EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0584

Żona Unika Ewropea tat-Trasport Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Diċembru 2011 dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (2011/2096(INI))

ĠU C 168E, 14.6.2013, p. 72–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 168/72


Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2011
Żona Unika Ewropea tat-Trasport

P7_TA(2011)0584

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (2011/2096(INI))

2013/C 168 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-"White Paper" tal-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2003 dwar il-"White Paper" tal-Kummissjoni "Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu” (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar "Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna" (2),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport (3),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata (IMP) – Evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda (4),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta' Koeżjoni tal-Kummissjoni u dwar l-Istrateġija għall-Politika ta' Koeżjoni wara l-2013 (5),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni b'enfasi partikolari fuq l-iskanners tas-sigurtà (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-27 ta' Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020 (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni bit-titolu “In-Netwerk taċ-Ċittadini” COM(1995)0601) u ‘Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana” (COM(2009)0490),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn prezzijiet ġusti u effikaċi fit-trasport” (COM(1995)0691) tal-1995 u l-komunikazzjoni tagħha “it-trasport u s-CO2” (COM(1998)0204) tal-1998; u billi l-Kummissjoni għandha terġa' tippublika din tal-aħħar;

wara li kkunsidra l-Istrateġija UE 2020,

wara li kkunsidra l-acquis communautaire fil-qasam tat-trasport,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0425/2011),

A.

billi l-politika Ewropea tat-trasport tinfluwenza direttament liċ-ċittadini tal-UE f'diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja u billi żona unika Ewropea ġenwina tat-trasport li telimina l-barrieri kollha bejn mezzi ta' trasport u sistemi nazzjonali u li m'għandhiex distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u dumping soċjali, tkun ta’ użu konsiderevoli għalihom;

B.

billi s-settur tat-trasport għandu importanza kbira għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, tar-reġjuni u l-bliet tagħha, peress li huwa jipproduċi madwar 5 % tal-prodott gross domestiku, jipprovdi madwarbi 10 miljun post tax-xogħol; billi huwa kruċjali li tinżamm il-kapaċità tal-UE tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni f'oqsma bħall-mobilità, it-trasport u l-loġistika, li huma deċiżivi għall-pożizzjoni tal-Ewropa bħala ċentru industrijali u ekonomiku u għall-pożizzjoni globali kompetittiva tagħha; billi impriżi żgħar u medji jilagħbu rwol partikolarment importanti fis-settur tat-trasport;

C.

billi l-politika futura Ewropea tat-trasport u tal-mobilità għandha tintegra l-miri 20-20-20 għall-perjodu sal-2020 bħala bażi primarja għat-teħid tad-deċiżjonijiet f'dan il-qasam,

D.

billi t-trasport jista’ jagħti kontribut sinifikanti għall-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, ir-riċerka, l-enerġija, l-innovazzjoni u l-ambjent, fejn fil-qafas ta’ din l-istrateġija għandhom jissaħħu s-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali b’mod aktar effikaċi u għandhom jiġu koordinati aktar;

E.

billi ċerti għanijiet tal-aħħar White Paper ma ġewx sodisfatti u b'hekk l-għanijiet stabbiliti hawnhekk għandhom jiġu rieżaminati u verifikati b'mod regolari;

F.

billi l-modi tat-trasport mhumiex f'kompetizzjoni bejniethom, iżda għandhom jikkumplimentaw lil xulxin fil-qafas tal- komodalità effikaċi, skont il-prinċipju bażiku ta' distribuzzjoni effikaċi modali ta' mezzi tat-trasport;

G.

billi l-miri ta’ trasferimenti modali ma jistgħux jintlaħqu permezz tal-liġi, iżda biss bl-isfruttar ta' infrastruttura li tiffunzjona, vantaġġi intrinsiċi u tal-punti tajbin u inċentivi;

H.

billi huwa essenzjali li jiġi żgurat l-iżvilupp b’suċċess tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), li n-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-UE jkunu mqabbda ma’ xulxin b’mod effikaċi u li jiġu eliminati d-diskrepanzi bejn il-livelli tal-iżvilupp infrastrutturali fl-Istati Membri tal-UE,

I.

billi s-settur tat-trasport u l-infrastruttura transkonfinali għadhom qed jiffaċċjaw bosta ostakli storiċi u ġeografiċi (il-wisa’ differenti tat-toroq jew l-ostakli impenetrabbli tar-ringieli tal-muntanji bħall-Alpi, il-Pirinej jew il-Karpazji) li jipproduċu ‘effetti transkonfinali’, li biċċa minnhom jistgħu jitneħħew faċilment u b’hekk għandhom jitneħħew kollha;

J.

billi d-differenzi bejn ir-reġjuni fl-Ewropa (is-sitwazzjoni periferali, l-infrastruttura, il-pajsaġġ, id-densità tal-popolazzjoni, is-sitwazzjoni soċjoekonomika) joħolqu problemi differenti ħafna li jirrikjedu soluzzjonijiet flessibli;

