EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0404

Rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja’ Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 27 ta' Settembru 2011 dwar ‘Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja’ (2011/2023(INI))

ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 31–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 56/31


It-Tlieta 27 ta’ Settembru 2011
Rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja’

P7_TA(2011)0404

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Settembru 2011 dwar ‘Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja’ (2011/2023(INI))

2013/C 56 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li “L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex issaħħaħ l-effettività ta' sistemi ta' prevenzjoni ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta' protezzjoni minnhom”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-klawżola ta’ solidarjetà), li jistipula li “l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta’ Oslo tal-1994, li ġew rieżaminati fl-2001, dwar l-użu tar-riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili barranin fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastru,

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, iffirmat fit-18 ta' Diċembru 2007 mill-Presidenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2010 intitolata “Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” (COM(2010)0600),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri (COM(2008)0130),

wara li kkunsidra r-rapport minn Michel Barnier intitolat “Għal forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili: Europe Aid”, ippubblikat f'Mejju 2006,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010 fejn intlaqgħu l-objettivi deskritti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010 li jimmiraw għal reazzjoni tal-Ewropa iktar prevedibbli, effikaċi, effiċjenti, koerenti u viżibbli għad-diżastri,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2007 fejn il-Kummissjoni ġiet mistiedna tagħmel l-aħjar użu mill-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom, tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (1) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar it-twaqqif ta’ kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE (3), tal-10 ta’ Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f'Ħaiti (4), tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009 (5), tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri (6) u tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0283/2011),

A.

billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qed jaffaċċaw ħafna riskji, bħal pereżempju: terremoti u tsunamis; nirien, inklużi nirien tal-foresti; għargħar u valangi; inċidenti industrijali u nukleari; attakki terroristiċi; diżastri naturali u pandemiji kbar; billi kien hemm żieda drammatika fl-għadd u fil-gravità ta’ dawn id-diżastri naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem li jaffettwaw lill-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, kif ukoll lil pajjiżi u reġjuni oħrajn madwar id-dinja, kif intwera traġikament bil-katastrofi gravi reċenti fil-Ġappun, li ntalqat b’terremot, tsunami u katastrofi nukleari f’daqqa, b’żieda korrispondenti fit-telf ta’ ħajja u fi ħsara ekonomika, soċjali u ambjentali u ħsara fir-rigward tal-wirt kulturali u billi ma nistgħux neskludu l-possibilità li tali avvenimenti iżolati ta’ daqs imprevedibbli jistgħu jseħħu fi kwalunkwe ħin, f’liema każ ir-reazzjoni Ewropea għad-diżastri tkun estremament utli peress li l-kapaċitajiet nazzjonali jafu jisfaw imġebbda sal-limiti tagħhom,

B.

billi s-sitwazzjonijiet ta’ nixfa estrema u nirien tal-foresti żdiedu fil-frekwenza u fl-iskala tagħhom fl-Ewropa, u dan ifisser li jeħtieġ li r-riċerka xjentifika reilevanti tiġi żviluppata iktar, bl-għan li jitjiebu l-mekkaniżmi ta’ valutazzjoni tar-riskju, is-sistemi ta’ prevenzjoni u l-mezzi biex jiġu missielta dawn il-fenomeni,

C.

billi r-rata li qed tiżdied tat-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis ta’ kapital naturali ieħor se tkompli żżid il-probabilità ta’ diżastri naturali iktar frekwenti u iktar intensi,

D.

billi fl-2008, il-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) irrikonoxxew ir-rabta bejn it-tnaqqis ta’ riskju ta’ diżastru u t-tibdil fil-klima fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali,

E.

billi fl-2010, il-Qafas tal-Adattament ta’ Cancun tal-UNFCCC irrikonoxxa formalment it-tnaqqis ta’ riskju ta’ diżastru bħala element essenzjali tal-adattament għat-tibdil fil-klima u ħeġġeġ lill-gvernijiet jikkunsidraw li jorbtu miżuri ta’ adattament mal-Qafas għal Azzjoni ta' Hyogo,

F.

billi t-traġedji reċenti, bħat-terremot ta’ Ħaiti u l-għargħar tal-Pakistan, urew li l-għodda ewlenin disponibbli għall-UE biex tirreaġixxi għad-diżastri (għajnuna umanitarja u l-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE) kienu qed jiffunzjonaw tajjeb għal dak li kienu maħsubin għalih u anke meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi, iżda billi hemm b’żonn ta’ importanza vitali li tkompli tissaħħaħ il-koordinazzjoni tar-reazzjoni għad-diżastri tal-Unjoni Ewropea, kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tagħha, u hemm ukoll lok għal titjib f’termini ta’ effikaċja, effiċjenza, koerenza u viżibilità tal-assistenza tal-UE b’mod ġenerali,

G.

billi, barra minn hekk, matul għadd ta’ kriżijiet, b’mod partikolari t-tsunami tas-26 ta’ Diċembru 2004, tqajmu ħafna mistoqsijiet dwar in-nuqqas ta’ protokolli jew xenarji sistematiċi fil-livell Ewropew fir-rigward ta’ reazzjoni għar-riskji u l-viżibilità inedegwata tal-azzjoni tal-Ewropa b’rabta mal-isforz ġenerali,

H.

billi ġew ittestjati b’suċċess diversi arranġamenti li jinvolvu assi predefiniti tal-Istati Membri u assi ffinanzjati mill-UE f’azzjonijiet pilota mnedija mill-Parlament Ewropew (8),

I.

