l-UE u l-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali għandhom interess komuni fid-diversifikazzjoni tar-rotot tal-esportazzjoni u fil-kooperazzjoni dwar l-enerġija u s-sostenibbiltà ambjentali,

J.

billi t-tħassib dwar is-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun għandhom jinkludu mhux biss is-sigurtà tal-istat, iżda wkoll is-sigurtà tal-popolazzjonijiet permezz, fost l-oħrajn tar-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem, l-għaxjien, l-ambjent u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi bażiċi,

L-impenn tal-UE

1.

Jissottolinja l-interess qawwi politiku u ekonomiku tal-UE fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħha mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali fl-oqsma kollha tal-kooperazzjoni, bħal pereżempju l-istabilità, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, l-enerġija u l-konnessjonijiet tat-trasport, it-tisħiħ tad-djalogu fuq il-valuri universali bħalma huma d-demokrazija, ir-rispett lejn il-jeddijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, sfidi u theddid komuni, inklużi l-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kummerċ fil-bnedmin;

2.

Jindika li l-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali tidentifika seba’ prijoritajiet iżda tipprovdi biss livell baxx ta’ riżorsi; josserva, b’rabta ma’ dan, li l-fondi ta’ għajnuna tal-UE huma limitati wisq biex l-UE jkun jista’ jkollha impatt fuq l-oqsma kollha tal-politika; iħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa viżjoni kollettiva u biex tiddefinixxi u tistabbilixxi aħjar il-prijoritajiet tagħha; jindika li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-istati tal-Ażja Ċentrali tista' trendi r-riżultati jekk kemm-il darba dawn l-istati jkunu konformi mal-istandards internazzjonali tad-demokrazija, tal-governanza, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem; bl-istess mod jindika li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE m'għandhiex tkun subordinata għal interessi ekonomiċi, tal-enerġija jew dawk tas-sigurtà;

3.

Iqis li l-UE jeħtieġ li żżomm livell għoli ta’ impenn fl-Ażja Ċentrali, billi ssawwar l-istrateġiji tagħha skont il-progress tal-Istati fir-reġjun; jisħaq dwar il-fat li l-livell u n-natura tal-impenn tal-UE għandhom ikunu ddifferenzjati u kundizzjonati, skont il-progress miżurabbli fl-oqsma tad-demokratizzazzjoni, il-jeddijiet tal-bniedem, il-governanza t-tajba, l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, l-istat tad-dritt u t-taqbida kontra l-korruzzjoni, billi toffri l-assistenza tagħha fejn tkun meħtieġa għat-trawwim ta’ dan il-progress, billi jkunu segwiti linji simili għall-prinċipji tal-politika tal-viċinat tal-UE (jiġifieri "iktar għal iktar");

4.

Jissottolinja l-bżonn li jiġi spjegat u promoss il-kunċett tal-UE tas-sigurtà u l-istabilità f'każ li jkun differenti minn tagħhom; jisħaq li l-UE għandha dmir tkun kritika fil-konfront tal-gvernijiet li jivvjolaw il-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom f'isem is-sigurtà nazzjonali;

5.

Jemmen li l-istrateġija futura tal-UE għall-Ażja Ċentrali għandha tislet tagħlimiet mir-riforma tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’termini ta' differenzjar, kuntatt bejn in-nies u iktar attenzjoni għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u għandha tqis ukoll il-kuntest ġeopolitiku usa’;

6.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma kontinwa tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-qasam tal-iżgurar ta’ livell għoli ta’ djalogu politiku mal-Istati tal-Asja Ċentrali; ifakkar li l-mandat tiegħu jipprovdu wkoll għall-impenn mas-soċjetà ċivili lokali u li dan huwa neċessarju għall-viżibilità akbar tal-UE; jitlob li d-djalogu politiku jkun imsejjes fuq valutazzjoni tal-ottemperanza min-naħa tal-Istati tal-Ażja Ċentrali mal-impenji tagħhom bħala membri tal-OSCE;

7.

Iqis li r-reviżjoni tal-Istrateġija tal-Ażja Ċentrali teħtieġ li tikkunsidra l-bżonn li tappoġġja l-objettivi tagħha b'riżorsi finanzjarji suffiċjenti u li tistabbilixxi skemi ta' distribuzzjoni adegwati li jirriflettu r-realtajiet ta' kull pajjiż fir-reġjun; iqis li minħabba restrizzjonijiet finanzjarji, għandha tingħata attenzjoni lil programmi għal tul ta' żmien medju u twil li jista’ jkollhom l-akbar impatt fuq l-iżvilupp tal-pajjiż, speċjalment dawk għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni,l- assistenza teknika fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-promozzjoni tan-negozji żgħar u ta' daqs medju, kif ukoll is-sigurtà tal-ilma u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tintegra b’mod viżibbli, jew tal-inqas tirrikonċilja l-aġendi normattivi, tekniċi u dawk ibbażati fuq l-interess għall-Ażja Ċentrali; ifakkar ukoll l-obbligi dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp li tinsab fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

9.

Jindika li l-implimentazzjoni tal-istrateġija tista’ tissaħħaħ, minn naħa, permezz ta’ koordinazzjoni interna msaħħa tal-UE u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ impenn intensifikat ma’ donaturi internazzjonali u partijiet interessati reġjonali oħra;

10.

