Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0385

    In-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Settembru 2011 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (2011/2079(INI))

    ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 108–114 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 51/108


    Il-Ħamis 15 ta’ Settembru 2011
    In-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova

    P7_TA(2011)0385

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (2011/2079(INI))

    2013/C 51 E/15

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Moldova tal-15 ta' Ġunju 2009 li adottaw id-direttivi għan-negozjati,

    wara li kkunsidra d-direttivi ta’ negozjati taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva mar-Repubblika tal-Moldova adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2011,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) iffirmat fit-28 ta' Novembru 1994 bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998,

    wara li kkunsidra l-Protokoll għall-FSK UE-Repubblika tal-Moldova dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Programmi u l-Aġenziji tal-Komunità,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li jistipula l-objettivi strateġiċi bbażati fuq l-impenji fir-rigward ta' valuri komuni u l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali,

    wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-viża mniedi fil-15 ta' Ġunju 2010 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża tas-16 ta’ Diċembru 2010,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova,

    wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tar-Repubblika tal-Moldova tal-Kummissjoni Ewropea adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Ġunju 2011,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar risposti ġodda għal viċinat li qed jinbidel (A new response to a changing Neighbourhood) tal-25 ta' Mejju 2011,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju,

    wara li kkunsidra l-ewwel Rapport tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-qagħda fir-Repubblika tal-Moldova (1) u tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-riformi implimentati u żviluppi fir-Repubblika tal-Moldova (2), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Repubblika tal-Moldova,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0289/2011),

    A.

    billi l-filosofija ġdida tal-PEV, li skont il-prinċipju “aktar għal aktar” timmira li titratta bħala prijorità lil dawk il-pajjiżi li jkunu l-iktar effettivi fir-realizzazzjoni tar-rekwiżiti tagħha, toħloq opportunità sabiex ir-Repubblika tal-Moldova ssir is-suċċess tal-politika tal-UE rigward il-ġirien tagħha,

    B.

    billi l-Unjoni Ewropea għamlet mid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija aspett ċentrali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha,

    C.

    billi, fil-kuntest tal-PEV, is-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikattiv għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċellerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, li huma marbuta b’rabtiet qawwijin ġeografiċi, storiċi u kulturali, billi appoġġat ir-riformi politiċi u soċjo-ekonomiċi u ffaċilitat it-tqarrib lejn l-UE,

    D.

    billi s-Sħubija tal-Lvant issaħħaħ ir-relazzjonijiet multilaterali bejn il-pajjiżi involuti, tikkontribwixxi għall-iskambju tal-informazzjoni u l-esperjenza dwar il-kwistjonijiet tal-bidla, ir-riforma u l-modernizzazzjoni, u tipprovdi lill-Unjoni Ewropea bi strumenti addizzjonali biex tappoġġa dawn il-proċessi,

    E.

    billi s-Sħubija tal-Lvant tiddisponi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali permezz ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda, waqt li tqis is-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjoni tal-pajjiż sieħeb u l-kapaċità tiegħu li jirrispetta l-impenji li jirriżultaw,

    F.

    billi l-kuntatti bejn il-persuni huma l-bażi biex jinkisbu l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant u biex jiġi rikonoxxut li din ma tistax tkun realizzata bis-sħiħ mingħajr il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża,

    G.

    billi r-Repubblika tal-Moldova u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant se jibbenefikaw minn offerta ta’ privileġġ tal-UE fuq il-liberalizzazzjoni tal-viża f'termini ta’ kalendarju u sustanza, qabel kwalunkwe pajjiż terz ġar ieħor,

    H.

    billi l-parteċipazzjoni attiva tar-Repubblika tal-Moldova u l-impenn tagħha għall-valuri u l-prinċipji komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tal-minoranzi, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi 'l quddiem u biex ikun żgurat is-suċċess tan-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li għandu jkun imfassal biex jaqdi l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-pajjiż u se jkollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tiegħu,

    I.

    billi fl-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika tal-Moldova, l-UE għandha tippromwovi l-istabilità u l-bini tal-fiduċja, inkluż permezz ta' kontribut proattiv biex tinstab soluzzjoni f’waqtha u vijabbli għall-kunflitt Transnistrijan, li huwa sors ta’ nuqqas ta’ stabilità reġjonali,

    J.

    billi n-negozjati mar-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mixjin b'pass konsistenti u s'issa sar progress tajjeb, kif sar ukoll fid-Djalogu dwar il-Viża; billi, madankollu, in-negozjati dwar iż-żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva (DCFTA) għadhom ma bdewx,

    1.

    Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE):

    (a)

    li l-impenn tal-UE u n-negozjati li għaddejjin mar-Repubblika tal-Moldova jkunu bbażati fuq l-affermazzjoni li l-perspettiva tal-UE, inkluż l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li għandha timxi id f'id mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, tkun kemm lieva siewja fl-implimentazzjoni tar-riformi u kemm katalista meħtieġa biex dawn ir-riformi jkollhom l-appoġġ pubbliku;

    (b)

    li japplikaw fir-relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Moldova l-prinċipji ta’ “aktar għal aktar” u differenzazzjoni fuq il-bażi tal-merti u l-kisbiet individwali tar-Repubblika tal-Moldova tul dawn l-aħħar sentejn;

    (c)

    li jilqgħu l-kooperazzjoni stabbli u progressiva min-naħa tar-Repubblika tal-Moldova fin-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u dwar id-diversi elementi ta’ kooperazzjoni, inklużi l-politika estera u ta’ sigurtà, il-kooperazzjoni rigward l-enerġija, id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ, li wasslet biex jingħalqu b’suċċess u f’waqthom, il-biċċa l-kbira tal-kapitoli tan-negozjati;

    (d)

    li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li n-negozjati mar-Repubblika tal-Moldova jkomplu bil-pass konsistenti attwali, u, għal dak il-għan, itejbu d-djalogu mal-partiti politiċi kollha, u jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-partiti fir-Repubblika tal-Moldova, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-istabilità politika fl-istat hija essenzjali sabiex jitkompla l-proċess ta’ riforma;

    (e)

    li jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komprensiv li jħares 'il quddiem għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mar-Repubblika mal-Moldova fis-snin li ġejjin;

    (f)

    li jkunu konxji mill-impatt qawwi tal-appoġġ konġunt u kkoordinat tal-Istati Membri, kif inkorporat mill-azzjoni tal-Grupp ta' Ħbieb tar-Repubblika tal-Moldova;

    (g)

    li jirduppjaw l-isforzi biex tinstab soluzzjoni sostenibbli dwar il-kunflitt tat-Transnistrija u, għal dak il-għan, jipprevedu involviment iktar robust u dirett fis-soluzzjoni politika tal-kunflitt tat-Transnistrija skont il-prinċipju tal-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll biex jadottaw miżuri biex tinbena l-fiduċja, inkluża d-definizzjoni konġunta tal-programmi ta' rijabilitazzjoni u l-promozzjoni tal-kuntatti bejn il-persuni, bl-għan li jsaħħu s-soċjetà u l-iskambju kulturali, filwaqt li jikkunsidraw li fil-fatt m’hemmx kunflitt fl-art tar-Reġjun tat-Transnistrija;

    (h)

    li jiżguraw li jkun hemm riżorsi biżżejjed għar-rwol proattiv tal-UE fit-taħdidiet 5 + 2, speċjalment wara li ntemm il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE);

    (i)

    li jħeġġu lill-Federazzjoni Russa sabiex tadotta azzjoni iktar kostruttiva u orjentata lejn ir-riżultati sabiex in-negozjati jimxu ’l quddiem u jinħolqu l-kundizzjonijiet għal ftehim dejjiemi u komprensiv;

    (j)

    li jiżguraw li r-reġjun Transnistrijan, bħala parti integrali mir-Repubblika tal-Moldova, ikun kopert mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-effetti tiegħu, partikolarment id-DCFTA;

