Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0384

Approċċ komprensiv għall-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tad-CO 2 li jaffettwaw lill-klima Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Settembru 2011 dwar approċċ komprensiv lejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tas-CO 2 rilevanti għall-klima

ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 104–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 51/104


L-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2011
Approċċ komprensiv għall-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tad-CO2 li jaffettwaw lill-klima

P7_TA(2011)0384

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2011 dwar approċċ komprensiv lejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tas-CO2 rilevanti għall-klima

2013/C 51 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta’ Montreal tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-protezzjoni tas-saff tal-ożonu,

wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta’ Diċembru 2008, u r-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet b’effett ta’ serra fluworinat,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni bħal COM(2010)0265 li ppreżentat analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) u l-valutazzjoni tar-riskju ta' rilaxx tal-karbonju, COM(2010)0086 dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima, u COM(2011)0112 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u partikolarment dawk tal-4 ta' Frar dwar 2009 dwar l-2050: il-Ġejjieni jibda llum - Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima (1), u tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP15) (2), u tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima li saret f'Cancun (COP16) (3),

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel imressqa skont l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura (O-000135/2011 – B7-0418/2011) tiegħu u wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-evidenza xjentifika dwar it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu ma tħallix dubji, u dan il-fatt ifisser li huwa imperattiv li tittieħed azzjoni b'ħeffa, ikkoordinata u ambizzjuża fuq livell Ewropew u internazzjonali sabiex tiġi ttrattata din l-isfida globali,

B.

billi l-objettiv li ż-żieda globali fit-temperatura medja annwali tal-wiċċ tad-dinja tiġi limitata għal 2 °C ('l-objettiv ta' 2 °C') sar wieħed internazzjonali wara l-ftehimiet ta’ Cancun tas-COP16,

C.

billi l-Protokoll ta’ Kjoto tal-UNFCCC ikopri biss parzjalment l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra responsabbli għat-tisħin dinji, jiġifieri d-dijossidu tal-karbonju (CO2), eżail-metan (CH4), l-ossidu nitruż (N2O), l-idrofluworokarburi (HFCs), il-perfluworokarburi (PFCs) u l-eżafluworur tal-kubrit (SF6), filwaqt li xi alokarburi oħrajn li għandhom potenzjal qawwi ta’ tisħin huma koperti mill-Protokoll ta’ Montreal minħabba l-potenzjal tagħhom li jdgħajfu s-saff tal-ożonu,

D.

billi l-gassijiet b’effett ta’ serra jvarjaw fl-influwenza tagħhom tat-tisħin (espress f’furzar radjattiva f’Watts kull metru kwadru) fuq is-sistema tal-klima globali minħabba l-karatteristiċi radjattivi differenti tagħhom u d-dewmien ta’ ħajja differenti tagħhom fl-atmosfera; billi skont il-4AR tal-IPCC għall-2007, din l-influwenza ta’ tisħin hija ta’ 1.66W/m2 għad-CO2, 0.48W/m2 għall-CH4, 0.16W/m2 għall-N2O u 0.35W/m2 għall-alokarburi,

E.

billi l-gassijiet bħall-monossidu tal-karbonju (CO), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), il-metan, u komposti organiċi volatili oħrajn (VOCs) jiffurmaw l-ożonu fl-ewwel 10-15 km ’l fuq mill-wiċċ tad-dinja (troposfera); billi minħabba ż-żieda kbira fil-metan, fil-CO, fil-VOCs u fl-NOx mill-era preindustrijali, l-ożonu troposferiku żdied b’madwar 30 % u l-kontribut tiegħu għat-tisħin globali huwa saħansitra ta’ 20 % ta’ dak dovut għad-CO2 (0.36W/m2),

F.

billi l-karbonju iswed (jew nugrufun), li huwa aerosol u huwa fost il-komponenti tal-partikoli mxerrda mill-ħruq inkomplet ta’ fjuwils fossili u bijomassa, jikkawża t-tisħin globali f’żewġ modi; fl-atmosfera jassorbi r-radjazzjoni tax-xemx, li jsaħħan l-arja ta’ madwar, filwaqt li t-tixrid tiegħu fl-arja jista’ jiskura l-borra u s-silġ u jaċċellera t-tidwib (0.10W/m2),

G.

billi n-nuqqas tal-ilħuq tal-objettiv taż-2 °C jkollu impatti ambjentali u prezz ekonomiku enormi, fost l-oħrajn, tiżdied il-probabilità li jintlaħqu l-punti kritiċi fejn il-livelli tat-temperatura jibdew jinfurzaw ir-rilaxx tad-CO2 u tal-CH4 mill-assorbenti bħall-foresti u l-permafrost, u jillimitaw il-kapaċità tan-natura li tassorbi l-karbonju fl-oċeani,

H.

billi, skont ir-Rapport tal-2010 tal-Panil ta’ Evalwazzjoni Xjentifika tal-UNEP/WMO, il-Protokoll ta’ Montreal ta kontribut kbir għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra; billi fl-2010 t-tnaqqis tal-emissjonijiet annwali ta’ sustanzi li jeqirdu l-ożonu (ODSs) fil-qafas tal-Protokoll ta’ Montreal huwa stmat li kien madwar 10 Gigatunnellati ta’ emissjonijiet tad-CO2-ekwivalenti ffrankati fis-sena, li huwa ħames darbiet akbar mill-objettiv ta’ tnaqqis annwali ta’ emissjonijiet għall-ewwel perjodu ta’ impenn (2008-2012) tal-Protokoll ta’ Kjoto,

I.

billi attwalment il-Kummissjoni qed teżamina mill-ġdid ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati,

1.

