Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0435

    Skemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Ottubru 2011 dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni (2011/2010(INI))

    ĠU C 94E, 3.4.2013, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 94/1


    Il-Ħamis 13 ta’ Ottubru 2011
    Skemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni

    P7_TA(2011)0435

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni (2011/2010(INI))

    2013/C 710 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2010 bit-titolu, ‘il-White Paper dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni’ (COM(2010)0370),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2006 dwar il-kriżi tal-Equitable Life Assurance Society (3),

    wara li kkunsidra r-rapport finali tat-23 ta' Mejju 2007 tal-Kumitat ta' Inkjesta tiegħu dwar il-kriżi finanzjarja tal-Equitable Life Assurance Society (A6-0203/2007),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0243/2011),

    A.

    billi l-kriżi finanzjarja wriet li l-kunfidenza tal-konsumatur fis-sistema finanzjarja tista' tiddgħajjef malajr fin-nuqqas ta' proċessi ta' kumpens adegwati li jpattu għal telf għal konsumaturi bħala riżultat tal-falliment ta' istituzzjonijiet finanzjarji,

    B.

    billi l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni (IGSs) jistgħu jservu ta' għodda importanti għat-tnaqqis tar-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom d-detenturi ta' poloz jew, fejn inhu xieraq, il-benefiċjarji fil-każ li tfalli entità tal-assigurazzjoni,

    C.

    billi l-ħtieġa għall-iskemi ta' garanziji tal-assigurazzjoni u l-istruttura u l-funzjoni tagħhom huma differenti minn skemi ta' garanzija għal depożiti jew skemi ta' kumpens għall-investitur rigward il-mudell ta' negozju differenti ta' dawk li jassiguraw u l-livell ta' riskju differenti li l-konsumaturi huma esposti għalih fil-każ li assiguratur ifalli.

    D.

    billi firxa wiesgħa ta' IGSs teżisti fi Stati Membri, li joffru livelli ta' ħarsien tal-konsumatur li jvarjaw għal diversi linji ta' prodotti permezz ta' diversi mudelli ta' finanzjament,

    E.

    billi ma kien hemm l-ebda telf notevoli għal detenturi ta' poloz jew, fejn inhu xieraq, benefiċjarji minħabba l-kriżi finanzjarja, u billi l-industrija tal-assigurazzjoni Ewropea ftit li xejn intmesset mill-kriżi finanzjarja meta mqabbla ma' industriji oħra,

    F.

    billi Solvenza II tintroduċi sellum ta' intervent superviżorju biex tonqos il-possibbiltà li assiguratur ifalli finanzjarjament, u li detenturi ta' poloz jew benefiċjarji jitħarbtxu minħabba ġrajja bħal din,

    G.

    billi l-introduzzjoni tas-Solvenza II u l-IGSs se tikkontribwixxi għat-twaqqif ta' ambjent b'kundizzjonijiet ekwi fis-suq Ewropew ta' assigurazzjoni u tgħin biex jitlesta s-suq intern,

    H.

    billi skont Solvenza II il-pretensjonijiet ta' detenturi ta' poloz u, fejn inhu xieraq, benefiċjarji huma garantiti meta assiguratur ikun daħal f'insolvenza (meta assiguratur ikun fi ksur tar-Rekwiżit dwar il-Kapital ta' Solvenza tiegħu), u jkunu f'riskju biss jekk l-assiguratur ifalli finanzjarjament (meta l-assi mhumiex biżżejjed biex ikopru r-responsabbiltajiet finanzjarji tiegħu),

    I.

    billi l-għoti tal-assigurazzjoni transkonfinali fl-UE hija baxxa, iżda x'aktarx li se tikber bħala riżultat tal-introduzzjoni ta' Solvenza II, minħabba l-benefiċċji tal-kapital offruti permezz ta' struttura pan-Ewropea bbażata fuq il-fergħat,

    J.