billi l-Parlament Ewropew talab konsistentement lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar il-ħolqien ta’ Forza ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE, filwaqt li jiġi rrispettat kompletament il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u b’hekk jiġu kkomplementati l-isforzi tal-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 196 TFUE,

J.

billi l-klawżola ta' solidarjetà skont l-Artikolu 222 tat-TFUE tistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jassistu lil xulxin fl-eventwalità ta' diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem fit-territorju tal-UE,

K.

billi l-koordinazzjoni immedjata, il-koerenza u l-komunikazzjoni fi ħdan l-UE u mal-atturi internazzjnali hija ta’ importanza kruċjali; billi l-koordinazzjoni Ewropea attwali fuq il-post ta’ bosta timijiet bi ktajjen ta’ kmand differenti inevitabbilment twassal għad-duplikazzjoni tal-isforzi u t-tirkib u tispiċċa għalja f’termini ta’ riżorsi umani, koordinazzjoni u effiċjenza; u billi, fid-dawl tal-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa sistema ta’ protezzjoni bbażata fuq il-kondiviżjoni u r-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi eżistenti mingħajr ebda żieda fin-nefqa ġenerali,

L.

billi, wara d-diżastru riċenti fil-Ġappun, il-gvern Ġappuniż talab lill-UE tifforma tim uniku u kumpatt tal-protezzjoni ċivili, ikkoordinat mill-Kummissjoni, għad-distribuzzjoni ta' għajnuna, minflok ma jintbagħtu diversi timijiet tal-protezzjoni ċivili minn Stati Membri differenti fi żminijiet differenti; billi ż-żieda fil-koordinazzjoni operazzjonali matul dak id-diżastru għamlitha possibbli li titjieb l-assistenza tal-UE b’mod ġenerali f’termini ta’ kosteffettività, koerenza u viżibilità,

M.

billi l-koerenza politika għandha tiġi żgurata fil-livell tal-UE fid-dawl tar-rwoli istituzzjonali rispettivi bla ma xxekkel jew tnaqqas ir-rapidità tal-operazzjonijiet ta’ reazzjoni għad-diżastri, u billi din għandha tissejjes fuq il-mekkaniżmi eżistenti bla ma jinħolqu strutturi ġodda,

N.

billi għandha tiġi integrata kultura ta’ prevenzjoni tad-diżastri u tħejjija għalihom fil-programmi, il-pjanijiet u l-politiki ta’ żvilupp, sabiex jiġu indirizzati wħud mill-kawżi bażiċi tad-diżastri,

O.

billi jeħtieġ li tiġi żviluppata prevenzjoni f’ħin reali fl-istadji operazzjonali kollha: monitoraġġ, inkluż permezz ta’ dejta satellitari; twissijiet bikrija; allert u sussegwentement reazzjoni u għoti ta’ assistenza lill-popolazzjonijiet li potenzjalment tkun tinsab f’riskju,

P.

billi l-UE tappoġġa r-rwol ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment dak tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, fil-koordinazzjoni tas-sokkors internazzjonali f’pajjiżi terzi,

Q.

billi approċċ Ewropew integrat għal kull tip ta’ periklu mmirat lejn reazzjoni għall-kriżijiet fl-istadji kollha taċ-ċikli ta’ ħajja tagħhom huwa l-iktar strateġija effettiva biex jiġu indirizzati d-diżastri; billi dan l-approċċ għandu jgħaqqad flimkien il-prevenzjoni tad-diżastri (inklużi l-mitigazzjoni u t-tnaqqis tar-riskju), it-tħejjija, ir-reazzjoni u l-irkupru, fil-kuntest wiesa’ tal-iżvilupp sostenibbli; billi huwa ta’ importanza kbira li jiddaħħlu fis-seħħ għodod operazzjonali bħal pereżempju pjan ta' prevenzjoni tar-riskju operazzjonali (inklużi proċedura ta’ riferenza u għodod tal-ippjanar); billi jeħtieġ li l-UE tagħmel investimenti reali fil-prevenzjoni u t-tbassir tar-riskji, u billi l-UE għandha ssegwi approċċ ugwalment ambizzjuż fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija u r-reazzjoni għalihom,

R.

billi r-Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà fih prekundizzjonijiet li jxekklu u jdawmu l-użu tal-Fond f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ diżastru, partikolarment fir-rigward tal-ammonti u t-tipi ta’ nefqa eliġibbli, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-inflessibilità tal-iskadenzi u l-proċeduri,

S.

billi, waqt kriżi, huwa essenzjali li t-timijiet ta’ salvataġġ ikollhom aċċess għal informazzjoni preċiża kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġu distribwiti t-tagħmir, in-neċessitajiet bażiċi u r-riżorsi kritiċi, u billi għaldaqstant it-telekomunikazzjonijiet huma l-ħolqa l-iktar importanti fil-katina tal-ġestjoni tal-kriżi,

T.

billi r-riżorsi u l-konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni konvenzjonali jafu jispiċċaw mgħobbija żżejjed jew meqruda f’sitwazzjoni ta’ kriżi,

U.

wara li kkunsidra l-Politika Ewropea dwar l-Ispazju u r-riżultati pożittivi miksuba mill-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) imniedi mill-Kummissjoni biex jiġu użati l-informazzjoni u d-dejta satellitari, u l-applikazzjoni prattika tiegħu fis-settur tal-protezzjoni ċivili u anke permezz tas-Servizz Ċentrali ta' Reazzjoni għal Emerġenza, li l-utilità tiegħu diġà ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri,

1.

Jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” u l-objettivi tagħha; jenfasizza li l-propositi deskritti fil-Komunikazzjoni għandhom jiġu eżaminati ulterjament sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi ta’ reazzjoni Ewropea msaħħa, ikkoordinata, konsistenti, effikaċi u effiċjenti f’sens ta’ spejjeż, viżibbli, koeżiva u komprensiva;

2.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ssimplifikat u rrazzjonalizzat il-funzjonament tar-reazzjoni Ewropea għad-diżastri attwali u jiġu ottimizzati r-riżorsi disponibbli għall-benefiċċju komuni, filwaqt li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkontribwixxu u b’hekk tiġi garantita solidarjetà Ewropea; jikkunsidra, għalhekk, li l-kapaċità ta' reazzjoni tal-UE għandha tifforma parti minn approċċ integrat li jindirizza diversi riskji; barra minn hekk, għandha twettaq amministrazzjoni tal-informazzjoni u riżorsi ddelegata ‧minn isfel għal fuq‧: fi kliem ieħor, l-inizjattiva għandha tiġi mill-Istati Membri, li jipprovdu għarfien u riżorsi b’mod volontarju;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fit-twaqqif tal-kapaċità Ewropea ta’ reazzjoni għad-diżastri, tqis il-Klawżola ta' Solidarjetà u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni tagħha, li jeħtieġ jiġu adottati bħala kwistjoni ta' urġenza u li se jiżguraw reazzjoni aktar effettiva u koerenti għal diżastri kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha;

4.

Itenni l-ħtieġa li ssir reviżjoni tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Solidarjetà sabiex il-kriterji ta’ eliġibilità jiġu adattati għall-karatteristiċi ta’ kull reġjun u kull diżastru, inklużi d-diżastri li jevolvu bil-mod bħal pereżempju n-nixfiet, u jingħata lok sabiex il-mobilizzazzjoni tkun iktar flessibbli u f’waqtha;

5.

Jafferma mill-ġdid li l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija u r-reazzjoni għalihom ma jistgħux ikunu diżassoċjati minn xulxin u li għalhekk huwa rakkomandabbli li jiġi kkonsolidat approċċ integrat biex jiġu indirizzati l-katastrofi;

6.

Japprova l-ħtieġa ta’ bidla kwalitattiva mill-koordinazzjoni ad hoc attwali għal sistema prevedibbli u ppjanata minn qabel fil-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE bbażata fuq assi identifikati minn qabel li jkunu disponibbli għall-użu immedjat fl-operazzjonijiet ta’ għajnuna tal-UE f’każ ta’ diżastru u fuq il-mezzi u r-riżorsi kollha l-oħra li l-Istati Membri jafu jqisu xierqa biex jintużaw; jenfasizza l-bżonn li tiġi introdotta sistema għall-monitoraġġ, is-sorveljanza u l-iżvilupp ta’ azzjoni tal-UE f’operazzjonijiet ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti mill-aktar fis possibbli biex, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, titwaqqaf forza ta’ protezzjoni ċivili tal-UE msejsa fuq il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u li tiġbor ir-riżorsi neċessarji biex tingħata protezzjoni ċivili u għajnuna ta’ sokkors ta' emerġenza immedjata lill-vittmi; jemmen li r-reazzjoni tal-UE għandha tibni fuq il-kapaċitajiet u r-rwoli eżistenti tal-forzi ta’ protezzjoni ċivili Ewropej u tiżgura li jiġu indirizzati l-konġestjonijiet u l-lakuni attwali;

8.

Jaqbel li r-reazzjoni Ewropea għad-diżastri għandha tibni kemm fuq kapaċità Ewropea ta’ reazzjoni għall-emerġenzi permezz tat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili abbażi tal-kapaċitajiet u d-disponibilità ta’ assi tal-Istati Membri għall-emerġenzi li jkunu identifikati minn qabel u allura prevedibbli kif ukoll fuq ċentru Ewropew ta’ reazzjoni għall-emerġenzi bħala l-pedamenti ta’ tali strateġija kif deskritt fil-Komunikazzjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010; jenfasizza li dawn l-iżviluppi għandhom isegwu approċċ maħsub għal kull tip ta’ periklu, filwaqt li jiġbru flimkien l-atturi rilevanti kollha – b’mod partikolari s-soċjetà ċivili – inklużi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-volontiera, għal azzjoni konġunta, u għandhom jisfruttaw is-sinerġiji fost l-għodda u l-istrumenti varji eżistenti;

9.

Jikkunsidra li l-approċċ maħsub għal kull tip ta’ periklu għandu jmur id f’id ma’ flessibilità ikbar fir-reazzjoni għall-kategoriji differenti ta’ riskju, li għandu jiġu kkunsidrat abbażi ta’ kull każ għalih; dan imbagħad jirrikjedi l-iżvilupp ta’ kapaċità diċentralizzata għall-analiżi u l-ippjanar ta’ miżuri meħtieġa fid-dawl tan-natura, il-probabilità u l-gravità tar-riskji;

10.

Barra minn hekk jitlob li l-kapaċità ta’ reazzjoni għad-diżastri tal-UE tagħmel użu mir-reġjuni l-aktar imbiegħda u t-territorji ekstra-Ewropej li jistgħu jiffurmaw bażijiet biex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta’ loġistika u għall-pożizzjonament minn qabel tar-riżorsi tal-UE f’kull oċean;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tressaq quddiem il-Parlament lista ta’ strumenti Komunitarji li jiffinanzjaw attivitajiet ta’ prevenzjoni tad-diżastri, bl-għan li tiġi vvalutata l-possibilità li jiġu inkorporati iżjed il-programmi ta’ prevenzjoni tad-diżastri fil-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE, kif mitlub fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri fl-UE (dokument Nru 15394/09 tat-12 ta’ Novembru 2009);

12.