    (k)

    li jieħdu l-azzjoni neċessarja sabiex jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova biex tissodisfa l-benchmarks tal-liberalizzazzjoni tal-viża, ħaġa li preferibbilment għandha ssir qabel il-konklużjoni tal-Ftehim;

    (l)

    li jinformaw liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża sabiex jibnu l-appoġġ għall-aġenda ta' riforma;

    (m)

    li jiżguraw li n-negozjati dwar Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva jibdew sa tmiem l-2011 u fl-istess ħin jevalwaw l-impatt tal-DCFTA fuq l-ekonomija tal-Moldova, kif ukoll ir-riperkussjonijiet soċjali u ambjentali tagħha;

    (n)

    li jilqgħu l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar il-kummerċ imħejjija mill-UE, u jniedu negozjati mar-Repubblika tal-Moldova mingħajr dewmien ulterjuri dwar l-inklużjoni tad-DCFTA bħala parti integrali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, sabiex tkun promossa l-integrazzjoni politika u ekonomika sħiħa tar-Repubblika tal-Moldova mal-UE u sabiex ir-Repubblika tal-Moldova tkun tista’ tattira investiment barrani u ssir aktar produttiva, sabiex ittemm id-dipendenza tagħha fuq il-bgħit tal-flus mill-emigranti u tgħamel it-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq kompetittiva fl-esportazzjoni, waqt li jirrikonoxxu, madankollu, li r-Repubblika tal-Moldova għandha l-ewwel turi li għandha l-kapaċità suffiċjenti li tadatta l-istrutturi legali u ekonomiċi tagħha għall-eżiġenzi tal-integrazzjoni kummerċjali mal-UE;

    (o)

    li jfasslu aġenda ambizzjuża u ġusta għan-negozjati għad-DCFTA, li tiffoka fuq it-tneħħija ta’ deterrenti għan-negozju u l-investiment bilaterali, jiġifieri d-differenzi legali u regolatorji fl-istandards tekniċi, sanitarji u fitosanitarji, u fuq il-ħidma li għad trid issir rigward is-sistema finanzjarja u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Moldova; li jilqgħu f’dan ir-rigward il-progress li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-dwana, id-djalogu ekonomiku, is-servizzi finanzjarji, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kooperazzjoni fl-enerġija, li huma koperti min-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-UE;

    (p)

    li joffru aktar appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha sabiex tibbenefika mill-vantaġġi li tista' toffri d-DCFTA;

    (q)

    li jenfasizzaw il-bżonn li r-Repubblika tal-Moldova tkompli b'iktar riformi domestiċi, u b’hekk ittejjeb l-klima tagħha għall-kummerċ u l-investiment, u li ssolvi l-kwistjonijiet interni li jimpedixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-UE, bħall-fatt li l-pajjiż m’għandux president u l-kontroversja dwar it-Transnistrija;

    (r)

    li jkomplu jagħmlu pressjoni qawwija fuq l-awtoritajiet tal-Moldova, u fl-istess ħin jappoġġawhom, biex jikkonsolidaw ir-riformi u jagħmlu progress tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fir-riforma tas-servizzi tal-ġudikatura, tal-prosekuzzjoni u tal-pulizija sabiex jibbenefika l-poplu;

    (s)

    biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-Moldova sabiex ikunu jistgħu jagħmlu progress konkret fit-tneħħija tat-trattament ħażin u tortura minn korpi tal-infurzar tal-liġi;

    (t)

    li jenfasizzaw fil-Ftehim l-importanza tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jkomplu jappoġġaw ir-riforma tal-ġudikatura bħala waħda mill-prijoritajiet; li jikkomunikaw lill-gvern tal-Moldova kemm tkun ħaġa tajba li jkompli l-investigazzjoni sħiħa, trasparenti u imparzjali diġà mibdija dwar l-avvenimenti ta' April 2009;

    (u)

    li jinkludu klawżoli standard dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, li jibnu fuq id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li jisfruttaw bis-sħiħ il-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u jinkoraġġixxu l-awtoritajiet tal-Moldova biex jippromwovu d-drittijiet tal-persuni li huma parti minn minoranzi, b'konformità mal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