    billi n-nuqqas ta' IGSs armonizzati fil-livell Ewropew u r-reġimi diversifikati fost l-Istati Membri wasslu għal ħarsien ineffikaċi u żbilanċjata tad-detenturi tal-poloz tal-assigurazzjoni u naqqsu l-pass tal-funzjonament tas-suq tal-assigurazzjonijiet billi fixklu l-kompetizzjoni transkonfinali,

    K.

    billi l-fiduċja tal-konsumatur fil-funzjonament tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji tista' tiġi żgurata biss permezz ta' livell konsistenti ta' ħarsien tal-konsumatur irrispettivament mill-oriġini tal-fornitur tas-servizz, primarjament permezz ta' applikazzjoni konsistenti ta' regoli prudenti solidi u superviżjoni effikaċja mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX) u, fejn inhu xieraq, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti,

    L.

    billi r-riskju għal dawk li jħallsu t-taxxa minħabba l-falliment ta' istituzzjonijiet finanzjarji għandu jinżamm f’livell kemm jista' jkun baxx permezz ta' sorveljanza effikaċi u proporzjonata min-naħa ta' superviżuri nazzjonali u Ewropej.

    1.

    Jirrikonoxxi li r-reġim superviżorju l-ġdid u l-qafas li ġej ta' Solvenza II se jtejbu iktar il-ħarsien tal-konsumatur;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-regoli u d-definizzjonijiet stipulati f'Solvenza II u fil-qafas superviżorju l-ġdid, biex tressaq proposti għal direttiva ta' standardizzazzjoni transkonfinali li tistabbilixxi qafas transkonfinali koerenti u konsistenti għall-IGSs fl-Istati Membri kollha, li jipprovdi biss protezzjoni tal-aħħar rimedju lill-konsumaturi meta impriżi tal-assigurazzjoni mhumiex kapaċi jissodisfaw l-impenji kuntrattwali tagħhom minħabba insolvenza;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq kemm jista' jkun malajr proposta għal direttiva dwar Skemi għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni li tikkumplimenta Skemi għall-Garanzija tad-Depożiti, Skemi għall-Kumpens tal-Investitur u Solvenza II;

    4.

    Jirrikonoxxi li l-potenzjal għal ambjent b'kundizzjonijiet inugwali jista' jikkaġuna arbitraġġ regolatorju li jaffettwa l-IGSs; jistieden lill-Kummissjoni teżamina r-relazzjoni bejn l-armonizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-iskemi mill-UE kollha u l-prinċipju tal-Istati ta' orġini biex jiġi kkjarifikat jekk hemmx distorsjoni sinifikanti fis-suq; iqis li dan ir-rieżami għandu jitwettaq tliet snin wara l-implimentazzjoni sħiħa ta' Solvenza II;

    5.

    Jaqbel li d-Direttiva dwar is-Solvenza II ma toħloqx ambjent bla riskju ta' falliment għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u ma tipproteġix it-telf tal-konsumatur fi kwalunkwe falliment possibbli ta' impriżi tal-assigurazzjoni; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-IGS komuni li se tiġi adottata bid-Direttiva Solvenza II;

    6.

    Jappoġġa l-adozzjoni tal-prinċipju tal-pajjiżi "tal-oriġini" – fejn il-poloz imfassla minn assiguratur, irrispettivament mill-post tal-bejgħ, huma koperti mill-IGS ta' oriġini – filwaqt li jirrikonoxxi li (a) skont id-Direttiva Solvenza II il-forniment transkonfinali tas-servizzi ta' assigurazzjoni se jiżdied, u (b) li l-falliment finanzjarju ta' assiguratur se jkun marbut ma' nuqqas ta' superviżjoni min-naħa tas-superviżur fil-pajjiż "tal-orġini", ħalli l-piż tar-responsabbiltà għall-falliment għandu jinġarr mill-IGS tal-pajjiż "tal-oriġini", li għandu jipprovdi ħarsien tal-aħħar rimedju lill-konsumaturi meta impriżi tal-assigurazzjoni mhumiex kapaċi jissodisfaw l-impenji kuntrattwali tagħhom minħabba insolvenza; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt u ta' konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati dwar l-inklużjoni ta' assigurazzjoni tal-ħajja bħala prijorità u dwar il-prattiċità li tiġi inkluża assigurazzjoni mhux tal-ħajja f'IGS transkonfinali biex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni tal-konsumatur u ambjent b'kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri; jemmen li l-Kummissjoni u l-AEAPX għandhom jistabbilixxu loġika sabiex jiġi żgurat li spejjeż addizzjonali ta' IGS jintiżnu kontra l-objettiv ta' ħarsien għall-konsumatur; jinnota li r-regolament attwali tal-UE dwar l-iskemi ta' depożitu ta' garanzija u l-iskemi ta' ħarsien tal-investitur ikopri biss il-prodotti tat-tfaddil;