Jenfasizza li s-sistema ta’ reazzjoni Ewropea għad-diżastri għandha tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà kemm tal-Istati Membri (li għandhom ikunu kapaċi jużaw l-assi tagħhom stess, speċjalment fi kwalunkwe każ ta’ bżonnijiet nazzjonali konfliġġenti) kif ukoll tan-Nazzjonijiet Uniti, i.e. li għandha tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ kull Stat Membru fuq naħa waħda – filwaqt li jitiqies ir-rwol kruċjali li għandhom dawk l-awtoritajiet fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri, partikolarment peress li f’bosta Stati Membri s-setgħat leġiżlattivi huma eżerċitati fuq bażi lokali jew reġjonali – u r-rwol ta’ koordinazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-operazzjonijiet ta’ sokkors f’każ ta’ diżastru barra mill-UE fuq in-naħa l-oħra; jinnota li din l-istrateġija għandha tkun komplementarja għal dik tan-NU, li tara valur miżjud ċar fil-ħolqien ta’ punt ta’ referenza Ewropew b’kapaċità ta’ reazzjoni;

13.

Jirrimarka li n-natura transkonfinali tad-diżastri tfisser li l-UE għandha tikkoordina r-riżorsi u l-ħidma tagħha ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-viċinat tagħha fejn ikunu kkonċernati pajjiżi tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM);

14.

Jappoġġa l-proposta tal-Kummisjoni biex tistabbilixxi kapaċità Ewropea ta’ reazzjoni għall-emerġenzi, inklużi arranġamenti biex tiġi ggarantita disponibilità aktar prevedibbli tal-assi ewlenin tal-Istati Membri, inter alia billi tiġi stabbilita kollezzjoni ta’ assi identifikati minn qabel, disponibbli fi żmien ta’ reazzjoni miftiehem minn qabel, u li għandhom jintużaw fil-qafas ta’ impenn volontarju mill-Istati Membri biex jagħmlu dawn l-assi disponibbli fuq bażi volontarja għall-interventi ta’ sokkors għad-diżastri fuq skala Ewropea kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll barra l-Unjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; huwa tal-fehma li b’dan il-mod, u billi jiġu megħjuna l-persuni effettwati mid-diżastri naturali bħal nirien kbar, għargħar, terremoti, eruzzjoni ta' vulkani, uragani u maremoti, kif ukoll għal inċidenti marittimi, tixrid taż-żejt u riskji nukleari, il-valur miżjud Ewropew tal-interventi tal-UE se jissaħħaħ b’mod konsiderevoli;

15.

Jinnota li ċerti żoni, bħaż-żoni kostali, insulari u muntanjużi, huma estremament vulnerabbli minħabba l-ġeografija tagħhom, u jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għal dawn iż-żoni;

16.

Jinnota li r-reġjuni Ewropej li jinstabu fil-konfini tal-UE jistgħu jiġu effettwati mid-diżastri li jseħħu fir-reġjuni li jagħmlu parti minn pajjiżi terzi, fejn l-intervent ikun aktar u aktar diffiċli; jipproponi li jiġu żviluppati miżuri biex jappoġġaw lil dawn ir-reġjuni u li tingħata attenzjoni speċjali lid-diżastri kkawżati minn persuni jew minn inċidenti industrijali, li jeħtieġu strateġiji differenti;

17.

Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikulari lin-nirien, li fir-rigward tagħhom hemm bżonn ta’ azzjonijiet u strateġiji mmirati;

18.

Jafferma l-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” fir-rigward tar-responsabilità għal ħsara ambjentali u l-irkupru tal-ispejjeż relatati ma’ reazzjoni għal diżastru minn entitajiet privati responsabbli għall-ħsara;

Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi

19.

Jikkunsidra li r-raggruppament ta’ kapaċitajiet, riżorsi u assi identifikati minn qabel li jkunu disponibbli fuq bażi volontarja għall-intervenzjonijiet ta’ sokkors tal-UE f’każ ta’ diżastru, kemm barra kif ukoll ġewwa l-Unjoni, se jikkostitwixxi n-nukleu tal-kapaċità ta' sokkors tal-UE f'każ ta' diżastru, li jista’ jiġi kkomplementat b’offerti ad hoc addizzjonali min-naħa tal-Istati Membri; jirrakkomanda li titfassal skema ċara u dettaljata ta’ inċentivi sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimpenjaw kapaċitajiet suffiċjenti għar-raggruppament volontarju bla ma tiżdied in-nefqa ġenerali tal-Istati Membri;

20.

Jitlob il-ħolqien, fi ħdan il-Forza ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE futura, ta’ mekkaniżmi speċifiċi li jippermettu li l-UE taffaċċa każijiet ta’ tniġġis fuq skala kbira kkawżati minn installazzjonijiet lil hinn mill-kosta taż-żejt u l-gass;

21.

Ifakkar ir-rwol ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-koordinazzjoni tal-isforzi tar-reazzjoni għad-diżastri tal-komunità internazzjonali;

22.

Jenfasizza li kapaċità ta' reazzjoni għad-diżastri tal-UE iktar b'saħħitha se tipprovdi kontribuzzjoni koerenti tal-UE għall-isforz ġenerali ta’ sokkors immexxi min-NU u għar-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha;

23.