Jissuġġerixxi li l-approċċ reġjonali jiġi simplifikat permezz ta’ relazzjonijiet maċ-Ċina u r-Russja, bħala l-atturi ekonomiċi ewlenin fir-reġjun; huwa tal-fehma li l-approċċ lejn il-kwistjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili għandu jkun marbut mal-ipprogrammar tal-UE fir-reġjun tal-Kawkasu u tal-Baħar l-Iswed kif ukoll mat-Turkija;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta bir-reqqa d-distinzjoni bejn il-programmi u l-attivitajiet eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u dawk li għandhom ikunu ffinanzjati minn strumenti finanzjarji oħra bħalma huma l-Istrument għall-Istabilità (IfS) jew l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija (EIDHR), partikolarment rigward il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-applikazzjoni mtejba tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jenfasizza l-bżonn kontinwu għal djalogu regolari dwar il-jeddijiet tal-bniedem mal-ħames pajjiżi li huma, jiddispjaċih li l-progress globali in loco għadu skars u xi minn daqqiet saħansitra ġie reġistrat regress; iqis li l-eżistenza tad-djalogi dwar il-jeddijiet tal-bniedem ma għandhiex tintuża bħala skuża għall-esklużjoni tal-kwestjonijiet marbutin mal-jeddijiet tal-bniedem naxxenti f’oqsma oħrajn ta’ kooperazzjoni jew għalbiex ma jkun hemm impenn għal aktar azzjonijiet; jitlob li jkun hemm involviment sistematiku tal-NGOs u tal-atturi tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta’ dawn id-djalogi u li l-eżitu ta’ dawn id-djalogi għandu jsir pubbliku ħalli tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom u tal-impenn tal-partijiet;

13.

Itenni l-importanza li ma jiġux traskurati pajjiżi bi dħul medju, bħal dawk fl-Ażja Ċentrali, fil-kuntest tal-politika ta’ żvilupp tal-UE ġenerali u l-isforzi biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs), peress li sforzi ta’ żvilupp – speċjalment fil-kuntest ta’ tnaqqis fl-għajnuna għall-iżvilupp minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali – ta’ spiss jiffukaw fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati biex b’hekk jiġi injorat ir-reġjun tal-Ażja Ċentrali;

14.

Iqis li r-riżorsi limitati u l-ħafna ħtiġijiet tar-reġjun jeħtieġu li l-UE timmira b'mod rigoruż u tipprijoritizza l-assistenza tagħha, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-effetti tal-korruzzjoni profonda u l-kompetenza amministrattiva insuffiċjenti dwar l-effikaċja tal-għajnuna tagħha; jitlob livelli konsistenti ta' għajnuna għall-iżvilupp li ntlaħaq ftehim dwarha bi flessibbiltà akbar fl-allokazzjoni u jappoġġja enfażi fuq l-għajnuna li trid tingħata lil Kirgiżistan u t-Taġikistan li għandhom l-akbar ħtiġijiet f'dan ir-rigward;

15.

Jesprimi, iżda, id-dubju tiegħu dwar l-użu tal-appoġġ baġitarju fil-Kirgiżistan u t-Taġikistan, speċjalment minħabba l-korruzzjoni estensiva li teżisti f’dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar l-użu tal-appoġġ baġitarju f’dawn il-pajjiżi;

16.

Jappoġġja b’qawwa l-ftuħ ta’ delegazzjonijiet kompletament funzjonanti tal-UE fil-pajjiżi kollha tal-Ażja Ċentrali bħala mezz għat-tkabbir tal-preżenza u l-viżibilità tal-UE fir-reġjun u tal-kooperazzjoni fit-tul u tal-impenn mas-setturi kollha tas-soċjetà u għat-tkattir tal-progress għal komprensjoni aħjar u biex ifiġġu l-istat tad-dritt u r-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem; huwa konvint li l-preżenza ta’ tali delegazzjonijiet tikkontribwixxi bil-kbir għall-ksib tal-objettivi tal-istrateġija u l-interessi tal-UE fir-reġjun; jinsisti li dawn il-missjonijiet ikollhom persunal xieraq bi speċjalisti fl-affarijiet politiċi, fl-ekonomija u fil-kummerċ, ħalli jinkisbu riżultati massimi u tiġi pprovduta assistenza effikaċi;

17.

Jirrakkomanda li fil-futur l-istrumenti TAIEX, ta’ Ġemellaġġ, u SIGMA jinfetħu għall-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali ħalli jappoġġjaw it-titjib tal-istandards u r-riformi neċessarji;

18.

Jinnota bi tħassib id-diffikultajiet li qed tiltaqa’ magħhom l-UE fl-impenn mas-soċjetà ċivili indipendenti fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem u l-governanza t-tajba, u l-fastidju kontinwu tal-NGOs fir-reġjun; jitlob trasparenza akbar fl-allokazzjoni tal-finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri u r-riċevituri tiegħu, u għad-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri ħalli jkunu appoġġjati s-sħab mhux governattivi ġenwinament indipendenti ħalli jkunu megħjuna jkollhom rwol effettiv fl-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li l-promozzjoni kontinwa mill-UE tal-programmi mmirati lejn il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali hija għodda transkonfinali importanti biex jitrawmu l-fehim u l-kooperazzjoni bejn l-istati tar-reġjun;

19.

Jenfasizza l-importanza ta' partiti ta' oppożizzjoni li jaħdmu liberament fir-reġjun u jħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi kollha tal-Ażja Ċentrali jiggarantixxu l-libertà politika;

20.

Japprova li jkun hemm samits reġjonali regolari bejn l-UE u l-Ażja Ċentrali u jitlob li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment futur possibbli ta' forum parlamentari UE-Ażja Ċentrali ad hoc fil-qafas tal-Kumitati Parlamentari eżistenti u l-laqgħat interparlamentari mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali bħala mezz ta’ valutazzjoni u kontribuzzjoni għall-kontenuti tat-taħditiet tas-samits; jissottolinja l-importanza tal-koperazzjoni parlamentari bilaterali u multilaterali regolari; jara f'dan ir-rigward il-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni bħala l-bażi istituzzjonali għall-iskambju parlamentari msaħħaħ li jipprovdi fehim u rispett reċiproku; għalhekk jappoġġja l-FSK mal-ħames pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali; jenfasizza l-importanza ta' impenn aktar attiv tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tan-negozjati tal-ftehimiet ta' sħubija mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali u l-implimentazzjoni ta' dawk eżistenti;

21.