    7.

    Jinsisti li l-mudell ta' finanzjament għal IGSs nazzjonali għandu jiġi kopert mill-prinċipju ta' sussidjarjetà, li jirrifletti l-prinċipju ta' superviżjoni tal-pajjiż "tal-oriġini" u d-differenza fil-mudelli użati minn IGSs eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tkunx favur approċċ ex-ante għall-finanzjament fid-dawl tan-nuqqas ta' argumenti favur tali approċċ u t-tfixkil li jista' jikkaġuna;

    8.

    Jinsisti li l-Istati Membri jiżguraw li jsiru testijiet fuq l-IGSs tagħhom u li jiġu infurmati f'każ li l-awtoritajiet kompetenti jiskopru problemi f'kumpanija tal-assigurazzjoni li jistgħu jirriżultaw f'intervent skont l-iskema rilevanti; jissuġġerixxi li dawn it-testijiet għandhom isiru tal-anqas kull tliet snin, jew skont iċ-ċirkustanzi; iqis, barra minn hekk, li l-AEAPX għandha kultant żmien twettaq rieżamijiet inter pares biex teżamina s-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul tal-iskemi u titlob għal titjib fejn inhu meħtieġ;

    9.

    Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fir-rigward tal-għażla ta' mudelli ta' finanzjament ex-ante jew ex-post tista' tirriżulta f'distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri; jemmen li tali distorsjonijiet huma ta' importanza ugwali kemm għall-ħarsien tal-konsumatur kif ukoll ta' dawk li jħallsu t-taxxa u li l-Kummissjoni għandha tieħu approċċ kawt u fit-tul biex tindirizza tali distorsjonijiet.

    10.

    Jirrikonoxxi li hemm modi differenti kif ikun żgurat il-ħarsien tal-konsumatur:

    il-kumpens: it-telf li jġarrbu d-detenturi tal-poloz jew il-benefiċjarji fil-każ ta' insolvenza ta' assiguratur jiġu kumpensati direttament wara proċess ordnat ta' soluzzjoni tal-pretensjonijiet;

    il-kontinwità: il-kontinwità tal-kuntratti tal-assigurazzjoni tiġi żgurata permezz ta' trasferiment tal-portafoll lill-assiguraturi li jibqa' fis-suq jew tinħoloq entità speċjali għal dan il-għan;

    jirrakkomanda li ż-żewġ approċċi għandhom jitħallew isiru skont il-qafas IGS futur, fejn jitqiesu d-differenzi bejn swieq nazzjonali f'termini ta' daqs, konċentrazzjoni, disinn tal-prodott u l-firxa ta' prodotti tal-assigurazzjoni offruti;

    11.

    Jinsisti li l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi fl-eventwalità ta’ insolvenza tal-assiguratur għandha tkun faċilment aċċessibbli, komprensiva, u faċli biex tinftiehem, b'indikazzjonijiet ċari dwar liema awtorità għandha tavviċina l-konsumatur f'każ ta' pretensjonijiet jew mistoqsijiet; hu konvint li t-twaqqif ta' punt ta' kuntatt uniku għall-garanzija finanzjarja kollha jew għall-iskemi ta' kumpens jiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti verament tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, speċjalment fir-rigward tal-forniment ta' informazzjoni u l-iffaċilitar ta’ kuntatt u ħlasijiet transkonfinali;

    12.