Jafferma li l-assi ffinanzjati mill-UE u ġestiti mill-Istati Membri għandhom jissuplementaw aktar l-assi tal-Istati Membri disponibbli għall-operazzjonijiet ta’ sokkors; jinnota li dawn għandhom jinbnew fuq mudelli żviluppati permezz ta’ azzjonijiet preparatorji ttestjati b’suċċess f’emerġenzi riċenti kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa, bħalama huma l-unità multinazzjonali ta’ reazzjoni għall-għargħar għall-pajjiżi Baltiċi u r-riżerva tattika supplementari għat-tifi tan-nar mill-ajru;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tidentifika l-lakuni ta’ kapaċità eżistenti. Għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ assi fil-livell tal-UE, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ kompetizzjoni u/jew tirkib mal-assi nazzjonali, sabiex jimtlew il-lakuni ta’ kapaċità eżistenti fejn dan jirriżulta fi ffrankar sinifikanti għall-UE b’mod ġenerali jew jingħata aċċess għal assi li ma jkunux disponibbli għal Stati Membri li jaġixxu waħidhom, u b’hekk ikun qed jiġi offrut mudell tajjeb ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet;

25.

Iqis li huwa importanti wkoll li jiġu identifikati d-difetti fir-riżorsi u li jkun iċċarat eżatt kif l-UE tista' tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-qagħda ta’ tħejjija tagħhom; huwa tal-fehma li użu aktar effettiv tar-riżorsi eżistenti jipprevjeni burokrazija finanzjarja u amministrattiva żejda, speċjalment fil-kuntest ta' amministrazzjoni reġjonali u lokali;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni timmira lejn involviment tal-UE f'termini ta' forniment ta’ riżorsi, kapaċijatijet u koordinament fir-rigward tad-diżastri li jseħħu fl-UE u li jeffettwaw direttament liċ-ċittadini tagħha;

27.

Huwa tal-fehma li l-għan ewlieni għandu jkun l-użu sħiħ tar-riżorsi finanzjarji disponibbli, kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi kollha involuti fil-mobilizzazzjoni ta' dawn ir-riżorsi; iqis li għandhom jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-assistenza umanitarja ta’ emerġenza tilħaq lil dawk effettwati bid-diżastri mingħjar dewmien;

28.

Jikkunsidra l-ippjanar minn qabel u l-preparazzjoni ta’ operazzjonijiet permezz tal-iżvilupp ta’ xenarji ta’ riferenza u l-elenkar tal-assi tal-Istati Membri potenzjalment disponibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ sokkors tal-UE f’każ ta’ diżastru u l-ippjanar ta’ kontinġenza bħala elementi ewlenin ta’ reazzjoni aħjar tal-UE f’każ ta’ diżastru u essenzjali għal użu rapidu u reazzjoni immedjata xierqa għal kull emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-miżuri immedjatament u bla ħsara għal azzjonijiet oħrajn; jistieden, finalment, lill-Kummissjoni tniedi studju ta’ fattibilità dwar il-merti li jitwaqqfu u jiġu ċċertifikati laboratorji ta' riferenza għall-ġlieda kontra l-bijoterroriżmu u l-identifikazzjoni tal-vittmi, li jkunu ffinanzjati mill-baġit tar-riċerka Ewropea;

29.

Jitlob b’mod partikulari ppjanar adegwat għal kontinġenzi speċifiċi b’rabta mar-reazzjoni għad-diżastri kkaġunati mill-bniedem relatati ma’ tixrid taż-żejt, installazzjonijiet nukleari jew li jinvolvu sustanzi perikolużi fuq l-art kif ukoll fil-baħar;

Ċentru Ewropew ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi

30.

Jilqa’ bħala pass fid-direzzjoni t-tajba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħaqqad flimkien iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) u ċ-ċentru ta’ kriżi għall-għajnuna umanitarja ECHO sabiex jinħoloq Ċentru ta' Reazzjoni għall-Emerġenzi li verament ikun disponibbli l-ħin kollu bħala pjattaforma għall-ippjanar u l-koordinazzjoni operattiva u jitlob li dan jiġi implimentat ukoll b’kooperazzjoni f’ħin reali mill-Istati Membri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, fl-oqsma ta' monitoraġġ, ħruġ ta’ twissijiet bikrija, u l-allert; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ iċ-Ċentru sabiex ikun jista’ jservi aħjar bħala ċentru għal koordinazzjoni fil-pront u effikaċi tal-assistenza in natura Ewropea kollha kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal għajnuna umanitarja; jistipula li għandu jiffunzjona bħala punt ta’ dħul uniku għat-talbiet ta’ assistenza relatati ma’ kull tip ta’ diżastru naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem sabiex ikun hemm lok għal reazzjoni koerenti min-naħa tal-UE;

31.

Jitlob l-għaqda effikaċi taċ-ċentru ta’ kriżi ECHO u ċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC), filwaqt li jiġi żgurat finanzjament adegwat;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b’mod attiv liċ-Ċentru Ewropew ta’ Reazzjoni għall-Emerġenza l-ġdid fiż-żewġ għodod Komunitarji għall-protezzjoni tal-foresti min-nirien tal-foresti: l-EFFIS u l-EFFICS;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjonijiet f’każ ta’ emerġenza, filwaqt li tissimplifika u tottimizza s-servizz universali eżistenti u n-numru ta’ emerġenza 112;

34.