Jitlob lill-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġja r-riforma tas-settur pubbliku fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali permezz ta' assistenza adegwata teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu strutturi amministrattivi stabbli, riformati u modernizzati fil-pajjiżi kollha kkonċernati;

Id-demokratizzazzjoni, il-jeddijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

22.

Jinnota li, minkejja xi żviluppi kostituzzjonali jew ġuridiċi pożittivi seħħew fir-reġjun (l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fl-Uzbekistan, it-twaqqif tal-ombudsmen, xi riformi kostituzzjonali u fil-proċeduri ġudizzjarja, eċċ), is-sitwazzjoni globali fl-oqsma tal-jeddijiet tal-bniedem u tal-istat ta’ dritt għadha inkwetanti;

23.

Jappoġġja l-konklużjonijiet tad-dokument tal-OECD “Central Asia Competitiveness Outlook” ta’ Jannar 2011 u jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema kif ukoll in-nuqqas ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, u dwar is-sistema edukattiva, l-SMEs, ir-riformi tas-sjieda tal-art u l-politiki ta’ investiment għar-reġjun, li jeħtieġu diversifikazzjoni ekonomika akbar, li attwalment ċentrata fuq is-setturi tal-enerġija u tal-estrazzjoni mill-mini.

24.

Jitlob li jissaħħu d-djalogi tal-jeddijiet tal-bniedem ħalli jsiru aktar effettivi u orjentati aktar lejn ir-riżultati; jitlob f'dan ir-rigward involviment wiesa' tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ ta' dawn id-djalogi; iħeġġeġ lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jivvalutaw l-impatt tad-djalogi preċedenti, iqisu l-benchmarks fil-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-progress milħuq mill-istati fir-reġjun fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u tal-effikaċja tal-proġetti ta' assistenza tal-UE mmirati lejn dan l-iskop;

25.

Jikkundanna kull użu tat-tortura u tar-restrizzjoni severa tal-mezzi tax-xandir u tal-libertà tal-espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lir-RGħ/VP tagħha jqanqlu pubblikament il-każijiet ta' priġunieri politiċi, difensuri tal-jeddijiet tal-bniedem u ġurnalisti mixħutin il-ħabs u jitlob li jkun hemm ir-rilaxx immedjat tagħhom;

26.

Japprezza ħafna l-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi li jipprovdu kooperazzjoni prattika fil-proċess ta' demokratizzazzjoni permezz ta' presenza fit-tul fuq il-post;

27.

Jara Inizjattiva tal-UE għall-Istat ta' Dritt bħala komponenti kjavi tal-kooperazzjoni mal-Istati tal-Ażja Ċentrali u japprova l-interazzjoni eżemplari bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-implementazzjoni tal-proġetti ta’ assistenza; jinnota li kien hemm ftit interazzjoni bejn il-proġetti u s-soċjetà ċivili lokali u li interazzjoni akbar mas-soċjetà ċivili, membri parlamentari, titjib tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-inizjattiva minn atturi tas-soċjetà ċivili lokali għandhom itejbu l-viżibilità, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-attivitajiet tiegħu f'konformità mal-objettivi aktar wiesgħa tal-UE għat-titjib tal-Istrateġija tal-Ażja Ċentrali deskritta fir-rapport ta' Progress Konġunt; jisħaq dwar il-ħtieġa li l-proġett tal-Pjattaforma tal-Istat tad-Dritt ikun jinkludi objettivi ċari u valutazzjoni trasparenti tal-implementazzjoni tiegħu u r-riżultati miksubin, filwaqt li jkun evitat kull tisħiħ tal-komponenti repressivi tal-forzi tas-sigurtà; jenfasizza li implementazzjoni xierqa tal-Inizjattiva teħtieġ li tkun waħda mill-kriterji ewlenin fl-allokazzjoni tal-għajnuna u l-appoġġ baġitarju;

L-edukazzjoni, it-tfal u l-iskambju nies-għal-nies

28.

Jissottolinja l-fatt li l-edukazzjoni hija l-pedament għal żvilupp demokratiku tas-soċjetà; jitlob għalhekk li jkun hemm kontinwazzjoni tal-isforzi għall-immodernizzar tas-settur tal-edukazzjoni pubblika, inkluża l-edukazzjoni fil-qasam tal-azjendi, u li jkunu bla ħlas u aċċessibbli, u għal intensifikazzjoni tal-Inizjattiva tal-Edukazzjoni, partikolarment l-iskambji akkademiċi internazzjonali tal-istudenti u l-għalliema, fil-kuntest usa' tal-appoġġ tal-kostruzzjoni ta' soċjetà ċivili msejsa fuq jeddijiet stabbli tal-bniedem u tax-xogħol fil-pajjiżi kollha tar-reġjun; jenfasizza li huwa essenzjali wkoll li jkunu promossi proċessi li jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ nisa u l-aċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol;

29.

Jinnota li l-ħidma tal-UE fl-edukazzjoni u l-jeddijiet tal-bniedem għandha tiġi kkumplimentata bl-azzjonijiet u l-programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ bħala l-gruppi l-aktar vulnerabbli ta' dawn is-soċjetajiet; f’dan il-kuntest jitlob li jkun hemm aktar appoġġ tal-UE għall-inizjattivi taż-żgħażagħ fir-reġjun, l-aktar għal dawk li jistgħu jnaqqsu r-radikalizzazzjoni li kulma jmur qed tikber u jippromwovu t-tolleranza bejn iż-żgħażagħ f'dawn il-pajjiżi;

30.