K.

billi l-ftuħ tas-swieq tat-trasport għandu jkun soġġett għall-iżvilupp tas-salvagwardji regolatorji kollha meħtieġa biex jiżguraw li dan se jwassal għal servizz ta’ kwalità ogħla, taħriġ u sitwazzjoni u kundizzjonijiet aħjar tal-impjiegi;

L.

billi l-UE għandha tistabbilixxi standards konsistenti għall-mezzi kollha tat-trasport, speċjalment dawk relatati mas-sikurezza, it-teknoloġija, il-protezzjoni ambjentali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fejn jittieħed inkonsiderazzjoni l-fatt li f'setturi fejn japplikaw regoli de facto globali, ir-regolazzjoni effikaċi tista’ tinkiseb permezz tal-fora internazzjonali rilevanti;

M.

billi l-leġiżlazzjoni adottata fil-qasam tat-trasport għandha tiġi trasposta, implimentata u inforzata b'mod korrett, konsistenti u veloċi;

1.

Jilqa' l-"White Paper" 2011, iżda jistabbilixxi li għanijiet importanti tal-"White Paper" 2011 ma ġewx sodisfatti jew ġew sodisfatti biss parzjalment, u jissuġġerixxi:

li sal-2013 il-Kummissjoni, abbażi tar-rapport dwar is-sikurezza fit-toroq Ewropej 2011-2020 u filwaqt li żżomm mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandha tagħmel proposti speċifiċi, sabiex tnaqqas in-numru ta' mwiet u ta' persuni li jkorru b'mod serju fit-toroq b'50 % meta mqabbla mal-2010. Dawn il-proposti għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-utenti tat-triq l-aktar vulnerabbli u għandhom jindikaw, f'kull każ, ir-riżultati mistennija fir-rigward tat-tnaqqis fl-inċidenti;

li sal-2014, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta li tippjana l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-tipi kollha tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri skont l-ispeċifiċità tagħhom, filwaqt li tevita l-ħlasijiet doppji u d-distorsjonijiet tas-suq. Id-dħul mill-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandu jintuża għall-finanzjament tal-investiment fis-sikurezza, ir-riċerka, it-teknoloġiji ġodda, il-protezzjoni tal-klima u t-tnaqqis tal-istorbju fil-kuntest tal-mobbiltà sostenibbli u tal-infrastruttura;

2.

Jitlob li, sal-2013, il-Kummissjoni tressaq proposta dwar il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol, biex tiffaċilita l-ħolqien ta’ suq tat-trasport Ewropew li jkun integrat ġenwinament u fl-istess ħin, iżżid l-attraenza tas-settur għall-impjegati; din il-proposta għandha tkun ibbażata fuq analiżi fid-dettall tas-sitwazzjoni attwali tal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-mezzi kollha tat-trasport, fuq il-livell tal-armonizzazzjni bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u fuq il-valutazzjoni tal-impatt tal-iżviluppi tas-suq tax-xogħol tat-trasport matul il-perjodu sal-2020; din il-proposta għandha żżid l-impjiegi u għandha ttejjeb is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport kollu u tieħu in kunsiderazzjoni t-teknoloġiji ġodda u s-servizzi loġistiċi li jistgħu jintużaw biex itejbu s-servizzi tat-trasport in ġenerali u b'mod partikolari għall-persuni b'diżabbiltà;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex sal-2013, abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri, tissottometti analiżi koerenti u kwantitattiva tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-livell tal-infrastruttura, id-densità tan-netwerk tat-trasport u l-kwalità tas-servizzi tat-trasport fl-Istati Membri kollha tal-UE; dan se jipprovdi ġabra qasira tas-sitwazzjoni attwali fl-UE27, jenfasizza l-unugwaljanzi fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom u jagħti deskrizzjoni tal-mod kif fil-preżent tiġi iffinanzjata infrastruttura tat-trasport fil-mezzi kollha u tal-prijoritajiet futuri tal-investiment;

4.

Huwa konxju tal-kontribut kbir tas-settur tat-trasport għall-politika industrijali, għall-kompetittività u għall-bilanċ kummerċjali tal-UE; jinnota li fl-2009 l-esportazzjonijiet ta’ makkinarju u tagħmir fis-settur tat-trasport ammontaw għal EUR 454,7 biljun, jiġifieri għal 41,5 % tal-esportazzjonijiet kollha barra mill-UE27; barra minn hekk jinnota wkoll li fl-2009 l-UE rreġistrat l-ikbar bilanċi kummerċjali favorevoli tagħha fl-oqsma tal-makkinarji u t-tagħmir fis-settur tat-trasport (EUR 112,6 biljun) u fis-servizzi tat-trasport (EUR 21,5 biljun);

5.