Jinsisti li d-deċiżjonijiet dwar l-użu ta’ assi mir-raggruppament ta’ assi jittieħdu b’mod rapidu miċ-Ċentru ta' Reazzjoni għall-Emerġenzi flimkien mal-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata assistenza prevedibbli, immedjata u effikaċi lill-vittmi u jiġu evitati d-dawmien, id-duplikazzjonijiet u t-tirkib;

35.

Jemmen li għandha tiġi identifikata u fformulata lista tal-assi ewlenin li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli għar-reazzjoni għal emerġenza tal-UE għal dawn ix-xenarji;

36.

Jitlob ċarezza u koerenza tal-azzjoni tal-UE fid-dawl tar-rwoli istituzzjonali rispettivi tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) filwaqt li jitqiesu s-setgħat rispettivi tagħhom u l-limiti tal-mandati ta’ kull wieħed minnhom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-SEAE jiżviluppaw arranġamenti ta’ ħidma xierqa u regoli trasparenti bl-għan li, fejn ikun possibbli, jiġu żgurati kooperazzjoni mill-qirb u koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-reazzjoni tal-UE f’każ ta’ diżastru, li jkomplu jibnu fuq mekkaniżmi eżistenti bla ma jinħoloq dawmien fl-operazzjonijiet ta’ sokkors; jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni flessibbli, sempliċi u rapida bejn is-servizzi li tkun tinvolvi biss is-servizzi relevanti, li għandhom jirreaġixxu fi żmien qasir ħafna filwaqt li tiġi evitata l-burokrazija; jenfasizza li l-għajnuna umanitarja tal-UE għandha tiġi pprovduta irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet politiċi kolha, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji umanitarji miftiehma fil-livell internazzjonali;

37.

Jenfasizza r-riskju ikbar ta' diżastri kkawżati min-nirien tal-foresta, primarjament minħabba t-tibdil fil-klima li qed iżid il-probabilità li jseħħu nirien kbar fil-foresti; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf unità speċjali fi ħdan iċ-Ċentru Ewropew ta’ Reazzjoni għall-Emerġenza l-ġdid biex tindirizza dan ir-riskju;

38.

Jenfasizza li, bħala l-aħħar soluzzjoni u b'konformità mal-Linji Gwida ta' Oslo, l-użu ta' mezzi militari taħt kontroll ċivili ta’ spiss jikkostitwixxi kontribut importanti għar-reazzjoni għad-diżastri, b'mod partikolari għal assi speċjalizzati, trasport strateġiku jew inġinerija tqila; jenfasizza li l-koordinazzjoni tal-użu tal-kapaċitajiet disponibbli kollha – ċivili u militari – u l-assi ta' ġestjoni ta' kriżijiet tal-Istati Membri għandhom jissaħħu sabiex jiġu evitati dupplikazzjonijiet li jiswew ħafna;

Loġistika u trasport u telekomunikazzjonijiet

39.

Jirrikonoxxi li l-użu tal-mezzi militari – trasport, loġistika, sigurtà – b'appoġġ għall-operazzjonijiet umanitarji jista' jikkostitwixxi appoġġ essenzjali, b'mod partikolari matul katastrofi naturali fuq skala kbira; ifakkar li l-mezzi militari għandhom jintużaw f'każijiet ferm limitati u bħala l-aħħar soluzzjoni possibbli, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

40.

Jitlob arranġamenti loġistiċi effikaċi u kondiviżi, li b’mod partikulari jinkludu t-timijiet tekniċi ta' assistenza u sostenn (TTAS) ġenerali ffinanzjati mill-UE, li jistgħu jappoġġaw kwalunkwe uffiċjal jew tim tal-UE jew tal-Istati Membri fuq il-post, speċjalment f’każijiet meta tikkollassa l-infrastruttura lokali;

41.

Jitlob li jiġu mmobilizzati timijiet ta’ appoġġ u assistenza teknika meta jseħħu diżastri u li jsiru rakkomandazzjonijiet dwar il-mod li bih dawk it-timijiet jistgħu jipprovdu appoġġ iktar effikaċi lil dawk milquta mid-diżastri;

42.

Jipproponi, bl-għan li tiġi mmassimizzata l-effiċjenza u jsir użu xieraq tal-kapaċità eżistenti, li jiġi kkunsidrat ir-raggruppament tar-riżorsi konsulari tal-Istati Membri sabiex jitjiebu r-rapidità u l-kwalità tar-reazzjoni globali tagħna permezz tal-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli diġà; jirrakkomanda f’dan ir-rigward li ssir valutazzjoni tal-kapaċitajiet konsulari tal-Istati Membri differenti sabiex jittieħed rendikont tar-riżorsi attwali tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja;

43.

Jitlob li jiġu kkunsidrati s-sistemi eżistenti ta’ sokkors ikkoordinati min-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li jitlob trasport aħjar, imsaħħaħ, iktar effikaċi f’sens ta’ spejjeż u kkoordinat tajjeb għall-kwalunkwe assistenza in natura għas-siti ta’ diżastri, b’mod partikulari permezz ta’ proċeduri simplifikati, rata ta’ kofinanzjament ikbar u l-introduzzjoni ta’ modijiet ġodda biex ikun jista’ jsir aċċess għal kapaċitajiet ta’ trasport addizzjonali, possibilment permezz ta’ kuntratti ta’ qafas;

44.

