EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0583

Abbozz ta' Tabella ta' Valutazzjoni għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tabella għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi: id-disinn inizjali previst

ĠU C 168E, 14.6.2013, p. 70–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 168/70


Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2011
Abbozz ta' Tabella ta' Valutazzjoni għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi

P7_TA(2011)0583

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tabella għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi: id-disinn inizjali previst

2013/C 168 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv dwar il-governanza ekonomika adottat fis-16 ta’ Novembru 2011, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2011 bl-isem “Tabella għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi: id-disinn inizjali previst” (SEC(2011)1361),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

1.

Ifakkar li l-mira ewlenija tal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza li għadu kemm twaqqaf hija l-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari fiż-Żona tal-Euro; ifakkar li, skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, fost il-miri l-oħra tal-mekkaniżmu previst hemm il-konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonmiċi tal-Istati Membri u l-koordinazzjoni aktar imqarrba tal-politiki ekonomiċi;

2.

Jenfasizza li, fid-dawl tal-qagħda ekonomika attwali, huwa essenzjali li l-qafas ta’ sorveljanza makroekonomika jibda jiffunzjona mill-aktar fis possibbli;

3.

Jemmen li l-effetti sekondarji potenzjali tal-politiki tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati u diskussi fi stadju bikri (eż. bħala parti mill-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir), u f’kull każ qabel l-adozzjoni tal-programmi ta’ konverġenza/stabbiltà kif ukoll warajha; jitlob lill-Kummissjoni tespliċita kif biħsiebha tittratta dwar l-effetti sekondarji fl-aktar verżjoni reċenti tagħha tat-tabella;

4.

Huwa tal-fehma li l-gvernijiet tal-Istati membri jeħtieġ li jkunu lesti jaġixxu rigward il-problemi potenzjali, minħabba li biss b’dawn il-mod jista’ jkun żgurat li l-qafas ta’ sorveljanza jkollu l-impatt mixtieq;

5.

Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-28 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevezjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (is-“six-pack”) (2), li stqarret li “s-sorveljanza makroekonomika tkopri l-pajjiżi b'defiċits u bilanċi faveroli fil-kontijiet kurrenti b'differenzazzjoni xierqa fir-rigward tal-urġenza tat-tweġibiet tal-politika u t-tip ta' azzjonijiet korrettivi meħtieġa”; jirrimarka li din id-dikjarazzjoni wittiet it-triq għal ftehim aħħari dwar is-“six-pack”; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' kommessa għaliha bis-sħiħ; isostni li kwalunkwe konklużjoni li jista’ jilħaq il-Kunsill ma tistax tillimita d-drittijiet legali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward;

6.

Jinnota li l-aktar livelli ta’ limitu indikattivi għall-indikaturi utilizzati fl-abbozz tat-Tabella huma jew livelli massimi jew minimi, anki jekk ir-Regolament jistqarr espliċitament li għandhom jiġu adottati sew livelli massimi kif ukoll minimi sakemm dan ma jkunx f’loku; jenfasizza, f’dak ir-rigward, li d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni ma fihx spjegazzjoni dwar kif mhuwiex f’loku li jiġu stabbiliti sew livelli massimi kif ukoll minimi għall-parti l-kbira ta’ dawn l-indikaturi;

7.

Jinnota li l-Kummissjoni ma qisitx l-elementi kollha speċifikati għall-qari ekonomiku tat-Tabella fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawn l-elementi kollha fil-qari ekonomiku tat-Tabella, partikolarment rigward l-impjiegi, il-muturi tal-produttività u r-rwol tal-enerġija;

8.

Jenfasizza li l-livell ta’ limitu magħżul għar-rata tal-qgħad ma jirnexxilux jindividwa żviluppi ta’ fluss, bħaż-żieda annwali f’dik ir-rata;

9.

Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummisjsoni li tipprovdi, sa tmiem l-2012 u fil-waqt għas-Semestru Ewropew sussegwenti, ġabra ġdida ta’ indikaturi u ta’ livelli ta’ limitu relatati għas-settur finanzjajru; jitlob lill-Kummissjoni tespliċita r-relazzjoni bejn tali indikaturi tas-settur finanzjarju u t-tabella prevista mir-regolament dwar il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS);

10.

Jirrimarka, bi rbit mal-istabbiliment ta’ tabelli makroekonimiċi futuri li jistgħu jinkludu firxa akbar ta’ indikaturi, li dawn jeħtieġ li jkunu bbażati fuq statistika uffiċjali, indipendenti u verifikabbli prodotta mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika u mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali;

11.

Jinnota li d-dokument ta’ ħidma tal-Kummisjsoni jiċċita l-“letteratura ekonomika disponibbli”, bla ma jipprovdi mqar referenza waħda; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjoni aktar kompluta tal-approċċ metodoloġiku tagħha, inklużi l-alternattivi differenti previsti, flimkien ma’ bibljografija komprensiva bħala sfond għat-Tabella;

12.

Jenfasizza li l-Kumitat ECON jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ pubbliku dwar id-disinn tat-Tabella qabel ma’ jagħti fehmietu rigward l-inkorporazzjoni ta’ indikaturi ġodda u dwar il-bdil tal-livelli ta’ limitu;

13.

Jisħaq li l-implimentazzjoni trasparenti ta’ dan l-istrument ġdid tal-politika hija tal-akbar importanza matul il-proċedura kollha, u, f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe kitbiet jew dokument ta’ ħidma dwar it-tabelli jkunu espliċitament u formalment indirizzati lill-PE u lill-Kunsill fuq bażi ugwali;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0424.


Top