Huwa favur l-għaxar għanijiet għal sistema ta' trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u l-għanijiet stabbiliti fil-White Paper għall-2050 u l-2030, iżda jikkunsidra li huma meħtieġa dispożizzjonijiet aktar speċifiċi għall-perjodu taż-żmien sal-2020 rigward il-fondi – fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Membri rispettivi – u tal-isfidi ġenerali li jiffaċċja t-trasport fil-qasam tal-enerġija u f'dak ambjentali, u b'hekk jitlob lill-Kummissjoni tfassal regoli legali biex takkwista tnaqqis ta' 20 % f'emissjonijiet tas-CO2 u ta' GHGs oħra mit-trasport (filwaqt li l-figuri tal-1990 jservu bħala bażi ta' referenza), taħdem mal-imsieħba internazzjonali biex tfassal dispożizzjonijiet legali permezz ta' ftehimiet globali sabiex tilħaq l-għanijiet li ġejjin sal-2020 (filwaqt li l-figuri tal-2010 jservu bħala bażi ta' referenza), skont il-miri 20-20-20 u f'kooperazzjoni tas-sħab internazzjonali:

tnaqqis ta' 20 % f'emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport fit-toroq,

tnaqqis tal-istorbju u tal-konsum tal-enerġija ta' trasport fuq il-binarji b'20 %,

tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bl-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew kollu bi 30 %,

tnaqqis uniformi ta' 30 % f'emissjonijiet tas-CO2 mal-Ewropa kollha u tal-pollutanti tat-trasport bil-merkanzija, fejn se tingħata kontribuzzjoni mill-ftehimiet tal-IMO dwar l-Indiċi ta' Effiċjenza Enerġetika u l-Pjan ta' Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika;

u jitlob biex l-għanijiet kollha msemmija f’dan il-paragrafu jiġu kkunsidrati bħala prijoritarji u għalhekk jiġu riveduti kull sena;

6.

Jenfasizza li l-għan għandu jkun li s-suq intern Ewropew tat-trasport jiġi kkompletat billi jkomplu jiġu miftuħa n-networks u s-swieq tat-trasport, billi jiġu kkunsidrati l-aspetti ekonomiċi, ta' impjiegi, ambjentali, soċjali u territorjali, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti dwar il-ftuħ ta' servizzi fis-swieq kollha tat-trasport ma jwasslux għal dumping soċjali, servizzi ta' kwalità aktar baxxa, monopolji jew oligopolji; jenfasizza li għad hemm bżonn urġenti ta’ linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat għall-portijiet.

7.

Jenfasizza l-potenzjal tat-trasport f'bosta żoni, u jinsisti dwar l-importanza ta' żona Ewropea unika ta' trasport, b'interkonnessjoni u interoperabbilità, ibbażata fuq il-ġestjoni tal-infrastruttura tat-trasport u fuq sistemi li jinkisbu bl-eliminazzjoni tal- "effetti konfinali" bejn l-Istati Membri fil-mezzi kollha tat-trasport, sabiex tijieb il-kompetittività u l-attraenza tal-Unjoni Ewropea kollha; jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni territorjali u, b'mod partikolari, il-problemi ta' aċċessibilità li jiffaċċaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, reġjuni mingħajr kosta u dawk perifiċi u ta' konnessjonijiet tajbin bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tagħhom;

8.

Jenfasizza li l-komodalità effiċjenti fit-trasport tal-mobilità tal-persuni u tal-merkanzija fis-sekwenza kollha tas-servizzi tat-trasport u loġistiċi, li tiġi mkejla f’termini tal-effikaċità ekonomika, tal-protezzjoni ambjentali, tas-sigurtà enerġetika, tal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol, tas-sikurezza u tas-sigurtà, u li tieħu in kunsiderazzjoni l-koeżjoni territorjali u l-ambjent ġeografiku f'pajjiżi u reġjuni individwali, għandha tkun l-idea li tiggwida l-politika futura tat-trasport; huwa tal-fehma li l-mezzi tat-trasport għandhom jikkumplimentaw 'il xulxin u jinteraġixxu u li l-parametri mniżżla hawn fuq għandhom jintużaw biex jiddeterminaw id-distribuzzjoni attwali u futura fil-pajjiżi u r-reġjuni, skont il-possibilitajiet individwali tagħhom; jikkunsidra wkoll li l-użu ta' mezz sostenibbli ta' trasport għandu jiġi promoss b'mod sistematiku, anki għal distanzi qosra u medji;

9.

Jinnota l-livell għoli ta' dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili impurtati, li l-provvista tagħhom barra mill-Unjoni tinvolvi riskji kbar f'termini ta' sigurtà ekonomika tal-Unjoni u f'termini ta' flessibilità tal-alternattivi tal-politika esterna tagħha, u jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tkejjel b'mod regolari s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija esterna;

10.

Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport tal-Istati Membri l-ġodda, inkluża l-infrastruttura tat-toroq, sabiex tiġi stabbilita żona Ewropea unika tat-trasport u sabiex tikkonnettja n-networks tat-trasport tagħhom ma' dawk ta' pajjiżi ġirien; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-ħtiġijiet għall-ħolqien ta’ infrastruttura tat-trasport tal-Istati Membri l-ġodda fil-qafas finanzjarju multiannwali futur tagħha sabiex, sal-2025, l-infrastruttura tat-trasport tal-Istati Membri l-ġodda tkun laħqet il-livell tal-Istati Membri l-oħrajn;

11.

Jilqa' u jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" u l-Inizjattiva dwar il-Bonds Proġettwali, u jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw in-network prinċipali, peress li l-kunċett TEN-T għandu jipprovdi numru limitat ta' proġetti sostenibbli b'valur miżjud Ewropew u b'fondi akbar u aktar realistiċi; iħeġġeġ biex:

L-Istati Membri jikkommettu ruħhom biex sal-2020 jeliminaw il-25 post ta' konġestjoni li huma magħrufa fiż-żona Ewropea tat-trasport u biex, jekk ikun meħtieġ, jippromwovu l-fatt li dawn jiġu billi jiżvuluppaw infrastrutturi intermodali fil-punt tat-tluq u tat-tmiem tal-vjaġġ, biex jagħtu prijorità lil proġetti transkonfinali bejn l-Istati Membri, mingħajr ma jittraskuraw il-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien, u biex jissottomettu pjan approvat ta' fondi sal-2015;

il-Kummissjoni tikkommetti ruħha li żżid l-istabilità tal-fondi tal-proġetti TEN-T, f'koordinazzjoni mal-politika reġjonali;

il-Kummissjoni għandha tikkommetti ruħha li tappoġġa mudelli u strumenti alternattivi ta’ finanzjament, li jinkludu bonds ta’ proġetti, u li tipprovdi għal aktar użu ta’ dawk ir-riżorsi biex jiffinanzjaw proġetti TEN-T meta tagħmel proposti biex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni,

sabiex jiżgura l-effiċjenza fuq perjodu ta' żmien twil u l-viżibilità tal-azzjoni tal-UE fil-qafas tat-TEN-T, id-definizzjoni tal-prijoritajiet għandha tiġi kkunsidrata b’rabta mill-qrib mal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ fondi strutturali reġjonali u l-Istati Membri għandhom jiġu obbligati li jiżguraw finanzjament ta’ dawn il-proġetti lil hinn mill-perjodu stipulat tal-programmi multiannwali tal-UE;

il-prijorità tal-proġetti wara l-2015 tinżamm biss jekk l-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet baġitarji vinkolanti li jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-kofinanzjament tal-UE għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju “użah jew titilfu”;

il-EuroVelo, in-netwerk Ewropew tar-rotta taċ-ċikliżmu fuq distanza twila, għandu jiġi inkluż fin-netwerk TEN-T

12.

Jenfasizza li bil-fatt li tiġi stabbilita infrastruttura tajba tat-trasport u livelli tajbin ta' aċċess għaliha, ir-reġjuni kollha se jsiru ekonomikament aktar b’saħħithom u aktar attraenti għall-investiment dirett, u b’hekk fuq żmien aktar fit-tul dan kollu jsaħħaħ kemm il-kompetittività tagħhom stess u kemm il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fit-totalità tagħha, filwaqt li jiġi żgurat li s-suq intern jiżviluppa kif suppost u jintlaħaq il-għan tal-koeżjoni territorjali;

13.

Jirrimarka li n-netwerks tat-trasport iwettqu rwol ewlieni fil-politiki tal-ippjanar tal-ispazji; jenfasizza l-importanza partikolari li għandhom l-infrastrutturi maġġuri tat-trasport, bħalma huma l-linji ferrovjarji ta’ veloċità kbira, biex jagħtu spinta lill-iżvilupp lokali; iqis li l-makroreġjuni u l-istrateġiji għall-iżvilupp tagħhom għandhom il-potenzjal li jwettqu rwol aktar attiv fl-implimentazzjoni ta' politika tat-trasport ikkoordinata, effikaċi u sostenibbli; ifakkar kemm hu importanti li jiġu mfassla, ippjanati u implimentati strateġiji konġunti tal-infrastrutturi tat-trasport, kif ukoll fil-ħtieġa li jitferrxu l-aħjar prattiki fil-qasam tat-trasport; jenfasizza li ċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-UE se jkunu l-benefiċjarji diretti ta’ żona unika Ewropea tat-trasport li jkollha, bħala l-għanijiet tagħha, it-tnaqqis fil-ħin u r-riżorsi li jintużaw għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, u l-integrazzjoni aktar mill-qrib tas-swieq;

14.

Jinnota li l-istess standards ta' sigurtà, armonizzati fuq il-livell Ewropew, għandhom japplikaw għall-forom kollha ta' trasport tal-passiġġieri u merkanzija u jitlob li jkun hemm proposta għall-finanzjament tal-konformità mar-rekwiżit; huwa tal-fehma li, f'każ ta' trasport marittimu u trasport bl-ajru, il-koordinazzjoni internazzjonali għandha tkun prerekwiżit, u li għandhom jiġu riveduti r-regoli eżistenti u jekk ikun meħtieġ, jiġu riveduti sal-2015 u jiġu integrati progressivament fil-ftehimiet ma' terzi pajjiżi;

15.