Jitlob lill-UE tkompli tappoġġja l-kuntatti bejn in-nies u skambji fl-oqsma tax-xjenza, in-negozju u l-edukazzjoni; f'dan il-kuntest, jinnota n-nuqqasijiet fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Edukazzjoni bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE tindirizzahom b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ispeċjalisti tal-edukazzjoni u s-sħab tal-Asja Ċentrali;

31.

Jisħaq dwar il-preokkupazzjoni kontinwati tiegħu dwar is-sitwazzjoni tat-tfal, b’mod partikolari l-prevalenza tax-xogħol imġiegħel tat-tfal f'forom u gradi differenti, u l-ħtieġa li l-pajjiżi kollha fir-reġjun jimplementaw tabilħaqq l-impennji internazzjonali tagħhom, l-aktar dawk skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-Età Minima u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-Agħar Forom ta' Xogħol tat-Tfal;

Integrazzjoni ekonomika u tkabbir sostenibbli

32.

Jisħaq li l-istat ta’ dritt u l-progress ekonomiku huma interkonnessi; jirriafferma l-appoġġ tiegħu għad-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, l-iżvilupp ta’ settur enerġetiku sostenibbli u konnessjonijiet imtejbin ta’ trasport li jġonġu r-riżorsi tal-Kaspju mas-suq Ewropew bħala mezz ta’ kif jinkiseb l-iżvilupp ekonomiku u t-tkabbir kostanti tal-PGD; jistieden lill-UE trawwem il-ħolqien ta’ klima ta' stabilità ekonomika permezz ta' qafas ġuridiku żgur u stabbli, u billi tissielet il-korruzzjoni u n-nepotiżmu, li hija ħaġa kruċjali fl-attrazzjoni tal-investiment barrani, billi trawwem l-innovazzjoni u tistimola l-imprenditorija privata tabilħaqq, inklużi l-mikrokrediti għal proġetti mibdijin minn nisa indipedenti, skont l-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali internazzjonali;

33.

Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali jippromwovu u jappoġġjaw il-proliferazzjoni tal-SMEs bħala wieħed mill-elementi meħtieġa għall-iżvilupp tal-pajjiżi kkonċernati, u jisħaq li l-UE għandha tagħti l-akbar prijorità lil dan fl-assistenza li tagħti lill-SMEs u skont il-mandat tal-BIE għall-Ażja Ċentrali u tirrilassa r-rekwiżiti tal-viża għan-nies li jkun qed jivvjaġġaw mill-Ażja Ċentrali għan-negozju jew għat-tagħlim għoli, filwaqt li jkun promossi l-istandards internazzjonali tax-xogħol, l-ambjent u r-responsabbilità soċjali tal-kumpanniji; jemmen ukoll li għandha tiġi evitata kull prattika diskriminatorja fir-rigward tal-industriji Ewropej, inkluż is-settur ewlieni tal-akkwist pubbliku, u jistieden lill-UE tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-SMEs mill-UE u l-SMEs mill-Ażja Ċentrali;

34.

Jappoġġja integrazzjoni aktar b'saħħitha fl-ekonomija tad-dinja mill-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali u adeżjoni għad-WTO; jemmen li r-riformi strutturali mmirati lejn ekonomija tas-suq u l-aċċess għad-WTO huma vitali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi u tar-reġjun u għall-integrazzjoni tar-reġjun fl-ekonomija dinjija;

35.

Jissottolinja l-fatt li l-integrazzjoni ekonomika internazzjonali u l-kooperazzjoni ekonomika reġjonali huma approċċi komplementari u għalhekk għandhom ikunu segwiti b’mod ġenwin fl-Ażja Ċentrali;

36.

Konxju mill-fatt li l-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali hija dgħajfa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġiji kummerċjali differenzjati għal kull wieħed mill-ħames pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, u tħeġġeġ l-integrazzjoni intrareġjonali;

L-enerġija, l-ilma, l-ambjent

37.

Jissottolinja l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-enerġija u l-materja prima, l-aktar il-ħamrija rari, lejn l-UE u għas-swieq tal-esportazzjoni, u t-teknoloġiji u n-know-how għall-Ażja Ċentrali; iqis li huwa tal-ikbar importanza li l-proġetti ta’ kooperazzjoni enerġetika jkunu jinkludu ftehimiet għall-fornitura fit-tul, li jkun iħaddan il-prinċipji tas-sostenibilità ambjentali u tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI); jitlob lill-UE tippromwovi l-EITI u inizjattivi oħra bħal dawn fl-istati kollha tar-reġjun li għandhom riżorsi estrattivi sinifikanti;

38.

Jenfasizza l-importanza tal-enerġija fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, bħala sors maġġuri ta' dħul għall-istati, kif ukoll bħala sors potenzjali ta' sigurtà tal-enerġija għall-UE;

39.

Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġjaw il-proġetti tal-enerġija, kif ukoll jrawmu l-komunikazzjoni lejn għanijiet importanti bħal pereżempju r-rotta Transkaspjana; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali fl-inizjattiva BAKU;

40.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni tal-enerġija mal-Kazakistan u t-Turkmenistan peress li hija ta' benefiċċju kemm għal dawn iż-żewġ Stati kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; jilqa', għalhekk, l-iffirmar ta’ memorandums ta’ ftehim mal-Kazakistan u t-Turkmenistan li jiddisponu għax-xiri ta' gass, kif ukoll il-passi meħuda fl-iżvilupp tal-Kuritur tan-Nofsinhar, speċjalment fil-forma tal-Proġett Nabucco; jindika madankollu li t-Turkmenistan għadha mhijiex membru tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI - Extractive Industries Transparency Initiative); jenfasizza għal darba oħra l-ħtieġa li titħeġġeġ aktar trasparenza fir-rigward tad-dħul minn riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-UE biex, abbażi ta’ dan u permezz tad-djalogu tagħha dwar il-politika tal-enerġija, tappoġġja s-sħubija tat-Turkmenistan fl-EITI bil-ħsieb li jiġu integrati l-konsiderazzjonijiet ta’ governanza tajba fil-programmi tal-enerġija tal-UE;

41.