    Jenfasizza li l-approċċ "il-pajjiż tal-oriġini" għal IGSs jista' jkun kredibbli biss minn perspettiva tal-konsumatur jekk hemm konsistenza fl-esperjenzi tal-konsumaturi għaż-żewġ funzjonijiet tal-IGS (it-trasferiment tal-portafoll u l-pretensjonijiet għal kumpens min-naħa ta' detenturi ta' poloz); jistieden lill-Kummissjoni biex tistipula, fi ħdan is-superviżur nazzjonali tal-konsumaturi, proċess u punt ta' kuntatt uniku fil-lingwa proprja għall-pretensjonijiet kollha ta' kumpens marbutin mal-garanzija offruta minn polza tal-assigurazzjoni, irrispettivament mill-lokalità tal-IGS "tal-pajjiż ta' oriġini"; jirrakkomanda li l-AEAPX għandha tiżviluppa approċċ armonizzat u trasparenti bbażat fuq is-sempliċità u l-aħjar prattika, u, jekk hemm bżonn, permezz ta' standards tekniċi li jorbtu;

    13.

    Jisħaq li l-għarfien tal-konsumaturi u l-kuxjenza dwar is-servizzi finanzjarji u r-riskji assoċjati għandhom jittejbu; għaldaqstant jissuġġerixxi li mekkaniżmu simili tal-Fuljett Ewropew ta' Informazzjoni Standardizzata (ESIS) għandu jiġi introdott għall-politiki dwar l-assigurazzjoni, li jkun jinkludi twissijiet mandatorji ċari dwar ir-riskju ta’ prodotti kumplessi ta’ investiment marbuta mal-assigurazzjoni kif ukoll dwar l-eżistenza tal-IGS konnessa ma' awtorità nazzjonali speċifika sabiex id-detentur tal-polza jsibha aktar faċli li jifhem il-prodotti tal-assigurazzjoni u jikseb aċċess għall-informazzjoni relevanti kollha;

    14.

    Jemmen li superviżuri "tal-pajjiż ta' oriġini" u "tal-pajjiż ospitanti" għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-IGS nazzjonali kkonċernata biex jiżguraw tfixkil minimu għad-detentur tal-polza jew għall-benefiċjarju f'pajjiż "ospitanti" fil-każ li assiguratur ifalli, billi jaġixxu permezz tal-kulleġġ bil-parteċipazzjoni tal-AEAPX biex jiżġuraw konsistenza fl-approċċ, bejn skema u oħra;

    15.

    Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-rwol tal-IGSs fir-rigward tal-intermedjarji;

    16.

    Jargumenta li sabiex tiġi żgurata protezzjoni komprensiva u kontinwa għad-detenturi tal-poloz u l-benefiċarji, il-Kummissjoni għandha żżomm u tikkunsidra mekkaniżmi ta' protezzjoni oħra kif ukoll dispożizzjonijiet leġiżlattivi li diġà huma fis-seħħ; jemmen li l-IGSs għandhom ikunu attivati meta mekkaniżmi ta' ħarsien oħra jkunu fallew;

    17.

    Jinsisti li l-ħarsien offrut minn IGSs eżistenti fi Stati Membri ma għandux ikun dilwit minħabba leġiżlazzjoni tal-UE ġdida, u li l-konsumaturi ma għandhomx ibatu minn telf minħabba n-nuqqas, minn perspettiva regolatorja, li jiġu sorveljati b'mod adegwat l-assiguraturi; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas Ewropew għall-IGSs jiffunzjona bħala rimedju tal-aħħar billi jipprovdi lid-detenturi tal-poloz li huma eliġibbli (jew fejn inhu xieraq, il-benefiċjarji), b'kumpens bis-sħiħ kemm jista jkun għat-telfiet li ġarrbu jew bil-possibbiltà li jittrasferixxu l-portafoll fi ħdan perjodu ta' żmien raġonevoli fil-każ li impriża tiddikjara insolvenza;

    18.