    (v)

    li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet tal-Moldova biex jadottaw leġiżlazzjoni komprensiva u effettiva kontra d-diskriminazzjoni li tkun f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u wkoll fl-istess spirtu; fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni bħal din għandha tinkludi dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali; li jappoġġaw l-istitutjonalizzazzjoni ta' programmi edukattivi kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, kif ukoll il-ħidma tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tar-rispett u l-fehim reċiproku u kontra n-nuqqas ta' tolleranza fil-familji, il-komunitajiet, l-iskejjel u l-ambjenti soċjali;

    (w)

    li jiżguraw li l-promozzjoni tal-valuri ta' midja ħielsa tibqa' prijorità fin-negozjati li għaddejjin mar-Repubblika tal-Moldova u jinkoraġġixxu l-awtoritajiet Moldovani biex isaħħu u jappoġġaw midja indipendenti, biex jiżguraw in-newtralità tal-midja pubblika u jippromwovu ambjent tal-midja pluralistiku li jżid it-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Moldovani biex jiżguraw li l-aġenziji responsabbli kollha fil-qasam tal-midja jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu fil-qasam;

    (x)

    li jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tgħin fl-iżvilupp tas-settur ġdid tal-midja u biex tipprovdi appoġġ tekniku għall-iżvilupp tal-Internet broadband fir-Repubblika tal-Moldova;

    (y)

    li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Moldovani biex juru impenn akbar għall-ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku sabiex jiżguraw governanza tajba, responsabilità akbar, aċċess ugwali u kompetizzjoni ġusta;

    (z)

    li jieħdu nota tal-impatt pożittiv li l-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija lill-Repubblika tal-Moldova fl-2008 kellhom fuq l-esportazzjoni tal-pajjiż, b'dispjaċir għall-fatt li l-użu tagħhom kien imfixkel mid-differenzi fl-istandards bejn iż-żewġ partijiet; li jżommu f'moħħhom li r-Repubblika tal-Moldova trid tkompli tinkoraġġixxi żvilupp ekonomiku u integrazzjoni Ewropea aktar mgħaġġla;

    (aa)

    li jenfasizzaw il-ħtieġa għal ambjent tan-negozju trasparenti u riforma regolatorja xierqa, sabiex jinkoraġixxu l-investimenti barranin diretti;

    (ab)

    li jenfasizzaw fil-Ftehim l-importanza kbira tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-proprjetà intellettwali, fid-dawl tal-livell attwali għoli tal-piraterija u l-falsifikazzjoni;

    (ac)

    li jibnu fuq azzjonijiet konkreti mwettqa fuq il-bażi tal-Protokoll għall-FSK UE-Repubblika tal-Moldova dwar il-Parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Programmi u l-Aġenziji tal-Komunità li għandhom ikunu riflessi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

    (ad)

    li jirriflettu fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-ogħla standards ambjentali, b'kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fl-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju, u li jappellaw għall-modernizzazzjoni tal-istallazzjonijiet industrijali l-kbar, fost l-oħrajn dawk li jinsabu fuq ix-xatt tan-naħa tal-lemin tax-xmara Dniester; li jikkunsidraw iktar l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fiż-żona tal-Baħar l-Iswed u tal-parteċipazzjoni attiva tar-Repubblika tal-Moldova fil-politiki tal-UE għal dan l-ispazju, inkluż fi Strateġija eventwali tal-UE għall-Baħar l-Iswed;

    (ae)

    fid-dawl tal-importanza għall-iżvilupp ekonomiku tal-ftuħ mill-ġdid tal-linja tal-ferrovija bejn Chisinau u Tiraspol, li jeżaminaw liema passi ulterjuri huma meħtieġa biex jittejjeb it-trasport pubbliku u jkun żgurat it-trasport bla xkiel ta' merkanzija ġewwa l-pajjiż, u jekk il-Missjoni għall-Assistenza fil-Fruntieri tal-Moldova u l-Ukraina (EUBAM) tistax tipprovdi għajnuna ulterjuri;