Ifakkar fl-għodod eżistenti ta’ monitoraġġ u prevenzjoni (speċjalment it-tagħmir ta’ osservazzjoni in-situ) bħalma huma dawk ipprovduti permezz tal-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) tal-Unjoni Ewropea jew il-programmi INSPIRE u GALILEO li jistgħu jissorveljaw żoni li potenzjalment ikunu f’riskju u għaldaqstant issir tħejjija iktar effikaċi biex jiġi pprovdut sokkors lill-vittmi f'każ ta' diżastru; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li l-UE tiġi mgħammra b’kapaċità ta’ telekomunikazzjonijiet dedikata u sikura u b’soluzzjonijiet integrati ta’ ġestjoni tal-kriżijiet li jkopru l-prevenzjoni u l-irkupru; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mis-soluzzjonijiet eżistenti u dawk futuri pprovduti mis-satelliti tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ servizzi għaċ-ċittadini fl-oqsma tas-sigurtà pubblika u r-reazzjoni għall-emerġenzi, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-Istati Membri u l-partijiet interessati (l-operaturi privati, l-industrija);

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa netwerk ta’ komunikazzjoni u informazzjoni filwaqt li tesplora, b’mod partikolari, ir-rikors għal kapaċitajiet ta’ telekomunikazzjoni, inklużi dawk satellitari, sabiex il-gruppi ta' assistenza jkollhom aċċess għal informazzjoni rapida u preċiża li tippermetti distribuzzjoni effikaċi ta' oġġetti ta’ ħtieġa essenzjali u ta’ tagħmir indispensabbli għar-riorganizzazzjoni soċjali immedjatament wara li sseħħ katastrofi;

Komunikazzjoni, Viżibilità, Taħriġ u Riċerka

46.

Jitlob strateġija ta’ komunikazzjonijiet komprensiva, li tinvolvi lill-istituzzjonijiet, l-Istati Membri, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili kollha tal-UE li ttejjeb it-trasparenza u l-viżibilità ġenerali tal-azzjonijiet Ewropej kemm f’pajjiżi benefiċjarji kif ukoll fost iċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jiġi żgurat li s-sokkors f’każ ta’ diżastru qatt ma jkun subordinarju għall-interessi kummerċjali jew politiċi u strateġiċi; jikkunsidra li din l-istrateġija għandha tipprova tissimplifika u tistandardizza l-għodda u l-metodi ta’ komunikazzjoni; jipproponi għal dan il-għan it-twaqqif, pereżempju, ta’ logo u kodiċi ta’ lbies standard flimkien ma' beġġijiet nazzjonali għall-persunal Ewropew kollu, u l-ħatra ta’ kelliem wieħed responsabbli għall-komunikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-reazzjoni għall-emerġenzi; jitlob li kwalunkwe strateġija ta’ komunikazzjoni tiżgura distinzjoni ċara bejn assistenza umanitarja u attivitajiet militari;

47.

Jenfasizza li l-informazzjoni hija komponent vitali ieħor ta’ politika effikaċi għall-prevenzjoni tad-diżastri u r-reazzjoni għalihom fil-livelli kollha u li x-xenarju ta’ riskju li qed jinbidel jirrikjedi aġġornament kontinwu tal-għarfien, dejta solida u kumparabbli dwar il-frekwenza tal-okkorrenza, ir-riskji u l-konsegwenzi assoċjati tad-diżastri u l-għodda analitika relatata; għalhekk jitlob azzjoni kkoordinata, disponibilità ikbar u tixrid sistematiku ta’ għarfien u informazzjoni teknika u xjentifika u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, inklużi studji u tqegħid fil-prattika tal-lezzjonijiet meħuda, bħal pereżempju l-esperjenza miksuba permezz tal-proġetti implimentati fil-passat taħt l-inizjattiva Komunitarja INTERREG;

48.

Jenfasizza l-bżonn li titqajjem kuxjenza dwar il-proċeduri li għandhom jiġu adottati f’sitwazzjonijiet ta’ diżastru, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari għat-taħriġ taż-żgħażagħ, mill-età tal-iskola ‘l fuq; jistieden lill-Kummissjoni trawwem, bl-involviment ta’ iskejjel u assoċjazzjonijiet volontarji speċifiċi, il-kultura ta’ ppjanar, prevenzjoni u reżiljenza li hija prerekwiżit biex tiġi ottimizzata l-ħidma tal-protezzjoni ċivili;

49.

Jinnota r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jkunu fuq quddiem meta jseħħ xi diżastru – speċjalment fil-każ ta' diżastri transkonfinali – u li l-involviment tagħhom jista' jżid il-viżibilità tal-UE fost iċ-ċittadini tagħha; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-istadji bikrin tar-reazzjoni għad-diżastri, billi jibnu fuq il-mudell ta' governanza b'diversi livelli implimentat fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, permezz ta' strateġija ta' komunikazzjoni vantaġġjuża għall-atturi kollha li jagħmlu parti mill-mekkaniżmu ta' reazzjoni;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sistema ċara ta’ informazzjoni u prevenzjoni għaċ-ċittadini Ewropej kollha meta jkunu qed jivvjaġġaw kemm fl-UE kif ukoll barra mill-Istati Membri; jipproponi, għal dan il-għan, li l-passaporti Ewropej ikun fihom in-numri ta’ emerġenza 112 b’indikazzjonijiet ċari dwar l-aċċessibilità tiegħu madwar l-UE kollha, sabiex ikun jista’ jintuża mill-vjaġġaturi fl-UE, kif ukoll referenza għall-Artikolu 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “kull ċittadin tal-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih m’hemmx rappreżentanza tal-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru (…)”, liema dispożizzjoni tista’ tintuża minn dawk li jivvjaġġaw lejn pajjiżi li ma jkunux Stati Membri;

51.