Minħabba n-nuqqas tal-elettriku li dejjem qed jiżdied fl-Ażja Ċentrali, jissottolinja l-opportunitajiet għas-sinerġija reġjonali, inkluż fis-settur promettenti tal-enerġija rinovabbli; jitlob lill-UE tipprovdi appoġġ politiku u assistenza teknika għall-inizjattivi f'dan il-qasam;

42.

Jinnota bi tħassib l-effett ħażin li kellha fl-Ażja Ċentrali l-kriżi finanzjarja globali u l-livelli ta' faqar li dejjem qed jiżdiedu; jemmen li t-triq lejn ħajja soċjali u politika b'saħħitha hija marbuta mal-prosperità ekonomika u li l-UE teħtieġ tindirizza l-iżvilupp tal-ekonomiji tal-Asja Ċentrali bħala parti ewlenija mill-istrateġija tagħha għar-reġjun; jitlob appoġġ imsaħħaħ għall-programmi ta' tnaqqis ta' faqar u jinnota l-importanza tal-investiment tal-BEI;

43.

Jinnota n-natura żbilanċjata ta' ċerti ekonomiji tal-Asja Ċentrali li jserrħu ħafna fuq ir-riżorsi naturali u jqis li d-diversifikazzjoni hija għan maġġuri għar-reġjun fuq perjodu ta' żmien medju u twil; jinnota f'dan il-kuntest l-importanza tal-programm ta' investiment fl-Ażja Ċentrali u jitlob li dan jiġi applikat fil-ħames pajjiżi kollha;

44.

Huwa tal-opinjoni li l-iżgurar ta' investiment mill-ġdid koerenti u komprensiv tad-dħul nazzjonali mir-riżorsi naturali huwa kruċjali għal żvilupp sostenibbli u għal kisba ta' żvilupp soċjali u ekonomiku wiesa';

45.

Huwa tal-fehma li r-riforma fis-settur tal-biedja hija tal-akbar importanza f’dak li għandu x’jaqsam b’mod partikolari mal-kisba tas-sigurtà tal-ikel, id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni, l-iżgurar tal-ġestjoni sostenibbli taż-żerriegħa u t-tnaqqis tad-dipendenza mill-koltivazzjoni tal-qoton aktar milli uċuħ oħra, u mal-introduzzjoni ta' prattiki u tekniki avvanzati ta' ġestjoni tal-ilma, konservazzjoni tal-ilma u irrigazzjoni; jissottolinja barra minn hekk il-ħtieġa tal-introduzzjoni ta' prattiki u tekniki avvanzati ta' ġestjoni tal-ilma, konservazzjoni tal-ilma u irrigazzjoni sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet; jitlob lill-Gvernijiet tal-Asja Ċentrali jieħdu f'idejhom it-tmexxija f'dan l-approċċ;

46.

Jenfasizza l-fatt li n-nuqqas ta’ enerġija (eż għat-tisħin u l-elettriku) qed jaggrava s-sitwazzjoni tan-nies foqra fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali; iħeġġeġ lill-UE, f’konformità mal-impenji tagħha dwar it-tibdil fil-klima, biex iżżid l-għajnuna tagħha fl-iżvilupp ta’ politika tal-enerġija sostenibbli, inkluż permezz tal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli;

47.

Jisħaq li l-kwestjonijiet tal-ilma fir-reġjun jibqgħu waħda mill-għejun ewlenin ta’ tensjoni u kunflitt potenzjali u jissottolinja l-importanza ta' approċċ reġjonali sabiex ir-riżorsi komuni tal-ilma jiġu protetti u mmaniġġjati sew; b’mod partikolari, jinnota li l-proġetti ta’ enerġija idroelettrika u tar-riżorsi tal-ilma fl-istati qrib għajn ix-xmara, il-Kirgiżistan u t-Taġikistan wasslu għal żieda fit-tensjonijiet reġjonali mal-pajjiżi ‘il bogħod minn għajn ix-xmara fl-Asja Ċentrali; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-pajjiżi fir-reġjun li għadhom m'għamlux hekk li jiffirmaw u jirratifikaw mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjonijiet ta’ Espoo u Århus u jrawmu l-involviment tal-atturi lokali fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

48.

Jaċċentwa n-neċessità li jitwaqqaf qafas kredibbli u effettiv li fih il-pajjiżi fluvjali ta’ qrib għajn ix-xmara u dawk imbegħdin minnha jkunu jistgħu jitħaddtu u jiddeċiedu flimkien il-miżuri li għandhom jiġu addottati biex jittrattaw u jsolvu l-problemi tal-ilma fir-reġjun;

49.

Jilqa’ l-impenn akbar tal-banek Ewropej tal-iżvilupp fir-reġjun, u b’mod partikolari, l-estensjoni tal-mandat lill-BEI għall-Ażja Ċentrali b’fokus fuq il-kwestjonijiet ambjentali u tal-ilma; iħeġġeġ lill-banek tal-iżvilupp jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti mill-BERŻ billi ma jappoġġjawx impriżi li huma proprjetà tal-Istat f'pajjiżi fejn hemm ksur sistematiku tal-jeddijiet tal-bniedem;

50.