    Jirrikonoxxi li impriżi tal-assigurazzjoni huma responsabbli għall-imġiba tal-impjegati tagħhom u li l-intermedjarji huma obbligati jżommu assigurazzjoni professjonali tal-indemnità; jinnota li l-frodi hija koperta minn liġi kriminali u ta’ dannu; jirrikonoxxi li r-regoli dwar l-IGSs li jkopru l-bejgħ ħażin u l-frodi jistgħu jagħmlu s-superviżuri inqas viġilanti u b’inqas ħajra li jużaw il-poteri ta' sorveljanza, u b'hekk jinħoloq ir-riskju morali;

    19.

    Jinnota li n-nuqqas ta' definizzjoni tal-UE li torbot legalment dwar x'tikkostitwixxi impriża żgħira jew mikro, u fid-dawl tan-natura ta' tali entitajiet li biż-żmien qiegħda tinbidel, l-ambitu tal-proposta tad-direttiva tal-IGSs għandu jkun limitat għal persuni naturali u li persuni naturali marbutin direttament mal-assiguratur li falla finanzjarjament, bħal diretturi, maniġers ta' livell għoli jew membri tal-bord li jivvutaw li l-qasam tar-responsabbiltà professjonali tagħhom huwa marbut mal-kawżi tal-insolvenza, għandhom ikunu esklużi mill-korp tal-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tivvaluta l-każ biex jiġu inklużi persuni legali magħżula ladarba tinstab definizzjoni li torbot legalment; jenfasizza li fir-rigward ta' sussidjarjetà Stati Membri individwali jistgħu jagħżlu li jinkludu persuni legali fi ħdan l-IGSs nazzjonali tagħhom;

    20.

    Jirrikonoxxi li kwestjonijiet dwar il-konċentrament tas-suq jistgħu jagħmlu pressjoni fuq il-kapaċità ta' IGS li tassorbi l-pretensjonijiet kollha min-naħa ta' detenturi ta' poloz jew benefiċjarji, bħala riżultat tal-falliment finanzjarju ta' assiguratur uniku jew aktar; jemmen li r-regoli dwar l-IGSs li jistgħu jwasslu għal iktar piżijiet fuq is-swieq konċentrati għandhom jiġu evitati;

    21.

    Jipprevedi r-rwol ta' sorveljanza tal-AEAPX fil-koordinament ta' ttestjar, min-naħa ta' awtoritajiet nazzjonali, li jkejjel il-pressjoni li jifilħu għaliha l-IGSs fl-Ewropa kollha, filwaqt li tagħmel rakkomandazzjonijiet fejn xieraq, u twettaq rieżamijiet inter pares regolari biex tiġi żgurata l-kondiviżjoni tal-aħjar approċċi bbażati fuq l-aħjar prattika;

    22.

    Jinnota li fis-swieq żgħar u konċentrati, l-istabbiliment ta' IGS b'mekkaniżmi ta' finanzjament inadegwati jista' joħloq riskji sistematiċi billi jtejjeb l-interkonnessjoni bejn l-assiguraturi, ħaġa li tista' twassal għal kundizzjonijiet mhux ugwali bejn is-swieq iżgħar u dawk ikbar, peress li s-swieq iżgħar ikollhom diffikultajiet ikbar biex ilaħħqu mal-ispejjeż; jinnota li dawn id-diffikultajiet għandhom jitqiesu sabiex jiġu evitati iktar piżijiet fuq is-swieq konċentrati; jistieden lill-Kummissjoni tħalli lill-Istati Membri jadattaw min jeddhom ir-regoli dwar finanzjament u l-karatteristiċi l-oħra tal-IGS skont il-bżonnijiet tas-swieq nazzjonali;

    23.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

    (2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

    (3)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 108.


    Top