Jenfasizza l-importanza ta' strateġija koerenti biex issir it-tranżizzjoni ta' enerġiji alternattivi u rinovabbli għat-trasport, u jenfasizza l-fatt li l-għanijiet stabbiliti jistgħu jiġu akkwistati permezz ta' taħlita ta' forom differenti ta' enerġija u l-metodi eżistenti għall-iffrankar tal-enerġija; jinnota li din it-tranżizzjoni teħtieġ infrastruttura speċifika u inċentivi korrispondenti u li l-għanijiet ta' tnaqqis għandhom jiġu formulati b'mod teknoloġikament newtrali;

16.

Jitlob biex sal-2015, il-proposta għall-mobilità tal-belt, fejn l-għajnuna ta’ proġetti, filwaqt li tħares is-sussidjarjetà, tkun tiddependi mill-pjanijiet sostenibbli ta’ mobilità ta' katina effikaċi ta’ persuni u ta’ merkanzija f'żoni urbani u mibnija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-traffiku, tal-inċidenti, tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju, li tkun konformi mal-istandards u mal-objettivi tal-politika Ewropea tat-trasport, kif ukoll li tissodisfa l-bżonnijiet tal-ibliet u r-reġjuni ta’ madwar u ma toħloqx barrieri ġodda fis-suq; jipproponi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-innovazzjoni u tar-riċerka dwar kunċetti sostenibbli tal-mobilità urbana;

17.

Jenfasizza li l-imġiba tal-utenti tat-trasport hija deċiżiva, u jitlob li jinħolqu inċentivi li jagħżlu mezzi ta' trasport u ta' mobilità sostenibbli u li jkunu fiżikament attivi, sikuri u tajbin għas-saħħa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, filwaqt li jħarsu s-sussidjarjetà, sal-2013 jissottomettu proposti għall-iżvilupp ta' inizjattivi li jippromwovu t-trasport pubbliku, il-mixi u l-użu tar-roti li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, speċjalment fil-bliet, bl-għan li jirduppjaw in-numru ta' utenti tagħhom; jikkunsidra li huwa importanti, għalhekk, li tiġi żviluppata infrastruttura sikura għal min jimxi u għaċ-ċiklisti, speċjalment fil-bliet, u għat-titjib tal-inter-operabilità bejn is-servizzi tat-trasport, il-promozzjoni tal-introduzzjoni ta' dokument uniku tat-trasport u sistema integrata ta' biljetti elettroniċi għall-ivvjaġġar multi-modali li torbot ukoll it-trasport fuq distanzi twal mat-trasport lokali; ifakkar li l-aċċessibilità u l-affordabiltà tat-trasport hija importanti ħafna għall-mobilità soċjali, u għandha tingħata aktar attenzjoni għar-rikonċiljazzjoni tal-għanijiet tas-sostenibilità mal-ħtiġijiet soċjali meta jkunu qed jitħejjew il-politiki tat-trasport tal-futur;

18.

Jemmen li r-regoli bażiċi dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom jiġu stabbiliti għall-mezzi kollha tat-trasport f'Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri, li tkopri l-mezzi kollha tat-trasport, u b'hekk tistenna li mhux aktar tard mill-bidu tal-2012, il-Kummissjoni tressaq proposta li tieħu in kunsiderazzjoni kemm il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull mezz ta' trasport u l-esperjenza fil-passat u tinkludi kapitlu dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b'diżabilitajiet; jitlob, fl-istess ħin, li jkun hemm interpretazzjoni uniformi u applikazzjoni konsistenti, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dawn id-drittijiet, fuq il-bażi ta' definizzjonijiet u linji gwida ċari, u trasparenza rigward il-ġestjoni tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħlasijiet addizzjonali tal-mezzi kollha tat-trasport;

19.

Jenfasizza l-bżonn ta’ politika tat-trasport integrata għall-katina tal-valur tat-trasport u tal-loġistika kollha kemm hi biex jiġu indirizzati kif jixraq l-isfidi tat-trasport u tal-mobilità b’mod partikolari dawk li jkunu ġejjin minn żoni urbani; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni msaħħa fost dawk li jfasslu l-politika fl-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll djalogu u konsultazzjoni permanenti mal-industrija loġistika, mal-fornituri tas-servizzi tat-trasport u mal-konsumaturi f’forum Ewropew tal-loġistika u tal-mobilità;

20.

Jitlob li tingħata prijorità għall-iżvilupp tal-loġistika ħadra u għall-ġestjoni aħjar tal-mobilità;

21.

Jafferma li l-multimodalità sostenibbli għal-loġistika tal-passiġġieri u l-merkanzija titlob il-forniment tal-punti ta’ konnessjoni u terminals intermodali, ippjanar u loġistika integrati, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali integrati;

22.