Iħeġġeġ lill-UE, fil-kuntest tal-iskarsezza tal-ilma reġjonali, iżżid l-għajnuna tagħha fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma fi ħdan l-ambitu tal-Inizjattiva tal-Ambjent u l-Ilma tal-UE u tesplora, bħala mod kif tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-enerġija fl-istati qrib għajn ix-xmara, alternattivi oħra għal enerġija solari u tar-riħ, li jistgħu jgħinu lill-komunitajiet rurali fuq skala iżgħar; jiddispjaċih li s’issa l-Proġett tal-Governanza tal-Ilma tal-UE huwa fil-biċċa l-kbira ffukata fuq il-kwalità tal-ilma li hija importanti iżda inqas rilevanti għas-sitwazzjoni fl-Ażja Ċentrali mill-kwistjonijiet tal-iskambju u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-ilma;

51.

Iqis li l-perizja tiegħu fil-ġestjoni tar-riżorsi transnazzjonali tal-ilma u l-involviment eżistenti f’kooperazzjoni bilaterali għal pjanijiet nazzjonali integrati ta’ ġestjoni tal-ilma u kooperazzjoni multilaterali fil-proġett reġjonali tal-Governanza tal-Ilma u l-Fond Internazzjonali għall-Baħar Aral joħolqu opportunità għall-UE li tipprofila ruħha bħala medjatriċi u faċilitatriċi fil-kondiviżjoni tar-riżorsi tal-ilma bejn l-istati eqreb lejn l-għajn tax-xmara u dawk aktar imbegħdin (inkluż l-Afgansitan tat-Tramuntana) u l-promozzjoni tat-twaqqif ta’ ordni kooperattiv sostenibbli għall-governanza tal-ilma, rwol li l-ebda attur internazzjonali ieħor ma jrid jew jista’ jwettaq minkejja t-talbiet mill-pajjiżi kkonċernati;

Ġestjoni tas-sigurtà/fruntieri

52.

Jilqa' l-implimentazzjoni attwali taż-Żona Ħielsa minn Armi Nukleari tal-Ażja Ċentrali mill-ħames Repubbliki tal-Ażja Ċentrali; iqis li t-Trattat, bl-impennji vinkolanti tiegħu għad-diżarm nukleari mill-pajjiżi li qabel kellhom l-armi nukleari fit-territorju tagħhom u li għandhom ġirien b’armi nukleari, huma kontribut siewi għall-isforzi ħalli tinkiseb dinja ħielsa mill-armi nukleari u eżempju qawwi ta’ kooperazzjoni fin-non-proliferazzjoni;

53.

Jirrikonoxxi li ċ-ċaħda tal-jeddijiet u l-opportunitajiet bażiċi, li tiġi mill-assenza ta' demokrazija u stat ta' dritt, jista' jwassal għal sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' sigurtà;

54.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-azzjonijiet immirati lejn it-trawwim ta’ kooperazzjoni reġjonali bħala mezz ewlieni ta’ kif ikunu indirizzati l-bosta problemi ta’ sigurtà, ġestjoni tar-riżorsi, etniċi, ambjentali u ta’ żvilupp kif ukoll it-taqbida kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż vjolenti fl-Istati konċernati; jappoġġja l-kontinwità u t-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri BOMCA u l-programmi ta' azzjoni kontra d-drogi tal-CADAP;

55.

Jenfasizza li l-BOMCA u l-CADAP ma humiex iffinanzjati skont l-IfS, imma skont id-DCI; jenfasizza li, billi l-IfS huwa mfassal biex ikun flessibbli u biex ikun jista’ jwieġeb għal kriżijiet fiż-żmien qasir, filwaqt li jaħdem fuq l-isfidi tas-sigurtà transreġjonali fit-tul, ikun jagħmel sens li dawn il-programmi jitpoġġew taħt il-kappa tal-IfS;

56.

Jenfasizza li s-sigurtà reġjonali hija fl-interess kemm tal-UE kif ukoll ta' atturi oħra fil-qasam, jiġifieri l-Federazzjoni Russa, iċ-Ċina u l-Istati Uniti li huma kollha mħassba dwar l-istabilità tat-tkabbir u r-radikalizzazzjoni fir-reġjun kif ukoll dwar il-frunteri porużi mal-Afganistan u t-traffikar tad-drogi rilevanti;

57.

Jieħu nota tat-tisħib tal-Każakistan f’għaqda doganali mar-Russja u l-Belarus u jittama li l-iżvilupp ta’ din l-entità mhux se joħloq ostakli għall-kooperazzjoni reġjonali u mhux se jfixkel it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali mal-UE;

58.

Jissottolinja l-fatt li l-inklużjoni strutturali tal-Afganistan f'kooperazzjoni settorjali, speċjalment rigward il-ġestjoni tas-sigurtà/fruntieri, sigurtà tal-bniedem u l-ġestjoni tal-ilma hija kruċjali għall-garanzija tal-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun; jitlob li jkun hemm intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni transfronterjali mal-Afganistan u jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm koerenza bejn l-approċċ tal-UE għall-Afganistan u l-istrateġija għall-Asja Ċentrali, b'mod partikolari rigward programmi u azzjoni ta’ trasport, enerġija, kummerċ u żvilupp

59.

Jitlob lill-UE tiffoka l-assistenza tagħha fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin, kwestjonijiet li huma fost l-għejun ewlenin ta' nuqqas ta' stabilità fl-Asja Ċentrali li jistgħu jittieħdu fil-mira tal-isforzi tal-UE; jinnota bi tħassib l-iżvilupp ta' din il-kwistjoni fir-reġjun kollu u jitlob li sforzi transkonfinali jiġi suġġeriti u promossi mill-UE; jappoġġja l-organizzazzjoni tal-fora tal-Asja Ċentrali għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mad-drogi;

60.