    (af)

    li jappoġġaw iktar id-demarkazzjoni tal-fruntiera kollha bejn il-Moldova u l-Ukraina u biex jeżaminaw il-possibilità ta' estensjoni tal-mandat tal-EUBAM, li wasal biex jiskadi;

    (ag)

    li jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Moldova jieħdu miżuri konkreti biex jiskoraġixxu l-kuntrabandu ġewwa l-istat;

    (ah)

    li jippromwovu riforma akbar fil-qasam tal-enerġija, bl-għan tat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova, b'mod partikulari permezz tal-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-enerġija u tal-effiċjenza fl-enerġija u ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, id-diversifikazzjoni tal-infrastruttura u l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fi proġetti reġjonali tal-UE, u biex jitnaqqsu spejjeż għall-enerġija li jżommu l-inflazzjoni f'livell għoli;

    (ai)

    li jgħinu lill-awtoritajiet tal-Moldova fl-isforzi tagħhom biex jgħaqqdu l-grid tal-enerġija tal-Moldova man-netwerk tal-elettriku interkonness tal-Ewropa kontinentali;

    (aj)

    li jinkoraġġixxu u jgħinu lill-awtoritajiet tal-Moldova biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-34.5 % tal-popolazzjoni li jgħix f'faqar assolut jew estrem; l-għajnuna tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova għandha tirrifletti aħjar din ir-realtà u l-programmi tagħha għandhom ikunu aġġustati konsegwentement;

    (ak)

    li jiżguraw li l-irkupru ekonomiku jkun rifless fil-ħolqien tal-impjiegi u li r-Repubblika tal-Moldova tkompli bil-konverġenza lejn l-istandards tal-UE fil-qasam tal-impjiegi, inkluż rigward in-nondiskriminazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

    (al)

    li jagħmlu enfasi mal-awtoritajiet tal-Moldova dwar il-ħtieġa tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, li jkollha impatt sinifikanti fuq il-mobilità tas-soċjetà tal-Moldova;

    (am)

    li jiġbdu l-attenzjoni għall-inizjattivi pożittivi f’diversi pajjiżi meħuda bħala parti mis-Sħubija tal-Lvant, partikolament il-Programm Komprensiv tal-Bini tal-Istituzzjonijiet u l-miżuri ta' kooperazzjoni doganali;

    (an)

    li jipprovdu biżżejjed appoġġ finanzjarju u tekniku lir-Repubblika tal-Moldova biex jiżguraw li din tkun tista' tissodisfa l-impenji li jirriżultaw min-negozjazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu jipprovdu programmi komprensivi għall-bini tal-istituzzjonijiet u billi jiżguraw li l-programmi ta' finanzjament tal-UE jirriflettu din il-mira;

    (ao)

    li jżidu l-għajnuna u l-għarfien espert tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova sabiex jippermettulhom jiżguraw monitoraġġ intern tar-riformi u responsabilità akbar għar-riformi u l-impenji li daħal għalihom il-gvern;

    (ap)

    li jinkludu benchmarks ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jagħmlu dispożizzjoni għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-provvediment ta' rapporti regolari lill-Parlament;

    (aq)

    li jistiednu lill-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova biex jirrapporta lill-Parlament dwar l-attivitajiet tiegħu fuq bażi regolari;

    (ar)

    li jinkoraġixxu iktar kooperazzjoni fuq livell iktar profond ma’ u fis-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll biex jinfurmaw regolarment lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tagħha;

    (as)

    li jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar l-arranġamenti rigward il-kooperazzjoni parlamentari;

    (at)

    li jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE biex ikompli l-kooperazzjoni tajba tiegħu mal-Parlament Ewropew, billi jipprovdi feedback kontinwu dwar il-progress skont l-Artikolu 218(10) TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lir-Repubblika tal-Moldova.


    (1)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 54.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0385.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0025.


    Top