Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0365

    Is-sajd fil-Baħar l-Iswed Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 13 ta' Settembru 2011 dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed (2010/2113(INI))

    ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 37–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 51/37


    It-Tlieta 13 ta’ Settembru 2011
    Is-sajd fil-Baħar l-Iswed

    P7_TA(2011)0365

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-13 ta' Settembru 2011 dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed (2010/2113(INI))

    2013/C 51 E/05

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 intitolata "Il-politika marittima integrata – evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda" (4),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1256/2010 tas-17 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2011 (5),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa (6),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (7),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Politika Marittima Integrata għall-UE" (COM(2007)0575),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1992 dwar il-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-tniġġis (Il-Konvenzjoni ta' Bukarest) u l-protokolli tagħha,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-1993 dwar il-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed (Id-Dikjarazzjoni ta' Odessa),

    wara li kkunsidra l-analiżi dijanjostika transkonfinali tal-Baħar l-Iswed tal-2007 (8),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-istat tal-ambjent tal-Baħar l-Iswed rigward il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-Tniġġis,

    wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni strateġiku tal-Kummissjoni tal-2009 għall-protezzjoni ambjentali u r-riabilitazzjoni tal-Baħar l-Iswed rigward il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-Tniġġis,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-liġi tal-baħar,

    wara li kkunsidra l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar ta' stokkijiet ta' ħut transżonali u stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna,

    wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar,

    wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO tal-1995 għal sajd responsabbli,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1992 dwar id-diversità bijoloġika,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kummerċ internazzjonali ta' speċijiet fil-periklu,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-artijiet mistagħdra ta' importanza internazzjonali partikolarment bħala ħabitats tal-għasafar tal-ilma (Il-Konvenzjoni ta' Ramsar),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi (Il-Konvenzjoni ta' Bonn),

    wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-konservazzjoni taċ-ċetaċji tal-Baħar l-Iswed, tal-Baħar Mediterran u taż-żona Atlantika kontigwa (ACCOBAMS),

    wara li kkunsidra l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1995 dwar l-istokkijiet tal-ħut,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 intitolat "It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-Baħar l-Iswed" tat-tnejn u tletin sessjoni tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM),

    wara li kkunsidra l-istudju reġjonali tal-2009 tal-GFCM dwar tonn żgħir fil-Mediterran, inkluż il-Baħar l-Iswed,

    wara li kkunsidra l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 (Id-Dikjarazzjoni ta' Praga),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0236/2011),

    A.

    billi d-dibattitu dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fl-UE għadu għaddej, u billi għandu jqis l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet ta' dan il-baħar, għaliex din se tkun l-ewwel riforma tal-PKS li tinkorpora l-Baħar l-Iswed,

    B.

    billi sal-lum kien hemm ftit wisq kollaborazzjoni u kooperazzjoni, jekk mhux saħansitra ineżistenti, nuqqas ta' qafas leġiżlattiv konkret u armonizzat u nuqqas ta' att leġiżlattiv komuni li jirregola l-attivitajiet tas-sajd bejn l-istati tal-Baħar l-Iswed, minħabba l-fatt li l-ilmijiet kollha jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' stati kostali differenti, kif ukoll minħabba n-nuqqas ġenerali ta' riċerka xierqa u sistematika u ta' informazzjoni xjentifika dwar il-baċin tal-Baħar l-Iswed,

    C.

    billi l-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed hija diffiċli ferm, għaliex tnejn biss mis-sitt pajjiżi madwar il-baċin huma Stati Membri tal-UE, u anke dawk it-tnejn huma Stati Membri ġodda li ilhom biss membri tal-UE mill-2007,

    D.

    billi l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' politika komuni għas-sitt pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed għandu jkun eżaminat minn perspettiva fit-tul biex, fost affarijiet oħra, jiġi ggarantit il-ħarsien tal-ambjent u jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali taż-żoni littorali,

    E.

    billi dan il-mekkaniżmu ġdid ta' politika komuni għall-Baħar l-Iswed għandu jkollu l-għan li jħares u jtejjeb il-bijodiversità u l-prosperità tan-nies li jaħdmu fis-settur tas-sajd fl-inħawi, li huma wħud mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea,