Jenfasizza li l-UE għandha tibqa' minn ta' quddiem fl-innovazzjoni teknoloġika sabiex tippromwovi l-effikaċja, is-sostenibilità u l-impjiegi; jitlob li jiġi provdut finanzjament għal programm ta' riċerka u żvilupp li għandu l-għan speċifiku ta' mobilità sostenibbli u sigura, bi strateġija ta' implimentazzjoni speċifika, skeda ta' żmien u kontroll finanzjarju effikaċi, bl-għan li:

iż-żamma tar-rwol ta' tmexxija tal-UE bħala ċentru ta' produzzjoni u riċerka għall-forom kollha tat-trasport, b'enfasi partikolari fuq id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, l-emissjonijiet aktar baxxi, it-tnaqqis tal-istorbju, is-sikurezza u s-sigurtà;

il-ħolqien ta' sistemi intelliġenti, interoperabbli u konnessi biex jappoġġaw is-SESAR, Galileo, il-GMES, L-ERTMS, is-Sistemi ta' Informazzjoni għax-Xmajjar, l-LRIT u l-ITS;

jinstabu soluzzjonijiet orjentati lejn il-prattika, bl-involviment ta’ grupp ta’ esperti ġejjin mill-oqsma tal-ekonomija, ix-xjenza, il-politika u mis-soċjetà;

titjieb is-sikurezza fit-toroq bit-tkomplija tal-inizjattiva Sikurezza-e u tiġi żviluppata l-infrastruttura li hija meħtieġa għall-introduzzjoni tas-sistema ta’ sejħiet ta’ emerġenza eCall, filwaqt li jiġu osservati r-regoli tal-protezzjoni tad-data;

23.

Huwa tal-fehma li għandhom jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi għall-forom kollha tat-trasport u b’hekk jitlob li jkun hemm simplifikazzjoni aktar qawwija tad-dokumenti tat-trasport u l-loġistika, partikolarment għat-trasport tal-merkanzija u biex sal-2013 tiġi sottomessa proposta dwar l-istandardizzazzjoni tad-dokumenti tal-merkanzija u tad-dokumenti elettroniċi, anki bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-merkanzija multimodali;

24.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm titjib u standardizzazzjoni ta' tagħmir ta’ kontroll, bħal pereżempju radars tal-veloċità u "on-board-units", kif ukoll tas-sistemi jew il-mezzi tal-komunikazzjoni u jitlob biex sal-2013 tiġi sottomessa proposta rigward ir-rikonoxximent reċiproku u għall-interoperabilità ta' dan l-apparat; jenfasizza l-bżonn ta' titjib fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-prosekuzzjonijiet transkonfinali u l-iżgurar ta' aktar konverġenza fl-applikazzjoni tal-istandards tas-sikurezza tat-toroq;

25.

Jenfasizza l-fatt li t-tibdiliet possibli fil-, u l-istandardizzazzjoni tal-unitajiet tal-ġarr, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-unitajiet tal-ġarr użati fit-trasport globali u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-trasport, għandhom iservu biex jottimizzaw it-trasport multi-modali u joffru benefiċċji li jidhru fil-forma ta' ffrankar ta' fjuwils, nuqqas fl-emissjonijiet u titjib fis-sikurezza tat-toroq;

26.

Jipproponi li l-Istati Membri jawtorizzaw biss l-użu tas-Sistema Modulari Ewropea fuq ċerti rotot jekk l-infrastruttura eżistenti u r-rekwiżiti tas-sikurezza jippermettu dan u biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni;

27.

Jenfasizza l-importanza tad-diversi Aġenziji Ewropej tat-Trasport, u jitlob sforzi ġodda biex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tagħhom;

28.

Jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw u jaħdmu favur l-istabbiliment ta' livell ekwu bejn il-mezzi ta’ trasport kollha, u jappoġġawh, f’termini tat-tassazzjoni fuq l-enerġija u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT);

29.

Jitlob li, rigward it-trasport fit-toroq, ikun hemm:

rivista oħra, sal-2013, tal-qafas regolatorju li jmexxi perjodi ta' sewqan u ta' serħan fit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija u l-implimentazzjoni tiegħu, u għall-armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-infurzar, u li jieħu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-armonizzazzjoni tal-penalitajiet fis-settur tat-trasport fit-toroq; jemmen li hemm bżonn li jiġu armonizzati, fl-Unjoni Ewropea kollha, ir-restrizzjonijiet dwar it-trasport tal-merkanzija bil-baħar;

jiġu ssodisfati l-iskadenzi diġà stabbiliti u jingħataw spinta l-proġetti ta’ prijorità tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej;