Huwa mħasseb dwar il-problema doppja tal-opinjonijiet u movimenti fundamentalisti li qed jiżdiedu bħala effett residwu tas-sitwazzjoni fl-Afganistan iżda wkoll bħala reazzjoni għar-rekord problematiku inkwantu jeddijiet tal-bniedem u demokrazija tal-gvernijiet fir-reġjun; jinnota li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija element importanti għall-istrateġija għall-Asja Ċentrali tal-UE;

61.

Jitlob li jingħata appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR) fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali dwar l-aġendi politiċi tal-laqgħat mal-mexxejja tal-Asja Ċentrali u jħeġġeġ li jiġu investigati oqsma tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà li jistgħu jiġu appoġġjati fir-reġjun flimkien ma' ħidma eżistenti dwar l-istat tad-dritt u ġestjoni tal-fruntieri;

62.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-missjonijiet tal-OSKE u n-NU jaħdmu liberament fit-territorji tal-pajjiżi kkonċernati, għaliex dawn l-organizzazzjonijiet huma kruċjali għall-għoti ta' assistenza meħtieġa ħafna fir-riforma tas-settur tas-sigurtà;

Kwistjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż

63.

Jisħaq li l-paragrafi li ġejjin marbutin ma’ pajjiżi speċifiċi jenumeraw għadd ta’ kwestjonijiet importanti urġenti, imma ma jippruvax jagħtu analiżi komprensiva ta’ kull pajjiż;

Kazakistan

64.

Jitlob lir-RGħ/VP iżomm il-pressjoni fuq l-awtoritajiet Kazakin ħalli jżommu kompletament kelmithom li jtejbu l-elezzjonijiet u l-libertà tal-istampa li ħabbru qabelma ħadu l-presidenza tal-OSCE fl-2010, skont l-impenji kjavi tal-Istati Membri tal-OSCE u l-Pjan Nazzjonali għall-Jeddijiet tal-Bniedem adottat fl-2009 mill-Gvern Kazaki;

65.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iżommu l-impenji u l-obbligi internazzjonali tagħhom, inklużi dawk li ħadu fil-kuntest tad-dimensjoni umana tal-OSKE;

66.

Jilqa’ l-aspirazzjonijiet tal-Kazakistan għal relazzjonijiet eqreb u mtejba mal-UE u t-tnedija reċenti ta’ negozjati għal FSK ġdid u mtejjeb bejn l-UE u l-Kazakistan u jisħaq li l-kooperazzjoni ekonomika għandha timxi id f’id mal-kooperazzjoni politika u għandha tkun imsejsa fuq ir-rieda politika li jkunu implementati u żammew valuri komuni kondiviżi; jistenna b’ħerqa, f’dan il-kuntest, li jkun hemm progress tanġibbli fl-oqsma tal-libertà tal-istampa, tal-libertà tal-espressjoni, tal-libertà tal-assoċjazzjoni u għaqda, u titjib fit-treġija tal-proċess elettoriali fl-elezzjonijiet leġiżlattivi li ġejjin, fl-2012;

67.

Jiddispjaċih li l-kontroll ġenerali tal-faċilitajiet tal-ħabs dan l-aħħar għadda minn taħt idejn il-Ministeru tal-Ġustizzja għall-Ministeru tal-Intern u jitlob lill-Gvern tal-Kazakistan jintensifika l-isforzi tiegħu biex jevita u jagħti rimedju għat-tortura u t-trattament inuman, krudili u degradanti;

68.

Iħeġġeġ lill-Kazakistan juri l-impenn imġedded tiegħu lill-Inizjattiva ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) billi jneħħi l-ostakli kollha ġuridiċi u regolatorji għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' din l-inizjattiva;

Il-Kirgiżstan

69.

Ifaħħar lill-Kirgiżistan għall-isforzi li qed jagħmel fir-riformi demokratiċi u ċ-ċaqliqa lejn sistema ġenwinament multipartitika; jittama li jinkiseb aktar progress fit-treġija tal-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin maħsubin għal aktar tard din is-sena; jindika li huma meħtieġa sforzi sostnuti għall-iżvilupp ta' demokrazija kompletament funzjonanti, u, jinnota li l-Kirgiżistan huwa wieħed mill-pajjiżi pilota għall-inizjattiva tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija, jitlob f'dan is-sens lill-UE tassisti lill-awtoritajiet Kirgiżi fil-qasam tal-bini tal-istituzzjonijiet, il-konsolidazzjoni tal-prattiki demokratiċi u t-taqbida kontra l-korruzzjoni u l-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fl-amministrazzjoni Kirgiża;

70.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern Kirgiż li jistabbilixxi Kummissjoni Speċjali għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti (IIC) għall-investigazzjoni fil-ġrajjiet ta’ Ġunju 2010 fil-Kirgiżistan tan-Nofsinhar, u jitlob lill-awtoritajiet Kirgiżi jadottaw il-miżuri neċessarji għat-tafja tat-tensjonijiet interetniċi, it-tnaqqis tal-etno-nazzjonaliżmu, u għall-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni, għall-promozzjoni tad-djalogu kulturali u r-rispett għall-jeddijiet minoritarji u għat-taqbida kontra l-forom kollha tad-diskriminazzjoni fost l-oħrajn, billi jistabbilixxi riforma ġenwina ġudizzjarja u tal-pulizija bħala prerekwiżit għall-prevenzjoni tal-ksur tal-jeddijiet tal-bniedem bħal pereżempju t-tortura u forom oħra ta' abbuż mill-pulizija; jistieden lill-UE tfassal u timplementa programmi ta’ assistenza tal-UE flimkien mal-awtoritajiet u l-NGOs Kirgiżi, li jkollhom it-tir li jipprevjenu l-kunflitti, jseddqu r-rikonċiljazzjoni u jipprevjenu l-impunità;

Taġikistan

71.