    F.

    billi l-Baħar l-Iswed għandu jieħu postu kif xieraq fost iż-żoni tal-baħar ewlenin tal-Ewropa, ladarba huwa l-aktar żagħżugħ u l-aktar dinamiku tal-ibħra semi-magħluqa,

    G.

    billi l-Baħar l-Iswed għandu jieħu postu fil-PKS riformata u fil-Politika Marittima Integrata, u billi l-ħtiġijiet tas-sajjieda, u tal-industriji tas-sajd, tal-produzzjoni u tal-ipproċessar, għandhom jitqiesu b'mod xieraq fil-qafas finanzjarju ġdid tal-Fond Ewropew għas-Sajd wara l-2013,

    H.

    billi r-rapport attwali jista' jitqies mhux biss bħala linja gwida għar-riforma tal-PKS, iżda jista' jsir ukoll parti minn politika futura tal-UE dwar il-kollaborazzjoni mas-sħab tagħha tal-Lvant biex jiġi mmassimizzat l-użu tal-Komunikazzjoni eżistenti tal-Kummissjoni dwar Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (COM(2007)0160) sabiex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li fiha s-sajd u l-iżvilupp tad-diversi setturi għandhom rwol sinifikanti,

    I.

    billi l-ġestjoni tas-sajd fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed tibbenefika b'mod sinifikanti minn kooperazzjoni xjentifika aktar ikkoordinata bejn l-istati littorali, kif ukoll minn politika koerenti għall-ħarsien u t-titjib tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut f'livell Ewropew,

    J.

    billi ħafna mill-ekosistemi tal-baħar inġenerali, u l-ekosistema tal-Baħar l-Iswed b'mod partikolari, huma milquta serjament minn bidliet dinamiċi marbuta mas-sajd, mat-tibdil fil-klima u t-tniġġis,

    K.

    billi l-popolazzjoni tal-'veined rapa whelk' (Rapana venosa) għandha impatt negattiv fuq il-Baħar l-Iswed, u hija theddida għall-bilanċ ekoloġiku tiegħu, billi teqred il-filtri naturali tal-ilma bħall-masklu l-blu (Mythilus galloprovincialis) u l-'istriped white venus' (Chamelea gallina),

    L.

    billi l-biċċa l-kbira tal-bastimenti tas-sajd użati fil-Baħar l-Iswed minn sajjieda tal-UE huma anqas minn 12-il metru twal, u għalhekk għandhom impatt limitat fuq l-ambjent tal-Baħar l-Iswed, madankollu, għandhom jirrispettaw l-isforzi li qed isiru biex jinkiseb sajd sostenibbli u jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom f'dan ir-rigward,

    M.

    billi s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat fil-Baħar l-Iswed għandu jiġi ttrattat minnufih,

    N.

    billi n-nuqqas ta' ftehim komuni bejn is-sitt pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed jista' jiġi rimedjat bi ftehim qafas innegozjat, pereżempju, abbażi ta' komunikazzjoni mill-Kummissjoni, li fiha jiġu mfissra u kkunsidrati l-interessi tal-partijiet kollha,

    O.

    billi parti kbira mill-problemi tal-Baħar l-Iswed hija r-riżultat tan-nuqqas ta' struttura istituzzjonali xierqa li tikkoordina u twettaq il-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed f'livell professjonali u speċjalizzat; billi ilhom għaddejjin negozjati bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni tal-politika tas-sajd għal dawn l-aħħar għaxar snin dwar il-ħolqien ta' tali struttura istituzzjonali, kif ukoll dwar il-forma u r-responsabbiltajiet tagħha, u billi dawn in-negozjati għadhom ma rnexxewx; billi, għal din ir-raġuni, ma ttiħdux miżuri xierqa biex jiġu kkontrollati l-qabdiet u, b'mod partikolari, is-sajd transkonfinali,

    P.

