EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0389

Il-Karestija fl-Afrika tal-Lvant Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Settembru 2011 dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant

ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 125–129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 51/125


Il-Ħamis 15 ta’ Settembru 2011
Il-Karestija fl-Afrika tal-Lvant

P7_TA(2011)0389

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant

2013/C 51 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qarn tal-Afrika,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Awwissu 2011 mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar ir-reazzjoni tal-UE għall-karestija fil-Qarn tal-Afrika,

wara li kkunsidra l-eżiti tal-konferenza tad-donaturi tal-25 ta' Awwissu 2011 f’Addis Ababa,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel (1),

wara li kkunsidra r-rapport magħmul minn Jack Lang, Kunsillier Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar kwestjonijiet legali relatati mal-piraterija ’l barra mill-kosta tas-Somalja,

wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali biex Tintemm it-Tranżizzjoni fis-Somalja, adottata mill-Gvern Federali Tranżizzjonali Somali, l-amministrazzjonijiet ta’ Puntland u Galmuduug, u l-moviment Aħlu Sunna Wal Ġama’a fis-6 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi għaxriet ta’ eluf ta’ nies mietu, 750 000 jinsabu f’periklu imminenti li jmutu bil-guħ u 13.3-il miljun ruħ minn madwar is-Somalja, l-Etjopja, il-Kenja, l-Eritrea u Ġibouti jinsabu fi bżonn urġenti ta’ għajnuna f’ikel fl-agħar karestija ta’ dawn l-aħħar 60 sena,

B.

billi f’xi postijiet, ir-rati ta’ malnutrizzjoni huma aktar minn tliet darbiet tal-limitu ta’ emerġenza u billi ġie previst li s-sitwazzjoni fil-Qarn kollu se tmur għall-agħar qabel tittejjeb, bis-sitwazzjoni prevista li se tkun fl-agħar tagħha f’Ottubru 2011 mingħajr l-ebda prospettiva ta’ rkupru qabel l-2012,

C.

billi l-karestija fir-reġjun ġiet aggravata minħabba fatturi li jinkludu konflitti, skarsezza tar-riżorsi, it-tibdil tal-klima, żieda qawwija fil-popolazzjoni, nuqqas ta’ infrastruttura, distorsjoni tax-xejriet kummerċjali u prezzijiet għolja tal-prodotti bażiċi,

D.

billi s-Somalja kienet dik li ntlaqtet l-agħar, b’aktar minn nofs il-popolazzjoni dipendenti mill-għajnuna f’ikel, 1.4 miljun ruħ spustjata internament u l-UNICEF tirrapporta li 780 000 tifel u tifla huma severament nieqsa min-nutriment sustanzjuż fis-Somalja tan-Nofsinhar,

E.

billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja marret għall-agħar minħabba l-konsegwenzi ta’ 20 sena ta’ konflitt bejn fazzjonijiet li jinsabu fi gwerra ma’ xulxin fiż-żona; billi l-grupp militanti, al-Xabab jikkontrolla bosta żoni fejn ġiet iddikjarata l-karestija u ġiegħel xi aġenziji ta’ għajnuna mill-Punent jitilqu miż-żona, u b’hekk l-isforz tal-għajnuna ġie mxekkel severament,

F.

billi l-Gvern tal-Eritrea qiegħed jiċħad b’mod ċar l-aċċess għall-ikel u l-appoġġ umanitarju ieħor għall-poplu tiegħu,

G.

billi aktar minn 860 000 refuġjat ħarbu mis-Somalja lejn pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Kenja u l-Etjopja, biex ifittxu s-sigurtà, l-ikel u l-ilma, hekk li l-kamp tar-refuġjati f’Dadaab fil-Kenja huwa miżgħud aktar milli jiflaħ b’aktar minn 420 000 ruħ,

H.

billi l-kamp tar-refuġjati f’Dabaab bħalissa huwa l-akbar kamp tar-rifuġjati fid-dinja u billi 440 000 ruħ qed jgħixu hemmhekk, għalkemm kien iddisinjat biex jilqa’ 90 000 ruħ, u billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-kampijiet qiegħda jum wara l-ieħor tmur għall-agħar, bit-tfaċċar ta’ epidemiji ta', pereżempju, kolera u ħożba, u ġew reġistrati diversi każi ta’ stupru,

I.

billi 80 % tar-refuġjati huma nisa u tfal, li ħafna minnhom sofrew vjolenza sesswali u intimidazzjoni jew matul triqithom lejn il-kampijiet tar-refuġjati jew fil-kampijiet stess,

J.