ġeneralment sal-2020 jiżdiedu b’40 % l-postijiet sikuri għall-ipparkjar tat-trakkijiet fin-network trans-Ewropew tat-toroq (TERN) u jkun hemm titjib fil-kwalità tagħhom (standards ta' iġjene), meta mqabbla mal-valuri tal-2010,

il-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi tal-Istati Membri li jippromwovu l-ħolqien ta' flotta tat-trasport sikura u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent permezz ta' eżenzjonijiet fiskali;

il-Kummissjoni biex sa tmiem l-2013 tfassal rapport dwar il-qagħda tas-suq tat-trasport fit-toroq tal-Komunità li jkun jinkludi analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq, inkluż l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kontrolli u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjiegi tal-professjoni, u valutazzjoni dwar jekk l-armonizzazzjoni tar-regoli fl-oqsma, inter alia, tal-infurzar u tal-ħlasijiet tal-utenti tat-toroq, kif ukoll tal-leġiżlazzjoni soċjali u ta' sikurezza, għamlitx progress tant li wieħed jara l-possibiltà ta' ftuħ ta' swieq domestiċi tat-trasport fit-toroq, inkluż l-eliminazzjoni tar-restrizzjoni fuq il-kabotaġġ;

jissaħħaħ it-taħriġ u t-taħriġ avanzat u l-aċċess għall-impjiegi minn persuni impjegati fit-trasport u minn professjonijiet konċernati, inklużi dawk li jipprovdu servizzi relatati mat-trasport għall-passiġġieri, sabiex ikun hemm titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u fis-salarji u sabiex is-settur isir iktar attraenti;

tiġi stabbilita metodoloġija standard tal-UE biex biha jiġi kkalkulat l-impront tal-karbonju, kif ukoll operazzjonijiet loġistiċi biex tiġi evitata l-proliferazzjoni tal-approċċi nazzjonali u appoġġ għall-inizjattivi tal-industrija biex jiġi promoss il-kalkolu tal-impront tal-karbonju speċjalment għat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

30.

Jitlob li rigward in-navigazzjoni:

ikun hemm proposta li għandha tiġi mnedija sal-2013 dwar il-"Blue Belt", biex tiffaċilita l-formalitajiet għall-vapuri li joperaw bejn portijiet tal-UE u għall-iżvilupp tal-potenzjal tal-mogħdijiet tal-baħar billi jiġi stabbilit suq uniku ġenwin għat-trasport marittimu fl-UE skont il-leġiżlazzjoni ambjentali u tal-konservazzjoni tan-natura tal-preżent;

ikun hemm inizjattivi li jiżguraw li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-kubrit mill-vapuri ma jirriżultax f’bidla modali lura;

tiġi introdotta politika Ewropea għal navigazzjoni bil-baħar fuq distanzi qosra u medji sabiex tintuża l-kapaċità żejda disponibbli fl-ilmijiet interni navigabbli u sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport;

ikompli jiġi appoġġat il-programm NAIADES, f'konformità mal-leġiżlazzjoni diġà eżistenti dwar il-ħarsien tal-ambjent u tan-natura, kif ukoll programm li jsegwi biex jiżgura l-kontinwazzjoni tal-programm attwali NAIADES sa mill-2014,

issir proposta għaż-żieda ta’ 20 % tan-numru ta’ konnessjonijiet multimodali (pjattaformi) għall-ilmijiet navigabbli interni, il-portijiet interni u l-binarji sal-2020, meta mqabbla mal-valuri tal-2010, u l-appoġġ finanzjarju rispettiv, flimkien mal-estensjoni wara l-2013 tal-programm Marco Polo, sabiex isir użu effiċjenti tal-potenzjal tan-navigazzjoni;

skont il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020, għall-anqas 15 % tal-fondi TEN-T jiġi ddedikat għall-proġetti li jtejbu l-konnessjonijiet sostenibbli u multimodali tal-portijiet, tal-portijiet interni u tal-pjattaformi multimodali, b’enfasi fuq il-proġetti tat-trasport akkwatiku;

minħabba l-karattru internazzjonali tat-trasport marittimu, sal-2012 tinkiseb approssimazzjoni fit-taħriġ fin-navigazzjoni ma' standard internazzjonali u partikolarment, l-adozzjoni veloċi tal-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta' taħriġ ta' ħaddiema tal-port sabiex jiġu inkorporati l-emendi tal-2010 fil-liġi tal-UE l-emendi tal-Konvenzjoni dwar l-Istandards tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, is-sottomissjoni ta' proposta dwar l-għarfien reċiproku tal-kundizzjonijiet qafas dwar it-taħriġ għall-ħaddiema tal-port qabel tmiem l-2013, u l-abbozzar ta' strateġija għar-reklutaġġ ta' żgħażagħ lesti biex jitħarrġu fi professjonijiet marittimi,

31.