    billi, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), li l-mandat tagħha jkopri ż-żona tal-Baħar l-Iswed, s’issa ma tissodisfax daqs kemm huwa possibbli l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-partijiet interessati, partikolarment tas-sajjieda, u għandha tagħmel użu mill-għodod kollha disponibbli f’dan il-qasam,

    Q.

    billi l-Baħar l-Iswed huwa differenti ħafna mill-Mediterran fir-rigward tal-istokkijiet ta' ħut, il-livelli ta' tniġġis, il-varjetà tal-ispeċijiet, l-ispeċijiet dominanti, il-bijomassa komuni u l-produttività tiegħu,

    R.

    billi f'Jannar 2011 il-Parlament Ewropew adotta rapport dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (9), li jenfasizza wkoll il-ħtieġa tal-applikazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali għas-sajd, kif ukoll il-ħolqien ta' korp reġjonali indipendenti għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed,

    Ġenerali

    1.

    Jiġbed l-attenzjoni li għandu jitwaqqaf settur tas-sajd vijabbli, stabbli u sostenibbli f'livell Ewropew u li, b'mod aktar speċifiku, il-Baħar l-Iswed jeħtieġ politika speċjali biex tinżamm u tittejjeb is-sitwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u biex jiġi żgurat li s-settur tas-sajd ikun adattat għall-baċin tal-Baħar l-Iswed, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll il-fatt li l-politika dwar is-sajd fil-Baħar l-Iswed għandha tkun parti integrali mir-riforma li jmiss tal-PKS;

    2.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' riċerka xjentifika u analitika iktar eżatta u kkoordinata f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew biex jitħarsu u jittejbu r-riżorsi u l-ekosistemi tas-sajd fil-baċin tal-Baħar l-Iswed;

    3.

    Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi djalogu aktar solidu u strutturat mal-Istati madwar il-Baħar l-Iswed li mhumiex membri tal-UE, u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha sakemm jintlaħaq ftehim dwar qafas komuni aktar strutturat li jkopri l-baċin kollu tal-Baħar l-Iswed u li jsegwi approċċ reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd fir-reġjun;

    4.

    Huwa tal-fehma li d-deċiżjonijiet u l-politiki kollha marbuta mal-Baħar l-Iswed għandhom ikunu bbażati fuq dejta xjentifika soda u jitlob il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha għal dan il-għan;

    5.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' analiżi xjentifika kontinwa tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut u ta' sistema stabbli u fuq perjodu twil ta' żmien ta' osservazzjoni tas-sajd, u jinnota li jeħtieġ li l-Istati littorali kollha tal-Baħar l-Iswed jieħdu sehem f'din l-analiżi;

    6.

    Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-mezzi diplomatiċi u finanzjarji kollha disponibbli biex ikunu jistgħu jinkisbu riżultati konkreti rigward sajd sostenibbli u li jirnexxi, fl-interess tal-UE, filwaqt li jintużaw bl-aħjar mod l-Assemblea Parlamentari Euronest u l-Inizjattiva dwar is-Sħubija tal-Lvant, meta jitqies ir-rwol kruċjali tal-ġirien l-aktar qrib tal-UE;

    7.

    Jappella għal sistema msaħħa ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd, li tikkontribwixxi għal esplojtazzjoni fit-tul u sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat b’mod aktar effikaċi;

    8.

    Jappoġġja r-rwol internazzjonali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u jappella sabiex ikun hemm kontribut aktar attiv u kooperazzjoni aktar effikaċi fil-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza taż-żona tal-Baħar l-Iswed;

    9.

    Huwa tal-fehma li t-tekniki tas-sajd għall-ispeċijiet demersali għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u f'ċertu dettall sabiex jiġu identifikati dawk li ma jagħmlux ħsara jew dawk li jagħmlu l-anqas ħsara lil qiegħ il-baħar; jenfasizza li l-użu xieraq tat-tekniki tas-sajd għall-istokkijiet demersali huwa ta' importanza kbira fil-prevenzjoni ta' popolazzjonijiet eċċessivi ta' ‧veined rapa whelk‧ (Rapana venosa), li jheddu l-filtru naturali li huwa l-masklu l-blu (Mythilus galloprovincialis), l-'istriped venus clam' (Chamelea gallina), kif ukoll il-popolazzjonijiet tal-gajdra ċatta (Ostrea edulis) u ħafna frott tal-baħar ieħor;

    10.