Ifisser it-tħassib tiegħu għall-ineffiċjenza tal-assistenza għall-iżvilupp mogħtija mill-UE fil-pajjiż ġejja minn livell għoli ta' korruzzjoni, l-influwenza tal-kriminalità organizzata fuq il-governanza u l-frammentazzjoni reġjonali imminenti xprunata mill-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali mwiergħa; jitlob, għalhekk, li jkun hemm approċċ alternattiv imsejjes fuq is-sigurtà umana permezz ta’ kanali alternattivi ta’ assistenza;

72.

Jesprimi tħassib dwar rapporti ta' tortura fil-kustodja u n-nuqqas kontinwu ta' aċċess ta' osservaturi tas-soċjetà ċivili għall-postijiet ta' detenzjoni; jitlob li l-KISA u l-osservaturi internazzjonali jingħataw aċċess għall-ħabsijiet biex iżidu t-trasparenza u s-sorveljanza;

73.

Jirrakkomanda li l-Gvern Taġiki, f’dan is-sens, jagħmel bħala objettiv il-ksib tal-progress fl-oqsma msemmijin, billi dan iwassal għal titjib kbir u kostanti fil-gradwatorja tal-pajjiż fl-indiċijiet ta’ trasparenza, governanza u indiċi relevanti oħrajn imħejjin mill-organizzazzjonijiet internazzjonali; jitlob li jkun hemm kondizzjonalità stretta għall-għajnuna tal-UE permezz tal-istrutturi statali;

74.

Jistieden lill-UE tippromwovi u tgħin, permezz ta' studji ta' fattibilità, perizja teknika u, fejn ikun meħtieġ, self xieraq mill-BEI, l-iżvilupp ta' proġġeti ta' impjanti idroelettriċi fuq skala iżgħar imxerrdin tul il-kors tax-xmajjar, u enerġiji rinnovabbli alternattivi;

It-Turkmenistan

75.

Jilqa' l-leġiżlazzjoni adottata fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali u edukattiv, iżda jenfasizza li jeħtieġ li din tkun segwita minn miżuri komprensivi ta' implimentazzjoni; iħeġġeġ, f’dan is-sens, lill-Kunsill u lir-RGħ/VP jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Turkmeni jimplementaw fis-sħiħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida u jimpenjaw ruħhom b'mod aktar attiv mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali;

76.

Jitlob it-twettiq sħiħ tal-kondizzjonijiet magħmulin mill-Parlament Ewropew fi Frar 2008, jiġifieri b’mod partikolari l-aċċess liberu u mingħajr xkiel għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza kollha, l-abolizzjoni tal-impedimenti governattivi għall-ivvjaġġar, u l-possibilità li l-NGOs joperaw fil-pajjiż; iqis li dawn il-kondizzjonijiet jeħtieġ li jiġu ssodisfati sabiex it-Turkmenistan jikkonforma mal-istandards internazzjonali li kien irratifika;

77.

Huwa partikolarment imħasseb li l-awtoritajiet attwali qed japplikaw b'mod sistematiku politiki ripressivi kontra kull forma ta' oppożizzjoni, NGOs indipendenti, attivisti tal-jeddijiet tal-bniedem; iqis li hu ta’ dispjaċir partikolari li d-djalogu mas-soċjetà ċivili fit-Turkmenistan irriżulta impossibbli;

L-Uzbekistan

78.

Jieħu nota tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ottubru 2009 li ġabu fi tmiemhom is-sanzjonijiet kollha kontra l-Uzbekistan u kkonfermaw id-disponibilità tal-UE li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma' dal-pajjiż f'mod li jħaddan kollox; ifakkar li l-livell ta’ impenn jiddependi mill-progress magħmul min-naħa ta' Uzbekistan fl-oqsma tal-jeddijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni u l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra t-trafikkar tad-drogi, u jistenna li s-SEAE jiżviluppaw politika ta’ impenn Ewropew kritiku, kondizzjonat u koerenti mal-Uzbekistan;

79.

Itenni l-preokkupazzjoni tiegħu dwar ir-rapporti ta’ użu kontinwat ta’ xogħol tat-tfal forzat, l-aktar fil-qasam tal-biedja; jinnota t-tħassib tal-ILO, rappreżentanti tal-ħaddiema, impjegati u NGOs dwar l-użu kontinwu tal-impjieg sfurzat tat-tfal fl-industrija tal-qoton fl-Uzbekistan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uzbekistan jimpenjaw ruħhom mal-ILO u jagħtu lill-ILO aċċess mingħajr xkiel ħalli jimmonitorjaw il-għelejjel tal-qoton u li jiżviluppaw, jimplementaw u jimmonitorjaw politiki effettivi għall-eliminazzjoni tax-xogħol tat-tfal permanenti furzat; jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja lil-Gvern tal-Uzbekistan fl-isforzi tiegħu f'dan il-qasam;

80.

Huwa allarmat bid-deċiżjoni ta’ dan l-aħħar tal-awtoritajiet li jagħlqu l-uffiċċju tal-Human Rights Watch f’Taxkent, iffakarhom bl-obbligi tagħhom lejn l-OSKE u jitlobhom jippermettu l-aċċess u l-operazzjonijiet mingħajr xkiel min-naħa tal-NGOs nazzjonali u internazzjonali u monitoraġġ fil-pajjiż kollu;

*

* *

81.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Ażja Ċentrali, lill-OSKE u lill-presidenti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Kazakistan, tar-Repubblika Kirgiża, tat-Taġikistan, tat-Turkmenistan u tal-Uzbekistan.


(1)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/librairie/PDF/EU_CtrlAsia_EN-RU.pdf

(2)  http://eeas.europa.eu/central_asia/docs/progress_report_0609_en.pdf

(3)  http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/10/st11/st11402.en10.pdf.

(4)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 49.

(5)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 80.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0283.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2010)0399.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2010)0441.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2011)0334.

(11)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.


Top