Jitlob li jsiru sforzi sabiex jiġi kkomunikat in-numru pan-Ewropew tal-emerġenza “112” b’mod iktar effikaċi liċ-ċittadini Ewropej u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE, b’mod partikulari permezz tal-midja stampata u awdjoviżiva u l-avviżi pubbliċi, sabiex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jużawh awtomatikament biex jirrapportaw kwalunkwe diżastru li jseħħ fit-territorju tal-UE;

52.

Jikkunsidra li t-taħriġ dedikat tal-persunal u l-esperti Ewropej fir-reazzjoni għad-diżastri jagħmilha possibbli, permezz ta’ taħriġ b’bażi komuni u moduli speċjalizzati, li tiġi żviluppata konsapevolezza mill-metodi ta’ ħidma Ewropej u l-proċeduri ta’ reazzjoni komuni; f’dan il-qafas jirrakkomanda eżerċizzji ta’ reazzjoni konġunta għad-diżastri bejn l-unitajiet ta' loġistika ċivili u militari;

Ir-reazzjoni u t-tħejjija għad-diżastri u l-prevenzjoni tagħhom

53.

Jinnota li l-prevenzjoni tad-diżastri ta’ sikwit tkun iktar kosteffettiva milli meta wieħed jikkumbattihom; għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa ta’ importanza vitali li tiġi kkomplementata l-politika biex tiżdied il-kapaċità ta’ reazzjoni għal emerġenza tal-UE permezz tat-titjib tal-politiki ta’ tbassir u prevenzjoni tar-riskji tal-UE u tal-Istati Membri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprepara strateġija komprensiva u innovattiva tal-UE dwar it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru; jitlob li jiġu ddedikati riżorsi suffiċjenti għall-identifikazzjoni bikrija ta’ diżastri possibbli u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-reviżjoni tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Solidarjetà tintuża biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ politiki u investimenti f’dawn l-oqsma; barra minn hekk, jitlob edukazzjoni aħjar dwar il-prevenzjoni tad-diżastri, investiment fil-prevenzjoni tad-diżastri u t-tibdil fil-klima, leġiżlazzjoni xierqa dwar il-ġestjoni tal-ilma u ġestjoni tar-riskju effiċjenti u monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar fil-livell reġjonali u f’dak lokali; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni ta' diżastri billi jimplimentaw strateġiji għal prevenzjoni ta' riskji fil-livell territorjali, inklużi interventi konġunti li jinvolvu gruppi ta’ intervent minn pajjiżi differenti;

54.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li, fid-dawl tal-interkonnessjonijiet bejn in-nixfiet, in-nirien tal-foresti u d-deżertifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta, simili għad-Direttiva dwar l-Għargħar, biex tippromwovi l-adozzjoni ta’ politika tal-UE dwar l-iskarsezza tal-ilma, in-nixfiet u l-adattament għat-tibdil tal-klima; itenni wkoll, f’dan il-kuntest, l-importanza li jiġi stabbilit l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfiet, li jkun responsabbli għall-istudju, il-mitigazzjoni u l-monitoraġġ tal-effetti tan-nixfiet;

55.

Itenni, bl-istess mod, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tan-nirien, li għandha tinkludi l-ġbir regolari ta’ dejta, il-preparazzjoni ta’ mapep u l-identifikazzjoni ta’ żoni f'riskju, il-preparazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju ta' nirien, l-identifikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tar-riżorsi allokati u l-faċilitajiet disponibbli, il-koordinazzjoni tal-amministrazzjonijiet varji, ir-rekwiżiti minimi għat-taħriġ tal-ekwipaġġi, u t-twaqqif ta’ responsabilità ambjentali u l-pieni korrispondenti;

56.

Jikkunsidra li l-isfruttament tal-opportunitajiet offruti fil-kuntest tal-Objettiv Territorjali Ewropew hu ta' importanza kruċjali; jemmen li f'dan ir-rigward ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) jista' jikkostitwixxi strument importanti għal tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni transnazzjonali, transkonfinali u interreġjonali, anke ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE; iqis l-iżvilupp tal-kooperazzjoni interreġjonali bejn il-fruntieri nazzjonali bħala prova tal-kontribut partikolarment importanti mogħti mir-reġjuni lill-assistenza rapida għall-finijiet ta' protezzjoni ċivili; jikkunsidra li din il-kooperazzjoni produttiva testendi, inter alia, għall-għan komuni tal-identifikazzjoni tar-riskji u l-valutazzjoni ta' theddid potenzjali, u li huwa hawnhekk li l-UE tista' tagħti kontribut utli u viżibbli għal kooperazzjoni saħansitra aktar effikaċi u effiċjenti, fuq kollox billi ttejjeb il-koordinament;

57.

Jinnota li, fis-Sena Ewropea tal-Volontarjat, ikun simboliku u utli kieku jiġu appoġġati dawk il-pajjiżi li qed jippromwovu tali attivitajiet u organizzazzjonijiet;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi ambizzjużi b’dan l-għan kemm jista’ jkun malajr iżda mhux iktar tard minn tmiem l-2011;

*

* *

59.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.

(2)  ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0465.

(4)  ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 5.

(5)  ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 1.

(6)  ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 15.

(7)  ĠU C 187E, 24.7.2008, p. 55.

(8)  B’mod partikolari l-proġett pilota biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kontra n-nirien fil-foresti (2008) u l-azzjoni preparatorja dwar il-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE (2008-2010).


Top