    Huwa tal-fehma li l-Baħar l-Iswed għandu jkollu status xieraq fil-politiki Komunitarji, u għal dan il-għan għandhom isiru sforzi diplomatiċi u xjentifiċi xierqa u għandhom isiru disponibbli riżorsi finanzjarji xierqa għal sajd sostenibbli fil-baċin; jemmen li r-riżorsi baġitarji tal-UE għandhom ikunu flessibbli, aċċessibbli u trasparenti, biex l-UE tkun tista' tiżgura s-sostenibbiltà tas-sajd fil-Baħar l-Iswed;

    11.

    Jenfasizza li d-djalogu bejn il-partijiet interessati huwa l-bażi għall-promozzjoni b'suċċess tal-Politika Marittima Integrata fiż-żona tal-Baħar l-Iswed; jinnota li l-Politika Marittima Integrata għandha tiffaċilita wkoll l-istabbiliment ta' rabta bla kunflitti u bla inkwiet bejn is-setturi marittimi, filwaqt li jitqies l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali;

    12.

    Jenfasizza r-rwol importanti tal-kooperazzjoni bilaterali u tal-ftehimiet internazzjonali, billi l-biċċa l-kbira tal-istati tal-Baħar l-Iswed mhumiex membri tal-UE u għalhekk mhumiex obbligati jirrispettaw il-liġi Komunitarja;

    13.

    Jemmen li l-istati kollha tal-Baħar l-Iswed, speċjalment dawk li huma Stati Membri tal-UE jew pajjiżi kandidati, għandhom jirrispettaw il-liġi internazzjonali u tal-UE li tapplika għall-attivitajiet tas-sajd, li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi s-sostenibbiltà mhux biss tal-istokkijiet tal-ħut, iżda anke tas-settur tas-sajd;

    14.

    Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi aktar l-iżviupp taż-żoni kostali billi jiġi żviluppat sajd sostenibbli, li huwa partikolarment importanti għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, minħabba r-rati għoljin ta' qgħad;

    Kunsiderazzjonijiet speċifiċi

    15.

    Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bl-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi gruppi ta' ħidma fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd mat-Turkija u mal-Federazzjoni Russa, li jipprovdu l-bażi għal aktar dibattitu dwar il-kooperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha u d-djalogu mal-pajjiżi kollha madwar il-Baħar l-Iswed; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tal-organizzazzjonijiet eżistenti, kif ukoll tal-għodod rilevanti, sabiex isir progress lejn koordinazzjoni aħjar tal-politiki; huwa tal-fehma, sadattant, li Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) indipendenti għall-Baħar l-Iswed tista', fuq perjodu twil ta' żmien, tħeġġeġ u tippromwovi l-komunikazzjoni bejn istituti xjentifiċi u organizzazzjonijiet professjonali tas-sajjieda, tal-produtturi u ta' min jipproċessa bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet għat-tilwim u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-Baħar l-Iswed; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni taħdem mal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed f'livell bilaterali, filwaqt li tqis li ħafna minnhom mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea;

    16.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat fuq perjodu twil ta' żmien il-ħolqien ta' RFMO, li tikkoordina r-riċerka xjentifika, tanalizza s-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u twettaq politiki speċjali rigward l-osservazzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu; jinnota li din l-organizzazzjoni tista' wkoll tressaq proposti rigward il-livell tal-pjanijiet ta' ġestjoni multiannawali tas-sajd u tqassam il-kwoti għall-pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed;

    17.

    Iħeġġeġ lill-UE tuża r-riżorsi diplomatiċi tagħha biex tikkonvinċi lil kemm jista' jkun pajjiżi littorali tal-Baħar l-Iswed li mhumiex membri tal-UE dwar il-valur tal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-applikazzjoni tal-pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali;

    18.