Jitlob li rigward it-trasport bl-ajru:

il-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ta' Ajru Uniku Ewropew II, li fiha l-użu tas-SESAR se jilgħab rwol importanti u jitlob lill-Kummissjoni biex sal-2013 tipproponi proposta dwar it-tlestija ta' spazju uniku Ewropew permezz ta' tnaqqis fin-numru ta' blokok funzjonali tal-ispazju tal-arja,

il-Kummissjoni issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn ir-Regolamenti ta’ Ajru Uniku u s-SESAR u l-proġetti Galileo kif ukoll l-inizjattivi Clean Sky, sabiex timplimenta b'mod aktar effikaċi miżuri ta' effiċjenza enerġetika u miżuri għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra,

kwalità tas-servizz, u koordinazzjoni ma' standards internazzjonali, biex jiġu prijoritizzati proposti oħra dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq,

il-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li sal-2012 jiġi aċċettat internazzjonalment in-negozju Ewropew fiċ-ċertifikati tal-emissjonijiet u b'hekk jiġu garantiti kundizzjonijiet ugwali internazzjonalment;

xogħol attiv dwar l-iżvilupp ta' "Checkpoint of the Future" għal verifiki tas-sigurtà tal-passiġġieri u l-merkanzija;

32.

Jitlob li rigward it-trasport fuq il-binarji:

il-Kummissjoni tassumi l-impenji tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport pubbliku lokali u tal-livelli eżistenti ta' servizz meta hija tipproponi aktar ftuħ tas-swieq, bl-għan li ttejjeb il-livelli attwali tas-servizz filwaqt li tiggarantixxi kompetizzjoni aktar ġusta u tipprevjeni d-dumping soċjali,

aktar promozzjoni ta' armonizzazzjoni teknika u interoperabilità bejn l-Istati Membri, u partikolarment l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-vetturi sal-2015, sabiex l-awtorizzazzjoni ma ddumx aktar minn xahrejn f'kundizzjonijiet finanzjarji trasparenti, u tibdiliet relevanti fil-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-finanzjament tagħha fl-2012,

jingħata impetu ġdid, b'mod maħsub sew, lill-infrastruttura ferrovjarja, lit-tnaqqis tal-istorbju u lill-pjan ta' azzjoni tal-ERTMS matul il-perjodu sal-2020,

il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, tissottometti proposta għal Direttiva li jkun fiha d-dispożizzjonijiet relatati mar-relazzjoni bejn l-immanniġġjar tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet tat-trasport, kif ukoll proposta għall-ftuħ tas-suq nazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li ma tnaqqasx il-kwalità tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju u tissalvagwardja l-obbligi tas-servizz pubbliku,

l-indipendenza u tisħiħ tal-poteri tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fl-interessi ta' linji ta' ferroviji aktar effikaċi, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom f'network Ewropew u s-sottomissjoni, sal-2014, ta' proposta tal-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa dan l-għan u tistabbilixxi awtorità regolatorja Ewropea;

tingħata aktar importanza lit-taħriġ u t-taħriġ avanzat ibbażat fuq standards għoljin u li tingħata spinta lir-rikonoxximent transkonfinali taċ-ċertifikati u l-kwalifiki;

il-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt li kellu l-ftuħ tas-suq tal-merkanzija ferrovjarja fuq it-trasport permezz ta' vaguni iżolati u, jekk jirriżulta li l-volum ta' dan it-traffiku naqas, biex tissottometti, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, proposta li tippermetti l-Istati Membri jappoġġaw din l-attività, fid-dawl tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha;

33.

Jirrikonoxxi li l-industrija ferrovjarja Ewropea qed tkun dejjem iżjed vulnerabbli għall-kompetizzjoni fis-suq tal-UE minn fornituri ta’ pajjiżi terzi; jesprimi tħassib dwar l-ostakli sostanzjali li jipprevjenu lill-fornituri tal-UE milli jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi f’pajjiżi li mhux membri fl-UE;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, fl-istudji dwar l-impatt tal-proposti leġiżlattivi, tidentifika, tikkwantifika u tevalwa l-ħolqien “tal-impjieg ekoloġiku” kif ukoll tal-miżuri li jippromwovuh.

35.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreżentaw strateġija konġunta ta’ informazzjoni, komunikazzjoni u konsultazzjoni tal-atturi involuti kollha, inkluża, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini konċernati, dwar il-ħtiġijiet, l-ippjanar, l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastrutturi meħtieġa għat-tkabbir, il-mobilità, l-iżvilupp u l-impjiegi, b’konformità mal-impenji li huma parti mill-istrateġija Ewropa 2020.

36.

Fil-kunsiderazzjoni tal-fatt li l-korpi lokali u reġjonali għandhom kompetenzi sinifikanti fil-qasam tal-politika tat-trasport, jikkunsidra li jeħtieġ il-parteċipazzjoni tagħhom f’approċċ ta’ governanza mifrux fuq diversi livelli.

37.

Jitlob biex il-Kummissjoni kull sena tanalizza l-għanijiet tal-‘White Paper’, il-progress li sar u r-riżultati u tippreżenta rapport lill-Parlament, darba kull 5 snin, dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper;

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 43 E, 19.2.2004, p. 250.

(2)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 556.

(3)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 13.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0386.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0316.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0329.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0408.


Top