billi nuqqas ta’ liġi u ordni soċjali fuq l-art wassal għal żieda fil-piraterija fl-Oċean Indjan, li sfratta severament il-provvisti lejn u mir-reġjun, u l-operazzjoni navali EUNAVOR tal-UE kienet kapaċi biss tgerrex u trażżan il-piraterija u mhux tindirizza l-kawżi oriġinali,

K.

billi l-UE impenjat EUR 158 miljun f’għajnuna umanitarja fl-2011, flimkien ma’ EUR 440 miljun mill-Istati Membri u aktar minn EUR 680 miljun impenjati għar-reġjun bħala għajnuna fit-tul fil-qasam tal-agrikultura, dak tal-iżvilupp rurali u dak tas-sigurtà alimentari sal-2013,

L.

billi l-mexxejja tal-Unjoni Afrikana (UA) wiegħdu aktar minn USD 350 miljun għall-operazzjoni umanitarja,

M.

billi ż-żieda rapida tar-rispons ta’ emerġenza hija tal-akbar importanza biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji eżistenti u ssir il-prevenzjoni ta’ aktar deterjorament; billi n-nuqqas operattiv totali matul s-sitt xhur li ġejjin għal operazzjonijiet tal-Programm Dinji tal-Ikel (PDI) marbuta man-nixfa li jkopru lil Ġibouti, l-Etjopja, il-Kenja u s-Somalja huwa ta’ USD 190 miljun,

N.

billi żieda fl-akkwist tal-art fil-Qarn tal-Afrika (prinċipalment minn investituri barranin) wasslet biex is-sistema agrikola u alimentari prekarja tiegħu saret aktar vulnerabbli, u b’hekk naqset li twettaq il-benefiċċji mwiegħda ta’ impjiegi, ikel u żvilupp ekonomiku,

O.

billi l-impatt tat-tibdil tal-klima kellu effetti serji fuq il-produzzjoni tal-uċuħ fir-reġjun, li, flimkien mat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwil, tefa’ lura t-tnaqqis tal-faqar u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju,

P.

billi r-rapport ta’ Awwissu 2011 tal-Food Price Watch tal-Bank Dinji jistqarr li l-prezzijiet dinjija tal-ikel għolja u volatili qed ipoġġu f’riskju lill-ifqar persuni fid-dinja li qed tiżviluppa u qed jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-Qarn tal-Afrika,

Q.

billi ż-żieda fil-likwidità u l-aċċessibilità ta’ dawn l-istrumenti ta’ kopertura hija konnessa mal-prezzijiet għolja u l-volatilità għolja fis-swieq immedjati sottostanti, u billi huwa aktar diffiċli għar-regolaturi li jkollhom l-istampa kollha ta’ dawn is-swieq minħabba li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu barra l-Borża,

1.

Jesprimi l-akbar sogħba tiegħu għat-telf ta’ ħajja u t-tbatija fir-reġjun; jitlob għal żieda fil-mobilizzazzjoni tal-għajnuna tal-UE għaż-żoni fejn il-karestija hija l-aktar qawwija biex jingħataw għajnuna f’ikel, kura tas-saħħa, ilma nadif u provvisti għall-iġjene lill-aktar persuni vulnerabbli;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet u l-fazzjonijiet kollha fir-reġjun jippermettu lill-organizzazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja ikollhom aċċess bla xkiel għall dawk li għandhom li jinsabu fil-bżonn u jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili fiċ-ċirkostanzi kollha, b’mod partikolari lin-nisa u t-tfal, skont id-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jinfetħu kurituri umanitarji bil-għan li l-ikel u l-għajnuna jitwasslu aktar ’il ġewwa fir-reġjuni milquta;

3.

Jesiġi li l-partijiet kollha jwaqqfu immedjatament l-abbużi kontra l-popolazzjoni ċivili, speċjalment in-nisa u t-tfal, lil dawk li jwettqu dawn l-atti jġiegħluhom iwieġbu għal għemilhom u jiżguraw l-aċċess għall-għajnuna u l-moviment ħieles tal-persuni kollha li jkunu qed jaħarbu mill-konflitt jew min-nixfa; jikkundanna bil-qawwa r-rwol tal-grupp militanti Islamista al-Xabab fl-ostakolar tal-isforzi tal-aġenziji tal-għajnuna u tal-PDI biex iwasslu l-għajnuna f’ikel; ifakkar lill-pajjiżi kollha fir-reġjun fil-bżonn li tingħata għajnuna u protezzjoni lir-refuġjati skont id-dritt internazzjonali;

4.