    Jemmen li għodda tal-UE għandha tintuża f'attivitajiet xjentifiċi bħala strument li jħeġġeġ u jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta bejn it-timijiet xjentifiċi Ewropej u l-kontropartijiet tagħhom mill-Ukraina, il-Federazzjoni Russa, il-Ġeorġja u t-Turkija;

    19.

    Jemmen li l-attivitajiet tal-UE marbuta mas-sajd fil-Baħar l-Iswed, partikolarment il-Politika Marittima Integrata, għandhom jiffukaw l-aktar fuq is-sajd fuq skala żgħira, li huwa kruċjali għar-reġjun u għall-istatus ekonomiku taż-żoni kostali;

    20.

    Jenfasizza li l-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE għandha tinkuraġġixxi l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tas-sajjieda professjonali u ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali fl-industriji tas-sajd u tal-akkwakultura fil-Baħar l-Iswed fejn dawn ma jkunux jeżistu jew ikunu sottożviluppati ferm;

    21.

    Jemmen li l-prinċipji tal-Qabdiet Totali Permissibbli u l-kwoti annwali applikati attwalment m'għandhomx ikunu l-unika għażla għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed; jemmen li għandhom jiġu mħeġġa pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali li jistgħu jipprovdu aktar ċarezza rigward l-objettivi tal-UE fil-qasam tas-sajd fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u rigward il-viżjoni tagħha għall-futur tal-baċin;

    22.

    Jenfasizza li għandu jkun hemm approċċ komuni, koordinat u fuq perjodu twil ta' żmien mill-partijiet interessati kollha fir-reġjun bl-għan li l-partijiet kollha fil-Baħar l-Iswed jiksbu sajd sostenibbli, u għaldaqstant jilqa' l-iskambju tal-prassi tajba bejn il-partijiet interessati involuti;

    23.

    Jenfasizza l-importanza ta' ġestjoni tas-sajd li tippermetti l-vijabbiltà u s-sostenibbiltà tal-ekosistemi, l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd legali u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat; jitlob li jitwaqqaf Gwardjan tax-xtut Ewropew bl-għan li tiġi żviluppata b’mod effikaċi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tissaħħaħ is-sikurezza marittima u biex jiġu miġġielda t-theddidiet moderni fil-baħar, partikolarment fil-Baħar l-Iswed;

    24.

    Jemmen li l-pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali huma ta' interess kbir ferm kemm għas-sitwazzjoni ekonomika tas-settur tas-sajd kif ukoll għas-sitwazzjoni ambjentali tal-ekosistemi tal-Baħar l-Iswed; jemmen li l-approċċ ta' pjan ta' ġestjoni multiannwali għandu jkun akkumpanjat minn kontroll effikaċi tal-qabdiet;

    25.

    Jenfasizza l-ħtieġa li titħeġġeġ ir-riċerka xjentifika dwar kwistjonijiet rigward il-Baħar l-Iswed, sabiex id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet responsabbli Ewropej, reġjonali u nazzjonali jkunu jistgħu jqisu l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom; jemmen li jeħtieġ li ssir riċerka dettaljata u koordinata sabiex tingħata tweġiba ċara u bla ekwivoċi għall-mistoqsijiet rigward il-ġestjoni tas-sajd u l-impatt li jista' jkollhom metodi ta' sajd (i.e. is-sajd li jsir bit-tkarkir mal-qiegħ), billi fin-nuqqas ta' studji dwar l-effetti tagħhom ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet serji; huwa tal-fehma li programmi u proġetti ta' riċerka fil-qasam tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, bħal SESAME, KNOWSEAS, WISER u BlackSeaFish, għandhom jitħeġġu aktar;

    *

    * *

    26.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Ukraina, il-Federazzjoni Russa, il-Ġeorġja u t-Turkija.


    (1)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 37.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0025.

    (3)  ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 15.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0386.

    (5)  ĠU L 343, 29.12.2010, p. 2.

    (6)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 50.

    (7)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

    (8)  http://www.grid.unep.ch/bsein/tda/main.htm.

    (9)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew hawn fuq msemmija tal-20 ta' Jannar 2011.


    Top