Jinnota li l-politiki Ewropej u internazzjonali dwar il-klima ffukaw l-aktar fuq it-tnaqqis fuq żmien fit-tul tal-emissjonijiet tad-CO2, pereżempju, permezz ta’ effiċjenza enerġetika mtejba, sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, u strateġiji oħrajn b’konsum baxx tal-karbonju;

2.

Jappella għal politika Ewropea komprensiva dwar il-klima li tista’ tibbenefika mill-kunsiderazzjoni tas-sorsi kollha tat-tisħin u mill-alternattivi kollha ta’ mitigazzjoni; jenfasizza li barra mill tqis it-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2, hija għanda tagħmel enfasi fuq strateġiji li jistgħu jipproduċu l-aktar rispons rapidu fir-rigward tal-klima;

3.

Jinnota li hemm disponibbli strateġiji regolatorji ta’ azzjoni rapida bil-għan li gradwalment jitnaqqsu l-produzzjoni u l-konsum tal-idrofluworokarburi u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju iswed u tal-gassijiet li jwasslu għall-formazzjoni tal-ożonu troposferiku, u li jistgħu jinbdew fi żmien sentejn jew tlieta u li jistgħu jiġu implimentati b’mod sostanzjali fi żmien bejn ħames u għaxar snin, li jistgħu jipproduċu r-rispons klimatiku mixtieq f’xi għexieren ta’ snin jew qabel, b’mod partikulari għal uħud mill-idrofluworokarburi, bil-prezz ferm baxx għall-pubbliku ta’ 5 sa 10 ċenteżmi kull tunnellata, meta bħalissa l-prezz tal-karbonju huwa ta’ aktar minn EUR 13 kull tunnellata;

4.

Jinnota li l-azzjoni nazzjonali dwar il-gassijiet fluworinati fl-għamla ta' Regolament dwar il-Gassijiet Fluworinati għadha lura ferm milli tissodisfa l-aspettattivi, kif ukoll li n-nuqqas li jiġu indirizzati r-riżultati ħżiena tagħha jdgħajjef konsiderevolment il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE fil-UNFCCC;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tar-regolamenti dwar il-gassijiet fluworinati u tagħmel proposti dwar it-tnaqqis rapidu tal-produzzjoni u l-konsum tal-idrofluworokarburi, tħaffef it-tneħħija tal-idroklorofluworokarburi (HCFCs) fi prodotti u applikazzjonijiet differenti, u tirkupra u teqred il-gassijiet b’effett ta’ serra li jeqirdu l-ożonu stratosferiku u li jinsabu fi prodotti u tagħmir mormija;

6.

Jilqa' l-impenn li ħadet l-Unjoni Ewropea, fil-COP-17 f'Durban, li tappoġġja l-azzjoni dwar l-HFCs skont il-Protokoll ta' Montreal, bħala eżempju eċċellenti ta' approċċ mhux ibbażat fuq is-suq għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

7.

Jinnota li waqt l-aħħar laqgħa tal-Partijiet kontraenti għall-Protokoll ta' Montreal, il-Kummissjoni bħala negozjatur għall-UE, appoġġjat il-prinċipju tal-proposti tal-Amerika ta' Fuq u tal-Istati Federali tal-Mikroneżja, li jitnaqqsu gradwalment l-HFCs u biex jinqered l-HFC-23 li jifforma bħala prodott sekondarju, kif ukoll li fl-aħħar konferenza tal-Partijiet kontraenti għall-UNFCCC f'Cancun, l-UE ressqet proposta għal deċiżjoni li timpenja lill-Partijiet kontraenti jkomplu jippruvaw jilħqu ftehim dwar din il-kwistjoni skont il-Protokoll ta' Montreal bla ħsara għall-ambitu tal-UNFCCC;

8.

Filwaqt li jqis l-użu abużiv identifikat reċentement fir-rigward tal-krediti HFC-23 permezz tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM), iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja mezzi biex tippromwovi tnaqqis immedjat fil-livell internazzjonali permezz tal-Protokoll ta’ Montreal, li kien suċċess, minflok bl-użu tal-mekkaniżmi flessibbli fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto;

9.

Iħeġġeġ biex ikun hemm azzjoni immedjata għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed bħala metodu ta’ azzjoni rapida biex jitwaqqaf it-tidwib tas-silġ glaċjali, billi tingħata prijorità għall-emissjonijiet li jaffettwaw ir-reġjuni tal-borra u tas-silġ, inkluż l-Artiku, il-Groenlandja u l-glaċieri tar-reġjun tal-Himilaya-Tibet;

10.

Jistieden lill-UE tippromwovi t-teknoloġiji eżistenti li jnaqqsu drastikament l-emissjonijiet tal-karbonju iswed; ikompli jħeġġeġ l-adozzjoni ta' regolamenti li jipprojbixxu l-prattika tal-qtugħ u l-ħruq tal-foresti u li jinfurzaw testijiet regolari u stretti dwar l-emissjonijiet tal-vetturi;

11.

Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni globali rigoruża tar-regolamenti dwar it-tniġġis tal-arja u tat-teknoloġiji disponibbli, li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tan-NOx u tal-CO, biex b’hekk jitnaqqas l-ożonu troposferiku antropoġeniku, li huwa gass b’effett ta’ serra sinifikanti;

12

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea tgħarraf lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe azzjoni li tieħu f’din id-direzzjoni u sabiex tagħmel tajjeb għaż-żmien mitluf billi tintroduċi minnufih dawn l-alternattivi politiċi fil-proċess leġiżlattiv;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 67 E, 8.3.2010, p. 44.

(2)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 25.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0442.


Top