Jitlob li ssir mobilizzazzjoni akbar tal-komunità internazzjonali, li għandha tirdoppja l-isforzi tagħha biex din l-emerġenza tiġi indirizzata b'mod determinat bil-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet umanitarji li qed jikbru u biex issir il-prevenzjoni ta’ aktar deterjorament fis-sitwazzjoni, u filwaqt li niftakru li l-finanzjament disponibbli hu inadegwat;

5.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-għajnuna tiġi kkontrollata biex jiġu identifikati sħab affidabbli fuq il-post, inklużi aġenżiji tal-għajnuna stabbiliti u mexxejja tal-komunitajiet lokali, u permezz ta’ koordinazzjoni aħjar u organizzazzjoni aħjar tad-distribuzzjoni, u b'hekk jiġu pprevenuti kull devjazzjoni u sakkeġġ tal-provvisti ta' għajnuna;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb b’mod urġenti t-tranżizzjoni bejn l-għajnuna umanitarja tal-UE u l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp, peress li l-kriżi tan-nixfa fil-Qarn tal-Afrika turi biċ-ċar li snin sħaħ ta’ għajnuna ta’ emerġenza liż-żoni milquta min-nixfa ma kellhomx segwitu effettiv ta’ politiki ta’ żvilupp maħsuba għal żmien twil, partikolarment fir-rigward tal-agrikoltura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw il-proġetti tal-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant dwar il-kapaċitajiet ta' prevenzjoni u s-sistemi ta’ twissija bikrija tal-karestija u tan-nixfa;

7.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenji tal-Unjoni Afrikana għall-operazzjoni umanitarja, inkluża l-missjoni taż-żamma tal-paċi AMISOM; jiddispjaċih, madankollu, li s’issa fis-Somalja nbagħtu biss 9 000 suldat taż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana minn total imwiegħed ta’ 20 000;

8.

Ifakkar li soluzzjoni għall-karestija fil-Qarn tal-Afrika, u fis-Somalja b’mod partikolari, se tkun possibbli biss jekk il-problemi politiċi, ekonomiċi, ambjentali u ta’ sigurtà sottostanti jiġu indirizzati kemm mill-atturi lokali u kemm mill-komunità internazzjonali; jitlob li ssir strateġija tal-UE għar-reġjun li tkun tagħti deskrizzjoni ħafifa tal-objettivi politiċi u ta’ kif miżuri individwali umanitarji, ta’ żvilupp, ta’ sigurtà u militari jikkorrispondu u huma konnessi bejniethom;

9.

Jistieden lir-RGħ/VP tivvaluta b’mod kritiku l-Proċess ta’ Paċi ta’ Ġibuti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti l-persuni kollha li huma milquta mill-konflitt fis-Somalja, inklużi s-soċjetà ċivili u l-gruppi tan-nisa, fil-livelli kollha; jinkoraġġixxi li jiġi stabbilit reġim ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali bil-għan li tinbeda r-rikostruzzjoni tal-pajjiż;

10.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenji tal-UE u l-Istati Membri tagħha; ifakkar, madankollu, li l-appell ta' emerġenza tan-NU għadu USD biljun inqas minn dak li hu meħtieġ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji tagħha, twassal l-għajnuna f’ikel u ttejjeb il-kundizzjonijiet tas-saħħa fuq il-post;

11.

Jitlob li persentaġġ akbar tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tal-UE (ODA) jiġi indirizzat lejn il-produzzjoni agrikola u l-għajnuna għall-pastoralisti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex tingħata spinta lis-sigurtà alimentari; f’dan il-kuntest iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel investimenti fit-tul fl-agrikoltura bħala l-għajn ewlenija tal-ikel u d-dħul fir-reġjun, u fil-bini ta’ infrastruttura sostenibbli, u tippermetti lill-bdiewa żgħar aċċess għal art, u b'hekk ikunu tkun issaħħaħ is-suq lokali u tipprovdi ikel ta' kuljum aċċettabbli għan-nies fil-Qarn tal-Afrika;

12.

Jitlob li t-tagħrif dwar ir-riżervi u s-stokkijiet tal-ikel u dwar it-tiswir tal-prezzijiet internazzjonali jkun trasparenti, ta’ kwalità aħjar u aktar aġġornat;

13.

Jesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji li jinvolvu ruħhom fl-ispekulazzjoni fis-swieq tal-prodotti bażiċi tal-ikel u agrikoli jwaqqfu l-attività spekulattiva abbużiva li hija responsabbli għall-prezzijiet tal-ikel għolja u volatili u biex l-indirizzar determinat tal-faqar u t-tbatija tal-bniedem fil-Qarn tal-Afrika u fid-dinja li qed tiżviluppa jpoġġuh qabel il-profitti u l-qliegħ mill-ispekulazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel;

14.

Iħeġġeġ lil dawk l-istituzzjonijiet jieħdu r-responsabilitajiet soċjali korporattivi tagħhom bis-serjetà u jqiegħdu fis-seħħ regoli interni biex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom fis-swieq tal-prodotti bażiċi tal-ikel u agrikoli iservu biss biex jaqdu l-impriżi tal-ekonomija reali li jeħtieġu kopertura tar-riskju;

15.

Jistieden lill-G20 jżidu l-azzjoni biex jaqblu dwar regolamentazzjoni globali għall-prevenzjoni tal-ispekulazzjoni abbużiva u biex jikkoordinaw il-ħolqien ta’ mekkaniżmi preventivi kontra l-fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet globali tal-ikel; jisħaq li l-G20 għandhom jinvolvu lill-pajjiżi li mhumiex fil-G20 biex tiġi żgurata l-konverġenza globali;

16.

Jistieden lill-Kummisjsoni tippreżenta proposti li jemendaw id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (2004/39/KE) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (2003/6/KE) biex tiġi pprevenuta l-ispekulazzjoni abbużiva;

17.

Jisħaq li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq irid ikollha rwol ewlieni fis-sorveljanza tal-swieq tal-prodotti bażiċi; jafferma li l-AETS għandha teżerċita viġilanza meta tkun qed tapplika l-għodod regolatorji biex tipprevjeni l-manipulazzjoni u l-abbużi fis-swieq tal-prodotti bażiċi tal-ikel u agrikoli;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-linji gwida tagħha tal-politika tal-art fir-rigward tal-ikkapparrar tal-art, biex tiżgura l-allinjament tagħhom mal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Proprjetà tal-Art, is-Sajd u l-Foresti mmexxija mill-Kumitat tas-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) u tagħti importanza akbar lil din il-ħaġa permezz tal-programmi tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-politiki tagħha tal-kummerċ u l-involviment tagħha f’istituzzjonijiet ta’ finanzjament multilaterali bħalma huma l-Bank Dinji u FMI;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet fir-reġjun jivvalutaw l-impatt li hemm bħalissa tal-akkwist tal-art tal-biedja fuq il-faqar rurali u fuq iż-żoni milquta mill-karestija; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-kwestjoni tal-ikkapparrar tal-art fid-djalogu tal-politika tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jittejjeb ir-rappurtar dwar l-akkwisti ta’ art ta' skala kbira u l-monitoraġġ tagħhom u biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu appoġġjati fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investimenti;

20.

Jitlob li jsiru sforzi konsiderevoli biex l-adattament għat-tibdil tal-klima jiġi integrat aħjar fil-politiki ta’ żvilupp tal-UE; jistieden lill-UE żżid b’mod konsiderevoli tali finanzjament, filwaqt li tiżgura li huwa żieda mal- Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, turi tmexxija kuraġġjuża fil-COP 17 li se ssir dalwaqt fir-rigward ta' implimentazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-adattament għall-klima u ssaħħaħ il-governanza internazzjonali tal-politiki ta' żvilupp sostenibbli;

21.

Jistieden lin-NU, lill-Kummissjoni u lir-RGħ/VP jieħdu azzjoni fir-rigward tar-rimi illegali ta' skart tossiku fl-ilmijiet Somali u jistabbilixxu politika biex jiġu rrimedjati r-riskji potenzjali tas-saħħa li hemm għall-popolazzjoni;

22.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti riċenti ta’ użu ħażin tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp biex titwettaq oppressjoni politika fl-Etjopja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuna tintuża strettament għat-tnaqqis tal-faqar, b’mod li jrid jingħata kont u trasparenti, filwaqt li jsir użu sħiħ tal-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra lill-pastoralisti fil-politika tal-iżvilupp tal-UE b’mod aħjar, peress li huma jiżguraw parti importanti mill-attività ekonomika u mill-produzzjoni tal-proteini fir-reġjun; jemmen li jeħtieġ li jsir djalogu urġenti mal-awtoritajiet lokali bil-għan li jiġi salvagwardjat l-istil ta' ħajja tagħhom, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-eżistenza nomadika tagħhom hija adattata sew għaż-żoni niexfa qoxqox fejn il-kundizzjonijiet ma jippermettux li l-bniedem joqgħod biex jgħammar fihom;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà u s-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-pajjiżi tal-IGAD, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE, lill-Presidenza tal-G20 u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0071.


Top